Language of document : ECLI:EU:C:2008:773

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fit-22 ta’ Diċembru 2008 1(1)

Kawża C‑553/07

College van burgemeester en wethouders van Rotterdam

vs

E. E. Rijkeboer

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (l-Olanda))

“Protezzjoni tad-data – Drittijiet fundamentali – Direttiva 95/46/KE – Dritt ta’ aċċess għad-data personali – Tħassir – Komunikazzjoni lil terzi persuni – Terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess – Prinċipju ta’ proporzjonalità”





I –    Introduzzjoni

1.        Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat tal-Olanda) għamel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 95/46 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2). Id-domanda preliminari li hija s-suġġett tar-rinviju tidħol f’terren imħarbat: it-tħassir ta’ data personali miżmuma minn amministrazzjoni muniċipali li ġiet ittrasferita lil terzi persuni u d-dritt konsegwenti ta’ aċċess għad-data dwar l-ipproċessar.

2.        Bħala prinċipju, il-qerda tad-data hija azzjoni li tipproteġi lis-suġġett tad-data. Madankollu, din l-azzjoni twassal għal konsegwenzi differenti, peress li flimkien mal-fajls tintilef anki kull traċċa tal-użu li jkun sar minnhom. B’hekk, min kien jidher protett jirriżulta fl-istess ħin ippreġudikat, peress li qatt mhuwa se jsir jaf x’użu għamel ir-riċevitur mid-data personali tiegħu (3).

3.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk it-terminu previst biex tiġi eliminata d-data japplikax bħala limitu ta’ żmien għad-dritt ta’ aċċess għall-ipproċessar. F’dan il-każ, għandu jiġi ċċarat jekk il-perijodu ta’ sena huwiex biżżejjed u proporzjonat sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet previsti fid-Direttiva 95/46.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.        Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, E. E. Rijkeboer talab lill-College van burgemeester en wethouders van Rotterdam (il-Kunsill Muniċipali ta’ Rotterdam; iktar ’il quddiem, il-“College”) biex jagħtih lista, mis-sistemi ta’ ħażna tar-Reġistru Muniċipali, tal-komunikazzjonijiet tad-data li kienet tikkonċernah li ntbagħtu lil terzi persuni tul l-aħħar sentejn. Permezz tad-deċiżjonijiet tas-27 u tad-29 ta’ Novembru 2005, il-College ċaħad parzjalment it-talba ta’ E. E. Rijkeboer, u pprovdielu biss id-data li kienet tikkonċerna s-sena ta’ qabel. Peress li ma qabilx mad-deċiżjoni li kienet ħadet l-amministrazzjoni muniċipali, E. E. Rijkeboer ressaq rikors amministrattiv, li ġie miċħud ukoll, fit-13 ta’ Frar 2006.

5.        Ladarba ntużaw ir-rimedji amministrattivi kollha, ir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti ta’ Rotterdam) laqgħet ir-rikors ta’ E. E. Rijkeboer. Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2006, ir-Rechtbank Rotterdam annullat id-deċiżjoni amministrattiva li kienet ċaħdet uħud mit-talbiet ta’ E. E. Rijkeboer u ordnat lill-College sabiex jadotta deċiżjoni ġdida.

6.        Fit-28 ta’ Diċembru 2006, il-College appella quddiem is-sezzjoni tal-kawżi amministrattivi tar-Raad van State, li, permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Diċembru 2007, issospendiet il-kawża prinċipali u għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

III – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

7.        L-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat UE jipprovdi għall-osservanza tad-drittijiet fundamentali min-naħa tal-Unjoni kif ġej:

“Artikolu 6

1.       L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ liberta’, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

2.       L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

[…]”.

8.        Id-dritt fundamentali għall-ħajja privata, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, ġie espress, f’termini leġiżlattivi, fid-Direttiva 95/46 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Dan it-test, li l-kontenut tiegħu ġie kkodifikat mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “data” u jipprovdi sabiex din titħassar wara li tkun ġiet ipproċessata tul perijodu partikolari ta’ żmien. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 2(a) u 6 ta’ din id-direttiva jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 2

[...]

a) ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‛suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu.

[…]

Artikolu 6

1. Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

[…]

e) miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.”

9.        Sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza fl-ipproċessar, l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46 jistabbilixxu ċerti obbligi ta’ informazzjoni fil-konfront tas-suġġett tad-data, li jvarjaw skont jekk id-data nġabritx mingħandu jew minn x’imkien ieħor. Il-kontrollur, b’mod partikolari, għandu jissodisfa l-obbligi li ġejjin:

“Artikolu 10

Informazzjoni f’każi ta’ ġbir ta’ data mingħand is-suġġet tad-data

Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:

a) l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b) l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

ċ) informazzjoni oħra bħal:

–        ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

–        jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

–        eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.

Artikolu 11

Informazzjoni meta d-data ma jkunux inkiseb mis-suġġet[t] tad-data

1. Meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, Stati Membr[i] għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali, jew jekk ikun maħsub li d-data tiġi żvelata lil parti terza, mhux aktar tard miż-żmien li d-data tkun żvelata l-ewwel darba, jagħtu lis-suġġett tad-data għall-inqas l-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:

–        l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

–        l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

–        informazzjoni oħra bħal:

–        il-kategoriji tad-data in kwistjoni,

–        ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru,

sakemm dik l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.

[…]”.

10.      Is-suġġetti tad-data jistgħu jaċċertaw irwieħhom li jsir użu tajjeb mid-data billi jeżerċitaw dak li jissejjaħ id-“dritt ta’ aċċess”, li jiġi ddefinit b’mod ġenerali mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, hija rilevanti l-ewwel ipoteżi msemmija minn dan l-artikolu:

“Artikolu 12

Dritt ta’ aċċess

Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

a) mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

–        konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data;

–        komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu;

–        għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati imsemmija fl-Artikolu 15(1);

[…]”.

11.      L-obbligu tat-tħassir, bħal fil-każ tad-dritt ta’ aċċess, jista’ jiġi limitat mill-Istati Membri fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46:

“Artikolu 13

1.       Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

a)      sigurtà nazzjonali;

b)      difiża;

ċ)      sigurtà pubblika;

d)       prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi;

f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.

[…]”.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12.      Il-leġiżlazzjoni Olandiża ttrasponiet id-Direttiva 95/46 permezz ta’ test ġenerali, il-Wet bescherming persoonsgegevens (il-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali). F’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija liġi nazzjonali hija waħda ta’ natura sussidjarja, peress li fil-kuntest lokali hemm leġiżlazzjoni speċjali, jiġifieri l-Wet gemeentelijke basisadministratie persoonsgegevens (il-Liġi dwar l-amministrazzjoni tad-data personali min-naħa tal-amministrazzjonijiet muniċipali). L-Artikolu 103(1) ta’ din il-liġi jiddeskrivi l-kundizzjonijiet li fihom l-individwu jista’ jkollu aċċess għall-informazzjoni marbuta mal-ipproċessar tad-data tiegħu:

“Artikolu 103

1.      Fuq talba tas-suġġett tad-data, il-College van burgemeester en wethouders għandu jikkomunika bil-miktub lil dan tal-aħħar, fi żmien erba’ ġimgħat, jekk id-data li ġejja mill-amministrazzjoni muniċipali li tikkonċernah ġietx żvelata lil akkwirent jew lil parti terza matul is-sena li tippreċedi t-talba.

[…]”.

IV – Id-domanda preliminari

13.      Fit-12 ta’ Diċembru 2007 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja waslet it-talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State, li tagħmel id-domanda li ġejja:

“Il-limitazzjoni, prevista mil-liġi, tal-komunikazzjoni tad-data għas-sena qabel it-talba kkonċernata hija kompatibbli mal-Artikolu 12(a) (u s-sentenza introduttiva tiegħu) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqri flimkien, jew le, mal-Artikolu 6(1)(e) ta’ din id-direttiva u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

14.      Il-College, il-Gvernijiet tal-Olanda, tar-Renju Unit, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju ta’ Spanja, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

15.      L-avukati tal-College u ta’ E. E. Rijkeboer, kif ukoll l-aġenti tal-Gvernijiet tal-Olanda, tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni Ewropea kienu preżenti matul is-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008 sabiex jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.

V –    Delimitazzjoni tal-kwistjoni

16.      Din il-kawża tqajjem diversi kwistjonijiet ferm kumplessi mill-aspett kunċettwali. Essenzjalment, ir-Raad van State jixtieq ikun jaf jekk jistax ikun hemm terminu speċifiku biex titħassar l-informazzjoni marbuta mal-ipproċessar tad-data personali. Jekk titħassar din id-data, skont id-Direttiva 95/46, jingħalqu l-bibien fuq id-dritt ta’ aċċess, peress li ma tistax tintalab informazzjoni li ma għadhiex teżisti. B’hekk, id-diskussjoni tikkonċerna restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dritt, li huwa wkoll espliċitament previst mid-Direttiva 95/46. Din it-tensjoni bejn it-tħassir u l-aċċess tikxef kunflitt intrinsiku fit-test leġiżlattiv inkwistjoni, li dwaru trid tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja.

17.      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni dwar l-ipproċessar jixirqilhiex jew għandux jixirqilha sistema identika għal dik tad-data personali. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat jekk it-terminu għat-tħassir għandux jibda japplika, ikun xi jkun il-każ, bħala limitu għad-dritt ta’ aċċess. Dawn id-dubji jridu jiġu solvuti fi ħdan kuntest fattwali u leġiżlattiv pjuttost imħawwad, peress li r-Raad van State ma ta l-ebda indikazzjoni jekk it-terminu pprovdut għat-tħassir tad-data dwar l-ipproċessar huwiex daqs jew inqas mit-terminu stabbilit għad-data personali. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu analizzati ż-żewġ ipoteżijiet, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

VI – Diskussjoni preliminari: l-evalwazzjoni tal-interessi fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni

A –    Id-dritt fundamentali għall-ħajja privata u l-evoluzzjoni tiegħu fil-kuntest Komunitarju

18.      L-Unjoni Ewropea, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta Kostituzzjonali tagħha (4), tosserva d-drittijiet fundamentali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tissorvelja l-protezzjoni tagħhom (5). Wara diversi snin ta’ evoluzzjoni fil-ġurisprudenza li bdiet permezz tas-sentenzi Stauder (6) u Internationale Handelsgesellschaft (7), l-Istati Membri taw valur sħiħ lin-natura strutturali ta’ dawn id-drittijiet billi approvaw l-Artikolu F tal-Att Uniku Ewropew, li sussegwentement sar l-Artikolu 6 tat-Trattat UE. Skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni għandha tosserva d-drittijiet fundamentali kif inhuma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”) (8) u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

19.      L-osservanza tad-dritt għall-ħajja privata hija parti minn dawn it-tradizzjonijiet. Sa minn meta ngħatat is-sentenza Stauder (9), il-ġurisprudenza ffissat id-difiża tal-ħajja privata fost il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Inizjalment, hija inkludietha b’relazzjoni għall-analiżi tat-twettiq tal-obbligu li tiġi pprovduta data bħall-isem (10) jew informazzjoni dwar is-saħħa (11), fuq il-livell nazzjonali (12) u Komunitarju (13). Ftit taż-żmien wara, matul is-snin 90, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet l-inċidenza ta’ dan id-dritt fl-ambitu tal-ħajja privata (14) u familiari (15).

20.      Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, fl-1995, kien hemm bidla. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li sa dak iż-żmien kienet sporadika u żviluppata mill-każistika, sabet pilastru iktar solidu għad-deċiżjonijiet tagħha, peress li d-Direttiva tiddefinixxi bi preċiżjoni l-għan (16), is-suġġetti (17) u r-rimedji possibbli li għandu l-individwu jekk tkun qed tiċċirkola data tiegħu (18). Il-premessa 10 tal-preambolu tispjega l-għan tad-Direttiva 95/46 bħala għodda sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-KEDB u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (19). Is-sentenza Österreichischer Rundfunk et ikkonfermat li d-Direttiva 95/46, minkejja li bħala għan prinċipali għandha dak li tiggarantixxi l-moviment liberu tad-data personali, għandha wkoll funzjoni importanti bħala garanti tad-drittijiet fundamentali (20).

21.      Fil-qosor, id-Direttiva 95/46 tiżviluppa d-dritt fundamentali tal-osservanza tad-dritt għall-ħajja privata mill-aspett tal-ipproċessar awtomatiku tad-data personali (21).

22.      Bħala konferma ta’ din il-kodifikazzjoni, biżżejjed li jissemma kif l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (22), dwar “Il-protezzjoni tad-data personali”, jistabbilixxi d-dritt għar-riżervatezza kif ukoll għall-ipproċessar tad-data personali b’mod ġust, u jagħti wkoll id-dritt lill-individwu ta’ aċċess għall-imsemmija data u d-dritt li jikseb ir-rettifika tagħha. Minkejja l-kawtela meħtieġa li biha għandha tiġi applikata l-Karta (23), naħseb li huwa diffiċli li wieħed jinjora d-dispożizzjonijiet tagħha u jiċħad li dawn l-elementi tad-dritt huma parti sħiħa mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri (24). Din il-kunsiderazzjoni tissaħħaħ hekk kif wieħed jiftakar li għaddew iktar minn għaxar snin minn meta ġiet adottata d-Direttiva 95/46, u li ntlaħqet armonizzazzjoni effiċjenti f’dan ir-rigward (25).

23.      Il-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 8, tenfasizza żewġ aspetti li jikkonċernaw din il-kawża. Dawn huma riflessi fl-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 95/46; minn naħa, l-obbligu tat-tħassir tad-data wara perijodu ta’ żmien li ma jkunx itwal minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom hija nġabret (Artikolu 6(1)(e)); u, min-naħa l-oħra, id-dritt li jkun hemm il-libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri li lilhom tiġi kkomunikata d-data (Artikolu 12(a)). Peress li l-Karta laqtet dawn l-aspetti u għaqqdithom man-“natura essenzjali” tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, id-domanda magħmula mir-Raad van State teżiġi li d-drittijiet u l-interessi involuti jiġu evalwati, sabiex tingħata risposta razzjonali li tinkludi lil dawn il-prinċipji fil-qafas kostituzzjonali relatat (26).

24.      Qabel kollox, meta jiġu deskritti l-imfietaħ għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46, għandu jiġi studjat l-element teleoloġiku tagħha biex jiġi stabbilit x’inhu l-iktar interess importanti.

B –    Id-dritt fundamentali għall-ħajja privata u t-tensjonijiet interni tiegħu

25.      Il-kawża inkwistjoni ma tikkonċernax żewġ drittijiet fundamentali imma żewġt uċuħ tal-istess munita. Bil-kontra tal-każijiet fejn jidħlu f’kunflitt, pereżempju, id-dritt għall-unur u l-libertà tal-informazzjoni jew id-dritt għall-ħajja privata u d-dritt għall-proprjetà, f’dan il-każ huma involuti żewġ obbligi li għandhom jissodisfaw l-awtoritajiet pubbliċi: l-obbligu li jiġu pprovduti termini għall-qerda tas-sistemi ta’ ħażna li fihom tkun miġbura data personali, u l-obbligu li jiġi ggarantit l-aċċess għas-suġġetti tad-data. Dan il-fattur partikolari jiddistingwi l-ġrajja ta’ E. E. Rijkeboer minn dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni dwarhom fl-imgħoddi, bħall-kawżi Lindqvist (27) jew Promusicae (28), fejn il-protezzjoni tal-ħajja privata daħlet f’kunflitt, rispettivament, mad-dritt għal-libertà tat-twemmin u d-dritt għall-proprjetà (29). F’dan il-każ, però, hawn dritt wieħed, fih innifsu kontradiċenti, peress li jinqasam f’żewġ ġibdiet li jittrasformawh f’xorta ta’ Dr. Jekyll u Mr. Hyde; fil-fatt, kif nuri fil-punti li ġejjin, fl-essenza doppja tiegħu hemm kemm it-tjubija kif ukoll krudeltà bierda u kkalkulata.

26.      Il-ħażna tad-data min-naħa tal-kontrollur hija piż marbut bi skadenza, peress li d-Direttiva 95/46 tobbliga l-ħażna tad-data għal perijodu ta’ żmien mhux itwal minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha jew l-għanijiet li għalihom id-data qed tiġi ulterjorment ipproċessata. Din ir-rigorożità hija espressa mill-Artikolu 6, li jħalli l-libertà lill-Istati Membri biex jistabbilixxu t-termini rilevanti skont is-setturi u l-għanijiet li fuqhom huma bbażati l-ħolqien u l-qerda sussegwenti tas-sistemi ta’ ħażna. Minkejja l-flessibbiltà li din id-dispożizzjoni tagħti lil kull sistema legali nazzjonali, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 jippermetti derogi għar-regola msemmija iktar ’il fuq, fejn jawtorizza l-ħażna tad-data għal perijodu itwal min-normali, ġaladarba din il-miżura tkun meħtieġa biex jiġu protetti l-interessi ġenerali, bħas-sigurtà tal-Istat, il-ġlieda kontra l-kriminalità jew ir-riċerka xjentifika.

27.      Mingħajr ma jsemmi din iċ-ċirkustanza, il-preambolu tad-Direttiva 95/46 ma jagħtix iktar importanza lil-limiti għall-ħażna tad-data. Għaldaqstant, l-Artikoli 6 u 12 biss isemmu dan l-obbligu u, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li d-Direttiva 95/46 tagħti lill-Istati Membri, inqis li l-leġiżlatur Komunitarju ma kkonċentrax ruħu fuq dan l-aspett, li barra minn hekk jintwera mill-fatt li r-regolamentazzjoni ta’ dan tal-aħħar qed tiġi pparagunata ma’ dik tad-dritt ta’ aċċess (30).

28.      Il-fatt li s-suġġett tad-data jista’ jipproċessa d-data, kif ukoll jitlob ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblokk tagħha, huwa wieħed mill-aspetti fundamentali tad-Direttiva 95/46. Il-premessi 38 u 40 jesprimu dan il-kunċett, fejn mhux biss jikkonfermaw l-importanza tad-dritt ta’ aċċess, iżda wkoll jippreżumu konnessjoni bejn l-informazzjoni li jkollu s-suġġett tad-data u l-ipproċessar tagħha. Fil-fatt, sabiex id-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikolu 12 ikunu prattikabbli, għandhom jitqiesu numru ta’ prinċipji fundamentali, minħabba li jekk dan ma jsirx, il-garanziji li din id-dispożizzjoni tipprovdi ma jkollhom saħħa ta’ xejn. Il-premessa 41 tad-Direttiva tesprimi dan il-kunċett b’mod ċar ħafna, fejn tistabbilixxi li “persuna għandha tkun tista’ teżerċita id-dritt ta’ aċċess għal data dwarha li tkun qed tiġi pproċessata, biex tivverifika partikolarment l-eżatezza tad-data jekk l-ipproċessar ikunx skond il-liġi” (31). F’dan il-kuntest, dawk li jissejħu l-“prinċipji dwar il-kwalità tad-data” – imsemmija fit-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 – iżommu s-sinjifikat kollu tagħhom, fejn fost oħrajn wieħed isib ukoll l-obbligu li jinħażnu għal perijodu ta’ żmien “mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet” li għalihom tkun inġabret id-data. L-obbligu li jinqerdu s-sistemi ta’ ħażna jaqa’ fl-ambitu tal-obbligu li l-informazzjoni tiġi pproċessata “b’mod ġust u skond il-liġi”, kif ukoll dak li jiggarantixxi l-kwalità tagħha, sabiex id-data tkun adegwata, rilevanti, li ma teċċedix l-għanijiet u eżatta (32).

C –    In-natura sussidjarja tal-Artikolu 6 meta pparagunat mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46

29.      Jiena konxju ta’ kemm huwa diffiċli li wieħed jipprova jidentifika interess prijoritarju bejn l-Artikolu 6 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46. Hemm raġunijiet tajbin biex wieħed iqis li t-tħassir hu l-muftieħ tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 95/46, li fl-ambitu tagħha jiġi protett id-dritt ta’ aċċess li jippermetti li l-individwu jissorvelja l-proċedura ta’ tħassir tad-data. Bl-istess mod, id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata huwa ddefinit fl-Artikolu 12, peress li l-aċċess jikkostitwixxi l-vera dimensjoni suġġettiva tad-direttiva li, essenzjalment, tippermetti li l-individwu jirreaġixxi sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu.

30.      F’dan il-kuntest, ma nistax ma nfakkarx id-dilemma l-antika tal-bajda u tat-tiġieġa. Liema minnhom ġiet l-ewwel? Nistgħu ngħixu għal dejjem b’din id-domanda, konxji li ma teżistix soluzzjoni, għaliex iż-żewġ kunċetti huma realtajiet eterni, kif kiteb Aristotli (33)?

31.      B’differenza għall-filosfu, il-qorti ma għandhiex il-libertà tal-ħsieb li għandu hu u trid tagħmel ħilitha biex tipprovdi risposta, minkejja li mhux dejjem tkun l-iktar waħda adattata. B’hekk, bl-istess mod kif ix-xjenzati li tqabdu mal-battalja eterna bejn il-bajd u t-tiġieġ (34), nixtieq nissuġġerixxi soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Artikolu 6 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46.

32.      Minn dak li ġie espost fil-punti 29 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, niddeduċi li fi ħdan id-Direttiva 95/46 l-obbligu tat-tħassir huwa subordinat għad-dritt ta’ aċċess. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu dritt li jitwieled bit-tħejjija tas-sistema ta’ ħażna u jispiċċa meta dan jitħassar. Għaldaqstant, il-qerda tad-data hija biss waqt wieħed fl-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess, konnotazzjoni li tinfluwenza u tiġġustifika l-Artikolu 12.

33.      Jekk nidħlu iktar fil-fond ta’ dan ir-raġunament, nikkonvinċu rwieħna li d-dritt ta’ aċċess għandu l-għan li s-suġġett tad-data jkun jaf l-informazzjoni li tikkonċernah. Barra minn hekk, din l-analiżi tidħol iktar fil-fond jekk nistħarrġu l-għanijiet għar-riċerki li għamel dan is-suġġett. F’bosta każijiet, min ikollu d-dritt ta’ aċċess ikun irid jivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data tiegħu. Id-Direttiva 95/46 tobbliga lill-kontrolluri sabiex josservaw ċerti prinċipji fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, iżda tenfasizza wkoll il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni, fosthom, id-dritt ta’ aċċess, bħala għodda għad-dispożizzjoni tas-suġġett tal-informazzjoni biex jissorvelja u jiggarantixxi l-osservanza tal-liġi.

34.      B’hekk, l-Artikolu 12, bħala assi tas-sistema ta’ garanziji stabbilit mid-Direttiva 95/46, ma jkunx razzjonali fil-każ li dawk li jkollhom fil-pussess tagħhom id-data ta’ persuni oħrajn ma jkunu marbuta minn ebda regola. Kif osservat korrettament il-Kummissjoni waqt is-seduta, proprju minħabba li jeżistu prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data (Artikolu 6) jinbena d-dritt ta’ aċċess (35), li jittella’ sabiex iservi bħala sisien tal-imsemmija direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 12 li jenfasizza fuq id-dettall “mingħajr restrizzjoni” (36). Meta jitqiesu l-garanziji li toffri d-Direttiva 95/46, li tikkonċentra l-prijoritajiet kollha tagħha fuq il-protezzjoni tas-suġġetti tad-data, jidher b’mod ċar li l-obbligu tal-ħażna huwa addizzjonali meta pparagunat mad-dritt ta’ aċċess. In-natura suġġettiva qawwija tad-direttiva, flimkien mal-għan li għandha li tipproteġi d-drittijiet fundamentali (f’dan il-każ, id-dritt għall-ħajja privata), jikkorroboraw din it-teżi, fejn iqiegħdu r-raġunijiet wara l-Artikolu 6 fuq livell leġiżlattiv iktar baxx.

35.      Dan l-argument huwa kkonfermat mill-istruttura tal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ma hemm l-ebda dubju rigward il-valur ermenewtiku tagħha (37), li tqiegħed id-dritt ta’ aċċess fil-paragrafu 1. Sussegwentement, fil-paragrafu 2, telenka l-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data, minkejja li żżomm l-istess ġerarkija, fejn id-dritt tas-suġġett tad-data għandu prijorità fuq ir-responsabbiltajiet tal-utent tad-data.

36.      B’din il-perspettiva bħala premessa, u filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward in-natura suġġettiva tad-Direttiva 95/46, li tirrikonoxxi setgħa speċjali tal-Artikolu 12 meta pparagunat mal-Artikolu 6, issa beħsiebni nistħarreġ id-domanda li għamel il-Kunsill tal-Istat tal-Olanda.

VII – Id-data personali u d-data marbuta mal-ipproċessar

37.      Kif diġà indikajt fil-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ li nistudjaw żewġ ipoteżi b’mod separat, li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, billi nistħarrġu l-legalità tat-terminu, minn naħa, fil-każ li jkun iqsar minn dak ipprovdut għad-data prinċipali u, min-naħa l-oħra, meta t-terminu sabiex ikun hemm aċċess għad-data dwar l-ipproċessar ikun daqs dak ipprovdut għall-aċċess tad-data prinċipali. Fl-ewwel każ, għandu jiġi stabbilit jekk id-direttiva tippermettix din l-indipendenza tal-mezzi ta’ aċċess, skont it-tip ta’ data mitluba. Fit-tieni każ, tqum id-diffikultà sabiex jiġi ppreċiżat jekk huwiex permess l-aċċess wara t-tħassir tad-data.

38.      Biex nirrispondu korrettament id-domanda tar-Raad van State jeħtieġ li qabel kollox jiġi stabbilit jekk it-termini tat-tħassir għandhomx jiġu applikati mingħajr distinzjoni għad-data kollha, inkluża dik relatata mal-ipproċessar, jew jekk għandhomx ivarjaw skont it-tip ta’ data personali mitluba. Hemm differenza sostanzjali skont il-finijiet ta’ kull kategorija ta’ informazzjoni.

39.      Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Ċeka ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li kull tip ta’ data għandha għan differenti. Għaldaqstant, għandhom jiġu spjegati l-vantaġġi u d-diffikultaljiet marbuta ma’ dan ir-raġunament, kif ukoll il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tiegħu rigward dan il-każ.

40.      Il-qerda tad-data personali għandha l-għan li tipproteġi lis-suġġett tad-data, billi l-eliminazzjoni tal-informazzjoni teqred kull riskju ta’ proċessar illegali. Il-fatt li d-Direttiva 95/46 ma tiffissax terminu għall-Artikolu 6 jimxi ma’ ċerta loġika, peress li kull sistema ta’ ħażna topera skont l-għanijiet tagħha u abbażi tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà l-leġiżlatur nazzjonali huwa l-persuna li qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi f’liema perijodu ta’ żmien il-kontrolluri għandhom jipproċedu sabiex jeqirdu d-data. Madankollu, l-eliminazzjoni tad-data marbuta mal-ipproċessar taqdi funzjonijiet differenti, peress li ma tipproteġix lis-suġġett tad-data; dan tal-aħħar fil-fatt jitlef it-traċċi tal-informazzjoni mingħajr ma jeżerċita d-dritt ta’ aċċess, minħabba li d-data rilevanti ma tkunx iktar fil-pussess tal-kontrollur, bil-konsegwenza li huma r-riċevituri terzi tad-data li jibbenefikaw minn dan it-tħassir, billi l-identità u l-intenzjonijiet tagħhom jitħassru.

41.      Din l-interpretazzjoni tenfasizza d-diffikultajiet kunċettwali impliċiti f’din il-kawża. Huwa minnu li tista’ tingħaraf differenza bejn it-tħassir tad-data u t-tħassir tal-informazzjoni marbuta mal-ipproċessar (38). Iż-żewġ operazzjonijiet fil-fatt jikkonċernaw drittijiet differenti u funzjonijiet awtonomi li d-Direttiva 95/46 tirregola b’mod separat. Madankollu, din l-interpretazzjoni, meħuda b’mod estrem, tikkawża konsegwenzi ftit mixtieqa. Fl-ewwel lok, nuqqas ta’ ugwaljanza bħal din mhijiex aċċettata espressament mid-Direttiva 95/46, peress li l-Artikolu 6 jikkonċerna t-tħassir in toto tad-data, filwaqt li l-Artikolu 12, minkejja li jelenka t-tipi differenti ta’ informazzjoni, ma jagħmilx dan biex jiddiversifikahom, iżda biex jagħti kontenut lid-dritt ta’ aċċess (39). Fit-tieni lok, id-dritt ta’ aċċess inħoloq biex ikun eżerċitat “mingħajr restrizzjoni”, peress li għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Kif nosserva iktar ’il quddiem, l-intensità tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt tista’ tkun iddefinita skont iċ-ċirkustanzi, iżda l-formulazzjoni tal-Artikolu 12 teskludi l-eżistenza ta’ aċċess tal-ewwel u tat-tieni klassi. Fit-tielet lok, kif enfasizzaw, waqt is-seduta, il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit, dawn iż-żewġ tipi ta’ data flimkien jifformaw unità teknoloġika, ġeneralment jiġu pproċessati fl-istess sistemi ta’ ħażna u l-ġestjoni konġunta tagħhom ma tinvolvi ebda piż partikolarment kbir għall-kontrolluri.

42.      Għaldaqstant, neskludi li d-data marbuta mal-ipproċessar għandha ħajja u sistema ġuridika awtonoma. Dan it-tip ta’ informazzjoni jikkonċerna d-data personali li ġiet ipproċessata, peress li tispjega l-metodi li bihom u l-kundizzjonijiet li fihom ġiet ipproċessata, u dan iwassalni sabiex inqis li dan jifforma parti sħiħa mid-definizzjoni Komunitarja ta’ “data” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, din l-affermazzjoni trid issir fid-dawl tal-każijiet li indikajt fil-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

VIII – L-ewwel każ: terminu iqsar għat-tħassir tad-data marbuta mal-ipproċessar

43.      Id-domanda li għamel ir-Raad van State donnha qed tirreferi għall-każ li ġej: il-leġiżlazzjoni Olandiża tipprovdi li d-data personali tinħażen għal perijodu twil, iżda tipprovdi wkoll terminu iqsar, ta’ sena, biex titħassar id-data marbuta mal-ipproċessar. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħtix dettalji fir-rigward tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u għalhekk nazzarda nissuġġerixxi l-ewwel risposta filwaqt li nżomm quddiem għajnejja din l-ipoteżi.

44.      Minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti 37 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li d-Direttiva 95/46 ma stabbilietx distinzjoni bejn id-data personali u d-data marbuta mal-ipproċessar. Peress li jiena konxju mid-diffikultajiet marbuta mal-ħażna li jirriżultaw jekk tintlaqa’ din it-teżi, inqis li t-terminu tat-tħassir, ipprovdut fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46, huwa l-istess għaż-żewġ tipi ta’ data. Minkejja li l-għan tat-tħassir jinbidel skont id-data, insibha diffiċli biex nimmaġina sistemi differenti bbażati fuq separazzjoni daqstant artifiċjali, fuq kollox għaliex qed nitkellmu fuq dritt fundamentali.

45.      Kif osservajt preċedentement fil-punti 29 sa 35, id-direttiva inkwistjoni tagħti prijorità lid-dritt ta’ aċċess, u l-piżijiet tat-tħassir huma subordinati għalih. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, kemm id-data personali kif ukoll dik marbuta mal-ipproċessar jiksbu iktar protezzjoni jekk jinħażnu għall-istess perijodu ta’ żmien.

46.      Xi kultant id-data tibqa’ maħżuna għal perijodu twil ta’ żmien; iżda dan it-tul ta’ żmien huwa ġġustifikat mill-interess ġenerali, li japplika wkoll biex tittawwal il-ħajja tad-data marbuta mal-ipproċessar. Fil-każijiet fejn it-tul ta’ żmien tal-ħażna tad-data ma tkunx sostenibbli, minħabba li s-sistemi ta’ ħażna għandhom utilità storika, statistika jew xjentifika, id-Direttiva 95/46 titlob li l-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi li jadattaw l-użu ta’ dawn is-sistemi ta’ ħażna għaċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw din il-ħażna għal perijodu itwal ta’ żmien (40). Għaldaqstant huwa meħtieġ li jitfasslu miżuri oħra li jiggarantixxu l-protezzjoni tas-suġġett tad-data, għalkemm għandhom jiġu adattati għall-użu li jsir mid-data għal finijiet storiċi jew kulturali skont l-Artikolu 6(e) tad-Direttiva 95/46.

47.      Barra minn hekk, kif sostna l-College fl-osservazzjonijiet bil-miktub u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, jeżistu iktar limiti għal dan l-obbligu li jiġu applikati termini komuni għall-ħażna tad-data marbuta mal-ipproċessar u dak tad-data personali. Jidhirli li l-eżempju li jagħti l-College fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni dwar terza persuna li, min-naħa tagħha, tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 95/46, u mingħajr ma s-suġġett oriġinali tal-informazzjoni trażmessa titneħħielu għal kollox il-protezzjoni minħabba dan, huwa ferm deċiżiv. Dan il-limitu jimplika li, biss fir-rigward tad-data personali tar-riċevitur, is-suġġett oriġinali jaqa’ taħt l-istess limiti ta’ kull destinatarju ieħor, skont it-termini tad-Direttiva 95/46.

48.      B’hekk, jekk id-data personali u d-data relatata mal-ipproċessar tibqa’ suġġetta għal perijodu ta’ tħassir komuni, mhuwiex neċessarju li tiġi evalwata l-proporzjonalità tat-terminu ta’ sena pprovdut mil-leġiżlazzjoni Olandiża. Jekk il-perijodu ta’ ħażna tad-data personali jkun itwal minn dak ipprovdut għad-data marbuta mal-ipproċessar, ir-risposta għad-domanda preliminari tieqaf hawnhekk.

49.      Li kieku l-kawża prinċipali kellha kuntest ġuridiku differenti, ir-riposta għad-domanda kienet tkun differenti, dejjem jekk ikun hemm koinċidenza bejn l-imsemmija termini u jekk is-suġġett tad-data jitlob l-aċċess għal informazzjoni li nqerdet preċedentement.

IX – It-tieni ipoteżi: terminu ta’ tħassir komuni għaż-żewġ tipi ta’ data

A –    Il-formulazzjoni letterali tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46

50.      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju tal-Olanda jsostnu li l-Artikolu 12 jikkonferma l-konnessjoni bejn l-aċċess u l-eliminazzjoni tad-data stabbilita mill-Artikolu 6, b’referenza għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 12(a). Din id-dispożizzjoni timponi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lil kwalunkwe suġġett tad-data “[i]d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur: […] komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu”. Mid-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-Direttiva 95/46 tnaqqas il-portata tad-dritt ta’ aċċess għad-data li tkun suġġetta għall-ipproċessar, fejn teskludi l-aċċess jekk it-talba tiġi ppreżentata wara li jintemm l-ipproċessar, jiġifieri, wara t-tħassir tad-data. Din l-interpretazzjoni tiġi kkorroborata mill-paragun bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, li jvarjaw fl-intensità li biha jindikaw in-natura temporanja u fissa tad-dritt.

51.      Dan l-argument mhuwiex konvinċenti għaliex anki jekk il-verżjoni Ingliża tirreferi għal data “undergonig processing” (41), dik bl-Ispanjol hija ftit iktar ambigwa (“datos objeto de los tratamientos”). Nifhem li interpretazzjoni rigoruża ta’ din id-diċitura tkun iktar koerenti mal-obbligu tat-tħassir ipprovdut mill-Artikolu 6. Madankollu, ma nqisx li dan il-paragun jagħti lok għal xi element determinanti, partikolarment meta hemm raġunijiet tajba li wieħed jidderoga mill-istruttura tal-Artikolu 12, kif se nispjega iktar ’il quddiem (42).

52.      Lanqas ma naqbel mal-pożizzjoni tar-Renju ta’ Spanja, li qed isostni li għandha tiżdied eċċezzjoni oħra mal-Artikolu 12, li tingħaqad ma’ dawk ipprovduti mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 (43). Wara li rrikonoxxa li l-aċċess ikun limitat għad-data suġġetta għall-ipproċessar inkwistjoni, il-Gvern Spanjol iqis li mal-limiti li jissemmew fl-Artikolu 13 għandu jiżdied limitu ieħor, impliċitu, li t-tifsira tiegħu tista’ tiġi dedotta mill-imsemmi obbligu pprovdut fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46. Din l-ispjegazzjoni lanqas ma tikkonvinċini u ssostni b’mod sinjifikanti t-teżi li qed topponi: jekk l-Artikolu 13 jiġbor fih l-eċċezzjonijiet għad-dritt ġenerali ta’ aċċess, l-eċċezzjonijiet bħala tali, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Jekk ma tistax tiġi permessa deroga “ġeneruża” għal dawn il-limiti, inqas jista’ jiġi ttollerat li jinħolqu kategoriji oħrajn ex novo.

53.      Fil-qosor, l-intestatura tal-imsemmija dispożizzjonijiet twassalni biex neskludi evalwazzjoni riduttiva tad-dritt ta’ aċċess. Dawn ir-raġunijiet ma jwasslux biex jinħoloq terminu wieħed, peress li, fuq il-bażi tal-ġerarkija interna tad-Direttiva 95/46, id-dritt ta’ aċċess jipprevali fuq l-obbligu tat-tħassir. Fil-fatt, il-qerda tas-sistema ta’ ħażna hija limitu għall-aċċess, li żżomm il-legalità tagħha biss sakemm jiġu osservati garanziji partikolari. Dan ifisser li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess jista’ jiġi subordinat (pereżempju, bl-adozzjoni ta’ terminu), sakemm is-suġġett tad-data jkun ġie protett b’mezzi oħrajn. Inkella, it-termini ta’ tħassir ikunu illegali peress li jkunu qed jostakolaw id-dritt ta’ aċċess, li ma jfissirx li għandha ssir diskriminazzjoni fil-konfront tal-informazzjoni u l-kontrolluri għandhom jiġu obbligati jaħżnu għal dejjem id-data marbuta mal-ipproċessar iżda, bil-kontra, ifisser li t-terminu ta’ tħassir għandu jittawwal b’tali mod li jiżgura l-aċċess.

54.      Għaldaqstant, inqis li t-terminu għall-qerda tad-data huwa fih innifsu restrizzjoni għad-dritt ipprovdut fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46. Madankollu, dan it-terminu jista’ jikser din l-aħħar dispożizzjoni jekk jipprekludi eċċessivament il-kisba tal-għanijiet tagħha.

B –    Eċċezzjoni għar-regola: l-informazzjoni tas-suġġett tad-data

55.      Għar-raġunijiet imsemmija, inqis li t-terminu ta’ tħassir inaqqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess, minkejja li jeżistu ċirkustanzi fejn tinħoloq disparità bejn it-terminu ta’ tħassir u dak tad-dritt ta’ aċċess. Bl-użu tal-kelma disparità qed nirreferi għall-possibbiltà li ż-żmien ikun proporzjonat għat-tħassir iżda jkun sproporzjonat għall-aċċess u viċe versa. Jiena konxju mill-kumplikazzjonijiet prattiċi ta’ dan l-approċċ, iżda din il-konsegwenza tista’ sseħħ f’kuntest ferm partikolari, meta s-suġġett tad-data ma jkunx infurmat biżżejjed dwar id-drittijiet tiegħu.

56.      Naslu għal din il-konklużjoni meta, skont l-argumenti tar-Repubblika Ellenika u tal-Kummissjoni, jiġi identifikat nuqqas ta’ informazzjoni b’dannu għas-suġġett tad-data. Biex nispjega din l-ipoteżi għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46 jintroduċu l-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi nnotifikat u li tintalab mingħandu ċertu informazzjoni u/jew awtorizzazzjonijiet, inkluża l-informazzjoni marbuta mat-trażmissjoni tad-data lil terzi persuni; dan l-obbligu ġie stabbilit b’mod ġenerali, fejn kull Stat Membru jingħata marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Il-mod li bih is-sistemi legali nazzjonali individwali ddefinixxew l-imsemmija obbligi jinfluwenza r-riposta li għandha tingħata f’każi simili għal dan. Xejn ma jipprekludi milli jiġi rikonoxxut li l-persuna li ma tkunx ġiet infurmata, qabel ma tkun ġiet trażmessa d-data, bl-identità tar-riċevitur u bit-termini biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess, jixirqilha livell għoli ta’ protezzjoni (44). Dan il-korollarju jirriżulta mill-prevalenza li d-Direttiva 95/46 tagħti lid-dritt suġġettiv tas-suġġett tad-data, li l-limitu tiegħu għandu jkun tali li jiggarantixxi l-eżerċizzju tal-istess dritt anke wara li tkun tħassret id-data.

57.      F’ċerti każijiet, l-applikazzjoni ta’ din id-duttrina twassal biex il-proċedura tagħti lok għal deċiżjoni li ma tkunx tista’ tiġi implementata. Jekk il-College qered ex officio d-data kollha ta’ E. E. Rijkeboer ta’ qabel l-aħħar sena, l-ilment tas-suġġett tad-data jista’ jaqa’ fuq widnejn torox. Huwa ovvju li l-muniċipju ta’ Rotterdam ma jistax jipprovdi dak li ma għadx għandu. Huwa possibbli li din id-diffikultà tolqot sistemi legali nazzjonali oħra, iżda biss għall-perijodu ta’ żmien meħtieġ biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tikkonforma ruħha mad-dritt Komunitarju. Madankollu, sadanittant, is-suġġett tad-data tibqagħlu dejjem triq waħda, dik tar-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi Ewropej. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li tista’ tissodisfa b’mod sħiħ lill-individwu, dawn id-dispożizzjonijiet għall-inqas jiggarantixxu kumpens pekunjarju għad-danni, li l-qrati nazzjonali għandu jkollhom il-kompetenza li jirrikonoxxu (45).

58.      Fl-aħħar nett, dan il-każ għandu jiġi solvut, hekk kif jgħidu l-Amerikani, b’hard look lejn il-perspettiva tal-proporzjonalità (46), jekk ir-Raad van State jinduna li fil-kawża prinċipali kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni. F’każijiet bħal dawn, huwa essenzjali li jiġi pprovdut li t-terminu tat-tħassir tad-data ma jsirx awtomatikament ostaklu għad-dritt ta’ aċċess. Il-kontroll tal-proporzjonalità jiġi tradott fl-ogħla livell ta’ protezzjoni, peress li ma tantx huwa faċli li tiġġustifika terminu daqshekk qasir daqs dak ta’ sena.

59.      Fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi naqbel ma’ min iqis li t-tħassir tad-data u d-dritt ta’ aċċess huma elementi ta’ realtà waħda u, għaldaqstant, huma bħallikieku unità waħda fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini rispettivi tagħhom. It-tħassir skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46 jikkontempla kull element ta’ informazzjoni, inkluża d-data dwar l-iżvelar lil terzi persuni. B’hekk, il-limitu ta’ żmien għat-tħassir tad-data jaħdem, indirettament, ukoll bħala terminu ta’ evalwazzjoni tad-dritt ta’ aċċess. Is-separazzjoni ta’ kategorija ta’ data minn oħra għall-finijiet ta’ aċċess tfisser li tkun qed issir distinzjoni li ma tinstabx fid-Direttiva 95/46 li, barra minn hekk, tippreżenta effikaċja minn aspett prattiku li mhijiex evidenti (47).

60.      Din l-ipoteżi tammetti xi eċċezzjonijiet fejn ma tantx ikun hemm trasparenza meta s-suġġett tad-data jiġi mgħarraf bid-drittijiet tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu aħħari biex titħassar id-data għandu jkun estiż, sabiex jiġi protett id-dritt ta’ aċċess.

C –    It-terminu ta’ sena u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

61.      Il-leġiżlazzjoni Olandiża tipprovdi sistema speċjali għall-ipproċessar tad-data personali fil-pussess tal-amministrazzjonijiet muniċipali, fejn jissemma, safejn dan huwa rilevanti għal dan il-każ, it-terminu ta’ sena għall-qerda tad-data. Diġà osservajt ir-raġunijiet li għalihom dan it-terminu għandu jiġi mistħarreġ billi jiġu applikati kemm l-Artikolu 6 kif ukoll l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46. Issa jeħtieġ li tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ dan it-terminu mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-applikabbiltà tiegħu hija rekwiżit ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li t-tnejn li huma jagħtu tifsira lil dritt fundamentali.

62.      Il-Gvernijiet tar-Renju Unit, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Ċeka kkonċentraw l-isforzi kollha tagħhom sabiex jiġġustfikaw id-diffikultajiet inerenti fil-ħtieġa li jiġi ggarantit id-dritt ta’ aċċess meta d-data tkun tħassret. B’din il-premessa, huma ma tantx taw wisq attenzjoni lit-terminu inkwistjoni: madankollu, il-Gvern Grieg u l-College, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jeżaminaw l-implikazzjonijiet tat-terminu pprovdut mil-leġiżlazzjoni Olandiża fid-dawl tad-Direttiva 95/46 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni, dan il-perijodu huwa qasir wisq u, għaldaqstant ma jistax jiġi kkonċiljat mas-sistema legali Komunitarja. Il-College hija favur il-legalità tat-terminu inkwistjoni, fejn semmiet il-karatteristiċi partikolari tas-sistema Olandiża, li tikkumpensa għal terminu daqshekk qasir bi prekawzjonijiet oħra li għandhom l-għan li jipproteġu s-suġġett tad-data.

63.      Qabel ma tiġi eżaminata l-proporzjonalità ta’ dan it-terminu nazzjonali, jeħtieġ li jiġu mfakkra ċerti kriterji ġenerali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li teżamina termini simili drabi oħra. Mill-ġurisprudenza jirriżulta approċċ varjabbli u adattat għall-kuntest ta’ kull każ, fejn l-intensità tal-kontroll tvarja skont iċ-ċirkustanzi (48). Fil-każ ta’ ksur eventwali ta’ dritt fundamentali, il-legalità tat-terminu stabbilit biex jiġi eżerċitat għandha tiġi evalwata ferm bir-reqqa (49). Hekk ukoll, dan il-kontroll jiddependi minn għadd ta’ fatturi.

64.      Kif diġà osservajt fil-punti 55 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ li jiġi evalwat il-livell tal-informazzjoni li rċieva s-suġġett tad-data waqt l-ipproċessar tagħha, peress li wieħed jista’ jikkonstata l-kriterji li ġejjin.

65.      Skont l-Artikoli 10 u 11 tad-direttiva, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirċievi ċertu informazzjoni, fost oħrajn, l-identità ta’ “ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data […], sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data”. Iż-żewġ dispożizzjonijiet ivarjaw skont jekk id-data inġabritx mingħand l-istess suġġett tad-data, jew minn sorsi oħrajn, għalkemm fiż-żewġ każijiet huwa previst l-obbligu ta’ żvelar tal-informazzjoni marbuta mat-trażmissjoni tad-data.

66.      Il-leġiżlatur nazzjonali għandu setgħa wiesa’ ta’ diskrezzjoni rigward id-definizzjoni tal-obbligu stabbilit mill-imsemmija Artikoli 10 u 11, iżda dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jinnotifikaw lis-suġġett tad-data li d-data tiegħu ġiet ċeduta, biex b’hekk jingħata l-opportunità, jekk jixtieq, li jkollu aċċess għall-ipproċessar u li jikkontrolla li dan isir skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46. Madankollu, il-mod kif tingħata din in-notifika jinbidel skont iċ-ċirkustanzi, u għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk is-sistema legali Olandiża kif ukoll il-prattika korrispondenti segwita mill-amministrazzjoni muniċipali josservawx l-obbligi imposti mill-Artikoli 10 u 11 tad-direttiva. Għandu jiġi kkonstatat jekk E. E. Rijkeboer ġiex innotifikat bl-iżvelar tad-data tiegħu lil terzi persuni u jekk ġiex infurmat bit-terminu ta’ sena pprovdut mil-liġi biex jinvoka d-dritt tiegħu ta’ aċċess. L-Istati Membri m’għandhomx l-obbligu li jikkomunikaw dan it-terminu, peress li dan l-obbligu mhuwiex ipprovdut mill-Artikoli 10 u 11 (50). Minkejja dan, fl-evalwazzjoni tat-tul ta’ dan it-terminu, huwa ferm importanti li wieħed jikkonstata jekk dan id-dettall ġiex ikkomunikat lis-suġġett tad-data. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun diffiċli li wieħed jaċċetta li terminu daqstant qasir daqs sena, fin-nuqqas ta’ iktar spjegazzjonijiet min-naħa tal-kontrollur, huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u b’hekk mad-Direttiva 95/46.

67.      Bl-istess mod, għandu importanza partikolari t-tip ta’ informazzjoni li ġiet trażmessa, peress li kif tirrikonoxxi d-direttiva, id-data li għandha tiġi kkomunikata tista’ tinkludi mhux biss l-identità tar-riċevituri, iżda wkoll il-“kategoriji ta’ riċevituri tad-data”. Din it-tieni possibbiltà timplika li l-listi trażmessi jistgħu ma jindikawx min kellu aċċess għas-sistemi ta’ ħażna tad-data, biex b’hekk is-suġġett tad-data jsib ruħu f’pożizzjoni sfavorevoli meta jiġi biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi safejn E. E. Rijkeboer kien infurmat rigward ir-riċevituri taċ-ċessjoni u l-kundizzjonijiet li fihom saret din iċ-ċessjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-kontroll tal-proporzjonalità tat-terminu jrid ikun partikolarment rigoruż, f’każ li jirriżulta li ma ġietx żvelata l-identità tat-terzi persuni, peress li s-suġġett tad-data jista’ jibża li l-ipproċessar ma kienx konformi mal-prinċipji tal-Artikolu 6.

68.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu stabbiliti xi regoli dwar l-oneru tal-prova. E. E. Rijkeboer, bħala persuna li għandha l-jedd għal dritt fundamentali, kellu juża proċedura ġudizzjarja biex jistħarreġ dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu (51). Il-konformità mad-Direttiva 95/46 tiddependi minn numru ta’ elementi każistiċi li joriġinaw mill-istess liġi nazzjonali u mill-prattika tal-amministrazzjoni muniċipali. E. E. Rijkeboer invoka d-dritt fundamentali tiegħu fil-kawża mibdija minnu, iżda ma għandux ikollu l-oneru li jipprova n-nuqqasijiet tas-sistema legali ta’ pajjiżu f’dan ir-rigward, peress li l-kliem tad-Direttiva 95/46 jwasslu għall-argument, skont dak li ngħad fil-punti 29 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, li d-dritt ta’ aċċess għandu l-prijorità u li kwalunkwe eċċezzjoni għandha tiġi mwieżna b’kawtela kbira. Għaldaqstant, peress li d-dimensjoni suġġettiva tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-protezzjoni tad-data hija prevalenti, il-kontrollur ta’ din id-data għandu jipprova li l-kuntest ġuridiku u l-prattika attwali tal-ipproċesar tad-data personali joffru garanziji tali li jiġġustifikaw terminu daqstant qasir bħal dak ta’ sena għall-eżerċizzju tad-dritt ipprovdut fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46.

69.      Fl-osservazzjonijiet li tressqu f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-College ipprovda ċertu ħjiel f’dan ir-rigward. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbiliet sistema ta’ kontrolli (“checks and balances”, skont l-espressjoni eżatta tal-College) li tassoċja d-dritt ta’ aċċess ma’ garanziji partikolari, bħal-limiti tar-riċevituri, ir-rabta, f’ċerti każi, tal-għanijiet speċifiċi, l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-suġġett tad-data u mekkaniżmu ta’ kontroll li tkun responsabbli għalih awtorità indipendenti. Barra minn hekk, skont il-College, is-suġġett tad-data jiġi mgħarraf bit-terminu ta’ sena, kemm individwalment kif ukoll kollettivament (permezz tal-Internet jew ta’ opuskoli disponibbli għall-ġirien) (52).

70.      Jiena konxju mir-riperkussjonijiet li dan il-każ jista’ jinvolvi fil-konfront tal-kontrolluri tas-sistemi ta’ ħażna tad-data suġġetti għad-direttiva inkwistjoni. Madankollu, il-valur predominanti li jingħata lill-protezzjoni tal-individwu jwassalni biex nikkonċilja d-difiża tad-drittijiet ma’ ġestjoni effikaċi tas-sistemi ta’ ħażna tad-data. B’hekk, l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li mhumiex kompatibbli mat-terminu ta’ sena mogħti għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-data marbuta mal-ipproċessar, sakemm:

–        is-suġġett tad-data ma jkunx ġie nnotifikat dwar iċ-ċessjoni;

–        jew, ikun ġie nnotifikat dwar iċ-ċessjoni iżda ma jkunx ġie mgħarraf kemm idum it-terminu;

–        jew, ikun ġie nnotifikat dwar iċ-ċessjoni iżda ma jkunx irċieva biżżejjed informazzjoni rigward l-identità tar-riċevituri.

71.      Peress li dritt fundamentali jinsab f’pożizzjoni ta’ riskju, il-College jrid juri li d-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-prattika amministrattiva jiżguraw livell xieraq ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data, biex b’hekk dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess mingħajr restrizzjonijiet.

72.      Huwa r-Raad van State, fid-dawl tal-kriterji ppreżentati u tal-elementi ta’ fatt u tad-dritt li ġew esposti, kemm f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fil-kawża prinċipali, li għandu japplika l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 95/46 skont l-ispjegazzjonijiet li tajt fil-punti 70 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

X –    Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari mressqa mir-Raad van State għandha tkun:

“Id-data marbuta mal-ipproċessar, inkluża dik li tikkonċerna t-trażmissjoni tad-data lil terzi persuni, hija data personali skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. Biex jiġi ggarantit l-effett utli tad-Direttiva 95/46, it-terminu tat-tħassir applikabbli għad-data marbuta mal-ipproċessar huwa identiku għal dak previst għad-data personali, bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi li l-imsemmija direttiva tagħti lir-riċevituri terzi tad-data.

L-Artikoli 6 u 12 tal-imsemmija Direttiva 95/46 mhumiex kompatibbli mat-terminu ta’ sena li ġie stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-data marbuta mal-ipproċessar, sakemm:

–        is-suġġett tad-data ma jkunx ġie nnotifikat biċ-ċessjoni tad-data;

–        jew, ikun ġie nnotifikat biċ-ċessjoni iżda ma jkunx ġie mgħarraf kemm idum it-terminu;

–        jew, ikun ġie nnotifikat biċ-ċessjoni iżda ma jkunx irċieva biżżejjed informazzjoni rigward l-identità tar-riċevituri.

Huwa l-kontrollur li għandu jipprova li d-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-prattika amministrattiva jiżguraw livell adattat ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data biex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 255).


3 – L-irkupru tal-memorja, l-istess bħas-salvataġġ tad-data li ġiet ipproċessata b’mod legali jew illegali hija operazzjoni delikata. It-tħassir tat-traċċi tal-imgħoddi għandu dejjem isir b’kawtela, kif kiteb Proust meta kien qed iqanqal is-setgħa evokattiva tat-tifkiriet, peress li “l-imkejjen li żorna ma jappartjenux lanqas għad-dinja tal-ispazju, fejn inqiegħduhom għaliex hekk huwa iktar komdu. Mhuma xejn ħlief patina rqiqa, fost ħafna oħrajn, li tgħatti l-impressjonijiet li fformaw ħajjitna kif kienet; it-tifkira ta’ xbiha mhi xejn għajr in-nostalġija ta’ waqt partikolari, u d-djar, it-toroq, il-passiġġati, b’xorti ħażina, daqstant jaħarbu bħas-snin” [traduzzjoni libera]”. M. Proust, f’À la recherche du temps perdu, Du coté de chez Swann, Ed. Gallimard, La Pléiade, Pariġi, 1987, volum I, p. 419 u 420.


4 – Sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 23); u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 281).


5 – Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 7).


6 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


7 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125).


8 – Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491); u tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 18).


9 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


10 – Sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539, punt 34).


11 – Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 1987, Strack vs Il-Kummissjoni (140/86, Ġabra p. 3939, punti 9 sa 11).


12 – Sentenza tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-62/90, Ġabra p. I-2575, punt 23).


13 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni (C-404/92 P, Ġabra p. I-4737, punti 17 u 18).


14 – Sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859); u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C-94/00, Ġabra p. I-9011).


15 – Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt 38); u tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C-459/99, Ġabra p. I-6591, punt 53).


16 – Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 95/46.


17 – Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46.


18 – Artikoli 10 sa 24 tad-Direttiva 95/46.


19 – “Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-iktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità”.


20 – Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punt 70). F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Tizzano, fil-konklużjonijiet tiegħu rigward dawn il-kawżi, sostna li l-għan prinċipali tad-Direttiva 95/46 huwa l-moviment liberu tad-data personali u mhux id-difiża tad-drittijiet fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx ma’ din l-interpretazzjoni u kkonfermat il-funzjoni rigward il-protezzjoni tas-suġġetti tad-data. Din it-teżi mbagħad ġiet ikkonfermata mis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, (C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 96), fejn jiġi ddikjarat li d-direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi l-moviment liberu tad-data personali, minkejja li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-persuni li tirreferi għalihom din id-data.


21 – E. Guichot, Datos personales y Administración Pública, Ed. Civitas, Madrid, 2005, p. 43 sa 47.


22 – Ipproklamata b’mod solenni fis-7 ta’ Diċembru 2000 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (ĠU C 364, p. 1).


23 – Dokument li, minkejja li sal-lum mhuwiex parti mis-sistema ġuridika Komunitarja vinkolanti, mingħajr ebda dubju jipproduċi ċerti effetti bħala dispożizzjoni ta’ soft law. Dwar il-Karta u l-konsegwenzi ġuridiċi tagħha nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi tat-12 ta’ Settembru 2006 fil-kawża Advocaten voor de Wereld, fejn is-sentenza ngħatat fit-3 ta’ Mejju 2007 (C-303/05, Ġabra I-3633, punti 78 u 79).


24 – R. Alonso García, The General Provisions of the Charter of Fundamental Rights of the European Union, Harvard Jean Monnet Working Paper Nru. 4/02, p. 22 u 23.


25 – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tkomplija ta’ xogħol fuq il-Programm ta’ Ħidma għall-aħjar implementazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottata mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2007 (COM/2007/87 finali, p. 5), tikkonferma li l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva 95/46.


26 – L-evalwazzjoni tad-drittijiet u tal-interessi hija teknika li ta’ spiss tintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja meta jkollha quddiemha każi li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali. Fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data, huma rilevanti s-sentenzi Lindqvist (iċċitata iktar ’il fuq, punt 82), u tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 66). X. Groussot, fil-kumment għas-sentenza Promusicae, f’Common Market Law Review, Nru. 6, Vol. 45, 2008, janalizza din l-evalwazzjoni.


27 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


28 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.


29 –     Mas-sentenzi Lindqvist u Promusicae nżid il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Satakunnan Markkinapörssi Oy et Satamedia, li nqraw fit-8 ta’ Mejju 2008 (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, C-73/07, Ġabra p. I-7075) fejn, fil-punti 99 sa 105, jiġi spjegat b’liema mod il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-imsemmija evalwazzjoni fis-settur ikkonċernat.


30 – Skont l-imsemmi Artikolu 6, anke l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) isemmi t-tħassir tad-data, anke jekk b’mod iktar ġenerali u fuq it-talba tas-suġġett tad-data.


31 – Korsiv miżjud minni.


32 – Aġġettivi użati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/46.


33 – The New Enyclopaedia Britannica, Vol. 12, Chicago, Londra, Toronto, Ġinevra, Sydney, Tokjo, Manila, Seoul, 1973, p. 24.


34 – S. Hawking, A Brief History of Time, Ed. Bantam, New York, 1988, p. 193, jitkellem favur il-bajda, dikjarazzjoni li tirriżulta f’konsegwenzi teoloġiċi evidenti li, naturalment, ma jistgħux jiġu diskussi hawnhekk.


35 – Hekk isostnu A. I. Herrán Ortiz, El derecho a la intimidad en la nueva Ley Orgánica de protección de datos personales, Ed. Dykinson, Madrid, 2002, p. 153, u M. Arenas Ramiro, El derecho fundamental a la protección de datos personales en Europa, Ed. Tirant lo Blanch, Valencia, 2006, p. 305.


36 – Id-Direttiva 95/46 trid tissupera l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru. 108 tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, kif tindika l-premessa 11 tal-preambolu, fejn jiġi spjegat li “l-prinċipji tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, l-iktar id-dritt għall-ħajja privata, li jinsabu f’din id-Direttiva, isostnu u jwessgħu dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar, 1981 […]” (il-korsiv miżjud minni). Dan jipprovah il-kontenut tat-test Komunitarju li, f’diversi aspetti huwa pass ’il quddiem meta pparagunat mal-Konvenzjoni Nru. 108 u fuq kollox meta jiddefinixxi d-dritt ta’ aċċess. Skont id-Direttiva 95/46, dan id-dritt jiġi eżerċitat “mingħajr restrizzjoni”, filwaqt li kulma jagħmel l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Nru. 108 huwa li jipprovdi aċċess “f’perijodi ta’ żmien raġonevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha l-għan li testendi d-dritt ta’ aċċess, u għaldaqstant tiddefinih f’termini essenzjalment iktar ġenerużi meta pparagunati ma’ dawk li ntużaw fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn saret enfasi fuq l-aspett tal-protezzjoni tal-individwu fid-Direttiva 95/46.


37 – Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 38); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37); tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 46); u Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 335).


38 – Differenza sostnuta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (punti 31 u 32).


39 – Anki jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 jelenka ċerti aspetti li jikkonċernaw l-aċċess, dan jikkonċentra fuq elementi oħrajn marbuta mal-ipproċessar u mhux mad-data. Din it-twissija hija utli biex jiġi kkonstatat jekk, meta pparagunat mad-data, id-dritt ta’ aċċess għandux limiti. Iżda l-ipproċessar huwa xi ħaġa differenti u juri li d-Direttiva 95/46 ħadet inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet inerenti tal-portata daqstant wiesgħa tal-Artikolu 12.


40 – L-Artikolu 6(1)(e) jikkontrolla l-obbligu tat-tħassir: “Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.” Minkejja li ma tifformulax espliċitament eċċezzjoni għall-obbligu tat-tħassir, id-direttiva teżenta mill-obbligi pprovduti lill-persuni li jipprovdu servizz ta’ interess ġenerali, mingħajr ma twassal għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet Ewropej, minħabba li dawn iridu jadattaw irwieħhom għall-karatteristiċi partikolari tar-riċerka storika, statistika u xjentifika.


41 – Flimkien mal-verżjoni Ingliża, insibu dik Franċiża (“sont traitées” jew “sont communiquées”) u Ġermaniża (“an die Daten übermittelt werden”).


42 – Bil-kontra tal-College, ma nqisx li r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), li jinkludi l-obbligu li jiġi ppreċiżat it-terminu ta’ ħażna tad-data, jissuġġerixxi interpretazzjoni korreta tal-Artikoli 6 u 12. Ir-Regolament huwa t-traduzzjoni legali tad-Direttiva 95/46 applikata fil-konfront tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Huwa loġiku li l-kontenut tar-regolament ikun iktar dettaljat minn dak ta’ strument ta’ armonizzazzjoni indirizzat lill-Istati Membri. Ir-referenza għal dan it-terminu, li jissemma fl-Artikoli 11 u 12 tar-regolament, ma jindikax li d-Direttiva 95/46 għandha l-għan li toħloq effett kuntrarju, u lanqas li qed timponi l-imsemmi terminu fuq l-Istati Membri. Meta jitqies b’mod sħiħ, is-silenzju tad-direttiva f’dan ir-rigward ifisser biss l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali li għandha kull sistema legali nazzjonali, li ma jfissirx li kwalunkwe terminu huwa permess jew li s-sistemi legali nazzjonali huma kompetenti sabiex jillmitaw id-dritt ta’ aċċess.


43 – Osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja (punt 25).


44 – D. Bainbridge, EC Data Protection Directive, Ed. Butterworths, Londra-Dublin-Edinburgu, 1996, p. 139 qiegħed jippromwovi din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 11.


45 – Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46, li jikkonċerna r-responsabbiltà għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, fil-paragrafu 1, jipprovdi li “Stati Membri għandhom jipprovdu li persuna li tkun sofriet ħsara minħabba operazzjoni ta’ ipproċessar illegali jew att li ma jkunx jaqbel mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-direttiva, għandha tkun intitolata li tirċievi kumpens mill-kontrollur għal ħsara li tkun sofriet.”


46 – Skont din id-duttrina, il-qorti żżid il-kontroll fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, meta dawn ma jidhrux li jkunu msejsa fuq bażi soda li tiġġustifikahom. Din it-teorija ġejja mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti SEC vs Chenery Corp., (318 U.S. 80 [1943]), li wara ġiet żvilppata bis-sentenza Citizens to Preserve Overton Park vs Volpe (401 U.S. 402 [1971]). Ara wkoll S. G. Breyer, R. B. Stewart, C. R. Sunstein, u A. Vermeule, Administrative Law and Regulatory Policy, Ed. Aspen, New York, 2006, p. 349 sa 368. Dwar id-duttrina tal-hard look fil-kuntest tal-kontroll ġudizzjarju Komunitarju, mill-aspett kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali, ara P. Craig, EU Administrative Law, Ed. Oxford University Press, 2006, p. 477 sa 481.


47 – Minkejja l-imsemmija diffikultajiet ta’ natura teknika, waqt is-seduta, ir-Renju Unit enfasizza li hemm każijiet li huma espliċitament previsti mis-sistema legali interna tiegħu fejn jiġi ggarantit id-dritt ta’ aċċess għad-data dwar l-ipproċessar anki wara li tkun tħassret id-data personali. Madankollu, l-avukat tar-Renju Unit ma pprovdiex iktar informazzjoni dwar dan il-punt, minkejja li enfasizza n-natura eċċezzjonali ta’ din il-prattika. Għaldaqstant, nippreferi nkun ftit kawt. Barra minn hekk, inqis li kieku d-Direttiva 95/46 kienet tammetti din l-ipoteżi, dan kienet tgħidu espressament.


48 – Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1987, McDermott u Cotter (286/85, Ġabra p. 1453, punt 15); tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C-208/90, Ġabra p. I-4269, punt 18); tas-27 ta’ Ottubru 1993, Steenhorst-Neerings (C-338/91, Ġabra p. I-5475, punt 19); tas-6 ta’ Diċembru 1994, Johnson (C-410/92, Ġabra p. I-5483, punt 26); tal-15 ta’ Settembru 1998, Spac (C-260/96, Ġabra p. I-4997, punt 32); tal-15 ta’ Settembru 1998, Ansaldo Energia et (C-279/96, C-280/96 u C-281/96, Ġabra p. I-5025, punti 19 sa 21); u tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana (C-255/00, Ġabra p. I-8003, punt 37).


49 – Dwar is-superviżjoni tas-sistemi nazzjonali skont id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema legali Komunitarja, ingħataw is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609, punti 17 sa 22); tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture (C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, punti 88 sa 93); u tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 75).


50 – B’differenza mir-Regolament (KE) Nru 45/2001, iċċitat iktar ’il fuq, li l-Artikoli 11(1)(f)(ii) u 12(1)(f)(ii) tiegħu jobbligaw lill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jinnotifikaw lis-suġġett tad-data bit-termini tal-ħażna tad-data.


51 – Minkejja li d-Direttiva 95/46 ma ssemmi xejn dwar dan id-dettall, b’differenza għall-istrumenti l-oħra tad-dritt sekondarju (bħad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79]), inqis li, meta jkunu involuti d-drittijiet fundamentali, l-oneru tal-prova huwa regolat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.


52 – Osservazzjonijiet tal-College (punti 65 sa 70).