Language of document : ECLI:EU:T:2011:687

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

23 ta’ Novembru 2011 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Annullament ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑341/07,

Jose Maria Sison, residenti f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn J. Fermon, A. Comte, H. Schultz, D. Gürses u W. Kaleck, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, E. Finnegan u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, M. de Mol, Y. de Vries, M. Noort, J. Langer u M. Bulterman, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi Spencer u I. Rao, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn P. Aalto u S. Boelaert, sussegwentement minn S. Boelaert u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

intervenjenti,

li attwalment għandha bħala suġġett, insegwitu għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il‑Kunsill (T‑341/07, Ġabra p. II‑3625), talba għad-danni, li essenzjalment tirrigwarda kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrent minħabba l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse, M. Prek, J. Schwarcz u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Għal espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża preżenti, isir riferiment, minn naħa, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill (T‑47/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sison I”) u, min-naħa l-oħra, is-sentenza interlokutorja tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill (T‑341/07, Ġabra p. II‑3625, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sison II”).

 Il-proċedura

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Settembru 2007, ir‑rikorrent ippreżenta dan ir‑rikors. Huwa kellu bħala suġġett inizjali, minn naħa, talba għal annullament parzjali tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2007, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d‑Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE (ĠU L 169, p. 58) taħt l‑Artikolu 230 KE u, min‑naħa l-oħra, talba għad‑danni taħt l‑Artikoli 235 KE u 288 KE.

3        Fit-13 ta’ Novembru 2007, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet permezz tal-proċedura mħaffa, dwar ir-rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE. Fuq talba tal-partijiet, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-istess ġurnata, issospenda l-proċeduri fir-rigward tar-rikors għad-danni taħt l-Artikoli 235 u 288 KE, sakemm tingħata s-sentenza fuq ir-rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE.

4        Permezz tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali annullat il-miżuri restrittivi speċifiċi kollha (iffriżar ta’ fondi) adottati kontra r-rikorrent minn meta ġie ppreżentat ir-rikors, jiġifieri d-Deċiżjoni 2007/445, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE (ĠU L 340, p. 100), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/343/KE, tad-29 ta’ April 2008, li temenda d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 116, p. 25), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 188, p. 21), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE, tas-26 ta’ Jannar 2009, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583 (ĠU L 23, p. 25), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009, tal-15 ta’ Ġunju 2009, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/62 (ĠU L 151, p. 14), sakemm dawn l-atti jirrigwardaw ir-rikorrent. Peress li din is-sentenza ma temmitx il-proċeduri, l-ispejjeż ġew irriżervati.

5        Wara li ngħatat is-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, il-proċedura kompliet, f’dak li jirrigwarda r-rikors għad-danni taħt l-Artikoli 235 KE u 288 KE.

6        Billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma kienx ippreżenta r-risposta tiegħu fit-terminu previst, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) stiednet lir-rikorrent jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-proċeduri skont l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

7        Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru fit-8 ta’ Frar 2010, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali taċċetta r-risposta tal-Kunsill, minkejja li din ġiet ippreżentata tard, sabiex il-proċedura ssib kors kontradittorju normali. Din it-talba ntlaqgħat fl-istess ġurnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) u minn dakinhar il-proċedura kompliet regolarment.

8        Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

9        Skont l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tat-Tieni Awla, is-seduta plenarja tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem it-Tieni Awla Estiża.

10      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet lill-partijiet u stednithom iwieġbuhom bil-miktub. Ħlief għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-partijiet issodisfaw din it-talba fiż-żmien mogħti.

11      Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, mhux irrappreżentat, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2011.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Komunità Ewropea, taħt l-Artikoli 235 KE u 288 KE, sabiex tħallsu danni ta’ ammont ta’ EUR 291 427.97, miżjuda b’EUR 200.87 kull xahar sa kemm tingħata s-sentenza, u interessi mix-xahar ta’ Ottubru 2002 sal-ħlas komplut;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

13      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għad-danni bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

14      Ir-rikorrent sostna, fl-atti tiegħu, li huwa kien intitolat li jitlob kumpens għad-dannu allegatament sostnut mill-miżuri kollha ta’ ffriżar tal-assi adottati mill-Kunsill minn Ottubru 2002, mingħajr ma ssir distinzjoni dwar jekk id-dannu kienx relatat mal-atti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, jew l-atti inkwistjoni f’din il-kawża.

15      Fir-rigward, b’mod partikolari tal-atti kkontestati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, ir-rikorrent sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li billi din is-sentenza kellha effett retroattiv, huwa kellu jitqiegħed fis-sitwazzjoni ġuridika li kien fiha qabel l-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, huwa ċar li l-illegalità li vvizzjat l-atti annullati mis-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, diġà kienet preżenti u bl-istess mod fl-atti kkontestati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, anki jekk, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali setgħet biss tipprovdi l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tar-rispett tal-garanziji proċedurali u għalhekk ma kinitx tista’ tissanzjona din l-illegalità (ara s-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punt 225).

16      Il-Kunsill, fl-atti tiegħu, ma kkontestax din l-interpretazzjoni tal-portata ta’ dan ir-rikors għad-danni.

17      Madankollu, fir-rigward tal-talba għal kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mill-atti kkontestati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali qieset ex officio il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tagħha. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-21 ta’ Frar 2011, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub dwar jekk l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, ma kinitx tipprekludi l-fatt li r-rikorrent jista’ jitlob mill-ġdid, taħt l-Artikoli 235 u 288 KE, il-kumpens għal dannu li jikkorrispondi għal dik it-talba għal kumpens fuq l-istess bażi li diġà kienet ġiet miċħuda permezz ta’ din is-sentenza (punt 243)

18      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrent sostna li l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, ma tipprekludihx milli jippreżenta rikors għad-danni hekk kif ifformulat fl-atti ta’ proċedura tiegħu. Huwa argumenta, essenzjalment, li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom kienu bbażati dawn ir-rikorsi ma kinux “effettivament jew neċessarjament deċiżi” mis-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq. Speċifikament, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx f’din is-sentenza, il-ħsara li tirriżulta mill-aġir tal-Kunsill sussegwenti għad-29 ta’ Mejju 2006, u lanqas il-ħsara li tirriżulta mill-“illegalità materjali” tal-azzjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, ċaħda ta’ dan ir-rikors għad-danni, ibbażata fuq l-eċċezzjoni ta’ res judicata, twassal fl-opinjoni tiegħu għal ksur tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv quddiem qorti imparzjali, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, proklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2010, C 83, p. 389).

19      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, rispettivament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 u fis-7 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn naħa, u l-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, wieġbu fl-affermattiv għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-awtorità ta’ res judicata, li tirrigwarda l-inammissibbiltà ta’ rikors bejn l-istess partijiet u fejn jirrigwarda l-istess suġġett u l-istess bażi bħal rikors li diġà ġie deċiż, tippreżenta l-inammissibbiltà ta’ proċeduri (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2003, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni T‑164/01, ĠabraSP p. I‑A‑67 u II‑367, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata) u għalhekk din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tista’, jew għandha, tiġi eżaminata ex officio mill-qorti. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità ta’ res judicata tirrigwarda biss il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 44, u tat-12 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑462/05, Ġabra p. I‑4183, punt 23, u tal-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-każ, jirriżulta minn paragun bejn id-danni differenti li għalihom intalab kumpens, taħt ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq (ara l-punt 228 ta’ din is-sentenza), u wħud mid-danni li għalihom intalab kumpens, taħt din l-istess responsabbiltà, fil-kuntest ta’ din il-kawża (ara r-rapport għas-seduta, punti 38, 41 u 49) li dawn parzjalment jikkoinċidu, ratione temporis, sa fejn huma jirrigwardaw il-perijodu bejn Ottubru 2002 u d-data li fiha ngħatat is-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrent innifsu sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li dawn id-danni kollha kienu kkawżati mill-illegalità li vvizzjat l-aġir tal-Kunsill (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

22      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li fis-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ma qisitx ruħha f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-kundizzjoni dwar l-aġir illegali kkontestat lill-Kunsill kinitx sodisfatta, u b’mod partikolari jekk il-Kunsill kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċida li jiffriża l-assi tar-rikorrent fuq il-bażi tal-evidenza li kien jiddisponi minnha jew jekk kienx injora b’mod manifest u serju l-limiti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu (sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punt 242), ikkunsidrat li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda fi kwalunkwe każ, peress li la r-realtà u lanqas il-portata tad-danni allegati, hekk kif huma elenkati taħt fil-punt 228 ta’ din is-sentenza, u lanqas l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dawn id-danni u l-illegalitajiet invokati insostenn ta’ din it-talba, ma kienu ġew stabbiliti biżżejjed fid-dritt (sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punti 243 u 251).

23      Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ prova tar-realtà u tal-portata tad-dannu allegat kif ukoll tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalitajiet invokati ma jistgħux jiġu deskritti bħala “inċidentali” jew “bla bżonn” fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrent b’mod żbaljat sostna li ma kienx ikun intitolat li jappella kontra ċ-ċaħda tar-rikors tiegħu għad-danni motivat minn dawn l-istess kunsiderazzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jikkostitwixxi prinċipju ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, li l-applikazzjoni f’dan il-każ bl-ebda mod ma titqies kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

24      Minn dan isegwi li, għall-perijodu minn Ottubru 2002 sad-data tas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, il-11 ta’ Lulju 2007, l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ dawn is-sentenzi tipprekludi li r-rikorrent jista’ japplika mill-ġdid, skont l-Artikoli 235 u 288 KE, għall-kumpens għal dannu li jikkorrispondi għal dak li t-talba għal kumpens fuq l-istess bażi diġà kienet ġiet miċħuda permezz ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il‑Kummissjoni, C‑277/95 P, Ġabra p. I‑6109, punti 52 sa 54, u tad-9 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C 440/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 52 u 53; is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 193, u tal-15 ta’ Ottubru 2008, Camar vs Il‑Kummissjoni, T‑457/04 u T‑223/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 79).

25      Dan ir-rikors għad-danni għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-atti kkontestati fil-kawża li tat-lok għas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżistenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u fuq il-portata tas-sentenza Sison II

26      Ir-rikorrent iqis li t-tliet kundizzjonijiet ta’ eżistenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità stabbiliti fl-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE huma sodisfatti f’din il-kawża. Huwa fil-fatt iqis li l-illegalità li tivvizzja l-atti kkontestati f’din il-kawża jikkonsistu fi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt intiża biex tagħti drittijiet lill-individwi u li tikkawża b’mod suffiċjentement dirett dannu serju, li huwa jiddeskrivi f’erba’ kategoriji ta’ danni, minbarra l-interessi.

27      Il-Kunsill jikkunsidra li l-ebda mit-tliet kundizzjonijiet sabiex il-Komunità tinżamm responsabbli ma huma sodisfatti fil-kawża preżenti.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, biex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali min-naħa tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, Ġabra p. II‑2237, punt 113, u Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punt 232).

29      In-natura kumulattiva ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet timplika li, meta waħda minn fosthom ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il‑Kummissjoni, C‑122/01 P, Ġabra p. I‑4261, punt 30; sentenzi Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 120, u Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punt 233).

30      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kunsill hijiex sodisfatta.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku – bħall-illegalità tal-atti kkontestati f’dan il-każ fir-rigward tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207) u tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18 Vol. 1, p. 217) – tkun kemm tkun ċensurabbli din l-illegalità, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità li tikkonċerna l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet hija sodisfatta [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, Ġabra p. I‑2941, punt 47, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Dole Fresh Fruit International vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑56/00, Ġabra p. II‑577, punti 72 sa 75, u tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il‑Kummissjoni, T‑212/03, Ġabra p. II‑1967, punti 43 u 85].

32      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ir-rikors għad-danni huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fis-sistema ta’ rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju kkonċepiti fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, Ġabra p. 3211, punt 4; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn Import‑Export vs Il‑Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, punt 32). Filwaqt li r-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni huma intiżi sabiex jippenalizzaw l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti jew in-nuqqas ta’ tali att, ir-rikors għad-danni għandu bħala għan it-talba għal kumpens għal dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illegali attribwibbli lil istituzzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Pitsiorlas vs Il‑Kunsill u Il‑BĊE, T‑3/00 u T‑337/04, Ġabra p. II‑4779, punt 283). Għalhekk, ir-rikors għal kumpens ma huwiex intiż sabiex jiżgura kumpens għad-dannu kkawżat minn kull illegalità (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, Ġabra p. II‑491, punt 51).

33      Biex jiġi aċċettat li ġiet sodisfatta l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt “li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi” [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42, u Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 47; sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punt 234] jew skont formulazzjoni preċedenti, ta’ regola ta’ dritt “li tipproteġi lill-individwi” (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il‑Kummissjoni, C‑282/90, Ġabra p. I‑1937, punt 19, u tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, C‑390/95 P, Ġabra p. I‑769, punti 58 u 59), jew ta’ regola ta’ dritt “li għandha bħala għan li tipproteġi lill-individwi” (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2002, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑332/00 u T‑350/00, Ġabra p. II‑4755, punt 222, u tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il‑Kunsill, T‑4/01, Ġabra p. II‑171, punt 60). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat dawn it-tliet espressjonijiet bħala sempliċi varjanti tal-istess kunċett ġuridiku, li huwa espress fil-kumplament ta’ din is-sentenza bħala “li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi”.

34      Dan ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju, fis-sens tas-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, huwa intiż, tkun liema tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-impriżi kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 125, u MyTravel vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 42, u Artegodan vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 55).

35      Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha [sentenzi Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 43, u Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 47; is-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punt 235]. Għalhekk, huwa determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk ninsabux quddiem tali ksur, il-marġni ta’ diskrezzjoni li tiddisponi minnu l-istituzzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, Ġabra p. I‑6357, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, jirriżulta mill-kriterji derivanti mill-ġurisprudenza li, meta l-istituzzjoni kkonċernata jkollha biss marġni diskrezzjonali kunsiderevolment ridott, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 44; tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, Ġabra p. I‑6413, punt 160; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II‑1975, punt 134).

36      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, in-nuqqas ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala wieħed suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju (sentenza Artegodan vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 59).

37      Fil-fatt, minkejja li tippreżenta natura determinanti, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix kriterju esklużiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti li s-sistema li hija użat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE tieħu, barra minn hekk, b’mod partikolari, inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu solvuti u d-diffikultajiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tat-testi [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 40; Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, punt 35 iktar ’il fuq, punt 52; Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, punt 35 iktar ’il fuq, punt 62; Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 50; u Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, punt 35 iktar ’il fuq, punt 116; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali MyTravel vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 38].

38      B’mod partikolari, quddiem marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni ridott [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, T‑28/03, Ġabra p. II‑1357, punt 100], jew kunsiderevolment ridotta, jew saħansitra ineżistenti (sentenza Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, punt 35 iktar ’il fuq, punt 166), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-fondatezza tal-eżami tal-Qorti Ġenerali tal-komplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu solvuti sabiex jiġi evalwat jekk il-ksur tad-dritt Komunitarju allegat kienx suffiċjentement serju [sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 51, u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, punt 35 iktar ’il fuq, punt 160].

39      Minn dan jirriżulta li hija l-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx twettaq, f’ċirkustanzi simili amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti biss li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità (sentenza Artegodan vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 62).

40      Għaldaqstant hija l-qorti tal-Unjoni, qabel kollox wara li tiddetermina jekk l-istituzzjoni kkonċernata kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni, li għandha sussegwentement tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 138 u 149, u tas-26 ta’ Jannar 2006, Medici Grimm vs Il‑Kunsill, T‑364/03, Ġabra p. II‑79, punti 79 u 87; ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt Komunitarju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punti 41 sa 43). Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt Komunitarju huwa manifestament gravi meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, sentenza preliminari jew ġurisprudenza stabbilita sewwa fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, ir-rikorrent jinvoka, minn naħa, ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u min-naħa l-oħra, ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u d-dritt għar-rispett tal-assi tiegħu.

42      Il-Kunsill isostni, minn naħa, li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ma humiex regoli ta’ dritt li jagħtu drittijiet lill-individwi u li fi kwalunkwe każ, il-ksur tagħhom ma huwiex serju biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża. Huwa jargumenta, min-naħa l-oħra, li l-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent ma huwiex stabbilit biżżejjed bil-liġi.

43      Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 intlaqa’ mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq (punti 122 u 138). Dan il-ksur għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala fatt, hekk kif ammess mill-partijiet. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punt 71) u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti (sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punti 89 u 122). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fis-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u tad-drittijiet fundamentali (sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punti 123 u 138).

44      L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-kriterji derivanti mill-ġurisprudenza esposti iktar ’il fuq, jekk billi l-Kunsill mar kontra l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kisirx b’mod suffiċjentement serju regoli li għandhom bħala għan li jagħtu drittijiet lill-individwi. Insegwitu, hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent huwiex stabbilit, u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk dan il-ksur huwiex serju biżżejjed.

 Fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tal-Komunità bi ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

45      Minħabba l-argumenti tal-Kunsill, huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx l-għan li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi, skont il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, hekk kif sostnut mir-rikorrent.

46      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punti 110 u 111) ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni rilevanti għall-kawża. Din is-sentenza tikkonċerna rikors għal annullament u l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma espremiet ruħha dwar il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni kinux intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi.

47      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni hija sodisfatta ladarba r-regola ta’ dritt miksura, filwaqt li essenzjalment tikkonċerna interessi ta’ natura ġenerali, tiżgura wkoll il-protezzjoni tal-interessi individwali tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il‑Kummissjoni, 5/66, 7/66 u 13/66 sa 24/66, Ġabra p. 317, 340; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2002, Lamberts vs Ombudsman, T‑209/00, Ġabra p. II‑2203, punt 87, u Artegodan vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 72).

48      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, li jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, magħrufa bħala “PMOI I” (T‑256/07, Ġabra p. II‑3019), id-dispożizzjonijiet inkwistjoni hawnhekk ma humiex maħsuba biex jiddemarkaw l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tal-Komunità u tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fuq żewġ livelli li jipprovdi l-proċedura għall-iffriżar tal-fondi stabbilit mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi jistabbilixxu liema deċiżjonijiet nazzjonali jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza PMOI I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 133).

49      Fil-fatt, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2580/2001, li għandu l-għan li jimplementa fuq livell Komunitarju, il-miżuri restrittivi speċifiċi diretti meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni, pjuttost jiddeskrivi l-kundizzjonijiet legali li taħthom dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu mill-Komunità, li l-kompetenza f’dan ir-rigward hija kkunsidrata bħala mogħtija (sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punti 91 et seq). Għalhekk dan ma jirrigwardax sempliċi regoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni jew li jirrigwardaw il-bażi legali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi invokati mill-Kunsill jew fil-kawża li tat lok għas-sentenza Artegodan vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq. Il-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn il-kawżi għalhekk ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

50      Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, hekk kif għamel ir-rikorrent, li dawn il-miżuri restrittivi li jikkonsistu fl-iffriżar tal-assi kollha tal-partijiet ikkonċernati, jikkostitwixxu ndħil mill-awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li huma s-suġġett tagħhom. Għalkemm il-kwistjoni dwar jekk din l-interferenza kienet iġġustifikata f’dan il-każ hija kwistjoni separata, li jekk ikun il-każ għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eżami tal-ksur allegat ta’ dawn id-drittijiet, il-fatt stess li tali ndħil huwa permissibbli biss taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mill-istrumenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali [ara, pereżempju, l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), għal dak li jirrigwarda d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata], iwassal għal ċerti konsegwenzi għall-istatus tar-regoli li jimplementaw dawn il-kundizzjonijiet.

51      Għalhekk, għalkemm ir-Regolament Nru 2580/2001, ikkunsidrat flimkien mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kellu essenzjalment bħala suġġett li jippermetti l-impożizzjoni mill-Kunsill ta’ ċerti restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-individwi, fil-kuntest u f’isem il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u ta’ din il-pożizzjoni komuni li jistabbilixxu, b’mod limitat, il-kundizzjonijiet li taħthom tali restrizzjonijiet huma permessi, bħal dawk tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni, essenzjalment huma intiżi, għall-kuntrarju, sabiex jipproteġu l-interessi individwali tal-individwi kkonċernati, billi jillimitaw il-każijiet ta’ applikazzjoni, il-portata jew l-intensità tal-miżuri restrittivi li għalihom dawn jistgħu jkunu imposti.

52      Tali dispożizzjonijiet jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi individwali ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u għalhekk dawn huma meqjusa bħala regoli tad-dritt intiżi biex jagħtu drittijiet lill-individwi, skont il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni, ma jkunux sodisfatti, l-individwu kkonċernat għandu fil-fatt id-dritt li ma jiġux imposti fuqu il-miżuri inkwistjoni. Tali dritt jimplika neċessarjament li l-individwu li għalih il-miżuri restrittivi huma imposti taħt kundizzjonijiet li ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni jista’ jitlob għal kumpens minħabba fil-ħsara kkawżata minn dawn il-miżuri, jekk ikun jidher li l-impożizzjoni tagħhom hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tar-regoli applikati mill-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenza MyTravel vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 48).

53      It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata ma’ ksur suffiċjentement serju ta’ dawn ir-regoli, qabel kollox trid tiġi ddeterminata l-portata tas-setgħa diskrezzjonali li kellu l-Kunsill f’dan il-każ.

54      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, għalkemm il-Kunsill jiddisponi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-addozzjoni tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE b’mod konformi ma’ pożizzjoni komuni adottata taħt il‑politika barranija u ta’ sigurtà komuni, b’mod partikolari dwar dak li jirrigwarda l‑kunsiderazzjonijiet ta’ kemm dawn il‑miżuri huma fondati (ara s-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punt 97, u l-ġurisprudenza ċċitata), min-naħa l-oħra, huwa marbut mal-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi lil persuna, grupp jew entità, hekk kif stabbiliti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara s-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Skont it-termini tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, il-Kunsill, billi jieħu deċiżjoni b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika dan ir-regolament, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-lista inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi stabbilita, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil-proċess li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet ikkonċernati, kemm fil-kuntest tal-bidu ta’ stħarriġ jew ta’ prosekuzzjoni għal att terroristiku, jew l-attentat li jitwettaq, jew il-parteċipazzjoni għal, jew l-iffaċilitar ta’ att bħal dan, ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli, kif ukoll fil-kuntest tal-kundanna għall-fatti bħal dawn. “Awtorità kompetenti” tfisser awtorità ġudizzjarja jew, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma humiex kompetenti fil-qasam, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet inklużi fil-lista għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid b’intervalli regolari, għall-inqas darba kull semestru, sabiex jiġi żgurat li ż-żamma tagħhom fil-lista tibqa’ ġustifikata, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

56      Fil-punt 93 tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fis-sentenzi preċedenti, kienet iddeduċiet minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-verifika tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tidher bħala kundizzjoni preliminari essenzjali għall-adozzjoni mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, filwaqt li l-verifika tal-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni fil-livell nazzjonali hija essenzjali fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi.

57      Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti Ġenerali li l-Kunsill ma għandu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jinfluwenzaw l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi fuq persuna, grupp jew entità, hekk kif iddefiniti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, humiex sodisfatti f’dan il-każ. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-verifika tal-eżistenza ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil-fajl li juru li deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kif iddefinita fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tkun ittieħdet fir-rigward tal-persuna kkonċernata u, iktar tard, il-verifika tal-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni fil-livell nazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata dwar il-kawżi li jikkonċernaw l-iffriżar ta’ fondi tal-Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran/People’s Mojahedin Organization of Iran).

58      Madankollu, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent, din is-sempliċi ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa suffiċjentement serju sabiex jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie mfakkar (ara l-punti 37 sa 39 iktar ’il fuq), hija l-qorti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kumplessità legali u fattwali tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta kif ukoll id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi.

59      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat ukoll li l-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament Nru 2580/2001 u mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ifittxu li jimplementaw fuq livell Komunitarju, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1373 (2001), tat-28 ta’ Settembru 2001, li tistabbilixxi l-istrateġiji għall-ġlieda bil-mezzi kollha kontra t-terroriżmu, u b’mod partikolari, kontra l-finanzjament tagħha (sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punti 4 sa 12).

60      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kuntest ta’ sistema Komunitarja oħra għall-miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika li wkoll jimplementaw ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill ta’ Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ġlieda b’kull mezz skont din il-karta, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali minħabba f’atti terroristiċi huwa għan ta’ interess pubbliku fundamentali għall-komunità internazzjonali, li fil-prinċipju jiġġustifika l-miżuri restrittivi, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, fir-rigward ta’ ċerti persuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja”, punti 361 sa 363). L-importanza fundamentali ta’ dan l-għan ta’ interess ġenerali u r-restrizzjonijiet partikolari imposti minħabba t-tiftix “b’kull mezz” mitlub mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati, fuq talba urġenti tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, huma wkoll fatturi li huwa importanti li jiġu kkunsidrati, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq.

61      F’dan il-każ, hija għalhekk il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-kumplessità legali u fattwali tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta, fil-każ partikolari tar-rikorrent, kif ukoll id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza tal-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti, sabiex jiġi stabbilit jekk l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Kunsill jikkostitwixxix illegalità li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti ma kinitx twettaq li kieku kienet issib ruħha f’ċirkustanzi analogi (ara l-punt 39 iktar ’il fuq).

62      F’dan il-kuntest, minkejja li l-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huwa stabbilit b’mod ċar (sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, punt 113), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet partikolari marbutin mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, f’dan il-każ, ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li d-diffikultajiet marbuta mal-interpretazzjoni litterali u sistematika tal-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl tas-sistema Komunitarja kollha ta’ ffriżar ta’ fondi u fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija, dawn jistgħu raġonevolment jispjegaw, fin-nuqqas ta’ ġurisprudenza preċedenti stabbilita f’dan il-qasam, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Kunsill fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, billi b’mod żbaljat ibbaża ruħu fuq is-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) tal-21 ta’ Frar 1995 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tar-Raad van State”) u fuq id-deċiżjoni tal-arrondissementsrechtbank te ‘s-Gravenhage (qorti tad-distrett ta’ Den Haag, iktar ’il quddiem ir-“rechtbank”), Sector Bestuurrecht, Rechtseenheidskamer Vreemdelingenzaken (taqsima tad-dritt amministrattiv, awla għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt, kawżi dwar il-barranin) tal-11 ta’ Settembru 1997 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tar-rechtbank”).

63      L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa partikolarment konfuż. Għaldaqstant, skont il-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, “awtorità kompetenti” għandha tfisser “awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam”. L-ebda definizzjoni ma hija mogħtija ta’ dak li tista’ tkun “awtorità kompetenti ekwivalenti” għal awtorità ġudizzjarja kompetenti fil-“qasam konċernat f’dan il-paragrafu”, jiġifieri dak tad-deċiżjonijiet b’mod partikolari ta’ bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni, relatati ma’ attività terrorista. Huwa diffiċli, barra minn hekk, li jiġi kkonċepit li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, ikkostitwit bħala stat ta’ dritt u membru ta’ unjoni ta’ dritt, ma għandhom “l-ebda ġurisdizzjoni” f’dan il-qasam. Bl-istess mod, la l-kunċett ta’ deċiżjoni “ta’ bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni” għal atti ta’ terroriżmu u lanqas dik ta’ deċiżjoni ta’ “kundanna għal atti bħal dawn” ma tista’ tinftiehem faċilment. Barra minn hekk, mhux speċifikat jekk l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tridx issir b’riferiment u rinviju għad-dritt nazzjonali jew jekk dawn għandhomx kontenut awtonomu fid-dritt tal-Unjoni, imbagħad ikun biss f’idejn l-imħallef tal-Unjoni li jiddeċiedi. F’każ jew ieħor, ma huwiex evidenti li verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-istess realtà nazzjonali sottostanti. Għalhekk, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, it-termini użati jistgħu jkunu dawk tad-dritt kriminali fis-sens strett, filwaqt li fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, l-interpretazzjoni tagħhom tista’ ssir f’kuntest strettament kriminali.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, li f’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-Kunsill ma hijiex affettwata bħala l-awtorità leġiżlattiva, awtur tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, iżda bħala awtorità amministrattiva responsabbli għall-implementazzjoni tagħhom.

65      Madankollu, id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li huma msemmija iktar ’il fuq iwasslu għal diffikultajiet kunsiderevoli fl-implementazzjoni tagħhom, li huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti Ġenerali dwar dan it-tip ta’ kawżi partikolari [ara, minbarra s-sentenzi Sison I u Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, magħrufa bħala “OMPI” (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665); tal-11 ta’ Lulju 2007, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, magħrufa bħala “Al‑Aqsa I” (T‑327/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra); PMOI I, punt 48 iktar ’il fuq; tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, magħrufa bħala “PMOI II” (T‑284/08, Ġabra p. II‑3487, appellata fil-Kawża C‑27/09 P); tat-2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il‑Kunsill (T‑37/07 u T‑323/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra); tad-9 ta’ Settembru 2010, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, magħrufa bħala “Al‑Aqsa II” (T‑348/07, Ġabra p. II‑4575), u tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il‑Kunsill (T‑49/07, Ġabra p. II‑5555)]. Huwa biss permezz tal-eżami ta’ xi għaxar każijiet, fuq numru ta’ snin, li l-Qorti Ġenerali gradwalment żviluppat interpretazzjoni razzjonali u koerenti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Dan il-proċess ta’ żvilupp gradwali tal-ġurisprudenza huwa partikolarment notevoli fil-punti 91 et seq tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, li jwettaq sommarju tas-sentenzi preċedenti f’dan il-qasam.

66      B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma tat l-ebda indikazzjoni fis-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, dwar jekk is-sentenza tar-Raad van State u d-deċiżjoni tar-rechtbank setgħux jiġu kkunsidrati bħala deċiżjonijiet meħuda minn awtorità nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punt 242). Din is-sentenza ma setgħetx għalhekk isservi bħala preċedent għall-Kunsill, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, fil-proċess għall-adozzjoni tal-atti kkontestati f’dan il-każ.

67      F’din il-kawża, madankollu, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod estensiv il-kontenut, il-portata u l-kuntest tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li fuqhom huma bbażati l-atti kkontestati, jiġifieri s-sentenza tar-Raad van State u d-deċiżjoni tar-rechtbank, fil-punti 46 sa 70 tas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, u tal-punti 88, 90 u 100 sa 106 tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, li jsir riferiment għalihom hawnhekk.

68      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li saret fil-punti 107 et seq tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, għandu jingħad li fil-punt 111 ta’ din is-sentenza Sison II, il-Qorti Ġenerali għall-ewwel darba qieset, ċerti kriterji ġenerali ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali għalhekk “qieset” li, fid‑dawl kemm tat-termini, tal‑kuntest u tal‑għanijiet tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dan il‑każ kif ukoll tar‑rwol predominanti tal‑awtoritajiet nazzjonali fil‑proċess ta’ ffriżar ta’ fondi previst mill‑Arikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, deċiżjoni ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni” għandha, sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill‑Kunsill b’mod validu, tittieħed fil‑kuntest ta’ proċeduri nazzjonali intiżi b’mod dirett u prinċipalment sabiex jimponu miżura ta’ natura preventiva jew repressiva kontra l‑parti kkonċernata, minħabba l‑ġlieda kontra t‑terroriżmu u l‑fatt tal‑involviment tagħha fih. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dan ir‑rekwiżit ma jiġix sodisfatt minn deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali li tiddeċiedi biss b’mod anċillari u inċidentali fuq l‑involviment possibbli tal‑parti kkonċernata f’attività bħal din, fil‑kuntest ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda, pereżempju, id‑drittijiet u l‑obbligi ta’ natura ċivili.

69      F’dan il-każ, fil-punt 113 tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-kriterju ta’ interpretazzjoni restrittiv li kienet għadha kemm stabbilixxiet li l‑proċeduri quddiem ir‑Raad van State u r‑rechtbank ma kellhomx l‑għan li jrażżnu l‑parteċipazzjoni possibbli tiegħu f’atti terroristiċi, iżda kienu jikkonċernaw biss l‑istħarriġ tal‑legalità tad‑deċiżjoni tas‑Segretarju tal‑Istat għall‑Ġustizzja Olandiż li tirrifjuta li tirrikonoxxilu l‑istatus ta’ refuġjat u li jingħata permess ta’ residenza fil‑Pajjiżi l‑Baxxi.

70      Madankollu, il-Qorti Ġenerali għarfet fil-punt 114 tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, li r‑Raad van State u r‑rechtbank eżaminaw il‑fajl tas‑Servizz għas‑Sigurtà Interna tal‑Pajjiżi l‑Baxxi (il‑BVD) dwar l‑allegat involviment tar‑rikorrent f’ċerti attivitajiet terroristiċi fil‑Filippini, minkejja li ma ddeċidewx li jibdew investigazzjoni fuq dawn il‑fatti, u wisq inqas li jidbew prosekuzzjoni fir‑rigward tar‑rikorrent.

71      Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ir-rifjut tas-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja Olandiż li jirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat u li jagħtih permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, prinċipalment immotivat mill-fatt li huwa ġab jew ipprova jġib fil-Pajjiżi l-Baxxi in-New People’s Army (NPA), fergħa militari tal-Partit Komunista tal-Filippini (CPP) responsabbli għal għadd kbir ta’ atti terroristiċi fil-Filippini, kien essenzjalment approvat mir-rechtbank, wara s-sentenza tar-Raad van State, u wara li din il-qorti kkunsidrat il-fajl BVD (ara s-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, punti 63, 66 u 68 sa 70). Għalhekk il-Kunsill ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni b’riferiment għal dawn iċ-ċirkustanzi fattwali, u lanqas ma injora l-limiti imposti lis-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

72      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li fis-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq (punti 88, 89 u 122), il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tar-rikorrent ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti. Hija, b’mod partikolari, sabet li l-allegazzjonijiet fattwali li jinsabu fl-espożizzjoni tal-motivi mehmuża mal-atti kkontestati ġew issostanzjati mill-elementi tal-fajl li huwa kien ippreżenta, u b’mod partikolari, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mir-Raad van State u mir-rechtbank. Madankollu, dawn l-allegazzjonijiet fattwali dwar l-involviment tar-rikorrent fl-atti ta’ terroriżmu mwettqa fil-Filippini, minħabba r-rwol ewlieni tiegħu fis-CPP u fl-NPA, kif ukoll il-kuntatti tiegħu mal-mexxejja ta’ assoċjazzjonijiet terroristiċi oħra (ara, f’dan ir-rigward, punti 46 sa 70 tas-sentenza Sison I, punt 1 iktar ’il fuq, ukoll riprodotti fil-punt 106 tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq).

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-evalwazzjonijiet legali u fattwali kumplessi meħtieġa sabiex tiġi solvuta din il-kawża, it-tieni nett, tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża u fin-nuqqas tal-ġurisprudenza preċedenti stabbilita qabel ma ngħatat is-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq, u t-tielet nett, tal-importanza fundamentali tal-għanjiet ta’ interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali mfittxija minn dan ir-regolament, il-ksur mill-Kunsill ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm stabbiliti b’mod ċar, huwa spjegat mil-limitazzjonijiet u mir-responsabbiltajiet speċjali li jaqgħu taħt din l-istituzzjoni u jikkostitwixxu irregolarità li setgħat twettaq amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti mqiegħda f’ċirkustanzi simili.

74      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ksur, f’dan il-każ, tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, anki jekk stabbilit b’mod ċar, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju tali li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tar-rikorrent.

 Fuq l-eżistenza ta’ responsabbiltà tal-Komunità minħabba tal-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent

75      F’dan il-każ, huwa ċar li d-drittijiet fundamentali li l-ksur tagħhom huwa allegat mir-rikorrent huma regoli tad-dritt intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi. Il-ksur tagħhom, jekk ikun stabbilit, għandu, għalhekk, ikun ta’ natura li jwassal għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jekk dan kien suffiċjentement serju.

76      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma kkontestax l-illegalità bħala tali, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, tas-sistema ġenerali tal-iffriżar ta’ fondi implementata permezz tar-Regolament Nru 2580/2001, iżda biss minħabba fl-applikazzjoni ħażina ta’ dan ir-regolament fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li wassal għal dan il-ksur.

77      Barra minn hekk, il-konformità tal-prinċipju ta’ tali sistema, jew sistema simili li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet oħra tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-drittijiet fundamentali ta’ dawk ikkonċernati, hija stabbilita b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (ara, għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-proprjetà, is-sentenza Kadi tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 60 iktar ’il fuq, punti 361 sa 366, u s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra p. II‑2629, punti 111 u 112; għal dak li jirrigwarda d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u ta’ familja, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Ayadi vs Il‑Kunsill, T‑253/02, Ġabra p. II‑2139, punt 126, mhux maqluba fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja; għal dak li jirrigwarda r-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, is-sentenzi El Morabit vs Il‑Kunsill, punt 65 iktar ’il fuq, punt 40, u Fahas vs Il‑Kunsill, punt 65 iktar ’il fuq, punti 64 sa 68).

78      Ma hijiex l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament Nru 2580/2001, bħala tali, li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, iżda s-sempliċi fatt li dawn il-miżuri ġew imposti, mill-atti kkontestati, f’kundizzjonijiet inkonsistenti ma’ dawk previsti, preċiżament sabiex jiġu limitati l-possibbiltajiet ta’ indħil mill-awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (ara l-punti 50 u 51 iktar ’il fuq), mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

79      Diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq li dan in-nuqqas ta’ konformità tal-atti kkontestati mal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, naturalment jikkostitwixxi illegalità, madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju, ta’ natura tali li jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tar-rikorrent.

80      L-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent huwa inseparabbli minn din l-illegalità u huwa esklużivament ibbażat fuq dan, għaldaqstant għandu jiġi konkluż li ma huwiex daqshekk serju sabiex, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Artegodan vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 131, 132 u 136).

81      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li la l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas il-KEDB, li jiggarantixxu d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, ma jipprekludu li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità hija suġġetta, f’ċirkustanzi tali bħal dawk ta’ din il-kawża, għar-rikonoxximent ta’ ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrent. Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tad-drittijiet iggarantiti taħt il-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat ukoll “ir-restrizzjonijiet varji li jirriżultaw mill-elementi li għandhom jiġu stabbiliti fi ħdan il-kuntest tal-azzjoni” għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, li tinkludi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali ksur, sabiex tasal għall-konklużjoni li d-dritt Komunitarju joffri protezzjoni ekwivalenti tad-drittijiet fundamentali għal dik żgurata mill-mekkaniżmu tal-KEDB (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Bosphorus Hava Yollari ve Ticaret Turizm Anonim Şirketi vs L‑Irlanda, tat-30 ta’ Ġunju 2005, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2005‑VI, punti 88, 163 u 165).

82      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-kundizzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità marbuta mal-karattru illegali tal-aġir li bih qed tiġi akkużata l-Kummissjoni ma ġietx sodisfatta f’dan il-każ.

83      Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l‑Artikolu 87(1) tar‑Regoli tal‑Proċedura, deċiżjoni dwar l‑ispejjeż għandha tingħata fis‑sentenza jew fid‑digriet li jagħlaq il‑kawża. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, l-ispejjeż ġew irriżervati permezz tas-sentenza Sison II, punt 1 iktar ’il fuq.

85      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali. Skont l-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, l‑Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.

86      F’dan il-każ, il-Kunsill tilef fuq il-kapijiet tat-talbiet għal annullament, iżda r‑rikorrent tilef fuq il-kapijiet tat-talbiet għad-danni. Billi t-talbiet għal annullament u għal danni ġew ittrattati separatament matul il-proċedura kollha, ser issir applikazzjoni ġusta tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq billi jiġi deċiż li l-Kunsill għandu jħallas l-ispejjeż kollha tal-partijiet prinċipali dwar ir-rikors għal annullament, fil-waqt li r-rikorrent għandu jħallas l-ispejjeż kollha tal-partijiet prinċipali dwar ir-rikors għad-danni. Għalhekk, għandu jiġi deċiż li r-Renju tal‑Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors għad-danni huwa miċħud.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, għal dak li jirrigwarda l‑ispejjeż relatati mar-rikors għal annullament, l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta’ Jose Maria Sison.

3)      J. M. Sison għandu jbati, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż relatati mar‑rikors għad-danni, l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill.

4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Forwood

Dehousse

Prek

Schwarcz

 

      Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.