Language of document : ECLI:EU:C:2014:9

Kawża C‑400/12

Secretary of State for the Home Department

vs

M. G.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni kontra t-tkeċċija – Metodu ta’ kalkolu tal-perijodu ta’ għaxar snin – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Restrizzjoni fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Protezzjoni kontra t-tkeċċija – Kundizzjoni – Residenza matul l-għaxar snin ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija – Perijodu ta’ residenza kontinwa kkalkolat b’lura, sa mid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 28(3)(a))

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Restrizzjoni fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Protezzjoni kontra t-tkeċċija – Kundizzjoni – Interruzzjoni tal-kontinwità ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti minn perijodu ta’ priġunerija – Perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ għaxar snin qabel il-perijodu ta’ priġunerija – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza matul l-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 28(3)(a))

1.        L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu, bħala prinċipju, ikun kontinwu u kkalkolat b’lura, sa mid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 28, dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ priġunerija tal-persuna kkonċernata huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jinterrompi l-kontinwità tar-residenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li jaffettwa l-għoti tal-protezzjoni msaħħa li hija tipprevedi, inkluż fil-każ fejn din il-persuna tkun irrisjediet fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin ta’ qabel il-priġunerija tagħha. Madankollu, din iċ-ċirkustanza tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni globali meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni stabbiliti preċedentement mal-Istat Membru ospitanti ġewx interrotti jew le.

(ara l-punt 38, dispożittiv 2)