Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil nº 9 de Barcelona (Spanja) fit-12 ta’ Awwissu 2014 – Youssouf Drame Ba vs Catalunya Caixa S.A.

(Kawża C-385/14)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado Mercantil nº 9 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Youssouf Drame Ba

Konvenuta: Catalunya Caixa S.A.

Domandi preliminari

Peress li s-sistema Spanjola tipprovdi, fl-Artikolu 43 tal-LEC 1 , dan l-effett sospensiv jew ta’ preġudizzju tal-azzjoni individwali mibdija b’mod parallel mill-konsumatur sa kemm tingħata sentenza definittiva fl-azzjoni kollettiva, sa fejn dan il-konsumatur ikun marbut minn dak li jiġi deċiż f’dan il-kuntest mingħajr ma kellu la l-opportunità li jiddifendi b’mod utli d-dritt tiegħu u lanqas li jipproduċi provi bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu:

Jista’ jiġi kkunsidrat li dan huwa mezz jew mekkaniżmu effettiv fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KE[E] 2 ?

Sa liema punt dan l-effett sospensiv jikkostitwixxi ostakolu għall-konsumatur, u għalhekk ksur tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, biex tiġi invokata n-nullità ta’ dawn il-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt tiegħu?

Il-fatt li konsumatur ma jistax jiddistakka ruħu mill-azzjoni kollettiva jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13/KE[E]?

Jew inkella, bil-kontra ta’ dan, l-effett sospensiv tal-Artikolu 43 tal-LEC huwa konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13/KE[E] fis-sens li d-drittijiet tal-konsumatur huma kompletament imħarsa minn din l-azzjoni kollettiva, peress li l-ordinament ġuridiku Spanjol jipprevedi mekkaniżmi proċedurali oħra li huma daqstant effettivi għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu, u mill-prinċipju ta’ ċertezza legali?

____________

1     Ley de Enjuiciamiento Civil (kodiċi tal-proċedura ċivili Spanjol)

2     Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur. ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.