Language of document : ECLI:EU:C:2012:635

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa f’ras il-għajn fuq ir-remunerazzjonijiet li għandha tiġi applikata mill-benefiċjarju ta’ provvista ta’ servizzi, stabbilit fit-territorju nazzjonali, fuq ir-remunerazzjoni dovuta lil fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor — Nuqqas ta’ tali obbligu fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fl-istess Stat Membru”

Fil-Kawża C‑498/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

X NV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), J.-J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X NV, minn F.A. Engelen u S.C.W. Douma, belastingadviseurs,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn X NV (iktar ’il quddiem “X”), klabb tal-futbol semiprofessjonali (“betaaldvoetbalorganisatie”) stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-iStaatssecretaris van Financiën dwar it-taxxa f’ras il-għajn miżmuma fuq ir-remunerazzjoni mħallsa lil fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Olandiż

3        Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi tal-1964 dwar it-taxxa fuq ir-remunerazzjonijiet (Wet op de loonbelasting 1964, iktar ’il quddiem il-“Wet LB 1964”):

“Taxxa diretta hija imposta, taħt l-isem ta’ ‘taxxa fuq ir-remunerazzjonijiet’, fuq il-ħaddiema jew l-persuni li jimpjegawhom li huma marbuta li jżommu t-taxxa f’ras il-għajn, l-artisti, l-isportivi professjonali, il-kumpanniji barranin u l-persuni l-oħra fiżiċi indikati minn din il-liġi jew skont id-dispożizzjonijiet tagħha.”

4        Sal-1 ta’ Jannar 2007, l-Artikolu 5b(1) u (3) tal-Wet LB 1964 kien jipprovdi dan li ġej:

“1.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi u d-dispożizzjonijiet ibbażati fuqha, kumpannija barranija tfisser: grupp ta’ persuni fiżiċi jew ta’ persuni ġuridiċi li ma humiex residenti jew ma humiex stabbiliti, rispettivament, fil-Pajjiżi l-Baxxi b’mod prinċipali, li l-membri tagħhom, b’mod individwali jew kollettiv, jaħdmu bħala artisti jew jipprattikaw b’mod professjonali dixxiplina sportiva fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi ta’ kuntratt għal żmien qasir, jew b’mod temporanju taħt titolu ieħor.

[...]

3.      Jekk membru ta’ kumpannija barranija jipprattika jew jeżerċita dixxiplina sportiva b’mod professjonali fl-ambitu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ persuna marbuta li żżomm it-taxxa f’ras il-għajn li ma hijiex stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-taxxa fuq ir-remunerazzjonijiet tinżamm skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpannija barranija.”

5        Sa mill-1 ta’ Jannar 2007, dan l-artikolu huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi u tad-dispożizzjonijiet ibbażati fuqha, kumpannija barranija tfisser: grupp ta’ persuni fiżiċi jew korpi, li ma humiex residenti jew li ma humiex stabbiliti, rispettivament, fil-Pajjiżi l-Baxxi b’mod prinċipali, li l-membri tagħhom, b’mod individwali jew kollettiv, jaħdmu bħala artisti jew jipprattikaw b’mod professjonali dixxiplina sportiva fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi ta’ kuntratt għal żmien qasir, ħlief:

[...]

2.      jekk huwa aċċettat, skont regoli stabbiliti minn ordni ministerjali, li l-kumpannija hija prinċipalment ikkostitwita minn membri li huma residenti jew stabbiliti f’pajjiż li miegħu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonkluda konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja, jew jekk dawn huma residenti jew stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Antilles Olandiżi jew f’Aruba.”

6        L-Artikolu 8a(1) tal-Wet LB 1964 jipprovdi:

“Hija marbuta biż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn fir-rigward ta’ artist, sportiv professjonali jew kumpannija barranija, jekk il-prestazzjoni artistika jew sportiva ssir abbażi ta’ kuntratt għal żmien qasir:

a.      meta l-ħlas isir lill-persuna li magħha l-prestazzjoni artistika jew sportiva tkun ġiet miftiehma: il-persuna li magħha l-prestazzjoni artistika jew sportiva tkun ġiet miftiehma;

b.      meta l-ħlas isir lil terza persuna: din il-persuna.”

7        L-Artikolu 35g tal-Wet LB 1964 jipprovdi:

“1.      Fir-rigward ta’ kumpannija barranija, it-taxxa tinżamm skont il-ħlas.

2.      ‘Ħlas’ tfisser l-ammonti kollha li l-kumpannija barranija tirċievi għall-prestazzjoni artistika jew sportiva eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-ħlas jinkludi r-rimborsi tal-ispejjeż, kif ukoll id-drittijiet li jinġabru, wara ċertu żmien jew taħt kundizzjoni, pagament jew diversi pagamenti jew benefiċċju (benefiċċji).

3.      Ma jifformawx parti mill-ħlas:

a.      l-allowances u l-benefiċċji marbuta mal-konsum u l-ikel [...];

b.      l-allowances intiżi sabiex jipprovdu għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u residenza — minbarra l-ispejjeż tal-ivvjaġġar bil-vettura partikolari — neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba tal-prestazzjoni artistika jew sportiva, sakemm il-kumpannija tgħaddi d-dokumenti ta’ prova lill-persuna marbuta li żżomm it-taxxa f’ras il-għajn u sakemm din tikkonservahom u żżommhom disponibbli għal finijiet ta’ stħarriġ;

c.      l-allowances intiżi sabiex jiġu evitati l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ residenza neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba tal-prestazzjoni artistika jew sportiva;

[...]

4.      Il-ħlas ma jinkludix dak li jista’ jiġi kkunsidrat, skont deċiżjoni tal-ispettur, kumpens li ma jifformax parti mill-ħlas (deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż). Id-deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż tintbagħat mill-ispettur fuq talba u tista’ tiġi appellata. It-talba ssir mill-kumpannija jew mill-persuna li għandha żżomm it-taxxa f’ras il-għajn qabel il-prestazzjoni artistika jew sportiva, jew mill-persuna li għandha żżomm it-taxxa f’ras il-għajn sa mhux iktar tard minn xahar wara l-prestazzjoni. [...]”

8        L-Artikolu 35h(1) tal-Wet LB 1964 jipprovdi li t-taxxa dovuta tammonta għal 20 % tal-ħlas.

 Il-Konvenzjoni bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

9        L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja u l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, li ġie konkluż fis-7 ta’ Novembru 1980 bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja”) tipprovdi:

“1.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 15, il-profitti jew id-dħul li resident ta’ wieħed mill-Istati kontraenti jagħmel mill-attivitajiet personali tiegħu eżerċitati fl-Istat kontraenti l-ieħor bħala artist fil-qasam tal-ispettaklu [...] jew bħala sportiv, huma taxxabbli f’dan l-Istat l-ieħor.

2.      Meta l-profitti jew id-dħul mill-attivitajiet li artist fil-qasam tal-ispettaklu jew sportiv jeżerċita personalment u f’din il-kwalità huma attribwiti mhux lill-artist jew lill-isportiv nnifsu, iżda lil persuna oħra, dawn il-profitti jew dħul huma taxxabbli, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 14 u 15, fl-Istat kontraenti fejn l-attivitajiet tal-artist jew tal-isportiv huma eżerċitati.”

10      L-Artikolu 22(1) ta’ din il-konvenzjoni huwa redatt kif ġej:

“Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar il-possibbiltà li titnaqqas it-taxxa dovuta barra mir-Renju Unit mit-taxxa dovuta fir-Renju Unit (dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiksru l-prinċipju ġenerali li ġej):

a.      it-taxxa Olandiża dovuta fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Olandiża u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, kemm direttament, kemm bħala taxxa miżmuma f’ras il-għajn fuq il-profitti, dħul jew gwadanni miksuba fil-Pajjiżi l-Baxxi (bl-eċċezzjoni, fil-każ ta’ dividendi, tat-taxxa fuq il-profitti li fuq il-bażi tagħhom tħallsu d-dividendi) tista’ titnaqqas mit-taxxa kkalkulata fir-Renju Unit fuq l-istess profitti, dħul jew apprezzamenti li fuqhom it-taxxa Olandiża ġiet ikkalkulata; [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      X ftiehem, fix-xhur ta’ Lulju 2002 u ta’ Marzu 2004, li jilgħab logħba amikevoli ma’ żewġ klabbs tal-futbol semiprofessjonali stabbiliti fir-Renju Unit. Dawn il-logħbiet intlagħbu fil-Pajjiżi l-Baxxi fix-xhur ta’ Awwissu 2002 u ta’ Awwissu 2004, rispettivament.

12      X ħallas lil dawn il-klabbs EUR 133 000 u EUR 50 000 rispettivament għal-logħbiet inkwistjoni. Dawn l-ammonti ma tħallsux lill-plejers tagħhom minn dawn il-klabbs.

13      Peress li naqas milli jżomm u jħallas it-taxxa fuq ir-remunerazzjonijiet fuq dawn l-ammonti, X ġie suġġett għal avviżi ta’ aġġustament fil-qasam tat-taxxa fuq ir-remunerazzjonijiet li jammontaw għal EUR 26 050 u EUR 9 450, rispettivament, li jikkorrispondu għal 20 % ta’ dawn l-istess ammonti wara t-tnaqqis ta’ ċerti spejjeż.

14      Ir-Rechtbank te ‘s-Gravenhage, adita fl-ewwel istanza minn X kontra d-deċiżjonijiet marbuta ma’ dawn l-avviżi ta’ aġġustament, annullat dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll l-imsemmija avviżi ta’ aġġustament.

15      Wara l-appell ta’ Staatssecretaris van Financiën, il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage, b’sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, annullat is-sentenzi tar-Rechtbank te ‘s-Gravenhage.

16      Peress li qies li l-leġiżlazzjoni Olandiża tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE li ma tistax tiġi ġġustifikata, X ippreżenta appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Gerechtshof te ’s-Gravenhage quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandu l-Artikolu 56 TFUE jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk il-benefiċjarju ta’ servizz, ipprovdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, ikun obbligat taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit u fejn is-servizz jiġi pprovdut, li jżomm taxxa fuq ir-remunerazzjoni dovuta fuq dan is-servizz, meta dan l-obbligu li tinżamm it-taxxa ma jkunx jeżisti fir-rigward ta’ fornitur li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru tal-benefiċjarju?

2)      a)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda għandha l-effett li leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ taxxa minn benefiċjarju ta’ servizz tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tista’ tali restrizzjoni tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat li t-taxxi jiġu imposti u miġbura mingħand kumpanniji barranin li jkunu għal żmien qasir fil-Pajjiżi l-Baxxi u li l-kontroll tagħhom huwa diffiċli, bir-riżultat li l-eżekuzzjoni tas-setgħat tal-impożizzjoni ta’ taxxa mogħtija lill-Pajjiżi l-Baxxi ssir problematika?

b)      F’dan il-każ, huwa rilevanti l-fatt li l-leġiżlazzjoni ġiet emendata iktar tard għal sitwazzjonijiet bħalma hija dik ineżami, fis-sens li kien hemm, b’mod unilaterali, rinunzja għat-taxxa peress li rriżulta li din ma setgħetx tiġi applikata b’mod sempliċi u effiċjenti?

3)      Ir-regola teċċedi dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-opportunitajiet ta’ għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ taxxi pprovduti b’mod partikolari mid-Direttiva [tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ta’ pretensjonijiet relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 44), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 12, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/308”)]?

4)      Sabiex tingħata risposta għad-domandi preċedenti, huwa rilevanti l-fatt li jista’ jkun hemm tpaċija tat-taxxa dovuta fuq ir-remunerazzjoni fl-Istat Membru fejn il-benefiċjarju ta’ servizz ikun stabbilit ma’ taxxa dovuta fuq din ir-remunerazzjoni fl-Istat Membru l-ieħor?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, Ġabra p. I‑11673, punt 36; tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, Ġabra p. I-9569, punt 16, u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest AlphaC‑303/07, Ġabra, p. I‑5145, punt 24).

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fuq id-destinatarju ta’ servizzi sabiex iżomm it-taxxa f’ras il-għajn fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta tali obbligu ma jeżistix fir-rigward tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Istat Membru inkwistjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

20      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim-van Schoot, C‑155/08 u C‑157/08, Ġabra p. I‑5093, punt 32 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi imposta minħabba l-fatt li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih is-servizz huwa pprovdut (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen, C‑290/04, Ġabra p. I‑9461, punt 31 u tal-15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande, C‑345/04, Ġabra p. I‑1425, punt 20).

22      Il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, jostakolaw jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C‑330/07, Ġabra p. I‑9099, punt 19 u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Tankreederei I, C‑287/10, Ġabra p. I‑14233, punt 15).

23      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur tas-servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju ta’ dawn is-servizzi (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr, C‑294/97, Ġabra p. I‑7447, punt 34; FKP Scorpio Konzertproduktionen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije, C‑233/09, Ġabra p. I‑6645, punt 24).

24      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jissuġġetta lid-destinatarji ta’ servizzi li jitolbu servizzi fil-qasam sportiv mingħand fornituri mhux residenti, għall-obbligu li jżommu t-taxxa f’ras il-għajn, bir-rata minima ta’ 20 %, fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lil dawn il-fornituri mhux residenti. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ fornitur ta’ servizzi resident, id-destinatarju tas-servizzi inkwistjoni ma huwiex suġġett għal tali obbligu.

25      F’dan ir-rigward, il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, Ġabra p. I‑10767) u jsostnu li d-differenza bejn ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri residenti u dawk imħallsa lill-fornituri li ma humiex residenti hija spjegata permezz tal-applikazzjoni għall-kontribwenti li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti ta’ żewġ modi ta’ tassazzjoni differenti. Fil-fatt, minkejja li r-remunerazzjoni mħallsa lil fornitur ta’ servizzi stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex suġġetta għal taxxa f’ras il-għajn, dan il-fornitur innifsu huwa direttament suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji jew, jekk ikun il-każ, għat-taxxa fuq id-dħul Olandiża. In-neċessità ta’ applikazzjoni ta’ modi differenti ta’ ġbir tat-taxxa hija spjegata mill-pożizzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li hija mod meta huma involuti fornituri ta’ servizzi residenti, direttament suġġetti għal-kontroll tal-awtoritajiet fiskali Olandiżi, u mod ieħor meta huma involuti fornituri ta’ servizzi li ma humiex residenti, li fir-rigward tagħhom dan l-Istat Membru jaġixxi fil-kwalità ta’ Stat tal-oriġini tad-dħul u ma jistax fuq din il-bażi sempliċement jikkonstata u jirkupra l-krediti fiskali mingħand il-kontribwent, iżda jiddependi fuq il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet fiskali tal-Istat ta’ residenza tiegħu.

26      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat l-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ dħul minn kapital ta’ modi ta’ tassazzjoni differenti skont jekk dawn ikunux residenti jew le, sa fejn din id-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli (sentenza Truck Center, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Peress li din id-differenza fit-trattament ma kinitx, barra minn hekk, neċessarjament taġevola lill-benefiċjarji residenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Truck Center, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50).

27      Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fornitur u d-destinatarju tas-servizzi huma żewġ suġġetti tad-dritt distinti, li għandhom l-interessi rispettivi tagħhom u li jistgħu, kull wieħed minnhom, jinvokaw il-benefiċċju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tagħhom.

28      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod indipendenti mill-effetti li t-taxxa f’ras il-għajn jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni fiskali tal-fornituri ta’ servizzi li ma humiex residenti, l-obbligu li tinżamm tali taxxa f’ras il-għajn, sa fejn dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu, jista’ jirrendi s-servizzi transkonfinali inqas attraenti għal destinatarji ta’ servizzi residenti mis-servizzi pprovduti minn fornituri ta’ servizzi residenti u jista’ jiddiswadi lil dawn id-destinatarji milli jirrikorru għal fornituri ta’ servizzi li ma humiex residenti.

29      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata bl-argumenti tal-Gvern Olandiż, li l-impatt tal-piż amministrattiv supplimentari impost fuq id-destinatarju tas-servizzi huwa, minn naħa, negliġibbli, inkwantu dan huwa diġà marbut li jżomm taxxi oħra f’ras il-għajn u li jittrasferixxi l-ammonti miżmuma lill-amministrazzjoni fiskali, u, min-naħa l-oħra, ikkumpensat b’ħelsien mill-piż amministrattiv tal-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident, li ma huwiex meħtieġ jagħmel dikjarazzjoni tat-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi b’żieda mal-obbligi amministrattivi tiegħu fil-konfront tal-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

30      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li anki restrizzjoni ta’ portata dgħajfa jew ta’ importanza minuri għal libertà fundamentali hija pprojbita mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑34/98, Ġabra p. I‑995, punt 49; tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C‑9/02, Ġabra p. I‑2409, punt 43; tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C‑170/05, Ġabra p. I‑11949, punt 50, kif ukoll Dijkman u Dijkman-Lavaleije, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

31      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-eżistenza ta’ vantaġġi oħra, kemm-il darba jitqies li tali vantaġġi jkunu jeżistu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C‑35/98, Ġabra p. I‑4071, punt 61, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Amurta, punt 75, u Dijkman u Dijkman-Lavaleije, punt 41).

32      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu impost fuq id-destinatarju ta’ servizzi li jżomm it-taxxa f’ras il-għajn fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi li ma humiex residenti, meta tali taxxa f’ras il-għajn ma hijiex applikata għar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi residenti, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu.

33      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-risposta għad-domanda, li barra minn hekk ma hijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, dwar jekk taxxa f’ras il-għajn bħalma hija dik fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ukoll restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-każ li din twassal għall-impożizzjoni fuq il-provvista ta’ servizzi li ssir minn fornitur li ma huwiex resident ta’ taxxa ogħla minn dik imposta fuq provvista ta’ servizzi li ssir minn fornitur resident. Sa fejn tali taxxa f’ras il-għajn jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq l-ispiża tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, hija tista’ fil-fatt tiddiswadi kemm lill-fornitur li ma huwiex resident milli jagħmel tali provvista kif ukoll lid-destinatarju tagħha milli jirrikorri għand tali fornitur.

34      Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fuq id-destinatarju ta’ servizzi li jżomm it-taxxa f’ras il-għajn fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta tali obbligu ma jeżistix fir-rigward tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Istat Membru inkwistjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

35      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li toħroġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat l-irkupru effikaċi tat-taxxa u jekk din teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ta’ assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru ta’ taxxi mogħtija mid-Direttiva 76/308. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li wara emenda għal din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrinunzja għat-taxxa f’ras il-għajn inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tkun adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza Tankreederei I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Minn ġurisprudenza stabbilita sewwa jirriżulta li n-neċessità u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet li jsiru minn Stat Membru ma humiex esklużi sempliċement minħabba l-fatt li dan l-Istat ikun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 38), peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni li dawn iridu jiżguraw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punt 36; tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C‑67/98, Ġabra p. I‑7289, punt 34, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C-6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 80).

38      Jirriżulta, b’analoġija, li lanqas ir-rinunzja sussegwenti minn Stat Membru għall-applikazzjoni ta’ miżura ma tista’ tippreġudika n-natura adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex jew il-proporzjonalità tagħha li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għan imfittex.

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li n-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċità tal-irkupru tat-taxxa tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura taż-żamma ta’ taxxa f’ras il-għajn u s-sistema ta’ responsabbiltà li sservi bħala garanzija għaliha jikkostitwixxu mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni u sabiex jiġi evitat li d-dħul ikkonċernat jaħrab mit-taxxa fl-Istat ta’ residenza kif ukoll fl-Istat fejn is-servizzi jingħataw (sentenza FKP Scorpio Konzertproduktionen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

40      Il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li tali ġustifikazzjoni għandha tiġi aċċettata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Il-Gvern Olandiż jispjega b’mod partikolari li t-taxxa f’ras il-għajn fil-kawża prinċipali ġiet introdotta wara li ġie kkonstatat mill-amministrazzjoni fiskali li s-sistema bbażata fuq l-avviżi ta’ tassazzjoni indirizzati individwalment lil kull fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident irriżultat li hija ineffikaċi, minħabba diffikultajiet u l-piż amministrattiv li tali sistema toħloq lil dawn il-fornituri li ma humiex residenti kif ukoll lill-amministrazzjoni. Skont il-Gvern Olandiż, iż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn applikabbli għar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-klabbs sportivi, li minnhom jitnaqqsu l-ispejjeż rilevanti, tippermetti tassazzjoni tad-dħul tal-plejers b’mod iktar sempliċi u effikaċi kemm mill-perspettiva ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll mill-perspettiva tal-amministrazzjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, meta huma involuti fornituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi okkażjonali fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn dawn huma stabbiliti u li joqogħdu hemm biss għal ftit żmien, iż-żamma ta’ taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jiġi żgurat irkupru effikaċi tat-taxxa dovuta.

43      Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk din il-miżura teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat irkupru effikaċi tat-taxxa dovuta, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-possibbiltajiet mogħtija mid-Direttiva 76/308 fil-qasam tal-assistenza reċiproka fir-rigward tal-irkupru tat-taxxi.

44      Id-Direttiva 76/308 tistabbilixxi regoli komuni dwar l-assistenza reċiproka sabiex jiġi ggarantit l-irkupru ta’ krediti relatati ma’ ċerti imposti, dazji u taxxi (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑470/04, Ġabra p. I‑177, punt 34). Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, Stat Membru jista’ jitlob l-assistenza mingħand Stat Membru ieħor fir-rigward tal-irkupru tat-taxxa fuq id-dħul dovut minn kontribwent li jirresjedi f’dan l-Istat Membru tal-aħħar (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen, C‑520/04, Ġabra p. I‑10685, punt 37).

45      Mill-ewwel sat-tielet premessi tagħha jirriżulta li d-Direttiva 76/308 hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq komuni li jirriżultaw mil-limitazzjoni territorjali tal‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-irkupru.

46      B’dan il-mod, id-Direttiva 76/308 tipprevedi miżuri ta’ assistenza taħt il-forma ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni utli għall-irkupru, ta’ notifika ta’ atti lid-destinatarju kif ukoll taħt il-forma ta’ rkupru ta’ krediti li huma s-suġġett ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tagħhom.

47      L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/308 b’mod partikolari għall-krediti marbuta mat-taxxi fuq id-dħul mid-Direttiva 2001/44 hija intiża, kif jirriżulta mill-ewwel sat-tielet premessi ta’ din id-direttiva, sabiex tiżgura n-“newtralità fiskali tas-suq intern” u sabiex tipproteġi interessi finanzjarji b’mod partikolari tal-Istati Membri fid-dawl tal-iżvilupp tal-frodi fiskali (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑338/01, Ġabra p. I‑4829, punt 68). Minkejja li d-Direttiva 2001/44 tagħmel ċerta approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam fiskali peress li hija tobbliga lill-Istati Membri kollha sabiex dawn jittrattaw il-krediti li joriġinaw mill-Istati Membri l-oħra bħala krediti nazzjonali (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75), l-iskop tagħha, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, ma kienx dak li tissostitwixxi t-taxxa f’ras il-għajn bħala mod ta’ ġbir tat-taxxa.

48      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li r-rinunzja għaż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn u l-użu tal-mezzi ta’ assistenza reċiproka jippermettu, ċertament, li tiġi eliminata r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkawżata lid-destinatarju mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49      Madankollu, tali rinunzja ma teliminax neċessarjament il-formalitajiet kollha li huma imposti fuq id-destinatarju ta’ servizzi. Fil-fatt, kif ċerti gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja rrilevaw, iż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn tippermetti lill-amministrazzjoni fiskali li tieħu konjizzjoni tal-fatt li jiġġenera t-taxxa dovuta mill-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident. Fin-nuqqas ta’ tali taxxa f’ras il-għajn, l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru kkonċernat ikollha probabbilment timponi fuq id-destinatarju ta’ servizzi stabbilit fit-territorju ta’ dan l-Istat tal-aħħar l-obbligu li jiddikjara l-provvista li saret mill-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident.

50      Barra minn hekk, ir-rinunzja għat-taxxa f’ras il-għajn twassal għan-neċessità li t-taxxa tinġabar mingħand il-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident, li jista’ jinvolvi, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, oneru kunsiderevoli għal dan il-fornitur, inkwantu dan ikollu jippreżenta dikjarazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih huwa stabbilit. Il-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident jista’ għalhekk jiġi ddiswadit milli jipprovdi servizz fl-Istat Membru kkonċernat u finalment jista’ jirriżulta iktar diffiċli għad-destinatarju ta’ servizzi li jikseb servizz minn Stat Membru li ma huwiex dak li fih huwa stabbilit.

51      Barra minn hekk, tali ġbir dirett mingħand il-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident jinvolvi wkoll piż amministrattiv kunsiderevoli għall-awtoritajiet fiskali li taħthom jaqa’ d-destinatarju ta’ servizzi fid-dawl tan-numru kbir ta’ servizzi pprovduti b’mod puntwali.

52      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-ġbir dirett tat-taxxa mingħand il-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident ma jikkostitwixxix neċessarjament miżura inqas restrittiva mit-taxxa miżmuma f’ras il-għajn.

53      Fid-dawl tal-premess, għat-tieni u t-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li, sa fejn ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li toħroġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriżulta mill-obbligu li tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn peress li dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat l-irkupru effikaċi tat-taxxa u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ta’ assistenza reċiproka fil-qasam tal-ġbir tat-taxxi pprovduti mid-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ta’ pretensjonijiet relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001. Ir-rinunzja sussegwenti għat-taxxa f’ras il-għajn inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tippreġudika la n-natura tagħha li tilħaq l-għan imfittex u lanqas il-proporzjonalità tagħha, li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għan imfittex.

 Fuq ir-raba’ domanda

54      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk, sabiex jiġi evalwat jekk l-obbligu tad-destinatarju ta’ servizzi li jżomm it-taxxa f’ras il-għajn, sa fejn dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu, jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ servizzi pprojbita mill-Artikolu 56 TFUE, hijiex rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk il-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident jistax inaqqas it-taxxa miżmuma fil-Pajjiżi l-Baxxi mit-taxxa li huwa għandu jħallas fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

55      Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li tinżamm tali taxxa f’ras il-għajn, jista’ jirrendi s-servizzi transkonfinali inqas attraenti għad-destinatarji ta’ servizzi residenti mis-servizzi pprovduti minn fornituri ta’ servizzi residenti u jista’ jiddiswadi lil dawn id-destinatarji milli jitolbu servizzi mingħand fornituri li ma humiex residenti, indipendentement mill-effett li ż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni fiskali tal-fornituri ta’ servizzi li ma humiex residenti.

56      Għaldaqstant, it-trattament fiskali tal-fornitur ta’ servizzi fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit ma għandu ebda rilevanza għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk l-obbligu tad-destinatarju ta’ servizzi li jżomm tali taxxa f’ras il-għajn, jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprojbita mill-Artikolu 56 TFUE.

57      Konsegwentement, għar-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li, sabiex jiġi evalwat jekk l-obbligu tad-destinatarju ta’ servizzi li jżomm it-taxxa f’ras il-għajn, sa fejn dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu, jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprojbita mill-Artikolu 56 TFUE, ma hijiex rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk il-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident jistax inaqqas it-taxxa miżmuma fil-Pajjiżi l-Baxxi mit-taxxa li huwa għandu jħallas fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fuq id-destinatarju ta’ servizzi li jżomm it-taxxa f’ras il-għajn fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta tali obbligu ma jeżistix fir-rigward tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Istat Membru inkwistjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu.

2)      Sa fejn ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li toħroġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriżulta mill-obbligu li tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn peress li dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat l-irkupru effikaċi tat-taxxa u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ta’ assistenza reċiproka fil-qasam tal-ġbir tat-taxxi pprovduti mid-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ta’ pretensjonijiet relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001. Ir-rinunzja sussegwenti għat-taxxa f’ras il-għajn inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tippreġudika la n-natura tagħha li tilħaq l-għan imfittex u lanqas il-proporzjonalità tagħha, li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għan imfittex.

3)      Sabiex jiġi evalwat jekk l-obbligu tad-destinatarju ta’ servizzi li jżomm it-taxxa f’ras il-għajn, sa fejn dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu, jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprojbita mill-Artikolu 56 TFUE, ma hijiex rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk il-fornitur ta’ servizzi li ma huwiex resident jistax inaqqas it-taxxa miżmuma fil-Pajjiżi l-Baxxi mit-taxxa li huwa għandu jħallas fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.