Language of document : ECLI:EU:C:2015:51

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-3 ta’ Frar 2015 (1)

Kawża C‑5/14

Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH

vs

Hauptzollamt Osnabrück

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi taxxa fuq il-kombustibbli nukleari — Konformità mal-kostituzzjoni nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni — Direttiva 2003/96/KE — Artikoli 2 u 14 — Direttiva 2008/118/KE — Artikolu 1 — Artikolu 107 TFUE — Artikoli 83 EA, 191 EA u 192 EA”





 Introduzzjoni

1.        Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li Stat Membru jintroduċi taxxa fuq l-użu ta’ materjal fissili fuq operaturi ta’ impjanti nukleari? Din hija, essenzjalment, id-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill‑Finanzgericht Hamburg (Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja).

2.        Din id-domanda tinkludi diversi partijiet. Fil-fatt, hija tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, dawk tat-Trattat KEEA, kif ukoll ir‑relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ trattati. Ser ikun neċessarju wkoll li tiġi analizzata s-sistema armonizzata tad-dazji tas-sisa fuq il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku.

3.        Fl-aħħar nett, jew iktar eżattament qabel ma mmorru iktar lil hinn, għandha tkun eżaminata l-problema tar-relazzjoni bejn il‑proċedura għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri ta’ stħarriġ tal‑kostituzzjonalità fl-Istati Membri.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikoli 107 TFUE u 267 TFUE, kif ukoll l‑Artikoli 93 EA, 191 EA u 192 EA huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża. Peress li huma magħrufa biżżejjed ma hemmx bżonn li niċċitahom.

5.        Is-sistema armonizzata tad-dazji tas-sisa fuq il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku hija bbażata fuq id-Direttiva tal‑Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l‑arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (3). L-ewwel direttiva tistabbilixxi r‑regoli ġenerali tas-sistema tad-dazji tas-sisa, filwaqt li t-tieni direttiva tirregola b’mod iktar partikolari t-tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku.

6.        L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu:

Artikolu 1

Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti:

(a)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 1507 sa 1518, jekk dawn il‑prodotti se jintużaw bħala karburant li jsaħħan u karburant tal‑karozzi;

(b)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;

(ċ)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2901 u 2902;

(d)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 29051100, li ma għandhomx oriġini sintetika, jekk dawn se jintużaw bħala karburant li jsaħħan u karburant tal-karozzi;

(e)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3403;

(f)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3811;

(g)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3817;

(h)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 38249099 bħala karburant li jsaħħan u karburant tal-karozzi.

2.      Din id-Direttiva tapplika ukoll għal: Elettriku kif deskritt taħt Kodiċi NM 2716.

3.      Meta l-prodotti ta’ l-enerġija, minbarra dawk li għalihom hemm livell ta’ tassazzjoni speċifikata f’din id-Direttiva, ikunu intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan, dawn għandhom jiġu intaxxati skond l-użu, bl-istess rata tal-karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karozzi.

Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull prodott li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat bħala karburant tal-karozzi, jew bħala addittiv jew sustanza miżjuda fil-karburanti tal-karozzi, għandu jiġi intaxxat bl-istess rata tal-karburant tal-karozzi.

Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull idrokarbonju ieħor, minbarra l-pit, li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat biex isaħħan għandu jiġi intaxxat b’rata ekwivalenti ta’ prodott ta’ enerġija.

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96:

“Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f’Direttiva 92/12/KEE fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall‑disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l‑eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

(a)      prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità ta’] produzzjoni ta’ l-elettriku. Madankollu, Stati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent, jissottomettu dawn il-prodotti għall‑tassazzjoni mingħajr ma joqgħodu jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla f’din id-Direttiva. […]”

8.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad‑dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad‑dazju tas-sisa’:

(a)      prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE;

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

3.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi fuq:

(a)      prodotti minbarra prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;

[…]

Madankollu, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-impożizzjoni ta’ tali taxxi ma tistax tirriżulta f’formalitajiet konnessi mal-qsim tal-fruntieri”.

 Id-dritt Ġermaniż

9.        It-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali kienet introdotta permezz tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il‑kombustibbli nukleari (Kernbrennstoffsteuergesetz), tat-8 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“KernbrStG”) (4). Skont din il-liġi, il-kombustibbli nukleari użati għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari. Kombustibbli nukleari huma l-plutonju 239 u 241, kif ukoll l-uranju 233 u 235. Ir‑rata ta’ tassazzjoni hija stabbilita għal kull gramma ta’ dan il‑kombustibbli u togħla sa EUR 145. It-taxxa hija dovuta meta l‑kombustibbli jintuża għall-ewwel darba fir-reattur nukleari u meta tinbeda reazzjoni f’katina. Il-persuna taxxabbli hija l-operatur tal‑impjant tal-produzzjoni tal-elettriku permezz tas-separazzjoni tal‑materjal fissili (impjant nukleari).

 Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH, kumpannija tad-dritt Ġermaniż, hija l-operatur ta’ impjant nukleari f’Lingen (il-Ġermanja). F’dikjarazzjoni fiskali datata t-13 ta’ Lulju 2011, hija ddikjarat l-ammont ta’ EUR 154 117 745 bħala taxxa fuq il-kombustibbli nukleari għall‑kombustibbli użat fir-reatturi tagħha fix-xahar ta’ Ġunju tal-istess sena. B’mod parallel, hija ppreżentat ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors kontra l-awtorità fiskali kompetenti, il-Hauptzollamt Osnabrück, sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija taxxa fid-dawl tad-dritt tal‑Unjoni.

11.      Fi proċedura parallela li tirrigwarda operatur ieħor ta’ impjant nukleari, il-qorti tar-rinviju ressqet kwistjoni kostituzzjonali dwar il‑KernbrStG quddiem il‑Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali). Skont l-informazzjoni disponibbli, din il-proċedura għadha pendenti sallum.

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 267, moqrija flimkien mal-punt (b) tal-ewwel sentenza tiegħu, tat-[TFUE] tawtorizza lil qorti ta’ Stat Membru tagħmel domandi, li jsirulha fir-rigward tal-legalità ta’ liġi nazzjonali, marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, anki meta l-qorti nazzjonali jkollha mhux biss dubji dwar il-konformità tal-liġi mad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, iżda tkun ukoll konvinta li l-liġi nazzjonali tmur kontra l-kostituzzjoni nazzjonali, min-naħa l‑oħra, u li, għal din ir-raġuni, hija diġà adixxiet, fi proċedura parallela, il-qorti kostituzzjonali - li hija l-unika kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tiddeċiedi dwar il‑inkostituzzjonalità tal-liġijiet - li d-deċiżjoni tagħha għadha madankollu mhux mogħtija?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva […]:

(2)      Id-Direttivi 2008/118 u 2003/96, adottati sabiex jiġu armonizzati d-dazji tas-sisa u li jikkonċernaw il-prodotti tal‑enerġija u tal-elettriku fil-kuntest tal-Unjoni, jipprekludu l‑introduzzjoni ta’ taxxa nazzjonali miġbura fuq il-kombustibbli nukleari użati għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku? Dan jiddependi mill-possibbiltà prevedibbli li t-taxxa nazzjonali tiġi mgħoddija fuq il-konsumatur permezz tal-prezz tal-elettriku u, jekk ikun il-każ, x’għandu jinftiehem b’‘mgħoddija’?

(3)      Impriża tista’ tikkontesta taxxa, miġbura minn Stat Membru, bl‑għan li jiġi ġġenerat dħul, fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku, billi tallega li l-ġbir ta’ tali taxxa jikkostitwixxi għajnuna li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE? Fil-każ li tingħata risposta fl‑affermattiv għad-domandi preċedenti: il-[KernbrStG] li tapplika taxxa, bl-għan li jiġi ġġenerat dħul, biss fuq l-impriżi li jipproduċu elettriku fuq livell industrijali billi jużaw kombustibbli nukleari, tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE? Liema huma ċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk impriżi oħra, li ma humiex suġġetti għal taxxa simili, jinsabu f’sitwazzjoni li hija fattwalment u ġuridikament komparabbli?

(4)      Il-ġbir tat-taxxa Ġermaniża fuq il-kombustibbli nukleari jmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA?”

13.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2014. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż u dak Finlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati matul is-seduta li nżammet fl-4 ta’ Novembru 2014.

 Analiżi

14.      L-ewwel domanda tirrigwarda, fil-fatt, l-ammissibbiltà ta’ din it‑talba għal deċiżjoni preliminari. Jiena ser neżaminaha għalhekk fl‑ewwel lok qabel nindirizza l-kwistjonijiet tal-mertu, fl-ordni li tressqu fih.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

15.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk hija tistax tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE minkejja proċedura nazzjonali (li f’dan il‑każ hija dik mibdija mill-qorti tar-rinviju stess, iżda dan ma huwiex rilevanti) għall-istħarriġ dwar il-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jikkostitwixxi l-bażi tal-att individwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun għadha pendenti. Kif spjegat il-qorti tar‑rinviju, jekk il-Bundesverfassungsgericht tiddikjara l-KernbrStG inkostituzzjonali mingħajr ma tillimita l-effetti tad-deċiżjoni tagħha għall-futur biss, id-dikjarazzjoni fiskali kkontestata fil-kawża prinċipali tkun awtomatikament annullata, li jwassal għall-estinzjoni tal-proċedura fil‑kawża prinċipali u d-domandi preliminari jitilfu l-iskop tagħhom.

16.      Qabel xejn hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm ebda dubju dwar l‑ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.

17.      Ċertament jista’ jiġi kkontestat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari għandhom natura ipotetika, għaliex ir‑rilevanza tagħhom tiddependi fuq l-eżitu tal-proċedura nazzjonali għall-istħarriġ tal-kostituzzjonalità. Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu invalidati b’effett retroattiv, id-domanda dwar l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni ma tqumx iktar. Madankollu, dan ma huwiex l‑approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-relazzjoni bejn il‑proċedura għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri nazzjonali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità.

18.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, anki jekk jista’ jkun vantaġġuż li l-problemi purament ta’ dritt nazzjonali jiġu deċiżi fil-mument tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li kawża quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tirrikjedi deċiżjoni min-naħa tagħhom (5).

19.      B’hekk, qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża li tikkonċerna dritt tal-Unjoni, li tikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali mhux biss hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll affettwata b’vizzji ta’ antikostituzzjonalità, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà jew ħielsa mill-obbligu, previsti fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni tal‑antikostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta għal rikors obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali. Fil-fatt, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tkun mhedda li kieku l-eżistenza ta’ rikors obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali setgħet iċċaħħad lill-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni, milli teżerċita l-possibbiltà li għandha skont l-Artikolu 267 TFUE li tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tippermettilha tiddeċiedi jekk regola nazzjonali hijiex kompatibbli jew le miegħu (6).

20.      Fit-tieni lok, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl‑Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (7).

21.      Madankollu, jidhirli li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Ir‑relazzjoni bejn id-domandi mressqa u r-realtà tal-kawża prinċipali kif ukoll in-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar‑rinviju, fl-opinjoni tiegħi ma jqajmu ebda dubju.

22.      Dwar in-natura ipotetika tal-problema mqajma, peress li r-riżultat inċert tal-proċedura parallela għall-istħarriġ ta’ kostituzzjonalità — kemm għal dak li jirrigwarda s-sens tad-deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali kif ukoll l-effetti tagħha ratione temporis — huwa ċar li d-domandi preliminari ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala ipotetiċi minħabba l-eżistenza ta’ tali proċedura biss. Huwa evidenti li diversi avvenimenti jistgħu jwasslu għall-estinzjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel nett, b’mod preċiż ħafna, permezz tal‑irtirar tar-rikors. Fost dawn l-avvenimenti possibbli iżda inċerti hemm l-invalidazzjoni mill-qorti kostituzzjonali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jservu bħala bażi tas-suġġett tal-kawża. F’dak il-każ, hija l‑qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi ta’ tali avveniment u, b’mod partikolari, tiddeċiedi jekk għandhiex iżżomm jew tirtira t‑talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (8). Madankollu, il-possibbiltà ta’ tali avveniment, fl-ebda każ, anki meta l-probabbiltà tiegħu tkun ikbar għaliex tkun bdiet proċedura għall-istħarriġ ta’ kostituzzjonalità, ma tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata n-natura ipotetika tad‑domandi mressqa.

23.      F’dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju anki għar-regoli tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 100 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012. Skont din id-dispożizzjoni, l-irtirar ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jista’ jkun ikkunsidrat sad-data tan-notifika tad‑data tal-għoti tas-sentenza lill-partijiet ikkonċernati msemmija fl‑Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

24.      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità wkoll tikkonstata li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura nazzjonali għall-istħarriġ ta’ kostituzzjonalità għandhom għanijiet u effetti legali differenti. Il-konstatazzjoni, mill-qorti kostituzzjonali, tal‑antikostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali twassal normalment għall-eliminazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill‑ordinament ġuridiku. Din l-eliminazzjoni jista’, skont is-sistema nazzjonali, ikollha effetti ex nunc jew ex tunc, anki mill-mument speċifikat mill-qorti kostituzzjonali stess. Jekk il-qorti kostituzzjonali ġiet adita fil-kuntest ta’ kawża konkreta quddiem qorti nazzjonali, jista’ jiġri li d-dispożizzjoni inkwistjoni, minkejja li tiġi invalidità, tapplika għall-parti li tkun fl-oriġini tal-istħarriġ ta’ kostituzzjonalità. Is‑sitwazzjoni hija għal kollox differenti f’każ ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari. Skont il-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑kunflitt bejn dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali u dispożizzjoni tat‑Trattat direttament applikabbli (ikkonstatata mill-qorti tar-rinviju wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal rinviju għal deċiżjoni preliminari) huwa solvut, għal qorti nazzjonali, bl‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, u mhux bil‑konstatazzjoni tan-nullità tad-dispożizzjoni nazzjonali, peress li l‑kompetenza tal-korpi u tal-qrati hija f’dan ir-rigward ta’ kull Stat Membru (9).

25.      Għandu jiżdied, anki jekk dan ma għandux effett fuq ir-risposta għad-domanda preliminari, li fil-każ tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-kawża mressqa quddiem il-qorti kostituzzjonali tirrigwarda allegat ksur tar-regoli interni tal-kompetenza, u għalhekk kwistjoni differenti minn dik tal-eventwali inkompatibbiltà tal-KernbrStG mad-dispożizzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq tad-dritt tal‑Unjoni.

26.      Għalhekk jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li qorti nazzjonali tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari bl-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE minkejja li jkun hemm pendenti proċedura nazzjonali għall-istħarriġ ta’ kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jikkostitwixxu l-bażi tal-att individwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Dwar it-tieni domanda preliminari

27.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttivi 2003/96 u 2008/118 jipprekludux it-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali. Hija tistaqsi barra minn hekk jekk il-possibbiltà jew le li din it-taxxa tiġi mgħoddija fuq il‑konsumatur tal-elettriku taffettwax ir-risposta għal din id-domanda.

28.      Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax, fil-formulazzjoni tad‑domanda preliminari, liema huma d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/96 u 2008/118 li jistgħu, eventwalment, jikkostitwixxu ostakolu għat-taxxa kkontestata. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija tirrigwarda b’mod iktar partikolari, l-ewwel nett, jekk il‑kombustibbli nukleari jaqax fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 u, it-tieni nett, jekk it-taxxa kkontestata tistax tkun ikkunsidrata bħala applikabbli indirettament għall-elettriku, li jirrendiha potenzjalment inkompatibbli mal-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 2008/118. L-impatt eventwali tal-possibbiltà li t-taxxa kkontestata tiġi mgħoddija jagħmel parti minn din it-tieni problema.

29.      Din it-tieni domanda preliminari tinqasam għalhekk f’żewġ partijiet, li ser nanalizza separatament.

 Fuq id-Direttiva 2003/96

–       Rimarki preliminari dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/96 għall-kombustibbli nukleari

30.      Il-kombustibbli nukleari jaqa’ fil-qasam kopert mit-Trattat KEEA (10). Għandu għalhekk jiġi mistoqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad‑dritt derivat adottati abbażi tat-Trattat KE (11) jistgħux jirregolaw it‑tassazzjoni ta’ tali prodott. Fil-fatt, f’każ ta’ risposta negattiva, l‑analiżi tal-ewwel parti tat-tieni domanda tkun mingħajr għan.

31.      Meta ġiet adottata d-Direttiva 2003/96, ir-relazzjonijiet bejn it‑Trattati KE u KEEA kienu rregolati mill-Artikolu 305(2) tat-Trattat KE, li jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet ta[t-Trattat KE] m’għandhomx jidderogawx għal dak li jiddisponi t-[Trattat KEEA]” (12). Madankollu, din ir-regola, li tagħti lit-Trattat KEEA u lit-Trattat KE l-istess valur legali, jidhirli li ma ssolvix il-kwistjoni ta’ applikabbiltà tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt derivat tat-Trattat KE fil-qasam kopert mit-Trattat KEEA. F’dan il-qasam jistgħu jiġi adottati żewġ approċċi (13).

32.      Fl-ewwel wieħed iż-żewġ Komunitajiet jiġu kkunsidrati bħala totalment distinti u awtonomi fl-oqsma rispettivi tagħhom. L-atti adottati abbażi tat-Trattat KE ma jkunux għalhekk applikabbli fil-qasam tat-Trattat KEEA u viċi versa. Dan ikun ifisser, flimkien mal-prinċipju tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi, li għal kull azzjoni leġiżlattiva fil‑qasam ta’ wieħed mit-Trattati, tkun neċessarja bażi legali f’dak l‑istess trattat. Madankollu, it-Trattat KEEA huwa ferm inqas żviluppat mit-Trattat KE. Mhux biss, bħala trattat settorjali, kien mill-bidu limitat għall-istrumenti legali li, fl-epoka tal-adozzjoni tiegħu, kienu jidhru neċessarji għall-iżvilupp tal-industrija nukleari Ewropea (pereżempju, ebda kompetenza ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma hija prevista), iżda ma kellux, bid-differenza għat-Trattat KE, tkabbir sostanzjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mit-trattati li jemendaw suċċessivi.

33.      L-adozzjoni ta’ dan l-approċċ strettament “duwalist” tqajjem għalhekk problemi gravi, fil-mument fejn id-dritt Ewropew ikopri oqsma varji bħall-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u anki l-ambjent, u li ma huwiex iġġustifikat li jiġu esklużi mill-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni l-beni jew l-attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tat-Trattat KEEA.

34.      Jiena nagħżel it-tieni approċċ, li jikkunsidra li t-Trattat KE, skont il-vokazzjoni ġeneralista tiegħu, għandu kamp ta’ applikazzjoni li jkopri l-beni, is-servizzi u l-attivitajiet kollha, filwaqt li t-Trattat KEEA jistabbilixxi biss regoli speċifiċi meta l-karatteristiċi tal-industrija nukleari jkunu jeħtieġu dan. B’hekk l-atti tad-dritt derivat adottati abbażi tat-Trattat KE jistgħu japplikaw għall-beni u għall-attivitajiet li jaqgħu fil‑qasam tat-Trattat KEEA, sakemm dan tal-aħħar ma jipprovdix mod ieħor. Jiena konxju mill-problemi legali li jimplika wkoll dan l-approċċ, iżda jidhirli li jistgħu jiġi solvuti iktar faċilment u, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-kawża prinċipali.

35.      Barra minn hekk, dan l-approċċ jidhirli li huwa sostnut ukoll fil‑ġurisprudenza. Fl-Opinjoni 1/94, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[l]adarba t-Trattat [KEEA] ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il‑kummerċ estern, xejn ma jipprekludi li l-ftehim konklużi skont l‑Artikolu 113 tat-Trattat KE jestendu għall-kummerċ internazzjonali tal-prodotti [KEEA]” (14). Għal dak li jirrigwarda it-Trattat KEFA, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Trattat KEE “[jista’] japplika għal prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA sa fejn il-kwistjonijiet imqajma ma humiex is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA” (15). Dan jidhirli li huwa perfettament trasponibbli għat-Trattat KEEA. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement rabtet l-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni tat-Trattat KE fil-qasam tat-Trattat KEEA man-natura tagħha ta’ regola ġenerali tad-dritt Ewropew (16). Madankollu, jidhirli li s-sitwazzjoni f’dik il-kawża kienet differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-ewwel nett, kienet tirrigwarda l-applikazzjoni diretta ta’ dispożizzjoni tat-Trattat KE fil-qasam tat-Trattat KEEA, u mhux id‑determinazzjoni ta’ jekk l-atti tad-dritt derivat adottati abbażi tat‑Trattat KE jistgħux japplikaw għall-oġġetti li jaqgħu taħt it-Trattat KEEA. It-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li prinċipju tal-ordinament ġuridiku Ewropew tant fundamentali bħal dak tal‑projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità huwa applikabbli fil-qasam tat-Trattat KEEA, ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, neċessarjament tfisser li l-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-Trattat KE biss huma applikabbli fis-sitwazzjonijiet irregolati mit-Trattat KEEA.

36.      Fl-aħħar nett, l-approċċ li jiena insostni jidher li ilu segwit fil‑prattika tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt, atti adottati unikament abbażi tat‑Trattat KE, bħad-Direttiva 85/337/KEE (17), id-Direttiva 98/34/KE (18) jew anki, fil-qasam fiskali, id-Direttiva 2006/112/KE (19), japplikaw irrispettivament mill-beni u mill-attivitajiet li jaqgħu taħt it-Trattati KE (attwalment it-Trattat FUE) u KEEA. Għalhekk jiena ma narax ostakoli formali sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 ikunu jistgħu wkoll, fit-teorija, japplikaw għall-kombustibbli nukleari.

–       Applikazzjoni diretta tad-Direttiva 2003/96 għall-kombustibbli nukleari

37.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jobbliga lill-Istati Membri jimponu dazju tas-sisa fuq il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku. Il‑prodotti ta’ enerġija huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva bil-għajnuna tal-kodiċi ta’ nomenklatura magħquda (20) dwar numru ta’ prodotti li huma, essenzjalment, il-faħam, il-gass naturali u ż‑żjut minerali, kif ukoll ċerti prodotti derivati. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jżid l-elettriku ma’ din il-lista. Għalhekk il-kombustibbli nukleari fis-sens tal-KernStG ma humiex fost il-prodotti elenkati.

38.      Skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(3) tad‑Direttiva 2003/96, huma suġġetti għad-dazju tas-sisa wkoll il‑prodotti l-oħra kollha użati bħala karburant kif ukoll l-idrokarbonji l-oħra kollha, bl-eċċezzjoni tal-pit, użati bħala kombustibbli (21).

39.      Għalhekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/96, filwaqt li jindika l‑prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, jiddefinixxi fl-istess ħin il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (22).

40.      L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jeżenta mid-dazju tas‑sisa il-“prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku”. Għalhekk din il-kawża tirrigwarda l-punt dwar jekk din l-eżenzjoni tkoprix ukoll il-kombustibbli nukleari. Jiena ma naħsibx li dan huwa il‑każ, u dan għar-raġunijiet segwenti.

41.      L-ewwel nett, fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 hija espressament kwistjoni ta’ “prodotti ta’ enerġija”. Issa, dan it-terminu huwa ddefinit b’mod preċiż fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva permezz ta’ lista limitattiva u eżawrjenti ta’ prodotti elenkati b’mod ċar permezz tal-kodiċi ta’ nomenklatura magħquda tagħhom. L-imsemmi terminu ma jistax, għalhekk, fl-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, jkollu sinjifikat differenti minn dak mogħti lilu fl-imsemmi Artikolu 2. Fil-fatt, ħlief bi preġudizzju għal-loġika legali, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur ried juża, fl-istess test, terminu identiku f’żewġ perċezzjonijiet differenti.

42.      Huwa minnu li, minbarra l-prodotti elenkati fl-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/96, id-dazju tas-sisa japplika wkoll għall-prodotti oħra użati bħala karburant u għal idrokarbonji oħra użati bħala kombustibbli. Loġikament, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 tal‑istess direttiva għandhom għalhekk japplikaw ukoll għal dawn iż‑żewġ kategoriji ta’ prodotti, f’każ ta’ idrokarbonji użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, il‑kombustibbli nukleari inkwistjoni f’din il-kawża ma huwiex idrokarbonju: huwa fil-fatt iżotopju speċifiku ta’ plutonju u uranju (23).

43.      It-tieni nett, kif diġà osservajt fil-punt 32 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96 huwa ddefinit fl-Artikolu 2 tagħha. Għalhekk, l-Artikolu 14 tagħha ma jistax japplika, lil hinn minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, għall-prodotti li ma jaqgħux taħtu, billi huma eżentati minn taxxa li ma humiex suġġetti għaliha.

44.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi huwa ċar li d-Direttiva 2003/96, u speċjalment l-Artikolu 14(1)(a) tagħha ma japplikax għall-kombustibbli nukleari.

–       Applikazzjoni b’analoġija

45.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li tiġi applikata għall-kombustibbli nukleari d-Direttiva 2003/96, jew tal-inqas l-Artikolu 14(1)(a) tagħha b’analoġija. Nammetti li nsibha diffiċli nara kif dan jista’ jseħħ. Id-dispożizzjoni ċċitata tistabilixxi eżenzjoni mid-dazju tas‑sisa. Għalhekk hija ma tistax tapplika, lanqas b’analoġija, għall‑prodotti li ma humiex suġġetti għal dan id-dazju. Qabel xejn il‑kombustibbli nukleari għandhom jiġu suġġetti għas-sistema tad‑Direttiva 2003/96. Issa, jidhirli li huwa totalment inkonċepibbli li prodott jiġi suġġett b’analoġija għal tassazzjoni li ma jaqax taħtha. Barra minn hekk, ebda analoġija valida ma teżisti dwar dan il-punt bejn il-kombustibbli nukleari u l-prodotti suġġetti għas-sisa. Id‑Direttiva 2003/96 ma tipprevedix it-tassazzjoni ta’ prodotti li jservu għall-produzzjoni tal-elettriku, iżda t-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija, kif iddefiniti f’din id-direttiva, ikun x’ikun l-użu tagħhom. Il‑fatt li ma tinkludix il-kombustibbli nukleari fil-kuntest ta’ din il‑leġiżlazzjoni ma jikkostitwixxix għalhekk lakuna legali li għandha neċessarjament timtela’ permezz ta’ analoġija.

46.      L-iktar l-iktar wieħed jista’ jissuġġerixxi t-traspożizzjoni f’din il‑kawża, b’analoġija, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Braathens (24). Ir-raġunament ikun kif ġej. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 92/81/KEE (25) li ppreċediet id-Direttiva 2003/96 fir-rigward tal-eżenzjoni tal-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru [l-attwali Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96], iddeċidiet li tali eżenzjoni teskludi mhux biss l-applikazzjoni, għall-prodotti eżentati, tad-dazju tas‑sisa, iżda wkoll ta’ taxxi nazzjonali oħra li normalment jistgħu jiġu imposti fuq il-prodotti suġġett għas-sisa (26). Fil-fatt, skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, tali tassazzjoni nazzjonali tneħħi kull effett tal-eżenzjoni prevista mid-Direttiva 92/81 (27). L-istess esklużjoni ta’ taxxi nazzjonali għandha tapplika għall-prodotti ta’ enerġija li jservu għall-produzzjoni tal-elettriku, li huma eżentati mid-dazju tas-sisa skont l‑Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Issa, jekk il-prodotti ta’ enerġija li jservu għall-produzzjoni tal-elettriku ma jistgħux ikunu suġġetti għal taxxi nazzjonali, l-istess għandu jkun, b’analoġija, għall‑prodotti oħra li, għalkemm ma humiex prodotti ta’ enerġija fis‑sens tad-Direttiva 2003/96, iservu wkoll għall-produzzjoni tal‑elettriku, bħall-kombustibbli nukleari.

47.      Madankollu dan ir-raġunament jidhirli li huwa żbaljat. L‑Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 ma jintroduċi ebda prinċipju ġenerali ta’ eżenzjoni ta’ prodotti li jservu għall-produzzjoni tal‑elettriku. Din id-direttiva tistabilixxi sistema armonizzata ta’ tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku u l-eżenzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku jaqgħu f’dan il‑kuntest strett (28). Is-sentenza Braathens tirrigwarda preċiżament prodott li jaqa’ taħt id-Direttiva 92/81, eżentat b’mod espliċitu. L-iskop tagħha kien biss li tiżgura l-effettività ta’ din l-eżenzjoni u mhux li twessa’ il-qasam. Interpretazzjoni iktar wiesgħa tmur kontra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96, taffettwa l-għan ta’ armonizzazzjoni tagħha u tippreġudika l-kompetenza tal-Istati Membri li jintroduċu tassazzjoni indiretta barra mill-qasam armonizzat, ikkonfermata fl‑Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2008/118.

48.      Bħala konklużjoni, jiena tal-opinjoni li taxxa applikabbli għall‑użu mill-impjanti nukleari ta’ kombustibbli nukleari ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96, li għalhekk ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali taxxa.

 Fuq id-Direttiva 2008/118

49.      Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-taxxa kkontestata tistax tkun ikkunsidrata taxxa indiretta fuq l-elettriku. Jiena ma nistax ma nosservax mill-bidu li jekk dan huwa l-każ, din it-taxxa hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118, moqrija flimkien mad-Direttiva 2003/96. Madankollu, jiena ma naħsibx li din it-taxxa tista’ tkun ikkwalifikata bħala taxxa indiretta fuq l-elettriku.

–       Fuq il-possibbiltà li jiġu introdotti taxxi nazzjonali oħrajn fuq il‑prodotti suġġetti għas-sisa

50.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jippermetti lill-Istati Membri jimponu għall-finijiet speċifiċi, taxxi indiretti oħrajn fuq il‑prodotti suġġetti għas-sisa (fosthom l-elettriku), bil-kundizzjoni li dawn josservaw ir-regoli ta’ tassazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fost dawn ir-regoli hemm id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli, il-kalkolu tat-taxxa, l-eżiġibbiltà tagħha u l-istħarriġ tagħha.

51.      Skont il-qorti tar-rinviju, it-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali ma hijiex imposta għall-finijiet speċifiċi, għaliex hija tissupplixxi l-baġit federali. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-għan ta’ taxxa taqa’ fil‑kompetenza tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li għandhom mandankollu jikkunsidraw il-kriterji, estremament stretti, stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (29). Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li t-taxxa inkwistjoni ma tissodisfax dawn il-kriterji, hija ma tistax tkun ikkunsidrata bħala konformi mal-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 2008/118.

52.      Fir-rigward tal-osservanza tar-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli fid-dritt tal-Unjoni, jidhirli li t-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali lanqas ma tissodisfa din il-kundizzjoni. Fil-każ fil-kawża prinċipali, ovvjament, dawn huma regoli li jirrigwardaw id-dazju tas-sisa, peress li t-taxxa kkontestata ma hija bl-ebda mod analoga għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

53.      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jeħtieġ biss konformità mal‑istruttura ġenerali tat-tassazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (30). Madankollu, anki fl-istruttura ġenerali tagħha, it-taxxa kkontestata ma jidhirlix li hija konformi mar-regoli applikabbli fil-qasam tad-dazju tas‑sisa fuq l-elettriku.

54.      L-ewwel nett, hija tevita b’mod ċar il-bażi taxxabbli. B’hekk, fil‑każ tas-sisa, il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mill-prodott suġġett għas-sisa stess, jiġifieri ċerta kwantità ta’ elettriku, filwaqt li l-bażi taxxabbli tat-taxxa inkwistjoni hija kkostitwita mill-kombustibbli nukleari, jiġifieri mill-fattur tal-produzzjoni, u huwa biss kalkolu ġdid li jippermetti li eventwalment jintrabat ma’ kwantità ta’ elettriku speċifikata.

55.      It-tieni nett, is-sisa fuq l-elettriku hija dovuta biss fil-mument tad-distribuzzjoni lill-konsumaturi (31), filwaqt li t-taxxa kkontestata hija dovuta fil-mument fejn il-kombustibbli nukleari jintuża fir-reattur, jiġifieri qabel l-istess produzzjoni tal-elettriku. Din id-differenza ma hijiex biss kronoloġika, għaliex il-persuna taxxabbli tinbidel ukoll. Fil‑fatt, fil-każ tas-sisa, huwa d-distributur jew r-ridistributur tal‑elettriku li huwa taxxabbli, filwaqt li fil-każ tat-taxxa inkwistjoni, huwa l-produttur. Dan ifisser ukoll li, jekk l-elettriku jiġi esportat lejn Stat Membru ieħor, it-taxxa kkontestata tinġabar fl-Istat tal-produzzjoni (fil-Ġermanja), filwaqt li s-sisa fuq l-elettriku tinġabar fl-Istat tal‑konsum (32).

56.      Fl-aħħar u t-tielet nett, l-istħarriġ tal-ħlas tat-taxxa kkontestata jeħtieġ li l-persuna taxxabbli timla dikjarazzjoni fiskali fil-mument tal‑fatt taxxabbli. Madankollu, jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza ċċitata preċedentement (33) li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 ma jippermettix l-introduzzjoni ta’ taxxi imposti fuq l-operaturi formalitajiet minbarra dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sisa jew it-taxxa fuq il-valur miżjud.

57.      Għalhekk jiena tal-opinjoni li jekk it-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali għandha tkun ikkunsidrata bħala taxxa indiretta fuq l‑elettriku, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118. Madankollu, jiena ma naħsibx li tista’ tiġi kkunsidrata bħala tali.

–       Fuq il-klassifikazzjoni tat-taxxa kkontestata bħala taxxa indiretta fuq l-elettriku

58.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-possibbiltà li t-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali tkun ikkunsidrata bħala taxxa indiretta fuq l‑elettriku għar-raġuni li hija proporzjonata mal-kwantità ta’ elettriku prodott permezz ta’ kwantità ta’ kombustibbli nukleari partikolari. Madankollu jiena ma naħsibx li tali proporzjonalità hija suffiċjenti f’dan ir-rigward.

59.      Fil-fatt, sabiex taxxa tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala imposta fuq prodott determinat, hija għandha tapplika għall-konsum ta’ dak l‑istess prodott. Dan jista’ jseħħ direttament (34), jew indirettament, bl‑inkorporazzjoni tat-taxxa fil-prezz tal-prodott. It-taxxi miġbura fl‑istadju tal-produzzjoni, kif ser tkun eventwalment it-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali jekk tkun ikkunsidrata bħala taxxa fuq l-elettriku, jistgħu jaqgħu biss fit-tieni sitwazzjoni, għaliex japplikaw fil-mument fejn il-prodott intaxxat ikun għadu ma jeżistix.

60.      It-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi b’mod evidenti piż li jidħol fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impjanti nukleari. Dawn l-ispejjeż jifformaw parti mill-kostituzzjoni tal-prezz tal-elettriku pprattikat minn dawn l-impjanti. Madankollu dan ma jidhirlix li huwa suffiċjenti sabiex it-taxxa inkwistjoni tkun ikkunsidrata bħala taxxa fuq l-elettriku. Fil-fatt, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, tali raġunament iwassal biex it-taxxi u imposti kollha fuq il-produtturi tal‑elettriku jiġi kkunsidrati bħala taxxi indiretti fuqhom, pereżempju t‑taxxa fuq il-kumpanniji, li l-bażi tagħhom, jiġifieri r-riżultat taxxabbli tagħhom, huwa proporzjonali wkoll, sa ċertu punt, mal-kwantità ta’ elettriku prodott (35).

61.      Sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala taxxa input (fl-istadju tal‑produzzjoni) applikata fuq il-konsum ta’ prodott, l-ammont tat-taxxa għandu jkun inkluż preċiżament fil-prezz ta’ kull kwantità tal-prodott imqiegħda għall-konsum, b’mod li t-taxxa tkun newtrali għall-produttur jew id-distributur li, bħala persuna taxxabbli, iservi biss biex jgħaddi t-taxxa bejn il-konsumatur li jbati l-piż tat-taxxa u l-awtorità fiskali.

62.      Madankollu, dan ma jidhirlix li huwa possibbli fil-każ ta’ taxxa miġbura biss minn ċerti produtturi tal-elettriku. L-elettriku huwa prodott speċifiku, li jeżisti biss bħala kurrent fin-netwerk elettriku. Ladarba l‑elettriku jiġi prodott u introdott fin-netwerk, ma jkunx għadu possibbli li ssir distinzjoni bejn dak li ġej minn produtturi differenti. Jekk il‑prezzijiet tat-tqegħid fin-netwerk użati mill-produtturi jistgħu jvarjaw sa ċertu punt, il-prezz tal-provvista lill-konsumaturi ma tistax tirrifletti din id-differenza. Fil-fatt, il-konsumaturi jħallsu prezz wieħed għall-elettriku provenjenti mill-produtturi kollha. Huwa għalhekk impossibbli li jiġi identifikat l-ammont tat-taxxa kkontestata mħallsa mill-konsumaturi għall-kwantità ta’ elettriku partikolari. Din it‑taxxa ma tistax għalhekk tkun ikklassifikata bħala taxxa fuq l‑elettriku.

63.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aħħar problema mqajma fil-kuntest tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, l-element deċiżiv ma huwiex il‑possibbiltà in abstracto li t-taxxa tiġi mgħoddija fuq il-konsumaturi (u għalhekk il-klassifikazzjoni tagħha bħala taxxa indiretta), iżda l‑impossibbiltà li tiġi mgħoddija f’każ konkret fuq is-suq tal-elettriku.

64.      Għalhekk, it-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali ma hijiex taxxa indiretta fuq l-elettriku u ma taqax għalhekk taħt l-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 2008/118. Hija fil-fatt taxxa fuq prodott li mhux prodott suġġett għas-sisa fis-sens tal-paragrafu 3(a) tal-istess artikolu, li jeħtieġ biss li ma tiġi introdotta ebda formalità marbuta mal-passaġġ tal‑fruntieri. Sa fejn it-taxxa kkontestata ma twassalx għal tali formalitajiet, id-Direttiva 2008/118 ma tipprekludix tali taxxa.

 Risposta għat-tieni domanda

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun fis-sens li d‑Direttivi 2003/96 u 2008/118 ma jipprekludux taxxa miġbura fuq il‑kombustibbli nukleari fuq l-użu ta’ dan il-kombustibbli għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

66.      Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk persuna suġġetta għat-taxxa kkontestata fil‑kawża prinċipali tistax tikkontesta l-applikazzjoni tagħha għar-raġuni li hija għajnuna mill-Istat kuntrarja għas-suq intern fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE. Imbagħad hija tistaqsi dwar jekk l‑imsemmija taxxa tistax effettivament tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Minkejja l-ordni li fih il-qorti tar-rinviju ppreżentat id-domandi tagħha, fl-opinjoni tiegħi għandi nibda mill-analiżi ta’ dan it-tieni punt.

67.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura fiskali tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (36). Dan huwa l-każ meta l-imsemmija miżura fiskali tagħti lill-benefiċjarji tagħha trattament fiskali vantaġġuż, billi tnaqqas il-piżijiet li normalment huma imposti fuq il-baġit ta’ impriża. Barra minn hekk, din il-miżura għandha tkun tan-natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għanijiet li jridu jintlaħqu mis-sistema kkonċernata, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (37). Fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-vantaġġ selettiv huwa għalhekk il-kriterju kruċjali fost l‑erba’ kriterji kumulattivi previsti mill-imsemmija dispożizzjoni tat‑Trattat FUE.

68.      Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għandha għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, għaliex l-eżistenza nfisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (38). Għalhekk għandha ssir mistoqsija dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ tassazzjoni normali, li fil‑kuntest tagħha l-produtturi tal-elettriku l-oħrajn ikunu ttrattati b’mod vantaġġuż meta mqabbla mal-impjanti nukleari.

69.      Huwa stabbilit, li ebda sistema ġenerali ta’ tassazzjoni input tal‑produzzjoni tal-elettriku ma teżisti fid-dritt Ġermaniż. Madankollu, f’ċerti ċirkustanzi, l-impożizzjoni ta’ taxxa ġdida fuq parti mill-impriżi biss li s-sitwazzjoni tagħhom hija komparabbli jista’ jkollha l-istess effett tal-eżenzjoni minn taxxa diġà eżistenti (39). Tista’ għalhekk tinżamm sistema ta’ tassazzjoni ġenerali, li fil-kuntest tagħha l‑produtturi kollha tal-elettriku jkunu ntaxxati fuq il-produzzjoni tagħhom b’mod ugwali (40)?

70.      L-elettriku għandu karatteristika speċifika li jista’ jiġi prodott skont diversi tekniċi differenti ħafna bejniethom, jiġifieri kombustjoni ta’ kombustibbli fossili (faħam, gass naturali jew żejt) u derivattivi tagħhom, ir-reazzjoni nukleari, jew anki l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli differenti bħall-ilma, ir-riħ, l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermali, eċċ.

71.      Għalhekk jidhirli li huwa impossibbli li tinħoloq sistema ta’ tassazzjoni input li tikkunsidra b’mod ugwali l-proċessi ta’ produzzjoni kollha (41). Fi kliem ieħor, l-impriżi li jipproduċu l-elettriku skont dawn it-teknoloġiji differenti ma humiex f’sitwazzjoni fattwali komparabbli għal dak li jirrigwarda t-tassazzjoni input eventwali tagħhom. Huma għandhom komuni biss il-prodott finali, jiġifieri l-elettriku. Madankollu, kif jiena kkonstatajt fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali ma hijiex taxxa, lanqas indiretta, fuq l‑elettriku. Tali taxxa, imposta fuq l-elettriku fl-istadju tal-produzzjoni, tkun barra minn hekk kuntrarja għad-dispożizzjonijiet magħquda tad‑Direttivi 2003/96 u 2008/118 (42).

72.      Il-fatt li ma tiġix intaxxata taxxa input fuq il-produzzjoni tal‑elettriku b’mezzi oħra li ma humiex nukleari ma jikkostitwixxix għalhekk vantaġġ fir-rigward ta’ sistema ta’ tassazzjoni ġenerali, għaliex tali sistema ma tistax teżisti. It-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali hija għalhekk tassazzjoni tat-tip speċifiku li tista’ tapplika biss għas-settur nukleari.

73.      Peress li tali sistema ta’ tassazzjoni input ġenerali tal-produtturi tal-elettriku ma tikkostitwixxix kuntest ta’ riferiment konċepibbli, il-fatt li dawn il-produtturi ma humiex suġġetti għal tali sistema ma jistax jiġi pperċepit bħala tnaqqis ta’ piż li normalment huwa impost fuq il-baġit ta’ impriża.

74.      Għalhekk il-produtturi tal-elettriku li jużaw sors ta’ enerġija differenti mill-kombustibbli nukleari ma jibbenefikawx, meta mqabbla ma’ sistema ġenerali, minn trattament fiskali partikolari li jista’ jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Għalhekk ma huwiex neċessarju — u barra minn hekk lanqas rilevanti — li jiġi mistoqsi jekk l-impriżi kkonċernati jinsabux, fid-dawl tal-għanijiet li jridu jintlaħqu minn sistema ta’ tassazzjoni li sservi bħala kuntest ta’ riferiment, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

75.      Għandu jingħad ukoll li t-tekniċi differenti tal-produzzjoni tal‑elettriku huma differenti wkoll fl-ispiża ambjentali, fl-effett tagħhom fuq is-suq tax-xogħol, fl-effetti tagħhom ftit jew wisq ħżiena għas-saħħa tal-bniedem, għas-sigurtà pubblika, eċċ. B’hekk anki jekk l-impriżi li jużaw teknoloġiji differenti jinsabu sa ċertu punt f’kompetizzjoni, għaliex jipproduċu l-istess prodott — l-elettriku (43) — huma ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali identika. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu għalhekk jieħdu miżuri li huma jqisu xierqa fil-konfront ta’ waħda minn dawn il‑fergħat ta’ produzzjoni tal-elettriku, mingħajr ma din tikkostitwixxi awtomatikament għajnuna mill-Istat selettiva għall-benefiċċju tal‑fergħat l-oħra (44).

76.      Għalhekk, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l‑fatt li t-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali tapplika biss għall‑impriżi li jipproduċu l-elettriku b’mod industrijali billi jużaw il‑kombustibbli nukleari ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk impriża tistax tikkontesta tali għajnuna sabiex titlob l‑eżenzjoni mit-tassazzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda preliminari

77.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA jipprekludux it-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tippreċiża fil‑formulazzjoni ta’ din id-domanda liema huma d-dispożizzjonijiet konkreti inkwistjoni. Madankollu, mill-motivi tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din tirrigwarda b’mod iktar partikolari d-dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 93 EA, 191 EA u 192 EA.

78.      Mill-qari tal-imsemmija motivi, jidhirli li d-dubji tal-qorti tar‑rinviju dwar il-konformità tat-taxxa kkontestata mad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA ċċitati huma spjegati mill‑perċezzjoni u d-denominazzjoni ta’ din it-taxxa fid-dritt intern bħala taxxa imposta fuq il-prodotti, jiġifieri l-kombustibbli nukleari. Madankollu, l-imsemmija taxxa, ikkalkolata fuq il-kwantità ta’ kombustibbli nukleari, fir-realtà għandha natura doppja. Hija tinġabar fil-mument tal-użu ta’ dan il-kombustibbli għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, li huwa l-uniku użu ntaxxat (45). Il-persuna taxxabbli huwa l‑operatur tal-impjant nukleari li jbati wkoll il-piż ekonomiku tiegħu. Fl-istess ħin, il-kombustibbli nukleari ntaxxat huwa indispensabbli għall-operat tal-impjanti nukleari, għaliex ma jeżistix prodott ta’ sostituzzjoni. Fi kliem ieħor, l-operatur ta’ impjant għandu l-għażla jew li juża l-prodott intaxxat jew li jwaqqaf l-attività tiegħu. Minn din il-perspettiva, fl‑effetti tagħha, it-taxxa kkontestata tidher eqreb għal piż fuq l-attività ekonomika tal-operaturi ta’ impjanti nukleari milli taxxa proprja fuq il‑prodott. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan l-angolu, it-taxxa kkontestata tqajjem inqas dubji għal dak li jirrigwarda l-konformità tagħha mad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA ċċitati.

79.      L-ewwel nett, l-Artikolu 93 EA jipprojbixxi kull dazji doganali, taxxi ta’ effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi għall‑importazzjoni u l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri fuq il-prodotti elenkati fil-listi kontenuti fl-Anness IV tat-Trattat KEEA, li fosthom hemm il-kombustibbli nukleari differenti. Għalhekk, dan l-artikolu huwa, grosso modo, ekwivalenti għall-Artikoli 30 TFUE u 34 TFUE tal-lum. Skont l-osservazzjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li l-kombustibbli nukleari kollu użat fil-Ġermanja huwa importat, it-taxxa kkontestata tapplika għalhekk għall-prodotti importati biss, billi tkabbar l-ispejjeż tal-użu tagħhom. Hija tikkostitwixxi għalhekk taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali.

80.      Madankollu, jiena naħseb li t-taxxa kkontestata tista’ tiġi evalwata b’mod utli fid-dawl tal-Artikolu 93 EA. Fil-fatt, kif jiena osservajt fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din it-taxxa għandha tkun kkunsidrata pjuttost bħala taxxa fuq l-attività tal-produzzjoni tal‑elettriku u hija aktarx l-ispiża ta’ din l-attività li tiżdied bl‑imsemmija taxxa (46). Madankollu, l-għan tal-Artikolu 93 EA huwa li jipproteġi l-libertà tal-kummerċ tal-merkanzija, u mhux l-attivitajiet imwettqa permezz ta’ din il-merkanzija.

81.      Barra minn hekk, niddubita ħafna li hawn hekk huwa possibbli li nitkellmu dwar kummerċ u moviment proprju. Fost il-prodotti li jaqgħu fit-Trattat KEEA, il-kombustibbli nukleari (“materjal speċjalizzat fissili”) għandu status partikolari. Skont l-Artikoli 57 EA sa 59 EA, ġewwa l-Komunità, il-monopolju tal-akkwist ta’ dan il-materjal huwa tal-aġenzija stabbilita mit-Trattat KEEA u dan jibqa’, skont l-Artikolu 86 EA, proprjetà tal‑Komunità. Skont l-Artikolu 87 EA, l-Istati Membri, il-persuni u l‑impriżi għandhom biss dritt għall-użu u l-konsum.

82.      Fl-aħħar nett, kif jirrimarka l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, taxxa li hija b’mod manifest ta’ natura fiskali u ma tinġabarx minħabba qsim tal-fruntiera tal-Istat Membru li jistabbilixxiha taqa’ taħt sistema ġenerali ta’ tariffi interni fis-sens tal‑Artikolu 110 TFU u ma tikkostitwixxix taxxa b’effett ekwivalenti għal dazji doganali. Il-fatt li tali taxxa tapplika biss għall-prodotti importati, minħabba n-nuqqas ta’ produzzjoni nazzjonali, ma jiġġustifikax li hija tiġi kkwalifikata bħala taxxa b’effett ekwivalenti pjuttost milli tassazzjoni interna, ladarba hija taqa’ f’sistema ġenerali ta’ tariffi interni miġbura sistematikament minn prodotti skont kriterji oġġettivi applikati irrispettivament mill-oriġini ta’ dawn il-prodotti. Madankollu, l-Artikolu 110 TFUE ma jistax jiġi invokat kontra tassazzjonijiet interni applikati għall-prodotti importati, fin-nuqqas ta’ produzzjoni nazzjonali simili jew kompetittiva. B’mod partikolari, huwa ma jippermettix ċ-ċensura tan-natura eċċessiva tal-livell ta’ tassazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu għall-prodotti partikolari fin-nuqqas ta’ kull effett diskriminatorju jew protettiv (47).

83.      It-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali, li ma hijiex marbuta mal-qsim tal-fruntieri, tapplika mingħajr distinzjoni għall-oġġetti kollha kkonċernati, li skont id-dikjarazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tiegħu, huma importati biss, fin-nuqqas ta’ produzzjoni nazzjonali. B’hekk din it-taxxa għandha tkun evalwata bħala taxxa interna u mhux bħala taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju dogonali. Fid-dawl tan-natura nondiskriminatorja tagħha, hija ma tistax tkun ikkunsidrata bħala kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi analizzat jekk din id-dispożizzjoni tapplikax fil-qasam tat-Trattat KEEA.

84.      Għalhekk jiena tal-opinjoni li t-taxxa kkontestata ma taqax fl‑Artikolu 93 EA.

85.      It-tieni nett, l-Artikolu 191 EA jipprovdi li l-Komunità tgawdi fit-territorju tal-Istati Membri minn privileġġi u immunitajiet ddefiniti fil-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-artikolu, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll, li jirrigwarda l-eżenzjoni tal-Unjoni u tal-oġġetti appartenenti lilha minn kull piżijiet diretti, jipprekludix it-taxxa kkontestata minħabba s-sistema ta’ proprjetà ta’ materjal speċjalizzat fissili msemmi fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

86.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta hija neċessarjament negattiva. Għal darb’oħra, it-taxxa kkontestata tapplika għall-attività tal-operaturi tal-impjanti nukleari wara li dawn jakkwistaw id-dritt ta’ użu tal‑kombustibbli nukleari. L-imsemmija operaturi huma l-persuni taxxabbli u jbatu l-piż huma, peress li l-Komunità ma għandha x’taqsam xejn.

87.      Waqt is-seduta, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali reġa’ ddikjara li, skont id-dritt fiskali Ġermaniż, il-prodotti suġġetti għas-sisa jservu sabiex jiggarantixxu l‑ħlas tat-taxxa imposta fuqhom. B’hekk, il-Komunità, bħala proprjetarja tal-kombustibbli nukleari, tista’ tkun ikkunsidrata garanti tal-ħlas tat-taxxa kkontestata mill-persuna taxxabbli, ħaġa li tmur kontra l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 7) fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. Anki jekk dan kien il-każ — li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tivverifika f’din il-kawża, minħabba nuqqas ta’ dettalji f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet tal-partijiet -, jiena ma naħsibx li l-eventwali inkompatibbiltà tas-sistema ta’ garanzija ta’ ħlas ta’ taxxa nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ twassal awtomatikament għall-invalidità tat-taxxa stess fid-dawl ta’ dan id-dritt. L-iktar l-iktar, hija l-garanzija li ma għandhiex tkun applikata, jekk ikun hemm bżonn, mill-qrati nazzjonali.

88.      B’hekk, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 191 EA ma jipprekludix it‑taxxa kkontestata.

89.      It-tielet nett, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 192 EA, l-Istati Membri ma għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola l‑għanijiet tat-Trattat KEEA. Fost l-għanijiet tat-Trattat, il-provvista regolari u ekwa tal-utenti kollha tal-kombustibbli nukleari, stabbilita fl‑Artikolu 2(d) KE, huwa dak li l-qorti tar-rinviju ssemmi b’mod iktar partikolari fid-deċiżjoni tagħha.

90.      Madankollu, kif jiena diġà osservajt, it-taxxa kkontestata ma tirrigwardax il-provvista ta’ kombustibbli nukleari, iżda l-użu tiegħu. Barra minn hekk, kif il-qorti tar-rinviju stess tosserva, l-għan stabbilit fl-Artikolu 2(d) KE jinsab konkretizzat fl-Artikolu 52 KE. Dan tal-aħħar jipprovdi, barra l-istabbiliment ta’ aġenzija li l-missjoni prinċipali tagħha hija ġustament li tiżgura l-provvista, il-projbizzjoni li ċerti utenti jiġu privileġġjati. Evidentement, it-taxxa kkontestata ma għandhiex dan l-effett.

91.      B’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 1 KE jagħti lill-Komunità, bħala missjoni ġenerali, l-istabbiliment ta’ rekwiżiti neċessarji għall‑formazzjoni u għat-tkabbir rapidu tal-industriji nukleari. Il-miżuri li għandhom jittieħdu fl-eżerċizzju ta’ din il-missjoni huma elenkati fl‑Artikolu 2 KE. L-ebda parti tat-Trattat KEEA ma teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu jew jiżviluppaw l-enerġija nukleari fiha nnifisha, u inqas u inqas l-enerġija nukleari eżentata minn kull tassazzjoni.

92.      Għalhekk jiena nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA ma jipprekludux taxxa fuq il-kombustibbli nukleari applikata fuq l-użu ta’ dan il-kombustibbli għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku.

 Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill‑Finanzgericht Hamburg:

(1)      Qorti nazzjonali għandha dritt tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari bl-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE minkejja li hemm pendenti proċedura nazzjonali dwar l-istħarriġ tal‑kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jikkostitwixxu l-bażi tal-att individwali inkwistjoni quddiem din il-qorti.

(2)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u d-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, ma jipprekludux taxxa miġbura fuq il-kombustibbli nukleari applikata fuq l-użu ta’ dan il-kombustibbli għall-finijiet tal‑produzzjoni tal-elettriku.

(3)      Il-fatt li tali taxxa tapplika biss għall-impriżi li jipproduċu l‑elettriku b’mod industrijali billi jużaw il-kombustibbli nukleari ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk impriża tistax tikkontesta tali għajnuna sabiex titlob l-eżenzjoni mit-tassazzjoni.

(4)      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA lanqas ma jipprekludu tali taxxa.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 2009, L 9, p. 12.


3–      Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1 p. 405.


4 – BGBl. 2010 I, p. 1804.


5 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 41) kif ukoll A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 35 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


6 – Ara, b’mod partikolari, s-sentenzi Melki u Abdeli (EU:C:2010:363, punt 45) kif ukoll A (EU:C:2014:2195, punt 38).


7 – Ara, b’mod partikolari, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal‑istess dispożizzjonijiet nazzjonali li fir-rigward tagħhom sar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, is-sentenza Filipiak (C‑314/08, EU:C:2009:719, punti 40 sa 42).


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 96) u d‑digriet Nationale Loterij (C‑525/06, EU:C:2009:179, punt 11). Ara wkoll il‑punt 30 tar-rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1).


9 – Ara s-sentenza Filipiak (EU:C:2009:719, punt 82).


10 – Dan huwa “materjali speċjali fissili” skont it-terminoloġija tat-Trattat KEEA.


11 – Id-Direttiva 2003/96 ġie adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Hija għandha bħala bażi legali l-Artikolu 93 KE (illum l-Artikolu 113 TFUE).


12 – Bħalissa, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dispożizzjoni analoga tinsab fl-Artikolu 106a(3) tat-Trattat KEEA. Il-paragrafu 1 tal-istess artikolu jerġa’ jelenka b’mod espliċitu l-artikoli tat-Trattat TFUE li japplikaw għat-Trattat KEEA, iżda jirrigwarda biss dispożizzjonijiet istituzzjonali.


13 – Ara T. F. Cusack, “A Tale of Two Treaties: an Assessment of the Euratom Treaty in Relation to the EC Treaty”, Common Market Law Review, Nru 40/2003, p. 117 sa 142 (speċjalment p. 127).


14 – EU:C:1994:384, punt 24.


15 – Sentenza Hopkins et (C‑18/94, EU:C:1996:180, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Sentenza ČEZ (C‑115/08, EU:C:2009:660, punti 87 sa 91).


17 – Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1 p. 248).


18 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 20 p. 337).


19 –      Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


20 – Fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/1987 dwar il-nomenklatura tariffarja u statistika u dwar Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 279, p. 1).


21 – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 ma jestendix il-firxa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa. Huwa jsemmi biss il-metodu ta’ determinazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni għall-prodotti li għalihom din ir-rata ma hijiex speċifikata fl-imsemmija direttiva.


22 – Dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa limitat ukoll permezz tad-derogi previsti fl‑Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/96, li ma humiex rilevanti għal din il-kawża.


23 – Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, lanqas ma huwa kombustibbli. It-terminu “kombustibbli nukleari” huwa simplifikazzjoni, għaliex fir-realtà l-funzjonament ta’ impjant nukleari huwa bbażat fuq reazzjoni f’katina awtosuffiċjenti u mhux fuq il-kombustjoni ta’ prodott, kif inhu l-każ tal-impjanti“klassiċi”.


24 – C‑346/97, EU:C:1999:291.


25 – Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12).


26 – Din il-possibbiltà tirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 (ara wkoll il‑punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


27 – Ara s-sentenza Braathens (EU:C:1999:291, punt 24).


28 – Ara l-punti 41 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29 – Sentenza Transportes Jordi Besora (C‑82/12, EU:C:2014:108, punti 27 sa 32).


30 – Sentenza EKW u Wein & Co (C‑437/97, EU:C:2000:110, punt 47).


31 – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96. Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑475/07, EU:C:2009:86, punt 50).


32 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (EU:C:2009:86, punt 56).


33 – Sentenza EKW u Wein & Co (EU:C:2000:110, punt 46).


34 – Dan huwa l-każ tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Braathens (EU:C:1999:291). Hija tirrigwarda taxxa tal-ħruġ tal-konsum tal-oġġett intaxxat, direttament mingħand il-konsumatur li kien ukoll il-persuna taxxabbli. Huwa barra minn hekk minħabba din il-karatteristika li l-eżistenza ta’ rabta diretta u indissoċjabbli bejn il-konsum tal-prodott intaxxat u l-fatt taxxabbli, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, jidhirli li hija diffiċli li tiġi trasposta bħala kriterju tal-klassifikazzjoni tat-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali ta’ din il-kawża, li tirrigwarda taxxa input, mingħand il-produttur.


35 – Jekk, skont it-tipoloġija klassika, it-taxxa fuq il-kumpanniji hija taxxa diretta, ladarba tintrabat ma’ prodott, bħall-elettriku, issir indiretta. Dan huwa l-istess raġunament bħal dak applikat għat-taxxa inkwistjoni.


36 – Sentenza Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14).


37 – Sentenza Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Gibraltar u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 71 u 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


38 – Sentenza Il-Portugal vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56).


39 – Sentenza Ferring (C‑53/00, EU:C:2001:627, punt 20).


40 – Jiena ma naqbilx mal-opinjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, esposta fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-produtturi tal-elettriku li ma jemettux dijossidu tal-karbonju CO2 (jiġifieri dawk li jużaw n-nukleari u s-sorsi rinnovabbli) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-paragun. Fil-fatt, l-emissjoni jew le ta’ CO2 ma għandha xejn x’taqsam mat-tassazzjoni input. Skont l-istess loġika, tista’ ssir distinzjoni bejn in-nukleari, li jipproduċu “skart nukleari” li jeħtieġu trattament għoli, u s-sorsi rinnovabbli, newtrali mill-perspettiva ambjentali.


41 – Għandu jingħad ukoll li t-tassazzjoni tal-kombustibbli fossili, peress li huma prodotti ta’ enerġija fis-sens tad-Direttiva 2003/96, hija pprojbita skont l-Artikolu 14(1)(a) ta’ dik id-direttiva.


42 –      Ara l-punti 50 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Sa ċertu punt biss, għaliex is-suq tal-elettriku ma huwiex suq totalment kompetittiv. Bħal kull suq tal-enerġija, huwa jiddependi ħafna wkoll fuq deċiżjonijiet politiċi.


44 – Eżempju ta’ tali miżuri huwa l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jikkunsidraw l-impatt ambjentali tal-kombustjoni ta’ materjal fossili.


45 – Għalhekk, użu possibbli ieħor tal-istess materjali, pereżempju użu mediku jew xjentifiku, ma jaqax fit-taxxa kkontestata.


46 – Hija għalhekk sitwazzjoni kuntrarja għal dik analizzata fis-sentenza Schöttle (20/76, EU:C:1977:26), iċċitata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li fiha taxxa fuq l-attività (f’dak il-każ tat-trasport) kienet ikkwalifikata bħala taxxa applikata indirettament fuq il-merkanzija.


47 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:352, punti 34, 35 u 38).