Language of document : ECLI:EU:C:2013:478

Kawża C‑205/11 P

Fédération internationale de football association (FIFA)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Xandir televiżiv — Direttiva 89/552/KEE — Artikolu 3a — Miżuri adottati mir-Renju Unit li jikkonċernaw avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru — Tazza tad-dinja tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Motivazzjoni — Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE — Dritt għall-proprjetà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà — Kompetenzi tal-Istati Membri — Investigazzjoni mill-Kummissjoni — Limitazzjoni għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Eżami tal-effetti li jmorru lil hinn mill-ostakoli inevitabbli għall-prinċipji tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Avvenimenti ta’ importanza kbira — Kunċett — Limitazzjoni biss għall-fażi finali tat-Tazza tad-dinja tal-futbol — Assenza — Avveniment diviżibbli f’diversi logħbiet jew stadji, fejn mhux kollha jistgħu neċessarjament jiġu kkwalifikati bħala avveniment ta’ importanza kbira

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessa 18; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Avvenimenti ta’ importanza kbira — Raġunijiet li jippermettu li l-fażi finali tat-Tazza tad-dinja tal-futbol titqies li hija avveniment ta’ importanza kbira fil-kuntest speċifiku tas-soċjetà ta’ Stat Membru — Obbligu ta’ dan l-Istat li jikkomunika dawn ir-raġunijiet lill-Kummissjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

5.        Appell — Aggravji — Motivi ta’ sentenza vvizzjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi — Ċaħda

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

6.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà — Kompetenzi tal-Istati Membri — Investigazzjoni mill-Kummissjoni — Motivazzjoni fil-qosor iżda rilevanti pprovduta minn Stat Membru dwar il-kwalifika ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira — Ammissibbiltà — Setgħa tal-Kummissjoni li titlob kjarifiki mingħand l-Istat Membru kkonċernat

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessa 18 u Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

7.        Appell — Aggravji — Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

8.        Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja — Ammissibbiltà — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

9.        Appell — Aggravji — Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))

10.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li taqa’ f’kuntest magħruf mill-persuna interessata li jippermettilha li tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

11.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà — Kompetenzi tal-Istati Membri — Obbligu ta’ ċarezza u ta’ trasparenza — Portata — Dritt tal-Istati Membri li jipproduċu provi addizzjonali wara l-adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

12.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri — Obbligu li jiġu żvelati r-raġunijiet għalfejn ma ġewx segwiti l-pariri mogħtija minn korpi konsultattivi nazzjonali — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

13.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

14.      Rikors għal annullament — Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni — Portata — Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat — Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

15.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti sottomessi lill-Qorti Ġenerali — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

16.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Avvenimenti ta’ importanza kbira — Fażi finali tat-Tazza tad-dinja tal-futbol — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi impliċitament ir-ritrażmissjoni esklużiva ta’ dan l-avveniment minn kanali bi ħlas — Preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Futbol — Ġustifikazzjoni bbażata fuq motivi ta’ interess ġenerali — Setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni — Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, Artikolu 1; Direttiva tal-Kunsill 85/552, Artikolu 3a)

1.        Id-determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira ssir biss mill-Istati Membri li jgawdu, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’.

Fil-fatt, minflok ma tarmonizza l-lista ta’ tali avvenimenti, id-Direttiva 89/52, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, hija bbażata fuq il-premessa li, fi ħdan l-Unjoni, jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura soċjali u kulturali fir-rigward tal-importanza tagħhom għall-pubbliku inġenerali. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni relattiva tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà, huwa kull Stat Membru li għandu jagħtihom natura konkreta u li għandu jevalwa l-interess tal-avvenimenti kkonċernati għall-pubbliku inġenerali fir-rigward tal-partikolaritajiet soċjali u kulturali tas-soċjetà tiegħu.

(ara l-punti 14, 15, 17)

2.        Is-setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni tal-legalità tal-miżuri nazzjonali li permezz tagħhom jintgħażlu avvenimenti ta’ importanza kbira, prevista mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, għandha, fid-dawl tal-importanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, dwar dan is-suġġett, tkun limitata għat-tiftix tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri meta jiġu biex jagħżlu l-avvenimenti ta’ importanza kbira.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kwistjoni dwar jekk il-kwalifika tal-avveniment ikkonċernat bħala ta’ importanza kbira hijiex kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, mad-drittijiet fundamentali, mal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll mar-regoli tal-kompetizzjoni libera, ma jistax jiġi injorat li l-kwalifika valida ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira tagħti lok għal ostakoli inevitabbli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà ta’ kompetizzjoni u għad-dritt għall-proprjetà, intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala ġustifikati minħabba l-għan ta’ interess ġenerali intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiżgura aċċess wiesa’ tal-pubbliku għar-ritrażmissjoni televiżiva tal-imsemmija avvenimenti.

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, jekk avveniment ikun intgħażel validament mill-Istat Membru kkonċernat bħala wieħed ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina biss l-effetti ta’ din l-għażla fuq il-moviment liberu tas-servizzi, fuq il-libertà ta’ stabbiliment, fuq il-kompetizzjoni libera u fuq id-dritt għall-proprjetà li jmorru lil hinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fil-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3a.

(ara l-punti 18, 19, 21-23)

3.        Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jindika li t-Tazza tad-dinja tal-futbol, fis-sens tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, hija limitata biss għall-fażi finali u li dan jikkostitwixxi avveniment wieħed u indiviżibbli. Bil-kontra, it-Tazza tad-dinja għandha titqies li hija avveniment li huwa bħala prinċipju diviżibbli f’diversi logħbiet jew stadji, fejn mhux kollha jistgħu neċessarjament jiġu kkwalifikati bħala avveniment ta’ importanza kbira.

(ara l-punt 35)

4.        Ġaladarba l-fażi finali tat-Tazza tad-dinja tal-futbol ma tistax tiġi validament inkluża, kollha kemm hi, f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira indipendentement mill-interess li jqajjem il-logħob fl-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar ma huwiex eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest speċifiku tas-soċjetà ta’ dan l-Istat, il-fażi finali tat-Tazza tad-dinja tikkostitwixxi avveniment wieħed li għandu jitqies kollu kemm hu li huwa ta’ importanza kbira għall-imsemmija soċjetà, pjuttost milli sekwenza ta’ avvenimenti individwali maqsuma fl-logħob ta’ diversi livelli ta’ interess.

(ara l-punt 41)

5.        Żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jkun jidher li huwa fondat minħabba motivi legali oħra.

(ara l-punti 44, 59)

6.        Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha ta’ investigazzjoni, il-motivazzjoni li tkun wasslet lil Stat Membru jikkwalifika avveniment bħala ta’ importanza kbira tista’ tkun fil-qosor, bil-kundizzjoni li din il-motivazzjoni tkun rilevanti. B’hekk, ma jistax jiġi rikjest, b’mod partikolari, li l-Istat Membru jindika, fin-notifika nnifisha tal-miżuri kkonċernati, informazzjoni fid-dettall u b’ċifri fir-rigward ta’ kull element jew parti mill-avveniment li kien suġġett għal notifika lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk il-Kummissjoni jkollha dubji, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-kwalifika ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira, hija għandha titlob kjarifiki mingħand l-Istat Membru li jkun għamel din l-għażla.

(ara l-punti 45, 46)

7.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 54, 90, 102)

8.        Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex inkoerenti tikkostitwixxi, ċertament, kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell, peress li l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan l-obbligu ta’ koerenza tal-motivazzjoni ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda. Ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun ikkonkludiet li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati, tissostitwixxi l-motivazzjonijiet b’mod li tiġġustifika d-deċiżjoni meħuda, l-imsemmija motivazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jibqgħux jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni meħuda.

(ara l-punti 60-63)

9.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 66)

10.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 67)

11.      L-obbligu ta’ ċarezza u ta’ trasparenza, impost mit-tielet sentenza tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, huwa intiż sabiex jevita li aġir tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jrendi mingħajr effett utli d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati ma’ libertà fundamentali. F’dan ir-rigward, il-kwalifika ta’ avveniment bħala avveniment ta’ importanza kbira għandha ssir skont kriterji oġġettivi u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi inkwadrat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ dawn l-awtoritajiet sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju. Għal dawn l-istess raġunijiet, il-proċedura nazzjonali applikata sabiex tiġi implementata din id-dispożizzjoni, għandha tiddetermina, minn qabel, l-awtorità responsabbli għall-imsemmija kwalifika u tiffissa l-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni kkonċernati jew, skont il-każ, ċerti korpi konsultattivi jistgħu jissottomettulha osservazzjonijiet qabel ma din tieħu d-deċiżjoni tagħha. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-impatt ta’ tali deċiżjoni fuq id-drittijiet ta’ xandir relatati ma’ avveniment, huwa importanti b’mod partikolari li x-xandara kkonċernati u d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet ikollhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet lil din l-awtorità.

Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni ta’ ċarezza u ta’ trasparenza teżiġi li l-imsemmija persuni kkonċernati u korpi konsultattivi jkunu jistgħu jifformulaw osservazzjonijiet biss dwar l-elementi essenzjali li abbażi tagħhom l-imsemmija awtorità għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha. Konsegwentement, xejn ma jipprekludi li Stat Membru jissottometti ulterjorment lill-Kummissjoni provi addizzjonali li jikkonfermaw din id-deċiżjoni u li jistgħu wkoll ikunu relatati ma’ perijodu sussegwenti għad-data ta’ adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira.

(ara l-punti 72-74)

12.      Fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, awtorità nazzjonali responsabbli għall-kwalifika ta’ avveniment bħala wieħed ta’ importanza kbira għas-soċjetà, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-korpi responsabbli għax-xandir tiegħu fuq it-televiżjoni, tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Għalkemm huwa minnu li, bħal ma huwa meħtieġ mill-awturi tal-atti tal-Unjoni, din l-awtorità għandha tindika r-raġunijiet għalfejn tali avveniment ġie kkwalifikat bħala wieħed ta’ importanza kbira, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-qrati kompetenti li jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom, madankollu, sabiex jiġi sodisfatt tali għan, ma huwiex neċessarju li l-imsemmija awtorità turi r-raġunijiet speċifiċi għalfejn ma segwietx il-pariri mogħtija minn ċerti korpi konsultattivi, peress li ma hijiex lanqas obbligata li ssegwihom. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li dawn il-pariri joriġinaw minn diversi korpi konsultattivi li għandhom l-istess approċċ.

(ara l-punti 77-79)

13.      Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali jista’ jkollha natura impliċita dejjem jekk tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn hija ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tirrispondi għall-argumenti invokati minn parti li ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed, sa fejn ma humiex is-suġġett ta’ żvilupp partikolari ieħor u ma humiex akkumpanjati minn argument speċifiku li jissostanzjahom.

(ara l-punt 89)

14.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 95)

15.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 101, 103)

16.      F’dak li jirrigwarda l-kwalifika tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja tal-futbol bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ Stat Membru u l-impossibbiltà, li tirriżulta minn dan, ta’ xandir esklużiv ta’ dan l-avveniment mill-korpi ta’ xandir televiżiv bi ħlas, mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir fuq it-televiżjoni, jirriżulta preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tal-Fédération internationale de football (FIFA) u li dan il-preġudizzju jista’, bħala regola, ikun iġġustifikat mill-għan intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir fuq it-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. Min-naħa l-oħra, peress li l-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja huwa utilment ikkwalifikat mill-Istat Membru kkonċernat bħala avveniment ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni għandha teżamina biss l-effetti ta’ din il-kwalifika fuq id-dritt għall-proprjetà tal-FIFA li jmorru lil hinn minn dawk intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fuq il-lista tal-avvenimenti kkwalifikati minn dawn l-awtoritajiet.

(ara l-punt 126)