Language of document : ECLI:EU:C:2010:684

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

tas-16 ta’ Novembru 2010 (*)

“Appell – Kompetizzjoni − Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE − Rikors għal annullament – Terminu − Rikors tardiv – Raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw deroga għat-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Dritt ta’ aċċess għal qorti – Prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità – Appell manifestament infondat”

Fil-Kawża C‑73/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2010,

Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rinne, avukat, S. Kon u C. Humpe, solicitors, kif ukoll C. Vajda, QC,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer u A. Biolan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn K. Schiemann, President tal-Awla, C. Toader u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali), tat-30 ta’ Novembru 2009, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni (T‑2/09 iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu hija ċaħdet, bħala manifestament inammissibbli, ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5955 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/39.188 – Banana) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), minħabba li dan ir-rikors ġie ppreżentat wara li skada t-terminu stabbilit.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

2        L-appellanti hija soċjetà in akkomandita skont id-dritt Ġermaniż.

3        Fil-21 ta’ Ottubru 2008, hija ġiet innotifikata bid-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi, fosthom l-appellanti, kisru l-Artikolu 81 KE billi pparteċipaw fi prattika miftiehma dwar il-koordinazzjoni, f’parti mis-suq komuni, tal-prezzijiet ta’ referenza tal-banana u imponiet multi fuq l-imsemmija impriżi.

4        Fresh Del Monte Produce Inc. (iktar ’il quddiem “Del Monte”) ġiet ikkundannata flimkien u in solidum mal-appellanti għall-ħlas tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, minħabba l-fatt li, matul il-perijodu meta l-appellanti pparteċipat fil-ksur, Del Monte kienet teżerċita influwenza deċiżiva fuqha. Permezz tar-rikors ippreżentat fil-31 ta’ Diċembru 2008, Del Monte ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. F’din il-kawża, attwalment pendenti, l-appellanti tħalliet tintervjeni insostenn ta’ Del Monte permezz tad-digriet tas-17 ta’ Frar 2010, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni (T‑587/08).

5        Permezz ta’ faks li wasal fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Jannar 2009, l-appellanti bagħtet kopja tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, li l-oriġinali tiegħu ġie ddepożitat fl-imsemmi reġistru fid-9 ta’ Jannar suċċessiv.

6        Meta ġiet informata, b’ittra tar-reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, li r-rikors tagħha ma kienx ġie ppreżentat fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE, l-appellanti, b’ittra tal-20 ta’ Frar segwenti, iddepożitat osservazzjonijiet dwar in-natura tardiva tal-preżentata tar-rikors tagħha u talbet deroga tat-terminu.

7        L-appellanti ssostni f’dan ir-rigward li l-preżentata tardiva tal-imsemmi rikors tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mir-rappreżentanti tagħha. Iktar preċiżament, hija pprovdiet, fl-anness għall-osservazzjonijiet tagħha, ix-xhieda ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha, li tgħid li tliet kollaboraturi ta’ din tal-aħħar qiesu in bona fide li t-terminu għall-preżentata kien jiskadi, skont qari flimkien tal-Artikolu 101(1)(a) u (2) kif ukoll tal-Artikolu 102(2) tal-imsemmi regolament, fit-2 ta’ Jannar 2009.

8        L-appellanti ressqet ukoll diversi argumenti li jiġġustifikaw li, minkejja l-preżentanta tardiva tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali tiddikkjara r-rikors ammissibbli.

9        B’hekk, qabel kollox hija ssostni li f’każ ta’ inammissibbiltà tar-rikors hija ġġarrab inġustizzja u dannu sostanzjali.

10      Sussegwentement, hija sostniet li t-terminu kien għadu kemm skada u li teżisti spjegazzjoni għall-preżentata tardiva tar-rikors tagħha. Barra minn hekk, skont l-appellanti, l-ammissibbiltà tar-rikors ma twassal għal ebda preġudizzju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ma tippreġudikax lill-Kummissjoni.

11      Fl-aħħar nett, l-appellanti sostniet li, fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ dritt għal aċċess għal qorti, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li ġie rrikonoxxut, b’mod partikolari fid-dritt tal-proċedura kriminali fil-Ġermanja u fir-Renju Unit.

 Id-digriet appellat

12      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli minħabba li ma ġiex ippreżentat fit-terminu previst.

13      Il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonfermat, fil-punti 10 sa 17 ta’ dan id-digriet, in-natura tardiva tar-rikors, wara li kkonstatat li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, tal-Artikolu 101(1)(a) u (b) u (2), kif ukoll l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-terminu sabiex jiġi ppreżentat dan ir-rikors kien beda jiddekorri fit-22 ta’ Ottubru 2008 u skada fil-31 ta’ Diċembru 2008 f’nofsillejl, fejn huwa inkluż ukoll it-terminu għal raġuni ta’ distanza.

14      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 20 sa 23 tad-digriet appellat, ma laqgħetx l-argument tal-appellanti intiż sabiex jiġġustifika l-preżentata tardiva tar-rikors tagħha.

15      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret, fl-imsemmi punt 20, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkun hemm deroga għall-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fir-rigward tat-termini tal-proċedura biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

16      Il-Qorti Ġenerali rrelevat fil-punt 21 tad-digriet appellat, minn naħa, li f’dan il-każ, l-appellanti ma kienet la stabbiliet u lanqas invokat l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ każ ta’ forza maġġuri. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minkejja li meta invokat l-interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-regolament tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mir-rappreżentanti tagħha, l-appellanti riedet tuża żball skużabbli li jiġġustifika deroga għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-termini applikabbli f’dan il-każ, peress li din il-leġiżlazzjoni, skont il-ġurisprudenza, ma tirrappreżentax diffikultà ta’ interpretazzjoni partikolari, b’mod li l-eżistenza ta’ żball skużabbli min-naħa tal-appellanti li jiġġustifika deroga għall-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistax tiġi rrikonoxxuta.

17      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 22 tad-digriet appellat, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni espressa, l-ordinament ġuridiku Komunitarju ma għandux l-intenzjoni, bħala regola, li jiddefinixxi l-kwalifiki tiegħu billi jispira ruħu minn ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u kkonkludiet li jaqbel li ma jintlaqgħux l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq id-dritt tal-proċedura kriminali fil-Ġermanja u fir-Renju Unit.

18      Fit-tielet lok, fil-punt 23 tad-digriet appellat, inkwantu l-appellanti għandha d-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan id-dritt kien ġie protett b’mod adegwat mill-possibbiltà, għall-appellanti, li tippreżenta rikors kontra l-att li joħolqilha preġudizzju fit-terminu previst mill-Artikolu 230 KE u ma huwiex affettwat mill-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tikkonċerna t-termini tal-proċedura. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li la d-dritt ta’ aċċess għal qorti u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jiġġustifika deroga għall-imsemmi terminu fid-dawl taċ-ċirkustanzi allegatament eċċezzjonali invokati f’dan il-każ.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament li kienet ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, jew

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors.

20      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

21      Skont l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, din tista’, f’kull waqt, wara rapport tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiċħad dan l-appell permezz ta’ digriet motivat mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali.

22      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess sabiex tiċħad l-appell bħala manifestament infondat, permezz ta’ tali digriet motivat.

 L-argumenti tal-partijiet

23      L-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 20 tad-digriet appellat, li ma jistax ikun hemm deroga għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkonċerna t-termini ta’ proċedura ħlief f’ċirkustanzi, kompletament eċċezzjonali, ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

24      Skont l-appellanti, tali approċċ huwa indebitament restrittiv u ma jiħux inkunsiderazzjoni, jew tal-anqas mhux b’mod adegwat, l-importanza tad-dritt ta’ aċċess għal qorti fil-proċedura kriminali, il-prinċipju ta’ legalità tal-proċedura kriminali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll in-neċessità preponderanti li jiġi evitat riżultat inġust.

25      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għal qorti, l-appellanti ssostni li l-multi kunsiderevoli imposti għal aġir kollużiv kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni jikkonċerna akkużi kriminali fis-sens tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB. F’dan ir-rigward hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999 Hüls vs Il‑Kummissjoni (C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150), kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Jussila vs Il-Finlandja, tat-23 ta’ Novembru 2006 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2006‑XIII, paragrafu 43).

26      Dan id-dritt fundamentali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1998, Coote, (C-185/97, Ġabra p. I-5199, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fil-fatt ġiet affermata mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karti tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2010 C 83, p. 2).

27      Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistgħux japplikaw b’mod assolut, peress li l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jikkoeżisti u jiġi applikat f’armonija mal-prinċipju ta’ legalità. Għandu jiġi żgurat ekwilibriju bejn dawn il-prinċipji, u, f’ċerti ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ legalità għandu jirbaħ, kif tixhed il-ġurisprudenza, u f’dan ir-rigward l-appellanti tinvoka s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja (42/59 u 49/59, Ġabra p. 101, p. 159); tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et (205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill (C‑273/04, Ġabra p. I‑8925).

28      Fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li miżura tkun xierqa u neċessarja għall-implementazzjoni tal-għan intiż u ma timponix fuq l-individwu oneru eċċessiv meta mqabbel ma’ dan il-għan.

29      Għal dak li jikkonċerna qabel kollox id-dritt fundamentali ta’ aċċess għal qorti, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura kriminali tal-multa, meta l-protezzjoni sħiħa u effettiva ta’ dan id-dritt fi proċeduri kriminali hija essenzjali.

30      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għalfejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma għandux jiġi kkunsidrat sabiex tiġi ġġustifikata deroga għar-regoli dwar it-termini tal-proċedura. Fuq dan il-punt, id-digriet appellat huwa wkoll, u aktar fundamentalment, ivvizzjat bi żball ta’ liġi minħabba applikazzjoni żbaljata tal-imsemmi prinċipju.

31      Fl-aħħar, l-imsemmija Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi li kellha tikkunsidra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, tal-fatt li, permezz tar-rikors għal annullament tagħha, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza tikkontesta sanzjoni penali kunsiderevoli, li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kien iddekorra b’ġurnata waħda biss u li l-impatt fuq l-appellanti u d-dannu subit minnha f’każ ta’ inammissibbiltà tar-rikors għall-iskadenza tat-terminu hija sproporzjonata meta mqabbla mal-effetti fuq il-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tiddikkjara r-rikors ammissibbli.

32      Il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(2) tal-KEDB, b’mod partikolari għas-sentenza Jussila vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, minn fejn jirriżulta li:

–        sabiex jiġi evalwat jekk sanzjoni hijiex kriminali jew le, jekk l-akkuża hijiex “kriminali” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, għandu jsir rikors għal tliet kriterji, jiġifieri l-kwalifika tas-sanzjoni fl-Istat ikkonċernat, in-natura tal-ksur u s-severità tas-sanzjoni;

–        is-sanzjonijiet li jaqgħu taħt l-“għadma iebsa” tal-liġi kriminali minħabba l-kwalifika tagħhom fid-dritt nazzjonali (l-ewwel kriterju) għandhom jiġu distinti minn kategorija oħra ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “kriminali” biss fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kriterji;

–        il-multi fil-qasam, tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt din l-aħħar kategorija ta’ sanzjonijiet penali, u għalhekk ma jagħmlux parti mill-“għadma iebsa” tad-dritt kriminali, b’mod li l-garanziji offerti mill-parti kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma għandhomx neċessarjament japplikaw bil-forza kollha tagħhom.

33      Skont id-dritt tal-Unjoni, is-sanzjonijiet imposti skont regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma għandhomx natura kriminali.

34      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-allegata flessibbiltà li għandhom fil-qasam tat-termini ċerti sistemi nazzjonali ma tistax tagħti lok għar-rikonoxximent tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

35      Hija tikkunsidra barra minn hekk li l-appellanti bbenefikat mid-dritt ta’ aċċess għal qorti bħal kwalunkwe kumpannija oħra milquta minn multa imposta skont id-dritt ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ osservanza tat-termini li jikkundizzjonaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa kwistjoni differenti u huwa dovut għal nuqqas tal-appellanti, kemm jekk kien jew ma kienx imwettaq in bona fide.

36      Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, ma ġiex indebitament ippreġudikat id-dritt ta’ aċċess għal qorti minħabba l-fatt li ġew applikati regoli dwar it-termini għall-preżentata.

37      Dawn ir-regoli ilhom ħafna japplikaw u l-ġurisprudenza tistabbilixxi li ma jippreżentaw l-ebda diffikultà partikolari. F’dan il-każ, lanqas ma jista’ jiġi allegat b’mod effettiv, skont il-Kummissjoni, li l-iżball imwettaq “in bona fide” fil-kalkolu tat-termini ta’ appell jikkostitwixxi żball skużabbli.

38      Il-Qorti Ġenerali rrispettat b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta applikat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, sa fejn jipprovdi għal derogi għall-imsemmija termini f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jippermetti li jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan il-prinċipju.

39      Barra minn hekk, l-osservanza tat-termini tal-proċedura ma tistax tiddependi minn fatturi bħall-importanza tal-ammont tal-multa imposta jew ir-riżorsi finanzjarji ta’ min jikser il-liġi. Id-dritt li għandha l-appellanti li titlob id-danni lir-rappreżentanti tagħha, inaqqas mir-relevanza ta’ dawn il-fatturi l-oħra.

40      Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tosserva li, peress li Del Monte, fil-kuntest tal-proċedura li ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, ressqet motivi li permezz tagħhom tikkontesta l-parteċipazzjoni tal-appellanti għall-ksur ikkonċernat, u peress li l-appellanti ntlaqgħet bħala intervenjenti, il-Qorti Ġenerali se jkollha teżamina l‑parti l-kbira tal-partijiet fid-deċiżjoni kkontestata li tikkonċernahom. Issa, li kieku kellha tannulla dawn il-partijiet mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li tkun tista’ tislet konsegwenzi fir-rigward tal-appellanti, minkejja li ma hijiex legalment marbuta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni fir-rigward tat-termini tal-proċedura biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI, C-325/03 P, Ġabra p. I-403, punt 16, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2008, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u BĊE, C‑84/08 P, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini ta’ appell, il-kunċett ta’ żball skużabbli, li jippermetti li ssir deroga minnu, huwa intiż biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir tali li, waħdu jew b’mod determinanti, iwassal għal konfużjoni ammissibbli fil-moħħ tal-individwu in bona fide u li jkun eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-14 ta’ Jannar 2010, SGAE vs Il-Kummissjoni, C-112/09 P, Ġabra p. I-351, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma sostnietx li l-qbiż tat-terminu seta’ jiġi ġġustifikat b’ċirkustanza li għandha tiġi kkwalifikata bħala każ fortuwitu jew każ ta’ forza maġġuri.

44      Fl-appell tagħha, l-appellanti lanqas ma takkuża espressament lill-Qorti Ġenerali li rrifjutat, fil-punt 21 tad-digriet appellat, li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ żball skużabbli fil-konfront tagħha.

45      F’dan ir-rigward, fi kwalunkwe każ jista’ jiġi rrelevat li, f’kawża dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa abbażi tal-Artikolu 81 KE u fejn ikun twettaq żball ta’ kalkolu tat-termini ta’ appell analogu għal dik inkwistjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li taċċetta l-eżistenza ta’ żball skużabbli, u ddeċidiet li l-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali hija ċara u ma tippreżentax diffikultà ta’ interpretazzjoni partikolari (digriet SGAE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

46      L-appellanti ssostni min-naħa l-oħra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma jistax ikun hemm deroga għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini ta’ proċedura f’ċirkustanzi differenti minn dawk li jaqgħu taħt każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

47      L-appellanti tikkunsidra li deroga għal din il-leġiżlazzjoni għandha wkoll tiġi permessa abbażi tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għal qorti, tal-prinċipju ta’ legalità u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll minħabba n-neċessità preponderanti li jiġi evitat riżultat inġust. Tali deroga għandha ssir iktar u iktar peress li r-rikors inkwistjoni jikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa sostanzjali li għandha tiġi kkwalifikata bħala kriminali, b’mod li l-appellanti hija suġġetta għal akkuża kriminali fis-sens tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB.

48      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, jiġifieri li jiġi żgurat li kulħadd ikollu proċess ġust, u rrikonoxxut fis-sistema legali tal-Unjoni ma jipprekludix li jiġi previst terminu għall-preżentata ta’ rikors (sentenza tal-1 ta’ April 1987, Dufay vs Il-Parlament, 257/85, Ġabra p. 1561, punt 10).

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex affettwat bl-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċedura, li, skont ġurisprudenza stabbilita, tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (digriet tas-17 ta’ Mejju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-406/01, Ġabra p. I-4561, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li deroga mill-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li huma involuti drittijiet fundamentali. Fil-fatt, ir-regoli dwar it-termini ta’ appell huma regoli ta’ ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill-qorti b’mod li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-persuni quddiem il-liġi (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 101).

51      L-appellanti ssostni li, f’kull każ li jinqabeż it-terminu ta’ proċedura li tikkonċerna rikors kontra deċiżjoni li timponi multa sostanzjali minħabba ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll il-prinċipju ta’ legalità u ta’ proporzjonalità jeħtieġu li l-Unjoni tibbilanċja, minn naħa, b’kemm inqabeż it-terminu u l-miżura ta’ kemm huwa affettwat l-għan tal-imsemmi terminu mill-qbiż tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi għall-appellanti taċ-ċaħda tar-rikors minħabba n-natura tardiva tiegħu.

52      Issa, skont il-każ speċifiku, li kieku tali deroga setgħet tiġi implementata mill-qorti tal-Unjoni minkejja l-fatt, imfakkar fil-punt 50 ta’ dan id-digriet, li r-regoli li jikkonċernaw it-termini ta’ appell huma ta’ ordni pubbliku, diffiċilment tista’ taqbel mal-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ termini għall-preżentata tar-rikors, jiġifieri li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew kwalunkwe trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

53      Fi kwalunkwe każ, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk multa bħal dik imposta fuq l-appellanti permezz tad-deċiżjoni kkontestata għandhiex natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, għandu jiġi rrelevat li d-dritt għal qorti, li d-dritt li tinstema’ jikkostitwixxi aspett partikolari tiegħu, ma huwiex assolut u għandu limitazzjonijiet impliċitament aċċettati, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, għaliex min-natura tiegħu jirrikjedi leġiżlazzjoni mill-Istat, li f’dan ir-rigward għandu marġni ta’ diskrezzjoni. Dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux jillimitaw l-aċċess miftuħ ta’ individwu b’mod jew sa tali punt li d-dritt tiegħu għal qorti jiġi ppreġudikat fis-sustanza nnifisha tiegħu. Fl-aħħar nett, dawn għandhom ikollhom għan liġittimu u għandha tkun eżistenti rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-motivi użati u l-għan intiż (QEDB, sentenza Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja tat-28 ta’ Ottubru 1998, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1998-VIII, paragrafu 44).

54      Għandu wkoll jiġi osservat li l-individwi għandhom jaċċettaw li l-leġiżlazzjoni dwar it-termini li għandhom jiġu rrispettati għall-preżentata ta’ rikors jiġu applikati peress li dawn huma intiżi sabiex jiżguraw amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja u r-rispett, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni jew l-applikazzjoni tagħha ma għandhiex iċċaħħad lil persuna milli tgawdi minn rimedju disponibbli (QEDB, sentenza Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, paragrafu 45).

55      Issa, ma jistax jiġi sostnut li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini ta’ proċedura u l-applikazzjoni tagħha f’dan il-każ ċaħħdu lill-appellanti milli tgawdi mir-rimedji disponibbli kontra d-deċiżjoni kkontestata.

56      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li t-terminu inwkistjoni ta’ xahrejn jikkostitwixxi limitu għad-dritt ta’ aċċess għal qorti, dan il-limitu ma jikkostitwixxix manifestament preġudizzju għas-sustanza nnifisha ta’ dan id-dritt, peress li, kif diġà ġie rrelevat fil-punt 45 ta’ dan id-digriet, ir-regoli dwar kif jiġi kkalkolat dan it-terminu, fosthom dawk inkwistjoni f’din il-kawża, huma ċari u ma jippreżentawx problemi ta’ interpretazzjoni partikolari.

57      F’dan il-kuntest, huwa wkoll relevanti l-fatt li, f’dan il-każ, il-qbiż tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa unikament dovut għal żball imwettaq mir-rappreżentant tal-appellanti, li, kif ġie osservat fil-punt 45 ta’ dan id-digriet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żball skużabbli li jippermetti deroga mir-regoli dwar it-termini ta’ appell.

58      L-istess jgħodd għall-fatt, irrelevat fil-punt 41 ta’ dan id-digriet, li derogi huma wkoll previsti fil-każ li jiddekorri tali terminu f’ċirkustanzi ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri.

59      Minn dan jirriżulta li ġustament il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 23 tad-digriet appellat, li d-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva ġie adegwatament protett mill-possibbiltà għall-appellanti li tippreżenta appell kontra l-att li jippreġudikaha fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE u li dan id-dritt ma huwiex affettwat bl-applikazzjoni stretta tar-regoli Komunitarji dwar it-termini ta’ proċedura. Għalhekk, mingħajr ma wettqet ebda żball ta’ liġi l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fl-istess punt, li la d-dritt ta’ aċċess għal qorti u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jiġġustifikaw deroga għat-terminu għall-preżentata ta’ rikors fid-dawl taċ-ċirkustanzi invokati.

60      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, l-appell għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.