Language of document : ECLI:EU:C:2014:2039

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Lulju 2014 (*)

“Appell — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u Artikolu 4(6) — Parir tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar il-ftuħ tan-negozjati bl-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess — Protezzjoni tal-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali — Protezzjoni tal-pariri legali — Deċiżjoni ta’ rifjut parzjali għal aċċess”

Fil-Kawża C‑350/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2012,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Berman u B. Driessen, kif ukoll minn C. Fekete, bħala aġenti,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Sophie in ’t Veld, irrappreżentata minn O. Brouwer, E. Raedts u J. Blockx, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn;

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz u N. Görlitz, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea in ’t Veld vs Il-Kunsill (T‑529/09, EU:T:2012:215, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellataˮ), li permezz tagħha din il-qorti annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2009, li tirrifjuta lil S. in ’t Veld l-aċċess integrali għal dokument li jinkludi l-parir tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill intiża għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali ddestinat biex iqiegħed għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti data ta’ messaġġi finanzjarji (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-premessi 2, 4 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) huma fformulati fit-termini li ġejjin:

“(2)      It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[...]

(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[...]

(11)      Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

3        L‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ʻl-istituzzjonijietʼ) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti;

[...]ˮ

4        L-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.ˮ

5        L-Artikolu 4(1), (2) u (6) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

(a)      l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

[...]

–        relazzjonijiet internazzjonali,

[...]

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[...]

–        [...] pariri legali,

[...]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[...]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.ˮ

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fit-28 ta’ Lulju 2009, S. in ’t Veld, membru tal-Parlament Ewropew, talbet sabiex tingħata aċċess, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, għad-Dokument Nru 11897/09, tad-9 ta’ Lulju 2009, li jinkludi parir tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill intiża għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ Amerika li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali ddestinat biex iqiegħed għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti data ta’ messaġġi finanzjarji fil-kuntest tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll tal-ġlieda kontra dawn il-fenominiˮ (iktar ’il quddiem il-“ftehim previstˮ).

7        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill awtorizza biss aċċess parzjali għall-imsemmi dokument, peress li l-aċċess integrali ġie rrifjutat fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u l-pariri legali, rispettivament.

8        F’din id-deċiżjoni, il-Kunsill sostna, minn naħa, li “l-iżvelar tad-dokument [Nru 11897/09] jirrivela lill-pubbliku informazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst […], u ser ikollu għaldaqstant effett negattiv fuq il-pożizzjoni ta’ negozjazzjoni [tal-Unjoni] u jolqot ħażin ukoll is-sentiment ta’ kunfidenza fin-negozjati pendenti”. Il-Kunsill żied jgħid li “l-iżvelar ta’ dokument jirrivela lill-parti l-oħra […] elementi dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-[Unjoni] fin-negozjati li — fil-każ li l-parir legali jkun kritiku — jistgħu jiġu użati b’mod li jdgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjati tal-[Unjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].ˮ

9        Min-naħa l-oħra, il-Kunsill sostna li d-dokument Nru 11897/09 kien jinkludi “parir legali dwar il-bażi legali u l-kompetenzi rispettivi tal-[Unjoni] u tal-Komunità Ewropea biex tikkonkludi l-ftehim” u li dan is-“suġġett sensittiv, li għandu effett fuq is-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-konklużjoni tal-ftehim [previst], kien is-suġġett ta’ pożizzjonijiet diverġenti bejn l-istituzzjonijiet”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Kunsill, “[l]-iżvelar tal-kontenut tad-dokument [Nru 11897/09] jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali peress illi jrendi pubbliku parir intern tas-Servizz Legali, intiż biss għall-membri tal-Kunsill fil-kuntest tad-diskussjonijiet preliminari fi ħdan il-Kunsill fuq il-ftehim [previst]”. Barra minn hekk, il-Kunsill ikkunsidra “l-protezzjoni tal-parir legali intern dwar abbozz ta’ ftehim internazzjonali [...] tipprevali fuq l-interess pubbliku għall-iżvelar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Is-sentenza kkontestata u t-talbiet tal-partijiet

10      Fil-31 ta’ Diċembru 2009, S. in ’t Veld ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li insostenn tiegħu hija invokat erba’ motivi.

11      L-ewwel żewġ motivi ta’ dan ir-rikors kienu bbażati fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tielet motiv insostenn tal-imsemmi rikors kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament, relattiv għall-aċċess parzjali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Ir-raba’ motiv, min-naħa tiegħu, kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

12      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat parzjalment l-ewwel motiv ta’ S. in ’t Veld kif ukoll it-tieni motiv kollu kemm hu. Peress li dawn l-ewwel żewġ motivi kienu tqiesu bħala fondati, il-Qorti Ġenerali laqgħat ukoll it-tielet motiv. Ir-raba’ motiv kien ġie miċħud. Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata.

13      Fl-24 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ippreżenta dan l-appel li permezz tiegħu huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell u tikkundanna lil S. in ’t Veld għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

14      S. in ’t Veld, sostnuta mill-Parlament Ewropew, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

15      Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ġie ristrett id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. L-ewwel aggravju huwa għalhekk ibbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament, relattiv għall-protezzjoni tal-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u t-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi eċċezzjoni fil-konfront tal-pariri legali.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

 Is-sentenza appellata

16      Sabiex tagħti risposta għall-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat minn S. in ’t Veld insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, ibbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-punti 24 u 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-deċiżjoni li kellha tittieħed mill-istituzzjoni b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kellha natura kumplessa u delikata li kienet teħtieġ livell ta’ prudenza partikolari fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura singolarment sensittiva u essenzjali tal-interess protett u li, konsegwentement, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni kienet teħtieġ li l-istituzzjoni kkonċernata tibbenefika, għal dan il-għan, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ filwaqt li l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni kellu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-użu ħażin ta’ poter.

17      Fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-parir li l-aċċess tiegħu kien intalab f’dan il-każ kien essenzjalment jirrigwarda l-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati, f’isem l-Unjoni, bl-għan li jiġi konkluż il-ftehim previst. Għaldaqstant, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kellu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill kienx wera li l-aċċess għall-elementi mhux żvelati tad-Dokument Nru 11897/09 setax konkretament u effettivament jippreġudika l-interess pubbliku inkwistjoni.

18      Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali eżaminat iż-żewġ motivi invokati mill-Kunsill sabiex tistabbilixxi r-riskju ta’ tali preġudizzju. Għal dak li jikkonċerna l-motiv li jipprovdi li dan l-iżvelar kieku kien jirrivela lill-pubbliku informazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst u dan seta’ jolqot ħażin lis-sentiment ta’ fiduċja fin-negozjati pendenti, fil-punti 35 sa 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kellu raġun meta rrifjuta, abbażi ta’ dan il-motiv, l-aċċess għas-siltiet mid-Dokument Nru 11897/09 li jinkludu l-analiżi tal-kontenut speċifiku ta’ dan il-ftehim, li seta’ jirrivela l-objettivi strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

19      Fir-rigward tal-motiv li jipprovdi li l-iżvelar tad-Dokument Nru 11897/09 kien jirrivela lill-parti l-oħra fin-negozjati elementi dwar il-pożizzjoni li kellha tittieħed mill-Unjoni fl-imsemmija negozjati (b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-għażla tal-bażi legali tal-ftehim previst), liema elementi, fil-każ li l-parir legali kien ikun wieħed kritiku, setgħu jintużaw b’mod li jdgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjati tal-Unjoni, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-riskju marbut mal-iżvelar tal-pożizzjonijiet meħuda fi ħdan l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali futur ma setax juri, waħdu, l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interess tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

20      F’dan ir-rigward, fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, irrilevat li l-għażla tal-bażi legali xierqa, għall-azzjoni kemm interna kif ukoll internazzjonali tal-Unjoni, hija ta’ importanza ta’ natura kostituzzjonali u li tali għażla ma tirriżultax biss mir-rieda tal-awtur tagħha, iżda għandha tkun ibbażata fuq l-elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bħalma huma, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att. Dan jirriżulta f’pożizzjoni fejn, peress li din l-għażla ma taqax taħt marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni, l-eventwali diverġenza ta’ opinjonijiet fuq dan is-suġġett ma tistax titqies bħala diverġenza bejn l-istituzzjonijiet fuq l-elementi relattivi għall-kontenut tal-ftehim. Konsegwentement, is-sempliċi biża’ li jkun żvelat nuqqas ta’ qbil fl-istituzzjonijiet rigward il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni ma tistax tkun bażi suffiċjenti biex wieħed jikkonkludi li l-interess pubbliku protett fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali jista’ jkun ippreġudikat.

21      Barra minn hekk, bħala risposta għall-argument imressaq rigward dan mill-Kummissjoni, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li l-iżvelar ta’ dokument li jikkonstata l-eżistenza ta’ dubju dwar l-għażla tal-bażi legali għall-konklużjoni tal-ftehim previst ma setgħetx twassal, fiha nfisha, għal riskju għall-kredibbiltà tal-Unjoni bħala imsieħba tan-negozjati f’dan il-ftehim. Fil-fatt, konfużjoni dwar in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni, tista’ biss tkompli tiġi aggravata fl-assenza ta’ dibattitu preliminari u oġġettiv bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati dwar il-bażi legali tal-azzjoni prevista.

22      Sussegwentement, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li meta seħħew il-fatti d-dritt tal-Unjoni kellu proċedura prevista fl-Artikolu 300(6) KE li l-għan speċifiku tagħha kien li tipprevjeni l-kumplikazzjonijiet, kemm fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinament ġuridiku internazzjonali, li jistgħu jirriżultaw minħabba għażla żbaljata tal-bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jinvolvi l-Unjoni.

23      F’dan ir-rigward, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat il-fatt li, meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, l-eżistenza ta’ diverġenzi dwar il-bażi legali tal-ftehim previst kienet taqa’ taħt l-isfera pubblika minħabba, b’mod partikolari, l-fatt li reżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-ftehim previst kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ tali diverġenzi.

24      Fl-aħħar nett, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, billi invoka l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, il-Kunsill irrefera wkoll għall-fatt li l-parir tas-Servizz Legali tiegħu kien jiddiskuti ċerti punti tal-abbozz tal-istruzzjonijiet tan-negozjati li t-tagħrif dwarhom seta’ jiġi użat mill-parti l-oħra fin-negozjati. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-kunsiderazzjoni kienet effettivament tali li tistabbilixxi riskju ta’ preġudizzju għall-interess tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, iżda li madankollu hija ma kinitx tiġġustifika l-eċċezzjoni inkwistjoni ħlief għal dak li jikkonċerna l-elementi tad-Dokument Nru 11897/09 li jirrigwardaw il-kontenut tal-istruzzjonijiet tan-negozjati.

25      Fil-punti 58 sa 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dak li ntqal qabel li, bl-eċċezzjoni tal-elementi tad-Dokument Nru 11897/09 dwar il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet tan-negozjati, li setgħu jirrivelaw l-objettivi strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati dwar dan il-ftehim, il-Kunsill ma kienx wera li l-iżvelar ta’ aspetti oħra ta’ dan id-dokument seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

26      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħat parzjalment l-ewwel motiv ippreżentat minn S. in ’t Veld insostenn tar-rikors tagħha għal annullament.

 L-argumenti tal-partijiet

27      L-ewwel parti tal-aggravju mqajjem mill-Kunsill huwa bbażat fuq ksur, mis-sentenza appellata, tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u huwa maqsum f’żewġ partijiet.

28      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-Qorti Ġenerali kisret din id-dispożizzjoni billi qieset li nuqqas ta’ qbil dwar l-għażla tal-bażi legali tal-att tal-Unjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ma jistax jikkomprometti l-interess tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

29      Fil-fatt, fil-fehma tal-Kunsill, peress li hija l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni li tiddetermina l-proċedura applikabbli sabiex dan jiġi adottat, hija taġixxi wkoll, mingħajr ebda dubju, fuq l-ekwilibrju tas-setgħat bejn l- istituzzjonijiet. Għaldaqstant, it-tilwim dwar il-bażi legali applikabbli għandu, min-natura tiegħu stess, importanza politika kbira u jista’ jkun potenzjalment kontenzjuż.

30      Filwaqt li jirreferi għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32) kif ukoll għall-Opinjoni 1/75 (EU:C:1975:145) u l-Opinjoni 2/00 (EU:C:2001:664), il-Kunsill isostni li l-kwistjoni tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali għandha importanza kruċjali għal dak li jikkonċerna l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati ta’ tali fehim, peress li l-inċertezza dwar id-determinazzjoni tal-bażi legali tiegħu għandha riperkussjonijiet negattivi fuq dawn in-negozjati.

31      Fil-fatt, minn naħa, l-imsieħba tan-negozjati tal-Unjoni jistgħu jużaw id-diverġenzi bejn l-istituzzjonijiet għad-detriment tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, dubju dwar il-kapaċità legali ta’ istituzzjoni sabiex tmexxi n-negozjati għandu wkoll riperkussjonijiet fuq il-kredibbiltà u l-leġittimità tal-Unjoni fin-negozjati internazzjonali u jqiegħed fil-perikolu l-kapaċità tagħha li tikkonkludihom b’suċċess.

32      Għal dak li jirrigwarda r-riferiment għall-Artikolu 300(6) KE, il-Kunsill iqis li dan huwa irrilevanti. Minn naħa, ebda istituzzjoni ma użat din il-possibbiltà f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, il-fatt li din il-proċedura hija possibbli bl-ebda mod ma ttaffi d-dannu kkawżat mill-iżvelar ta’ parir legali dwar bażi legali kontenzjuża.

33      Barra minn hekk, ir-reżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta’ Settembru 2009, li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali, adottata xi xhur wara t-tfassil tad-Dokument Nru 11897/09, irrevelat il-kontenut ta’ diverġenzi b’mod illegali peress li din l-informazzjoni ma kienet ġiet qatt żvelata mill-Kunsill, skont ir-Regolament Nru 1049/2001. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-fatt li l-Parlament Ewropew kien għamel l-informazzjoni pubblika, peress li kwalunkwe konklużjoni oħra twassal sabiex tillegalizza żvelar li sar bi ksur tal-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, din ir-reżoluzzjoni sempliċement ikkonstatat l-eżistenza ta’ diverġenza ta’ opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, u dan ma jimplikax li l-kontenut tal-parir inkwistjoni kollu tpoġġa fl-isfera pubblika.

34      Min-naħa l-oħra, S. in ’t Veld, sostnuta mill-Parlament Ewropew, issostni li l-argumenti tal-Kunsill jibbażaw fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, inkwantu l-Qorti Ġenerali ma qisitx li n-nuqqas ta’ qbil fuq il-bażi legali ta’ ftehim internazzjonali ma jista’ qatt jippreġudika l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali sempliċement affermat li tali nuqqas ta’ ftehim ma setax ikun suffiċjenti, fih innifsu, sabiex tikkonkludi li l-imsemmi interess kien ġie ppreġudikat.

35      Dan l-iżball fil-premessa tar-raġunament tal-Kunsill irendi ineffettiv l-argumenti tiegħu insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

36      Fi kwalunkwe każ, skont S. in ’t Veld, dawn l-argumenti ma humiex fondati. Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li taġixxi billi tibbaża ruħha fuq bażi żbaljata tista’ effettivament tippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-iżvelar ta’ parir ta’ din l-istituzzjoni dwar il-bażi legali tan-negozjati ma għandux effett f’dawn ir-rigward.

37      S. in ’t Veld iżżid tgħid li l-għażla tal-bażi legali hija kwistjoni purament interna, tali li jidher dubjuż li l-imsieħba tan-negozjati tal-Unjoni jistgħu jużaw l-inċertezzi dwar din l-għażla sabiex jiksbu ftehim aħjar. Bil-kontra, l-imsieħba tan-negozjati tal-Unjoni fil-prinċipju għandhom interess jiżguraw ruħhom mill-fatt li l-ftehim internazzjonali previst jiġi konkluż fuq bażi legali, b’tali mod li r-riskju li jiġi kkontestat jitnaqqas għall-minimu, inkluża kontestazzjoni fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-istituzzjonijiet sabiex jirrappreżentaw il-partijiet għal dan il-ftehim. Bl-istess mod, il-kredibbiltà tal-Unjoni fin-negozjati tista’ titqiegħed fil-perikolu biss mill-għażla ta’ bażi legali żbaljata u mhux mid-dibattitu rigward din l-għażla.

38      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda r-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali rreferiet għaliha biss sa fejn hija kienet tikkonferma mhux il-kontenut iżda l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-għażla tal-bażi legali xierqa sabiex isiru tali negozjati, fatt li kien diġà magħruf u li kien jinsab ukoll fid-deċiżjoni kkontestata nnifisha.

39      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju mqajjem insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li meta l-istituzzjonijiet jibbażaw ruħhom fuq waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġġustifikaw deċiżjoni relattiva għall-aċċess għal dokument huma jibbenefikaw, għal dan il-għan, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ b’tali mod li l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali dwar il-legalità ta’ tali deċiżjoni għandu jkun ristrett.

40      Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ komplet tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari fil-punt 58 tas-sentenza appellata, hija kkonkludiet, b’mod espliċitu, li “il-Kunsill ma weriex kif, konkretament u effettivament, l-aċċess iktar wiesgħa [għad-Dokument Nru 11897/09] seta’ jippreġudika l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali”. Skont il-Kunsill, din is-sentenza, u b’mod iktar partikolari il-kelmiet “konkretament u effettivament”, juru l-fatt li l-Qorti Ġenerali mhux sempliċement ivverifikat l-eżattezza materjali tal-fatti flimkien mal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti, iżda ħtieġet li l-Kunsill jipprova li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jikkawża dannu.

41      S. in ’t Veld, sostnuta mill-Parlament Ewropew, topponi dan l-argument billi ssostni li hija l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teħtieġ li l-istituzzjoni kkonċernata tipprovdi l-prova li l-iżvelar ta’ dokument li l-aċċess għalih huwa rrifjutat jippreġudika konkretament u effettivament wieħed mill-interessi protetti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat iż-żewġ argumenti invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar tad-Dokument Nru 11897/09, mingħajr ma tikser is-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill, peress li l-argumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet kienu jirreferu għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tista’ tisħarreġ fil-kuntest ta’ stħarriġ ristrett. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali la evalwat il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst u lanqas l-istruzzjonijiet tan-negozjati u konsegwentement hija lanqas ma ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kunsill ma’ dik tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ppreżentat mill-Kunsill insostenn tal-appell tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

43      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jista’ jiġi dedott mill-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eskludiet li l-iżvelar ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-istituzzjonijiet dwar l-għażla tal-bażi legali li tawtorizza lil istituzzjoni tikkonkludi ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interess protett mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

44      Għall-kuntrarju ta’ dan, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement affermat, qabel kollox, li r-riskju marbut mal-iżvelar ta’ pożizzjonijiet meħuda fi ħdan l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ tali għażla ma jurix, fih innifsu, l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interess tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Sussegwentement, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza hija ppreċiżat li s-sempliċi biża’ li tiġi rrivelata l-eżistenza ta’ opinjonijiet diverġenti fi ħdan l-istituzzjonijiet rigward il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni ma hijiex biżżejjed biex minnha jiġi dedott riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku protett fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Fl-aħħar nett, hija eskludiet, fil-punt 52 tal-imsemmija sentenza, li l-eżistenza ta’ debattitu legali dwar il-portata tal-kompetenzi istituzzjonali relattivi għall-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni tippermetti li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ riskju għall-kredibbiltà tal-Unjoni matul in-negozjati ta’ ftehim internazzjonali.

45      Tali interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex żbaljata fid-dritt.

46      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, bħalma jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt għall-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Huwa minnu li dan id-dritt xorta waħda huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11 tiegħu, l-imsemmi regolament jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, numru ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal xi dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-Artikolu (sentenza Il-Kunsill vs Access Info Europe, EU:C:2013:671, punt 29, u l-ġurisprudenza iċċitata).

48      Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-ikbar aċċess possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenza Il-Kunsill vs Access Info Europe, EU:C:2013:671, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Issa, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, id-Dokument Nru 11897/09 jinkludi parir tas-Servizz Legali tal-Kunsill, mogħti fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, f’isem l-Unjoni, ta’ dan il-ftehim previst.

50      Barra minn hekk, S. in ’t Veld ma tikkontestax li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess marbuta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni tista’ tapplika għal tali dokument.

51      Madankollu, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 116).

52      Fil-fatt, minn naħa, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbitilha l-komunikazzjoni tiegħu, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokata minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza Il-Kunsill vs Access Info Europe, EU:C:2013:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Min-naħa l-oħra, meta istituzzjoni tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija għandha l-obbligu li tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll iktar leġittimità, effettività u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenza Il-Kunsill vs Access Info Europe, EU:C:2013:671, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 7 tas-sentenza appellata, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma pprovda l-ebda element li juri b’liema mod l-aċċess għad-Dokument Nru 11897/09 kien jirriskja li jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

55      Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mill-Kunsill lanqas ma huma tali li jistabbilixxu li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija żbaljata fid-dritt.

56      Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza invokata mill-Kunsill ma tirriżulta ebda regola ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar tal-eżistenza ta’ diverġenza ta’ perspettivi bejn l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali li tawtorizza lil waħda minnhom tiftaħ negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u, għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-att tal-Unjoni xieraq għal dan il-għan, jippreġudika fih innifsu l-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

57      Qabel kollox, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:1971:32, punt 86), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li jiġi propost lill-Istati terzi, fi stadju avvanzat tan-negozjati dwar ftehim internazzjonali, tqassim ġdid tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni jista’ jkun tali li jqiegħed fil-perikolu s-suċċess ta’ dawn in-negozjati. Madankollu, tali eżempju bl-ebda mod ma jikkorrispondi għal dak tal-iżvelar, l-iktar l-iktar, għal dak ta’ diverġenza ta’ opinjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza n-negozjati ta’ ftehim internazzjonali. Dan lanqas ma jimplika li d-deċiżjoni inkwistjoni tista’, minħabba f’hekk, tkun invalida.

58      Sussegwentement, fl-Opinjoni 1/75 (EU:C:1975:145), il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għar-riperkussjonijiet internazzjonali negattivi li jista’ jkollha deċiżjoni ġudizzjarja eventwali li tikkonstata li, jew minħabba l-kontenut tiegħu jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, ftehim huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat. Fl-aħħar nett, fl-Opinjoni 2/00 (EU:C:2001:664, punti 5 u 6), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ jrendi invalidu l-att li jikkonkludi l-ftehim innifsu u li dan huwa tali li joħloq komplikazzjonijiet kemm fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fuq l-ordinament ġuridiku internazzjonali. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din l-opinjoni jagħmlu parti mill-kuntest tal-eżami tal-objettiv tal-proċedura prevista fl-Artikolu 300(6) KE (li issa sar l-Artikolu 218(11) TFUE). F’dan il-każ, mhux biss il-partijiet ma użawx din il-proċedura ta’ riferiment preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel il-konklużjoni tal-ftehim previst, iżda r-riskju li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-ftuħ tan-negozjati tista’ tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara l-inkompatibbiltà tagħha mat-trattati, bl-ebda mod ma kien prevista.

59      Fit-tieni lok, ir-riferiment mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, għall-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 300(6), għandu biss natura deskrittiva. Tali riferiment għandu manifestament jinftiehem bħala li jindika li huwa t-trattat innifsu li jipprevedi proċedura ġudizzjarja intiża għall-kwistjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jkunu marbuta mal-bażi legali ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, proċedura li sseħħ qabel l-iffirmar tal-ftehim u li sseħħ b’mod pubbliku u dan jippermetti li jiġi eskluż kwalunkwe preżunzjoni li dibattitu li jsir pubbliku dwar il-bażi legali korretta ta’ tali deċiżjoni jista’ awtomatikament jippreġudika konkretament u effettivament l-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali.

60      Fit-tielet u l-aħħar lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ riskju ta’ preġudizzju għal dan l-interess, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kinitx żbaljata meta ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontenut prinċipali tad-Dokument Nru 11897/09 kien diġà sar pubbliku f’riżoluzzjoni tal-Parlament. Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, li tikkonċerna r-riskju li l-iżvelar ta’ dokument jikkawża preġudizzju għall-interess protett taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-fatt li l-iżvelar preċedenti ma kienx konformi ma’ dan ir-regolament, ma huwiex rilevanti, peress li l-konsegwenzi ta’ tali illegalità għandhom eventwalment jiġu misluta fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji oħra pervisti mit-trattati.

61      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ppreżentat mill-Kunsill insostenn tal-appell tiegħu huwa infondat.

62      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta wettqet stħarriġ komplet tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, meta hija kellha sempliċement teżerċita stħarriġ ristrett, kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li huwa ċertament preċiż li, għal dak li jikkonċerna l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-pubbliku għal dokument taħt waħda mill-eċċezzjonijiet relattiva għall-interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, din l-istituzzjoni tal-aħħar għandha tingħata marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddetermina jekk l-iżvelar ta’ dokumenti li jaqgħu fl-oqsma koperti mill-imsemmija eċċezzjonijiet jistax jippreġudika l-interess pubbliku. L-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali deċiżjoni għandu, għaldaqstant, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u għall-motivazzjoni, għall-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll għall-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni u tal-użu ħażin ta’ poter (sentenza Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 34).

64      Madankollu, meta l-istituzzjoni kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-imsemmi Artikolu 4(1)(a), din l-istituzzjoni xorta tibqa’ obbligata, kif tfakkar fil-punt 52 tas-sentenza preżenti, tipprovdi spjegazzjonijiet relatati mall-kwistjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu, filwaqt li r-riskju ta’ tali preġudizzjoni għandu jkun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku.

65      Madankollu, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li bl-eċċezzjoni tal-elementi tad-Dokument Nru 11897/09 li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet tan-negozjati, li jistgħu jirrivelaw l-objettivi strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill ma kienx wera kif, konkretament u effettivament, l-aċċess iktar wiesa’ għal dan id-dokument seta’ jippreġudika l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

66      Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali sempliċement ivverifikat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, wara li fil-punt 41 tas-sentenza appellata indikat li l-Kunsill sostna li din id-deċiżjoni kienet tirreferi għar-riskju marbut mal-iżvelar tal-elementi tal-analiżi relattiva għall-bażi legali tal-ftehim previst, anki jekk tali riferiment ma kienx jirriżulta b’mod espliċitu mill-imsemmija deċiżjoni, sussegwentement, fil-punti 46 sa 50 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat, fuq il-bażi ta’ din il-kunsiderazzjoni, li tali motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet insuffiċjenti fid-dritt inkwantu l-unika konstatazzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ dan ir-riskju ma kinitx tissodisfa, fiha nnifisha, għar-rekwiżit li l-istituzzjoni kkonċernata tistabbilixxi, konkretament u effettivament, l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interess tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li peress li l-għażla tal-bażi legali hija bbażata fuq elementi oġġettivi u ma taqax fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni, l-eventwali diverġenzi ta’ opinjonijiet dwar dan is-suġġett ma jistgħux jiġu assimilati ma diverġenzi bejn l-istituzzjonijiet dwar l-elementi relattivi għall-kontenut tal-ftehim, li eventwalment kien tali li jaffettwa ħażin l-interessi tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

67      Min-naħa l-oħra, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivazzjoni mressqa mill-Kunsill insostenn tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti, fiha nnifisha, għal dak li jikkonċerna l-elementi tad-Dokument Nru 11897/09 dwar il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet tan-negozjati u kkonkludiet, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li din l-istituzzjoni kienet stabbilixxiet ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali biss għal dak li jikkonċerna lil dawn l-elementi tal-aħħar.

68      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali sempliċement stħarrġet il-motivazzjoni li fuqha kienet sostnuta d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant, ma kisritx is-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill.

69      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni parti tal-ewwel aggravju ppreżentat mill-Kunsill insostenn tal-appell tiegħu huwa wkoll infondat, b’tali mod li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

 Is-sentenza appellata

70      Fid-dawl tal-konklużjoni misluta wara l-eżami tal-ewwel motiv imressaq minn S. in ’t Veld insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, il-Qorti Ġenerali rrestrinġiet l-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-partijiet mhux żvelati biss tad-Dokument Nru 11897/09, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew mal-istruzzjonijiet tan-negozjati.

71      Fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li l-Kunsill u s-Servizz Legali tiegħu setgħu kienu skoraġġuti milli, rispettivament, jitolbu u jagħtu pariri bil-miktub dwar kwistjonijiet sensittivi, jekk dawn il-pariri wara kellhom jiġu żvelati, ma huma sostnuti minn ebda element konkret u fattwali, li jista’ jistabbilixxi, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment previżibbli, u mhux purament ipotetiku, ta’ preġudizzju għall-interess tal-Kunsill li jirċievi pariri legali sinċieri, oġġettivi u kompluti.

72      Fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li, peress li l-ipoteżi ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali huwa previst b’eċċezzjoni partikolari, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sempliċi fatt li l-parir legali mniżżel fid-Dokument Nru 1049/2001 kien jirrigwarda l-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni ma kienx biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

73      Fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement irrelevat li, għalkemm jista’ jiġi aċċettat li, meta negozjati internazzjonali jkunu għadhom pendenti, hija neċessarja protezzjoni msaħħa għal dak li jikkonċerna d-dokumenti tal-istituzzjoni involuta fin-negozjati, sabiex jiġi eskluż kull preġudizzju għall-interess tal-Unjoni fl-iżvolġiment ta’ dawn in-negozjati, din il-kunsiderazzjoni hija diġà kkunsidrata permezz tal-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill ma jistax validament jinvoka l-kunsiderazzjoni ġenerali li tipprovdi li preġudizzju għall-interess pubbliku protett jista’ jiġi preżunt f’qasam sensittiv meta, b’mod partikolari, hemm involut parir legali mogħti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ negozjati ta’ ftehim internazzjonali. Preġudizzju konkret u previżibbli għall-interess inkwistjoni lanqas ma jista’ jiġi stabbilit mis-sempliċi biża’ li jiġu żvelati liċ-ċittadini d-diverġenzi fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni u, għalhekk, li jinħoloq dubju dwar il-legalità ta’ din l-azzjoni.

74      Għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq mill-Kunsill dwar ir-riskju ta’ preġudizzju għall-kapaċità tas-Servizz Legali tiegħu li jiddefendi, matul proċeduri ġudizzjarji, pożizzjoni li fuqha huwa jkun esprima parir negattiv, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li argument ta’ natura daqshekk ġenerali ma jistax jiġġustifika eċċezzjoni għat-trasparenza prevista mir-Regolament Nru 1049/2001.

75      Fl-aħħar nett, skont il-Qorti Ġenerali, kien l-obbligu tal-Kunsill li joħloq bilanċ bejn l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-Dokument Nru 11897/09 u l-eventwali interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar.

76      F’dan ir-rigward, fil-punti 81 sa 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li r-rekwiżiti ta’ trasparenza huma ikbar meta l-Kunsill jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur. Issa, il-bidu u t-tmexxija ta’ negozjati sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali jaqgħu, fil-prinċipju, fl-isfera tal-eżekuttiv. Madankollu, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid ukoll li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza tal-proċess deċiżjonali tal-Unjoni ma jistax jiġi eskluż għal dak li jikkonċerna l-azzjoni internazzjonali, b’mod partikolari, meta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati tkun tinvolvi ftehim internazzjonali li jista’ jkollu konsegwenzi fuq qasam tal-attività leġiżlattiva tal-Unjoni, bħall-ftehim previst li essenzjalment ikopri l-qasam tal-ipproċessar u tal-iskambju tal-informazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija, li jista’ wkoll jinfluwenza l-protezzjoni tad-data personali. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li d-Dokument Nru 11897/09 inkwistjoni jirrigwarda qasam potenzjalment kopert mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, ma huwiex rilevanti biex tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni distinta, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim previst kienet għadha pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex deċiżiv fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza eventwali ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar, minkejja dan ir-riskju ta’ preġudizzju. Fil-fatt, l-interess pubbliku marbut mat-trasparenza tal-proċess deċiżjonali jitlef is-sens tiegħu jekk, kif tipproponi l-Kummissjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu jiġi limitat għall-każ meta l-proċedura deċiżjonali tkun ġiet konkluża.

77      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali laqgħat it-tieni motiv ippreżentat minn S. in ’t Veld insostenn tar-rikors tagħha għal annullament.

 L-argumenti tal-partijiet

78      It-tieni aggravju mqajjem mill-Kunsill huwa bbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u huwa kompost minn żewġ partijiet.

79      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jallega li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-kwistjoni eżaminata fil-pariri legali inklużi fid-Dokument Nru 11897/09 u applikat b’mod żbaljat il-kriterju tad-“dannu konkret u effettiv”.

80      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma qisitx il-fatti partikolari tal-każ, partikolarment, il-fatt li n-negozjati internazzjonali fuq kwistjoni sensittiva li tirrigwarda l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu kienu pendenti fiż-żmien tal-fatti u li l-istituzzjonijiet ma kinux tal-istess fehma rigwad l-għażla tal-bażi legali tal-ftehim previst. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-kwistjoni eżaminata fil-pariri legali jikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-qasam tal-attività li dokument ikun jirrigwarda u n-natura sensittiva tiegħu huma rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet relativi previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament.

81      Skont il-Kunsill, l-enfasi li l-Qorti Ġenerali għamlet fil-punt 73 tas-sentenza appellata fuq il-fatt li l-interessi marbuta man-negozjati tal-ftehim internazzjonali kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni “permezz tal-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001” huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li istituzzjoni ma tistax tinvoka l-istess punti ta’ fatt sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ diversi eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, peress li din il-premessa la hija sostnuta mill-kliem tar-regolament bħala tali u lanqas mill-ġurisprudenza rilevanti f’dan il-qasam, filwaqt li insostenn tal-perspettiva tiegħu, il-Kunsill jiċċita s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 55) u Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (EU:C:2012:393, punti 113 sa 115).

82      F’dan ir-rigward, il-Kunsill iżid jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi imponietlu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ preġudizzju effettiv u konkret għall-protezzjoni tal-pariri legali u jippreżenta provi konkreti u ddettaljati li jipprovaw l-eżistenza ta’ dan id-dannu.

83      Fi kwalunkwe każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill spjega b’liema mod, f’dan il-każ, l-aċċess tal-pubbliku għad-Dokument Nru 11897/09 seta’ jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, minn naħa, kien hemm riskju reali li l-Parlament Ewropew jista’ jipprova juża xi elementi inklużi fil-parir legali fil-kuntest tal-iskambji politiċi bejn l-istituzzjonijiet sabiex jinfluwenza n-negozjati pendenti. Min-naħa l-oħra, in-negozjati kienu għadhom pendenti fiż-żmien tal-fatti, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet favur l-iżvelar ta’ pariri legali f’ċirkustanzi bħal dawn.

84      Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li “l-interess pubbliku marbut mat-trasparenza tal-proċess deċiżjonali jitlef is-sens tiegħu jekk, kif tipproponi l-Kummissjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu jiġi limitat għal-każ meta l-proċedura deċiżjonali tkun ġiet konkluża”, hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tammetti li dokumenti interni, inklużi pariri legali, jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni ogħla meta l-proċedura rilevanti tkun pendenti. Din il-kunsiderazzjoni tmur ukoll kontra l-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedi eċċezzjoni partikolari dwar il-protezzjoni ta’ dokumenti interni relatati ma kwistjoni li fuqha l-istituzzjoni tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni.

85      Skont S. in ’t Veld, sostnuta mill-Parlament Ewropew, il-Qorti Ġenerali fir-realtà sempliċement eżaminat jekk il-fatt li l-parir legali kien jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni kellux ibiddel l-analiżi tagħha u kkonkludiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li tali fatt ma kienx suffiċjenti “waħdu” sabiex jiġġustifika rifjut ibbażat fuq il-protezzjoni ta’ pariri legali.

86      Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li “fid-dawl tal-interess leġittimu li l-elementi strateġiċi tan-negozjati ma jiġux żvelati, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija neċessarjament limitataˮ, ma tfissirx li l-parir legali dwar il-bażi legali ta’ dawn in-negozjati huwa “partikolarment sensittivˮ. Fil-fatt, is-sentenza appellata diġà tawtorizza lill-Kunsill jelimina mill-parir xi informazzjoni li tinkludi “elementi strateġiċi ta’ negozjatiˮ, inkwantu tippermetti lill-Kunsill jelimina “siltiet mid-dokument mitlub li jinkludi l-analiżi tal-kontenut speċifiku tal-ftehim previst, li seta’ jirrivela l-objettivi strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjatiˮ. Il-parti tas-sentenza li tikkonċerna l-eċċezzjoni dwar il-pariri legali tiddiskuti biss, konsegwentement, il-bqija tad-Dokument Nru 11897/09. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kunsill huma infondati.

87      Għal dak li jirrigwarda l-allegat żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ “dannu konkret u effettivˮ, S. in ’t Veld tirreferi għall-argumenti tagħha mressqa f’dan ir-rigward fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju.

88      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-allegata eżistenza, f’dan il-każ, ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, S. in ’t Veld, b’risposta għall-argumenti tal-Kunsill, issostni li, l-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li l-iżvelar għandu jiġi rrifjutat minħabba li l-pariri legali kien jikkonċerna diskussjoni interna tal-Kunsill fuq il-ftuħ tan-negozjati, dan l-element ma huwiex rilevanti inkwantu l-pariri legali kollha jikkostitwixxu diskussjonijiet interni dwar is-suġġett li għalih ikunu tfasslu. It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li l-parir jikkonċerna l-“qasam sensittivˮ tat-terroriżmu u tal-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kunsill ma jispjegax ir-raġunijiet għaliex dan il-fatt huwa rilevanti sabiex jiġġustifika l-limitazzjoni tal-aċċess għal parir dwar il-bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bħall-ftehim previst. Fil-fatt, sa fejn il-parir jiddeskrivi l-kontenut ta’ dan il-ftehim u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx obbligat jiżvela dawn l-elementi. Għall-partijiet l-oħra tal-parir, jiġifieri dawk dwar il-bażi legali li għandha tiġi adottata għall-konklużjoni tal-ftehim previst, l-eventwali natura sensittiva tagħhom ma tiddependix mis-suġġett tal-ftehim innifsu. It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-fatt li n-negozjati dwar dan il-ftehim kienu għadhom pendenti, il-Qorti Ġenerali ġustament spjegat li jekk iċ-ċittadini jiġu miċħuda li jkollhom aċċess għal dokumenti interni tal-istituzzjonijiet minħabba li l-proċess deċiżjonali ma jkunx intemmx, huma ma jkunu qatt f’pożizzjoni li jipparteċipaw f’dan il-proċess. Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul mill-Kunsill f’dan il-kuntest, fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa irrilevanti peress li din l-eċċezzjoni ma ġietx invokata fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-raba’ nett, fid-dawl tal-argument li l-iżvelar tad-dokument iżid il-possibbiltajiet li l-Parlament Ewropew “jista’ jipprova juża xi elementi inklużi fil-parir legali fil-kuntest tal-iskambji politiċi bejn l-istituzzjonijiet sabiex jinfluwenza n-negozjati pendentiˮ, S. in ’t Veld tfakkar li bħala membru tal-imsemmi Parlament, hija diġà kienet f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-Dokument Nru 11897/09 anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li kieku riedet tuża dawn l-elementi fin-negozjati mal-Kunsill, hija diġà setgħet tagħmel dan.

89      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill sostnut mill-Kummissjoni, jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi fil-kuntest ta’ din is-sentenza, hija applikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar meħtieġ mill-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li pariri legali ngħata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374). Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-premessa li l-livell ta’ trasparenza applikabbli għall-proċess deċiżjonali tal-Unjoni matul in-negozjati ta’ ftehim internazzjonali li jaffettwa l-attività leġiżlattiva tal-Unjoni għandu jkun l-istess bħal dak applikabbli għall-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni nnifsu, u dan iwassal sabiex jiġi estiż b’mod mhux iġġustifikat it-tagħlim tas-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (EU:C:2008:374) lil hinn mill-qasam leġiżlattiv.

90      Fir-realtà, teżisti distinzjoni importanti bejn il-każijiet fejn l-Unjoni taġixxi bħala leġiżlatur u dawk fejn taġixxi fil-kuntest tal-kompetenza eżekuttiva tagħha sabiex tmexxi relazzjonijiet internazzjonali. Ir-Regolament Nru 1049/2001 innifsu jieħu kont tal-protezzjoni speċjali li għandha tingħata lir-relazzjonijiet internazzjonali, li l-kunfidenzjalità tagħhom hija protetta minn eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tiegħu, għal liema dispożizzjoni l-leġiżlatur ma pprevediex, madankollu, ibbilanċjar ta’ interessi kompetittivi.

91      Għalkemm iqumu l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà demokratika u ta’ partiċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni għal dak li jikkonċerna l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u l-impelementazzjoni sussegwenti tiegħu permezz ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni, il-Kunsill isostni li dan ma għandux ikun il-każ matul il-fażi tan-negozjati li jippreċeduha, inkwantu huwa impossibbli li ċ-ċittadini kollha jiġu informati mingħajr ma jiġu informati fl-istess waqt l-imsieħba internazzjonali li magħhom l-Unjoni qiegħda tinnegozja.

92      Kontra dan l-argument, S. in ’t Veld tfakkar li l-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-Kunsill jelimina mid-Dokument Nru 11897/09 siltiet li jiddiskutu l-kontenut speċifiku tal-ftehim previst li seta’ jirrivela l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, b’tali mod li dawn l-argumenti ma jistgħux ikunu rilevanti għad-diskussjoni tal-bażi legali tal-ftehim, peress li ma jirriżulta minnhom ebda “element strateġikuˮ.

93      Barra minn hekk, il-fatt li l-parir legali kien jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jinkludi eċċezzjoni “mandatorjaˮ speċifika li tipproteġi r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni ma jeliminax il-ħtiega li tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fil-kuntest tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, huwa eżattament minħabba l-effett tal-ftehim previst fuq l-attività leġiżlattiva tal-Unjoni, u f’dan il-każ l-effett tiegħu fuq regoli li għandhom ikunu vinkolati għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, li l-ħtieġa li tingħata leġittimità ikbar lill-istituzzjonijiet u kunfidenza ikbar taċ-ċittadini f’dawn l-istituzzjonijiet jikkostitwixxu interess superjuri.

94      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-fatt invokat mill-Kunsill li, fil-kuntest tan-negozjati pendenti, huwa impossibbli li ċ-ċittadini kollha jiġu informati mingħajr ma jiġu informati simultanjament l-imsieħba internazzjonali li magħhom l-Unjoni qiegħda tinnegozja, S. in ’t Veld tippreċiża li, minkejja li din tikkostitwixxi kunsiderazzjoni rilevanti sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess pubbliku għall-parti tad-Dokument Nru 11897/09 li tikkonċerna l-objettivi strateġiċi u l-istruzzjonijiet tan-negozjati, din ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-kumplament tal-imsemmi dokument li jikkonċerna biss il-bażi legali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eżami li l-Kunsill għandu jwettaq meta jintalab jiżvela dokument għandu neċessarjament isir fi tliet partijiet, li jikkorrispondu għat-tliet kriterji li jinsabu f’din id-dispożizzjoni (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, EU:C:2008:374, punt 37).

96      Għaldaqstant, l-ewwel nett, il-Kunsill għandu jiżgura li d-dokument li qed jintalab jiżvela jikkonċerna verament parir legali. It-tieni nett, huwa għandu jeżamina jekk l-iżvelar ta’ partijiet mid-dokument inkwistjoni identifikata bħala li jikkonċernaw pariri legali jippreġudikax il-protezzjoni li minnha għandhom jibbenefikaw dawn tal-aħħar, fis-sens li huma jippreġudikaw l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi. Ir-riskju ta’ preġudizzju lil dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku. It-tielet u l-aħħar nett, jekk il-Kunsill iqis li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika l-protezzjoni dovuta lill-pariri legali bħal kif għadha kif ġiet iddefinita, huwa għandu l-obbligu li jivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn hekk għall-kapaċità tiegħu li jitlob pariri legali u li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, EU:C:2008:374, punti 38 sa 44).

97      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill l-ewwel nett jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tar-riskju li l-iżvelar tad-Dokument Nru 11897/09 jippreġudika l-interess protett mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontenut ta’ dan id-dokument kien partikolarment sensittiv, inkwantu kien jikkonċerna negozjati internazzjonali pendenti, li jirrigwardaw kwistjoni dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

98      F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fir-realtà, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt, billi madankollu ddeċidiet li, waħdu, dan ma kienx suffiċjenti sabiex tiġi applikata l-eċċezzjoni inkwistjoni għad-dritt ta’ aċċess, peress li l-ipoteżi tal-preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali hija prevista minn eċċezzjoni distinta.

99      Din l-interpretazzjoni ma hijiex żbaljata fid-dritt.

100    Minn naħa, huwa ċertament minnu li sabiex tevalwa talba għal aċċess għal xi dokumenti li hija jkollha, istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, EU:C:2012:393, punt 113 u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, EU:C:2012:394, punt 55).

101    Madankollu, permezz tal-argumenti tiegħu, il-Kunsill fil-verità qed jipprova jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ raġuni waħda ta’ rifjut, jiġifieri l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, billi jinvoka għal dan il-għan żewġ eċċezzjonijiet differenti previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, anki jekk jiġi preżunt li punti ta’ fatt identiċi jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ żewġ eċċezzjonijiet differenti, meta bħal f’dan il-każ, rikorrent ma jkunx invoka b’suċċess l-eċċezzjoni espressament prevista għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, dan ir-rikorrent ma jistax ikun iġġustifikat li jirreferi għall-istess punti ta’ fatt sabiex jistabbilixxi preżunzjoni li għandha tapplika eċċezzjoni li tipproteġi interess ieħor, bħall-pariri legali, mingħajr ma jispjega b’liema mod l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jippreġudika konkretament u effettivament lil dan l-interess.

102    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali nnifisha rrikonoxxiet, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija neċessarjament limitata, fid-dawl tal-interess leġittimu li ma jiġux żvelati l-elementi strateġiċi tan-negozjati. F’dan ir-rigward, l-ilment imqajjem mill-Kunsill, li permezz tiegħu jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma siltitx il-konsegwenzi minn din il-kunsiderazzjoni, ma hijiex ibbażata fil-fatt, inkwantu huwa preċiżament abbażi ta’ din li fil-punti 35 sa 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-aċċess għall-parti tad-Dokument Nru 11897/09 li tinkludi l-elementi strateġiċi tan-negozjati seta’ jiġi rrifjutat b’mod validu fuq il-bażi tal-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

103    Fit-tieni lok, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ “dannu konkret u effettivˮ.

104    F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 52 ta-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li r-riskju li l-iżvelar ta’ Dokument Nru 11897/09 ikun ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika l-interess tal-istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi għandu jkun raġonevolment previżibbli, u mhux purament ipotetiku.

105    Għall-finijiet tal-ispjegazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju, għandu jsir, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-eżami deskritt fil-punt 96 tas-sentenza preżenti, anki jekk id-dokument li jintalab l-aċċess tiegħu ma jikkonċernax proċedura leġiżlattiva.

106    Fil-fatt, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punt 46 tas-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (EU:C:2008:374), li dawn il-kunsiderazzjonijiet li jipprovdu li huwa l-obbligu tal-Kunsill li joħloq bilanċ bejn l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar għaċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effettività u responsabbiltà tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika, huma ta’ rilevanza partikolari fil-każ fejn il-Kunsill jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżaltur.

107    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-attività mhux leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa suffiċjenti li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li dan japplika għad-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri mfassla minnha, riċevuti minnha u fil-pussess tagħha, fl-oqsma kollha tal-attività tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punti 87, 88 u 109).

108    Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li, bil-kontra tal-kritiki indirizzati lilu mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, huwa pprovda r-raġunijiet li għalihom, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-aċċess pubbliku għad-Dokument Nru 11897/09 seta’ jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

109    F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna, minn naħa, l-argumenti tal-Kunsill ibbażati fuq l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ preġudizzju għan-negozjati internazzjonali inkwantu l-Parlament Ewropew qed jipprova juża l-elementi inklużi fil-parir legali sabiex kemm jinfluwenza n-negozjati pendenti kif ukoll jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim previst, huwa suffiċjenti li jitfakkar li din il-kritika tinjora l-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill kellu raġun jirrifjuta l-aċċess għall-partijiet tad-Dokument Nru 11897/09 li jikkonċernaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst u l-objettivi strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati. Madankollu, il-Kunsill ma pprovda ebda element li jistabbilixxi b’liema mod l-iżvelar tal-parti l-oħra tal-imsemmi dokument wassal għal tali riskji.

110    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kunsill li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li n-negozjati kienu pendenti fil-mument li saret it-talba għal aċċess għad-Dokument Nru 11897/09, għandu jiġi kkonstatat li, fir-realtà, fil-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali espliċitament eżaminat din il-kunsiderazzjoni u kkonkludiet li kienet diġà tqieset permezz tal-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kunsill insostenn tal-appell tiegħu, għandu jiġi miċħud.

112    Peress li fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu l-argument tal-Kunsill li jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li abbażi tiegħu fil-punt 102 ta’ din is-sentenza din irrikonoxxiet li l-elementi invokati fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li l-iżvelar tad-Dokument Nru 11897/09 kien jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali ma ntlaqax, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, peress li l-argument li huwa mressaq hemmhekk huwa ta’ natura ineffettiva. Fil-fatt, din il-parti tirrigwarda motivazzjoni mressqa b’mod sussidjarju mill-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li l-Kunsill naqas, fi kwalunkwe każ, milli jivverifika jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ikbar tad-Dokument Nru 11897/09, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

113    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud u, konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

114    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

115    Skond l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, jipprevedi li l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

116    Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub minn S. in ’t Veld. Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.