Language of document : ECLI:EU:C:2011:43

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑3 ta’ Frar 2011 (1)

Kawżi C‑403/08 u C‑429/08

Football Association Premier League Ltd et

vs

QC Leisure et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit)]


Karen Murphy

vs

Media Protection Services Ltd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit)]

“Trażmissjoni bis-satellita ta’ logħob tal-futbol – Kummerċjalizzazzjoni ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni li tpoġġew fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor – Direttiva 98/84/KE – Protezzjoni ta’ servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali – Apparat tal-aċċess illegali – Id-Direttiva 2001/29/KE – L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Direttiva 93/83/KEE – Koordinazzjoni ta’ ċerti regoli tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur applikabbli għax-xandir bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-cable – Moviment liberu tal-merkanzija – Moviment liberu tas-servizzi – Kompetizzjoni – Artikolu 101(1) TFUE – Prattiki miftiehma – Prattiki li jkollhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva ta’ prattika”






Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt internazzjonali

1.     Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi

2.     Il-Ftehim dwar il-proprjetà intellettwali marbuta mal-kummerċ fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK)

3.     It-Trattat tal‑WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur

4.     Il-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir

B –   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1.     Il-protezzjoni ta’ servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali

2.     Il-proprjetà intellettwali fis-soċjetà tal-informazzjoni

3.     Il-proprjetà intellettwali u x-xandir bis-satellita

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

A –   It-trażmissjoni tal-logħbiet tal-futbol

B –   Il-Kawża C‑403/08

C –   Il-Kawża C‑429/08

IV – Il-kunsiderazzjonijiet legali

A –   Id-Direttiva 98/84

B –   Id-Direttiva 2001/29

1.     Id-dritt ta’ riproduzzjoni

a)     Id-domanda 4(a) fil-Kawża C‑403/08 – il-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni Ewropea

b)     L-applikazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni għal trażmissjonijiet diretti

c)     Id-domanda 4(b) fil-Kawża C‑403/08, riproduzzjoni fil-bafer tal-memorja tar-riċevitur

d)     Id-domanda 4(c) fil-Kawża C‑403/08, riproduzzjoni permezz tal-wiri fuq skrin

2.     Il-ħames domanda fil-Kawża C‑403/08, restrizzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni

3.     Komunikazzjoni ulterjuri lill-pubbliku

a)     L-ammissibbiltà tad-domanda

b)     Id-domanda

i)     Ix-xogħlijiet protetti

ii)   L-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29

C –   Id-Direttiva 93/83

D –   Il-libertajiet fundamentali

a)     Il-libertà fundamentali applikabbli

b)     Ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

c)     Il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni

d)     Ġustifikazzjoni f’każ ta’ użu ta’ informazzjoni falza fl-akkwist tal-kards ta’ dekodifikazzjoni

e)     L-effetti tar-restrizzjoni fuq l-użu privat jew domestiku

f)     Id-disa’ domanda fil-Kawża C‑403/08

g)     Is-seba’ domanda fil-Kawża C‑429/08

h)     Konklużjoni dwar is-sitt u s-seba’ domandi fil-Kawża C‑429/08 u dwar is-seba’ u d-disa’ domandi u d-domanda 8(c) fil-Kawża C‑403/08

E –   Id-dritt tal-kompetizzjoni

V –   Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        Il-ħarsien tal-interessi ekonomiċi tal-awturi qiegħed isir iktar u iktar importanti. Ix-xogħlijiet kreattivi għandhom jiġu remunerati kif xieraq.

2.        Għal dan il-għan, il-Football Association Premier League Ltd (iktar ’il quddiem il-“FAPL”), l-organizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-futbol tal-Premier League Ingliż, tfittex li tikseb l-aqwa sfruttar tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tat-trażmissjoni diretta tal-logħbiet tal-futbol tagħha. Hija tagħti lil-liċenzjati tagħha d-dritt esklużiv li jisfruttaw ekonomikament il-logħbiet fiż-żona tax-xandir tagħhom, li ġeneralment tkun il-pajjiż rispettiv tagħhom. Għal finijiet ta’ protezzjoni tal-esklużività ta’ liċenzjati oħra, hija torbothom, fl-istess ħin, sabiex jimpedixxu li x-xandiriet tagħhom ikunu jistgħu jintwerew barra miż-żona tax-xandir.

3.        Il-kawżi prinċipali li wasslu għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw it-tentattiv sabiex tiġi evitata din l-esklużività. L-impriżi jimportaw kards ta’ dekodifikazzjoni minn barra, fil-każijiet ineżami mill-Greċja u minn pajjiżi Għarab, fir-Renju Unit u joffruhom lill-pubs bi prezzijiet aħjar minn dawk tax-xandar f’dan l-Istat. Il-FAPL qiegħda tipprova twaqqaf din il-prattika.

4.        Il-miżuri intiżi sabiex jimponu d-drittijiet esklużivi tax-xandir huma diffiċilment kompatibbli mal-prinċipju tas-suq intern. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk tali miżuri jiksrux il-libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew id-dritt tal-kompetizzjoni tagħha.

5.        Madankollu, jitqajmu wkoll mistoqsijiet rigward diversi direttivi. Id-Direttiva 98/84/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali (2) hija ta’ interess peress li l-esklużività tax-xandir bis-satellita hija ggarantita permezz tal-ikkowdjar tas-sinjal tax-xandir. Il-FAPL tikkunsidra li din id-direttiva tipprojbixxi l-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni barra miż-żona assenjata lilhom. Għall-kuntrarju, mill-perspettiva tal-importaturi, din id-direttiva tiggarantixxi l-moviment liberu ta’ tali kards.

6.        Barra minn hekk, jitqajmu mistqosijiet rigward il-portata tad-drittijiet fuq ix-xandiriet skont id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (3); prinċipalment jekk il-komunikazzjoni tax-xandiriet taffettwax id-dritt għar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet u jekk il-komunikazzjoni fil-pubs tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku.

7.        Fl-aħħar nett, jitqajmu wkoll mistoqsijiet rigward l-effett ta’ liċenzja skont id-Direttiva 93/83/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable (4). Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kunsens għat-trażmissjoni bis-satellita ta’ xandira fi Stat Membru partikolari jistabbilixxix id-dritt li x-xandira tiġi rċevuta u murija fuq skrin fi Stat Membru ieħor.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi

8.        Skont l-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (verżjoni ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Berna”), l-awturi ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi protetti minn din il-konvenzjoni jgawdu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, b’kull mod u b’kull forma.

9.        L-Artikolu 11bis(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprovdi:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw:

(i)      ix-xandir tax-xogħlijiet tagħhom jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet b’kull mezz ieħor għax-xandir mingħajr fili tas-sinjali, tal-ħsejjes jew tal-immaġni;

(ii)      kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni hija magħmula minn korp li mhuwiex l-oriġinali;

(iii)      il-komunikazzjoni lill-pubbliku, permezz ta’ lawdspiker jew permezz ta’ kull strument ieħor simili li jittrażmetti sinjali, ħsejjes jew immaġni, tax-xogħol imxandar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Il-Ftehim dwar il-proprjetà intellettwali marbuta mal-kummerċ fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK)

10.      Il-Ftehim dwar il-proprjetà intellettwali marbuta mal-kummerċ fil-kuntest tal-ODK (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), kif stabbilit fl-Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marakexx li jistabbilixxi l-ODK, ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, għas-suġġetti ta’ kompetenza tagħha, tal-ftehim ta’ negozjati multilaterali tal-Laqgħa tal-Uruguay (1986-1994) (5).

11.      L-Artikolu 9(1) tal-Ftehim TRIPs jinkludi dispożizzjoni dwar il-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur:

“Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971) u l-Appendiċi tagħha. Madankollu, il-Membri ma għandhomx ikollhom id-drittijiet jew l-obbligi taħt dan il-Ftehim dwar id-drittijiet mogħtija taħt l-Artiklu 6bis ta’ dik il-Konvenzjoni jew id-drittijiet li joħorġu minnu.”

12.      L-Artikolu 14(3) tal-Ftehim TRIPs jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-programmi tat-televiżjoni:

“L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkollhom id-dritt li jipprojbixxu l-atti li ġejjin meta jrisu mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom: l-iffissar, ir-riproduzzjoni tal-iffissar u x-xandir mill-ġdid permezz ta’ mezzi bla fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandir bit-televiżjoni stess. Fejn il-Membri ma jagħtux dawn id-drittijiet lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, għandhom jipprovdu lis-sidien tad-dritt tal-awtur fis-suġġett tax-xandira bil-possibbiltà li jipprevjenu l-atti msemmija hawn fuq, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971).”

3.      It-Trattat tal‑WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur

13.      L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO) adottat f’Ġinevra, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal‑WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi u t-Trattat tal‑WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Dawn iż-żewġ trattati kienu ġew approvati f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (6), rigward materji fil-kompetenza tagħha.

14.      Skont l-Artikolu 1 tat-Trattat tal‑WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, il-partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 21 u mal-Appendiċi tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

15.      L-Artikolu 8 tat-Trattat tal‑WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11(1)(ii), 11bis(1)(i) u (ii), 11ter(1)(ii), 14(1)(ii) u 14bis(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berne, awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jista’ jkollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.      Il-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir

16.      L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-Protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, tas-26 ta’ Ottubru 1961 (7), tistabbilixxi ċerti drittijiet minimi għall-organizzazzjonijiet tax-xandir:

“L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:

(a)       ix-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom;

(b)       l-iffissar tax-xandiriet tagħhom;

(c)       ir-riproduzzjoni

(i)       tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, mingħajr il-kunsens tagħhom;

(ii)  tal-iffissar, imwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15, tax-xandiriet tagħhom, jekk ir-riproduzzjoni ssir għal finijiet differenti minn dawk msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet;

(d)       il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tat-televiżjoni tagħhom f’każ li tali komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas ta’ miżata għad-dħul; huwa l-kompitu tal-liġi nazzjonali tal-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni ta’ dan id-dritt li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom dan id-dritt jista’ tiġi eżerċitat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17.      Filwaqt li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll 28 dwar il-proprjetà intellettwali tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (8), il-partijiet kontraenti jintrabtu li jaderixxu qabel l-1 ta’ Jannar 1995 fil-konvenzjonijiet multilaterali li ġejjin dwar il-proprjetà industrijali, intellettwali u kummerċjali:

“[…]

(b)       Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi, 1971);

(c)       Konvenzjoni Internazzjonali għall-protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir (Ruma, 1961);

[…]”

B –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1.      Il-protezzjoni ta’ servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali

18.      Wieħed mill-punti fokali tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari huwa d-Direttiva 98/84 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali.

19.      L-Artikolu 1 jiddeskrivi l-għan tad-Direttiva 98/84:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jqarreb id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri dwar miżuri kontra apparat illeċitu li jagħti aċċess mhux awtorizzat għal servizzi protetti.”

20.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/84 jiddefinixxi t-termini rilevanti. L-apparat tal-aċċess kundizzjonali, l-apparat illeċitu u l-kamp ikkordinat huma ta’ interess partikolari:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      […]

[…]

(c)      apparat tal-aċċess kondizzjonali għandu jfisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta;

(d)      […]

(e)       apparat illeċitu għandu ifisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz;

(f)       kamp ikkordinat minn din id-Direttiva għandu jfisser kwalunkwe disposizzjoni li għandha x’taqsam mal-ksur tal-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 4.”

21.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/84 jirregola l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tas-servizzi bbażati fuq l-aċċess kundizzjonali u l-apparati tal-aċċess kundizzjonali fis-suq intern:

“1.       Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxi fuq it-territorju tiegħu l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 4, u biex jipprovdi għas-sanzjonijiet u rimedji stabbiliti fl-Artikolu 5.

2.      Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, l-Istati Membri ma jistgħux:

(a)       jirrestrinġu l-disposizzjoni tas-servizzi protetti, jew is-servizzi assoċjati li joriġinaw fi Stati Membru ieħor; jew,

(b)       jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ apparat tal-aċċess kondizzjonali;

għal raġunijiet li jaqgħu fil-kamp ikkoordinat minn din id-Direttiva.”

22.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/84 jistabbilixxi liema attivitajiet għandhom jiġu pprojbiti:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu fuq ir-territorju tagħhom l-attivitajiet segwenti kollha:

(a)       il-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, l-bejgħ, il-kera jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

(b)       l-istallazzjoni, il-manteniment jew ir-rimpjazzament għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

(ċ)       l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali biex ikunu promossi apparat illeċitu.”

2.      Il-proprjetà intellettwali fis-soċjetà tal-informazzjoni

23.      F’dan il-kuntest, żewġ aspetti tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni huma rilevanti: id-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

24.      Id-dritt ta’ riproduzzjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)       għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)       għall-artisti, tal-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)       għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)       għall-produtturi tal ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal- films tagħhom;

(e)       għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

25.      Restrizzjoni fuq ċerti riproduzzjonijiet imwettqa għal raġunijiet teknoloġiċi hija stabbilita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29:

“Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a)       trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b)       użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.”

26.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jirregola d-drittijiet marbuta mal-komunikazzjoni lill-pubbliku:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

(a)       għall-artisti, tal-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(b)       għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(ċ)       għall-produtturi tal-ewwel iffissar tal-films, tal-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(d)       għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trażmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-kejbil jew bis-satellita.

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

27.      Il-premessa 23 fil-preambolu tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi l-ispjegazzjoni li ġejja għal dan:

“Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt tal-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.”

28.      Id-Direttiva 2001/29 issupplimentat direttiva preċedenti, id-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (9), li ġiet ikkonsolidata bid-Direttiva 2006/115/KE (10). L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 jistabbilixxi dritt ulterjuri dwar il-komunikazzjoni tax-xandiriet lill-pubbliku:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.”

3.      Il-proprjetà intellettwali u x-xandir bis-satellita

29.      Id-Direttiva 93/83 tittratta kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intellettwali fil-qasam tax-xandir bis-satellita. Diversi premessi fil-preambolu tagħha huma partikolarment importanti sabiex tinftiehem din id-direttiva:

“(1)  [b]illi l-għanijiet tal-Komunità kif stabbiliti fit-Trattat jinkludu l-istabbiliment ta’ unjoni aktar mill-qrib bejn il-popli tal-Ewropa, it-tisħiħ ta’ relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri tal-Komunità u l-assigurazzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-Komunità permezz ta’ azzjoni komuni biex ikunu eliminati l-barrieri li jifirdu l-Ewropa;

[…]

(3)       [b]illi xandiriet trasmessi bejn fruntieri fil-Komunità, b’mod partikolari permezz tas-satellita jew cable, huma wieħed mill-modi l-aktar importanti biex ikunu milħuqa l-għanijiet tal-Komunità, li jkunu fl-istess ħin politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u legali;

[…]

(5)       [b]illi iżda, l-kisba ta’ dawn l-għanijiet għar-rigward ta’ xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra u t-ritrasmissjoni bil-cable ta’ programmi minn Stati Membri oħra preżentement għadha mxekkla b’diversi differenzi bejn regoli nazzjonali dwar drittijiet ta’ l-awtur u ċerta grad ta’ inċertezza legali; […] dan ifisser li dawk li jkollhom jeddijiet huma esposti għat-theddida li jaraw ix-xogħlijiet tagħhom sfruttati mingħajr ħlas ta’ remunerazzjoni jew li dawk l-individwi li jkollhom jeddijiet esklussivi f’diversi Stati Membri jimblukkaw l-isfruttar tal-jeddijiet tagħhom; […] l-inċertezza legali b’mod partikolari tikkostitwixxi ostakolu dirett għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ programmi fil-Komunità;

[…]

(7)       [b]illi x-xandir liberu ta’ programmi huwa wkoll impedit minħabba l-inċertezza legali preżenti dwar jekk xandir bis-satellita li s-sinjali tagħha jistgħu jkunu rċevuti direttament jaffettwa l-jeddijiet fil-pajjiż ta’ trasmissjoni biss jew fil-pajjiżi kollha ta’ reception flimkien; […]

(14)  [b]illi l-inċertezza legali dwar il-jeddijiet li għandhom ikunu akkwistati li timpedixxi xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra għandha tkun megħluba billi jkun definit il-kunċett ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita fuq livell tal-Komunità; billi din id-definizzjoni għandha fl-istess waqt tispeċifika fejn isir l-att ta’ komunikazzjoni; billi dik it-tifsira hija meħtieġa sabiex tkun evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi liġijiet nazzjonali għal att wieħed ta’ xandir; billi l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ssir biss meta, u fl-Istat Membru fejn, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti taħt il-kontroll u responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir fil-katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja; billi proċeduri tekniċi normali dwar is-sinjali li jwasslu l-programm ma għandhomx ikunu kunsidrati bħal interruzzjonijiet fil-katina tax-xandir;

(15)  [b]illi l-akkwist fuq bażi kuntrattwali ta’ jeddijiet esklussivi ta’ xandir għandu jkun konformi ma’ kull leġislazzjoni dwar drittijiet tal-awtur u jeddijiet dwar drittijiet tal-awtur fl-Istati Membri li fihom isseħħ il-komunikazzjoni mal-pubbliku bis-satellita;

(16)  [b]illi l-prinċipju ta’ ħelsien kuntrattwali li fuqu hija bbażata din id-Direttiva tagħmilha possibbli li jkompli jkun limitat l-isfruttament ta’ dawn il-jeddijiet, b’mod speċjali safejn ċerti mezzi tekniċi ta’ trasmissjoni jew ċerti verżjonijiet tal-lingwa jkunu nvoluti;

(17)  [b]illi sabiex wieħed jasal għall-ammont tal-pagament li għandu jsir għall-jeddijiet akkwistati, il-partijiet għandhom jikkunsidraw l-aspetti kollha tax-xandir, bħall-udjenza attwali, l-udjenza potenzjali u l-verżjoni tal-lingwa;

[…]”

30.      Id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(2)(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva 93/83 huma ta’ interess partikolari fil-każijiet ineżami.

“(a)  Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita’ tfisser l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal reception mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

(b)       L-att ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz ta’ satellita jseħħ biss fl-Istati Membri billi, taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

(ċ)       Jekk is-sinjali li jġorru programmi huma encrypted, allura jkun hemm komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita bil-kundizzjoni li l-mezzi għal decrypting ix-xandir ikunu provduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha.

[…]”

31.      Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 jistabbilixxi dritt speċjali għall-awtur fir-rigward tal-komunikazzjoni bis-satellita:

“Stati Membri […] għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet tal-awtur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

A –    It-trażmissjoni tal-logħbiet tal-futbol

32.      L-istrateġija tal-FAPL hija li tagħmel il-logħbiet tal-Premier League Ingliż disponibbli għat-telespettaturi madwar id-dinja kollha filwaqt li tkabbar kemm tista’ l-valur tad-drittijiet tal-midja tagħha għall-membri tagħha, il-klabbs.

33.      L-attivitajiet tal-FAPL jinkludu l-organizzazzjoni tal-ġbid ta’ filmati tal-logħbiet tal-Premier League u l-liċenzjar tad-drittijiet għax-xandir tagħhom. Id-drittijiet esklużivi sabiex jixxandru logħbiet live jinqasmu skont it-territorju u jingħataw fuq il-bażi ta’ perijodi ta’ tliet snin. Is-sistema tal-kuntratti tinkludi ftehim ta’ esklużività li permezz tiegħu l-FAPL taħtar xandar wieħed biss f’territorju partikolari u restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkulazzjoni tal-kards ta’ dekodifikazzjoni barra mit-territorju ta’ kull liċenzjat.

34.      L-għoti ta’ drittijiet ta’ xandir għal avvenimenti sportivi fuq bażi territorjali esklużiv huwa prattika kummerċjali stabbilita u aċċettata fost id-detenturi tad-drittijiet u x-xandara fl-Ewropa. Sabiex tiġi protetta din l-esklużività territorjali, kull xandar jintrabat fil-ftehim ta’ liċenzjar tiegħu mal-FAPL sabiex jikkowdja s-sinjal tiegħu mwassal bis-satellita.

35.      Matul il-perijodu inkwistjoni f’dawn il-kawżi, kull logħba tal-Premier League ġiet iffilmjata mill-BBC jew Sky. L-istampi magħżula minnhom u l-ħoss fl-isfond tal-logħba (li xi kultant jinkludi l-Innu tal-Premier League (iktar ’il quddiem “l-Innu”) jikkostitwixxu l-“Clean Live Feed” (is-sinjal live nadif). Ladarba jiżdiedu l-logos, is-sekwenzi tal-vidjo, il-grafika fuq l-iskrin, il-mużika (inkluż l-Innu) u l-kummentarju bl-Ingliż, ir-riżultat jikkostitwixxi l-“World Feed” (sinjal live dinji). Wara li jiġi kkompressat u kkowdjat, dan jiġi trażmess bis-satellita lix-xandar barrani liċenzjat. Ix-xandar jiddekodifika u jiddekompressa l-World Feed, iżid il-logo tiegħu u kwalunkwe kummentarju, jerġa’ jikkompressa u jikkowdja s-sinjal u jittrażmettih bis-satellita lill-abbonati fit-territorju assenjat lilu. L-abbonati b’dixx tas-satellita jistgħu jiddekodifikaw u jiddekompressaw s-sinjal b’dekodifikatur, li jeħtieġ kard ta’ dekodifikazzjoni. Il-proċess kollu tat-trażmissjoni mill-grawnd tal-futbol sa għand l-abbonat idum madwar ħames sekondi.

36.      Il-frammenti tad-diversi filmati, xogħol mużikali u r-reġistrazzjoni tal-ħoss jinħażnu sekwenzjalment fid-dekodifikatur qabel ma jiġu esternalizzati u sussegwentement jitħassru mid-dekodifikatur.

B –    Il-Kawża C‑403/08

37.      Il-proċeduri li wasslu għall-Kawża C‑403/08 joriġinaw mill-azzjonijiet ippreżentati mill-FAPL flimkien mal-impriżi responsabbli għat-trażmissjoni tal-logħbiet fil-Greċja.

38.      Fil-Greċja, is-sottoliċenzjata kienet (u għadha) in-NetMed Hellas SA, li f’termini prattiċi ġiet ipprojbita permezz ta’ kuntratt milli tipprovdi l-kards ta’ dekodifikazzjoni rilevanti barra mill-Greċja. Il-logħbiet jixxandru fuq il-kanali “SuperSport” fuq il-pjattaforma “NOVA”, li tappartjeni lill-Multichoice Hellas SA u titħaddem minnha. Dawn iż-żewġ impriżi Griegi finalment jappartjenu lill-istess sid u kollettivament jissejħu “NOVA”. Ir-riċezzjoni tal-kanali SuperSport issir permezz ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita NOVA.

39.      L-azzjonijiet jirrigwardaw l-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni barranin fir-Renju Unit għall-aċċess għal trażmissjonijiet diretti bis-satellita ta’ logħbiet tal-futbol tal-“Premier League”. Ir-rikorrenti jilmentaw li l-kummerċ u l-użu ta’ tali kards fir-Renju Unit jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali maħsuba sabiex jimplementaw id-Direttiva 98/84 u tad-drittijiet tal-awtur f’diversi xogħlijiet artistiċi u mużikali, films u reġistrazzjonijiet tal-ħoss inkorporati fix-xandir tal-logħob tal-futbol tal-“Premier League”.

40.      Tnejn mill-azzjonijiet ġew ippreżentati kontra l-fornituri tat-tagħmir u tal-kards ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita lill-pubs u l-bars, li jippermettu r-riċezzjoni ta’ kanali tas-satellita mhux tal-iSky (inkluż kanali NOVA) li jxandru logħbiet diretti tal-“Premier League”. It-tielet azzjoni tressqet kontra l-liċenzjati jew l-operaturi ta’ erba’ pubs (iktar ’il quddiem is-“sidien tal-pubs”) li wrew logħbiet diretti tal-Premier League mxandra fuq kanali ta’ xandar Għarbi.

41.      Għalhekk, fil-Kawża C‑403/08, il-High Court of Justice tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“A. Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/84

1.      Apparat illeċitu

(a)      Meta apparat tal-aċċess kondizzjonali jkun magħmul minn jew bil-kunsens ta’ min jipprovdi s-servizz u jinbiegħ suġġett għal awtorizzazzjoni limitata li dan l-apparat jintuża biss sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett f’ċerti ċirkustanzi partikolari, dan l-apparat isir “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE jekk jintuża sabiex jipprovdi aċċess għal dak is-servizz protett f’post jew b’mod jew minn persuna mhux inklużi fl-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi is-servizz?

(b)      X’inhi t-tifsira ta’ ‛iddisinjat jew adattat’ fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva?

2.      Suġġett tal-kawża

Meta l-ewwel persuna li tipprovdi s-servizz tittrażmetti l-programmi f’forma kodifikata lit-tieni persuna li tipprovdi s-servizz u li xxandar dawk il-programmi fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interessi tal-ewwel persuna li tipprovdi s-servizz humiex affettwati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/84?

B’mod partikolari:

Meta l-ewwel impriża tittrażmetti l-programmi (inklużi stampi, awdjo u kummentarju bl-Ingliż) f’forma kodifikata lit-tieni impriża li, min-naħa tagħha, ixxandar il-programmi lill-pubbliku (li miegħu tkun żiedet il-logo tagħha u, xi drabi, kumment awdjo addizzjonali):

(a)      It-trażmissjoni mill-ewwel impriża tikkostitwixxi servizz protett ta’ “xandir bit-televiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/84/KE u tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE? [(11)]

(b)      Huwa neċessarju li l-ewwel impriża tkun xandar fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 89/552/KEE sabiex titqies bħala li qed tipprovdi servizz ta’ “xandir bit-televiżjoni” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/84?

(c)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/84/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt lill-ewwel impriża tressaq kawża fir-rigward tal-apparat illeċitu li jagħti aċċess għall-programm kif imxandar mit-tieni impriża, jew:

(i)      għaliex apparat bħal dan għandu jitqies bħala li jagħti aċċess, permezz tas-sinjal ta’ xandir, għas-servizz stess tal-ewwel impriża; jew

(ii)      għaliex l-ewwel impriża hija dik li tipprovdi servizz protett u li l-interessi tagħha huma affettwati minn attività illeċita (għaliex apparat bħal dan jagħti aċċess mhux awtorizzat għas-servizz protett ipprovdut mit-tieni impriża)?

(d)      Ir-risposta għad-domanda 2(c) hija affettwata mill-fatt li l-ewwel u t-tieni persuni li jipprovdu servizzi jużaw sistemi ta’ dekodifikazzjoni u apparat tal-aċċess kondizzjonali differenti?

3.      Skopijiet kummerċjali

Il-“pussess għal skopijiet kummerċjali” skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva jirreferi biss għal pussess għal skopijiet ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (pereżempju, bejgħ) fir-rigward ta’ apparat illeċitu,

jew ikopri wkoll il-pussess ta’ apparat minn utent finali matul negozju ta’ kwalunkwe tip?

B. Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29

4.      Dritt ta’ riproduzzjoni

Meta l-frammenti sekwenzjali ta’ film, xogħol mużikali jew reġistrazzjoni ta’ ħoss (f’dan il-każ, fotogrammi ta’ vidjo u awdjo diġitali) jinħolqu (i) fil-memorja ta’ dekodifikatur jew (ii) fil-każ ta’ film fuq skrin tat-televiżjoni, u x-xogħol kollu huwa riprodott jekk il-frammenti sekwenzjali jiġu kkunsidrati flimkien iżda f’perijodu partikolari jkunu jeżistu biss numru limitat ta’ frammenti:

(a)      Il-kwistjoni dwar jekk dawk ix-xogħlijiet ikunux ġew kompletament jew parzjalment riprodotti għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur li jirrigwardaw dak li jikkostitwixxi riproduzzjoni illeċita ta’ xogħol protett mid-dritt tal-awtur, jew tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29?

(b)      Jekk tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-frammenti ta’ kull xogħol fl-intier tagħhom, jew dawk il-frammenti biss li jkunu jeżistu f’perijodu partikolari? Jekk il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra dan l-aħħar każ, liema test għandha tapplika għall-kwistjoni dwar jekk ix-xogħlijiet ġewx riprodotti parzjalment fis-sens ta’ dan l-artikolu?

(c)      Id-dritt ta’ riproduzzjoni fl-Artikolu 2 ikopri wkoll il-ħolqien ta’ stampi temporanji għal fuq skrin tat-televiżjoni?

5.      Sinjifikat ekonomiku indipendenti

(a)      Il-kopji temporanji ta’ xogħol maħluqa ġewwa dekodifikatur televiżiv tas-satellita jew fuq skrin tat-televiżjoni kkollegat ma’ dekodifikatur, u li l-għan tagħhom huwa esklużivament li jippermettu l-użu tax-xogħol li ma jkunx b’xi mod ieħor limitat mil-liġi, għandhom jitqiesu bħala li għandhom “sinifikat ekonomiku indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE minħabba l-fatt li dawn il-kopji jipprovdu l-unika bażi li minnha d-detentur tad-drittijiet jista’ jirċievi remunerazzjoni għall-użu tad-drittijiet tiegħu?

(b)      Ir-risposta għad-domanda 5(a) hija affettwata mill-fatt (i) li l-kopji temporanji jkollhom xi valur intrinsiku; jew (ii) li l-kopji temporanji jinkludu parti żgħira minn kollezzjoni ta’ xogħlijiet u/jew materji oħra li jistgħu jintużaw mingħajr ksur tad-dritt tal-awtur; jew (iii) li l-liċenzjat esklużiv tad-detentur tad-drittijiet fi Stat Membru ieħor ikun diġà rċieva remunerazzjoni għall-użu tax-xogħol f’dak l-Istat Membru?

6.      Komunikazzjoni lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili

(a)      Xogħol protett mid-dritt tal-awtur huwa kkunsidrat bħala kkomunikat lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE meta xandira bis-satellita tiġi rċevuta f’bini kummerċjali (pereżempju, bar) u kkomunikata jew murija f’dak il-bini permezz ta’ skrin tat-televiżjoni wieħed lill-pubbliku preżenti f’dak il-bini?

(b)      Ir-risposta għad-domanda 6(a) hija affettwata jekk:

(i)      il-pubbliku preżenti jikkostitwixxi pubbliku ġdid li x-xandar ma jkunx ħaseb dwaru (f’dan il-każ għaliex kard nazzjonali ta’ dekodifikazzjoni għal użu fi Stat Membru partikolari tintuża għal pubbliku kummerċjali fi Stat Membru ieħor)?

(ii)      il-pubbliku mhuwiex wieħed li jkun meħtieġ iħallas skont il-liġi nazzjonali?

(iii) is-sinjal tax-xandir fuq it-televiżjoni huwa rċevut permezz ta’ erjal jew dixx tas-satellita fuq il-bejt ta’ jew ma’ ġenb il-bini fejn jinsab it-televiżjoni?

(c)      Jekk ir-risposta għal waħda mill-partijiet tad-domanda 6(b) hija fl-affermattiv, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm komunikazzjoni tax-xogħol li oriġinat minn post fejn il-pubbliku ma kienx preżenti?

C. Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/83

7.      Difiża taħt id-Direttiva 93/83

Il-fatt li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur tipprovdi li meta kopji temporanji ta’ xogħlijiet inklużi f’xandir bis-satellita jinħolqu ġewwa dekodifikatur bis-satellita jew fuq skrin tat-televiżjoni jkun hemm ksur tad-dritt tal-awtur skont il-liġi tal-pajjiż fejn tkun irċevuta x-xandira huwa kompatibbli mad-Direttiva 93/83/KEE jew mal-Artikoli 28 u 30 jew 49 tat-Trattat KE? Il-pożizzjoni tiġi affettwata jekk ix-xandira tiġi ddekodifikata permezz ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita li tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi servizz ta’ xandir bis-satellita fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta’ dik il-kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru?

D.      Fuq l-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi taħt l-Artikoli 28 u 30 u 49 KE fil-kuntest tad-Direttiva 98/84

8.      Difiża taħt l-Artikoli 28 u/jew 49 KE

(a)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 tkun li l-apparat tal-aċċess kondizzjonali magħmul minn jew bil-kunsens ta’ min jipprovdi s-servizz isir “apparat illeċitu” skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE meta jintuża barra mill-portata tal-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz li jagħti aċċess għal servizz protett, liema huwa s-suġġett speċifiku tad-dritt b’riferiment għall-funzjoni essenzjali tiegħu attribwita mid-Direttiva dwar l-Aċċess Kondizzjonali?

(b)      L-Artikoli 28 jew 49 tat-Trattat KE jeskludu l-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali fl-ewwel Stat Membru li tirrendi illeċitu l-importazzjoni jew il-bejgħ ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita li tkun inħarġet minn persuna li tipprovdi servizz ta’ xandir bis-satellita fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu tal-kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru l-ieħor?

(c)      Ir-risposta hija affettwata mill-fatt li l-kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita tkun awtorizzata biss għal użu privat jew domestiku f’dak l-Istat Membru l-ieħor iżda tintuża għal skopijiet kummerċjali fl-ewwel Stat Membru?

9.      Jekk il-protezzjoni pprovduta lill-innu tistax tkun iktar wiesgħa minn dik ipprovduta lill-kumplament tax-xandira

L-Artikoli 28 u 30 jew 49 tat-Trattat KE jeskludu l-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur li tirrendi illeċitu r-rappreżentazzjoni jew id-daqq fil-pubbliku ta’ xogħol mużikali meta dan ix-xogħol ikun inkluż f’servizz protett li jsir aċċess għalih u li jindaqq fil-pubbliku permezz tal-użu ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita meta dik il-kard tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi s-servizz fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta’ dik il-kard ta’ dekodifikazzjoni jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru l-ieħor? Ikollu effett il-fatt li x-xogħol mużikali jkun element mhux importanti mis-servizz protett fl-intier tiegħu u li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur ma tipprojbixxix ir-rappreżentazzjoni jew id-daqq fil-pubbliku tal-elementi l-oħra tas-servizz?

E. Fuq l-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 81 KE

10.      Difiża taħt l-Artikolu 81 KE

Meta l-persuna li tipprovdi l-programmi toħroġ sensiela ta’ liċenzji esklużivi għat-territorju ta’ wieħed jew iktar Stati Membri li permezz tagħhom ix-xandar ikun liċenzjat ixandar il-programmi f'dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u li inkluż f’kull liċenzja jkun hemm obbligu kuntrattwali li x-xandar jevita li l-kards tiegħu ta’ dekodikazzjoni tas-satellita, li jippermettu r-riċezzjoni tal-programmi liċenzjati, jiġu użati barra mit-territorju liċenzjat, liema test legali għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali u liema ċirkustanzi għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tkun qed tiddeċiedi jekk ir-restrizzjoni kuntrattwali tiksirx il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1)?

B’mod partikolari:

(a)      l-Artikolu 81(1) għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal dan l-obbligu għar-raġuni biss li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni?

(b)      f’dak il-każ, jeħtieġ li jintwera li dan l-obbligu kuntrattwali jipprevjeni, jirrestrinġi jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinifikanti sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1)?”

C –    Il-Kawża C‑429/08

42.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina mill-proċeduri kriminali ppreżentati kontra K. Murphy, il-proprjetarja ta’ pub, li wriet logħbiet tal-Premier League permezz ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni Griega. Media Protection Services Ltd għamlet rapport kontra tagħha u rnexxilha, fiż-żewġ istanzi, tikseb il-kundanna tagħha għal multa għar-raġuni li tali kard hija apparat tal-aċċess illeċitu fis-sens tar-regoli li jimplementaw id-Direttiva 98/84. K. Murphy appellat minn dik il-kundanna quddiem il-High Court of Justice.

43.      F’din il-kawża l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), għamlet id-domandi li ġejjin:

“Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/84

1.      F’liema ċirkustanzi apparat tal-aċċess kondizzjonali għandu jiġi kkunsidrat bħala ‛apparat illeċitu’ fit-tifsira tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84?

2.      B’mod partikolari, apparat tal-aċċess kondizzjonali huwa ‛apparat illeċitu’ jekk jiġi akkwistat f’ċirkustanzi fejn:

(i)      l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u ġie fornut oriġinarjament bil-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali limitata li l-apparat jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett fl-ewwel Stat Membru biss u minflok intuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett riċevut fi Stat Membru ieħor? u/jew

(ii)      l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru u b’hekk ingħelbu restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta’ apparati bħal dawn għal użu barra minn l-ewwel Stat Membru? u/jew

(iii)      l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament ġie fornut bil-kundizzjoni kuntrattwali li jintuża biss għal użu domestiku jew privat u mhux għal użu kummerċjali (li għalih jitħallas abbonament ogħla), iżda ntuża fir-Renju Unit għal finijiet kummerċjali, prinċipalment sabiex jintwera logħob live tal-futbol f’pub?

3.      Jekk ir-risposta għal kwalunkwe parti tad-Domanda 2 hija “le”, l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva jipprekludi li Stat Membru japplika liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ apparati tal-aċċess kondizzjonali bħal dawn fiċ-ċirkustanzi msemmija fid-Domanda 2 iktar ’il fuq?

4.      Jekk ir-risposta għal kwalunkwe parti tad-Domanda 2 hija “le”, l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva huwa invalidu:

(a)       għar-raġuni li huwa diskriminatorju u/jew sproporzjonat; u/jew

(b)       għar-raġuni li jikser id-drittijiet ta’ moviment liberu taħt it-Trattat;

u/jew

(c)       għal kwalunkwe raġuni oħra?

5.      Jekk ir-risposta għad-Domanda 2 hija “iva”, l-Artikoli 3(1) u 4 ta’ dik id-Direttiva huma invalidi għar-raġuni li huma jidhru li jeħtieġu mill-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ “apparati illeċiti” u fuq in-negozju mod ieħor tagħhom f’ċirkustanzi fejn dawk l-apparati jistgħu jiġu importati legalment u/jew jintużaw sabiex jiġu riċevuti servizzi ta’ xandir bis-satellita trans-nazzjonali skont ir-regoli fuq il-moviment liberu ta’ merkanzija taħt l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat KE u/jew il-libertà li jiġu pprovduti u riċevuti servizzi taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat KE?

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12, 28, 30 u 49 tat-Trattat KE

6.      L-Artikoli 28, 30 u/jew 49 KE jipprekludi l-infurzar ta’ liġi nazzjonali (bħall-Artikolu 297 tal-Copyright Designs and Patents Act 1988) li tistabbilixxi li huwa reat kriminali li wieħed jirċievi b’mod diżonest programm inkluż f’servizz ta’ xandir minn post fir-Renju Unit bl-intenzjoni li jevita li jħallas il-prezz applikabbli għall-fatt li jirċievi l-programm, f’waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi:

(i)      fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u ġie fornut oriġinarjament bil-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali limitata li l-apparat jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett fl-ewwel Stat Membru biss u minflok intuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett riċevut fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ ir-Renju Unit)? u/jew

(ii)  fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru u b’hekk ingħelbu restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta’ apparati bħal dawn għal użu barra minn l-ewwel Stat Membru? u/jew

(iii)  fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament ġie fornut bil-kundizzjoni kuntrattwali li jintuża biss għal użu domestiku jew privat u mhux għal użu kummerċjali (li għalih jitħallas abbonament ogħla), iżda intuża fir-Renju Unit għal finijiet kummerċjali, prinċipalment biex jintwera logħob live tal-futbol f’pub?

7.      L-infurzar tal-liġi nazzjonali inkwistjoni huwa, fi kwalunkwe każ, ipprojbit fuq il-bażi ta’ diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 12 KE jew inkella, għaliex il-liġi nazzjonali tapplika għal programmi inklużi f’servizz ta’ xandir minn post fir-Renju Unit iżda mhux minn kwalunkwe Stat Membru ieħor?

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE

8.      Fejn fornitur tal-kontenut tal-programmi jidħol f’sensiela ta’ liċenzji esklużivi li kull waħda minnhom tkopri t-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li permezz tagħhom ix-xandar huwa awtorizzat ixandar il-kontenut tal-programm f’dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u jiġi inkluż obbligu kuntrattwali f’kull liċenzja li jobbliga lix-xandar li jipprojbixxi li l-kards tiegħu ta’ aċċess tas-satellita, li jagħmlu possibbli li jiġi riċevut il-programm awtorizzat, jintużaw barra mit-territorju kopert mil-liċenzja, x’eżami legali għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali u x’ċirkustanzi għandha tikkunsidra meta tiddeċidi jekk ir-restrizzjoni kuntrattwali tmur kontra l-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 81(1)?

B’mod partikolari:

(a)      l-Artikolu 81(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal dak l-obbligu biss għaliex huwa kkunsidrat li għandu bħala għan li jipprevjeni, jirrestrinġi jew ikun ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni?

(b)      jekk huwa hekk, għandu jintwera wkoll li l-obbligu kuntrattwali jipprevjeni, jirrestrinġi jew huwa ta’ distorsjoni b’mod kunsiderevoli għall-kompetizzjoni sabiex jaqa’ fil-projbizzjoni imposta mill-Artikolu 81(1)?”

44.      Il-FAPL, il-QC Leisure, K. Murphy u l-Media Protection Services Ltd, ir-Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Franċiża, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea ressqu l-osservazzjonijiet. Matul is-seduta dawk il-partijiet, minbarra Franza, ippreżentaw ukoll argument orali, kif għamlu r-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana.

IV – Il-kunsiderazzjonijiet legali

45.      Il-każijiet fil-kawżi prinċipali joriġinaw mill-prattika ta’ restrizzjoni territorjali tal-aċċess għal xandiriet sportivi kkowdjati li huma trażmessi bis-satellita f’diversi Stati Membri. It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex kompatibbli mas-suq intern minn għadd ta’ perspettivi differenti, li ġġeneraw numru kbir ta’ mistoqsijiet differenti.

46.      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni Ewropea jirrispetta l-karatteristiċi speċjali tal-isport, l-isport ma jaqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt (12). B’mod partikolari, il-fatt li attività ekonomika tkun marbuta mal-isport ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat (13).

47.      Għalkemm fl-opinjoni tiegħi, is-soluzzjoni tal-każijiet fil-kawżi prinċipali tiddependi essenzjalment, f’dak li jirrigwarda l-użu tal-kards ta’ dekodifikazzjoni Griegi, fuq l-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, barra minn hekk, il-kwistjoni tal-komunikazzjoni lill-pubbliku (l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29) hija ta’ interess kbir; madankollu, jiena xorta se nifformula l-konklużjonijiet tiegħi skont l-ordni tad-domandi fil-Kawża C‑403/08. Għalhekk se nibda billi nanalizza d-Direttiva 98/84 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ara t-Taqsima A), imbagħad id-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ara t-Taqsima B), id-Direttiva 93/83 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable (ara t-Taqsima C), u biss wara li nkun għamilt dan, neżamina l-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali (ara t-Taqsima D) u, fl-aħħar nett, id-dritt tal-kompetizzjoni (ara t-Taqsima E).

A –    Id-Direttiva 98/84

48.      Id-Direttiva 98/84 tirregola l-protezzjoni legali ta’ apparati ta’ aċċess għal servizzi rregolati u l-moviment liberu ta’ tali apparati fis-suq intern. Minn dan, il-partijiet joħorġu żewġ konklużjonijiet kunfliġġenti li jiffurmaw il-bażi tad-domandi relatati ma’ din id-direttiva.

49.      Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/84, il-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kera jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu għandhom jiġu pprojbiti u ssanzjonati b’mod proporzjonat. Il-FAPL hija tal-opinjoni li kard ta’ dekodifikazzjoni mibjugħa legalment fi Stat Membru wieħed issir apparat illeċitu jekk tintuża fi Stat Membru ieħor kontra r-rieda tal-impriża li xxandar is-servizz protett. K. Murphy ssostni li tali użu ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni li tqiegħdet fis-suq b’mod legali ma jistax jirrendiha apparat illeċitu. Pjuttost, tali użu huwa legali skont id-direttiva, peress li l-Artikolu 3(2) jipprojbixxi kwalunkwe restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni leċiti.

50.      Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tittratta malajr dawn id-domandi, peress li ż-żewġ konklużjonijiet huma manifestament żbaljati.

51.      Skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84, “apparat illeċitu” għandu jfisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz.

52.      Fl-opinjoni tal-FAPL, huwa biżżejjed għal dan il-għan li l-kards ta’ dekodifikazzjoni jintużaw fir-Renju Unit sabiex jiġu rċevuti trażmissjonijiet mix-xandar Grieg, meta, skont ir-rieda tad-detentur tad-drittijiet, tali trażmissjonijiet ma għandhomx jiġu rċevuti.

53.      Il-kliem tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84, madankollu, ma huwiex intenzjonat għall-prevenzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ aċċess kontra r-rieda ta’ min jipprovdi s-servizz. Dan jeħtieġ tagħmir iddisinjat jew adattat sabiex jagħti aċċess mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz. Dik id-definizzjoni għalhekk tkopri tagħmir immanifatturat jew immodifikat speċifikament għal dan il-għan.

54.      Il-kard ta’ dekodifikazzjoni, għall-kuntrarju, hija ddisinjata speċifikament sabiex tipprovdi aċċess bl-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz. Min jipprovdi s-servizz – ix-xandar Grieg – ipoġġihom fis-suq speċifikament għal dan l-iskop. Bl-istess mod, il-kard ta’ dekodifikazzjoni ma tiġix adattata permezz tal-importazzjoni tagħha fir-Renju Unit.

55.      Din l-interpretazzjoni ovvja waħedha hija kompatibbli mal-għan ġenerali tad-Direttiva 98/84. Skont il-premessi 2 u 3 tal-preambolu tagħha, din hija maħsuba sabiex tippromwovi l-provvista transkonfinali tas-servizzi. Diffiċilment tkun kompatibbli ma’ dan l-għan il-kunsiderazzjoni li l-importazzjoni transkonfinali ta’ apparati ta’ aċċess kondizzjonali leċiti hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika evalwazzjoni li dawn huma apparati illeċiti.

56.      Barra minn hekk, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari jeħtieġ li r-regoli għandhom ikunu ċari u preċiżi, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jaċċertaw ruħhom b’mod inekwivoku x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkunu jistgħu jieħdu passi skont dan (14). Meta jiġu stipulati dispożizzjonijiet kriminali, huwa meħtieġ addizzjonalment li jiġi osservat il-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-pieni kriminali (nullum crimen, nulla poena sine lege), li jimplika li r-regoli tal-Unjoni Ewropea għandhom jiddefinixxu b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom (15). Kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea effettivament kienet li tipproteġi d-diviżjonijiet ġeografiċi tas-swieq televiżivi u li timponi sanzjonijiet f’każ ta’ sempliċi ksur ta’ dik id-diviżjoni permezz tal-importazzjoni fi Stati Membri oħra ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni li huma leċiti fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, hija kellha tesprimi dan b’mod ħafna iktar ċar.

57.      Għalhekk għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑403/08 u l-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑429/08 għalhekk għandha tingħata risposta fis-sens li d-disinjar jew l-adattament fis-sens tal-Artikolu 2(e) tal-Artikolu 98/84 ifissru l-manifattura jew il-modifika ta’ tagħmir bl-għan li jiġi pprovdut aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz. Meta apparat ta’ aċċess kondizzjonali jsir minn jew bil-kunsens ta’ min jipprovdi s-servizz u jinbiegħ suġġett għal awtorizzazzjoni limitata sabiex l-apparat jintuża biss sabiex jinkiseb aċċess għas-servizz protett f’ċirkustanzi partikolari, dak l-apparat ma jsirx għalhekk “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84 jekk jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett f’post, b’mod jew minn persuna li ma jkunux koperti mill-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizzi.

58.      Madankollu, ma jsegwix li għat-tielet domanda fil-Kawża C‑429/08 għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/84 jipprojbixxi kwalunkwe restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni leċiti.

59.      Huwa veru li l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 98/84 jipprojbixxi li jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi protetti jew servizzi assoċjati li joriġinaw fi Stat Membru ieħor filwaqt li l-Artikolu 3(2)(b) jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ apparati tal-aċċess kondizzjonali. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet huma speċifikati: huma biss dawk ir-restrizzjonijiet li jsiru għal raġunijiet inklużi fil-kamp ikkoordinat mid-direttiva li huma pprojbiti. Skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(f), dan il-kamp ikopri kwalunkwe dispożizzjoni li għandha x’taqsam mal-ksur tal-attivitajiet illeċiti speċifikati fl-Artikolu 4, jiġifieri, id-diversi projbizzjonijiet marbuta mal-użu ta’ apparati illeċiti. Restrizzjonijiet għal raġunijiet oħra għalhekk ma humiex esklużi permezz tal-Artikolu 3(2).

60.      Il-ksur ta’ ftehim kuntrattwali dwar l-aċċessibbiltà ta’ programmi f’ċerti Stati Membri, il-provvista ta’ ismijiet u/jew indirizzi foloz meta jiġu akkwistati apparati ta’ aċċess jew meta jintużaw, għal finijiet kummerċjali, kards ta’ dekodifikazzjoni intiżi għal użu privat jew domestiku ma humiex miżuri kontra l-apparati illeċiti. Għalhekk dawn ma humiex inklużi fil-kamp ikkoordinat mid-Direttiva 98/84.

61.      Għalhekk, għat-tielet domanda fil-Kawża C‑429/08 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/84 ma jipprekludix Stat Membru milli jinvoka dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li timpedixxi l-użu ta’ apparat ta’ aċċess kondizzjonali f’każ ta’ ksur tal-ftehim kuntrattwali li jikkonċerna l-aċċessibbiltà ta’ programmi f’ċerti Stati Membri, wara l-provvista ta’ ismijiet u/jew indirizzi foloz fl-akkwist tal-apparat ta’ aċċess jew l-użu, għal finijiet kummerċjali, ta’ apparat ta’ aċċess iddisinjat għall-użu privat jew domestiku.

62.      Għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑429/08, li tikkonċerna l-validità tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/84, ma hemmx għalfejn tingħata risposta peress li skont ir-raġunijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari din id-domanda hija bbażata fuq il-preżunzjoni li dik id-dispożizzjoni tipprekludi kwalunkwe restrizzjoni għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq. Bl-istess mod, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda, għat-tielet domanda, għad-domanda 8(a) fil-Kawża C‑403/08 jew għall-ħames domanda fil-Kawża C‑429/08.

B –    Id-Direttiva 2001/29

1.      Id-dritt ta’ riproduzzjoni

63.      Fir-raba’ u l-ħames domandi tagħha fil-Kawża C‑403/08, il-High Court tistaqsi jekk il-komunikazzjoni diġitali tax-xandir taffettwax inevitabbilment id-dritt tal-awtur għar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tiegħu. Fil-fatt, għal raġunijiet tekniċi, il-komunikazzjoni ta’ programmi diġitali teħtieġ li frammenti qosra tax-xandira jinħażnu fil-bafer tal-memorja tad-dekodifikatur. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, f’konformità mal-istandard applikabbli, erba’ fotogrammi ta’ stream tal-vidjo u parti korrispondenti tar-reġistrazzjoni tal-ħoss jinħażnu fi kwalunkwe ħin fil-bafer tal-memorja tar-riċevitur.

64.      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, diversi persuni, inkluż l-awturi, f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet tagħhom, u l-organizzazzjonijiet tax-xandir, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, għandu jkollhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti.

a)      Id-domanda 4(a) fil-Kawża C‑403/08 – il-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni Ewropea

65.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-klassifikazzjoni ta’ ħżin temporanju bħala riproduzzjoni hijiex kwistjoni tal-liġi nazzjonali jew finalment tirriżultax mid-Direttiva 2001/29. Hija għandha dubju jekk hawnhekk tirriżultax riproduzzjoni fis-sens tal-liġi nazzjonali.

66.      Il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “riproduzzjoni [parzjali]” għandha tingħata interpretazzjoni uniformi fid-dritt tal-Unjoni Ewropea (16).

67.      Konsegwentement, id-domanda dwar jekk ix-xogħlijiet ġewx riprodotti kollha jew parzjalment għandha tingħata risposta permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.

b)      L-applikazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni għal trażmissjonijiet diretti

68.      Qabel ma tkun tista’ tingħata risposta għad-domandi dwar ir-riproduzzjoni, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk id-dritt ta’ riproduzzjoni huwiex qabelxejn applikabbli għat-trażmissjonijiet diretti.

69.      L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi dritt ta’ riproduzzjoni, għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom. Skont l-Artikolu 2(d), l-istess dritt għall-produtturi tal-films japplika f’dak li jirrigwarda l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom.

70.      QC Leisure et jiddubitaw jekk trażmissjoni diretta tinvolvix riproduzzjoni ta’ ffissar, oriġinal jew kopja. Din il-perspettiva preżubbilment hija bbażata fuq il-fatt li l-proċess tal-produzzjoni deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jipprovdi għal ebda ffissar permanenti tax-xandir li abbażi tieħu l-film jiġi trażmess.

71.      Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, targumenta b’mod konvinċenti li, fil-prattika, anki trażmissjoni diretta hija bbażata fuq iffissar inizjali jew reġistrazzjoni oriġinali li fuq il-bażi tagħhom jintbagħtu l-istampi. Dak l-iffissar jinħoloq mill-inqas fil-bafers tal-memorja, fejn angoli differenti tal-kamera jitħalltu sabiex tiġi prodotta x-xandira li tkun qiegħda tintbagħat.

72.      L-opinjoni tal-QC Leisure et tfisser li t-trażmissjonijiet diretti jitqiegħdu fi żvantaġġ irraġonevoli meta mqabbla mat-trażmissjonijiet ta’ ffissar. Tali restrizzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni tista’ wkoll tiġi evitata faċilment, peress li x-xandara jistgħu, mingħajr diffikultà kbira, jintegraw l-ewwel iffissar permanenti tas-sinjal fil-proċess tal-produzzjoni.

73.      Id-dritt ta’ riproduzzjoni għalhekk japplika wkoll għal trażmissjoni diretta.

c)      Id-domanda 4(b) fil-Kawża C‑403/08, riproduzzjoni fil-bafer tal-memorja tar-riċevitur

74.      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, il-High Court tistaqsi jekk għandhiex tqis kull wieħed mill-frammenti tax-xandira jew inkella x-xandira fit-totalità tagħha.

75.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi għad-dritt esklużiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti.

76.      Argument favur l-ipoteżi li skontha għandhom jitqiesu l-frammenti kollha maħżuna għal perijodu qasir huwa l-fatt li l-frammenti kollha jiġu riprodotti biss sabiex jippermettu l-qari kontinwu tax-xandira kollha. Madankollu, skont l-istandard, hemm biss erba’ fotogrammi fil-bafer tal-memorja f’ħin partikolari flimkien ma’ soundtrack qasira ħafna li tikkorrispondi għal dawk il-fotogrammi. Għalhekk ma jistax jiġi preżunt li jkun hemm riproduzzjoni kompluta tax-xandira. Madankollu, anki tali frammenti, li għandhom kamp ta’ applikazzjoni estremament żgħir, jikkostitwixxu r-riproduzzjoni parzjali ta’ xandira.

77.      QC Leisure et huma tal-opinjoni li dawk il-fotogrammi u frammenti tas-soundtrack ma jistgħux jitqiesu bħala riproduzzjoni tax-xandira. Fil-fatt, sabiex ikun hemm riproduzzjoni parzjali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jeħtieġ li tiġi riprodotta parti sostanzjali tax-xogħol. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-kunċett domestiku ta’ riproduzzjoni u l-interpretazzjoni tiegħu.

78.      Sadanittant, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kunċett ta’ riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 fir-rigward ta’ artikolu fil-gazzetta. Hija ddeċidiet li d-drittijiet tal-awtur ikopru l-partijiet kollha tax-xogħol li jirrappreżentaw il-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess (17). Madankollu, hija eskludiet minn din il-protezzjoni kliem meħuda waħedhom, inkwantu l-kreazzjoni intellettwali tirriżulta biss mill-għażla, is-sekwenza u l-għaqda ta’ dawn il-kliem (18). Din il-ġurisprudenza hija applikabbli għall-każ ineżami.

79.      Għall-kuntrarju tal-kliem, fil-każ ineżami, l-istampi u l-frammenti tas-soundtrack maħżuna għal żmien qasir huma ta’ natura individwali. Kull stampa toriġina minn għażla speċifika magħmula mill-operatur tal-kamera jew mid-direttur u tista’ tiġi attribwita mingħajr ambigwità lit-trażmissjoni inkwistjoni. Għalkemm jidher li ma hemm ebda interess partikolari fil-maġġor parti ta’ dawn il-fotogrammi individwali, madankollu dawn ilkoll jiffurmaw parti mill-kreazzjoni intellettwali rrappreżentata mix-xandira trażmessa.

80.      F’dan il-proċess, min-naħa l-oħra, l-elementi iżolati tad-data tal-kulur tal-pixels individwali jistgħu jiġu mqabbla mal-kliem individwali. Dik id-data miġbura flimkien tifforma l-fotogrammi individwali li jirrappreżentaw il-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess.

81.      Atti ta’ riproduzzjoni għalhekk iseħħu meta l-fotogrammi tal-vidjo u l-awdjo diġitali jinħolqu fil-memorja ta’ dekodifikatur, peress li dawn il-fotogrammi huma parti mill-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tax-xandira.

d)      Id-domanda 4(c) fil-Kawża C‑403/08, riproduzzjoni permezz tal-wiri fuq skrin

82.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-wiri ta’ xandira fuq skrin jikkostitwixxix riproduzzjoni.

83.      Għalkemm din id-domanda għall-ewwel tista’ tidher sorprendenti, QC Leisure, il-FAPL u l-Kummissjoni ġustament jaqblu li tali wiri fil-fatt jammonta għal riproduzzjoni.

84.      Bħala prinċipju, dan jirriżulta mill-istess raġunijiet tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ riproduzzjoni fil-każ tal-ħżin temporanju ta’ stampi u frammenti tas-soundtrack. F’mument partikolari, stampa mix-xandira tintwera fuq l-iskrin għal żmien li jerġa’jkun iktar qasir, filwaqt li tindaqq ukoll il-parti korrispondenti tas-soundtrack.

85.      Għalhekk, il-wiri ta’ xandira fuq skrin jikkostitwixxi wkoll riproduzzjoni.

2.      Il-ħames domanda fil-Kawża C‑403/08, restrizzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni

86.      Il-ħames domanda fil-Kawża C‑403/08 hija intiża li tiċċara l-kwistjoni dwar jekk il-kopji identifikati fir-risposta għar-raba’ domanda humiex esklużi mid-dritt ta’ riproduzzjoni tal-awtur skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.

87.      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 jeskludi mid-dritt ta’ riproduzzjoni ċerti proċeduri ta’ natura teknoloġika. Din l-eċċezzjoni għandha tissodisfa tliet kundizzjonijiet kumulattivi, fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minnhom biss għandu l-konsegwenza li l-att tar-riproduzzjoni ma jkunx eżentat mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva (19).

88.      L-ewwel nett, dawn għandhom ikunu atti temporanji ta’ riproduzzjoni temporanja jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku. Att jista’ biss jiġi kklassifikat bħala “tranżitorju” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 jekk it-tul tiegħu huwa limitat għal dak li huwa neċessarju għat-tħaddim tajjeb tal-proċess teknoloġiku kkonċernat, peress li dan il proċess għandu jkun awtomatizzat b’mod li jħassar dan l-att b’mod awtomatiku, mingħajr intervent mill-bniedem, minn meta tintlaħaq il-funzjoni tiegħu intiża għat-twettiq ta’ tali proċess (20). Din hija s-sitwazzjoni fil-każ ineżami. Il-kopji fil-memorja u fuq l-iskrin huma tranżitorji u temporanji. Dawn huma wkoll parti integrali u essenzjali mill-proċess teknoloġiku li jippermetti l-komunikazzjoni ta’ xandira.

89.      Fit-tieni lok, l-uniku skop tal-att għandu jkun li jagħmel possibbli trażmissjoni f’netwerk bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali. Kif il-qorti tar-rinviju tispjega, f’dan ir-rigward, il-legalità jew l-illegalità tal-att ma tistax tkun ibbażata fuq il-kundizzjoni dwar jekk id-detentur tad-drittijiet ikunx ta l-kunsens tiegħu għall-kopji inkwistjoni bħala tali. Fil-fatt, riproduzzjoni bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet ma teħtieġ ebda eċċezzjoni. Dan il-punt għalhekk jiddependi b’mod kruċjali fuq ir-risposta għad-domandi l-oħra, b’mod partikolari dik dwar jekk il-libertajiet fundamentali u/jew id-Direttiva 93/83 jistabbilixxux dritt ta’ riċezzjoni tax-xandira (ara t-taqsimiet Ċ u D iktar ’il quddiem) u dik dwar jekk id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku huwiex rilevanti (ara iktar ’il quddiem, il-punt 3).

90.      Fit-tielet lok, l-atti ta’ riproduzzjoni ma għandu jkollhom ebda sinjifikat ekonomiku indipendenti. Il-ħames domanda fil-Kawża C‑403/08 tittratta l-kwistjoni dwar jekk il-kopji identifikati fir-raba’ domanda għandhomx tali sinjifikat.

91.      L-eċċezzjoni skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata b’mod strett għaliex tidderoga mill-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2 (21). Dan jgħodd b’mod iktar partikolari peress li din l-eżenzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jipprovdi li l-eżenzjonijiet kollha tal-Artikolu 5 japplikaw biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jikkawżawx ħsara lill-isfruttament normali tax-xogħol jew ta’ oġġett ieħor u lanqas ma jikkawżaw dannu inġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet (22).

92.      Il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhom l-għan li jippermettu atti ta’ riproduzzjoni meħtieġa għall-isfruttar attwali. Dan huwa muri mill-Kummissjoni fl-espożizzjoni tar-raġunijiet li jsostnu l-proposta għal direttiva permezz tal-eżempju tat-trażmissjoni ta’ vidjo fuq talba minn database fil-Ġermanja lejn kompjuter ġo dar fil-Portugall, liema trażmissjoni teħtieġ mill-inqas 100 att ta’ ħżin (23).

93.      Bħala prinċipju, tali atti ta’ riproduzzjoni ma għandhom ebda valur indipendenti li jmur lil hinn mis-sinjifikat ekonomiku ta’ sfruttar. Dawn possibbilment jista’ jkollhom sinjifikat ekonomiku ekwivalenti għall-isfruttar peress li, jekk, pereżempju, att ta’ riproduzzjoni għal skop ta’ trażmissjoni ma jseħħx, dan jirrendi impossibbli wkoll l-isfruttar fi tmiem il-katina tat-trażmissjoni. Madankollu, tali sinjifikat ekonomiku huwa totalment dipendenti fuq l-isfruttar propost, tant li ma huwiex indipendenti.

94.      Konsegwentement, il-kopji li jinħolqu f’memorja ta’ dekodifikatur ma għandhom ebda sinjifikat ekonomiku indipendenti.

95.      Min-naħa l-oħra, il-kopja li tiġi prodotta fuq l-iskrin għandha sinjifikat ekonomiku indipendenti. Fil-fatt, hija tikkostitwixxi s-suġġett tal-isfruttar ta’ xandira. Ċertament, mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, l-isfruttar tad-drittijiet għal xandira huwa marbut mad-dritt tax-xandir, peress li l-awturi jingħataw dritt li joġġezzjonaw għax-xandira. Madankollu, is-sinjifikat ekonomiku ta’ xandira, bħala regola, huwa bbażat fuq ir-riċezzjoni tagħha. Dan huwa ovvju fil-każ tax-xandiriet lill-abbonati fil-kawżi inkwistjoni, iżda jgħodd ukoll għax-xandiriet iffinanzjati permezz tar-riklamar. Anki xandara pubbliċi ffinanzjati minn tariffi jew mill-baġit nazzjonali għandhom ukoll, fil-prattika, jiġġustifikaw il-finanzjament tagħhom tal-inqas permezz ta’ ċifri raġonevoli ta’ udjenza.

96.      Konsegwentement, kopji temporanji ta’ xogħol maħluqa fuq skrin tat-televiżjoni kkollegat ma’ dekodifikatur għandhom sinjifikat ekonomiku indipendenti.

97.      Taħt il-punt (b), il-qorti tar-rinviju tippreċiża l-ħames domanda billi tistaqsi jekk huwiex rilevanti (i) li l-kopji temporanji jkollhom xi valur intrinsiku; jew (ii) li dawn jinkludu parti żgħira minn kollezzjoni ta’ xogħlijiet u/jew materji oħra li jistgħu jintużaw mingħajr ksur tad-drittijiet tal-awtur; jew (iii) li l-liċenzjat esklużiv tad-detentur tad-drittijiet fi Stat Membru ieħor ikun diġà rċieva remunerazzjoni għall-użu tax-xogħol f’dak l-Istat Membru.

98.      Id-domanda sekondarja (i) diġà ngħatat risposta: il-kopji temporanji fil-bafer tal-memorja ma għandhom ebda valur intrinsiku, filwaqt li l-kopji temporanji fuq skrin tat-televiżjoni għandhom.

99.      Id-domanda sekondarja (ii) tirreferi għall-possibbiltà li ċerti partijiet biss mix-xandira jkunu protetti. Dak l-argument jista’ jkun validu fir-rigward tal-komunikazzjoni lill-pubbliku (24), iżda huwa dubjuż fil-każ tad-dritt ta’ riproduzzjoni li qiegħed jiġi eżaminat hawnhekk (25). Jekk il-qorti tar-rinviju madankollu tikkonkludi li huma biss partijiet mix-xandira li huma protetti, dan ma għandu jkollu ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(i) tad-Direttiva 2001/29. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni fil-każ tal-inklużjoni inċidentali ta’ xogħol jew suġġett f’materjal ieħor.

100. Fl-aħħar nett, id-domanda sekondarja (iii) tenfasizza l-punt kruċjali fiż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri r-remunerazzjoni għall-użu tax-xogħol fi Stat Membru ieħor. Peress li s-sinjifikat ekonomiku indipendenti tar-riproduzzjoni ta’ xandira fuq l-iskrin jikkoinċidi mal-interess ta’ riċezzjoni ta’ dik ix-xandira, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk ir-remunerazzjoni mħallsa għar-riċezzjoni ta’ dik ix-xandira fi Stat Membru tistabbilixxix id-dritt għar-riċezzjoni tax-xandira fi Stat Membru ieħor. Dan huwa s-suġġett tad-domandi sussegwenti dwar id-Direttiva 93/83 (ara iktar ’il quddiem taħt it-Taqsima C) u dwar il-libertajiet fundamentali (ara iktar ’il quddiem taħt it-Taqsima D). Madankollu, dan ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.

101. Fil-qosor, f’dak li jirrigwarda l-ħames domanda fil-Kawża C‑403/08, għandu jiġi ddikjarat li l-kopji temporanji ta’ xogħol maħluq fuq skrin tat-televiżjoni kkollegat ma’ dekodifikatur għandhom sinjifikat ekonomiku indipendenti fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29; filwaqt li l-kopji temporanji maħluqa fil-memorja ta’ dekodifikatur ma għandhomx.

3.      Komunikazzjoni ulterjuri lill-pubbliku

102. Is-sitt domanda fil-Kawża C‑403/08 għandha l-għan li jiġi ċċarat jekk il-wiri ta’ trażmissjonijiet diretti ta’ logħbiet tal-futbol fil-pubs jiksirx id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti skont it-termini tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

a)      L-ammissibbiltà tad-domanda

103. Jistgħu jitqajmu dubji dwar jekk din id-domanda hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża u għalhekk hijiex ammissibbli. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 72 tal-Copyright, Designs and Patents Act jippermetti, bħala prinċipju, li programmi tat-televiżjoni jintwerew fil-pubbliku jekk il-persuna li turi l-programm ma tirċievi ebda remunerazzjoni sabiex tagħmel dan. Anki jekk dan il-wiri huwa inkompatibbli mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, direttiva ma tistax, fiha nfisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu (26).

104. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal‑Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, huwa l-kompitu esklużiv tal-qorti nazzjonali li tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jekk tkunx meħtieġa deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll dwar ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja (27), u huwa preżunt li d-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu rilevanti (28). Madankollu, din il-preżunzjoni tista’ tiġi eskluża f’ċerti każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kkunsidrati f’dawn id-domandi tkun ta’ natura ipotetika (29). Meta dan ikun il-każ, id-domanda tkun inammissibbli.

105. Fil-każ ineżami, jidher li hemm dritt mifrux ħafna fil-liġi nazzjonali li jintwerew programmi televiżivi fil-pubbliku mingħajr ħlas, għalkemm dan ma jkoprix l-elementi kollha tal-programmi. B’mod partikolari, ix-xogħlijiet mużikali huma esklużi. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 tippermetti li dan id-dritt jiġi ristrett iktar.

106. Id-domanda għalhekk ma hijiex manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża u, għal dik ir-raġuni, hija ammissibbli.

b)      Id-domanda

107. Konsegwentement, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, meta trażmissjoni diretta ta’ logħba tal-futbol tintwera f’pub. L-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-grupp ta’ xogħlijiet protetti għandu jiġi ddefinit u mbagħad għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1).

i)      Ix-xogħlijiet protetti

108. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jistipula l-introduzzjoni ta’ drittijiet esklużivi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu ċerti azzjonijiet fir-rigward ta’ xogħlijiet. L-Artikolu 3(1) jikkonċerna d-drittijiet tal-awturi, filwaqt li l-Artikolu 3(2) jirrigwarda d-drittijiet ta’ ċerti persuni oħra, b’mod partikolari l-produtturi tal-films [Artikolu 3(2)(ċ)] u l-organizzazzjonijiet tax-xandir [Artikolu 3(2)(d) ].

109. Iż-żewġ paragrafi ma fihomx l-istess drittijiet. L-Artikolu 3(1) jagħti d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li l-membri tal-pubbliku jista’ jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. Id-dritt fl-Artikolu 3(2) japplika biss fir-rigward ta’ din l-aħħar forma ta’ aċċess imsemmija, jiġifieri, meta għax-xogħlijiet koperti jsir aċċess minn membri tal-pubbliku minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

110. Skont l-espożizzjoni tar-raġunijiet għall-proposta tad-Direttiva 2001/29, “kulħadd jista’ jkollu aċċess mill-post u fil-ħin magħżul individwalment minnu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huwa maħsub sabiex ikopri trażmissjoni fuq talba, li ma hijiex rilevanti hawnhekk (30). Għall-kuntrarju ta’ dan, trażmissjonijiet mhux interattivi, jiġifieri r-riċezzjoni konvenzjonali tal-programmi televiżivi, ma humiex is-suġġett tal-Artikolu 3(2). Id-dispożizzjonijiet eżistenti, jiġifieri l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/83, kienu maħsuba li jkomplu japplikaw għal tali trażmissjonijiet (31).

111. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 jagħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul. Madankollu, ma ġiet imposta ebda miżata għad-dħul fil-kawżi prinċipali.

112. Ma jidher li hemm ebda leġiżlazzjoni speċifika relatata mal-komunikazzjoni mhux interattiva tal-films. Għalhekk, kieku t-trażmissjonijiet tal-futbol kellhom jiġu kkunsidrati bħala films, tkun biss dispożizzjoni nazzjonali li tirregola d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li tista’ tkun applikabbli.

113. Għalhekk, kif inhu attwalment id-dritt tal-Unjoni Ewropea, ma hemm ebda drittijiet komprensivi li jipproteġu l-komunikazzjoni ta’ xandira lill-pubbliku fin-nuqqas ta’ miżata għad-dħul. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti biss drittijiet relatati max-xogħlijiet tad-drittijiet tal-awtur li huma inklużi fix-xandira. F’dawn il-kawżi, pereżempju, wieħed jista’ jsemmi l-innu tal-Premier League, li jiġi trażmess flimkien max-xandira, iżda wkoll diversi xogħlijiet oħra msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

114. Skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2001/29, iżda anki skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/115, il-protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet titħalla integra jew ma tiġix affettwata mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur taħt kull waħda mid-direttivi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tanalizza jekk dawk ix-xogħlijiet jistgħux possibbilment jaqgħu taħt dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 5(3)(i) tad-Direttiva 2001/29. Skont l-Artikolu 5(3)(i), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fil-każ ta’ inklużjoni inċidentali ta’ xogħol jew suġġett f’materjal ieħor.

115. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huwa għalhekk rilevanti biss sa fejn ix-xogħlijiet jiġu kkomunikati mal-logħbiet tal-futbol murija fil-pubs, u f’dan ir-rigward il-liġi tar-Renju Unit ma tipprovdi għal ebda eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jimplementaw l-Artikolu 3(1).

ii)    L-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29

116. F’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet li għalhekk jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk il-wiri f’pub jirrappreżentax “komunikazzjoni lill-pubbliku […] b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili”.

117. Ix-xandir bis-satellita fih innifsu huwa, bħala prinċipju, komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti. Madankollu, għandu jiġi preżunt li d-detenturi tad-drittijiet rilevanti jkunu taw il-kunsens tagħhom. Pjuttost, huwa dubjuż jekk il-wiri ta’ trażmissjoni f’pub, minflok ma tintwera għal skopijiet domestiċi jew privati, jikkostitwixxix trażmissjoni mill-ġdid lill-pubbliku li teħtieġ kunsens ulterjuri tad-detentur tad-drittijiet, li huwa nieqes f’dawn il-kawżi.

118. F’każijiet li jidhru li huma simili, jiġifieri dawk li jikkonċernaw t-trażmissjonijiet ta’ programmi televiżivi f’lukanda, il-Qorti tal‑Ġustizzja qieset li dawn jikkostitwixxu komunikazzjoni ulterjuri lill-pubbliku (32). Bħala prinċipju, huwa konċepibbli li dawk li jmorru f’pub għandhom jiġu kkunsidrati, bl-istess mod bħall-klijenti ta’ lukanda, bħala numru indeterminat ta’ telespettaturi potenzjali li jirrappreżentaw pubbliku ġdid vis-à-vis riċevituri privati (33). Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat ukoll li n-natura tal-komunikazzjoni fil-każ tal-lukandi kienet waħda bl-iskop ta’ qligħ (34). Ċertament, anki s-sidien tal-pubs ikollhom tali skopijiet ta’ qligħ meta juru trażmissjonijiet tal-logħbiet tal-futbol, u l-awturi għandhom interess sottostanti li jaqsmu l-qligħ li jirriżulta mill-isfruttar kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom.

119. Il-prattika tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kards ta’ dekodifikazzjoni ssegwi din il-loġika, peress li l-organizzazzjonijiet tax-xandir jimponu fuq il-pubs miżata ogħla sabiex jużaw il-kards ta’ dekodifikazzjoni, filwaqt li jobbligaw lill-klijenti privati sabiex jużaw il-kards tagħhom għal skopijiet domestiċi jew privati biss.

120. Madankollu, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk għandux fil-fatt jiġi preżunt li teżisti komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Dan huwa ssuġġerit minn interpretazzjoni fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali. Madankollu, il-premessa 23 tal-preambolu turi, fl-isfond tax-xogħol preparatorju tal-Artikolu 3(1), li l-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea ma kellhiex l-intenzjoni li toħloq xi drittijiet għall-awturi f’dak li jirrigwarda l-wiri ta’ xandiriet televiżivi lill-pubbliku mingħajr ħlas.

Il-Konvenzjoni ta’ Berna

121. Indikazzjonijiet dwar it-tifsira ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jistgħu jitnisslu bħala prinċipju mill-Artikolu 11bis(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. L-Artikolu 11 bis(1)(i) sa (iii) jagħti lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw tliet forom differenti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom:

(i)       ix-xandir tax-xogħlijiet tagħhom jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet b’kull mezz ieħor għax-xandir mingħajr fili tas-sinjali, tal-ħsejjes jew tal-immaġni;

(ii)  kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni hija magħmula minn korp li mhuwiex l-oriġinali;

(iii)  il-komunikazzjoni lill-pubbliku, permezz ta’ lawdspiker jew permezz ta’ kull strument ieħor simili li jittrażmetti sinjali, ħsejjes jew immaġni, tax-xogħol imxandar.

122. Skont il-Gwida (35) għall-Konvenzjoni ta’ Berna, dokument interpretattiv imfassal mill-WIPO li, għalkemm ma huwiex legalment vinkolanti, jikkontribwixxi madankollu fl-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, l-Artikolu 11bis(1)(iii) huwa applikabbli: il-komunikazzjoni lill-pubbliku, permezz ta’ lawdspiker jew permezz ta’ kull strument ieħor simili li jittrażmetti sinjali, ħsejjes jew immaġni, tax-xogħol imxandar. Din id-dispożizzjoni hija speċifikament maħsuba sabiex tkopri l-preżentazzjoni ta’ programmi tar-radju u televiżivi f’postijiet fejn jinġabru n-nies: kafetteriji, ristoranti, lukandi, ħwienet kbar, ferroviji jew ajruplani (36).

123. Il-fatt li x-xandira, inkluż ix-xogħlijiet protetti, tintwera fuq l-iskrin lill-udjenza preżenti jikkostitwixxi, minn din il-perspettiva, komunikazzjoni lill-pubbliku.

124. Għalkemm l-Unjoni Ewropea ma hijiex firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Berna, skont l-Artikolu 9(1) tal-Ftehim TRIPs u l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, hija ntrabtet, flimkien mal-Istati Membri, li tikkonforma mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Għalhekk, l-implementazzjoni tal-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fid-dritt tal-Unjoni Ewropea tkun konsistenti mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea skont id-dritt internazzjonali.

125. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim TRIPs jipprovdi espressament li l-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jingħataw id-dritt li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet televiżi meta dawn isiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom. L-Istati li ma jagħtux tali drittijiet lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom mill-inqas jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, f’dak li jirrigwarda s-suġġett tax-xandiriet, il-possibbiltà li jimpedixxu l-komunikazzjoni, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

126. Skont dan, għandu jiġi preżunt li teżisti komunikazzjoni lill-pubbliku f’dawn il-kawżi.

L-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea

127. Għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva 2001/29 kellha wkoll l-għan li timplementa l-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament ma segwewx lill-Kummissjoni rigward dan il-punt. Dawn ma xtaqu joħolqu ebda drittijiet għall-awturi fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku mingħajr ħlas bħala parti minn xandira televiżiva.

128. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex intiż espressament li jimplementa l-Artikolu 11bis tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Madnakollu, mill-espożizzjoni tar-raġunijiet għall-proposta tal-Kummissjoni għad-direttiva, jidher li l-intenzjoni kienet l-implementazzjoni tal-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li l-kliem tiegħu huma kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 3 tad-direttiva (37). Din id-dispożizzjoni ma ssemmix espressament il-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ preżentazzjoni pubblika. Madankollu, peress li t-Trattat jirrikjedi espressament konformità mal-Artikolu 11bis tal-Konvenzjoni ta’ Berna, ikun raġonevoli li l-kliem “komunikazzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 8 tat-Trattat tal‑WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, u għalhekk fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, jiġu interpretati bl-istess mod bħall-Artikolu 11bis tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

129. Konsegwentement, mill-espożizzjoni tar-raġunijiet tal-Kummissjoni għall-proposta għad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva huwa intiż li jkopri l-forom kollha ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (38). Skont dan, it-tliet forom ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-Artikolu 11bis tal-Konvenzjoni ta’ Berna huma inklużi.

130. Minkejja dan, il-Kummissjoni u QC Leisure jargumentaw li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 ma jimplementax l-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. F’dan ir-rigward huma jibbażaw ruħhom ġustament fuq id-diskussjonijiet dwar id-direttiva wara l-proposta tal-Kummissjoni, li rriżultaw fil-premessa 23.

131. Fl-ewwel qari, il-Parlament ippropona li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma għandux ikopri “rappreżentazzjonijiet jew wirjiet diretti” (39). Il-Kummissjoni emendat il-proposta tagħha skont dan (40). Għalkemm il-Kunsill ma adottax il-proposta emendata tal-Kummissjoni, xi Stati Membri madankollu adottaw ir-restrizzjonijiet inklużi fit-tieni u r-raba’ sentenzi tal-premessa 23 (41), invokati wkoll mill-qorti tar-rinviju.

132. Skont it-tieni sentenza tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, id-dritt tal-awtur applikabbli għall-komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jinkludi kull komunikazzjoni lill-pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. It-tielet sentenza tindika li dan id-dritt għandu jkopri kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, ta’ din in-natura, ta’ xogħol lill-pubbliku, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Ir-raba’ u l-aħħar sentenza tagħmilha ċara li dan id-dritt ma jkopri l-ebda att ieħor.

133. Minn dawn it-tliet sentenzi jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huwa intiż li jimplementa biss l-Artikolu 11bis(1)(i) u (ii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, jiġifieri, ir-regoli dwar ix-xandir u dwar il-komunikazzjoni minn organizzazzjoni li ma tkunx ix-xandar oriġinali. F’dan il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni postijiet differenti u trażmissjoni b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili.

134. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ lawdspiker jew permezz ta’ kull strument ieħor simili li jittrażmetti permezzz ta’ sinjali, ħsejjes jew immaġni, ix-xandir tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna tipikament isseħħ fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Ma ssir ebda trażmissjoni.

135. Dan l-effett restrittiv tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 ġie diskuss ukoll fil-Kunsill u l-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea għalhekk kellha konoxxenza tiegħu. Il-Presidenza tal-Kunsill saħqet li atti minbarra dawk li qiegħed isir riferiment għalihom f’dik il-premessa, b’mod partikolari t-tqegħid ta’ kompjuter bil-konnessjoni tal-internet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’kafetterija bl-internet jew librerija, ma humiex koperti (42). F’dan ir-rigward, id-delegazzjoni Taljana kkontestat ukoll l-adegwatezza tal-esklużjoni tal-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (43).

136. Ir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 hija kkonfermata mill-fatt li għadd ta’ regoli tal-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali jagħtu l-impressjoni li l-programmi televiżivi jistgħu bħala prinċipju jintwerew fil-pubs mingħajr kunsens ulterjuri tad-detenturi tad-drittijiet.

137. Fil-livell tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandu jsir riferiment, l-ewwel u qabel kollox, għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, li jipprovdi dritt ta’ oġġezzjoni għall-organizzazzjonijiet tax-xandir f’każijiet biss fejn tiġi imposta ħlas ta’ miżata għad-dħul. Din id-dispożizzjoni ma hijiex każ iżolat, iżda tikkorrispondi għall-Artikolu 13(d) tal-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Ruma għall-protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir tas-26 ta’ Ottubru 1961. Ċertament l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti għal din il-konvenzjoni li, skont l-Artikolu 24 tagħha, hija suġġetta għall-parteċipazzjoni mill-Istati. Madankollu, skont l-Artikolu 5(1)(c) tal-Protokoll 28 dwar il-proprjetà intellettwali tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (44), l-Istati Membri huma meħtieġa li jaderixxu għaliha (45).

138. Bl-istess mod, l-Artikolu 72 tal-Copyright, Designs and Patents Act jipprovdi, bħala prinċipju, li fir-Renju Unit xandira televiżiva tista’ tintwera jekk ma tkun imposta ebda miżata għad-dħul. Fil-Ġermanja hemm dispożizzjoni simili rigward id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir (46), għalkemm l-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna huwa implementat permezz tal-Paragrafu 22 tal-Urheberrechtsgesetz fir-rigward tal-awturi (47).

139. Konsegwentement, il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea sa issa ma kellhiex l-intenzjoni li timplementa l-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jew l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim TRIPs bħala parti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tiġi rrispettata b’mod partikolari peress li d-drittijiet tal-awturi li joriġinaw mill-Artikolu 11bis(1)(iii) ma humiex intenzjonati kontra l-awtoritajiet tal-Istat, iżda neċessarjament jirrestrinġu d-drittijiet ta’ oħrajn fir-relazzjonijiet tal-liġi privata.

140. B’rabta mad-domandi preliminari inkwistjoni, ma hemmx bżonn jiġi deċiż jekk l-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jew l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim TRIPs humiex applikabbli direttament; barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs ma humiex tali li joħolqu fir-rigward tal-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-Qorti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (48), u l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-applikabbiltà diretta tal-Konvenzjoni ta’ Berna bħala parti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (49).

141. Madankollu, il-każijiet tal-lukandi huma interpretati minn xi partijiet f’dawn il-kawżi fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja hija madankollu tal-opinjoni li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fil-fatt jimplementa l-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. B’mod partikolari, hija tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet inklużi fil-Gwida tal-WIPO dwar dik id-dispożizzjoni (50). Hija tistabbilixxi wkoll li d-Direttiva 2001/29 tapplika għall-komunikazzjonijiet kollha lill-pubbliku tax-xogħlijiet protetti (51).

142. Madankollu, il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 ma kinitx is-suġġett tal-każijiet tal-lukandi. Fuq kollox, dawk id-deċiżjonijiet kienu relatati ma’ sitwazzjoni differenti, jiġifieri l-komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, fi kliem ieħor, komunikazzjoni magħmula minn organizzazzjoni tax-xandir li ma hijiex dik oriġinali (52). Tali komunikazzjoni hija naturalment intenzjonata għal pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post li fih toriġina l-komunikazzjoni. Konsegwentement, f’dawk il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx jekk l-Artikolu 11bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna huwiex implementat permezz tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

143. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, flimkien mal-premessa 23 ta’ din id-direttiva, għandu għalhekk jiġi interpretat bħala li jkopri biss il-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lil pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni.

L-applikazzjoni għall-komunikazzjoni tax-xandiriet fil-pubs

144. Meta sid ta’ pub juri programm televiżiv lill-klijenti tiegħu fil-pub, bħala prinċipju għandu jiġi preżunt, fir-rigward tal-azzjoni tiegħu, li l-pubbliku rilevanti huwa preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Il-komunikazzjoni toriġina fuq l-iskrin.

145. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fid-domanda 6(b)(iii) jekk huwiex rilevanti li s-sinjal tax-xandir fuq it-televiżjoni huwa rċevut permezz ta’ erjal jew dixx tas-satellita fuq il-bejt ta’ jew ma’ ġenb il-bini fejn jinsab it-televiżjoni. Madankollu, dan ma jistax ikun rilevanti. Fil-prattika, kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni teħtieġ tali trażmissjonijiet tas-sinjali bejn erjals, dekodifikaturi u skrins u fi ħdan dawk l-apparati. Ikun arbitrarju li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-cables (53). Tali rekwiżiti tekniċi għal kwalunkwe komunikazzjoni għandhom għalhekk xorta jiġu attribwiti lix-xandira oriġinali.

146. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti kieku s-sinjal ma ġiex ikkomunikat biss fuq riċevitur, iżda – bħal fil-każijiet tal-lukandi – dan ġie ddistribwit lil diversi riċevituri oħra. L-apparat ta’ distribuzzjoni mbagħad ikun jista’ jitqies bħala l-oriġini tal-komunikazzjoni u r-riċezzjoni sseħħ f’post differenti. Dan ikun ekwivalenti għal ritrażmissjoni b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, bħal fil-każijiet tal-lukandi, li l-leġiżlatura speċifikament ma kellhiex l-intenzjoni li teskludi mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

147. Konsegwentement, għas-sitt domanda fil-Kawża C‑403/08 għandha tingħata r-risposta li xogħol protett mid-dritt tal-awtur ma huwiex ikkomunikat lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, fejn jiġi rċevut jew muri bħala parti minn xandira bis-satellita f’bini kummerċjali (pereżempju, bar) jew muri f’dak il-bini, mingħajr ħlas, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni wieħed lill-pubbliku preżenti f’dak il-bini.

C –    Id-Direttiva 93/83

148. L-ewwel parti tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑403/08 tistaqsi jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva 93/83 li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur tipprovdi li meta kopji temporanji ta’ xogħlijiet inklużi f’xandir bis-satellita jinħolqu ġewwa dekodifikatur bis-satellita jew fuq skrin tat-televiżjoni, ikun hemm ksur tad-dritt tal-awtur skont il-liġi tal-pajjiż fejn tkun irċevuta x-xandira. Il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll jekk il-pożizzjoni tiġix affettwata jekk ix-xandira tiġi ddekodifikata permezz ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita li tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi servizz ta’ xandir bis-satellita fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta’ dik il-kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru.

149. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt esklużiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet tal-awtur.

150. Skont l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83, l-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita jseħħ biss fl-Istati Membri fejn, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

151. F’dan il-każ, l-Istat involut huwa l-Greċja. Is-sinjali huma trażmessi lis-satelliti minn hemmhekk u jirritornaw hemmhekk. B’kuntrast ma’ dan, id-Direttiva 93/83 ma hijiex rilevanti f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni Għarab.

152. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhru li jinkludu ebda regoli rigward ir-riċezzjoni transnazzjonali ta’ xandir bis-satellita, b’mod partikolari r-riċezzjoni ta’ sinjali Griegi minn pubs fir-Renju Unit. Madankollu, skont il-premessa 14 tad-Direttiva 93/83, dik id-dispożizzjoni hija intenzjonata sabiex tkun evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi liġijiet nazzjonali għal att wieħed ta’ xandir.

153. Kif inhu spjegat fil-premessa 7 tad-Direttiva 93/83, qabel l-adozzjoni tad-direttiva, kien hemm inċertezza legali dwar jekk xandira bis-satellita li s-sinjali tagħha jistgħu jkunu rċevuti direttament taffettwax biss id-drittijiet fil-pajjiż ta’ trażmissjoni jew b’mod kumulattiv id-drittijiet fil-pajjiżi kollha ta’ riċezzjoni. Kumulu bħal dan ma jwassalx biss għall-applikazzjoni simultanja ta’ ordinamenti ġuridiċi differenti. Id-drittijiet tax-xandir jistgħu jgawduhom ukoll detenturi differenti fi Stati Membri differenti. Għalhekk, kumulu jista’ jagħmel ix-xandir bis-satellita eċċessivament diffiċli jew saħansitra impossibbli.

154. Għalhekk, skont il-premessa 15 tagħha, id-Direttiva 93/83 hija intiża li tiggarantixxi li d-drittijiet tax-xandir jingħataw skont il-liġi ta’ Stat Membru wieħed, jiġifieri, l-Istat li fih isseħħ ix-xandira skont l-Artikolu 1(2)(b). Skont dan il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (premessa 18), id-dritt ta’ xandir ta’ dak l-Istat jinkludi wkoll id-dritt ta’ trażmissjoni tax-xandira fi Stati Membri oħra.

155. Madankollu, il-FAPL hija essenzjalment korretta fl-opinjoni tagħha li d-Direttiva 93/83 ma tippermettix li jkun hemm ksur ta’ drittijiet oħra tax-xogħlijiet imxandra. Fil-fatt, skont l-Artikolu 5, il-protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur skont din id-direttiva għandha tħalli integra u ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (54).

156. B’mod partikolari, id-Direttiva 93/83 ma tikkontestax espliċitament id-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ xandira. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju u diversi partijiet fil-kawża prinċipali jemmnu li d-dritt tax-xandir ma jagħmel ebda implikazzjoni rigward id-dritt li jinħolqu kopji temporanji tax-xandira b’rabta mar-riċezzjoni u l-komunikazzjoni tax-xandira (55).

157. Minkejja dan, skont l-Artikolu 1(2)(a) tagħha, id-Direttiva 93/83 tapplika b’mod espliċitu biss għal sinjali maħsuba għal riċezzjoni mill-pubbliku. Il-kunsens għat-trażmissjoni tax-xandira għalhekk għandu jinkludi d-dritt għall-atti ta’ riproduzzjoni li huma meħtieġa għar-riċezzjoni tagħha.

158. Min-naħa l-oħra, il-FAPL tinvoka l-premessa 16 tad-Direttiva 93/83, skont liema premessa l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali li fuqu hi bbażata din id-Direttiva tagħmilha possibbli li jkompli jkun limitat l-isfruttament ta’ dawn id-drittijiet, b’mod speċjali sa fejn ċerti mezzi tekniċi ta’ trażmissjoni jew ċerti verżjonijiet tal-lingwa jkunu involuti.

159. Madankollu, dik il-premessa tikkonċerna restrizzjonijiet kuntrattwali, li min-natura tagħhom, ikollhom effett biss bejn il-partijiet kontraenti. Konsegwentement, hija tiċċita bħala eżempji biss dawk il-miżuri li l-partijiet kontraenti jistgħu jwettqu, jiġifieri mezzi tekniċi relatati max-xandira, bħall-ikkowdjar u l-verżjoni tal-lingwa tax-xandira. Ma huwiex possibbli li minn din il-premessa jirriżultaw xi drittijiet vis-à-vis riċevituri ta’ xandiriet li ma humiex marbuta kuntrattwalment.

160. L-interpretazzjoni tiegħi hija kkonfermata bil-premessa 17 tad-Direttiva 93/83. Din il-premessa tiddikjara li biex wieħed jasal għall-ammont tal-pagament li għandu jsir għad-drittijiet akkwistati, il-partijiet għandhom jikkunsidraw l-aspetti kollha tax-xandir, bħall-udjenza attwali, l-udjenza potenzjali u l-verżjoni tal-lingwa. Il-leġiżlatura għalhekk kompliet fuq il-bażi tal-preżunzjoni li t-trażmissjoni ta’ xandir bis-satellita hija magħquda mar-riċezzjoni tagħha u l-ħlas għandu jinkludi tali sfruttament. Ovvjament, il-ħlas għandu jkopri wkoll ir-riċezzjoni barra mill-Istat tax-xandir, filwaqt li tali riċezzjoni għandha tiġi prevista b’mod partikolari b’referenza għall-verżjoni tal-lingwa tax-xandira.

161. Id-dritt tal-komunikazzjoni, permezz tas-satellita, ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 għalhekk huwa magħqud mad-dritt tar-riċevituri li jirċievu u jaraw tali xandiriet.

162. Ma hemmx ċertezza dwar jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq japplikawx ukoll għal xandiriet bis-satellita kkowdjati. Peress li permezz tal-ikkowdjar huwa possibbli li l-aċċess jiġi kkontrollat, huwa konċepibbli li d-dritt tax-xandir jiġi llimitat għaż-żona ta’ riċezzjoni bi qbil bejn id-detentur tad-drittijiet u l-organizzazzjoni tax-xandir. Madankollu, l-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 93/83 jistabbilixxi li jkun hemm komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita bil-kundizzjoni li l-mezzi ta’ dekodifikazzjoni tax-xandir ikunu pprovduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti – bħal fil-każ ineżami – ix-xandira bis-satellita kkowdjata tkun ekwivalenti għal xandira bis-satellita mhux ikkowdjata. Għalhekk, l-ikkowdjar ma jaffettwax il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tax-xandir li jiġġustifika r-riċezzjoni.

163. Id-dritt tax-xandir lanqas ma huwa llimitat b’kundizzjonijiet relatati mal-ħruġ ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni. L-iktar li tali kundizzjonijiet jista’ jkollhom huwa effett kuntrattwalment vinkolanti, iżda ma joħolqu ebda obbligi għal terzi.

164. Għalhekk, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 93/83, nipproponi li għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑403/08 tingħata risposta fis-sens li d-dritt tal-komunikazzjoni permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 jinkludi wkoll id-dritt ta’ riċezzjoni u wiri ta’ dik ix-xandira barra mill-pajjiż.

D –    Il-libertajiet fundamentali

165. Is-sinjifikat tal-libertajiet fundamentali f’dak li jirrigwarda l-użu tal-kards ta’ dekodifikazzjoni Griegi huwa indirizzat b’mod partikolari fis-sitt u s-seba’ domandi fil-Kawża C‑429/08, iżda wkoll fis-seba’ domanda u d-domanda 8(b) u (c) fil-Kawża C‑403/08. Il-High Court tistaqsi jekk l-Artikoli 28 KE, 30 KE u/jew 49 KE jipprekludix l-infurzar ta’ liġi nazzjonali li tistabbilixxi li huwa reat kriminali jew ksur tad-drittijiet tal-awtur li wieħed jirċievi programm inkluż f’servizz tax-xandir minn post fir-Renju Unit bl-intenzjoni li jevita li jħallas il-prezz applikabbli għall-fatt li jirċievi l-programm. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita tliet settijiet ta’ ċirkustanzi fil-Kawża C‑429/08, li jistgħu jeżistu alternattivament jew kumulattivament:

(i)      l-apparat tal-aċċess kundizzjonali ġie mmanifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u ġie fornut oriġinarjament bil-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali limitata li l-apparat jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett fl-ewwel Stat Membru biss u minflok intuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett riċevut fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ ir-Renju Unit) [din hija wkoll il-portata tad-domanda 8(b) fil-Kawża C‑403/08];

(ii)      l-apparat tal-aċċess kundizzjonali ġie mmanifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru u b’hekk ingħelbu restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta’ apparati bħal dawn għal użu barra minn l-ewwel Stat Membru.

(iii) l-apparat tal-aċċess kundizzjonali ġie mmanifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament ġie fornut bil-kundizzjoni kuntrattwali li jintuża biss għal użu domestiku jew privat u mhux għal użu kummerċjali (li għalih jitħallas abbonament ogħla), iżda intuża fir-Renju Unit għal finijiet kummerċjali, prinċipalment biex jintwera logħob dirett tal-futbol f’pub (din hija wkoll il-portata tad-domanda 8(c) fil-Kawża C‑403/08).

166. Jien se nibda billi nikkunsidra l-ewwel każ u mbagħad niddiskuti jekk iż-żewġ każijiet l-oħra jwasslux għal konklużjoni differenti.

a)      Il-libertà fundamentali applikabbli

167. Peress li kards ta’ dekodifikazzjoni nġiebu mill-Greċja fir-Renju Unit, il-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikolu 34 TFUE (li kien l-Artikolu 28 KE) (56) jista’ jkun applikabbli. Fil-prattika, madankollu, tali kards jikkostitwixxu mezz, il-mezz ewlieni fil-fatt, sabiex jinkiseb aċċess fir-Renju Unit għal xandira ta’ programm televiżiv mill-Greċja. Il-provvista ta’ dak il-programm hija servizz fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (li kien l-Artikolu 49 KE) (57).

168. Meta miżura nazzjonali tirrestrinġi kemm il-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll il-moviment liberu tas-servizzi, bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel l-istħarriġ tagħha biss fir-rigward ta’ waħda biss miż-żewġ libertajiet fundamentali msemmija jekk jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, waħda minnhom hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal-oħra u tista’ tkun konnessa magħha (58).

169. Kif il-Kummissjoni tosserva ġustament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonkludiet, b’rabta mal-bejgħ ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni għat-televiżjoni tas-satellita kkowdjat, li ġeneralment huwa impossibbli li jiġi stabbilit jekk għandhiex tingħata prijorità lill-moviment liberu ta’ merkanzija jew lil-libertà li jiġu pprovduti servizzi (59). Madankollu, il-kawża inkwistjoni kienet tikkonċerna restrizzjonijiet li kienu intenzjonati speċifikament lejn il-kummerċ tal-apparati ta’ dekodifikazzjoni u għalhekk indirettament l-aċċess għas-servizzi tat-televiżjoni tas-satellita sar iktar diffiċli.

170. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-punt ikkontestat f’dawn il-kawżi ma huwiex primarjament il-kummerċ tal-kards, iżda l-użu tagħhom sabiex jinkiseb aċċess għall-programmi kkowdjati fir-Renju Unit. Barra minn hekk, jekk inqabblu l-valur intrinsiku tal-kards mal-prezzijiet imposti għall-aċċess għall-programm, il-kard hija totalment ta’ importanza sekondarja. Għalhekk, id-domandi għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

b)      Ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

171. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi teżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-fornituri nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm għall-fornitur kif ukoll għad-destinatarju ta’ servizzi (60).

172. Fil-kawżi inkwistjoni, ma titqajjimx il-kwistjoni dwar jekk il-persuni li jipprovdu l-programmi televiżivi humiex obbligati jagħtu aċċess lil partijiet interessati minn Stati Membri oħra b’kundizzjonijiet paragunabbli għal dawk taċ-ċittadini. Tali obbligu jeżiġi li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiġi applikata vis-à-vis terzi, punt li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma aċċettatx, għall-inqas mhux f’din il-forma (61).

173. Lanqas ma huwa rilevanti jekk il-persuni li jipprovdu l-programmi televiżivi humiex awtorizzati li jillimitaw l-aċċess għall-programmi tagħhom kuntrattwalment għal ċerti territorji (62). Tali regoli kuntrattwali jista’ jkollhom effett biss bejn il-partijiet kontraenti. Madankollu, f’dawn il-kawżi ma hemm ebda relazzjonijiet kuntrattwali bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-persuni li jipprovdu l-kards ta’ dekodifikazzjoni fir-Renju Unit jew is-sidien tal-pubs.

174. Pjuttost, hemm inċertezza dwar jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tippermettix ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-drittijiet għal programmi tas-satellita li fuq il-bażi tagħhom id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jipprojbixxu lil terzi li ma jkunux marbuta magħhom kuntrattwalment milli jaraw u juru dawk il-programmi fi Stati Membri li ma humiex dawk previsti. Skont tali drittijiet, l-użu ta’ servizzi minn Stati Membri oħra huwa pprojbita, jiġifieri l-aċċess għal programmi televiżivi.

175. Dan l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa partikolarment intensiv peress li d-drittijiet inkwistjoni mhux biss jagħmlu l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi iktar diffiċli, iżda għandhom ukoll l-effett li jaqsmu s-suq intern fi swieq nazzjonali pjuttost separati. Problemi simili jeżistu fir-rigward tal-aċċess għal servizzi oħra, pereżempju l-bejgħ ta’ softwer tal-kompjuter, xogħlijiet mużikali, kotba elettroniċi jew films permezz tal-internet.

176. Għaldaqstant hemm ostakolu kbir għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

c)      Il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni

177. Peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, restrizzjoni fuq din il-libertà hija ġġustifikata biss f’każ ta’ għan leġittimament imfittex li jkun kompatibbli mat-Trattat u f’każ ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (63).

178. L-Artikolu 52(1) TFUE (li kien l-Artikolu 46(1) KE), li huwa applikabbli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz tal-Artikolu 62 TFUE (li kien l-Artikolu 55 KE), jippermetti restrizzjonijiet li jkunu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Barra minn hekk, il ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja identifikat numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (64).

Il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali

179. F’dan il-kuntest, qiegħda tiġi diskussa b’mod partikolari l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali (65). Din tiġġustifika restrizzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett speċifiku ta’ tali proprjetà (66). Għalhekk jeħtieġ jiġi eżaminat jekk jeżistux drittijiet fuq trażmissjonijiet bis-satellita ta’ logħbiet tal-futbol, li s-suġġett speċifiku tagħhom jiġġustifika diviżjoni tas-suq intern.

180. Fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija, huwa qabelxejn l-isfruttar tad-drittijiet permezz tal-bejgħ tal-kopji tax-xogħlijiet li jiġi affettwat. Tali sfruttar huwa bbażat fuq id-dritt esklużiv tal-ikkupjar tax-xogħol u tat-tqegħid tal-kopji fis-suq. Dan id-dritt esklużiv jiġi eżawrit meta prodott jiġi ddistribwit legalment fis-suq fi Stat Membru mill-proprjetarju attwali tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu (67). Għajr għal sitwazzjonijiet partikolari, bħad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (68), ma hemm ebda drittijiet li jipprekludu l-bejgħ mill-ġdid ta’ tali merkanzija (69) fis-suq intern. Għall-kuntrarju, permezz tal-bejgħ, id-detentur tad-drittijiet ikun diġà rrealizza l-valur ekonomiku tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni (70).

181. Id-drittijiet tal-awtur fuq diski tal-gramofonu li ġew imqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru għalhekk ma pprekludewx il-bejgħ tagħhom fi Stat Membru ieħor (71). QC Leisure u K. Murphy jużaw din il-ġurisprudenza sabiex jiġġustifikaw il-prattiki tan-negozju tagħhom.

182. Madankollu, il-FAPL hija tal-opinjoni li, fil-qasam tal-provvista tas-servizzi, ma hemm ebda eżawriment paragunabbli mal-moviment ta’ merkanzija.

183. Dan huwa sorprendenti, peress li r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali għandhom, bħala regola, ikunu ġġustifikati permezz ta’ riferiment għall-istess prinċipji.

184. Ċertament, xi servizzi huma differenti minn merkanzija peress li, minnhom infushom, dawn ma jistgħux jerġgħu jintużaw, pereżempju s-servizzi pprovduti mill-parrukkiera. Il-valur ekonomiku jiġi rrealizzat mal-ħlas għall-provvista tas-servizz, iżda s-servizz ma jistax jiġi mgħoddi bħala tali. F’dan is-sens, fil-fatt ma hemm ebda lok ta’ “eżawriment” tad-dritt għas-servizz.

185. Għall-kuntrarju ta’ dan, servizzi oħra ma humiex differenti wisq minn merkanzija. Softwer tal-kompjuter, xogħlijiet mużikali, kotba elettroniċi, films eċċ. li jiġu ddawnlowdjati mill-internet jistgħu jiġu mgħoddija faċilment f’forma elettronika. Dan huwa muri wkoll mill-fatt li huma meħtieġa miżuri addizzjonali għall-ġestjoni tad-drittjiet diġitali sabiex jiġi żgurat li dawn ma jiġux mgħoddija. F’dawn l-oqsma, tali delimitazzjoni stretta taż-żewġ libertajiet fundamentali tkun arbitrarja.

186. L-eżempji ċċitati – il-mużika, il-films jew il-kotba – juru wkoll li l-kwistjoni li qiegħda tiġi diskussa hija ta’ importanza kunsiderevoli għall-funzjonament tas-suq intern lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-każijiet fil-kawżi prinċipali. Id-delimitazzjoni tas-swieq ibbażata fuq id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tfisser fl-aħjar każ li l-aċċess għall-merkanzija inkwistjoni jingħata suġġett għal kundizzjonijiet differenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet jew il-ġestjoni tad-drittijiet diġitali. Ħafna drabi, madankollu, l-aċċess għal tali merkanzija huwa kompletament prekluż f’ħafna swieq, minħabba li ċerti verżjonijiet tal-lingwa huma offruti biss lil konsumaturi minn ċerti Stati Membri jew inkella peress li konsumaturi minn ċerti Stati Membri ma jistgħu bl-ebda mod jiksbu l-prodott. Pereżempju, fil-ħarifa tal-2010, kummerċjanti mir-Renju Unit ħabbru li ma setgħux jibqgħu jbigħu kotba elettroniċi lil klijenti barra minn dak l-Istat Membru (72). Fir-rigward ta’ ħafna kotba bl-Ingliż, ma ssir ebda offerta għall-bejgħ paragunabbli fi Stati Membri oħra.

187. Fl-istess ħin, fil-każ ta’ prodotti offruti li, bħal fil-kawżi prinċipali, huma bbażati fuq aċċess kundizzjonali jew li jiġu ddawnlowdjati biss mill-internet, delimitazzjoni tas-suq tista’ tinkiseb b’mod ħafna iktar effettiv milli fil-każ ta’ merkanzija fiżika bħal kotba jew CDs. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bħala riżultat ta’ eżawriment fis-suq intern. Għall-konsumaturi, tali ostakoli joħolqu inċentivi bla bżonn sabiex jiksbu l-merkanzija korrispondenti illegalment, jiġifieri, b’mod partikolari mingħajr ebda remunerazzjoni għad-detentur tad-drittijiet.

188. Għal din ir-raġuni jeħtieġ jiġi eżaminat bir-reqqa jekk il-prinċipju tal-eżawriment japplikax mutatis mutandis f’dan il-kuntest, jiġifieri, jekk is-suġġett speċifiku tad-drittijiet inkwistjoni jeħtieġx li s-suq intern jiġi diviż.

189. Il-FAPL tiddependi, għal kull xandira, fuq id-drittijiet tagħha fuq madwar 25 xogħol, inkluż films, xogħlijiet artistiċi, reġistrazzjonijiet ta’ ħoss u mużika. F’xi każijiet dawn ix-xogħlijiet huma protetti skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u f’xi każijiet skont il-liġi nazzjonali.

190. Ċertament, fil-każ ineżami, id-drittijiet jirrigwardaw diversi servizzi miġbura flimkien fix-xandira; madankollu, ma hemmx bżonn li dawn jiġu eżaminati iktar hawnhekk. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, jista’ jsir riferiment b’mod ġenerali għad-drittijiet fuq ix-xandira. L-ewwel nett, bla ebda dubju hemm mill-inqas ċerti drittijiet fuq dik ix-xandira u, it-tieni, għandu jiġi preżunt li x-xandira hija trażmessa bil-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet kollha kkonċernati. Is-suġġett speċifiku ta’ dak il-pakkett tad-drittijiet jista’ jitqies, mill-inqas sa fejn ikun rilevanti f’dan il-kuntest, fl-isfruttar kummerċjali tiegħu (73).

191. It-trażmissjoni tal-logħbiet tal-futbol hija rremunerata permezz tal-prezz impost għall-kards ta’ dekodifikazzjoni. Tali sfruttar ma jiġix ostakolat permezz tal-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni Griegi, peress li għal dawn il-kards jitħallas prezz.

192. Filwaqt li dawn il-prezzijiet ma humiex għoljin daqs il-prezzijiet imposti fir-Renju Unit, ma hemm ebda dritt speċifiku li jiġu imposti prezzijiet differenti għal xogħol f’kull Stat Membru. Pjuttost, huwa parti mil-loġika tas-suq intern li d-differenzi fil-prezzijiet bejn Stati Membri differenti għandhom jiġu kkumpensati bil-kummerċ (74). Il-possibbiltà ta’ kummerċjalizzazzjoni tad-drittijiet ta’ xandir fuq bażi territorjali esklużiva, mitluba mill-FAPL, tammonta għal benefiċċju mill-eliminazzjoni tas-suq intern. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-FAPL, il-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-eżawriment tad-drittijiet fuq prodotti.

193. Madankollu, il-FAPL hija tal-opinjoni li, skont il-kawża ta’ Coditel I (75), id-drittijiet mitluba minnha huma kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Coditel I kienet tikkonċerna r-riċezzjoni ta’ xandir televiżiv Ġermaniż permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni bil-cable Belġjan. F’dak il-kuntest, b’mod partikolari, intwera film trażmess fil-Ġermanja bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. Dan ġie kkontestat minn impriża li kienet kisbet id-drittijiet sabiex turi dak il-film fiċ-ċinemas Belġjani u fuq it-televiżjoni Belġjana.

194. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dak iż-żmien li d-dritt ta’ proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur li jimponi miżata għal kwalunkwe wiri ta’ film fiċ-ċinema huwa parti mill-funzjoni essenzjali tad-dritt tal-awtur (76). Bħala prinċipju, ma jista’ jkun hemm ebda oġġezzjoni għad-diviżjoni ta’ dak l-isfruttar fuq bażi territorjali, possibbilment anki fuq il-bażi tal-konfini tal-Istati Membri (77).

195. Madankollu, dan ma jimplika xejn li jista’ jqajjem dubji dwar il-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq f’dan il-kuntest. Ix-xandira ġiet trażmessa kif miftiehem bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-organizzazzjoni tax-xandir Griega. Barra minn hekk, ġiet imposta miżata għal kull wiri tax-xandira, għalkemm fuq il-bażi ta’ rati Griegi.

196. Coditel I, għall-kuntrarju, ma kinitx tikkonċerna direttament wiri mhux awtorizzat u mhux remunerat f’ċinema, iżda r-ritrażmissjoni ta’ wiri awtorizzat fuq it-televiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-wiri fuq it-televiżjoni jista’ jtellef l-isfruttar tad-drittijiet tal-wiri fiċ-ċinema u li għalhekk jidher raġonevoli li wiri fuq it-televiżjoni jiġi permess biss b’ċertu dewmien. Mill-perspettiva tas-snin sebgħin, hija osservat ukoll li l-wiri fuq it-televiżjoni kien possibbli f’termini purament prattiċi unikament fil-kuntest ta’ monopolji nazzjonali (78). Fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet speċifiċi eżistenti fis-swieq tat-televiżjoni u taċ-ċinema dak iż-żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-allokazzjoni ta’ drittijiet tat-televiżjoni fuq bażi territorjali kienet iġġustifikata.

197. Is-sitwazzjoni fis-sentenza Coditel I mhix paragunabbli għas-sitwazzjoni ta’ hawnhekk. Id-diviżjoni tas-suq intern għal trażmissjonijiet diretti tal-futbol ma hijiex intiża li tipproteġi forma oħra ta’ sfruttar tal-logħba tal-futbol ritrażmessa. Pjuttost, l-għan dirett tad-diviżjoni tas-swieq huwa li jiġi ottimizzat l-isfruttar tal-istess xogħol fis-swieq differenti separati.

198. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni Ewropea sadanittant żviluppa: skont id-Direttiva 93/83, id-drittijiet tax-xandir bis-satellita fi Stat Membru jinkludu trażmissjoni fi Stati Membri oħra fiż-żona tax-xandir u għandhom jiġu wkoll remunerati b’mod korrispondenti. Barra minn hekk, peress li l-aċċess għax-xandira fil-kawżi prinċipali jeħtieġ ukoll ix-xiri ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni, kull riċevitur individwali jħallas miżata.

199. Fl-aħħar nett, is-sentenza Coditel I tinvolvi, b’mod impliċitu, element ieħor, l-użu fin-netwerk bil-cable Belġjan tal-film ċinematografiku trażmess fuq it-televiżjoni Ġermaniż, mingħajr ma tkun tħallset miżata. Illum, dan jiġi kkunsidrat bħala komunikazzjoni (ulterjuri) lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (79) u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, li għaliha d-detentur tad-drittijiet jista’ joġġezzjona. Komunikazzjoni permezz ta’ organizzazzjoni tax-xandir ulterjuri tkun rilevanti (80). Madankollu, ma hemm ebda ħtieġa ta’ restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-każ ta’ komunikazzjoni sempliċi sabiex jiġi protett is-suġġett speċifiku tad-dritt għal tali komunikazzjoni lill-pubbliku.

200. Fil-qosor, għandu jiġi ddikjarat li diviżjoni tas-suq intern għar-riċezzjoni tax-xandiriet bis-satellita ma hijiex meħtieġa għall-protezzjoni tas-suġġett speċifiku tad-drittijiet għal trażmissjonijiet tal-futbol diretti.

201. Finalment, jista’ jiġi argumentat, sabiex jiġi rribattut dan l-approċċ, li b’hekk l-aċċess għat-trażmissjonijiet tal-logħbiet tal-futbol jista’ jsir iktar diffiċli. Jekk il-FAPL ma tistax timpedixxi l-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni irħas minn Stati Membri oħra, ma tistax tiġi eliminata l-possibbiltà li fil-futur hija toffri biss drittijiet ta’ trażmissjoni fl-iktar suq li jirrendi profitt fl-Unjoni Ewropea – ir-Renju Unit – jew tissuġġetta s-servizz offrut fi swieq oħra għall-impożizzjoni ta’ prezzijiet simili għal dawk fir-Renju Unit. Għalhekk ikun iktar diffiċli li jinkiseb aċċess għat-trażmissjonijiet fi Stati Membri bħall-Greċja.

202. Madankollu, dik tkun deċiżjoni ekonomika li għandha tittieħed mid-detentur tad-drittijiet. Fl-aħħar mill-aħħar dan jiddependi minn kemm id-detentur ikun jista’ jisfrutta bl-aħjar mod id-drittijiet tiegħu inġenerali. F’dan ir-rigward tidher partikolarment rilevanti l-kwistjoni dwar jekk jistgħux jiġu żviluppati mudelli alternattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni, kif tistaqsi l-Kummissjoni, jew jekk ir-restrizzjoni tal-kummentarju għal ċerti verżjonijiet tal-lingwa tistax toħloq delimitazzjoni prattika effettiva suffiċjenti tas-swieq sabiex is-swieq nazzjonali differenti jibqgħu jiġu moqdija bi prezzijiet differenti.

Il-perijodi magħluqa

203. Bħala raġuni addizzjonali ta’ ġustifikazzjoni, liema raġuni madankollu ma hijiex ittrattata fid-digrieti tar-rinviju, il-FAPL issostni li l-assoċjazzjonijiet tal-futbol jistgħu jadottaw spazju ta’ sagħtejn u nofs li matulhom ma għandhom jiġu trażmessi ebda logħbiet tal-futbol. Dan huwa l-qofol tal-perijodu li matulu jkun hemm il-parti l-kbira tal-logħbiet tal-futbol fl-aqwa leagues tal-assoċjazzjonijiet. Dan l-ispazju jvarja minn pajjiż għall-ieħor għaliex jiddependi mid-drawwiet differenti tal-iskedar tal-logħbiet. Permezz ta’ allokazzjoni territorjali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tax-xandir jistgħu jiżguraw li ebda trażmissjoni ma tikser dan l-ispazju nazzjonali.

204. Il-FAPL targumenta b’mod konvinċenti li bl-importazzjoni tal-kards ta’ dekodifikazzjoni jkun iktar diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li jiġi infurzat dan il-perijodu magħluq. L-ispazji protetti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-kard jistgħu jvarjaw minn dawk tal-post fejn tintuża l-kard, u jista’ jagħti l-każ ukoll li ma jkunx hemm tali protezzjoni. Fl-istess ħin, dan jaffettwa l-kompetizzjoni bejn il-pubs. L-utenti ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni domestiċi ma jistgħu juru ebda logħbiet matul il-perijodi magħluqa, filwaqt li l-utenti tal-kards importati jistgħu jagħmlu dan. Il-prevenzjoni ta’ tali distorsjoni tal-kompetizzjoni hija wkoll interess leġittimu.

205. Madankollu, il-perijodi magħluqa jistgħu biss jiġġustifikaw restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sakemm ikunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan invokat u ma jmorrux oltrè dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (81). Barra minn hekk, il-miżuri intiżi sabiex tiġi implementata din il-politika ma għandhomx f’kull każ ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dan l-għan (82).

206. L-iskop tal-perijodu magħluq huwa li jiżgura li l-ispettaturi ma jiġux skoraġġuti milli jattendu logħbiet tal-futbol lokali ta’ kwalunkwe tip u/jew jipparteċipaw f’logħbiet fil-livell ta’ dilettanti jew bħala żgħażagħ minħabba li t-trażmissjonijiet televiżivi jaħbtu ma’ tali logħbiet (83). Il-parteċipazzjoni fil-futbol u n-natura tiegħu bħala sport bi spettaturi diretti ma għandhomx jiġu affettwati mit-trażmissjonijiet televiżivi.

207. Għall-kuntrarju tal-opinjoni ta’ QC Leisure, dan ma huwiex interess kummerċjali speċifiku, iżda qabelxejn interess sportiv li, bħala prinċipju, għandu jiġi rrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa muri fis-setgħat relatati mal-isport li ngħataw lill-Unjoni Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 6(e) TFUE u l-Artikolu 165 TFUE). B’mod partikolari, dawn jeħtieġu li tittieħed inkunsiderazzjoni in-natura speċifika tal-isport u l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat (84). Minn perspettiva ekonomika, ċertament ikun iktar attraenti li tiġi permessa t-trażmissjoni diretta tal-logħbiet kollha (85).

208. Madankollu, dipendenza leġittima fuq dak l-għan bħala ġustifikazzjoni għal diviżjoni tas-suq intern hija kkontestata fil-kawżi prinċipali mill-interessi ekonomiċi fid-diviżjoni tas-suq li jeżisti wkoll. L-assoċjazzjonijiet tal-futbol għandhom jevalwaw il-ħtieġa ta’ perijodi magħluqa u għandhom, bħala prinċipju, igawdu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż a priori li d-deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Ingliż li tuża perijodu magħluq hija bbażata wkoll mill-inqas parzjalment fuq is-salvagwardja tal-interess ekonomiku tal-iktar membri importanti tal-assoċjazzjoni bid-diviżjoni tas-suq intern għal trażmissjonijiet diretti tal-futbol. Għalhekk, għandu jiġi applikat test partikolarment strett sabiex tintwera l-ħtieġa ta’ perijodi magħluqa.

209. Fil-fatt, huwa dubjuż jekk il-perijodi magħluqa jistgħux jinkoraġġixxu l-attendenza u l-parteċipazzjoni fil-logħbiet. Dawn iż-żewġ attivitajiet huma ta’ natura kompletament differenti minn trażmissjoni diretta segwita fuq it-televiżjoni. Ma ġiex muri b’mod adegwat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-perijodi magħluqa attwalment jinkoraġġixxu l-attendenza għal-logħob u l-parteċipazzjoni fihom. Fil-fatt, hemm evidenza li tiċħad dan l-argument li qiegħed jiġi sostnut: pereżempju, f’investigazzjoni tal-perijodi magħluqa skont id-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni sabet li 10 biss mit-22 assoċjazzjoni fil-fatt adottaw perijodu magħluq. Ma ġew adottati ebda perijodi magħluqa fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja, iżda wkoll fl-Irlanda ta’ Fuq, jiġifieri, fl-isfera ta’ influwenza tal-futbol Ingliż (86). Barra minn hekk, fil-Ġermanja llum il-logħbiet kollha tal-“Bundesliga” evidentement huma trażmessi live u dan mingħajr ma l-logħbiet tal-aqwa żewġ diviżjonijiet ibatu minn nuqqas ta’ attendenza (87).

210. Dan ma jfissirx li fil-kawżi mressqa quddiem il-High Court ma jistax jintwera li fil-futbol Ingliż japplikaw kundizzjonijiet differenti li bilfors jeħtieġu protezzjoni permezz ta’ perijodi magħluqa. Madankollu, tali evidenza għandha turi li t-trażmissjonijiet live għandhom effetti detrimentali sostanzjali fuq l-attendenza għal-logħbiet u/jew il-parteċipazzjoni fil-logħbiet tal-futbol sabiex l-infurzar tal-perijodi magħluqa jkun jista’ jipprevali fuq l-effetti negattivi fuq is-suq intern.

Konklużjoni intermedjarja

211. Konsegwentement, la s-suġġett speċifiku tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet tal-logħbiet tal-futbol u lanqas – skont l-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja – il-perijodi magħluqa għal trażmissjonijiet diretti ma jiġġustifikaw diviżjoni tas-suq intern.

d)      Ġustifikazzjoni f’każ ta’ użu ta’ informazzjoni falza fl-akkwist tal-kards ta’ dekodifikazzjoni

212. Barra minn hekk, fil-Kawża C‑429/08, il-High Court tistaqsi wkoll dwar jekk il-konklużjoni milħuqa sa issa tiġix affettwata f’każ li l-apparat tal-aċċess kundizzjonali jkun inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru, u bl-evitar għalhekk tar-restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta’ apparati bħal dawn intiżi għal użu barra mill-ewwel Stat Membru.

213. Huwa ċar li dawn iċ-ċirkustanzi espressament ma kinux is-suġġett tal-kawżi li jiffurmaw il-bażi tal-Kawża C‑403/08 (88). K. Murphy issostni li hija ma kinitx taf dwar tali ċirkustanzi.

214. Kif K. Murphy tosserva ġustament, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jinfluwenzaw l-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-klijenti finali għall-kards ta’ dekodifikazzjoni. Ftehim bejn l-individwi u ċ-ċirkustanzi assoċjati ma jistax jillimita l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali minn terzi persuni; tali ftehim inkella jkun ta’ detriment għal terzi. Barra minn hekk, dawn it-terzi persuni, bħala regola, ma jistgħux ikunu jafu kif ġew akkwistati l-kards u ma jkollhom ebda opportunità li jevalwaw jekk jistgħux jinvokaw il-libertajiet fundamentali jekk dak il-ftehim ikun rilevanti.

215. Għalhekk ma huwiex rilevanti jekk il-kards ta’ dekodifikazzjoni jkunux inkisbu u/jew ġewx attivati fl-Istat Membru bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz.

e)      L-effetti tar-restrizzjoni fuq l-użu privat jew domestiku

216. Fl-aħħar nett, kemm fil-Kawża C‑429/08 (id-domanda 6(iii)) kif ukoll fil-Kawża C‑403/08 (id-domanda 8(c)), il-High Court tistaqsi dwar is-sinjifikat ta’ restrizzjoni kuntrattwali fuq l-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni fl-Istat tal-oriġini biss għal użu privat jew domestiku, u mhux għal użu kummerċjali, li għalih jitħallas abbonament ogħla.

217. Tali ftehim jista’ wkoll, bħala tali, jkollu effetti biss bejn il-partijiet kontraenti.

218. Kif diġà ġie spjegat, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 bl-istess mod ma jeħtieġx li jinħolqu drittijiet li jistgħu jiġu infurzati vis-à-vis partijiet terzi (89).

219. Madankollu, fil-Kawża C‑403/08, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa possibbli li jeżistu tali drittijiet skont il-liġi nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward l-innu tal-“Premier League” li jindaqq fl-ambitu tax-xandiriet. Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari d-Direttiva 2001/29, ma jipprekludux tali dispożizzjoni peress li dawn jikkostitwixxu biss kuntest leġiżlattiv wieħed. Kif inhu enfasizzat b’mod partikolari fil-premessa 7 ta’ din id-direttiva, ma huwiex meħtieġ li jitneħħew jew li jiġu evitati d-differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern.

220. Għalhekk jeħtieġ jiġi eżaminat jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tostakolax tali regoli tal-liġi nazzjonali.

221. Jekk il-kards jiġu awtorizzati fil-Greċja għal użu domestiku jew privat biss, il-projbizzjoni tal-użu tagħhom fil-pubs Brittaniċi ma tkunx diskriminatorja. Madankollu, hija xorta tkun tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li l-pubs ma jkunux jistgħu jużaw dan is-servizz.

222. Dan ikun iġġustifikat li kieku jiġi rrikonoxxut fis-suq intern li hemm drittijiet li jippermettu li l-awtorizzazzjoni għar-riċezzjoni ta’ xandiriet bit-televiżjoni tiġi llimitata għal użu domestiku jew privat. Bħala prinċipju, l-awturi għandhom interess li jieħdu sehem mill-profitti ġġenerati mill-użu remunerat tax-xogħlijiet tagħhom. Għalkemm l-Unjoni Ewropea ma tipproteġix dan l-interess, għall-inqas hija rrikonoxxietu fil-livell tad-dritt internazzjonali (90). Ladarba l-leġiżlatura nazzjonali tirrikonoxxi l-fatt li l-awturi għandhom dritt għal tali użu b’suġġett speċifiku korrispondenti, dan id-dritt jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

223. Għalkemm restrizzjoni kuntrattwali fuq l-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni fl-Istat tal-oriġini għal użu domestiku jew privat biss ma tistax għalhekk tiġġustifika restrizzjoni territorjali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Istat Membru inkwistjoni jista’ madankollu bħala prinċipju jistabbilixxi drittijiet li jippermettu lill-awturi joġġezzjonaw għall-komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom fil-pubs.

f)      Id-disa’ domanda fil-Kawża C‑403/08

224. Ir-risposta għad-disa’ domanda fil-Kawża C‑403/08 tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet premessi.

225. Il-High Court tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi teskludix l-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur li tirrendi illeċitu r-rappreżentazzjoni jew id-daqq fil-pubbliku ta’ xogħol mużikali meta dan ix-xogħol ikun inkluż f’servizz protett li jsir aċċess għalih u li jindaqq fil-pubbliku permezz tal-użu ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita meta dik il-kard tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi s-servizz fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta’ dik il-kard ta’ dekodifikazzjoni jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

226. F’dan ir-rigward, jibqgħu jgħoddu l-kunsiderazzjonijiet relatati mal-bqija tax-xandira: minn naħa l-waħda, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi tali diviżjoni tas-suq intern; min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal protezzjoni iktar estensiva tad-detenturi tad-drittijiet rigward il-komunikazzjoni lill-pubbliku, pereżempju ta’ xogħlijiet mużikali.

227. It-tieni parti ta’ din id-domanda hija iktar problematika, jiġifieri jekk ikollux effett il-fatt li x-xogħol mużikali jkun element mhux importanti mis-servizz protett fl-intier tiegħu u li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur ma tipprojbixxix ir-rappreżentazzjoni jew ix-xandir fil-pubbliku tal-elementi l-oħra tas-servizz.

228. Fil-każijiet fil-kawżi prinċipali, il-protezzjoni ta’ tali drittijiet taħt liġi purament nazzjonali tagħti lok għal restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan jista’ jiġi ġġustifikat jekk ikun proporzjonat fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet inkwistjoni (91).

229. Projbizzjoni tar-riċezzjoni tkun evidentement raġonevoli kemm-il darba jkunu jeżistu drittijiet għax-xandira kollha jew partijiet sostanzjali minnha li jippermettu li ssir oġġezzjoni għall-komunikazzjoni tagħha f’pub.

230. Jekk, min-naħa l-oħra jkun hemm elementi sekondarji involuti li l-valur ekonomiku tagħhom jirrappreżenta biss parti żgħira mill-valur tax-xandira fit-totalità tagħha u li għat-telespettaturi jkunu ta’ ftit jew ebda importanza, ikun sproporzjonat li tiġi pprojbita r-riċezzjoni tax-xandira fit-totalità tagħha għall-protezzjoni tagħhom (92). Dan ma jeskludix l-iżgurar ta’ remunerazzjoni adegwata b’xi mod ieħor. Pereżempju, tista’ tiġi prevista sistema ta’ ħlas fil-forma ta’ rata fissa mħallsa lil soċjetà tal-ġbir mis-sidien tal-pubs li juru l-programm televiżiv (93).

231. Il-kwistjoni ta’ liema wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet japplika għal każ ineżami għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

232. Għalhekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tipprekludix regoli nazzjonali li jippermettu lid-detentur ta’ drittijiet ta’ xandira – pereżempju, skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim TRIPs – joġġezzjona għall-komunikazzjoni tax-xandira f’pub, sakemm ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li toriġina mill-eżerċizzju ta’ dak id-dritt ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-ammont ta’ drittijiet protetti tax-xandira.

g)      Is-seba’ domanda fil-Kawża C‑429/08

233. Din id-domanda tikkonċerna l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità skont l-Artikolu 18 TFUE (li kien l-Artikolu 12 KE). Tali diskriminazzjoni tista’ teżisti inkwantu d-dispożizzjoni kriminali applikata għal K. Murphy hija relatata biss ma’ xandiriet ipprovduti minn post fir-Renju Unit, filwaqt li xandiriet minn Stati Membri oħra ma humiex protetti. Apparentement, il-kunsiderazzjoni ma hijiex dwar ix-xandar Grieg għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni nazzjonali, iżda dwar il-fatt li x-xandira kienet prodotta oriġinarjament fir-Renju Unit.

234. Din id-domanda hija rilevanti biss sa fejn ir-regola nazzjonali ma hijiex diġà prekluża mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mid-Direttiva 93/83.

235. Il-Kummissjoni targumenta korrettament li minbarra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 18 TFUE ma għandu ebda sinjifikat indipendenti bħala prinċipju (94). Għalhekk din id-domanda għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

236. L-allegata diskriminazzjoni tista’ toriġina mill-fatt li l-persuni li jipprovdu s-servizzi mir-Renju Unit huma protetti, filwaqt li l-persuni li jipprovdu s-servizzi minn Stati Membri oħra ma humiex. Dawn tal-aħħar ikollhom il-biża’ li s-servizzi tagħhom jintużaw fir-Renju Unit mingħajr remunerazzjoni jew tal-inqas li r-rati li jimponu jiġu evitati fir-Renju Unit permezz tal-importazzjoni ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni minn Stati Membri oħra. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni ċara għal diskriminazzjoni kontra persuni barranin li jipprovdu s-servizzi. Madankollu, fil-każ ineżami, ma hemmx bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tanalizza dan il-punt.

237. Il-punt inkwistjoni ma huwiex id-drittijiet tal-persuni barranin li jipprovdu s-servizzi, iżda jekk il-persuni domestiċi li jipprovdu s-servizzi jistgħux jistrieħu fuq dawn id-dispożizzjonijiet protettivi. Anki f’każ li l-forma ta’ protezzjoni tiddiskrimina kontra l-fornituri barranin, dan ma jistax jipprekludi lil fornituri domestiċi milli jużaw il-protezzjoni li jgawdu taħt il-liġi nazzjonali. Minflok, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni għandhiex tiġi estiża wkoll għall-persuni barranin li jipprovdu s-servizzi (95).

238. Konsegwentement, huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari jekk il-liġi nazzjonali tiksirx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li din tapplika għal programmi inklużi f’servizz ta’ xandir ipprovdut minn post fir-Renju Unit iżda mhux għal programmi minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

h)      Konklużjoni dwar is-sitt u s-seba’ domandi fil-Kawża C‑429/08 u dwar is-seba’ u d-disa’ domandi u d-domanda 8(c) fil-Kawża C‑403/08

239. Bħala konklużjoni intermedjarja, għandu jiġi rrilevat li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE tipprekludi dispożizzjonijiet li jipprojbixxu, għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-użu ta’ apparati ta’ aċċess kundizzjonali għal televiżjoni bis-satellita kkowdjat fi Stat Membru li tpoġġew fis-suq fi Stat Membru ieħor bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tax-xandira. Huwa irrilevanti jekk tali apparati jkunux inkisbu u/jew attivati fl-Istat Membru l-ieħor bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz. Ftehim individwali sabiex jintużaw kards ta’ dekodifikazzjoni biss għal użu domestiku jew privat lanqas ma jista’ jiġġustifika restrizzjoni territorjali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

240. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tipprekludix liġijiet nazzjonali li jippermettu lid-detentur ta’ drittijiet ta’ xandira joġġezzjona għall-komunikazzjoni tagħha f’pub, sakemm ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li toriġina mill-eżerċizzju ta’ dak id-dritt ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-ammont ta’ drittijiet protetti tax-xandira.

241. Huwa irrilevanti, għall-finijiet ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, jekk id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali tiksirx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li din tapplika għal programmi inklużi fis-servizz tax-xandir pprovdut minn post fir-Renju Unit iżda mhux għal programmi minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

242. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-bejgħ konġunt tad-drittijiet tal-midja tal-FA Premier League fuq bażi esklużiva ma tikkontestax din il-konklużjoni (96). Anki kieku d-deċiżjoni kellha tiġi interpretata li tfisser li l-Kummissjoni tqis id-diviżjoni territorjali tas-suq intern bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni ma tista’ timponi ebda restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tmur lil hinn mit-Trattati (97).

E –    Id-dritt tal-kompetizzjoni

243. L-għaxar domanda fil-Kawża C‑403/08 u t-tmien domanda fil-Kawża C‑429/08 huma identiċi. F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ prattiki antikompetittivi skont l-Artikolu 101(1) TFUE (li kien l-Artikolu 81(1) KE), il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk huwiex suffiċjenti li kuntratt ta’ liċenzja li jikkonċerna t-trażmissjoni territorjalment limitata ta’ xandira jkollu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew inkella jekk jeħtieġx li fil-fatt jintwera ostakolu għall-kompetizzjoni.

244. Prattika miftiehma għandha għan antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku tagħha, tista’, b’mod konkret, tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li l-kompetizzjoni tkun fil-fatt ġiet suġġetta għal prevenjoni, restrizzjoni jew distorsjoni u lanqas li jkun hemm rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet fil-livell tal-konsumatur (98). Ma huwiex neċessarju li jkunu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar (99).

245. Għalhekk, f’dawn il-kawżi, għandu jiġi eżaminat jekk il-kuntratti ta’ liċenzji għandhomx għan antikompetittiv li skontu fornitur tal-kontenut tal-programm jidħol f’sensiela ta’ liċenzji esklużivi, li kull waħda minnhom tkopri t-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li permezz tagħhom ix-xandar huwa awtorizzat ixandar il-kontenut tal-programm f’dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u jiġi inkluż obbligu kuntrattwali f’kull liċenzja li jobbliga lix-xandar li jipprojbixxi li l-kards tiegħu ta’ aċċess tas-satellita, li jagħmlu possibbli li jiġi riċevut il-programm awtorizzat, jintużaw barra mit-territorju kopert mil-liċenzja.

246. Sabiex tkun evalwata n-natura antikompetittiva ta’ ftehim, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li jrid jipprova jilħaq kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih huwa japplika (100).

247. Ftehim bejn il-produttur u d-distributur li jerġa’ jistabbilixxi d-diviżjonijiet nazzjonali fil-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jkun ta’ natura li jfixkel l-għan tat-Trattat li jikseb l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali permezz tat-twaqqif ta’ suq uniku. Għaldaqstant, ftehim intiżi li jaqsmu s-swieq nazzjonali skont il-fruntieri nazzjonali jew li jrendu d-dħul fis-swieq nazzjonali iktar diffiċli, b’mod partikolari dawk li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-esportazzjonijiet paralleli, ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’diversi okkażjonijiet, bħala ftehim li l-għan tagħhom huwa li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (101).

248. Obbligu kuntrattwali marbut ma’ liċenzja tax-xandir li jeħtieġ li x-xandar jipprojbixxi li l-kards tiegħu ta’ aċċess bis-satellita, li jagħmlu possibbli li jiġi riċevut il-programm awtorizzat, jintużaw barra mit-territorju kopert mil-liċenzja għandu l-istess effett bħal ftehim li jkollu l-għan li jipprekludi jew jirrestrinġi esportazzjonijiet paralleli. Tali obbligu huwa intiż li jipprekludi kwalunkwe kompetizzjoni bejn ix-xandara permezz ta’ kompartimentalizzazzjoni reċiproka tat-territorji liċenzjati. Tali liċenzji bi protezzjoni territorjali assoluta huma inkompatibbli mas-suq intern (102). Għalhekk ma hemm ebda raġuni sabiex tali ftehim jiġi ttrattat b’mod differenti minn ftehim intiż li jipprevjeni kummerċ parallel.

249. L-analiżi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (103) tikkonferma din il-konklużjoni peress li bħala prinċipju, evalwazzjonijiet kontradittorji bejn id-dritt tal-libertajiet fundamentali u d-dritt tal-kompetizzjoni għandhom jiġu evitati (104).

250. Għandu jiġi osservat ukoll li ftehim antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jiġi ġġustifikat abbażi tal-Artikolu 101(3) TFUE. Madankollu, il-persuna li tinvoka din id-dispożizzjoni għandha turi, b’argumenti u provi konvinċenti, li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn eżenzjoni (105). F’dan ir-rigward, jidher li għandhom japplikaw kunsiderazzjonijiet simili bħal dawk fl-analiżi dwar jekk restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hijiex iġġustifikata.

251. Konsegwentement, għall-għaxar domanda fil-Kawża C‑403/08 u t-tmien domanda fil-Kawża C‑429/08 għandha tingħata risposta fis-sens li meta fornitur tal-kontenut tal-programm jidħol f’sensiela ta’ liċenzji esklużivi, li kull waħda minnhom tkopri t-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li permezz tagħhom ix-xandar huwa awtorizzat ixandar il-kontenut tal-programm f’dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u jiġi inkluż obbligu kuntrattwali f’kull liċenzja li jobbliga lix-xandar li jipprojbixxi li l-kards tiegħu ta’ aċċess bis-satellita, li jagħmlu possibbli li jiġi rċevut il-programm awtorizzat, jintużaw barra mit-territorju kopert mil-liċenzja, tali kuntratti ta’ liċenzja jistgħu jipprekludu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk dawn huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE; ma huwiex meħtieġ li jintwera li tali effetti fil-fatt seħħew.

V –    Konklużjoni

252. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari bil-mod kif ġej:

1.      L-ewwel domanda fil-Kawża C‑403/08:

Apparat ikun “iddisinjat” jew “adattat” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali, meta jkun mmanifatturat jew immodifikat bl-għan li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz. Meta apparat tal-aċċess kundizzjonali jkun magħmul minn jew bil-kunsens tal-fornitur tas-servizz u jinbiegħ suġġett għal awtorizzazzjoni limitata li dan l-apparat jintuża biss sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett f’ċerti ċirkustanzi partikolari, dan l-apparat ma jsirx “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84 jekk jintuża sabiex jipprovdi aċċess għal dan is-servizz protett f’post jew b’mod jew minn persuna mhux inkluża fl-awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornitur tas-servizz.

2.      It-tielet domanda fil-Kawża C‑429/08:

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/84 ma jipprekludix Stat Membru milli japplika liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ apparat tal-aċċess kundizzjonali f’każ ta’ ksur tal-ftehim kuntrattwali rigward l-aċċessibbiltà ta’ programmi f’ċerti Stati Membri, f’każ ta’ użu ta’ ismijiet u/jew indirizzi foloz għall-akkwist tal-apparat tal-aċċess, jew użu, għal finijiet kummerċjali, ta’ apparat tal-aċċess intiż għal użu privat jew domestiku.

3.      Ir-raba’ domanda 4 fil-Kawża C‑403/08:

(a)      Għad-domanda dwar jekk ix-xogħlijiet ġewx irriprodotti kompletament jew parzjalment għandha tingħata risposta permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

(b)      Atti ta’ riproduzzjoni jseħħu meta fotogrammi ta’ vidjo u awdjo diġitali jinħolqu fil-memorja ta’ dekodifikatur, peress li dawk il-fotogrammi jikkostitwixxu parti mill-kreazzjoni intellettwali tax-xandira tal-awtur stess.

(ċ)      Il-wiri ta’ xandira fuq skrin jikkostitwixxi wkoll riproduzzjoni.

4.      Il-ħames domanda fil-Kawża C‑403/08:

Il-kopji temporanji ta’ xogħol maħluqa fuq skrin tat-televiżjoni kkollegat ma’ dekodifikatur għandhom sinjifikat ekonomiku indipendenti fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, filwaqt li kopji temporanji maħluqa ġewwa memorja ta’ dekodifikatur ma għandhomx.

5.      Is-sitt domanda fil-Kawża C‑403/08:

Xogħol protett mid-dritt tal-awtur ma huwiex ikkunsidrat bħala kkomunikat lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta jiġi rċevut jew muri bħala parti minn xandira bis-satellita f’bini kummerċjali (bħal pereżempju bar) jew muri f’dan il-bini, mingħajr ħlas, permezz ta’ skrin uniku tat-televiżjoni u lawdspikers lill-pubbliku preżenti f’dan il-bini.

6.      Is-seba’ domanda fil-Kawża C‑403/08:

Id-dritt tal-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet tal-awtur permezz ta’ satellita skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable, jinkludi d-dritt ukoll li dik ix-xandira tiġi rċevuta u murija barra mill-pajjiż.

7.      Is-sitt u s-seba’ domandi fil-Kawża C‑429/08 u s-seba’ u d-disa’ domandi u d-domanda 8(c) fil-Kawża C‑403/08:

(a)      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE (li kien l-Artikolu 49 KE) tipprekludi dispożizzjonijiet li jipprojbixxu, għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-użu ta’ apparati tal-aċċess kundizzjonali għal televiżjoni bis-satellita kkowdjat fi Stat Membru li tpoġġew fis-suq fi Stat Membru ieħor bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tax-xandira. Huwa irrilevanti jekk tali apparati nkisbux u/jew ġewx attivati fl-Istat Membru l-ieħor bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz. Ftehim individwali għall-użu ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni biss għall-użu domestiku jew privat lanqas ma jaffettwa din il-konklużjoni.

(b)      Il-libertà li jiġu provduti servizzi ma tipprekludix regoli nazzjonali li jippermettu lid-detentur tad-drittijiet ta’ xandira joġġezzjona għall-komunikazzjoni tax-xandira f’pub, sakemm ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li toriġina mill-eżerċizzju ta’ dak id-dritt ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-ammont ta’ drittijiet protetti tax-xandira.

(ċ)      Huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jekk id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali tiksirx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li tapplika għal programmi inklużi f’servizz ta’ xandir pprovdut minn post fir-Renju Unit iżda mhux minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

8.      L-għaxar domanda fil-Kawża C‑403/08 u t-tmien domanda fil-Kawża C‑429/08:

Meta fornitur tal-kontenut tal-programmi jidħol f’sensiela ta’ liċenzji esklużivi li kull waħda minnhom tkopri t-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li permezz tagħhom ix-xandar huwa awtorizzat ixandar il-kontenut tal-programm f’dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u jiġi inkluż obbligu kuntrattwali f’kull liċenzja li jobbliga lix-xandar li jipprojbixxi li l-kards tiegħu ta’ aċċess bis-satellita, li jagħmlu possibbli li jiġi rċevut il-programm awtorizzat, jintużaw barra mit-territorju kopert mil-liċenzja, tali kuntratti ta’ liċenzja jistgħu jipprekludu, jirrestrinġu jew ikunu ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni. Għalhekk dawn huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE; ma huwiex meħtieġ li jintwera li tali effetti fil-fatt seħħew.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva 98/84/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 3, p. 147).


3 – Direttiva 2001/29/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


4 – Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134).


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208.


7 – Kif stabbilit fil-Bundesgesetzblatt Ġermaniż 1965 II, p. 1245.


8 – ĠU 1994 L 1, p. 194.


9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120.


10 – Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU 2006 L 376, p. 28).


11 –      Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), ikkodifikata bid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva (ĠU 2010 L 95, p. 1).


12 – Ara l-Artikolu 6 TFUE u l-Artikolu 165 TFUE kif ukoll id-Dikjarazzjoni Nru 29 fl-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva fuq it-Trattat ta’ Amsterdam iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1997 C 340, p. 136) u d-“Dikjarazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-isport u l-funzjoni soċjali tiegħu fl-Ewropa, li għandu jitqies fl-implementazzjoni tal-politiki komuni”, il-Kunsill Ewropew ta’ Nizza (7, 8 u 9 ta’ Diċembru 2000), Konklużjonijiet tal-Presidenza (paragrafu 52 u l-Anness IV; ara b’mod partikolari l-punti 1, 7 u 17 ta’ din id-dikjarazzjoni).


13 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C-49/07, Ġabra I-4863, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Kawża C‑308/06, Intertanko et, Ġabra I‑4057, punt 69.


15 – Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Kawża C‑308/06, Intertanko et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 70 u 71.


16 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (Kawża C-5/08, Ġabra I-6569, punt 27 et seq); ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2001/29 inġenerali, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, Ġabra p. I-10055, punti 32 u 35).


17 – Infopaq International (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, b’mod partikolari l-punt 37 et seq).


18 – Ibidem (punt 45).


19 – Ibidem (punt 55).


20 – Ibidem (punt 64).


21 – Ibidem (punt 56 et seq).


22 – Ibidem (punt 58).


23 – KUMM(97) 628, Artikolu 5, paragrafu 3 (ĠU C 108, p. 6).


24 – Ara iktar ’il quddiem, il-punti 105 u 108 et seq.


25 – Ara iktar ’il quddiem, il-punt 68 et seq.


26 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra 723, punt 48), tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, Ġabra I-3325, punt 59), u tad-19 ta’ Jannar 2010, KücüIkdeveci (C‑555/07, Ġabra p. I-365, punt 46).


27 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra I-4921, punt 59), tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra I-6619, punt 26).


28 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra I-5285, punt 30); tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C-404/07, Ġabra I-7607, punt 31), u tat-22 ta’ April 2010, Dimos Agiou Nikolaou (C-82/09, Ġabra p. I-3649, punt 15).


29 – Ara, inter alia, is-sentenzi Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 61) u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra I-403, punt 24.


30 – KUMM(97) 628, Artikolu 3, paragrafu 2 et seq (ĠU C 108, p. 6).


31 – KUMM(97) 628, Artikolu 3, paragrafu 3 (ĠU C 108, p. 6).


32 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, Ġabra I-11519), u d-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon (C‑136/09, mhux ippubblikat fil-Ġabra).


33 – Ara s-sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota tal-qiegħ tal-paġna 32, punt 37 et seq).


34 – Ibidem, punt 44.


35 – Gwida għall-Konvenzjoni ta’ Berna (Ġinevra, 1978).


36 – Gwida tal-WIPO, Nota 11bis.


37 – KUMM(97) 628, Artikolu 3, paragrafu 1 (ĠU C 108, p. 6).


38 – Ibidem.


39 – Dokument A4-0026/99, Emenda 13 (ĠU 1999 C 150, p. 171, p. 174).


40 – Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Soċjetà tal-Informazzjoni, [KUMM(1999) 250 finali (ĠU 1999 C 180, p. 6), premessa 16].


41 – Ara d-dokumenti tal-Kunsill 14238/99, tat-22 ta’ Diċembru 1999, p. 5, noti ta’ qiegħ il-paġna 6 u 7, 5168/00 tal-10 ta’ Jannar 2000, p. 4, kif ukoll 5499/00, tal-24 ta’ Jannar 1999, p. 2 et seq.


42 – Dokument tal-Kunsill 5168/00 tal-10 ta’ Jannar 2000, p. 4, paragrafu 9.


43 – Dokument tal-Kunsill 5168/00 tal-10 ta’ Jannar 2000, p. 4, paragrafu 11.


44 – ĠU 1994 L 1, p. 194.


45 – F’dak li jirrigwarda l-effett ta’ dan il-protokoll, ara l-punt 17 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola ppreżentati fid-9 ta’ Settembru 1999, fil-Kawża Egeda (sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, C-293/98, Ġabra I-629).


46 – Ara l-Artikolu 87(1)(3) tal-Urheberrechtsgesetz Ġermaniż (Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur) u, f’dan ir-rigward, Wandtke, A.-A., u Bullinger, W., -Erhardt, J., Urheberrecht, it-tielet edizzjoni 2009, paragrafu 23, u Diesbach, M., Bormann, S., u Vollrath, B., “‘Public-Viewing’ als Problem des Urheber- und Wettbewerbsrechts”, Zeitschrift für Urheber- und Medienrecht 2006, p. 265 (266 et seq).


47 – Madankollu, jidher li huwa suffiċjenti li l-pub iħallas royalty relattivament żgħira lil soċjetà tal-ġbir sabiex jikkonforma mal-obbligi skont din id-dispożizzjoni; ara l-istħarriġ tar-rati tal-Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte, http://www.gema.de/fileadmin/inhaltsdateien/musiknutzer/tarife/tarife_ad/tarifuebersicht_gaststaetten.pdf.


48 – Ara, iktar reċentement, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C‑428/08, Ġabra p. I-6765, punt 71).


49 – Ara s-sentenza Egeda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45), b’rabta mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola (punt 17 et seq) fl-istess kawża, u s-sentenza tal-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France (C-28/04, Ġabra p. I-5781, punt 14.


50 – Sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 41).


51 – Ibidem (punt 30).


52 – Ibidem (punt 40).


53 – Ara l-punt 63 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tat-13 ta’ Lulju 2006 fil-kawża SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32).


54 – F’dak li jirrigwarda l-kontenut regolatorju tad-Direttiva 93/83 rigward il-komunikazzjoni lill-pubbliku, ara s-sentenzi Egeda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 25) u SGAE (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 30).


55 – Ara, iktar ’il fuq, punt 82 et seq, kif ukoll il-punt 95 et seq.


56 – Rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, ara l-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-11 ta’ Novembru 2010 fil-Kawża Casteels (C‑379/09, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


57 – Sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, Ġabra I-9445, punt 28).


58 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra I-9609, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59 – Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra I-607, punt 32).


60 – Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C-42/07, Ġabra I-7633, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerbin (C‑447/08 u C‑448/08, Ġabra p. I-6921), punt 32).


61 – Madankollu, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ippreżentati fit-23 ta’ Mejju 2007 fil-Kawża Laval un Partneri (C-341/05, Ġabra I-11767, punt 156 et seq, b’mod partikolari l-punt 159), u l-ġurisprudenza ċċitata dwar il-ftehim kollettiv.


62 – Din hija kwistjoni li tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni li se neżamina iktar tard, fil-punti 243 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63 – Ara, pereżempju, is-sentenza Laval un Partneri (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).


64 – Sentenza Sjöberg u Gerbin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 36).


65 – Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et, imsejħa “Coditel II” (262/81, Ġabra 3381, punt 13), u tal-11 ta’ Mejju 1999, Pfeiffer (C-255/97, Ġabra I-2835, punt 21).


66 – Sentenza Pfeiffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 65, punt 22) u, f’dak li jirrigwarda l-moviment ħieles tal-merkanzija, is-sentenzi tal-31 ta’ Ottubru 1974, Winthrop (16/74, Ġabra 1183, punt 7); tas-17 ta’ Ottubru 1990, Hag GF (C‑10/89, Ġabra I-3711, punt 12), u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Rioglass u Transremar, (C-115/02, Ġabra I-12705, punt 23).


67 – Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1976, Terrapin (119/75, Ġabra 1039, punt 6); tal-20 ta’ Jannar 1981, Musik Vertrieb membran u K tel International (55/80 u 57/80, Ġabra p. 147, punt 10); u tat-28 ta’ April 1998, Metronome Musik (C‑200/96, Ġabra I-1953, punt 14).


68 – Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU 2001 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240); ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Fundación Gala-Salvador Dalí u VEGAP (C-518/08, Ġabra p. I-3091).


69 – Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eżawriment internazzjonali bħala riżultat ta’ merkanzija mqiegħda fis-suq barra mis-suq intern fis-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied, (C‑355/96, Ġabra p. I‑4799, punt 22), u tat-30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding (C-16/03, Ġabra I-11313).


70 – F’dak li jirrigwarda d-drittijiet mogħtija mit-trade mark, ara s-sentenza Peak Holding (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 40).


71 – Sentenza Musik‑Vertrieb membran u K-tel International (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 10).


72 – Gallagher, V., Waterstones halts overseas e-book sales, rapport tas-26 ta’ Ottubru 2010, http://www.thebookseller.com/news/132290-waterstones-halts-overseas-e-book-sales.html, ikkonsultat fid-9 ta’ Novembru 2010.


73 – Ara s-sentenzi Musik-Vertrieb membran u K-tel International (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 12 et seq), u tas-17 ta’ Mejju 1988, Warner Brothers u Metronome Video, (158/86, Ġabra p. 2605, punt 13 et seq).


74 – Ara s-sentenza Musik-Vertrieb membran u K-tel International (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 24), f’dak li jirrigwarda l-moviment tal-merkanzija.


75 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1980, Coditel (62/79, Ġabra p. 881, iktar ’il quddiem is-“sentenza Coditel I”).


76 – Ibidem (punt 14).


77 – Ibidem (punt 16), u bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-kiri, il-punt 15 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola, tas-26 ta’ Mejju 1998, fil-kawża FDV (sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, C-61/97, Ġabra p. I-5171).


78 – Sentenza Coditel I (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 16).


79 – F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-każ ineżami abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ara l-punti 107 et seq iktar ’il fuq.


80 – It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Coditel I kellha bħala għan l-infurzar ta’ dan id-dritt stabbilit fl-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna; ara r-rapport tas-seduta li jirrigwarda din is-sentenza (iċċitata iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, p. 884).


81 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, Ġabra I-4221, punt 15); tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, (C-46/08, Ġabra p. I-8149, punt 60), u tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et (C-515/08, Ġabra p. I-9133, punt 45).


82 – Sentenzi Säger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 17); tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-318/05, Ġabra I-6957, punti 133 u 136), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Pan-Europe Communications Belgium et (C-250/06, United, Ġabra I-11135, punt 44).


83 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/478/KE, tad-19 ta’ April 2001, relatata ma’ proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Kawża 37.576 — ir-regolamenti tax-xandir tal-UEFA) (ĠU 2001 L 171, p. 12).


84 – Ara wkoll id-dikjarazzjonijiet dwar it-Trattat ta’ Amsterdam u tal-Kunsill iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


85 – Dan huwa muri permezz tal-ilment imressaq minn diversi organizzazzjonijiet tax-xandir li wassal għad-Deċiżjoni 2001/478.


86 – Ara l-premessa 55 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2001/478.


87 – Ara, fir-rigward taċ-ċifri ta’ attendenza, DFL Deutsche Fußball Liga GmbH, Bundesliga 2010, Die wirtschaftliche Situation im Lizenzfußball, p. 20 et seq.


88 – Ara l-punt 66 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


89 – Ara iktar ’il fuq, punt 107 et seq.


90 – Ara iktar ’il fuq, punt 121 et seq.


91 – Ara r-riferimenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82.


92 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (302/86, Ġabra p. 4607, punt 21).


93 – Ara s-sistema ta’ ħlas analizzata fil-Kawża Padawan, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


94 – Sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Stylianakis (C-92/01, Ġabra p. I-1291, punt 18); tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz and Gootjes-Schwarz (C-76/05, Ġabra p. I-6849, punt 34); u tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (C-56/09, Ġabra p. I-4517, punt 24).


95 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (C-92/92 u C-326/92, Ġabra I-5145, punt 34 et seq).


96 – Anness 23 tal-osservazzjonijiet tal-FAPL, ara l-Avviż fil-ĠU 2004 C 115, p. 3, u l-Istqarrija għall-Istampa IP/06/356 tat-22 ta’ Marzu 2006.


97 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C‑97/09, Ġabra p. I-10465, punt 50); ara wkoll l-Artikolu 13(2) TUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE.


98 – Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C-8/08, Ġabra p. I-4529, punt 43.


99 – Sentenzi T-Mobile Netherlands et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym and Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, punt 81), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55.


100 – Sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).


101 – Sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et (C-468/06 sa C-478/06, Ġabra p. I-7139, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 et seq).


102 – Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1982, Nungesser u Eisele vs Il-Kummissjoni (258/78, Ġabra p. 2015, punt 61).


103 – Ara iktar ’il fuq, punt 177 et seq.


104 – Ara, f’dan is-sens, il-punti 134 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi tat-2 ta’ Lulju 2009 fil-kawża Presidente del Consiglio dei Ministri (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, C-169/08, Ġabra p. I-10821).


105 – Sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 99, punt 58.