Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta' Marzu 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - Ir-Renju Unit) - Football Dataco Ltd et vs Yahoo UK Limited et

(C-604/10) 

(Direttiva 96/9/KE - Protezzjoni legali ta' databases - Drittijiet tal-awtur - Kalendarji tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Football Dataco Ltd, Football Association Premier League Ltd, Football League Limited, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League, PA Sport UK Ltd

Konvenuti: Yahoo UK Limited, Stan James (Abingdon) Limited, Stan James PLC, Enetpulse APS

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Court of Appeal ir-Renju Unit - Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459) - Kunċett ta' "databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta' l-awtur innifsu" - Katalogi informatiċi ta' logħob tal-futbol ipprogrammati għall-istaġun futur

Dispożittiv

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases għandu jiġi interpretat fis-sens li "database", skont l-Artikolu 1(2) ta' din id-direttiva, hija protetta permezz tad-drittijiet tal-awtur previsti f'din tal-aħħar bil-kundizzjoni li l-għażla jew l-arranġament tad-data li hija tinkludi tikkostitwixxi espressjoni oriġinali tal-libertà kreattiva tal-awtur tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Għaldaqstant:

-    l-isforzi intellettwali u l-ħila għall-ħolqien tal-imsemmija data ma humiex rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tal-imsemmija database għall-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt;

-    huwa indifferenti, għal dan l-għan, jekk l-għażla jew l-arranġament ta' din id-data tinkludix jew le żieda sinjifikattiva għaliha; u

-    ix-xogħol u l-ħila sinjifikattiva meħtieġa għall-ħolqien ta' din id-database ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw tali protezzjoni jekk dawn ma jesprimu l-ebda oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tad-data li l-imsemmija database tinkludi.

Id-Direttvia 96/9 għandha tiġi interpretata fis-sens li, bla ħsara għad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 14(2) tagħha, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil databases li jaqgħu taħt id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2) tagħha protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur b'kundizzjonijiet differenti mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tagħha.

____________

1 - ĠU C 89, 19.03.2011