Language of document : ECLI:EU:C:2007:626

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Ċittadinanza ta’ l-Unjoni –Artikoli 17 KE u 18 KE – Rifjut tal-benefiċċju ta’ l-għajnuna għat-taħriġ għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jwettqu l-istudji tagħhom fi Stat Membru ieħor – Rekwiżit ta’ kontinwità bejn l-istudji segwiti fi Stat Membru ieħor u dawk imwettqa preċedentement matul ta’ l-inqas sena fi stabbiliment li jinsab fit-territorju nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini”

Fil-kawżi magħquda C‑11/06 u C‑12/06,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Aachen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-22 ta’ Novembru 2005, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2006, fil-proċeduri

Rhiannon R. Morgan (C-11/06)

vs

Bezirksregierung Köln,

u

Iris I. Bucher (C-12/06)

vs

Landrat des Kreises Düren,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, P. Kūris, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, J. Klučka u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. Morgan, minn P. Kreierhoff, Rechtsanwalt,

–        għal I. Bucher, minn K.‑D. Kucznierz, Rechtsanwalt,

–        għall-Bezirksregierung Köln, minn E. Frings-Schäfer, bħala aġent,

–        għal-Landrat des Kreises Düren, minn G. Beyß, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H.‑G. Sevenster u M. de Mol kif ukoll minn P. P. J. van Ginneken, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–        għal Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC, u T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u S. Grünheid kif ukoll minn W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-20 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-artikoli 17 KE u 18 KE.

2        Dawn id-domandi ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, R. Morgan kontra l-Bezirksregierung Köln (awtorità amministrattiva lokali ta’ Kolonja) u min-naħa l-oħra I. Bucher konta l-Landrat des Kreises Düren (Kap tas-servizzi amministrattivi ta’ Kreis de Düren) fir-rigward tad-dritt tagħhom għal għajnuna għat-taħriġ sabiex iwettqu studji fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri li jinsab barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        L-Artikolu 5(1) tal-liġi federali dwar inċentivi individwali għat-taħriġ (Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung – Bundesausbildungsförderungsgestez, iktar ‘il quddiem il-“BaföG”) jipprovdi:

“L-istudenti msemmija fl-Artikolu 8(1), jiksbu għajnuna meta jmorru ta’ kuljum mir-residenza permanenti tagħhom fit-territorju Ġermaniż għal stabbiliment barrani. B’rilevanza għal-liġi preżenti, ir-residenza permanenti hija l-post fejn jinsab, b’mod mhux temporanju, iċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-persuna interessata, mingħajr ma l-intenzjoni li tistabbilixxi ruħha hemmhekk b’mod permenenti tkun meħtieġa ; persuna li tgħix f’post unikament għal għan ta’ taħriġ ma tistabbilix ir-residenza permanenti tagħha.”

4        Skond l-Artikolu 5(2) tal-BaföG:

“L-istudenti li r-residenza permanenti tagħhom tinsab fit-territorju Ġermaniż u li jsegwu studji fi stabbiliment ta’ taħriġ barrani jibbenefikaw minn għajnuna għat-taħriġ meta:

[...]

3.      l-istudent, wara li jkun studja mill-inqas sena f’ċentru ta’ taħriġ Ġermaniż, ikompli t-taħriġ tiegħu fi stabbiliment ta’ taħriġ ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

u li l-persuna kkonċernata għandha għarfien lingwistiku suffiċjenti [...]”.

5        L-Artikolu 8(1) tal-BAföG jgħid kif ġej:

“Tingħata għajnuna għat-taħriġ lil:

1.      ċittadini Ġermaniżi skond il-liġi fundamentali,

[...]

8.      studenti li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, għandhom, kemm jekk konjuġi jew ulied, dritt ta’ dħul u ta’ residenza fit-terrritorju Ġermaniż jew li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan id-dritt inkwantu wild għar-raġuni biss li għandhom l-età ta’ 21 sena jew aktar u ma jirċevux manteniment minn missiehom u ommhom jew mill-konjuġi tagħhom,

9.      l-istudenti li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru jieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea li kellhom impjieg fit-territorju Ġermaniż qabel ma jibdew it-taħriġ;

[…]”

 Il-kawżi prinċipali

 Il-kawża C-11/06

6        Wara li spiċċat l-istudji sekondarji tagħha fil-Ġermanja, R. Morgan, ċittadina Ġermaniża li twiedet fl-1983, għamlet sena fir-Renju Unti taħdem bħala au pair żagħżugħa.

7        Mill-20 ta’ Settembru 2004, hija segwiet studji fil-ġenetika applikata fil-University of the West of England, fi Bristol (ir-Renju Unit).

8        Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2004, hija għamlet talba lill-Bezirksregierung Köln, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, sabiex tingħata għajnuna għat-taħriġ għall-istudji tagħhha fir-Renju Unit, fejn sostniet b’mod partikolari li l-linja ta’ studju dwar il-ġenetika ma kinitx offruta fit-territorju Ġermaniż.

9        B’deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2004, din it-talba ġiet miċħuda għar-raġuni li R. Morgan ma kinitx issodisfat il-kundizzjoniet ta’ l-Artikolu 5(2) tal-BAföG sabiex tibbenifika mill-għajnuna għat-taħriġ ta’ studji segwiti fi stabbiliment ta’ taħriġ li jinsab barra l-Ġermanja. B’mod partikolari, peress li ma kinitx kompliet, fi Stat Membru ieħor, studji segwiti fil-Ġermanja għal perijodu ta’ mill-inqas sena, hija ma kinitx issodisfat il-kundizzjoni fil-punt 3 ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li l-istudji mwettqa barra l-Ġermanja għandhom jikkostitwixxu l-kontinwazzjoni ta’ taħriġ segwit għal ta’ l-inqas sena fit-territorju Ġermaniz (iktar ‘il quddiem il-“kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji”).

10      Peress li r-rikors ta’ appell imressaq minn R. Morgan kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut kien ġie miċħud ukoll permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2005 tal-Bezirksregierung Köln, il-kawża tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Il-kawża C-12/06

11      Sa mill-1 ta’ Settembru 2003, I. Bucher, ċittadina Ġermaniża segwiet studji ta’ ergoterapija fil-Hogeschool Zuyd f’ Heerlen (l-Olanda), li hija viċina ħafna mal-fruntiera Ġermaniża.

12      Sa l-1 ta’ Lulju 2003, I. Bucher għexet mal-ġenituri tagħha f’Bonn, (il-Ġermanja). Hija marret tgħix mas-sieħeb tagħha f’Düren (il-Ġermanja), li hija għażlet bħala r-residenza prinċipali tagħha u li minnha kienet tmur lejn Heerlen għall-istudji tagħha.

13      Matul ix-xahar ta’ Jannar 2004, hija għamlet talba lil Landrat tal-Kreises Düren, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tingħata għajnuna għat-taħriġ ta’ l-istudji tagħha li hija kienet twettaq fl-Olanda.

14      Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2004, minħabba li I. Bucher ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(1) tal-BaföG. Fil-fatt din ta’ l-aħħar kienet stabbilixxiet ir-residenza tagħha f’żona tal-fruntiera biss sabiex twettaq it-taħriġ professjonali tagħha.

15      Peress li r-rikors ta’ appell imressaq minn I. Bucher kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ rijut kien sussegwentement miċħud mid-deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2004 tal-Bezirksregierung Köln, il-kawża tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju. Skond din ta’ l-aħħar, I. Bucher ma ssodisfatx la l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1) tal-BAföG u linqas dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2)(3) ta’ din l-istess liġi.

 Id-domandi preliminari

16      Peress li quddiemha tressqu r-rikorsi ġudizzjarji ta’ R. Morgan u I. Bucher, il-Verwaltungsgericht Aachen tistaqsi jekk l-Artikoli 17 KE u 18 KE jipprekludux il-kundizzjonijiet stipulati b’mod alternattiv fl-Artikolu 5(2)(3), kif ukoll fl-Artikolu 5(1) tal-BAföG sabiex wieħed ikun jista’ jibbenifika għal għajnuna għat-taħriġ għal studji segwiti fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Aachen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari, fejn l-ewwel waħda, li hija komuni għaż-żewġ kawżi, hija l-unika domanda fil-kawża C‑11/06:

“1) Il-moviment liberu li huwa ggarantit liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni permezz ta’ l-Artikoli 17 KE u 18 KE jipprekludi li, f’każ bħal dak in eżami, Stat Membru jirrifjuta lil ċittadin tiegħu l-benefiċċju ta’ għajnuna għat-taħriġ sabiex iwettaq taħriġ komplut fi Stat Membru ieħor, għar-raġuni li dan it-taħriġ mhuwiex il-kontinwazzjoni ta’ studji ta’ mill-inqas sena segwiti fi stabbiliment ta’ taħriġ li jinsab fit-territorju nazzjonali?

2)      Il-moviment liberu ggarantit liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni mill-Artikoli 17 KE u 18 KE jipprojbixxi li Stat Membru jipprekludi li, f’każ bħal dak in eżami, Stat Membru jirrifjuta l-benefiċċju ta’ għajuna għal taħriġ liċ-ċittadin tiegħu li, inkwantu “persuna li tgħix viċin il-fruntiera”, twettaq it-taħriġ tagħha fi Stat Membru ġar, għar-raġuni li ma tirrisjedix fil-komun Ġermaniż li jinsab qrib il-fruntiera ħlief fit-tmiem tat-taħriġ u li dan il-post ta’ residenza mhuwiex ir-residenza permanenti tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-domanda komuni għall-kawżi C‑11/06 u C‑12/06

18      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 17 KE u 18 KE jipprekludux kundizzjoni bħal dik ta’ l-ewwel fażi ta’ studji. Din tikkostitwixxi, kif ukoll jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, f’obbligu doppju, sabiex ikun hemm il-benefiċċju ta’ għajnuna għat-taħriġ mogħti għal studji segwiti fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih l-istudenti li jitolbu l-benfiċċju għal din l-għajnuna huma ċ-ċittadini, minn naħa, li jkunu segwew taħriġ matul il-perijodu ta’ mill-inqas sena f’dan ta’ l-aħħar u, min-naħa l-oħra, li jkomplu biss dan l-istess taħriġ fi Stat Membru ieħor.

19      R. Morgan u I. Bucher isostnu b’mod partikolari li, minħabba l-fatt li t-taħriġ professjonali in kwistjoni, rispettivament ta’ ġenetika applikata u ta’ ergoterapija mhumiex disponibbli fit-territorju Ġermaniż, huma obbligati li jirrinunzjaw għall-għajnuna għat-taħriġ fi Stat Membru ieħor skond il-BaföG.

20      Il-Gvern Ġermaniż u l-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studju ma tikkostitwix restrizzjoni għad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza previsti fl-Artikolu 18 KE u sussidjarjament, isostnu li, anke jekk wieħed jippresupponi li teżisti tali restrizzjoni, din hija ġġustifikata u proporzjonali. Essenzjalment tali analiżi hija maqsuma mal-Gvern Olandiż, il-Gvern Awstrijaku, il-Gvern tar-Renju-Unit kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

21      Skond il-Gvern Taljan, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Żvediż, il-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni. Il-Gvern Taljan, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Gvern Żvediż f’dan ir-rigward, jikkunsidra li din ir-restrizzjoni mhijiex iġġustifikata fiċ-ċirkustanza tal-kawża prinċipali. Skond il-Gvern Finlandiż, hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju biex tevalwa jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonali għall-għan leġittimu msegwi.

22      Għandu jiġi mfakkar li, bħala ċittadini Ġermaniżi, R. Morgan u I. Bucher għandhom l-istatus ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni skond l-imsemmi Artikolu 17(1) u għalhekk jistgħu jirrikorru eventwalment, ukoll fir-rigward ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, għad-drittijiet relatati ma’ tali status.(ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas Hagen u Tas, C 192/05, Ġabra p. I 10451, punt 19).

23      Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u l-libertà ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri kif stabbilit mill-Artikolu 18 KE (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C-76/05, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kawżi prinċipali, l-għajnuna in kwistjoni tirrigwarda preċiżament l-istudji segwiti fi Stat Membru ieħor.

24      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi ppreċiżat li, jekk, bħal kif il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Awstrijaku, il-Gvern Żvediż u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni rrilevaw, l-Istat Membri huma kompetenti, skond l-Artikolu 149(1), KE, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata fir-rispett tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, di Leo, C-308/89, Ġabra p. I- 4185, punti 14 u 15; tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C 337/97, Ġabra p. I 3289, punt 25; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punti 31 sa 35, kif ukoll Schwarz et Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 70) u, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, fit-territorju ta’ l-Istati Membri, kif stabbiliti mill-Artikolu 18(1), KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 99).

25      Għandu sussegwentement jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti residenti għall-fatt biss li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ libertà ta’ moviment u residenza fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39; Tas Hagen u Tas, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 31, kif ukoll Schwarz u Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 93).

26      Fil-fatt, il-possibbiltajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba ostakoli magħmula fir-rigward tar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor minnħabba leġiżlazzjoni ta’ l-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba l-fatt biss li huwa eżerċithom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C 224/98, Ġabra p. I-6191, punt 31; tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C- 224/02, Ġabra p. I-5763, punt 19, kif ukoll Schwarz et Gootjes-Schwarz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 89).

27      Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam ta’ l-edukazzjoni fid-dawl ta’ l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 3(1)(q) KE, u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 149(2) KE, jiġifieri, b’mod partikolari, l-inċentivazzjoni tal-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema (ara s-sentenza ċċitata iktar ‘il fuq D’Hoop, punt 32, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 44).

28      Konsegwentement, peress li Stat Membru jipprovdi sistema ta’ għajnuna għat-taħriġ li tippermetti lill-istudenti li jibbenifikaw minn tali għajnuna fil-każ fejn iwettqu xi studji fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jivverfika li l-modalitajiet ta’ allokazzjoni ta’ dawn l-għajnuniet ma joħolqux restrizzjoni mhux ġustifikata għal dan id-dritt ta’ moviment u residenza fuq it-territorju ta’ l-Istati Membri (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 39 KE, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C 109/04, Ġabra p. I-2421, punt 27).

29      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li bdew l-istudji superjuri tagħhom fi Stat Membru li ma kienx ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ġew issuġġettati, sabiex jibbenifikaw mill-għajnuna għat-taħriġ, għall-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji, li madankollu hija imposta biss fil-każ ta’ studji segwiti barra mit-territorju Ġermaniż.

30      Madankollu, l-obbligu doppju - espost fil-punt 18 tas-sentenza preżenti - li jirriżulta mill-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studju, huwa ta’ natura, minħabba inkonvenjenzi personali, l-ispejjeż supplementari kif ukoll ta’ eventwali dewmien li dan jimplika, li jiddiswadi liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea milli jitilqu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex iwettqu studji fi Stat Membru ieħor u li b’hekk jagħmlu użu mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fih, kif stabbilit mill-Artikolu 18(1) KE.

31      B’hekk, il-bżonn ta’ student li jiddedika sena fi stabbiliment ta’ tagħlim li jinsab fit-territorju Ġermaniż qabel ma jkun jista jirċievi għajnuna għat-taħriġ segwit fi Stat Membru ieħor, huwa ta’ natura li tiddiswadih milli jmur fi Stat Membru ieħor sabiex isegwi l-istudji tiegħu. Dan huwa aktar minnu meta din is-sena mhijiex rikonoxxuta għall-finijiet ta’ kalkolu tad-dewmien ta’ studji fi Stat Membru ieħor.

32      Kuntrarjament għal dak li jsostni essenzjalment il-Gvern Ġermaniż, l-effetti restrittivi maħluqa mill-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studju la huma wisq aleatorji u linqas huma wisq insinjifikanti, b’mod partikolari għal dawk li r-riżorsi finanzjarji tagħhom huma l-iktar limitati, sabiex jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fuq it-territjorju ta’ l-Istati Membri kif stabbilit mill-Artikolu 18(1) KE.

33      Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, biss jekk din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk din hija proporzjonali ma’ l-għan leġittimu imsegwi mil-liġi nazzjonali (ara-sentenzi ċċitata iktar ‘il fuq, De Cuyper, punt 40; Tas-Hagen u Tas, punt 33, kif ukoll Schwarz et Gootjes-Schwarz, punt 94). Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li miżura hija proporzjonali meta, għalkemm hija adatta għat-tilħiq ta’ l-għan imsegwi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza De Cuyper, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42).

34      Huwa fid-dawl ta’ l-eżiġenzi tal-ġurisrpduenza mfakkra fil-punt preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma intiżi biex jiġġustifikaw il-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji.

35      Fl-ewwel lok, skond il-Bezirksregierung Köln, din il-kundizzjoni hija ġġustifikata mill-intenzjoni li jiġi assigurat li għajnuna għat-taħriġ tingħata biss lill-istudenti li għandhom il-kapaċità jirnexxu fl-istudji tagħhom. Ukoll, matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż enfasizza li l-imsemmija kundizzjoni għandha bħala għan li tippermetti lill-istudenti juru r-rieda tagħhom li jsegwu u jispiċċaw l-istudji tagħhom b’suċċess u mingħajr telf ta’ żmien.

36      M’hemmx dubji li l-intenzjoni intiża sabiex jassigura li l-istudenti jlestu l-korsijiet tagħhom fl-inqas żmien possibbli, b’hekk jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ edukazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat, tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni ta’ din is-sistema. Madankollu, l-ebda element ipprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li l-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji segwiti fil-Ġermanja hija jew tista’ tkun adatta, bħala tali biex tassigura li l-istudenti kkonċernati, jispiċċaw il-korsijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li tiġi imposta tali kundizzjoni fil-kawżi prinċipali, fil-każ fejn jista’ jkun hemm bħala konsegwenza, fil-prattika, żieda fid-dewmien ġenerali ta’ l-istudji li għalihom l-għajnuna fil-kawża prinċipali tingħata jidher inkoerenti ma’ l-għan imsemmi u, għaldaqstant, mhux adattat għat-twettiq tiegħu. Għaldaqstant, tali kundizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali ma’ l-għan imsegwi

37      Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż sostna wkoll, matul is-seduta, li l-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji għandha bħala għan li tippermetti lill-istudenti biex jivverifikaw jekk huma għamlux l-“għażla tajba” għall-istudji tagħhom.

38      Madankollu, filwaqt li din il-kundizzjoni teħtieġ kontinwazzjoni bejn l-istudji mwettqa matul ta’ l-inqas sena fil-Ġermanja u dawk segwiti fi Stat Membru ieħor, jidher li din hija inkoerenti ma’ l-għan imsemmi. Fil-fatt, din il-ħtieġa ta’ kontinwazzjoni hija ta’ natura mhux biss li tiddiswadi, jiġifieri li timpedixxi, lill-istudenti milli jsegwu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħriġ differenti minn dak segwit matul ta’ l-inqas sena fuq it-territorju ta’ din ta’ l-aħħar, iżda wkoll, minħabba dan il-fatt, li tiddiswadihom milli jabbandunaw it-taħriġ inizjalment magħżul meta huma jqisu li l-għażla magħmula m’għadhiex aktar tajba għalihom u jixtiequ jsegwu t-taħriġ tagħhom fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja .

39      Barra minn hekk, fir-rigward tat-taħriġ li mhemmx ekwivalenti tiegħu fit-territorju Ġermaniż, din il-ħtieġa ta’ kontinwazzjoni, kif ukoll irrilevat il-qorti tar-rinviju, tobbliga lill-istudenti kkonċernati – li fosthom, kif jirriżulta mill-punt 19 tas-sentenza preżenti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li huma jagħmlu parti minnhom - li jagħżlu bejn jew li jirrinunzjaw totalment għat-taħriġ li huma kienu ppjanaw li jsegwu fi Stat Membru ieħor, jew li jitilfu kompletament il-benefiċċju għal għajnuna għat-taħriġ. Għaldaqstant, din il-kundizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali ma’ l-għan intiż sabiex tiġi ffaċilitata għażla bir-reqqa tat-taħriġ li l-istudenti kkonċernati jaħsbu li jsegwu.

40      Fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż sostna barra minn hekk, matul is-seduta, li s-sistema Ġermaniża ta’ għajnuna għat-taħriġ, meħuda b’mod globali, hija intiża sabiex tippromwovi s-segwiment ta’ l-istudji fl-Istati Membri barra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, l-istudenti kkonċernati, meta huma jkunu ssodisfaw il-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji, ikunu jistgħu jibbenifikaw minn għajnuna għat-taħriġ għal sena addizzjonali jekk imorru lura l-Ġermanja sabiex jikkompletaw l-istudji tagħhom f’stabbiliment ta’ tagħlim Ġermaniż u jkunu jistgħu jitolbu wkoll kontribuzzjonijiet għall-ċerti spejjeż ta’ vjaġġar kif ukoll, skond il-każ u f’ċerti limiti ddefiniti minn qabel, ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni u ta’ assigurazzjoni tal-mard.

41      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-elementi, li ċertament huma utli għall-istudenti li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ l-istudji, mhumiex bħala tali ta’ natura li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza previsti fl-Artikolu 18 KE komposta minn din l-istess kundizzjoni, b’mod partikolari safejn tirrigwarda l-istudenti li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jispiċċaw l-istudji superjuri kollha tagħhom, li għaldaqstant ma jispiċċawx l-istudji tagħhom f’stabbiliment ta’ tagħlim li jinsab fit-territorju Ġermaniż.

42      Fir-raba’ lok, il-Bezirksregierung Köln kif ukoll il-Gvern Olandiż u l-Gvern Awstrijak isostnu essenzjalment li restrizzjoni bħal dik li tirriżulta mill-implementazzjoni tal-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studju tista’ tiġi ġġustifikata mill-interess li jiġi evitat li l-għajnuna għat-taħriġ mogħtija għal studji segwiti kompletament fi Stat Membru ieħor barra dak ta’ oriġini ma ssirx piż mhux raġonevoli li jista’ jwassal għat-tbaxxija ġenerali tal-livell globali tal-benefiċċji allokati għall-istudji fl-Istat Membru ta’ oriġini. Fir-rigward tal-Gvern Żvediż u l-Kummissjoni, huma jqisu li huwa leġittimu għal Stat Membru, fir-rigward ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna għat-taħriġ, li jassigura li l-istudenti kkonċernati jappartjenu fis-soċjetà tiegħu in ġenerali kif ukoll fis-sistema ta’ edukazzjoni tiegħu.

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrkonoxxiet ċertament li jista’ jkun leġittimu għal Stat Membru, sabiex jevita li l-għoti ta’ għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra ma ssirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tiġi mogħtija minn dan l-Istat, li ma jagħtix tali għajnuna ħlief lil studenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C 209/03, p. I-2119, punti 56 u 57).

44      Bħala prinċipju, jekk jeżisti riskju ta’ tali piż irraġonevoli, jistgħu japplikaw xi kunsiderazzjonijiet simili f’dak li jirrigwarda l-għoti minn Stat Membru ta’ għajnuna għat-taħriġ lill-istudenti li jixtiequ jwettqu xi studji fi Stati Membri oħra.

45      Madankollu, fil-kawżi prinċipali, kif irrilevat essenzjalment ukoll il-qorti tar-rinviju, il-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tiegħu li Stat Membru jista’ jeħtieġ leġittimament għandu, f’kull każ jiġi kkunsidrat bħala stabbilit mill-fatt li r-rikorrenti prinċipali trabbew fil-Ġermanja u spiċċaw l-edukazzjoni skolastika tagħom hemm.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studji, li teħtieġ li perijodu ta’ studji superjuri ta’ mill-inqas sena jiġi l-ewwel mwettaq fl-Istat Membru ta’ oriġini, tippreżenta karatteristika wisq ġenerali u esklużiva f’dan ir-rigward. Fil-fatt, hija tiffavorixxi indebitament element li mhuwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tat-talba għal għajnuna. B’hekk hija tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsegwi u b’hekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza D’Hoop, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39).

47      Fil-ħames lok, il-Gvern Awstrijaku, il-Gvern Żvediż, u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jindikaw in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-għajnuna għat-taħriġ. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, jeżisti r-riskju ta’ akkumulu ta’ drittijiet jekk kundizzjoni bħal dik ta’ l-ewwel fażi ta’ studju kellha titneħħa.

48      F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit jindika, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll matul is-seduta, iċ-ċirkustanza skond liema jidher li R. Morgan irċeviet min-naħa ta’ l-awtoritajiet tar-Renju Unit, għall-istudji tagħha fil-University of the West of England, sostenn finanzjarju taħt il-forma ta’ allokazzjoni għall-ispejjeż skolastiċi u ta’ manteniment kif ukoll ta’ self.

49      Dwar dan is-suġġett, il-Gvern Ġermaniż indika matul is-seduta bħala risposta għad-domandi mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 21(3) tal-BAföG fih dispożizzjoni intiża biex tikkunsidra, għall-kalkolu tad-dħul rilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din il-liġi, l-għajnuna għat-taħriġ jew allokazzjonijiet oħra ta’ l-istess tip eventwalment meħuda minn sorsi oħra barra d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija liġi.

50      B’mod kuntrarju, il-kundizzjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ studju mhijiex intiża bl-ebda mod li tipprevjeni jew tikkunsidra l-għajnuna eventwali ta’ l-istess tip irċevuta fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, ma jistax ikun utilment sostnut li din il-kundizzjoni hija adatta jew neċessarja, fiha nnfisha, biex tassigura n-nuqqas ta’ akkumulu ta’ din l-għajnuna.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda komuni għaż-żewġ kawżi prinċipali għandha tkun li l-Artikoli 17 KE u 18 KE jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, għall-kundizzjoni li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għat-taħriġ mogħtija għal studji segwiti fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak li l-istudenti li jitolbu l-benefiċċju huma ċ-ċittadini tiegħu, dawn l-istudji għandhom ikunu l-kontinwazzjoni ta’ taħriġ segwit għal ta’ l-inqas sena fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dawn ta’ l-aħħar.

 Fuq it-tieni domanda fil-kawża C‑12/06

52      Skond il-qorti tar-rinviju, ir-rikors li tressaq quddiemha ta’ I. Bucher għandu jwassal sabiex jissodisfa lil din ta’ l-aħħar f’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda komuni għaż-żewġ kawżi prinċipali..

53      Għaldaqstant, peress li din id-domanda ngħatat risposta affermattiva, m’hemmx lok f’dan il-każ li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula fil-kawża C‑12/06.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 17 KE u 18 KE jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, kundizzjoni skond liema, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għat-taħriġ mogħtija għal studji segwiti fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak li l-istudenti li jitolbu l-benefiċċju huma ċ-ċittadini tiegħu, dawn l-istudji għandhom ikunu l-kontinwazzjoni ta’ taħriġ segwit għal ta’ l-inqas sena fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dawn ta’ l-aħħar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.