Language of document : ECLI:EU:C:2012:407

Kawża C-128/11

UsedSoft GmbH

vs

Oracle International Corp.

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter — Kummerċjalizzazzjoni ta’ liċenzji ta’ programmi tal-kompjuter użati mniżżla mill-internet — Direttiva 2009/24/KE — Artikoli 4(2) u 5(1) — Eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni — Kunċett ta’ ‘akkwirent leġittimu’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2009/24 — Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter — Atti suġġetti għal restrizzjonijiet — Eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter — Kundizzjonijiet — Awtorizzazzjoni, mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur tal-kopja, għat-tniżżil mill-internet u għad-dritt ta’ użu ta’ din il-kopja

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/24, Artikolu 4(2))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2009/24 — Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter — Eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet — Użu tal-programm tal-kompjuter mill-akkwirent leġittimu b’mod konformi mal-intenzjoni tiegħu — Akkwirent leġittimu — Kunċett — Akkwirent sussegwenti ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter inizjalment imniżżla, mill-ewwel akkwirent, mis-sit internet tal-propretarju tad-drittijiet tal-awtur — Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/24, Artikoli 4(2) u 5(1))

1.        L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-drittijiet tal-awtur, li awtorizza, anki jekk bla ħlas, it-tniżżil ta’ din il-kopja fuq sostenn informatiku permezz tal-internet, ikun offra wkoll, bi ħlas ta’ prezz intiż li jippermettilu jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tagħha, dritt għall-użu tal-imsemmija kopja, għal żmien indeterminat.

It-tniżżil ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ użu relatati magħha huma inseparabbli. Fil-fatt, it-tniżżil tal-kopja tal-programm tal-kompjuter huwa nieqes mill-użu jekk l-imsemmija kopja ma tistax tintuża mid-detentur tagħha. Għalhekk, dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati fl-intier tagħhom għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom.

L-imsemmija tranżazzjonijiet jimplikaw it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà tal-kopja tal-programm tal-kompjuter ikkonċernata, fid-dawl tal-fatt li d-disponibbiltà mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter tiegħu u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ użu marbut magħha huma intiżi li jrendu l-imsemmija kopja utilizzabbli mill-klijenti tagħha b’mod permanenti permezz tal-ħlas ta’ prezz intiż li jippermetti lit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tiegħu. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti jekk il-kopja tal-programm tal-kompjuter tkunx tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-klijent mit-titulari tad-dritt ikkonċernat permezz ta’ tniżżil minn fuq l-internet ta’ din tal-aħħar jew permezz ta’ sostenn materjali bħal CD-ROM jew DVD.

(ara l-punti 44-47, 72 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ liċenzja għal użu li tinkludi l-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter imniżżla minn fuq is-sit internet tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur, liema liċenzja kienet inizjalment mogħtija lill-ewwel akkwirent mill-imsemmi titulari tad-dritt għal perijodu indeterminat u bi ħlas ta’ prezz intiż li jippermettih jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-imsemmija kopja tax-xogħol tiegħu, it-tieni akkwirent tal-imsemmija liċenzja, kif ukoll kull akkwirent sussegwenti ta’ din tal-aħħar, jistgħu jinvokaw l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala akkwirenti leġittimi ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva u jibbenefikaw mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst f’din l-aħħar dispożizzjoni.

(ara l-punt 88 u d-dispożittiv 2)