KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2014 (1)
Kawża C‑375/13
Harald Kolassa
vs
Barclays Bank plc
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija)]
“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Konsumatur, domiċiljat fi Stat Membru, li xtara mis-suq sekondarju, mingħand intermedjarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, titoli maħruġa minn bank stabbilit fit-tielet Stat Membru — Ġurisdizzjoni għar-rikorsi diretti kontra l-bank li ħareġ it-titoli msemmija”
I – Introduzzjoni
1. Bank stabbilit fir-Renju Unit u li ħareġ ċertifikati fis-suq primarju fil-Ġermanja jista’ jkun responsabbli kuntrattwalment jew delittwalment quddiem il-qorti Awstrijaka tal-post tad-domiċilju ta’ investitur li sofra dannu, li xtara tali ċertifikati mis-suq sekondarju? Din il-problema hija l-qofol ta’ dan ir-rinviju preliminari. H. Kolassa u Barclays Bank plc (iktar ’il quddiem “Barclays Bank”) huma l-partijiet fil-kawża prinċipali.
2. Il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1)(a) u (3), kif ukoll 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2).
3. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nikkwota diversi drabi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (3) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), peress li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dik tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (4).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:
“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”
5. Il-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament (Artikoli 2 sa 31) jittrattaw ir-regoli tal-ġurisdizzjoni. It-Taqsima 1 tal-imsemmi Kapitolu II (Artikoli 2 sa 4) hija intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”. L-Artikolu 2(1) tar-regolament imsemmi jipprovdi li “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.
6. It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II (Artikoli 5 sa 7) tar-regolament imsemmi hija intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. Skont l-Artikolu 5 tiegħu:
“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:
1) a) f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;
b) għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:
– fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,
– fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,
ċ) jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);
[…]
3) f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;
[…]”
7. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II (Artikoli 15 sa 17) tiegħu, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu [4] u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:
a) ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew
b) ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew
(ċ) fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”
8. Konsumatur jista’ jistitwixxi proċedimenti kontra l-parti l-oħra f’kuntratt fil-qrati tal-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih dik il-parti tkun domiċiljata jew fil-qrati tal-post fejn il-konsumatur ikun domiċiljat. L-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[k]onsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”.
9. L-Artikolu 24 tar-regolament imsemmi, li jifforma parti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi:
“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”
10. It-Taqsima 8 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”, hija komposta mill-Artikoli 25 u 26, li huma mfassla b’dan il-mod:
“Artikolu 25
Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’ materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’ għandhiex ġurisdizzjoni.
Artikolu 26
1. Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’ għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.
[…]”
B – Id-dritt Awstrijak
11. L-Artikolu 11 tal-Liġi tas-suq tal-kapital (Kapitalmarktgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprevedi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ min joħroġ prospett f’dak li jikkonċerna d-dannu subit minn investitur li bbaża ruħu fuq l-informazzjoni li tinsab f’dan il-prospett.
12. L-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ investiment (Investmentfondsgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi b’mod partikolari li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ix-xerrej ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin għandu jirċievi mingħajr ħlas id-dispożizzjonijiet relattivi għall-fondi u/jew il-memorandum tal-kumpannija ta’ investiment, prospett tal-kumpannija ta’ investiment barranija kif ukoll kopja tat-talba għall-konklużjoni tal-kuntratt u li l-prospett għandu jinkludi fih l-informazzjoni kollha li, fil-mument tat-talba, ikollha importanza partikolari għall-evalwazzjoni tal-ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin.
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13. Barclays Bank, bank stabbilit f’Londra (ir-Renju Unit) u li għandu wkoll fergħa fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), ħareġ ċertifikati u biegħhom lil investituri istituzzjonali, fost oħrajn, lil DAB Bank AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja). Ma seħħ ebda bejgħ lil individwi.
14. Iċ-ċertifikati nħarġu abbażi ta’ prospett bażiku tat-22 ta’ Settembru 2005 u tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2005 (annessi inklużi). Fuq talba ta’ Barclays Bank, dan il-prospett bażiku ġie nnotifikat ukoll fl-Awstrija. Iċ-ċertifikati nħarġu fl-2006. Ir-rimbors jiskadi fl-2016.
15. Kumpannija stabbilita fi Frankfurt am Main kienet inkarigata bl-amministrazzjoni tax-xiri bħala clearing house. Huwa wkoll f’din il-kumpannija li jinżamm iċ-ċertifikat globali.
16. DAB Bank AG ittrasferixxiet iċ-ċertifikati lis-sussidjarja tagħha fl-Awstrija, direktanlage.at AG, li reġgħet biegħethom lil individwi, fosthom H. Kolassa, domiċiljat fl-Awstrija, li investa ċertu ammont f’dawn iċ-ċertifikati.
17. Kull darba, l-ordnijiet għaddew u ġew eżegwiti f’isem il-kumpanniji kkonċernati. B’mod konformi mal-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, direktanlage.at AG eżegwiet l-ordni ta’ H. Kolassa bħala “depożitarja”, jiġifieri li hija, bħala hedge fund, iżżomm iċ-ċertifikati fi München f’isimha stess u għall-klijent tagħha. H. Kolassa seta’ biss jitlob il-kunsinna taċ-ċertifikati sal-ammont tas-sehem miżmum fil-hedge fund, filwaqt li kien mifhum li ċ-ċertifikati ma setgħux jiġu ttrasferiti f’ismu.
18. Fil-fatt, iċ-ċertifikat jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur. L-ammont li għandu jiġi rrimborsat u, għalhekk, il-valur taċ-ċertifikat jiġu ddeterminati abbażi ta’ indiċi fformat minn portafoll ta’ diversi fondi speċifiċi, biex b’hekk il-valur taċ-ċertifikat ikun direttament fl-indiċi ta’ dan il-portafoll. Il-portafoll kellu jinħoloq u jiġi amministrat minn kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Ġermanja.
19. L-amministratur ta’ din il-kumpannija uża l-influwenza tiegħu fi ħdan il-kumpannija msemmija biex iżid kapital ġdid fis-sistema kbira tiegħu ta’ frodi piramidali. Dan ġie kkundannat fil-Ġermanja, fl-2011, għal piena ta’ priġunerija ta’ għaxar snin u tmien xhur għal frodi, falsifikazzjoni u evażjoni tat-taxxa.
20. Fil-preżent, il-valur taċ-ċertifikati huwa stmat għal EUR 0.
21. Għalhekk, H. Kolassa ppreżenta kawża quddiem il-Handelsgericht Wien kontra Barclays Bank li fiha huwa jinvoka drittijiet kemm ta’ natura kuntrattwali (drittijiet ibbażati fuq il-kuntratt ta’ self, ix-xiri tas-self u l-ksur tal-obbligi prekuntrattwali ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni) u delittwali (drittijiet ibbażati fuq l-irregolaritajiet fil-prospett u fil-kontroll, b’mod partikolari bi ksur tal-Liġi dwar is-suq tal-kapital u tal-Liġi dwar il-fondi ta’ investiment). H. Kolassa jsostni li l-qorti li tressqet il-kawża quddiemha hija kompetenti, primarjament, abbażi tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jew, sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) u (3), tar-regolament imsemmi.
22. Barclays Bank tikkontesta l-ilmenti ta’ H. Kolassa kif ukoll il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tressqet il-kawża quddiemha.
23. Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet u tan-numru kbir ta’ proċeduri paralleli pendenti, il-Handelsgericht Wien qieset li kien neċessarju u xieraq li tiġi sospiża l-proċedura u li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“(1) (a) L-espressjoni ‘F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu’, li tinsab fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament [Nru 44/2001], għandha tiġi interpretata fis-sens li
(i) rikorrent li, inkwantu konsumatur, ikun akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?
(ii) [fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i)] ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 44/2001] meta t-terz li mingħandu akkwista l-bond huwa nnifsu akkwistaha għal użu li jista’ jitqies li jaqa’ taħt l-attività professjonali tiegħu, jiġifieri meta r-rikorrent ikun akkwista l-bond mingħand persuna li ma hijiex il-konsumatur?
(iii) [fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i) u (ii)] ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 44/2001] meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz, li ma huwiex huwa nnifsu konsumatur, iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt kuntrattwali?
b) [fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i)] il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self tista’ titqies li għandha ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1), tar-Regolament [Nru 44/2001], sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali fuq dan l-istess akkwist?
(2) (a) L-espressjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” li tinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandha tiġi interpretata fis-sens li
(i) rikorrent li, inkwantu konsumatur, akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?
(ii) [fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda (a)(i)] ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament [Nru 44/2001] meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt tal-obbligi?
b) [fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda (a)(i)] il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self għandha wkoll ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament [Nru 44/2001], sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali?
(3) (a) Fil-kuntest tal-ħruġ ta’ bond anonimu, id-drittijiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligi ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni jistgħu jitqiesu bħala drittijiet f’materja delittwali jew ta’ kważi-delittwali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001]?
[fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda (a)(1)], dan jgħodd ukoll meta persuna li ma hijiex hija nfisha d-detentur tal-bond, iżda li għandha biss dritt għal ħlas lura kontra l-persuna li żżomm it-titolu f’isimha tinvoka tali drittijiet kontra l-persuna li tkun ħarġet il-bond?
(b) L-espressjoni ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ li titolu ġie akkwistat abbażi ta’ informazzjoni żbaljata intenzjonalment,
(i) il-post tal-effett tal-ħsara jistqies li jinsab fid-domiċilju tal-vittma inkwantu ċ-ċentru tal-patrimonju tagħha?
(ii) [fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda (b)(i)] Dan jgħodd ukoll meta l-ordni tax-xiri u l-ħlas tal-valur jistgħu jiġu rrevokati sat-twettiq tat-tranżazzjoni u meta l-imsemmija tranżazzjoni twettqet fi Stat Membru ieħor ċertu żmien wara li sar il-ħlas mill-kont tal-vittma?
(4) Fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament [Nru 44/2001], il-qorti adita għandha tipproċedi bil-produzzjoni dettaljata tal-prova f’dak li jirrigwarda l-fatti inkwistjoni li huma kemm rilevanti għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-eżistenza tad-dritt invokat (‘fatti rilevanti b’mod doppju’) jew inkella tista’ tqis, għall-finijiet tad-deċiżjoni fuq il-ġurisdizzjoni, li l-allegazzjonijiet tal-parti rikorrenti huma korretti?”
IV – Analiżi
24. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija ma waslitx biex tikkonstata l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali “diretta” bejn il-partijiet. Hija għandha bżonn tkun taf l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddetermina f’liema kategorija awtonoma tar-Regolament Nru 44/2001 (qasam kuntrattwali jew delittwali) għandhom jiġu kklassifikati d-drittijiet invokati minn H. Kolassa.
A – Fuq l-ewwel domanda
25. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, liema ħaġa jkollha l-konsegwenza li H. Kolassa jkun jista’, abbażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jippreżenta kawża fl-Awstrija kontra Barclays Bank.
26. Għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament. L-ewwel nett, għandu jkun hemm konsumatur, jiġifieri persuna mhux involuta f’attività kummerċjali jew professjonali (5), it-tieni nett, id-dritt ta’ azzjoni għandu jkun marbut ma kuntratt ta’ konsum konkluż bejn il-konsumaturi u persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali; finalment, it-tielet nett, tali kuntratt għandu jidħol taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) tal-imsemmi Artikolu 15.
27. Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax liema mit-tliet għażliet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tista’ tkun applikabbli [(a), (b) jew (ċ)]. Fil-fehma tiegħu, tista’ tapplika biss l-għażla li tinsab fl-imsemmi punt (ċ), skont liema l-persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali għandha teżerċitahom fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’kull mezz, tidderiġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati, inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt għandu jidħol fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet. L-applikazzjoni tar-regoli tal-ġurisdizzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1)(a) (bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu) u (b) (kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti), tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi eskluża għas-sempliċi raġuni li ċ-ċertifikati ma jikkostitwixxux oġġett, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 15(1)(a) jew (b).
28. Jidher li f’dan il-każ l-ewwel u t-tielet kundizzjonijiet ġew sodisfatti. H. Kolassa aġixxa bħala konsumatur għaliex it-tranżazzjoni inkwistjoni ma tifformax parti mill-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu. Barra minn hekk, il-prospett relattiv għaċ-ċertifikat inkwistjoni ġie ppubblikat fl-Awstrija u għalhekk Barclays Bank idderiġiet l-attività tagħha lejn dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.
29. Madankollu hemm “kuntratt konkluż minn […] konsumatur”? Dan huwa l-qofol tal-ewwel domanda.
30. Skont il-Gvern Olandiż, mill-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju jista’ jiġi dedott li H. Kolassa u Barclays Bank effettivament ftiehmu fuq obbligi reċiproċi. B’mod iktar preċiż, l-argumentazzjoni tal-Gvern Olandiż hija strutturata b’dan il-mod, jiġifieri li Barclays Bank għandha l-obbligu, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-metodi ta’ kalkolu deskritti fil-prospett, li tirrimborsa s-self obbligatorju lil H. Kolassa. Dan tal-aħħar għandu l-obbligu li jħallas il-prezz tal-obbligazzjoni. Ċertament, H. Kolassa ma jingħatax iċ-ċertifikat mit-trustee u jikseb biss dritt għall-għoti tal-effett lill-portatur, iżda dan iċ-ċertifikat xorta jirrappreżenta dritt għall-ħlas minn Barclays Bank ta’ ammont determinat lill-konsumatur. B’hekk, Barclays Bank għandha dejn fil-konfront ta’ dak li xtara l-obbligu, anki jekk iċ-ċertifikat, b’mod konformi mal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trustee, jibqa’ ddepożitat għand din. Dan ifisser li H. Kolassa għandu f’kull każ jitqies li huwa d-detentur tal-obbligu fis-sens ekonomiku tat-terminu.
31. Min-naħa tiegħu, H. Kolassa jżid li, peress li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż biex jipproteġi lill-konsumatur, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa lil dan l-artikolu.
32. Jiena mhux konvint minn din il-linja ta’ argumentazzjoni.
33. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċetti użati mir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikolu 15(1) tiegħu għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tar-regolament imsemmi, bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (6). Issa, il-kunċett ta’ “kuntratt konkluż minn […] konsumatur” huwa indipendenti mill-kwalifiki tal-liġi nazzjonali.
34. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-formulazzjoni kemm tal-parti introduttiva tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tal-Artikolu 15(1)(ċ), huwa meħtieġ li “kuntratt” jiġi “konkluż” mill-konsumatur ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali (7). Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mit-titolu tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li fih jinsab l-Artikolu 15, li tirrigwarda l-“Ġurisdizzjoni fuq kuntratti [konklużi (8) m]al-konsumatur” (9).
35. Jiena tal-fehma li ma kienx hemm konklużjoni ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u li, għalhekk, dan l-artikolu ma japplikax għal każ bħal dak f’din il-kawża.
36. Ċertament, H. Kolassa, bħala konsumatur Awstrijak, kellu l-intenzjoni li jipparteċipa fl-operazzjoni ta’ investiment implementata minn Barclays Bank bħala kumpannija emettriċi Ingliża, li kienet is-suġġett ta’ reklamar fl-Awstrija permezz ta’ prospett speċifiku. Huwa jallega li l-bank li kien għamel kuntratt miegħu, direktanlage.at AG, ma kien jassumi ebda riskju ekonomiku.
37. Madankollu, tali konstatazzjoni ma tistax tibbaża l-konklużjoni li tgħid li kien jeżisti kuntratt bejn H. Kolassa u Barclays Bank.
38. L-uniku kuntratt konkluż minn H. Kolassa kien kuntratt konkluż ma’ direktanlage.at AG. Ma neskludix li, abbażi tal-liġi nazzjonali applikabbli, Barclays Bank għandha ċerti obbligi lejn H. Kolassa (10). Madankollu, dawn l-obbligi ma jirriżultawx mill-konklużjoni ta’ kuntratt bejn H. Kolassa u direktanlage.at AG.
39. Lanqas ma nara għalfejn għandha tiġi adottata interpretazzjoni iktar wiesgħa jew “ekonomika” tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li tmur kontra l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni għar-raġuni li huwa neċessarju li jiġi protett il-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa.
40. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn obbligazzjoni li hija l-bażi tat-talba kienet jew għandha tiġi eżegwita (11).
41. F’dan ir-rigward, huwa minnu li, għalkemm l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż biex jipproteġi lill-konsumaturi, dan ma jimplikax li din il-protezzjoni hija assoluta (12). Din id-dispożizzjoni hija mfassla b’mod ċar u tibbilanċja l-interessi tal-konsumatur u dawk tal-persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali. Peress li tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali, din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (13).
42. L-għan prinċipali tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jiżgura ċ-ċertezza legali fil-qasam tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fis-suq intern. B’hekk, il-premessa 11 tar-Regolament tipprovdi li r-regoli tal-ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.
43. Jekk tiġi aċċettata l-ġurisdizzjoni tal-forum tal-konsumatur f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ tkun qed tiġi miċħuda tali prevedibbiltà.
44. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma tissagrifikax il-kliem ċar tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll l-iskop tiegħu fl-istruttura tar-regolament imsemmi sabiex tadotta approċċ “ekonomiku” bil-għan li tipproteġi lil konsumatur. Huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li jkollu jaġixxi f’dan is-sens kieku kellu jikkonstata bżonn li jaġixxi (14).
45. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi l-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-partijiet fil-kwistjoni. Meta konsumatur ikun akkwista ċertifikat li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur, ma jkunx ġie konkluż kuntratt bejn il-konsumatur u l-emettur taċ-ċertifikat.
B – Fuq it-tieni domanda
46. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tressaq, essenzjalment, l-istess domandi bħal dawk eżaminati sa issa, iżda din id-darba b’riferenza għar-regola tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, li tgħid li, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, persuna tista’ titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu ġie jew għandu jiġi eżegwit.
47. Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-ħsieb li l-persuna li sofriet id-dannu ssurrogat ruħha għas-sottoskrivent inizjali tas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-emettur. Kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li H. Kolassa ssurroga ruħu għas-sottoskrivent imsemmi fis-sens li akkwista d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-kumpannija direktanlage.at AG u, minħabba f’hekk, sar parti kontraenti għall-kuntratt konkluż ma’ Barclays Bank, din tkun, fil-fehma tiegħu, “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001. L-iżviluppi li jsegwu jippresupponu li dan ma huwiex il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju stess tikkonstata, fil-kunsiderazzjonijiet tagħha stess li jsostnu r-rinviju, li H. Kolassa ma huwiex marbut kuntrattwalment ma’ Barclays Bank skont ir-regoli ġenerali tal-liġi ċivili tal-Awstrija.
48. Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll id-duttrina (15) jinterpretaw b’mod differenti l-kunċetti ta’ kuntratt fil-kuntest rispettivament tal-Artikoli 15 u 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001.
49. Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 5(1), il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, b’mod awtonomu u wiesa’, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” (16). B’mod partikolari, dan l-artikolu ma jeħtieġx, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjoni ta’ kuntratt (17). L-identifikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali hija madankollu indispensabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qrati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija stabbilita skont il-post fejn l-obbligu kuntrattwali li jservi bħala bażi għat-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit.
50. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Handte (18), it-termini “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (19), ma jistgħux jinftiehmu bħala li jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha ma hemm ebda impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra. F’din il-kawża, kien hemm sensiela ta’ kuntratti internazzjonali ta’ merkanzija li fiha l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet kienu jvarjaw minn kuntratt għal ieħor, b’tali mod li d-drittijiet kuntrattwali li s-sotto akkwirent seta’ jinvoka kontra l-bejjiegħ immedjat tiegħu ma kinux neċessarjament l-istess bħal dawk li l-manifattur kien assuma fir-relazzjonijiet tiegħu mal-ewwel xerrej (20).
51. F’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet bejn id-diversi partijiet huma iktar diffiċli li jiġu kategorizzati. Madankollu, bħal fil-każ li wassal għas-sentenza Handte (EU:C:1992:268), ninsabu fil-preżenza ta’ sensiela ta’ kuntratti u ma jistax jitqies li jeżisti, bejn H. Kolassa u Barclays Bank, “impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra”.
52. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, bejn H. Kolassa u Barclays Bank, ma hemmx rabta kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.
53. Nixtieq nirrepeti li, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, Barclays Bank għandha ċerti obbligi lejn H. Kolassa. Madankollu, dawn l-obbligi ma humiex ta’ natura kuntrattwali fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.
54. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi relazzjoni kuntrattwali fis-sens ta’ impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra. Tali relazzjoni ma teżistix f’sitwazzjoni li fiha individwu akkwista ċertifikat, li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur, mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur.
C – Fuq it-tielet domanda
55. It-tielet domanda għandha bħala suġġett ir-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk azzjoni bbażata fuq in-natura allegatament inkompleta jew ftit ċara tal-prospett ta’ informazzjoni fuq it-tranżazzjoni, kif ukoll fuq in-nuqqas preżunt ta’ kontroll tal-ġestjoni tal-fondi li fuqhom iċ-ċertifikati kienu indiċizzati, tistax tiġi kkwalifikata bħala azzjoni fil-kamp delittwali jew kważi-delittwali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-regolament imsemmi.
56. Ir-raġuni prinċipali tar-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ konnessjoni partikolarment strett bejn il-kontestazzjoni u l-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża preġudizzju, liema ħaġa tiġġustifika attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċeduri (21). Fil-fatt, il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża preġudizzju hija normalment l-iktar waħda adatta biex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ prossimità tal-kwistjoni u ta’ faċilità ta’ amministrazzjoni tal-provi (22).
57. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-emissjoni ta’ obbligazzjoni lill-portatur, id-drittijiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà tal-emettur abbażi tal-prospett kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligi ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni jistgħux jitqiesu li huma “drittijiet ta’ natura ta’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.
58. Ir-risposta għal din id-domanda sussidjarja hija kjarament fl-affermattiv. Qabel kollox, dan il-kunċett — awtonomu — jinkludi fih kull talba intiża biex tiskatta r-responsabbiltà tal-konvenut u li ma hijiex konnessa mal-qasam kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (23). Issa, l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament minnu nnifsu ma jeskludix ċerti oqsma. Dan huwa kkonfermat mid-duttrina, li tenfasizza li dan l-artikolu huwa, fil-prinċipju, applikabbli għad-danni subiti minn investituri (24) u, b’mod partikolari, għar-responsabbiltà li tiskatta abbażi tal-prospett (25).
59. F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-post fejn seħħ jew hemm ir-riskju li jseħħ il-fatt li jikkawża preġudizzju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-post fejn seħħ il-preġudizzju jitqiesx li jinsab fid-domiċilju tal-vittma bħala ċ-ċentru tal-patrimonju tagħha, jiġifieri fl-Awstrija.
60. Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn il-post fejn iseħħ il-fatt li jista’ jiskatta r-responsabbiltà delittwali jew kważi-delittwali u l-post fejn dan il-fatt ikkawża preġudizzju ma humiex identiċi, l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” tista’ tinkludi żewġ postijiet differenti, jiġifieri l-post fejn seħħ il-preġudizzju (26) u dak tal-avveniment kawżali (27) li jwassal għal dan il-preġudizzju (28).
61. Barra minn hekk, fis-sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kellu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ” ma tirreferix għal post fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat jew fejn “il-beni tiegħu huma ċentralizzati”, minħabba r-raġuni unika li huwa ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta fit-telf ta’ partijiet mill-beni tiegħu li sar u kien imġarrab fi Stat Kontraenti ieħor (29). F’dak li jikkonċerna din il-kompetenza speċjali tal-imsemmi Artikolu 5(3), il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet lill-Avukat Ġenerali Léger, li kien irrileva, fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, li xejn ma kien jiġġustifika li tingħata attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Kontraenti differenti minn dak li fuq it-territorju tiegħu jinsabu l-fatt li kkawża l-preġudizzju u l-materjalizzazzjoni tad-dannu, jiġifieri l-elementi kollha li jikkostitwixxu r-responsabbiltà (30). Tali attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni ma tissodisfa ebda bżonn oġġettiv fir-rigward tal-prova jew tal-organizzazzjoni tal-proċeduri (31).
62. B’hekk tqum il-kwistjoni dwar liema huma, f’din il-kawża, l-elementi li jikkostitwixxu eventwali responsabbiltà.
63. Anki jekk il-fatti msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jipprovdux indikazzjonijiet konkreti biżżejjed biex jiġi eliminat kull dubju f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu, xorta jidher b’mod ċar li l-fatti ta’ din il-kawża ma humiex paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364). Bħala tfakkira, f’din l-aħħar kawża, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, R. Kronhofer, domiċiljat fl-Awstrija, kien ikkonkluda, permezz tat-telefon ma individwi domiċiljati fil-Ġermanja, kuntratt ta’ dritt ta’ xiri fuq ishma u kien, minħabba f’hekk, ittrasferixxa l-ammont dovut fuq kont ta’ investimenti fil-Ġermanja.
64. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, Barclays Bank ippubblikat prospett fl-Awstrija. Dan jikkostitwixxi indikatur ta’ fatt li jikkawża preġudizzju li jista’ jiskatta l-ġurisdizzjoni tal-qrati abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.
65. Jiena tal-fehma li, meta prospett jiġi ppubblikat fi Stat Membru wieħed jew iktar, jista’ jkun hemm f’kull ċirkustanza każ li jikkawża preġudizzju li jista’ jiskatta ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.
66. F’dan il-kuntest, jiena nxaqleb, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li nirrikorri għas-sentenza Shevill et (32), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-termini “post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ” fis-sens li, f’każ ta’ malafama permezz ta’ artiklu tal-istampa mxandar f’diversi Stati Kontraenti, il-vittma setgħet ukoll tressaq kontra l-editur azzjoni għad-danni quddiem il-qrati ta’ kull Stat li fih il-pubblikazzjoni kienet imxandra u fejn il-vittma kienet tippretendi li sofriet preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha, fejn din l-azzjoni hija limitata għall-preġudizzju subit fil-pajjiż tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża. Din l-idea hija kkonfermata mis-sentenza eDate Advertising et (33).
67. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kull talba intiża biex tiskatta r-responsabbiltà tal-konvenut u li ma hijiex konnessa mal-qasam kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Din l-ewwel dispożizzjoni tinkludi fiha r-responsabbiltà legali li tiskatta abbażi tal-prospett. Il-“post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post tad-domiċilju tal-portatur ta’ ċertifikati, jekk il-pubblikazzjoni tal-prospett fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-portatur wasslet għad-dannu finanzjarju.
D – Fuq ir-raba’ domanda
68. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni, hija għandhiex twettaq amministrazzjoni dettaljata tal-prova jew inkella tqis li l-allegazzjonijiet tal-konvenut biss fil-kawża prinċipali huma korretti.
69. Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-qorti hija ddeterminata mir-regoli awtonomi tar-Regolament Nru 44/2001, filwaqt li l-mertu tal-kawża għandu jiġi deċiż skont id-dritt nazzjonali applikabbli, determinat mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet relattivi għall-obbligi kuntrattwali (34) jew mhux kuntrattwali (35).
70. Il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-raġuni għalfejn hija rreferiet għall-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fehma tiegħi, dawn l-artikoli ma humiex relatati mad-domanda magħmula. Skont il-kliem tagħha, l-imsemmi Artikolu 25 jirreferi biss għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.
71. Il-kwistjoni tal-firxa tal-verifika tqum fir-rigward tar-regoli tal-ġurisdizzjoni kollha tar-Regolament Nru 44/2001.
72. Jidhirli li l-ġurisprudenza eżistenti diġà tagħtina diversi possibbiltajiet biex tingħata risposta għal din id-domanda, liema possibbiltajiet huma wkoll diġà indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju.
73. Ir-Regolament Nru 44/2001 ma jippreċiżax il-firxa tal-obbligi ta’ stħarriġ li għandha qorti nazzjonali fil-verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Brussell kellha bħala suġġett mhux li tgħaqqad ir-regoli tal-proċedura tal-Istati Kontraenti, iżda li tqassam il-ġurisdizzjoni tal-qrati għas-soluzzjoni tal-kawżi fil-qasam ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti u li tiffaċilita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (36). Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fir-rigward tar-regoli tal-proċedura, għandha ssir referenza għar-regoli nazzjonali applikabbli mill-qorti li titressaq il-kawża quddiemha, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma taffettwax l-effett utli tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (37).
74. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rikorrent kien jibbenefika mill-forum tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, anki jekk il-formazzjoni tal-kuntratt li kien is-suġġett tar-rikors kienet ikkontestata mill-partijiet (38). Din ippreċiżat ukoll li kien konformi mal-ispirtu ta’ ċertezza legali li l-qorti nazzjonali li titressaq il-kawża quddiemha tkun tista’ faċilment tippronunzja ruħha fuq il-kompetenza tagħha stess abbażi tar-regoli tal-konvenzjoni msemmija, mingħajr ma tkun imġiegħla tipproċedi għal eżami tal-każ fil-mertu (39).
75. Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti adita ma għandha tikkunsidra la l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba għal konstatazzjoni negattiva taħt ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss il-fatturi ta’ konnessjoni mal-Istat tal-forum sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (40). Din ikkunsidrat ukoll li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li tressqet il-kawża quddiemha tista’ tqis stabbiliti, għall-finijiet biss li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-allegazzjonijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà delittwali jew kważi-delittwali (41).
76. Għalhekk, biex tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti msejħa biex tiddeċiedi l-kawża ma tistax, kif tidher li tipproponi l-qorti tar-rinviju, tibbaża ruħha esklużivament fuq il-provi mressqa mill-konvenut. Sabiex tiżgura l-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001, hija għandha tibbaża ruħha fuq il-provi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha.
77. F’dan il-kuntest, inqis li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jiċċaħħad mill-valur tiegħu kieku l-konvenut ma jkollux il-possibbiltà li jippreżenta l-argumenti tiegħu fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li titressaq il-kawża quddiemha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament il-possibbiltà li l-konvenut jippreżenta l-argumentazzjoni tiegħu fir-rigward tal-ġurisdizzjoni.
78. Madankollu, il-qorti li titressaq il-kawża quddiemha ma għandhiex iddewwem l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni permezz ta’ amministrazzjoni tal-prova. Hija għandha twettaq evalwazzjoni prima facie tal-ġurisdizzjoni tagħha.
79. Għalhekk jidhirli li regoli proċedurali nazzjonali bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, li jipprevedu li l-qorti li tressqet il-kawża quddiemha għandha biss tiżgura ruħha mill-fondatezza apparenti tal-allegazzjonijiet tal-konvenut mingħajr, jekk ikun il-każ, ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi ppreżentati mill-konvenut, huma kuntrarji għall-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001.
80. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda fis-sens li, sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li titressaq kawża quddiemha għandha, fil-kuntest ta’ kontroll prima facie, tevalwa l-provi kollha li jkollha quddiemha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-provi mressqa mill-konvenut.
V – Konklużjoni
81. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Handelsgericht Wien b’dan il-mod:
1) L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi l-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-partijiet fil-kwistjoni. Meta konsumatur ikun akkwista ċertifikat li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur, ma jkunx ġie konkluż kuntratt bejn il-konsumatur u l-emettur taċ-ċertifikat.
2) L-Artikolu 5(1)(a), tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi relazzjoni kuntrattwali fis-sens ta’ impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra. Tali relazzjoni ma teżistix f’sitwazzjoni li fiha individwu akkwista ċertifikat, li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur, mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur.
3) L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kull talba intiża biex tiskatta r-responsabbiltà tal-konvenut u li ma hijiex konnessa mal-qasam kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Din l-ewwel dispożizzjoni tinkludi fiha r-responsabbiltà legali li tiskatta abbażi tal-prospett. Il-“post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post tad-domiċilju tal-portatur ta’ ċertifikati, jekk il-pubblikazzjoni tal-prospett fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-portatur wasslet għad-dannu finanzjarju.
4) Sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li titressaq kawża quddiemha għandha, fil-kuntest ta’ kontroll prima facie, tevalwa l-provi kollha li jkollha quddiemha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-provi mressqa mill-konvenut.