Language of document : ECLI:EU:C:2015:262

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ April 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Kuntratti ta’ assigurazzjoni — Artikolu 4(2) — Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali — Esklużjoni tal-klawżoli dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt — Klawżola li tirrigwarda t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali ta’ kuntratt ta’ self immobiljari — Inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef — Esklużjoni mill-benefiċċju ta’ din il-garanzija fil-każ ta’ kompetenza rrikonoxxuta li tiġi jew ma tiġix eżerċitata attività bi ħlas”

Fil-Kawża C‑96/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de grande instance de Nîmes (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Jean-Claude Van Hove

vs

CNP Assurances SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CNP Assurances SA, minn P. Woolfson u I. de Seze, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn S. Menez u D. Colas kif ukoll minn S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. C. Van Hove u CNP Assurances SA (iktar ’il quddiem “CNP Assurances”) dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali inkluża f’kuntratt ta’ assigurazzjoni li tinkludi d-definizzjoni tal-inkapaċità totali għax-xogħol skont it-teħid ta’ responsabbiltà minn din il-kumpannija tal-ħlasijiet rateali tas-self immobiljari sottoskritt minn J.C. Van Hove.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-dsatax u l-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 huma redatti kif ġej:

“Billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett [is-suġġett prinċipali] tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi jsegwi, inter alia, li f’kuntratti ta’ assigurazzjoni, il-klawżoli li b’mod ċar jistabbilixxu jew jiċċirkoskrivu r-riskju assigurat u r-responsabbiltà ta’ assiguratur m’għandhomx ikunu suġġetti għal din l-istima peress li dawn jiġu kkunsidrati waqt li jkun qiegħed jiġi kkalkulat il-premju li għandu jitħallas mill-konsumatur;

Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett [tas-suġġett prinċipali] tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7        Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ kondizzjoni, għandha tipprevali l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

 Id-dritt Franċiż

8        Is-seba’ paragrafu tal-Artikolu L. 132‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum, li jittrasponi fid-dritt Franċiż l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli […] la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni għall-proprjetà mibjugħa jew għas-servizz ipprovdut, sakemm il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem.”

9        L-Artikolu L. 133‑2 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi kif ġej:

“Il-klawżoli tal-kuntratti proposti mill-bejjiegħa jew il-fornituri lill-konsumaturi jew lil dawk li ma humiex bejjiegħa jew fornituri għandhom jiġu ppreżentati u fformulati b’mod ċar u li jinftiehem.

F’każ ta’ dubju huma għandhom jiġu interpretati fis-sens l-iktar favorevoli għall-konsumatur u jew għal dak li ma huwiex bejjiegħ jew fornitur. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Matul ix-xahar ta’ Lulju 1998, J.C. Van Hove kkonkluda mal-Crédit Immobilier de France Méditerranée żewġ kuntratti ta’ self fl-ammont, rispettivament ta’ FRF 340 600 (EUR 51 924) u ta’ FRF106 556 (EUR 16 244), li jitħallsu lura permezz ta’ ħlasijiet fix-xahar ta’ EUR 434.43 sal-31 ta’ Marzu 2016, għal wieħed, u EUR 26.70 sal-31 ta’ Marzu 2017, għall-ieħor.

11      Fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti ta’ self, huwa impenja ruħu f’“kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp” ta’ CNP Assurances (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ assigurazzjoni”). L-ewwel klawżola ta’ dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni tiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali “dovuti minn dawk li jisselfu lill-kontraenti, f’każ ta’ mewt, ta’ invalidità permanenti u assoluta, jew 75 % tal-ħlasijiet rateali għal inkapaċità totali għax-xogħol”.

12      Skont it-tieni klawżola tal-imsemmi kuntratt, “(l)-assigurat huwa fi stat ta’ inkapaċità totali għax-xogħol meta, fit-tmiem ta’ perijodu ta’ interruzzjoni kontinwa ta’ attività ta’ 90 jum (imsejjaħ terminu ta’ stennija), huwa jsib ruħu fl-impossibbiltà li jerġa’ jibda xi tip ta’ attività bi ħlas jew mingħajr ħlas, wara inċident jew marda”.

13      Fis-17 ta’ Frar 2010, J.C. Van Hove twaqqaf milli jkompli jaħdem minħabba rikaduta marbuta ma’ inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2000. L-istat ta’ saħħa tiegħu ġie kkonsolidat fis-17 ta’ Ottubru 2005. L-inkapaċità permanenti parzjali tiegħu għax-xogħol, bħala tali, kienet ġiet evalwata għal 23 %.

14      Fl-14 ta’ Mejju 2005, ġie operat għal fistla, li ġiet attribwita għall-inċident fuq il-post tax-xogħol. Id-data tal-konsolidament tal-istat tas-saħħa tiegħu ġiet stabbilita fl-4 ta’ Novembru 2005 u l-inkapaċità permanenti parzjali tiegħu għax-xogħol ġiet stamata għal 67 %. Ġie ordnat waqfien mix-xogħol ġdid fit-3 ta’ Awwissu 2007, minħabba li reġgħu tfaċċaw il-vertiġini, dan il-perijodu ġie estiż sat-22 ta’ Frar 2008.

15      Mill-1 ta’ Jannar 2011, id-dipartiment tas-sigurtà soċjali stabbilixxa l-inkapaċità permanenti parzjali tiegħu għax-xogħol għal 72 %. Għal din ir-raġuni ġiet allokata lilu allowance ta’ EUR 1 057.65 fix-xahar.

16      Fit-18 ta’ Ġunju 2012, bil-għan li jiġu ddeterminati l-garanziji dovuti minn CNP Assurances, it-tabib imqabbad minnha eżamina lil J. C. Van Hove. Huwa kkonkluda li l-istat ta’ saħħa ta’ dan tal-aħħar kien jippermettilu li jeżerċita attività professjonali adegwata part-time. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2012, CNP Assurances nnotifikat lil J. C. Van Hove li, mit-18 ta’ Ġunju 2012, hija mhux se tieħu iktar ir-responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali tas-self tiegħu. Permezz ta’ ittra ġdida tad-29 ta’ Awwissu 2012, hija kkonfermat ir-rifjut ta’ rimbors, filwaqt li ppreċiżat li għalkemm l-istat ta’ saħħa tiegħu ma għadux iktar kompatibbli mat-tkomplija tal-professjoni li kellu preċedentement, huwa jista’ jeżerċita attività professjonali adegwata, minn tal-inqas part time.

17      Fl-4 ta’ Marzu 2013, J. C Van Hove fittex lil CNP Assurances quddiem il-qorti tar-rinviju. Prinċipalment, huwa jitlob b’mod partikolari abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Konsum, li l-klawżoli tal-kuntratt li jorbtuh ma’ CNP Assurances, li jirrigwardaw id-definizzjoni ta’ inkapaċità totali għax-xogħol u ċ-ċirkustanzi li fihom tinkiseb il-garanzija, jiġu ddikjarati inġusti u li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi kkundannata tieħu r-responsabbiltà għall-kumplament tas-somom dovuti taż-żewġ istanzi ta’ self imsemmija iktar ’il fuq minn Ġunju 2012.

18      Insostenn tat-talbiet tiegħu, J.C. Van Hove, minn naħa, jsostni li l-klawżola tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà mill-assiguratur għall-impossibbiltà assoluta li jerġa’ jibda xi tip ta’ attività bi ħlas jew mingħajr ħlas, hija inġusta peress li toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet għad-detriment tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li d-definizzjoni ta’ inkapaċità totali għax-xogħol hija redatta b’tali mod li ma tippermettix lill-konsumatur inespert li jifhem il-portata tagħha.

19      CNP Assurances, essenzjalment, titlob li l-qorti tar-rinviju tiċħad it-talba ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ J.C. Van Hove. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ inkapaċità totali għax-xogħol, fis-sens ta’ dan il-kuntratt, tissuġġetta, minn naħa, f’termini ċari u preċiżi, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata għandha inkapaċità totali li taħdem. Madankollu, hija targumenta li, wara t-18 ta’ Ġunju 2012, J.C. Van Hove ma kienx għadu f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità totali għax-xogħol, fis-sens tal-imsemmi kuntratt, peress li fl-evalwazzjoni tiegħu l-espert mediku li hija qabbdet stabbilixxa li huwa kien kompetenti jeżerċita attività professjonali adegwata u ffissa r-rata tiegħu ta’ inkapaċità funzjonali għal 20 %. Hija tippreċiża f’dan ir-rigward li l-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ffissati din ir-rata huma differenti minn dawk użati mid-dipartimenti tas-sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija klawżola ma tikkostitwixxix klawżola inġusta, peress li tirrigwarda s-suġġett innifsu tal-kuntratt u ma toħloqx żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tar-rikorrent, peress li dan ibbenefika mit-teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlasijiet rateali tiegħu għal iktar minn sentejn.

20      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li s-soluzzjoni tal-kwistjoni li tressqet quddiemha timponi li tingħata deċiżjoni fuq il-punt ta’ jekk it-tieni klawżola tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tikkostitwixxix jew le klawżola inġusta.

21      Din il-qorti tippreċiża li l-Cour de cassation, permezz ta’ sentenza riċenti, iddeċidiet li l-klawżola dwar il-garanzija tal-inkapaċità temporanja totali għax-xogħol, li tipprevedi li l-allowances ta’ kuljum jitħallsu matul il-perijodu li fih l-istat tas-saħħa tal-assigurat ma jippermettilux, temporanjament, li jeżerċita ebda attività professjonali, u li tippreċiża li dawn l-allowances imħallsa lilu sad-data li fiha jista’ jerġa’ jibda xi attività professjonali tkun xi tkun, tiddefinixxi s-suġġett prinċipali tal-kuntratt u taqa’ taħt is-seba’ paragrafu tal-Artikolu L. 132‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum. Għalhekk, it-Tribunal de grande instance de Nîmes iqis li, fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-klawżola inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha, tista’, skont din id-dispożizzjoni, tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”.

22      Barra minn hekk, għalkemm din il-qorti tikkonstata li, kuntrarjament għal dak li jsostni J.C. Van Hove, it-termini ta’ din il-klawżola, li jgħidu li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-inkapaċità totali għax-xogħol hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-assigurat ikun fl-“impossibbiltà li jerġa’ jibda xi tip ta’ attività bi ħlas jew mingħajr ħlas, wara inċident jew marda”, huma ċari u preċiżi, hija madankollu tosserva li ma huwiex eskluż li l-imsemmija klawżola taqa’ taħt il-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, skont id-Direttiva 93/13.

23      Fil-fatt, din l-istess qorti tikkunsidra li din il-klawżola, peress li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “inkapaċità totali għax-xogħol”, tiddetermina l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex persuna tibbenefika mill-garanzija ta’ assigurazzjoni. Madankollu, l-imsemmija klawżola teskludi lill-assigurat li jiġi rrikonoxxut bħala kapaċi li jeżerċita xi attività professjonali milli jibbenefika minn din il-garanzija, anki jekk mhux bi ħlas. Issa, skont l-imsemmija qorti, l-għan ta’ polza ta’ assigurazzjoni, bħal dik inkwistjoni fit-tilwima li tressqet quddiemha, huwa li tiggarantixxi t-twettiq sħiħ tal-impenji meħuda mill-persuna li tissellef fl-eventwalità fejn l-istat ta’ saħħa ta’ din tal-aħħar ma tippermettilhiex iktar li teżerċita attività li minnha jkollu d-dħul neċessarju sabiex jissodisfa l-impenji tiegħu.

24      Peress li l-imsemmija klawżola għandha bħala effett li teskludi lill-persuna li tissellef milli tibbenefika mill-garanzija għal inkapaċità totali għax-xogħol, fil-każ li hija tiġi ddikjarata bħala kompetenti li teżerċita attività professjonali, anki meta din lanqas ma tkun tista’ tipprovdilha dħul minimu, hija tkun qed tippriva lill-polza ta’ assigurazzjoni minn parti mill-għan tagħha. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis, li t-tieni klawżola tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tista’ titqies bħala li toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de grande instance de Nîmes iddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill [93/13], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ klawżola li tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt imsemmi f’din id-dispożizzjoni jkopri klawżola stipulata f’kuntratt ta’ assigurazzjoni intiż li jiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet dovuti lill-persuna li ssellef fil-każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef, li teskludi lill-assigurat mill-benefiċċju ta’ din il-garanzija jekk jiġi ddikjarat li huwa jista’ jeżerċita attività mhux imħallsa?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar minn naħa waħda, li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, id-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma tkunx is-suġġett ta’ nnegozzjar individwali tista’ tiġi mistħarrġa bil-għan li tiġi evalwata n-natura eventwalment inġusta tagħha. Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3(1) u 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, tali klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza stabbiliti minn din id-direttiva (ara s-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Bl-istess mod, anki jekk hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tidentifika, fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, f’dan il-każ f’dawk tal-Artikolu 4(2) tagħha, il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika matul l-eżami ta’ klawżoli kuntrattwali fir-rigward tagħhom (is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 45).

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola stipulata f’kuntratt ta’ assigurazzjoni u intiża li tiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali dovuti lill-persuna li ssellef f’każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef, li teskludi lil dan l-assigurat mill-benefiċċju tal-imsemmija garanzija jekk huwa jiġi ddikjarat kompetenti li jeżerċita attività bi ħlas jew mhux bi ħlas, taqax taħt l-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

30      Mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod u ċar u li jinftiehem.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni li tistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti, kif previst mis-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implementat mid-Direttiva 93/13, għandha tiġi interpretata b’mod strett. (ara s-sentenzi Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 42, kif ukoll Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 49).

32      Huwa f’dan il-kuntest, li hemm lok li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tiġi eżaminata. Bl-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat minn naħa, jekk klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt is-suġġett prinċipali ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk tali klawżola hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem.

 Fuq il-kunċett tas-“suġġett prinċipali tal-kuntratt”

33      Il-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 34, kif ukoll Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 49). Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 50, kif ukoll Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 54).

34      F’dak li jikkonċerna l-punt ta’ jekk klawżola taqax taħt is-suġġett prinċipali ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, operazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, għal ħlas minn qabel ta’ premium, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ tar-realizzazzjoni tar-riskju kopert, il-benefiċċju miftiehem fiż-żmien meta jkun ġie konkluż il-kuntratt (sentenzi CPP, C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 17; Skandia, C‑240/99, EU:C:2001:140, punt 37, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑13/06, EU:C:2006:765, punt 10).

35      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab f’kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, id-dsatax-il premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li, f’dawn il-kuntratti l-klawżoli li b’mod ċar jistabbilixxu jew jiċċirkoskrivu r-riskju assigurat u r-responsabbiltà tal-assiguratur ma għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tan-natura inġusta, peress li dawn il-limitazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt li jkun qiegħed jiġi kkalkolat il-premium li għandu jitħallas mill-konsumatur.

36      F’dan il-każ il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni tinkludi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “inkapaċità totali għax-xogħol” u tiddetermina l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex persuna li tissellef tkun tista’ tibbenefika mill-garanzija tal-ħlas ta’ somom dovuti minn din tal-aħħar fil-kuntest tas-self tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax jiġi eskluż li tali klawżola tiċċirkoskrivi r-riskju assigurat kif ukoll l-impenn tal-assiguratur, u tistabbilixxi l-prestazzjoni essenzjali tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, madankollu dan huwa li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju.

37      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tfakkar li l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali, sabiex jiġi ddeterminat jekk din taqax taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandu jsir billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet kollha tal-kuntratt kif ukoll il-kuntest ġuridiku u fattwali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 50 kif ukoll 51).

38      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina sa fejn, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-klawżola inkwistjoni fit-tilwima pendenti quddiemha tiffissa element essenzjali tat-totalità kuntrattwali li fih hija inkluża, li bħala tali, tikkaratterizza din it-totalità.

39      Jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonkludi, li din hija parti mis-suġġett prinċipali tat-totalità kuntrattwali, din il-qorti jkollha xorta waħda tivverifika li l-imsemmija klawżola ġietx redatta mill-bejjiegħ jew fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 32, kif ukoll id-digriet Pohotovosť, C-76/10, EU:C:2010:685, punt 72).

 Fuq il-kunċett ta’ “formulazzjoni ċara u li tinftiehem”

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tippreċiża li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, stabbilit mid-Direttiva 93/13, ma jistax jirriduċi ruħu biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali tagħhom. Għall-kuntrarju, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur qiegħed f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jiġi mifhum b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 71 u 72, kif ukoll Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 73).

41      Għaldaqstant huwa ta’ importanza essenzjali għall-konsumatur, sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ trasparenza mhux biss tal-informazzjoni mogħtija qabel il-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-kundizzjonijiet tal-impenn, iżda wkoll tal-espożizzjoni tal-karatteristiċi tal-mekkaniżmu ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlasijiet rateali dovuti mill-persuna li ssellef fil-każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef kif ukoll ir-rabta bejn dan il-mekkaniżmu u dak li jipprevedu klawżoli oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur ikun f’qagħda li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih. Dan japplika sa fejn il-konsumatur jiddeċiedi, fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ elementi, jekk ikunx irid jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaderixxi mal-kundizzjonijiet ifformulati minnu minn qabel (ara, b’analoġija, is-sentenzi RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 44, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 70 u 73, kif ukoll Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 74).

42      F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-termini tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ċari u preċiżi, hija tirrileva simultanjament li l-espressjoni “jerġa’ jibda xi tip ta’ attività bi ħlas jew mingħajr ħlas”, inkluża f’din il-klawżola, tista’ tinftiehem b’modi differenti. Minbarra l-interpretazzjoni ssuġġerita minn CNP Assurances, li tgħid li din l-espressjoni tippermetti wkoll li l-assigurati li ma jeżerċitawx attività bi ħlas fil-mument tal-inċident jew ta’ marda jiġu kkunsidrati bħala li għandhom inkapaċità totali għax-xogħol, ma huwiex eskluż, kif ġie espost fil-punt 24 ta’ din is-sentenza u kif osservaw il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, li l-imsemmija espressjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li ma tippermettix li persuna, li tista’ teżerċita xi attività, tibbenefika mit-teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlasijiet rateali dovuti lill-parti kontraenti tiegħu skont il-garanzija ta’ invalidità.

43      Bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li ma jistax jiġi eskluż, f’dan il-każ, li, anki jekk il-klawżola hija fformulata b’mod grammatikament korrett, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, il-portata ta’ din il-klawżola ma nftiehmx mill-konsumatur.

44      Fil-fatt, din l-istituzzjoni tirrileva li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni ġie konkluż sabiex jipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-impossibbiltà tiegħu li jiffaċċja l-ħlasijiet fix-xahar tas-self tiegħu. B’dan il-mod, dan tal-aħħar seta’ jistenna li l-kunċett ta’ “attività bi ħlas jew mingħajr ħlas”, imsemmija fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni u inkluża fid-definizzjoni ta’ inkapaċità totali għax-xogħol, tikkorrispondi għal attività professjonali li tista’, għallinqas potenzjalment, tkun bi ħlas li jkun suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jissodisfa l-ħlasijiet rateali fix-xahar tas-self tiegħu.

45      Kif jirriżulta mid-dibattiti matul is-seduta, id-dubji dwar l-assenza ta’ ċarezza tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma msaħħa min-natura estremament wiesgħa u vaga tal-espressjoni “attività bi ħlas jew mingħajr ħlas” użata minnha. Fil-fatt, it-terminu attività, kif tenfasizza l-Kummissjoni, jista’ jinkludi fih kull operazzjoni jew attività umana mwettqa sabiex jintlaħaq għan preċiż.

46      F’dan il-każ, kif jirreleva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-konsumatur ma kienx neċessarjament konxju, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taċ-ċirkustanza, li l-kunċett ta’ “inkapaċità totali għax-xogħol”, fis-sens tiegħu, ma kienx jikkorrispondi għal dak ta’ “inkapaċità permanenti parzjali” fis-sens tad-dritt Franċiż dwar is-sigurtà soċjali.

47      Għaldaqstant, fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, inkluż ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-assiguratur fil-kuntest tal-innegozjar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, tat-totalità kuntrattwali, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat setax mhux biss ikun jaf bl-eżistenza tad-differenza bejn il-kunċett ta’ “inkapaċità totali għax-xogħol” fis-sens tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dak ta’ “inkapaċità permanenti parzjali” fis-sens tad-dritt nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi għalih, tal-limitazzjoni tal-garanzija inkluża fil-polza ta’ assigurazzjoni konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

48      F’dan il-kuntest, tista’ tkun rilevanti wkoll iċ-ċirkustanza li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inkluż f’totalità kuntrattwali iktar vasta u huwa marbut mal-kuntratti ta’ self. Fil-fatt, ma jistax jiġi mitlub mill-konsumatur li, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti marbuta flimkien, ikollu l-istess viġilanza fir-rigward tal-estent tar-riskji koperti minn dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni li huwa kien ikollu li kieku kkonkluda separatament l-imsemmi kuntratt u l-kuntratti ta’ self.

49      Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jekk il-kliem ta’ klawżola kuntrattwali ma jkunx ċar, tipprevali l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għall-konsumatur.

50      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola stipulata f’kuntratt ta’ assigurazzjoni u intiża li tiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlasijiet rateali dovuti lill-persuna li ssellef f’każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef taqa’ taħt l-eċċezzjoni li tissemma f’din id-dispożizzjoni biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata:

–        minn naħa, li, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tat-totalità kuntrattwali kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tagħha, din il-klawżola tiffissa element essenzjali tal-imsemmija totalità, li fiha hija inkluża, li bħala tali, jikkaraterizzaha u

–        min-naħa l-oħra, li l-imsemmija klawżola hija fformulata b’mod ċar u li jinftiehem, jiġifieri li hija tkun tinftiehem fuq il-livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt juri b’mod trasparenti il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li tagħmel riferiment għalih il-klawżola kkonċernata kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak previst mill-klawżoli l-oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur ikun f’qagħda li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola stipulata f’kuntratt ta’ assigurazzjoni u intiża li tiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali dovuti lill-persuna li ssellef f’każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef taqa’ taħt l-eċċezzjoni li tissemma f’din id-dispożizzjoni biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata:

–        minn naħa, li, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tat-totalità kuntrattwali kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tagħha, din il-klawżola tiffissa element essenzjali tal-imsemmija totalità, li fiha hija inkluża, li bħala tali, jikkaraterizzaha u

–        min-naħa l-oħra, li l-imsemmija klawżola hija fformulata b’mod ċar u li jinftiehem, jiġifieri li hija tkun tinftiehem fuq il-livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt juri b’mod trasparenti il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li tagħmel riferiment għalih il-klawżola kkonċernata kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak previst mill-klawżoli l-oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur ikun f’qagħda li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.