Language of document : ECLI:EU:F:2011:78

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

15 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-17/05 REV

José António de Brito Sequeira Carvalho

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Talba għal reviżjoni ta’ sentenza — Fatt ġdid — Assenza — Inammissibbiltà tat-talba”

Suġġett:      Rikors li permezz tiegħu José António de Brito Sequeira Carvalho jitlob ir-reviżjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni (F‑17/05).

Deċiżjoni:      It-talba għal reviżjoni hija miċħuda bħala inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura — Reviżjoni ta’ sentenza — Talba li tikkonċerna sentenza tal-ewwel istanza ssostitwita b’sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell — Inammissibbiltà

2.      Proċedura — Reviżjoni ta’ sentenza — Motivi — Motiv ibbażat fuq l-inammissibbiltà tal-appell mis-sentenza li hija s-suġġett tat-talba għal reviżjoni — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 44)

3.      Proċedura — Reviżjoni ta’ sentenza — Motivi — Talbiet intiżi għall-annullament ta’ deċiżjoni annullata fuq appell — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 44)

4.      Proċedura — Reviżjoni ta’ sentenza — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba — Rekwiżiti proċedurali — Konstatazzjoni ta’ rabta bejn il-fatti invokati u l-punti tas-sentenza kkontestata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 44; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35 u 119(2))

1.      Talbiet għal reviżjoni huma inammissibbli meta sentenza mogħtija mill-qorti ta’ appell tiġi ssostitwita mis-sentenza tal-ewwel istanza li r-reviżjoni tagħha tkun intalbet. Barra minn hekk, meta l-parti li titlob reviżjoni ma tikkontestax is-sentenza mogħtija fuq appell fit-talba tagħha u meta din it-talba hija madankollu ppreżentata wara d-data li fiha ngħatat l-imsemmija sentenza, din it-talba ma tistax titqies li hija intiża sabiex tikseb ir-reviżjoni ta’ din is-sentenza u għaldaqstant ma tistax tagħti lok għal rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 36, 37 u 39)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, F‑17/05

2.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni prevista fl-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, qorti li ddeċidiet dwar kawża ma tistax tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni li hija tkun tat.

(ara l-punt 42)

3.      Il-proċedura ta’ reviżjoni prevista fl-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża sabiex il-qorti adita tipprovdi soluzzjoni differenti minn dik li hija kienet tat għat-tilwima. Għaldaqstant, din il-proċedura ma tistax tippermetti lill-parti li titlob ir-reviżjoni, filwaqt li t-talbiet tagħha jkunu ntlaqgħu fis-sentenza li fiha ntalbet ir-reviżjoni, tikseb motivazzjoni oħra minbarra dik li tidher fil-motivi tal-imsemmija sentenza. Għalhekk il-parti li titlob reviżjoni ma tistax titlob l-annullament ta’ deċiżjoni annullata fuq appell u li tkun tneħħiet mill-ordinament ġuridiku anki qabel it-tressiq tat-talba għal reviżjoni.

(ara l-punt 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Marzu 2002, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑77/99 REV, punt 12, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      It-talba għal reviżjoni li tkun nieqsa minn koerenza u minn preċiżjoni li ma tistabbilixxi la rabta suffiċjenti bejn il-fatti invokati u l-punti li fuqhom is-sentenza hija kkontestata u lanqas rabta bejn il-fatti u d-dokumenti intiżi sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dawn il-fatti prodotti, insostenn tat-talba għal reviżjoni, hija inammissibbli. Issa, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jippresupponi l-iskoperta ta’ elementi ta’ natura fattwali, li seħħew qabel ma ngħatat is-sentenza, iżda li l-parti li titlob ir-reviżjoni ma kellhiex għarfien dwarhom qabel l-imsemmija sentenza.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li talba għal reviżjoni għandha tindika, b’mod partikolari, il-provi intiżi sabiex juru li jeżistu fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni. F’dan ir-rigward, hija l-parti li titlob ir-reviżjoni li għandha tistabbilixxi li hija skopriet il-fatti li jiġġustifikaw, fil-fehma tagħha, ir-reviżjoni tas-sentenza, biss wara l-għoti ta’ din is-sentenza u dan, minkejja l-fatt li l-imsemmija fatti kienu seħħew qabel ma ngħatat din is-sentenza.

(ara l-punti 50, 51, 54-58)


Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 2 ta’ April 2009, Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C 255/06 P‑REV, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata