Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Mejju 2011 - Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-237/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiz

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. De Bergues u A. Adam, aġenti)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla d-deliberazzjoni tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta' Marzu 2011, dwar il-kalendarju tal-perijodi ta' sessjonijiet tal-Parlament għas-sena 2012;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-protokoll Nru 6 dwar l-iffissar tal-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta' ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u tal-protokoll Nru 3 dwar l-iffissar tal-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta'ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat KEEA, u, min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas ta' osservanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta' Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament (C-345/95, Ġabra p. I-5235).

Skont il-Gvern Franċiż, meta ppreveda li tnejn mit-tnax-il perijodu ta' sessjonijet plenarji mensili li għandhom jinżammu kull sena fi Strasbourg ser jitnaqqsu minn 4 ijiem għal jumejn u li, fl-2012 se jseħħu matul l-istess ġimgħa tax-xahar ta' Ottubru, il-Parlament Ewropew ipprova jevita r-regola li t-tnax-il perijodu ta' sessjonijiet plenarji mensili, inkluża s-sessjoni baġitarja, għandhom jinżammu fi Strasbourg. Fir-realtà, id-deliberazzjoni kkontestata twassal sabiex waħda mit-tnax-il perijodu ta' sessjonijiet plenarji mensili li għandhom jinżammu kull sena fi Strasbourg, titħassar. Għaldaqstant, hija għandha l-għan waħdieni li tnaqqas it-tul tal-preżenza tad-deputati Ewropej fis-sede tal-Parlament Europew, mingħajr ma tkun immotivata minn ħtieġa ta' organizzazzjoni interna ta' xogħlijiet ta' din l-istituzzjoni.

____________