Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte di Appello di Torino (l-Italja) fil-15 ta' Marzu 2010 - SCF Consorzio Fonografici vs Marco Del Corso

(Kawża C-135/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte di Appello di Torino

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SCF Consorzio Fonografici

Konvenut: Marco Del Corso

Domandi preliminari

Il-Konvenzjoni ta' Ruma fuq il-Protezzjoni tal-Artisti, tal-Produtturi tal-Fonogrammi u tal-Organizzazzjonijiet tax-Xandir tas-26 ta' Ottubru 1961, il-Ftehim TRIPs (The Agreement on Trade Related Aspects of Intellectual Property Rights), u t-Trattat WIPO (World Intellectual Property Organization) fuq l-interpretazzjonijiet u l-eżekuzzjonijiet u fuq il-fonogrammi (WPPT) huma direttament applikabbli fis-sistema legali Komunitarja?

Is-sorsi msemmija iktar 'il fuq tad-dritt internazzjonali huma wkoll direttament applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi?

Il-kunċetti rispettivi ta' "komunikazzjoni lill-pubbliku" li jinsabu fit-testi li jirriżultaw mid-dritt tat-trattati msemmija iktar 'il fuq huma konformi ma' dawk Komunitarji li jinsabu fid-Direttivi 100/92/KE 1 u 2001/29/KE 2, u fil-każ li ma jkunux, liema sors għandu jkollu preċedenza?

Ix-xandir b'xejn ta' fonogrammi li jsir ġewwa l-kliniċi dentistiċi privati li jeżerċitaw attività ekonomika bħala attività professjonali, favur il-klijentela tagħhom li jibbenefikaw minn dan ix-xandir indipendentement mir-rieda tagħhom, jikkostitwixxi "komunikazzjoni lill-pubbliku", jew "jagħmlu disponibbli lill-pubbliku" skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE?

Din l-attività ta' xandir tagħti dritt għall-ġbir ta' remunerazzjoni favur il-produtturi fonografiċi?

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120

2 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230