Language of document : ECLI:EU:C:2003:294

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

20 ta’ Mejju 2003(*)

“Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali ─ Direttiva 95/46/KE ─ Protezzjoni tal-ħajja privata ─ Żvelar tad-data fuq id-dħul ta’ impjegati ta’ entitajiet suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof”

Fil-Kawżi magħquda C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01,

li għandhom bħala suġġett tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 234 KE, rispettivament mill-Verfassungsgerichtshof (C‑465/00) u mill-Oberster Gerichtshof (C‑138/01 et C‑139/01) (l-Awstrija) intiżi, fil-kawżi pendenti quddiem dawn il-qrati bejn

Rechnungshof (C‑465/00)

u

Österreichischer Rundfunk,

Wirtschaftskammer Steiermark,

Marktgemeinde Kaltenleutgeben,

Land Niederösterreich,

Österreichische Nationalbank,

Stadt Wiener Neustadt,

Austrian Airlines, Österreichische Luftverkehrs AG,

u bejn

Christa Neukomm (C‑138/01),

Joseph Lauermann (C‑139/01)

u

Österreichischer Rundfunk,

għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J. P. Puissochet, M. Wathelet (Relatur) u R. Schintgen, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, P. Jann u V. Skouris, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għar-Rechnungshof, minn F. Fiedler, bħala aġent (C-465/00),

–        għall-Österreichischer Rundfunk, minn P. Zöchbauer, Rechtsanwalt (C-465/00),

–        għall-Wirtschaftskammer Steiermark, minn P. Mühlbacher u B. Rupp, bħala aġenti (C-465/00),

–        għall-Marktgemeinde Kaltenleutgeben, minn F. Nistelberger, Rechtsanwalt (C-465/00),

–        għal-Land Niederösterreich, minn E. Pröll, C. Kleiser u L. Staudigl, bħala aġenti (C-465/00),

–        għall-Österreichische Nationalbank, minn K. Liebscher u G. Tumpel Gugerell, bħala aġenti (C-465/00),

–        għal Stadt Wiener Neustadt, minn H. Linhart, bħala aġent (C-465/00),

–        għal Austrian Airlines, Österreichische Luftverkehrs AG, minn H. Jarolim, Rechtsanwalt (C-465/00),

–        għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent (C-465/00, C-138/01 u C-139/01),

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent (C-465/00),

–        għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato (C-465/00) u de O. Fiumara, avvocato generale dello Stato (C-138/01 u C-139/01),

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent (C-465/00, C-138/01 u C-139/01),

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent (C-465/00),

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent (C-465/00, C-138/01 u C-139/01),

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn J. Coppel, barrister (C-465/00, C-138/01 u C-139/01),

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn U. Wölker u X. Lewis, bħala aġenti (C-465/00, C-138/01 u C-139/01),

wara li rat ir-rapporti tas-seduta,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali tal-Marktgemeinde Kaltenleutgeben, irrappreżentata minn F. Nistelberger, tal-Land Niederösterreich, irrappreżentat minn C. Kleiser, ta’ l-Österreichische Nationalbank, irrappreżentata minn B. Gruber, Rechtsanwalt, ta’ Austrian Airlines, Österreichische Luftverkehrs AG, irrappreżentata minn H. Jarolim, tal-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn W. Okresek, bħala aġent, tal-Gvern Taljan, irrappreżentat minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J. van Bakel, bħala aġent, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, bħala aġent, tal-Gvern Żvediż, irrappreżentat minn A. Kruse u B. Hernqvist, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn U. Wölker u C. Docksey, bħala aġent, fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Novembru 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’ordnijiet tat-12 ta’ Diċembru 2000, tat-28 u ta’ l-14 ta’ Frar 2001, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2000, għall-ewwel ordni, u fis-27 ta’ Marzu 2001, għaż-żewġ ordnijiet l-oħra, il-Verfassungsgerichtshof (C-465/00) u l-Oberster Gerichtshof (C-138/01 u C-139/01) ressqu, skond l-Artikolu 234 KE, kull waħda żewġ domandi preliminari, fformulati f’termini essenzjalment identiċi, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest tal-kawżi bejn, minn naħa, ir-Rechtnungshof (Qorti ta’ l-Awdituri) u numru kbir ta’ korpi li jaqgħu taħt il-kontroll tagħha, u min-naħa l-oħra, C. Neukomm u J. Lauermann u l-prinċipal tagħhom, l-Österreichischer Rundfunk (iktar ’il quddiem: l-“ÖRF”), stazzjon tax-xandir irregolata mid-dritt pubbliku, dwar l-obbligu ta’ l-entitajiet pubbliċi suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof li jikkomunikaw lil din ta’ l-aħħar is-salarji u l-pensjonijiet li jaqbżu ċertu livell mħallsa minnhom lill-impjegati u l-pensjonanti tagħhom, kif ukoll l-ismijiet tal-benefiċjarji, bil-għan li jiġi stabbilit rapport annwali li għandu jintbagħat lin-Nationalrat (il-Kunsill Nazzjonali), lill-Bundesrat u lil-Landtage (il-kmamar tal-Parlament Federali u tal-Länder) u mqiegħda fid-dispożizzjoni tal-pubbliku in ġenerali (iktar ’il quddiem, ir-“rapport”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonijiet nazzjonali

3        Skond l-Artikolu 8 tal-Bundesverfassungsgesetz über die Begrenzung von Bezügen öffentlicher Funktionäre (liġi federali dwar il-limitazzjoni tas-salarji ta’ l-uffiċjali, BGBl. I 1997/64, kif emendat, iktar ’il quddiem, il-“BezBegrBVG”):

“1)       L-entitajiet ġuridiċi suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof għandhom, fl-ewwel tliet xhur ta’ kull sentejn, jikkomunikaw lir-Rechnungshof is-salarji jew il-pensjonijiet tal-persuni li, mill-inqas matul waħda mis-sentejn ta’ qabel irċevew salarji jew pensjonijiet li kienu ogħla, fuq bażi annwali, minn 14–il darba 80 % ta’ l-ammont bażi fix-xahar taħt l-Artikolu 1 (jiġifieri, għas-sena 2000, 14–il darba EUR 5 887.87). L-entitajiet ġuridiċi huma wkoll obbligati li jindikaw is-salarji u l-pensjonijiet ta’ rtirar tal-persuni li jirċievu salarju ieħor jew pensjoni oħra minn entità ġuridika suġġetta għall-kontroll tar-Rechnunghof. Il-persuni li jirċievu salarju jew pensjoni minn żewġ entitajiet ġuridiċi jew iktar suġġetti għar-Rechnungshof għandhom jinformawhom b’dan. Jekk dan l-obbligu ta’ informazzjoni ma jiġix osservat mill-entitajiet ġuridiċi, ir-Rechnungshof għandha teżamina d-dokumenti kkonċernati u tagħmel rapport abbażi ta’ dan.

2)       Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, hemm lok ukoll li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-benefiċċju soċjali in natura, bil-kundizzjoni li ma jkunux benefiċċji ta’ assigurazzjoni kontra l-mard jew inċidenti jew benefiċċji bbażati fuq regoli komparabbli tal-Länder. Jekk diversi salarji jew pensjonijiet jitħallsu minn entitajiet ġuridiċi suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof, dawn għandhom jiġi magħduda.

3)      Ir-Rechnungshof għandha tiġbor din l-informazzjoni f’rapport – filwaqt li tissepara l-valuri annwali. Ir-rapport għandu jsemmi l-persuni kollha li s-salarji annwali u l-pensjonijiet tagħhom imħallsa mill-entitajiet ġuridiċi suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof jaqbżu l-ammont globali msemmi fil-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jintbagħat lin-Nationalrat, lill-Bundesrat u lill-Landtagen.”

4        Mill-ordnijiet tar-rinviju jirriżulta li, fid-dawl tax-xogħol ta’ tħejjija tal-BezBegrBVG, id-dottrina tiddeduċi minn din l-aħħar dispożizzjoni li r-rapport għandu jindika l-isem tal-persuni kkonċernati u, rispettivament, l-ammont tad-dħul annwali li dawn ta’ l-aħħar jirċievu.

5        Il-Verfassungsgerichtshof tosserva li, b’mod konformi ma’ l-intenzonijiet tal-leġiżlatur, ir-rapport għandu jitqiegħed għad-disposizzjoni ta’ pubbliku vast sabiex tiġi żgurata “informazzjoni komprensiva” ta’ dan. B’din l-informazzjoni, tiġi magħmula pressjoni fuq l-entitajiet ġuridiċi kkonċernati sabiex iżommu s-salarji f’livell ftit għoli sabiex il-fondi pubbliċi jiġu użati bil-qies u b’mod ekonomiku u effikaċi.

6        L-entitajiet suġġetti għall-kontroll ta’ verifika tar-Rechnungshof huma l-Istat federali, il-Länder, il-komuni kbar u wkoll – f’każ ta’ talba motivata tal-gvern ta’ Land – il-komuni ta’ inqas minn 20 000 abitant, l-assoċjazzjonijiet tal-komuni, il-korpi ta’ l-assigurazzjoni soċjali, il-korpi ta’ rappreżentanza legali professjonali, ÖRF, l-entitajiet, fondi u fondazzjonijiet immexxija mill-korpi ta’ l-Istat federali, minn Land jew mill-persuni li ġew inkarigati b’dan il-kompitu minn dawn, kif ukoll l-impriżi mmexxija mill-Istat federali, minn Land jew minn komun, jew li fihom dawn ta’ l-aħħar għandhom (waħedhom jew flimkien ma’ entitajiet ġuridiċi oħrajn suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof) sehem ta’ mill-anqas 50 %, skond id-dritt tal-kumpanniji, jew li huma jikkontrollaw b’mod ieħor.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

7        Mill-premessi ħamsa sa disgħa tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li din ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE) sabiex tiffavorixxi l-moviment liberu ta’ data ta’ natura personali permezz ta’ l-armonizazzjoni tal-liġijiet, regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi rigward l-ipproċessar tad-data.

8        Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46:

“1.      Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.      Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

9        F’dan ir-rigward, it-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 95/46 huma fformulati kif ġej:

“(2) Billi s-sistemi ta’ l-ipproċessar ta’ data huma maħsuba biex jaqdu lill-bniedem; billi, indipendentement miċ-ċittadinanza jew residenza ta’ persuna naturali, huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, u jaghtu sehemhom għall-progress ekonomiku u soċjali, għat-tkattir tal-kummerċ u l-ġid tal-persuna;

(3)       Billi bit-twaqqif u t-tħaddim ta’ suq intern li fih, skond l-Artikolu 7a tat-Trattat, hemm il-garanzija tal-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, jeħtieġ mhux biss li data personali tkun tista’ tgħaddi liberament minn Stat Membru għal ieħor, imma wkoll li jkun hemm il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna”.

10      L-għaxar premessa ta’ din id-direttiva żżid:

“[b]illi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; [...]”

11      Skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/46, id-data ta’ natura personali [jiġifieri, skond Artikolu 2(a) ta’ din ta’ l-aħħar, “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”] għandhom ikunu:

“(a) ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

(b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet [...]

(ċ)      adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

[...]”

12      B’“ipproċessar ta’ data personali”, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 jirreferi għal:

“kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

13      Skond Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, l-ipproċessar ta’ data personali tista’ tkun affettwata biss jekk waħda mis-sitt kundizzjonijiet li huwa jsemmi tiġi sodisfatta, u b’mod partikolari jekk:

“(ċ) l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

[…]

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur […] li lilha jkun żvelat id-data.”

14      Skond il-premessa 72 tad-Direttiva 95/46, l-imsemmija direttiva tippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni, fl-implementazzjoni tar-regoli li hija tistabbilixxi, tal-prinċipju ta’ dritt għal aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti amministrattivi.

15      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, l-Artikolu 3(1) ta’ din jipprovdi li hija tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali, kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi, kif ukoll l-ipproċessar b’mezzi oħra ta’ data personali li tinsab jew li hija intiża li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar. Madanakollu, skond il-paragrafu 2 ta’ l-istess disposizzjoni, din id-direttiva “m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”.

16      Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(1), jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi protett, fost l-oħrajn, “monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali”, f’każijiet partikolari fosthom dak li jinsab taħt is-subparagrafu (e), li għadu kemm ġie msemmi [Artikolu 13(1)(f)].

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C-465/00

17      Differenzi ta’ opinjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG qamu bejn ir-Rechnungshof u numru kbir ta’ korpi taħt il-kontroll tagħha dwar is-salarji u l-pensjonijiet imħallsa fl-1998 u fl-1999.

18      B’dan il-mod, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, fosthom entitajiet kollettivi territorjali (Land u żewġ komuni), impriżi pubbliċi, li xi wħud minnhom huma f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra nazzjonali jew barranin mhux suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof, kif ukoll korp ta’ rappreżentanza legali professjonali (il-Wirtschaftskammer Steiermark), ma kkomunikawx id-data dwar id-dħul ta’ l-impjegati kkonċernati, jew kkomunikawha, f’livelli differenti, b’mod anonimu. Huma rrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti rilevanti, jew issuġġettawh għal kundizzjonijiet li r-Rechnungshof ma aċċettatx. Huwa għalhekk li din ta’ l-aħħar bdiet proċeduri quddiem il-Verfassungsgerichtshof, skond l-Artikolu 126(a), tal-BundesVerfassungsgesetz (liġi kostituzzjonali federali), li jagħti ġurisdizzjoni lil din il-qorti sabiex tiddeċiedi dwar id-“diverġenzi ta’ opinjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni tar-Rechnungshof”.

19      Mill-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG ir-Rechnungshof tiddeduċi l-obbligu li jitniżżel fir-rapport isem il-persuni kkonċernati filwaqt li jiġi indikat id-dħul annwali tagħhom. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma ta’ fehma differenti u ma jqisux li huma obbligati li jikkomunikaw data ta’ natura personali dwar l-imsemmi dħul, bħall-ismijiet jew funzjonijiet tal-persuni kkonċernati, flimkien ma’ l-indikazzjoni tas-salarji li huma jirċievu. Huma jibbażaw ruħhom essenzjalment fuq id-Direttiva 95/46, fuq l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħajja privata, u fuq l-argument li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni joħloq ostaklu għall-moviment tal-ħaddiema, bi ksur ta’ l-Artikolu 39 KE.

20      Il-Verfassungsgerichtshof essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG, kif interpretat mir-Rechnungshof, huwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju, sabiex jingħata, jekk ikun il-każ, interpretazzjoni konformi ma’ dan jew sabiex jiġi ddikjarat (parzjalment) inapplikabbli.

21      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, in-neċessità li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1)(b), u (ċ), u 7(ċ) u (e) tagħha jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB. Fil-fehma tagħha, informazzjoni komprensiva għall-pubbliku, kif prevista mil-leġiżlatur nazzjonali f’dak li jikkonċerna d-dħul ta’ impjegati ta’ entitajiet ġuridiċi taħt il-kontroll tar-Rechnungshof li s-salarju annwali tagħhom jaqbeż ċertu livell (jiġifieri 1 127 486 ATS fl-1999 u 1 120 000 ATS fl-1998) għandha titqies bħala ndħil fil-ħajja privata, li jista’ jiġi ġġustifikat, skond l-Artikolu 8(2) tal-KEDB, biss jekk din id-data tikkontribwixxi għall-ġid ekonomiku tal-pajjiż. Ma jistax, fil-fatt, jiġi ġġustifikat l-indħil fid-drittijiet fundamentali permezz ta’ l-eżistenza ta’ sempliċi “interess tal-pubbliku li jiġi informat”. F’dan ir-rigward, il-Verassungsgerichtshof tiddubita li l-iżvelar, permezz ta’ rapport, ta’ data dwar id-dħul jiffavorixxi l-“ġid ekonomiku tal-pajjiż”. Huwa jikkostitwixxi f’kull każ indħil sproporzjonat fil-ħajja privata. Il-kontroll tal-verifika eżerċitat mir-Rechnungshof huwa bla dubju biżżejjed sabiex jiżgura l-użu għaqli tal-fondi pubbliċi.

22      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-portata tad-dritt Komunitarju tvarjax skond in-natura ta’ l-entità ġuridika li hija obbligata tikkontribwixxi għall-iżvelar tad-dħul individwali ta’ xi wħud mill-impjegati tagħha.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verfassungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

1)      “Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari dawk dwar il-protezzjoni tad-data, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil korp ta’ l-Istat sabiex jiġbor u jikkomunika data dwar id-dħul sabiex jiġu ppubblikati l-ismijiet u d-dħul ta’ l-impjegati:

a)      ta’ entità territorjali,

b)      ta’ stazzjon tax-xandir irregolata mid-dritt pubbliku,

ċ)      ta’ bank ċentrali nazzjonali,

d)      ta’ korp ta’ rappreżentanza legali professjonali,

e)      ta’ impriża mmexxija bi skopijiet ta’ qligħ, parzjalment kontrollata mill-Istat?

2)      Jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tkun fl-affermattiv, mill-anqas parzjalment:

Id-dispożizzjonijiet li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali kif deskritta hawn fuq huma direttament applikabbli, fis-sens li huma jistgħu jiġu invokati mill-persuni li għandhom l-obbligu ta’ l-iżvelar in kwistjoni sabiex jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu b’mod kuntrarju?”

 Kawżi C-138/01 u C-139/01

24      C. Neukomm u J. Lauermann, li huma impjegati ta’ l-ÖRF, entità suġġetta għall-kontoll tar-Rechnungshof, ressqu talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qrati Awstrijaki sabiex jimpedixxu li l-ÖRF tilqa’ t-talba tar-Rechnungshof għall-komunikazzjoni ta’ data.

25      It-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda fl-ewwel istanza. L-Arbeits- und Sozialgericht Wien (l-Awstrija) (C-138/01), wara li għamlet distinzjoni bejn it-trażmissjoni tad-data lir-Rechnungshof u l-inklużjoni tagħha fir-rapport, qieset li dan ta’ l-aħħar kellu jkun anonimu, filwaqt li s-sempliċi trażmissjoni tad-data lir-Rechnungshof, anke jekk tinkludi ismijiet, la tikser l-Artikolu 8 tal-KEDB u lanqas id-Direttiva 95/46. Min-naħa l-oħra, il-Landesgericht St. Pölten (l-Awstrija) (C-139/01) iddikjarat li l-inklużjoni ta’ data b’ismijiet fir-rapport hija legali, peress li l-anonimita’ ma tippermettix lir-Rechnungshof li teżerċita kontroll suffiċjenti.

26      L-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) ikkonfermat, f’appell, iċ-ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji tal-qrati ta’ l-ewwel stanza. Filwaqt li sostniet, fil-kuntest tal-Kawża C-138/01, li, billi jikkomunika d-data in kwistjoni, min iħaddem ma jagħmilx ħlief jeżegwixxi kompitu fdat lilu mil-liġi u li l-ipproċessar ulterjuri ta’ din mir-Rechnungshof ma jsirx taħt il-kontroll ta’ min iħaddem, din il-qorti enfasizzat, fil-kuntest tal-Kawża C-139/01, il-konformita’ ta’ l-Artikolu 8 BezBegrBVG mad-drittijiet fundamentali u mad-Direttiva 95/46, anki fil-każ ta’ lista nominattiva tal-persuni kkonċernati.

27      C. Neukomm u J. Lauermann appellaw fuq punt ta’ liġi (“Revision”) quddiem l-Oberster Gerichtshof.

28      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-domanda preliminari magħmula fil-Kawża C-465/00 u, filwaqt li tadotta l-punti ta’ liġi mqajma mill-Verfassungsgerichtshof, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati fi kliem identiku fil-Kawżi C-138/01 u C-139/01:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari dawk dwar il-protezzjoni tad-data [l-Artikoli 1, 2, 6, 7 u 22 tad-Direttiva 95/46/KE, l-Artikolu 6 (li qabel kien l-Artikolu F) tat-Trattat UE u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, meħuda flimkien] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil stazzjon tax-xandir irregolata mid-dritt pubbliku, fil-kwalità tagħha bħala entità ġuridika, li tikkomunika data dwar id-dħul ta’ l-impjegati tagħha u korp ta’ l-Istat li jiġbor u jikkomunika din id-data sabiex jiġu ppubblikati l-ismijiet u d-dħul ta’ dawn l-impjegati?

2)      Jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tkun fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali kif deskritta hawn fuq huma direttament applikabbli, fis-sens li huma jistgħu jiġu invokati mill-korp obbligat li jwettaq l-iżvelar in kwistjoni sabiex jipprevjeni l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jipprovdu b’mod kuntrarju u li, konsegwentement, dan il-korp ma jistax jinvoka obbligu legali nazzjonali kontra l-impjegati kkonċernati minn dan l-iżvelar?”

29      Permezz ta’ digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, il-Kawżi C-138/01 u C-139/01 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali u għall-finijiet tas-sentenza. Hemm lok li jingħaqdu wkoll il-Kawża C-465/00 u l-Kawżi C-138/01 u C-139/01 għall-finijiet tas-sentenza.

30      Għandu jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula rispettivament mill-Verfassungsgerichtshof u mill-Oberster Gerichtshof huma essenzjalment identiċi b’mod li għandhom jiġu eżaminati flimkien..

 Dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46

31      Ir-risposta għad-domandi magħmula tippresupponi li d-Direttiva 95/46 hija applikabbli għall-kawżi prinċipali. Din l-applikabbiltà hija kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża b’mod preliminari.

 Osservazzjonijiet ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali C-465/00 iqisu essenzjalment li l-attività ta’ kontroll tar-Rechnungshof taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u għaldaqstant tad-Direttiva 95/46. B’mod partikolari, pererss li tirrigwarda r-remunerazzjoni li l-impjegati ta’ l-entitajiet ikkonċernati jirċievu, din l-attività tolqot aspetti koperti minn dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam soċjali, bħall-Artikoli 136 KE, 137 KE u 141 KE, id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p.40), kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u li ġiet aġġornata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1).

33      Barra minn hekk, l-imsemmija konvenuti jsostnu li l-kontroll tar-Rechnungshof, minn naħa, jaffettwa l-possibbiltà ta’ l-impjegati ta’ l-entitajiet ikkonċernati li jfittxu impjieg fi Stat Membru ieħor, minħabba l-pubbliċità marbuta mas-salarji tagħhom li tillimita s-setgħa ta’ negozjar tagħhom mal-kumpanniji barranin u, min-naħa l-oħra, tiddiswadi liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħrajn milli jfittxu impjieg fi ħdan l-entitajiet suġġetti għall-imsemmi kontroll.

34      Austrian Airlines, Österreichische Luftverkehrs-AG, tippreċiża li l-preġudizzju għall-moviment liberu tal-ħaddiema huwa partikolarment gravi fil-każ tagħha, minħabba li hija tikkompeti ma’ kumpanniji ta’ Stati Membri oħrajn li mhumiex suġġetti għal tali kontroll.

35      Ir-Rechnungshof, il-Gvern Awstrijak u dak Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni sa ċertu punt, iqisu, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 95/46 mhijiex applikabbli fil-kawżi prinċipali.

36      Skond ir-Rechnungshof kif ukoll skond il-Gvern Awstrijak u dak Taljan, l-attività ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG, li għandha għanijiet ta’ interess ġenerali fil-qasam tal-kontabbiltà pubblika, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

37      Wara li ġie kkonstatat li d-Direttiva, adottata abbażi ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat, għandha bħala għan li tistabbilixxi s-suq intern, li fil-kuntest tiegħu tinsab il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata, ir-Rechnungshof kif ukoll il-Gvern Awstrijak u dak Taljan isostnu li l-kontroll in kwistjoni mhuwiex tali li jostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, ladarba huwa bl-ebda mod ma jipprekludi lill-impjegati ta’ l-entitajiet ikkonċernati milli jmorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor u lanqas ma jipprekludi lill-impjegati ta’ Stati Membri oħrajn milli jaħdmu għal dawn l-entitajiet. F’kull każ, ir-rabta bejn l-attività ta’ kontroll u l-moviment liberu tal-ħaddiema, anki jekk jitqies li dawn ta’ l-aħħar jipprovaw jevitaw li jaħdmu għal impriża suġġetta għall-kontroll tar-Rechnungshof minħabba l-pubbliċità marbuta mas-salarji li huma jirċievu, hija wisq inċerta u indiretta sabiex tikkostitwixxi preġudizzju għall-moviment liberu u tippermetti, abbażi ta’ dan, rabta mad-dritt Komunitarju.

38      Il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni simili. Waqt is-seduta, hija madankollu qieset li l-attività ta’ ġbir tad-data mill-entitajiet suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof, fid-dawl tal-komunikazzjoni tagħha lil dan ta’ l-aħħar u ta’ l-inklużjoni tagħha fir-rapport, taqa’ hija nfisha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, dan il-ġbir iservi mhux biss għall-attività ta’ kontroll tal-kontijiet, iżda wkoll u fl-ewwel lok għall-ħlas tas-salarji, li jikkostitwixxi attività li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ diversi dispożizzjonijiet fil-qasam soċjali tat-Trattat li huma rilevanti għal dan is-suġġett, bħall-Artikolu 141 KE, u minħabba l-impatt eventwali ta’ din l-attività fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 95/46, adottata skond l-Artikolu 100 A tat-Tratta, hija intiża sabiex tiżgura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri tad-data ta’ natura personali permezz ta’ l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali li jipproteġu l-persuni fiżiċi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ tali data. Fil-fatt, l-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija direttiva, li jiddefinixxi l-għan ta’ din, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-moviment liberu tad-data ta’ natura personali bejn l-Istati Membri għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-libertajiet u drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari għal ħajja privata tagħhom, fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ din id-data.

40      Minnħabba li d-data personali kollha tista’ tiċċirkola bejn l-Istati Membri, id-Direttiva 95/46 timponi, bħala regola ġenerali, l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni ta’ tali data fir-rigward ta’ l-ipproċessar kollu ta’ din ta’ l-aħħar kif definita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

41      Għandu jingħad ukoll li l-użu tal-bażi ġuridika ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat ma jippresupponix l-eżistenza ta’ rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija mill-att b’tali bażi. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, IL-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 85, u ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60), dak li huwa importanti, sabiex jiġi ġġustifkat l-użu ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat bħala bażi ġuridika, huwa li l-att adottat fuq din il-bażi jkollu effettivament l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ l-istabbiliment u tat-tħaddim tas-suq intern. F’dan il-każ, din il-karatteristika fundamentali qatt ma ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, b’mod partikolari dawk li fid-dawl tagħhom il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni mad-dritt Komunitarju.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 ma tistax tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjonijiet konkreti in kwistjoni fil-kawżi prinċipali jinvolvux ratba suffiċjenti ma’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u, b’mod partikolari fl-imsemmija kawżi, mal-moviment liberu tal-ħaddiema. Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja għandha mnejn trendi l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttiva partikolarment inċerti, li jmur kontra l-għan essenzjali ta’ din, li huwa li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri sabiex jiġu eliminati l-ostakli għat-tħaddim tas-suq intern li jirriżultaw preċiżament mid-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

43      Barra minn hekk, l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 għal sitwazzjonijiet li ma jinvolvux rabta diretta ma’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali tal-moviment iggarantiti mit-Trattat hija kkonfermata mill-kliem ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din b’mod wiesa’ ħafna, billi ma jissuġġettax l-applikazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni għall-fatt li l-ipproċessar jinvolvi rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri. L-istess konferma tingħata permezz ta’ l-eċċezzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 2 ta’ l-istess artikolu, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali “fil-kors ta’ attività […] provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” jew “fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”. Fil-fatt, dawn id-derogi ma kinux, mill-inqas, jiġu fformulati b’dan il-mod jekk l-imsemmija direttiva kellha tkun esklużivament applikabbli għal sitwazzjonijiet li jinvolvu rabta suffiċenti ma’ l-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment.

44      L-istess osservazzjoni tista’ ssir fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet inklużi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46, li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data, u b’mod partikolari dawk previsti f’din l-istess dispożizzjoni fis-subparagrafu (d), li tirreferi għall-ipproċessar magħmul “minn fondazzjoni, għaqda jew xi korp ieħor li ma jagħmilx profitt b’għanijiet politiċi, filosofiċi, reliġjużi jew trejd-unjonistiċi”.

45      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, dan l-ipproċessar ma jikkonċernax l-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, bħalma huma dawk previsti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Lanqas ma huwa pproċessar li għandu bħala suġġett is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà ta’ l-Istat u l-attivatijiet ta’ l-Istat relatati ma’ oqsma tad-dritt penali.

46      L-għanijiet msemmija fl-Artikoli 7(ċ) u (e) u 13(e) u (f) tad-Direttiva 95/46 juru barra minn hekk li din hija intiża sabiex tkopri pproċessar ta’ data bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali.

47      Għaldaqstant għandu jitqies li d-Direttiva 95/46 hija applikabbli għall-ipproċessar tad-data ta’ natura personali prevista minn leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali.

 Fuq l-ewwel domanda

48      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu essenzjalment jekk id-Direttiva 95/46 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tobbliga lil korp ta’ kontroll Statali li jiġbor u jikkomunika, għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni, data rigward id-dħul ta’ persuni impjegati minn entitajiet li huma suġġetti għal dan il-kontroll ladarba dan id-dħul jaqbeż ċertu livell.

 Osservazzjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

49      Il-Gvern Daniż iqis li d-Direttiva 95/46 ma tirregolax, strettament, id-dritt tat-terzi ta’ aċċess, fuq talba tagħhom, għad-dokumenti. B’mod partikolari l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jirreferi biss għad-dritt ta’ kull persuna li tikseb informazzjoni li tikkonċernaha. Skond dan il-gvern, il-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali, li tidher li mhijiex sensittiva, għandha ċċedi quddiem il-prinċipju ta’ trasparenza li għandu pożizzjoni essenzjali fis-sistema legali Komunitarja. Il-Gvern Daniż, l-istess bħall-Gvern Żvediż, josserva, f’dan ir-rigward, li, skond il-premessa 72 ta’ l-imsemmija direttiva, jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni, fl-implementazzjoni ta’ din, il-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti amministrattivi.

50      Ir-Rechnungshof, il-Gvern Awtrijak, dak Taljan, dak Olandiż, dak Finlandiż u dak Żvediż, kif ukoll il-Kummissjoni, iqisu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawżi prinċipali huma kompatibbli mad-Direttiva 95/46, minħabba, b’mod ġenerali, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Memrbi fl-implementazzjoni ta’ din, b’mod partikolari fil-każ ta’ kompitu ta’ interess pubbliku, previst mil-liġi, taħt l-Artikoli 6(b) u (ċ) u 7(ċ) jew (e) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, jiġu invokati kemm il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni xierqa tal-fondi pubbliċi kir ukoll il-prevenzjoni ta’ abbużi.

51      Dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali jistgħu validament jiġġustifikaw indħil fil-ħajja privata, protetta mill-Artikolu 8(2) tal-KEDB, jekk dan huwa previst mil-liġi, huwa neċessarju f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi u meta mhuwiex spoporzjonat fid-dawl ta’ l-għan segwit.

52      Il-gvern Awstrijak josserva, b’mod partikolari li, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ proporzjonalità, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-livell li fih id-data taffettwa l-ħajja privata. Barra minn hekk, data li taffettwa l-intimità tal-persuna, is-saħħa, il-ħajja tal-familja jew is-sesswalità għandha tiġi protetta b’mod iktar qawwi mid-data dwar id-dħul u t-taxxi li, minkejja li hija wkoll ta’ natura personali, tikkonċerna fuq livell iktar baxx l-identità tal-persuna u hija wkoll inqas sensittiva (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Fressoz u Roire vs Franza tal-21 ta’ Jannar 1999, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1999-I, § 65).

53      Il-gvern Finlandiż iqis ukoll li l-protezzjoni tal-ħajja privata mhijiex assoluta. B’dan il-mod, id-data dwar persuna li taġixxi fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha jew ta’ inkarigi pubbliċi relatati magħhom ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-ħajja privata.

54      Il-Gvern Taljan isostni li data bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali hija diġà minnha nfisha pubblika fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, għaliex hija tirriżulta minn skali ta’ salarji jew skali ta’ remunerazzjonijiet stabbiliti minn liġi, minn regolament jew minn ftehim kollettivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li jiġi previst l-iżvelar tagħha billi tiġi ppreċiżata wkoll l-identità tad-diversi persni li jirċievu d-dħul in kwistjoni. Dan l-iżvelar li huwa għalhekk intiż sabiex irendi iktar ċara sitwazzjoni li tirriżulta diġà minn data fid-dispożizzjoni tal-kollettività nazzjonali jikkostitwixxi l-miżura minima li tippermetti li jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

55      Il-gvern Olandiż iżid jgħid madankollu li l-qrati tar-rinviju għandhom jivverifikaw, għal kull entità pubblika kkonċernata, jekk l-għan ta’ interess ġenerali jistax jintlaħaq billi d-data ta’ natura personali tiġi ttrattata b’inqas preġudizzju għall-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.

56      Il-Gvern tar-Renju Unit, min-naħa tiegħu, isostni li, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, mhumiex rilevanti d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fit-18 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p.1), u li l-Verfassungsgerichtshof irrefera fil-qosor għaliha.

57      Fil-Kawżi C-138/01 u C-139/01, il-Kummissjoni tistaqsi jekk, fil-kuntest ta’ l-eżami tal-proporzjonalità magħmul skond l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46, huwiex biżżejjed, sabiex jintlaħaq l-għan tal-BezBegrBVG, li d-data tiġi trażmessa taħt forma anonima, per eżempju billi tiġi indikata l-funzjoni tal-persuna kkonċernata minflok isimha. Anke jekk jiġi ammess li r-Rechnungshof għandu bżonn data nominattiva sabiex tagħmel kontroll preċiż, hija tistaqsi jekk l-inklużjoni ta’ din id-data fir-rapport, flimkien ma’ indikazzjoni ta’ isem il-persuna kkonċernata, hijiex verament indispensabbli għall-eżerċizzju tal-kontroll, iktar u iktar peress li r-rapport mhuwiex ppreżentat biss fl-assembleji parlamentari, iżda għandu wkoll jiġi ppubblikat b’mod wiesa’.

58      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li, skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jidderogaw mill-Artikolu 6(1)(b) ta’ din sabiex jipproteġu diversi għanijiet ta’ interess ġenerali u, b’mod partikolari “interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru” [Artikolu 13(1)(e)]. Madanakollu, skond il-Kummissjoni, il-miżuri ta’ deroga għandhom ikunu wkoll konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk magħmula fil-punt preċedenti fir-rigward ta’ l-Artikolu 6(1)(b) ta’ l-imsemmija direttiva.

59      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali C-465/00 iqisu, b’mod kumplessiv, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 6(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 95/46 u ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ l-Artikolu 7(ċ) u (e), ta’ din, minħabba li hija tikkostitwixxi ndħil mhux ġustifikat fid-dawl ta’ l-Artikolu 8(2) tal-KEDB u hija, f’kull każ, sproporzjonata. Il-kontroll tal-verifika magħmul mir-Rechnungshof huwa suffiċjenti sabiex jiggarantixxi l-użu bil-qies tal-fondi pubbliċi.

60      B’mod iktar partikolari, mhuwiex stabbilit li l-pubblikazzjoni ta’ l-isem u ta’ l-ammont tad-dħul tal-persuni kollha impjegati mill-entitajiet pubbliċi meta dan l-ammont jaqbeż ċertu livell tikkostitwixxi miżura intiża għall-ġid ekonomiku tal-pajjiż. L-għan tal-leġiżlatur kien dak li ssir pressjoni fuq l-entitajiet ikkunsidrati sabiex huma jżommu s-salarji fuq livell li mhuwiex tant għoli. L-imsemmija konvenuti jsostnu wkoll li din il-miżura tkopri, f’dan il-każ, persuni li mhumiex, fil-biċċa l-kbira tagħhom, figuri pubbliċi.

61      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-istabbiliment mir-Rechnungshof ta’ rapport li jinkludi data ta’ natura personali dwar id-dħul u li huwa intiż għal dibattitu pubbliku huwa ndħil fil-ħajja privata ġġustifikat skond l-Artikolu 8(2) tal-KEDB, il-Land Niederösterreich u l-ÖRF isostnu li din il-miżura tikser ukoll l-Artikolu 14 tal-KEDB. Persuni li jirċievu l-istess dħul huma, fil-fatt, trattati b’mod differenti, skond jekk huma impjegati jew le ta’ entità suġġetta għall-kontroll tar-Rechnungshof.

62      L-ÖRF tenfasizza inugwaljanza fit-trattament oħra mhux ġustifikata fid-dawl ta’ l-Artikolu 14 tal-KEDB. Fil-fatt, fost l-impjegati ta’ l-entitajiet suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof, huma biss dawk li d-dħul tagħhom jaqbeż il-livell stabbilit fl-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG li għandhom ibatu ndħil fil-ħajja privata tagħhom. Jekk il-leġiżlatur jagħti imporatanza reali lin-natura raġonevoli tar-remunerazzjoni li l-membri tal-persunal ta’ ċerti entitajiet ġuridiċi jirċievu, ikun neċessarju li jiġi ppubblikat id-dħul tal-persuni impjegati kollha, indipendentement mill-ammont tiegħu.

63      Fl-aħħar nett, il-Marktgemeinde Kaltenleutgeben u Austrian Airlines, Österreichische Luftverkehrs–AG isostnu li l-kliem ta’ l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt Komunitarju, fis-sens li d-dħul in kwistjoni għandu jiġi kkomunikat lir-Rechnungshof u inkluż fir-rapport biss b’mod anonimu. Din l-interpretazzjoni għandha tipprevali minħabba li hija tali li ssolvi l-kontradizzjoni bejn din id-dispożizzjoni u d-Direttiva 95/46.

 Risposta tal-Qorti talĠustizzja

64      Għandu jiġi kkonstatat, b’mod preliminari, li d-data in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tikkonċerna kemm id-dħul allokat minn ċerti entitajiet kif ukoll il-benefiċjarji ta’ dan id-dħul, hija data ta’ natura personali fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, għaliex hija “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. Ir-reġistrazzjoni u l-użu tagħha mill-entità kkonċernata, kif ukoll it-trażmissjoni tagħha lir-Rechnungshof u l-inklużjoni tad-data minn din ta’ l-aħħar f’rapport intiż sabiex jiġi kkomunikat lil diversi istituzzjonijiet politiċi u ppubblikat b’mod wiesa’, juru n-natura ta’ pproċessar ta’ data personali fis-sens ta’ l-Artikolu 2(b) ta’ l-imsemmija direttiva.

65      Skond id-Direttiva 95/46, bl-eċċezzjoni tad-derogi ammessi taħt l-Artikolu 13 tagħha, l-ipproċessar kollu ta’ data ta’ natura personali għandu jkun konformi, minn naħa, mal-“prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, imsemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, ma’ wieħed mill-“kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, elenkati fl-Artikolu 7 ta’ din.

66      B’mod iktar partikolari, id-data għandha “[tinġabar] għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi” [Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46] u għandha tkun “adekwat[a], rilevanti u mhux eċċessiv[a]” fid-dawl ta’ l-imsemmija għanijiet [Artikolu 6(1)(ċ)]. Barra minn hekk, skond Artikolu 7(ċ) u (e) ta’ l-istess direttiva, l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali huwa legali rispettivament jekk “ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur” jew jekk “ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur […] li lilha jkun żvelat id-data”.

67      Madankollu, skond l-Artikolu 13(e) u (f) ta’ l-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw b’mod partikolari mill-Artikolu 6(1) ta’ din meta ikun neċessarju sabiex jiġu protetti rispettivament “interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali” jew “monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali”, f’każijiet partikolari fosthom dak imsemmi taħt (e), li għadu kemm ġie msemmi.

68      Għandu jingħad ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, safejn huma jirregolaw l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali li għandha mnejn tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skond ġurisprudenza stabbilita, huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra, p. I-1611, punt 37).

69      Dawn il-prinċipji ġew espliċitament riprodotti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat UE, li jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

70      Id-Direttiva 95/46 nfisha, minkejja li għandha bħala għan prinċipali li tiggarantixxi l-moviment liberu ta’ data ta’ natura personali, tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha li “Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali”. Diversi premessi ta’ l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari l-premessi għaxra u ħdax, jesprimu wkoll dan ir-rekwiżit.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li Artikolu 8 tal-KEDB, filwaqt li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-prinċipju li l-awtoritajiet pubbliċi ma għandhomx jindaħlu fl-eżerċizzju tad-dritt għall-ħajja privata, jaċċetta, fil-paragrafu 2 tiegħu, li dan l-indħil huwa possibbli fejn huwa “jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor”.

72      Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 6(1)(ċ), 7(ċ) u (e), u 13, għandu jiġi aċċertat, fl-ewwel lok, jekk leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tipprovdix għal indħil fil-ħajja privata u, fejn xieraq, jekk dan l-indħil huwiex ġustifikat fid-dawl ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB.

 Dwar l-eżistenza ta’ ndħil fil-ħajja privata

73      Qabel kollox, għandu jitqies li l-ġbir ta’ data nominattiva dwar id-dħul ta’ individwu minn professjoni, sabiex tiġi kkomunikata lil terzi, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-kliem “ħajja privata” ma kellux jiġi interpretat b’mod restrittiv u li “l-ebda raġuni ta’ prinċipju ma tippermetti li jiġu esklużi l-attivitajiet professjonali […] mill-kunċett ta’ ħajja ‘privata’” (ara, b’mod partikolari, QEDB, is-sentenzi Amann vs Żvizzera tas-16 ta’ Frar 2000, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2000-II, § 65, u Rotaru vs Rumanija ta’ l-4 ta’ Mejju 2000, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2000-V, § 43).

74      Għandu jiġi kkonstatat li, jekk is-sempliċi memorizzazzjoni minn min iħaddem ta’ data nominattiva relatata mar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-persunal tiegħu ma tistax, minnha nfisha, tikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata, il-komunikazzjoni ta’ din id-data lil terzi, f’dan il-każ awtorità pubblika, tkun ta’ preġudizzju għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ l-interessati, indipendentement mill-użu ulterjuri ta’ l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod, u għandha n-natura ta’ ndħil fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB.

75      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ndħil, mhuwiex rilevanti jekk l-informazzjoni kkomunikata hijiex ta’ natura sensittiva jew le jew jekk l-persuni interessati sofrewx minn eventwali inkonvenjenti jew le minħabba dan l-indħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amann vs Żvizzera, iċċitata iktar ’il fuq, § 70). Biżżejjed jiġi kkonstatat li d-data dwar id-dħul riċevut minn ħaddiem jew minn pensjonant ġew ikkomunikati minn min iħaddem lil terz.

Dwar il-ġustifikazzjoni ta’ l-indħil


76      Indħil bħal dak imsemmi fil-punt 74 ta’ din is-sentenza jikser l-Artikolu 8 tal-KEDB ħlief jekk ikun “skond il-liġi”, u jkollu wieħed jew diversi mill-għanijiet leġittimi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni u huwa “meħtieġ f’soċjeta’ demokratika” sabiex jintlaħaq dan l-għan jew għanijiet.

77      Huwa stabbilit li l-indħil in kwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa skond l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-artikolu huwiex imfassal b’preċiżjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-liġi li jadattaw l-aġir tagħhom skond dan u jissodisfa b’dan il-mod ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’mod partikolari, QEDB, is-sentenza Rekvényi vs Ungerija ta’ l-20 ta’ Mejju 1999, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1999-III, § 34).

78      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(3) tal-BezBegrBVG jipprovdi li r-rapport magħmul mir-Rechnungshof “għandu jsemmi l-persuni kollha li s-salarji annwali u l-pensjonijiet tagħhom imħallsa mill-entitajiet ġuridiċi […] jaqbżu l-ammont globali msemmi fil-paragrafu 1”. Skond l-ordnijiet tar-rinviju, hija d-duttrina li, billi tibbaża ruħu fuq ix-xogħol ta’ tħejjija, tinterpreta f’dan is-sens il-liġi kostituzzjonali.

79      Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw jekk l-interpretazzjoni fis-sens li l-Artikolu 8(3) tal-BezBegrBVG jimponi obbligu ta’ l-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-persuni kkonċernati fir-rigward tad-dħul li huma jirċievu tissodisfax ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà mfakkar fil-punt 77 ta’ din is-sentenza.

80      Madankollu, din il-kwistjoni eventwalment tqum biss wara li jiġi eżaminat jekk interpretazzjoni f’dan is-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni hijiex konformi ma’ l-Artikolu 8 tal-KEDB fid-dawl tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità ta’ l-għanijiet segwiti. Din il-kwistjoni msemmija l-aħħar hija eżaminata fil-punti li ġejjin.

81      Mill-ordni tar-rinviju jirriżulta, f’dan ir-rigward, fil-Kawża C-465/00, li l-għan ta’ l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG huwa li ssir pressjoni fuq l-entitajiet pubbliċi kkonċernati sabiex iżommu s-salarji f’limiti raġonevoli. Il-Gvern Awstrijak josserva, b’mod iktar ġenerali, li l-indħil stabbilit minn din id-dispożizzjoni għandu l-iskop li jiggarantixxi l-użu bil-qies u adattat tal-fondi pubbliċi mill-amministrazzjoni. Dan l-għan jikkostitwixxi skop leġittimu fis-sens kemm ta’ l-Artikolu 8(2) tal-KEDB, li huwa intiż għall-“ġid ekonomiku tal-pajjiż”, kif ukoll ta’ l-Artikolu 6(1)(b), tad-Direttiva 95/46, li jirreferi għal “finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi”.

82      Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk l-indħil in kwistjoni huwiex neċessarju, f’soċjeta’ demokratika, sabiex jintlaħaq l-iskop leġittimu mfittex.

83      Skond il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-aġġettiv “neċessarju”, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(2) tal-KEDB, jimplika li “bżonn soċjali imperattiv” huwa in kwistjoni u li l-miżura adottata tkun “proporzjonata għall-għan leġittimu mixtieq” (ara, b’mod partikolari, QEDB, is-sentenza Gillow vs Ir-Renju Unit ta’ l-24 ta’ Novembru 1986, Serje A Nru 109, § 55). Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom setgħa diskrezzjonali, “li l-portata tagħha tiddependi mhux biss fuq in-natura ta’ l-għan mixtieq iżda wkoll fuq in-natura partikolari ta’ l-indħil” (ara QEDB, is-sentenza Leander vs Żvezja tas-26 ta’ Marzu 1987, Serje A Nru 116, § 59).

84      F’dan is-sens, għandhom jiġu mwieżna l-interess tar-Repubblika Awstrijaka li tiggarantixxi l-aħjar użu ta’ fondi pubbliċi u, b’mod partikolari, iż-żamma tas-salarji f’limiti raġonevoli, u l-gravita’ tal-preġudizzju għad-dritt tal-persuni kkonċernati għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom.

85      F’dan ir-rigward, minn naħa, sabiex jiġi kkontrollat l-użu tajjeb tal-fondi pubbliċi, ir-Rechnungshof kif ukoll id-diversi assembleji parlamentari għandhom bżonn, bla ebda dubju, li jkunu jafu l-ammont ta’ l-ispejjeż allokati għar-riżorsi umani fid-diversi entitajiet pubbliċi. Ma’ dan jiżdied id-dritt, f’soċjeta’ demokratika, tal-persuni taxxabbli u l-opinjoni pubblika b’mod ġenerali, li jinżammu informati dwar l-użu tad-dħul pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-ispejjeż għall-persunal. Tali informazzjoni, miġbura fir-rapport, tista’ tikkontribwixxi għad-dibattitu pubbliku dwar kwistjoni ta’ interess ġenerali u għaldaqstant isservi l-interess pubbliku.

86      Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk l-indikazzjoni ta’ l-isem tal-persuni kkonċernati fir-rigward tad-dħul riċevut hijiex proporzjonata ma’ l-għan leġittimu segwit u jekk il-motivi invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġġustifikaw tali żvelar jidhrux rilevanti u suffiċjenti.

87      Għandu jiġi kkonstatat li, skond l-interpretazzjoni adottata mill-qrati tar-rinviju, l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG jimponi l-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-persuni kkonċernati, fir-rigward tad-dħul riċevut li jaqbeż ċertu livell, mhux biss fir-rigward tal-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet li jagħtu lok għal remunerazzjoni li l-iskala tagħha hija ppubblikata, iżda fir-rigward tal-persuni kollha li jirċievu remunerazzjoni minn entità suġġetta għall-kontroll tar-Rechnungshof. Barra minn hekk, tali informazzjoni mhijiex biss ikkomunikata lil din ta’ l-aħħar u, minn din, lid-diversi assembleji parlamentari, iżda hija wkoll ippubblikata b’mod wiesgħa.

88      Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw jekk tali pubbliċità hijiex, fl-istess waqt, neċessarja u proporzjonata mal-għan li s-salarji jinżammu fil-limitu raġonevoli u, b’mod partikolari, jeżaminaw jekk tali għan setax jintlaħaq b’mod daqstant effettiv permezz tat-trażmissjoni ta’ l-informazzjoni nominattiva lill-korpi ta’ kontroll biss. Bl-istess mod, tqum il-kwistjoni dwar jekk kienx ikun suffiċjenti li l-pubbliku ġenerali jiġi informat biss bir-remunerazzjonijiet u vantaġġi oħra fi flus li l-persuni impjegati mill-entitajiet pubbliċi kkonċernati jistgħu jinvokaw skond il-kuntratt jew skond il-liġi, iżda mhux bis-somom li kull persuna effettivament irċeviet, matul is-sena kkunsidrata, u li parti minnhom, varjabbli, tista’ tiddependi fuq is-sitwazzjoni tagħhom fil-familja u fuq il-livell personali.

89      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, il-gravità tal-preġudizzju għad-dritt tal-persuni kkonċernati għall-ħajja privata tagħhom, mhuwiex eskluż li dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu ppreġudikati minħabba l-konsegwenzi negattivi tal-pubbliċità marbuta mad-dħul tagħhom minn professjoni, b’mod partikolari fuq il-prospetti ta’ impjieg li jkollhom f’impriżi oħrajn li jinsabu jew ma jinsabux fl-Awstrija u li mhumiex suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof.

90      Għandu jiġi konkluż li l-indħil li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa ġġustifikat fid-dawl ta’ l-Artikolu 8(2) tal-KEDB biss safejn l-iżvelar wiesa’ mhux biss ta’ l-ammont tad-dħul annwali, meta dan jaqbeż ċertu livell, ta’ persuni impjegati minn entitajiet suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof, iżda wkoll ta’ l-ismijiet tal-benefiċjarji ta’ dan id-dħul, huwa kemm neċessarju kif ukoll xieraq għall-iskop li s-salarji jinżammu f’limiti raġjonevoli, u dan l-eżami għandu jsir mill-qrati tar-rinviju.

 Dwar il-konsegwenzi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46

91      Jekk il-qrati tar-rinviju jikkonkludu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 8 tal-KEDB, l-imsemmija leġiżlazzjoni lanqas ma tista’ tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikoli 6(1)(ċ) u 7(ċ) jew (e) tad-Direttiva 95/46. Hija lanqas ma tista’ tkun koperta minn waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija direttiva, li titlob ukoll l-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità fid-dawl ta’ l-għan ta’ interess ġenerali li huwa segwit. F’kull każ, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala waħda li tista’ tiġġustifika preġudizzju għad-dritt ta’ rispett għall-ħajja privata li jikser l-Artikolu 8 tal-KEDB.

92      Jekk, minn naħa l-oħra, il-qrati tar-rinviju jqisu li l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG huwa, fl-istess waqt, neċessarju u xieraq għall-għan segwit ta’ interess ġenerali, huma jkollhom ukoll, kif jirriżulta mill-punti 77 sa 79 ta’ din is-sentenza, jivverifikaw jekk, billi ma pprovdiex espliċitament għall-iżvelar ta’ l-isem tal-persuni kkonċernati fir-rigward tad-dħul riċevut, l-Artikolu 8 tal-BezBegrBVG jissodisfax ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà.

93      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali kollha, safejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u ta’ l-iskop tad-direttiva applikabbli sabiex jintlaħaq ir-riżultat segwit minn din u b’dan il-mod tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu ta’ Artikolu 249 KE (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra, p. I-4135, punt 8).

94      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li Artikoli 6(1)(ċ), u 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li l-iżvelar wiesa’ mhux biss ta’ l-ammont tad-dħul annwali, meta dan jaqbeż ċertu livell, ta’ persuni impjegati mill-entitajiet suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof, iżda wkoll ta’ l-ismijiet tal-benefiċjarji ta’ dan id-dħul, huwa neċessarju u xieraq għall-għan tal-leġiżlatur ta’ amministrazzjoni tajba tal-fondi pubbliċi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qrati nazzjonali.

 Fuq it-tieni domanda

95      Permezz tat-tieni domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex direttament applikabbli, fis-sens li jistgħu jiġu invokati minn individwu quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jevitaw l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

96      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali C-465/00 kif ukoll il-Gvern Olandiż iqisu, b’mod kumplessiv, li l-Artikoli 6(1) u 7 tad-Direttiva 95/46 jissodisfaw il-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jingħataw effett dirett. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonati sabiex jiġu invokati mill-entitajiet li li huma obbligati jiżvelaw id-data dwar id-dħul tal-persuni kkonċernati sabiex jevitaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għall-imsemmija dispożizzjonijiet.

97      Il-Gvern Awstrijak isostni, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46 mhumiex direttament applikabbli. B’mod partikolari, l-Artikoli 6(1) u 7 ta’ din mhumiex inkundizzjonati ladarba l-implementazzjoni tagħhom teżiġi li l-Istati membri, li għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, jadottaw miżuri speċjali għal dan il-għan.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, fuq il-livell tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fit-termini preskritti, jew inkella inkwantu huma tali li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw fil-konfront ta’ l-Istat (ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, p. 53, punt 25, u ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, p. I-6833, punt 51).

99      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, it-tieni domanda tistaqsi jekk tali natura tistax tiġi attribwita lill-Artikolu 6(1)(ċ), tad-Direttiva 95/46, li jipprovdi li “data personali għandu jkun […] adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat”, kif ukoll lill-Artikolu 7(ċ) jew (e), li jipprovdu li l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali jista’ jsir biss jekk, fost l-oħrajn, “l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur” jew “l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur […] li lilha jkun żvelat id-data”.

100    Dawn id-dispożizzjonijiet huma suffiċjentement preċiżi sabiex jiġu invokati minn individwu u applikati mill-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, jekk id-Direttiva 95/46 timplika mingħajr dubju, għall-Istati membri, setgħa diskrezzjonali ftit jew wisq importanti għall-implementazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, l-Artikoli 6(1)(ċ), u 7(ċ) u (e), min-naħa tagħhom, isemmu obbligi inkundizzjonati.

101    Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 6(1)(ċ), u 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46 huma direttament applikabbli, fis-sens li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt intern kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

102    L-ispejjeż magħmula mill-Gvern Awstrijak, dak Daniż, dak Taljan, dak Olandiż, dak Finlandiż, dak Żvediż u dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domandi magħmula mill-Verfassungsgerichtshof, permezz ta’ orndi tat-12 ta’ Diċembru 2000, u mill-Oberster Gerichtshof, permezz ta’ ordnijiet ta’ l-14 u tat-28 ta’ Frar 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 6(1)(ċ), u 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi rigward l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li l-iżvelar wiesa’ mhux biss ta’ l-ammont tad-dħul annwali, meta dan jaqbeż ċertu livell, ta’ persuni mpjegati mill-entitajiet suġġetti għall-kontroll tar-Rechnungshof, iżda wkoll ta’ l-ismijiet tal-benefiċjarji ta’ dan id-dħul, huwa neċessarju u xieraq għall-għan tal-leġiżlatur ta’ amministrazzjoni tajba tal-fondi pubbliċi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qrati nazzjonali.

2)      L-Artikoli 6(1)(ċ), u 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46 huma direttament applikabbli, fis-sens li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt intern kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Gulmann

Edward

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

Colneric

von Bahr

 

      Cunha Rodrigues      

 

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Mejju 2003.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż