Language of document : ECLI:EU:T:2012:325

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

27 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-karta saħħara — Iffissar tal-prezzijiet — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Deċiżjoni meħuda wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni — Imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent bħala awtur dirett — Legalità tar-reati u tal-pieni — Ċertezza legali — Individwalità tal-pieni — Smigħ xieraq — Ugwaljanza fit-trattament — Terminu raġonevoli — Drittijiet tad-difiża — Multi — Preskrizzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑372/10,

Bolloré, stabbilita f’Ergué-Gabéric (Franza), irrappreżentata minn P. Gassenbach, C. Lemaire u O. de Juvigny, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls, F. Castillo de la Torre u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament jew bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4160 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.212 — Karta saħħara),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-ħarifa tas-sena 1996, il-grupp produttur tal-karti Sappi, ipprovda lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej informazzjoni li tawha raġuni għalfejn tissuspetta li kien jeżisti akkordju moħbi dwar l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-karta saħħara.

2        Matul is-sena 1997, il-Kummissjoni għamlet verifiki skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), għand numru ta’ produtturi ta’ karta saħħara, b’mod partikolari għand il-Papeteries Mougeot, għand Sappi u kumpanniji oħra, fosthom Koehler u Arjo Wiggins Appelton plc (iktar ’il quddiem “AWA”).

3        La Copigraph, kumpannija li tagħmel parti minn dan is-settur ta’ negozju, u lanqas ir-rikorrenti, Bolloré, il-kumpannija 100 % parent tagħha ma kienu involuti f’dawn il-verifiki.

4        Fix-xahar ta’ Novembru 1998, ir-rikorrenti ttrasferiet Copigraph lil AWA.

5        Fl-1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom AWA, il-Papeteries Mougeot, Divipa, Koehler u Copigraph. B’hekk, fl-20 ta’ Diċembru 1999, Copigraph irċeviet talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni.

6        Fis-26 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) li indirizzat lil 17‑il impriża, fosthom Copigraph, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, kif ukoll AWA, Divipa, il-Papeteries Mougeot, Koehler, Sappi, Stora Enso Oyj (iktar ’il quddiem “Stora”) u Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld GmbH.

7        Fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li kellha l-intenzjoni timputa fil-konfront tar-rikorrenti l-ksur allegat minħabba r-responsabbiltà tagħha, bħala 100 % kumpannija parent ta’ Copigraph fiż-żmien meta seħħ il-ksur, għall-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju.

8        Fl-20 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/337/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/36.212 — Karta saħħara) (ĠU 2004, L 115, p. 1). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imputat il-ksur allegat lir-rikorrenti mhux biss bħala l-kumpannija parent ta’ Copigraph, iżda wkoll minħabba l-involviment personali u dirett tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju.

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2002 u rreġistrata taħt ir-referenza T‑109/02, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2004/337.

10      Permezz tas-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bolloré”), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ippermettiet lir-rikorrenti tieħu konjizzjoni tal-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment personali u dirett tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju, u lanqas tal-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2004/337 insostenn ta’ dan l-ilment, b’tali mod li din il-kumpannija ma setgħetx tipprepara d-difiża tagħha, matul il-proċeduri amministrattivi, fuq din l-oġġezzjoni u fuq dawn il-fatti (sentenza Bolloré, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

11      Madankollu, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-vizzju kkonstatat kellu jagħti lok għall-annullament tad-Deċiżjoni 2004/337 biss jekk l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma setgħux jiġu stabbiliti suffiċjentement skont il-liġi abbażi ta’ provi oħra kkunsidrati f’din id-deċiżjoni u li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati kellhom l-okkażjoni jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, kieku kellu jirriżulta, mill-eżami fuq il-mertu, li l-Kummissjoni kellha, ġustament, iżżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju, l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni peress li ma setgħetx ikollha influwenza determinanti fir-rigward tad-dispożittiv tagħha.

12      Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Qorti Ġenerali, wara l-eżami fuq il-mertu, sabiex tiddeċiedi li r-rikorrenti kellha tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, indipendentement mill-involviment dirett tal-kumpannija parent, u sabiex tikkonferma d-Deċiżjoni 2004/337 inkwantu kienet tikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

13      Fuq appell ippreżentat mir-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, iktar ’il quddiem is-“sentenza PAK”), annullat is-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, kif ukoll id-Deċiżjoni 2004.337 sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti.

14      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li d-Deċiżjoni 2004/337 iddikjarat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-involviment tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, minbarra l-involviment personali ta’ din il-kumpannija parent, ma kienx jeskludi l-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni tkun ibbażata fuq aġir li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha (sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, punt 44).

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li l-Qorti Ġenerali b’hekk kienet wettqet żball ta’ liġi meta ma siltet ebda konklużjoni legali mid-deċiżjoni tagħha li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx irrispettati (sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, punt 45) u li għaldaqstant kien hemm lok li tiġi annullata s-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, sa fejn din kienet tikkonċerna lir-rikorrenti (sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, punt 46).

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet hija stess definittivament dwar il-kawża, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, iddeċidiet, essenzjalment, li l-motiv ta’ annullament tad-Deċiżjoni 2004/337 imqajjem mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, kien fondat u li din id-deċiżjoni kellha għaldaqstant tiġi annullata sa fejn kienet tikkonċerna lir-rikorrenti (sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, punt 48).

17      Sussegwentement wara dan l-annullament, il-Kummissjoni adottat, fil-15 ta’ Settembru 2009, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida (iktar ’il quddiem it-“tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), li bagħtet lir-rikorrenti.

18      F’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar l-intenzjoni tagħha li żżommha responsabbli għall-ksur bħala kumpannija parent ta’ Copigraph kif ukoll għall-involviment dirett tagħha fl-akkordju (punti 7 u 378 tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

19      Permezz ta’ osservazzjonijiet li saru fis-16 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti rrispondiet għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

20      Fit-23 ta’ Ġunju 2010, wara li ġie kkonsultat il-kumitat konsultattiv fir-rigward ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominati u fid-dawl tar-rapport finali tal-awditur, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 4160 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36212 — Karta saħħara) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

21      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienet ser tirrimedja l-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, billi terġa’ tiftaħ il-proċeduri fil-punt meta seħħet din l-illegalità (premessi 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Skont il-Kummissjoni, it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija intiża sabiex tikkoreġi l-vizzju proċedurali mwettaq minnha meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2004/337. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li din it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet ippermettiet lir-rikorrenti tiddefendi ruħha fir-rigward tar-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur mhux biss bħala kumpannija parent għall-aġir illegali tas-sussidjarja tagħha Copigraph, iżda wkoll għall-involviment personali u diretta tagħha fl-akkordju (premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Il-Kummissjoni speċifikat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ingħatat wara t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li t-test ta’ din id-deċiżjoni kien ibbażat, fuq il-mertu, fuq dak li ta lok għad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2001 u li dan it-test kien jieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Abbażi tal-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Lulju 1996, fuq in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’kawżi relatati ma’ akkordji (ĠU C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis addizzjonali mill-ammont tal-multa ta’ 5 % minbarra dak ta’ 20 % li kien ingħata fl-2001 (premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      L-Artikolu 1 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 1

Bolloré kisret l-Artikolu 101(1) TFUE, u l-Artikolu 53(1) ŻEE billi pparteċipat għal numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-karta saħħara.

It-tul tal-ksur huwa mifrux bejn Jannar 1992 u Settembru 1995.

Artikolu 2

Multa ta’ EUR 21 262 500 ġiet imposta fuq Bolloré minħabba l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

27      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod sostanzjali ħafna l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi:

30      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u tal-Artikoli 41, 47 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”), inkwantu s-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti ġiet deċiża bi ksur tal-prinċipji ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, ta’ ċertezza legali, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ dritt għal smigħ xieraq. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tat-terminu raġonevoli u tal-impossibbiltà li wieħed jiddefendi ruħu minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Linji ta’ gwida, tal-14 ta’ Jannar 1998, dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ individwalità tal-pieni u ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u tal-Artikoli 41, 47 u 49 tal-Karta

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ legalità tar-reati u tal-pieni u ta’ ċertezza legali msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u fl-Artikoli 47 u 49 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni rrikonoxxut mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

31      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni billi ssanzjonata fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jew mit-Trattat FUE ma tipprovdi l-possibbiltà li kumpannija tiġi ssanzjonata minħabba li hija l-kumpannija parent ta’ parteċipant f’akkordju. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jinkiser, minħabba l-imprevedibbiltà assoluta tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent. Fl-aħħar nett, is-sanzjoni tar-rikorrenti bħala kumpannija parent tikser il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni.

32      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, il-Kummissjoni tirrispondi, minn naħa, li l-ksur kontenzjuż huwa inkontestabbilment iddefinit fl-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma tistax iċċaħħad l-istatus ta’ sors ta’ dritt lill-ġurisprudenza. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan ma nkisirx. Fir-rigward tar-riferiment għall-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, dan jagħmel kunsiderazzjoni żbaljata tal-bażi tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent minħabba s-sussidjarji tagħhom.

33      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jinsab fil-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, kien ukoll ġie inkorporat f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1996, X, C‑74/95 u C‑129/95, Ġabra p. I‑6609, punt 25; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 215 sa 219; tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 49, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

34      L-Artikolu 7 tal-KEDB u l-Artikolu 49 tal-Karta jipprovdu li “[ħ]add ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar”.

35      Dan il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni jirrikjedi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jirreprimuh. Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ ssir taf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tagħha (sentenzi Advocaten voor de Wereld, punt 33 iktar ’il fuq, punt 50, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 39).

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-kunċett ta’ “dritt” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB jikkorrispondi għal dak ta’ “liġi” użat f’dispożizzjonijiet oħra tal-istess konvenzjoni u jinkludi d-dritt kemm ta’ oriġini leġiżlattiva kif ukoll ġurisprudenzjali (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 216, u Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 40).

37      Issa, bħall-fatt li ma jistax jiġi — kif wara kollox ma huwiex — ikkontestat li l-ksur ikkonstatat f’dan il-każ huwa ddefinit b’mod ċar fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ma jistax jiġi kkontestat li l-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja, minħabba l-fatt li dawn il-kumpanniji jiffurmaw impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, għaldaqstant, li l-kumpannija parent hija meqjusa bħala li pparteċipat fil-ksur bħal ma għamlet is-sussidjarja tagħha, jirriżulta wkoll b’mod ċar mid-dritt tal-Unjoni, skont ġurisprudenza diġà qadima tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.

38      Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li sussidjarja kellha personalità ġuridika separata ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-kumpannija parent tiġi miżmuma responsabbli għall-aġir tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li dan seta’ jkun il-każ, b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma taġixxix b’mod awtonomu fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (punti 132 u 133 tas-sentenza).

39      Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151), fil-każ tal-aġir ta’ sussidjarja 100 % ta’ AEG, il-Qorti tal-Ġustizzja imputat lil din tal-aħħar l-aġir tas-sussidjarja tagħha billi bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li din kienet issegwi l-politika mfassla mill-kumpannija parent tagħha (punt 50 tas-sentenza).

40      Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni (C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li kienet ġurisprudenza stabbilita li l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (punt 27 tas-sentenza). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma setgħetx titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ legalità, ġaladarba r-rikorrenti, li kienu ġew ikkunsidrati bħala responsabbli għall-aġir antikompetittiv tal-assoċjazzjoni li tikkummerċjalizza l-prodotti tagħhom, kienu ġew ikkundannati, taħt dan l-artikolu, għal multa minħabba ksur li ġew meqjusa li wettqu huma stess permezz ta’ din l-imputazzjoni (punt 28 tas-sentenza).

41      Fl-aħħar nett, fis-sentenzi tagħha tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58), tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni (C‑90/09 P, Ġabra p. I‑0001, punt 37), tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 96), u tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il‑Kummissjoni (C‑520/09 P, Ġabra p. I-8901, punt 38), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet li l-aġir ta’ sussidjarja seta’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ġiet imposta sanzjoni fuqha minħabba l-fatt li hija kienet il-kumpannija parent ta’ parteċipant fl-akkordju li bih hija kienet tifforma unità ekonomika, assolutament ma tiksirx il-prinċipju ta’ legalità ta’ reati u ta’ pieni.

43      Barra minn hekk bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, iċ-ċirkustanzi tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent minħabba s-sussidjarji tagħhom assolutament ma humiex ivvizzjati b’“imprevedibbiltà assoluta” li tikser, fl-opinjoni tagħha, il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

44      Qabel kollox, sa minn qabel il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod ċar ikkonstatat l-eżistenza ta’ preżunzjoni li kumpannija parent li għandha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha (sentenza AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 50).

45      Sussegwentement, is-soluzzjoni li tirriżulta mill-implementazzjoni b’mod kontinwu tas-sentenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni, T‑65/89, Ġabra p. II‑389, punti 149 u 150; tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, T‑354/94, Ġabra p. II‑2111, punt 80; tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 960, 961 u 984; tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290; tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 58 sa 60; tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punti 219 sa 221; tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punti 81 sa 83; Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136; Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 125; tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 146; tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punti 60 sa 62; tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 541 sa 560; tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punti 56 sa 58; tat-30 ta’ April 2009, Itochu vs Il‑Kummissjoni, T‑12/03, Ġabra p. II‑883, punti 49 sa 51; tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑175/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 91 u 92, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 59).

46      Din l-aħħar konstatazzjoni, relatata mal-implementazzjoni tas-soluzzjoni li tirriżulta fil-kontinwità tas-sentenza AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, ma titqegħidx inkwistjoni bir-riferiment magħmul mir-rikorrenti fil-punt 198 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot għas-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq (Ġabra p. I‑2239), fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza (punti 95 sa 100), ma segwietx il-proposti fformulati mill-Avukat Ġenerali fil-punt 213 tal-konklużjonijiet tiegħu.

47      Fir-rigward tal-argument li r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent hija imprevedibbli, minħabba l-fatt li hija bbażata fuq il-kunċett ta’ impriża, liema kunċett huwa fih innifsu impreċiż u fi żvilupp kostanti, dan għandu jiġi miċħud.

48      Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-kunċett ta’ impriża japplika għal metodi potenzjalment varjati ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika, peress li, skont il-ġurisprudenza, l-impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u tal-metodu ta’ finanzjament tagħha, u li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 54 u 55, u l-ġurisprudenza ċċitata), ma tieħu xejn mill-fatt li l-kunċett ta’ impriża, bħala unità ekonomika, hija assolutament identifikata u prevedibbli fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn kumpanniji parent u sussidjarji 100 % miżmuma.

49      Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni tista’ timponi s-sanzjoni lis-sussidjarja biss, jew lill-kumpannija parent biss, jew saħansitra lit-tnejn, assolutament ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jirrikjedi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u jkunu intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑15 ta’ Settembru 2005, L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra p. I‑8027, punt 69).

50      Fil-fatt, il-fakultà għall-Kummissjoni li timponi multa lil waħda u/jew lill-oħra mill-entitajiet, jiġifieri l-kumpannija parent u s-sussidjarja, li jiffurmaw impriża li kisret l-Artikolu 101 TFUE jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jirriżulta b’mod ċar min-natura in solidum, imfakkra mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, tar-responsabbiltà tagħhom (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 99, in fine, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 118, in fine).

51      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li s-sanzjoni tar-rikorrenti tmur kontra l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, li jipprovdi li aġir għandu jiġi ssanzjonat skont dak li huwa responsabbli għalih, għandu jiġi osservat li dan l-argument imur kontra l-bażi tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent, li ma hijiex responsabbiltà mingħajr tort dovuta għal ħaddieħor, iżda responsabbiltà għal tort u ta’ natura personali.

52      Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-entità ekonomika li wettqet il-ksur. Issa, jekk il-kumpannija parent tifforma parti minn din l-unità ekonomika, din il-kumpannija parent tiġi kkunsidrata bħala responsabbli in solidum mal-persuni ġuridiċi l-oħra li jikkostitwixxu din l-unità għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm il-kumpannija parent ma tipparteċipax direttament fil-ksur, hija teżerċita, f’dan il-każ, influwenza determinanti fuq is-sussidjarja jew is-sussidjarji li pparteċipaw fil-ksur. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-kuntest, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma tistax tiġi kkunsidrata bħala responsabbiltà mingħajr tort (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 77). F’tali ċirkustanza, il-kumpannija parent hija kkundannata għal ksur meqjus li twettaq minnha stess (sentenzi Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 34, u Schunk Kohlenstoff‑Technik et vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 74).

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti b’mod żbaljat issostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, ta’ ċertezza legali u ta’ individwalità tal-pieni. Għaldaqstant din il-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet tas-smigħ tar-rikorrenti jiksru d-dritt għal smigħ xieraq imsemmi fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta kif ukoll ir-rekwiżit ta’ imparzjalità

54      F’din il-parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-dritt tagħha għal smigħ xieraq inkiser mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma nstemgħetx mill-“Imħallfin tagħha”, peress li ħadd mill-Membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-Kummissjoni ma kien preżenti fis-smigħ tagħha. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità tal-proċedura, kemm oġġettiv kif ukoll suġġettiv, ma ġiex osservat.

55      Il-Kummissjoni tirrispondi li hija ma hijiex qorti. Il-fatt li ebda wieħed mill-Membri tagħha ma assista għas-smigħ ma jivvizzjax il-proċedura, li hija amministrattiva. Fir-rigward tal-element dwar ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità, dan huwa mingħajr rilevanza, peress li huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni hija qorti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, li assolutament ma tiċħadx li hija suġġetta għal dan ir-rekwiżit, osservatu.

56      Qabel kollox, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li d-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti kien inkiser minħabba l-fatt li dan ma nstemgħax mill-“Imħallfin tiegħu”, dan għandu jiġi miċħud.

57      Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni hija qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB jew tal-Artikolu 47 tal-Karta. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex qorti fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 81; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il‑Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 56, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 38).

58      Barra minn hekk, u b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-fatt li ħadd mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-Kummissjoni ma assista għal smigħ tar-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza ma hijiex tali li tivvizzja l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

59      B’hekk, f’kawża fejn ir-rikorrenti invoka preċiżament in-nuqqas tal-membri tal-Kummissjoni waqt is-smigħ tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, xejn ma kien jipprekludi li membri tal-Kummissjoni inkarigati milli jieħdu deċiżjoni li timponi multi jiġu informati bir-riżultati tas-smigħ minn persuni li l-Kummissjoni inkarigat biex jipproċedu bis-smigħ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, Buchler vs Il‑Kummissjoni, 44/69, Ġabra p. 733, punti 19 sa 23).

60      Din is-soluzzjoni, ibbażata fuq in-natura amministrattiva — u mhux ġudizzjarja — tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni, ġiet adottata fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar smigħ previst skont l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU L 127, p. 2268), u, b’mod iktar preċiż, skont l-Artikolu 9(1). Sin tibqa’ valida fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 14(1) tiegħu.

61      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti “ma nstemgħax mill-Imħallfin tiegħu”, huwa infondat.

62      Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li r-rekwiżit ta’ imparzjalità, kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, tal-proċedura, ma ġiex osservat.

63      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tikser ir-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva billi tgħaqqad il-funzjonijiet istruttorji ma’ dawk ta’ sanzjoni.

64      Madankollu, għandu jiġi osservat li dan l-argument kif ukoll ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti, f’dan il-kuntest, għas-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Dubus S.A. vs Franza, Nru 5242/04, tal-11 ta’ Ġunju 2009 huma bbażati, mill-ġdid, fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni hija qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

65      Ċertament, u barra minn hekk kif osservat il-Kummissjoni nnifisha, matul il-proċedura amministrattiva hija għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 718, u l-ġurisprudenza ċċitata), fosthom id-dritt għal smigħ xieraq, imsemmi fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta, u fejn ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, allegatament miksur, jikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ dan id-dritt.

66      Madankollu l-fatt li l-Kummissjoni, organu amministrattiv, jeżerċita kemm il-funzjonijiet istruttorji u ta’ sanzjoni tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma jikkostitwixxix ksur ta’ dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, ġaladarba d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għall-kontroll tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Enso Española vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 56 sa 64, u tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punti 102 u 103).

67      Iċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara l-annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni preċedenti assolutament ma tqegħidx inkwistjoni din l-evalwazzjoni.

68      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit ta’ imparzjalità suġġettiva bl-aġir u bid-dikjarazzjonijiet tagħha qabel u matul il-proċedura li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

69      Ir-rikorrenti tfakkar, minn naħa, ċerti dikjarazzjonijiet tal-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-każijiet ta’ “adozzjoni mill-ġdid” ta’ deċiżjonijiet adottati għal raġunijiet ta’ proċedura, min-naħa l-oħra, ċerti kliem użati mill-Kummissjoni sabiex tindika l-proċeduri preżenti u, fl-aħħar nett, ċerti kliem tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li, għall-Kummissjoni, din kienet tikkostitwixxi sempliċement “formalità amministrattiva” li fir-rigward tagħha ma kienx hemm dubju dwar deċiżjoni li ma tkunx favorevoli għar-rikorrenti.

70      B’mod iktar preċiż, qabel ma ngħata lok għall-proċeduri attwali, il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni ma ħebiex, fl-istqarrijiet għall-istampa relatati għal każijiet ta’ “adozzjoni mill-ġdid” preċedenti, kif għandha l-intenzjoni tipproċedi l-Kummissjoni fil-konfront tal-impriżi li fir-rigward tagħhom il-qorti tal-Unjoni tkun irrikonoxxiet ksur ta’ drittijiet. B’hekk huwa indika li “l-impriżi [setgħu] għaldaqstant ikollhom iċ-ċertezza li huma ma [humiex] ser jaħarbu, għal raġunijiet proċedurali, mill-multi imposti fil-kawżi dwar akkordji” u li “l-Kummissjoni [indirizzat] messaġġ ċar li l-parteċipanti f’akkordju ma setgħux jaħarbu mill-multi permezz ta’ raġunijiet proċedurali”.

71      Barra minn hekk, il-kliem użat mill-Kummissjoni sabiex tirreferi għal din il-kawża ftit iħallu dubji fir-rigward tal-għan ewlieni tagħha u fir-rigward ta’ meta din għandha tiġi deċiża: fl-istqarrija għall-istampa dwar id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li “adottat mill-ġdid” id-deċiżjoni tagħha fil-konfront tar-rikorrenti u tiddeskrivi dawn il-proċeduri fid-deċiżjoni kkontestata bħala sempliċi “tkomplija” tal-proċeduri inizjali u mhux bħala proċeduri ġodda.

72      Fl-aħħar nett, l-għan tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien, anki fl-opinjoni tal-Kummissjoni, li jiġi kkomunikat lir-rikorrenti l-ilment ġdid relatat mal-parteċipazzjoni personali tagħha. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni tidher li qed tistagħġeb għall-fatt lir-rikorrenti “għamlet użu” minn din il-proċedura sabiex tirrispondi għall-ewwel ilment dwar ir-rwol tagħha bħala kumpannija parent juri li dawn il-proċeduri ma jikkostitwixxu “sempliċi formalità amministrattiva” għall-Kummissjoni.

73      Għandu jiġi osservat li l-affermazzjoni mill-Kummissjoni tad-determinazzjoni tagħha li l-membri ta’ akkordji antikompetittivi ma jaħarbux, għal raġunijiet proċedurali, mis-sanzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, assolutament ma hijiex manifestazzjoni ta’ parzjalità, iżda sempliċement affermazzjoni ta’ rieda ċara, bis-sħiħ konformi mal-missjoni li għandha l-Kummissjoni, li tipprovdi rimedju, skont il-każ, għall-irregolaritajiet proċedurali kkonstatati, sabiex ma tiddgħajjifx l-effikaċja tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

74      Barra minn hekk, ma hemm ebda parzjalità fil-fatt li l-Kummissjoni tkompli bil-proċeduri mill-punt fejn ġiet ikkonstatata l-illegalità. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma’ jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji tal-proċeduri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, Ġabra p. I‑6993, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-proċedura intiża għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ bħala prinċipju titkompla fil-punt preċiż meta seħħet l-illegalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 73).

75      F’dan il-każ, l-illegalità rriżultat minn differenza bejn id-Deċiżjoni 2004/337 u l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn din id-deċiżjoni tiddikjara, għall-ewwel darba, lir-rikorrenti responsabbli mill-ksur anki fil-kwalità tagħha ta’ awtur dirett. Billi tindirizza lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida li tqiegħed inkwistjoni din il-kwalità wkoll, il-Kummissjoni tirrimedja għall-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

76      Il-fatt li l-Kummissjoni, fil-verżjoni Ingliża tal-istqarrija tal-istampa tagħha relatata mad-deċiżjoni kkontestata, indikat li hija kienet “adottat mill-ġdid” deċiżjoni — filwaqt li l-verżjoni Franċiża kienet semmiet “l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida” — assolutament ma jipprovax li l-Kummissjoni kienet parzjali kontra r-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għal din id-deċiżjoni.

77      Ir-rikorrenti mkien ma tistabbilixxi li l-Kummissjoni qieset li t-tkomplija tal-proċeduri kienet “sempliċi formalità amministrattiva”, fis-sens li din l-istituzzjoni ma tat ebda importanza għall-elementi mressqa mir-rikorrenti f’dawn il-proċeduri. Jidher, bil-kontra, li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk tikkomporta tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fi tmiem proċedura kontenzjuża u fid-dawl tal-elementi mressqa mir-rikorrenti.

78      Qabel kollox u sa fejn ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni tilmenta dwar allegat preġudizzju tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata biss skont il-provi miġbura mill-Kummissjoni. B’hekk, meta jiġu effettivament stabbiliti l-fatti ta’ ksur fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-prova ta’ manifestazzjoni prematura mill-Kummissjoni, matul din il-proċedura, tal-konvinzjoni tagħha li jeżisti l-imsemmi ksur, ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad il-prova tal-ksur innifsu. Is-sempliċi kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk, effettivament, il-prova tal-ksur ġietx prodotta jew le (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 726, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 414).

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità għandu jiġi miċħud.

80      Peress li ebda wieħed mill-partijiet tal-ewwel motiv ma huwa fondat, dan għandu jiġi miċħud.

81      Fir-rigward tal-bqija tal-eżami ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi osservat li t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, fih innifsu, jista’ jikkonċerna biss l-impożizzjoni tal-multa u mhux il-konstatazzjoni tal-ksur innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punti 40 sa 64, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 18). Sussegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi eżaminat wara l-motivi intiżi sabiex jikkontestaw l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-eżami ta’ dan ir-rikors jitkompla permezz tat-tielet motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

83      Ir-rikorrenti ssostni li ġiet ittrattata b’mod mhux ugwali fid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ Stora. Stora, kumpannija parent, bħar-rikorrenti, ta’ sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, b’differenza mir-rikorrenti, ma ġietx issanzjonata fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija parent, filwaqt li kienet, fi żmien l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u bil-kontra tar-rikorrenti, għadha azzjonista minoritarja tal-eks sussidjarja tagħha u kienet waħda mil-leaders mondjali fis-suq tal-karta.

84      Il-Kummissjoni tosserva li Stora kienet f’sitwazzjoni differenti mir-rikorrenti fi żmien id-Deċiżjoni 2004/337. Fi kwalunkwe każ, impriża ma tistax taħrab mir-responsabbiltà tagħha taħt id-dritt tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li impriżi oħra ġew itrattati b’mod differenti. Fl-aħħar nett, ladarba l-impriża tkun wettqet il-ksur identifikat, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għażla tad-destinatarju tad-deċiżjoni u tad-debitur tal-multa.

85      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309).

86      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, Stora u din tal-aħħar ma kinux f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

87      Fil-fatt, għalkemm dawn il-kumpanniji kienu effettivament, it-tnejn li huma, kumpanniji parent ta’ sussidjarji involuti fil-ksur u kienu, f’dan is-sens, destinatarji tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li huwa biss fil-każ tal-grupp Bolloré li l-Kummissjoni kkonstatat li l-kumpannija parent kienet responsabbli mill-ksur anki fil-kwalità tagħha bħala awtur dirett. B’hekk, fil-premessa 355 tad-Deċiżjoni 2004/337, imbagħad fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat espressament li kienu jeżistu provi li jinvolvu direttament lir-rikorrenti fil-ksur.

88      Dawn iċ-ċirkustanzi kkonstatati mill-Kummissjoni setgħu biss jikkontribwixxu sabiex tissaħħaħ il-prova tal-influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha matul il-perijodu li matulu seħħ il-ksur u, għaldaqstant, ir-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija parent, filwaqt li, b’kuntrast, fir-rigward ta’ Stora, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 360 tad-Deċiżjoni 2004/337, imbagħad fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-attivitajiet tal-grupp Stora fil-qasam tal-karta saħħara kienu ġew eżerċitati “direttament” mis-sussidjarja tagħha Stora Feldmühle AG sa tmiem l‑1992, fejn dawn l-attivitajiet kienu, mill-1993, ikkonċentrati fi ħdan sussidjarja ġdida tas-sussidjarja Stora Feldmühle AG.

89      Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni jistabbilixxu suffiċjentement li l-kumpanniji parent tal-gruppi Stora u Bolloré ma kinux f’sitwazzjonijiet paragunabbli matul il-perijodu li matulu seħħ il-ksur u, għaldaqstant li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lir-rikorrenti bħala kumpannija parent, filwaqt li Stora finalment ma ġietx issanzjonata taħt din il-kwalità, ma jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

90      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li Stora kienet, wara l-perijodu li matulu seħħ il-ksur u bil-kontra tar-rikorrenti, għada azzjonista tal-eks sussidjarja tagħha u attiva fis-suq mondjali tal-karta, huma ma jneħħu xejn mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti.

91      Lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet suffiċjenti preċedenti, għandu jiġi osservat li, fil-każ tal-grupp Bolloré, is-sussidjarja involuta fil-ksur (Copigraph) kienet waqqfet kull attività fix-xahar ta’ Diċembru 1999 u għaldaqstant, meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2004/337, ftit kienet tista’ tħallas xi tip ta’ multa. Min-naħa l-oħra, is-sussidjarja tagħha Stora, li maż-żmien ġiet ittrasferita lill-grupp Mitsubishi, kienet għadha f’attività sħiħa meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2004/337.

92      Għalkemm ċertament dawn il-fatti fihom infushom ma jispjegawx għalfejn Stora ma ġietx issanzjonata fl-2001 bħala kumpannija parent filwaqt li r-rikorrenti kienet, huma madankollu jiċċaraw il-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/337 u l-ħtieġa konkreta li fiha l-Kummissjoni kienet tinsab, sabiex tiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tagħha u tal-karattru dissważiv tagħha fir-rigward tar-rikorrenti, li tissanzjona lill-kumpannija parent pjuttost milli lis-sussidjarja tagħha li sa dak iż-żmien ma kinitx baqgħet attiva, filwaqt li, fil-każ ta’ Stora, l-istess għanijiet setgħu jinkisbu permezz tas-sussidjarja tagħha.

93      Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, meta impriża, bl-aġir tagħha stess, tkun kisret l-Artikolu 101 TFUE, hija ma tistax tevita kull sanzjoni għar-raġuni li operaturi ekonomiċi oħra ma ngħatawx multa, meta, bħal f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar ma tkunx tressqet quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 197; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 141, u tal-14 ta’ Lulju 2008, Compagnie maritime belge vs Il‑Kummissjoni, T‑276/04, Ġabra p. II‑1277, punt 94).

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u tal-impossibbiltà li wieħed jiddefendu ruħu minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn it-tmiem tal-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

95      Ir-rikorrenti tilmenta lill-Kummissjoni talli nnotifikatilha t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’terminu raġonevoli, jiġifieri iktar minn erbatax-il sena wara l-fatti. Dan it-terminu huwa dovut għall-fatt li l-Kummissjoni kompliet issostni deċiżjoni inizjali li l-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement annullat.

96      Id-dekorriment taż-żmien bejn it-tmiem tal-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ipprekludiet lir-rikorrenti milli tiddefendi lilha nnifisha mill-ilment relatat mar-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph. Fil-fatt, issa hija għandha tiddefendi ruħha, għall-ewwel darba, fir-rigward tal-materjalità tal-fatti li bihom Copigraph hija akkużata, li fir-rigward tagħhom hija ma kellhiex twieġeb fil-kuntest tal-proċeduri inizjali u li dwarhom hija bl-ebda mod ma kienet f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha fil-kuntest ta’ din il-kawża.

97      Tali dekorriment taż-żmien ipprekluda wkoll lir-rikorrenti milli tiddefendi ruħha kontra l-ilment dwar il-parteċipazzjoni personali tagħha fil-ksur.

98      Il-Kummissjoni ssostni li s-sussegwenza tal-proċeduri f’dan il-każ turi li t-terminu ma għandu xejn li ma huwiex raġonevoli. Hija tfakkar li, fir-rigward tal-impożizzjoni tal-multa, il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli huwa implementat mir-regoli ta’ preskrizzjoni.

99      Ir-riferiment għal terminu ta’ erbatax-il sena jmur kontra l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni 2004/337. Barra minn hekk, it-tul tal-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni “ppersistiet” sabiex iżomm fis-seħħ id-Deċiżjoni 2004/337, hija ma tistax tiġi kkritikata bih.

100    Fir-rigward tal-allegazzjoni li d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet affettwa d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, din ma ġietx ipprovata.

101    Fir-rigward tar-responsabbiltà tar-rikorrenti bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex differenti mill-ewwel waħda. Issa, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tiżgura d-difiża tagħha dwar dan il-punt fl-2000 u li tikkontesta l-materjalità tal-fatti, li kieku xtaqet tagħmel hekk. Il-fatt li hija ma għamlitx dan jirriżulta minn għażla difensiva min-naħa tagħha. Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti ma kinitx involuta sa mill-bidu fil-proċeduri, il-Kummissjoni tfakkar li l-fażi kontenzjuża tal-proċedura tibda bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-impriżi ma għandhom l-ebda dritt jiġu suġġetti għal ispezzjoni u li l-mod li bih hija tmexxi l-investigazzjoni tagħha ma jistax jiddependi fuq ċirkustanzi partikolari għal kull impriża. Qabel kollox, fir-rikors kontra d-Deċiżjoni 2004/337, ir-rikorrenti wriet il-kapaċità tagħha li tiddefendi ruħha fuq il-mertu.

102    Fir-rigward tar-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-parteċipazzjoni personali tagħha fil-ksur, il-Kummissjoni tqis ukoll li ma ġietx ipprovata l-inkapaċità tar-rikorrenti li tiddefendi ruħha. Iċ-ċirkustanzi fattwali esposti fid-deċiżjoni kkontestata huma l-istess bħal dawk esposti fid-Deċiżjoni 2004/337 u kienu magħrufa mir-rikorrenti. Filwaqt li kienet taf bir-responsabbiltà tagħha kemm bħala kumpannija parent kif ukoll bħala persuna li timpjega persuni li pparteċipaw fil-laqgħat tal-akkordju, ir-rikorrenti qatt ma kkontestat il-materjalità tal-fatti filwaqt li l-impjegati tagħha kienu għadhom qed jaħdmu għaliha, iżda tqajjem l-argument biss wara li telqu.

103    Għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li jissemma fl-Artikolu 47(2) tal-Karta, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tosserva terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl et vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 179, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs Il‑Kummissjoni, T‑196/01, Ġabra p. II‑3987, punt 229).

104    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura amministrattiva tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest li fih taqa’, tal-istadji proċedurali differenti li ġew segwiti, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll tal-kwistjonijiet tal-partijiet differenti interessati (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 187; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 1999, Partex vs Il‑Kummissjoni, T‑182/96, Ġabra p. II‑2673, punt 177, u Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 230).

105    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli, bil-presuppost li din hija stabbilita, ma tiġġustifikax neċessarjament l-annullament tad-deċiżjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-iskadenza tat-terminu raġonevoli tista’ tikkostitwixxi motiv għal annullament biss f’każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur, ġaladarba jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Minbarra din l-ipoteżi speċifika, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli huwa irrilevanti għall-validità tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 17 u r-Regolament Nru 1/2003 (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 49, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punti 47 u 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 227; ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑110/10 P, Ġabra p. I-10439, punti 95 sa 106).

106    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi bagħtitilha, iktar minn erbatax-il sena wara li ntemm il-ksur li kontrih ittieħdet azzjoni, it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kisret it-terminu raġonevoli u ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, minħabba din id-dikjarazzjoni tardiva, ir-rikorrenti ġiet miċħuda mill-possibbiltà konkreta li tiddefendi ruħha, u dan kemm bħala kumpannija parent ta’ Copigraph kif ukoll bħala awtur dirett tal-ksur. Ir-rikorrenti tosserva li t-tul tal-proċedura huwa, essenzjalment, dovut għall-fatt li f’Diċembru 2001, il-Kummissjoni imponiet u ppersistiet sabiex iżomm fis-seħħ, minkejja rikors ippreżentat minnha, deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement annullat permezz tas-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża.

107    Fir-rigward tal-punt dwar jekk it-terminu raġonevoli ġiex osservat f’dan il-każ, qabel kollox għandu jitfakkar li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura amministrattiva għandha tiġi evalwata skont il-kuntest li fih hija tidħol u tal-istadji proċedurali differenti li ġew segwiti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq). Is-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu ta’ erbatax-il sena magħmula mir-rikorrenti, irrispettivament mill-kuntest u l-istadji differenti tal-kawża, ma jistax jippermetti li tiġi mwieġba l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni osservatx ir-rekwiżit tat-terminu raġonevoli.

108    F’dan il-każ, l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intbagħtet lir-rikorrenti fis-26 ta’ Lulju 2000, jiġifieri erba’ snin u sitt xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni, f’Jannar 1997. Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2004/337, din ġiet fis-seħħ sena u ħames xhur wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

109    Għandu jiġi kkunsidrat li dan it-tul ma eċċediex it-terminu raġonevoli, b’mod partikolari fid-dawl tan-numru kbir ta’ impriżi kkonċernati bil-verifiki preliminari, imbagħad bil-proċedura kontenzjuża. Barra minn hekk u bħal ma osservat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma sostnietx, kemm fir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni 2004/337 kif ukoll f’dan ir-rikors, li l-Kummissjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, kienet kisret it-terminu raġonevoli.

110    Ir-rikorrenti tasal l-iktar sabiex tikkritika lill-Kummissjoni talli involvietha tard wisq fil-proċedura amministrattiva, f’mument meta fi kwalunkwe każ Copigraph kienet ġiet ittrasferita lil grupp ieħor. Dan l-ilment huwa eżaminat fil-punti 139 sa 154 iktar ’il quddiem.

111    Fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja mibdija permezz tar-rikors fil-kawża T‑109/02, għandu jiġi osservat li l-perijodu li matulu l-qorti tal-Unjoni eżaminat il-legalità tad-Deċiżjoni 2004/337, imbagħad il-validità tas-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sa meta jiġi ddeterminat it-tul tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 123, u tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑66/01, Ġabra p. II‑2631, punt 102). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq (punti 146 sa 149), osservat espressament li t-tul ta’ proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienx eċċeda t-terminu raġonevoli.

112    Fil-15 ta’ Settembru 2009, jiġifieri tnax-il jum wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2004/337 mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sussegwentement seħħet fit-23 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri ftit iktar minn disa’ xhur wara din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan il-każ ukoll, għandu jiġi kkunsidrat li t-tul tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2004/337 ma eċċediex it-terminu raġonevoli.

113    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tul ta’ erbatax-il sena li ddekorra bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jispjega ruħu b’sussegwenza ta’ stadji proċedurali li l-ebda wieħed minnhom ma eċċeda t-terminu raġonevoli.

114    Madankollu r-rikorrenti ssostni li l-ksur tat-terminu raġonevoli seħħ. Fil-fatt, fid-dawl tad-dritt ta’ kull persuna li l-kawżi li jikkonċernawha jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (Artikolu 47 tal-Karta), il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkundannaha għal ilmenti nnotifikati iktar minn erbatax-il sena wara l-fatti. Ir-rikorrenti tirrimarka li dan it-tul estremament twil huwa, essenzjalment, dovut għall-fatt li l-Kummissjoni imponiet, fix-xahar ta’ Diċembru 2001, u ppersistiet sabiex iżżomm fis-seħħ, minkejja rikors ippreżentat minnha, deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement annullat permezz tas-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, għal ksur tad-drittijiet tad-difiża.

115    Sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tipprova tinvoka l-ksur tat-terminu raġonevoli sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-multa indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-ksur ġiex stabbilit, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm id-dekorriment ta’ terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika, taħt ċerti ċirkustanzi, l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-istess ma jistax japplika meta jkun qed jiġi kkontestat l-ammont tal-multi imposti permezz ta’ din id-deċiżjoni peress li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija rregolata b’leġiżlazzjoni stabbilixxiet terminu ta’ preskrizzjoni f’dan ir-rigward (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 321, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 220).

116    Issa, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61), u sussegwentement ir-Regolament Nru 1/2003 li ssostitwieh fil-qasam tal-kompetizzjoni, stabbilixxew leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettall it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, timponi multi fuq l-impriżi li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward ta’ multi fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, mill-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003 (li qabel kien l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/74) jirriżulta li l-preskrizzjoni tiskadi wara għaxar snin minn meta l-preskrizzjoni hija interrotta skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (li qabel kien l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/74), b’mod li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal b’mod indefinit id-deċiżjoni tagħha dwar il-multi mingħajr ma tinkorri r-riskju tad-dekorriment tal-preskrizzjoni (sentenzi CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 324, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 223).

117    Fil-preżenza ta’ din il-leġiżlazzjoni, kull kunsiderazzjoni marbuta mal-obbligu għall-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha tiġi eskluża (sentenza CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 324, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 224; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il‑Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punti 20 sa 22, u Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punti 46 sa 49).

118    Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tat-terminu raġonevoli sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-multa indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-ksur ġiex stabbilit, din il-pretensjoni għandha tiġi miċħuda.

119    Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-finijiet li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur, anki fin-nuqqas ta’ preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 105 iktar ’il fuq, id-dekorriment tat-terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi motiv għal annullament biss f’każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, sakemm ikun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Minbarra f’din is-sitwazzjoni speċifika, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli huwa irrilevanti għall-validità tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 17 u r-Regolament Nru 1/2003.

120    Sussegwentement, fir-rigward tal-kritika magħmula lill-Kummissjoni talli kompliet iżżomm fis-seħħ id-Deċiżjoni 2004/337 minkejja r-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 278 TFUE, “[l]-azzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea ma ikollhomx l-effett ta’ sospensjoni” u, min-naħa l-oħra, li huwa preżunt li att huwa validu sakemm ma jkunx ġie annullat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, C‑227/92 P, Ġabra p. I‑4443, punt 69, u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 60).

121    Fir-rigward tal-kontestazzjoni tad-dritt tal-Kummissjoni li titkompla l-proċedura amministrattiva wara l-annullament, permezz tas-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, tad-Deċiżjoni 2004/337, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat li għandha tadotta miżuri li tirriflettu s-sentenza ta’ annullament.

122    Fis-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, wara li indikat li kien importanti li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika taħt liema kapaċità impriża tiġi akkużata bil-fatti allegati (punt 39 tas-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrenti ma setgħetx tipprovdi, skont l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timputa fil-konfront tagħha, fid-Deċiżjoni 2004/337, il-ksur anki minħabba l-involviment personali u dirett tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju (punt 40 tas-sentenza).

123    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġġudikatx minn qabel il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti tinsabx f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tiddefendi ruħha. Hija kkunsidrat biss li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ddikjarat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-involviment tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, minbarra l-involviment personali ta’ din il-kumpannija parent, ma kienx jeskludi l-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni tkun ibbażata fuq aġir li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura d-difiża tagħha (punt 44 tas-sentenza).

124    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li xejn fl-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kien jipprojbixxi lill-Kummissjoni, skont il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, milli tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lir-rikorrenti li tinvolvi lil din tal-aħħar mhux biss bħala kumpannija parent, iżda wkoll bħala awtur dirett tal-ksur.

125    B’hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma pprovatx tirrimedja għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-adozzjoni ta’ miżura purament formali.

126    Bil-kontra, permezz tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi nnotifikat lir-rikorrenti dwar l-involviment tagħha mhux biss bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, iżda wkoll bħala awtur dirett, il-Kummissjoni implementat is-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, billi tat bidu għal proċedura kontenzjuża ġdida li kienet toffri lir-rikorrenti l-possibbiltà li tiddefendi ruħha fuq numru ta’ lmenti.

127    Madankollu, tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti, hekk kif oġġezzjonat fir-risposta tagħha għat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u sussegwentement f’dan ir-rikors, tqiegħdet, minħabba d-dekorriment taż-żmien sa din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tiddefendi ruħha kontra l-ilmenti li hija tinkludi.

128    Fil-fatt, f’tali każ, fejn il-prova għandha tiġi prodotta mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 61), għandu jiġi konkluż li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata seħħet bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

129    Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata l-oġġezzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-impossibbiltà tagħha li tiddefendi ruħha minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, qabel kollox, fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur lilha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph u, sussegwentement, fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur lilha bħala awtur dirett.

130    Qabel kollox, fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur lir-rikorrenti bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tinsabx iżjed f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha. Fil-fatt, ġaladarba l-ilmenti tal-Kummissjoni relatati mal-aġir ta’ Copigraph ġew innotifikati direttament lil din il-kumpannija fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti stess ma kellhiex x’tirrispondi dwar dan. Għalhekk hija tidher li ddefendiet ruħha biss fuq l-elementi li jikkaratterizzaw ir-responsabbiltà tagħha stess bħala kumpannija parent, jiġifieri fuq l-aġir tagħha bħala entità li tikkontrolla lil Copigraph. Issa, ir-rikorrenti, li hija l-unika destinatarja tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, issa għandha tiddefendi ruħha wkoll kontra l-ilmenti relatati mal-aġir ta’ Copigraph, liema fatt huwa, prattikament, impossibbli minħabba d-dekorriment taż-żmien.

131    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fi kwalunkwe ipoteżi, fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tiddefendi ruħha fir-rigward tal-aġir ta’ Copigraph, u dan minħabba nuqqasijiet tal-Kummissjoni fit-tmexxija ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, attwalment hekk tinsab a fortiori.

132    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li fl-ewwel proċedura amministrattiva r-rikorrenti ma kellhiex twieġeb għall-aġir ta’ Copigraph, għandu jitfakkar li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet innotifikata kemm lir-rikorrenti kif ukoll lil Copigraph u li, minħabba l-unità ekonomika li jiffurmaw dawn il-kumpanniji, l-aġir li bih ġiet akkużata Copigraph kien ukoll dak tar-rikorrenti, fejn din tal-aħħar ġiet involuta minħabba ksur li tqieset li wettqet hija stess (ara l-punt 52 iktar ’il fuq).

133    Iċ-ċirkustanza li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tittratta, fi żviluppi separati, il-kwistjoni tal-imputabbiltà lir-rikorrenti għall-ksur u d-deskrizzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu ksur innifishom tixhed sempliċement il-fatt li l-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-ksur lir-rikorrenti kienet tirrikjedi spjegazzjonijiet speċifiċi. Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet jingħaddu mad-deskrizzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu ksur, mingħajr ma jissostitwixxu ruħhom fir-rigward tal-kumpannija parent. B’hekk, u bil-kontra ta’ li tallega r-rikorrenti, dawn l-ispjegazzjonijiet ma kinux jifformaw ilment separat minn ilment ieħor imputat biss lis-sussidjarja. Huma ma jawtorizzawx lir-rikorrenti tqis li d-deskrizzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ma jikkonċernawhiex.

134    Ir-rikorrenti toġġezzjona li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni “hija perikoluża inkwantu wieħed ma jistax loġikament jirrikjedi minn kumpannija li tikkontesta l-kontroll li hija teżerċita fuq kumpannija oħra sabiex fid-difiża tagħha taċċetta r-responsabbiltà għall-aġir ta’ din il-kumpannija”.

135    Għandu jiġi kkonstatat li din l-oġġezzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza relatata mar-responsabbiltà personali tal-kumpanniji parent fil-każ ta’ unità ekonomika mas-sussidjarji tagħhom, liema fatt ġie stabbilit sew fi żmien il-fatti. Barra minn hekk, fiha nnifisha ma hemm ebda kontradizzjoni f’li wieħed jinvoka, sussidjarjament għal difiża bbażata fuq in-nuqqas ta’ unità ekonomika bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja, difiża li tikkomporta l-fatti li jikkostitwixxu ksur innifishom.

136    Fl-aħħar nett, u sa fejn din l-oġġezzjoni tissuġġerixxi li ma jistax jiġi leġittimament rikjest minn kumpannija parent li tippretendi li ma għandhiex kontroll fuq is-sussidjarja tagħha li fl-istess waqt tkun fil-pussess tal-elementi li jippermettulha tiddefendi ruħha kontra l-fatti mwettqa mis-sussidjarja tagħha, jeħtieġ li din tiġi miċħuda.

137    Fil-fatt, jew ma hemmx kontroll effettiv tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja u, f’dan il-każ, il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent lanqas biss tirriżulta, bil-konsegwenza li ftit jimporta għaliha li tiddefendi lilha nnifisha fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha; jew tali kontroll jeżisti u, f’dan il-każ, hija għal kollox il-kumpannija parent li għandu jkollha, kemm billi żżomm fl-arkivji tagħha jew permezz ta’ kull mezz ieħor, elementi li jippermettulha tiddefendi ruħha kontra l-involviment personali tagħha bħala kumpannija parent li tifforma unità ekonomika mas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 171).

138    Miċ-ċirkustanzi preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li hija ma kintix ikkonċernata mill-elementi tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandha tiġi miċħuda.

139    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument li r-rikorrenti kienet għalkollox, sa mill-ewwel proċedura amministrattiva u minħabba nuqqasijiet tal-Kummissjoni fit-tmexxija ta’ din il-proċedura, f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tiddefendi ruħha fuq il-fatti li bihom ġiet akkużata Copigraph.

140    Ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet involuta tard wisq mill-Kummissjoni f’din il-proċedura amministrattiva, meta hija kienet diġà ttrasferiet lil Copigraph f’Novembru 1998, bl-arkivji kollha tagħha, lil terz u li Copigraph kienet waqfet kull attività. B’hekk, sa mill-ewwel proċedura amministrattiva, hija ma kinitx kapaċi tiddefendi ruħha fir-rigward tal-fatti li jikkostitwixxu ksur imwettqa minn Copigraph. Attwalment hekk tinsab, a fortiori.

141    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli, b’differenza tal-impriżi l-oħra ssanzjonati f’din il-kawża, ma informathiex dwar il-proċedimenti li kienu fis-seħħ, filwaqt li madankollu l-Kummissjoni sa mill-bidu kellha l-informazzjoni kollha dwar ir-rabtiet bejnha u bejn Copigraph. Minħabba f’hekk, ir-rikorrenti ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli mill-impriżi l-oħra li kienu involuti.

142    Għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni previsti mir-Regolament Nru 17 u sussegwentement mir-Regolament Nru 1/2003 u li tkopri sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentazzjoni tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontenzjuża li tkopri mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punti 181 sa 183, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 38; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501 punt 47).

143    Huwa biss fil‑bidu tal‑fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva li l‑impriża kkonċernata hija informata, permezz tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, bl‑elementi essenzjali kollha li fuqhom il‑Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l‑istadju tal‑proċedura u li din l‑impriża għandha dritt ta’ aċċess għall‑fajl sabiex jiġi ggarantit l‑eżerċizzju effettiv tad‑drittijiet tad‑difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punti 315 u 316; Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 47, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 59).

144    B’hekk jirriżulta li l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari ma għandhiex bħala għan li tippermetti lill-impriżi jiddefendu ruħhom, iżda li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha neċessarji, fejn din l-istituzzjoni għandha l-libertà ta’ għażla dwar kif għandha tmexxi l-investigazzjoni tagħha u tiġbor informazzjoni minn impriżi li hija tqis li jistgħu jkunu f’pussess ta’ informazzjoni oħra utli. Il-Kummissjoni assolutament ma hijiex obbligata tibgħat it-talbiet għal informazzjoni jew li tagħmel l-istess domandi, fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari, lill-impriżi kollha li fir-rigward tagħhom hija tissuspetta li pparteċipaw fi ksur. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ tali obbligu hija ta’ natura li tippreġudika l-libertà ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, l-effikaċja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑48/00, Ġabra p. II‑2325, punt 212).

145    Ċertament, fir-rigward tal-osservazzjoni ta’ terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tas-sors ta’ ostakoli eventwali għall-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża ma għandhiex tkun limitata biss għall-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, iżda għandha testendi ruħha għall-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul totali tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punti 49 u 50; Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punti 54 u 55, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 118).

146    Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għall-kwistjoni dwar jekk u sa fejn il‑Kummissjoni hija obbligata tipprovdi lill-entità kkonċernata, sa mill-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, ċerti elementi ta’ informazzjoni dwar is‑suġġett u l-għan tal-investigazzjoni, li jippermettulha żżomm l-effikaċja tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 119).

147    Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni, sa minn qabel l-ewwel miżura adottata fir-rigward ta’ entità speċifika, hija meħtieġa li fi kwalunkwe każ, tinnotifika lil din l‑entità bil-possibbiltà stess ta’ miżuri istruttorji jew ta’ prosekuzzjoni taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ma jipprekludix intenzjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona l-kumpannija li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qabel ma tesplora jekk, eventwalment, il-ksur jistax jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 82, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 121).

149    Għalhekk, sakemm id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikun f’pożizzjoni li jesponi b’mod effettiv il-fehma tiegħu matul il-proċedura kontenzjuża amministrattiva dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar bħala prinċipju ma hijiex marbuta, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li tinvestiga lil dan id-destinatarju qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 122).

150    B’hekk, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tinvolviha f’fażi iktar kmieni milli kienet għamlet fl-ewwel proċedura amministrattiva.

151    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti, li għandha aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, ma tissostanzjax, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-allegazzjoni tagħha li din l-istituzzjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, sa mill-bidu tal-proċeduri, l-informazzjoni kollha dwar ir-rabtiet tagħha ma’ Copigraph. Barra minn hekk peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi ruħha għar-rikorrenti fl-obbligu tagħha tal-produzzjoni tal-prova, għandu jiġi kkonstatat li l-unika prova prodotta quddiemha u li tipprova, billi tattribwilha data ċerta, l-informazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rabtiet bejn Copigraph u r-rikorrenti ma huwiex dokument tal-1996 jew tal-1997, iżda jidher li hija r-risposta ta’ Copigraph tal-10 ta’ Frar 2000, għat-talba għal informazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 1999. Din it-talba għal informazzjoni kienet saret direttament wara l-informazzjoni, ipprovduta minn AWA lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Diċembru 1999, li din il-kumpannija kienet akkwistat lil Copigraph biss f’Novembru 1998. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet direttament lil Copigraph informazzjoni fuq l-attività tagħha qabel dan l-akkwist. Fl-ewwel paragrafu tar-risposta tagħha, Copigraph informat lill-Kummissjoni dwar ir-rabtiet tagħha mar-rikorrenti. Hija din l-informazzjoni, ipprovduta fi Frar 2000, li, iċċitata kważi bl-istess mod fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, immotivat l-ispedizzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti bħala kumpannija parent.

152    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ttrasferiet lil Copigraph flimkien mal-arkivji tagħha u allegatament ma kellhiex iktar il-possibbiltà li tiddefendi ruħha, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, hija r-rikorrenti li għandha tħares, fiċ-ċirkustanzi tal-bejgħ ta’ Copigraph, li żżomm, fil-kotba u fl-arkivji tagħha stess jew permezz ta’ kull mezz ieħor, bħal pereżempju li dritt ta’ aċċess għall-arkivji ttrasferiti, l-elementi li jippermettulha telenka l-attività tas-sussidjarja tagħha, sabiex ikollha l-provi neċessarji sabiex tkun tista’ tiddefendi ruħha fl-ipoteżi ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 171). Min-naħa l-oħra, jekk jintlaqa’ dan l-argument jitqiegħed inkwistjoni d-dritt stess tal-Kummissjoni li tipproċedi kontra kumpannija parent wara l-bejgħ tas-sussidjarja tagħha.

153    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn ir-rikorrenti, bħal ma tallega, kienet effettivament inkapaċi li tiddefendi ruħha kontra l-involviment tagħha, fit-tieni proċedura amministrattiva, bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, din l-inkapaċità ma rriżultatx mid-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew minn tort tal-Kummissjoni, iżda biss minn ċirkustanzi attribwibbli lir-rikorrenti.

154    Barra minn hekk, sussidjarjament, għandu jiġi osservat li l-allegazzjoni li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni, sa mill-ewwel proċedura amministrattiva, li tiddefendi ruħha fir-rigward tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li ma ressqitx din l-allegazzjoni fir-rikors fil-kawża T‑109/02. Madankollu, li kieku din l-allegazzjoni kellha xi tip ta’ sustanza, ir-rikorrenti ċertament ma kinitx tonqos milli tinvokaha fir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni 2004/337. Barra minn hekk, f’dan l-istess rikors, fil-verità r-rikorrenti ddefendiet ruħha fir-rigward tal-fatti li jikkostitwixxu ksur innifishom, peress li hija kkontestat it-tul tal-ksur u sostniet li Copigraph kellha biss rwol ta’ segwaċi fl-akkordju.

155    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument li, minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha, fit-tieni proċedura amministrattiva, kontra l-involviment tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph.

156    Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur fir-rigward tagħha bħala awtur dirett, hija lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

157    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-elementi tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex issostni r-responsabbiltà tar-rikorrenti bħala awtur dirett jirreferu esklużivament għall-parteċipazzjoni tal-impjegati tar-rikorrenti fil-laqgħat tal-kartell (ara l-punt 376 tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ibbażata fuq l-adeżjoni tar-rikorrenti fl‑Association of European Manufacturers of Carbonless Paper (Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej tal-Karta Saħħara, AEMCP), involuta fil-ksur.

158    Għaldaqstant il-Kummissjoni kkunsidrat, kif previst mill-involviment dirett tar-rikorrenti fl-akkordju, il-fatt li tnejn mill-impjegati tagħha, V. (direttur tal-fabbrika tal-karti tar-rikorrenti f’Thonon-les-Bains u l-kap tad-diviżjoni “Karta speċjali” tar-rikorrenti) u ta’ taħtu, B. (li jokkupa kariga ta’ bejgħ fil-kartolerija tar-rikorrenti ta’ Thonon-les-Bains), kienu assistew għal-laqgħat tal-kartell.

159    Għandu jiġi osservat li la l-kwalità ta’ impjegati tar-rikorrenti ta’ dawn iż-żewġ persuni u lanqas ir-realtà tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-kartell ma hija kkontestata mir-rikorrenti fir-rikors. Fil-fatt, sew fit-talba kif ukoll fir-replika, dan ir-rikors ma jikkomporta ebda motiv jew argument li jiddenunzja żball tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Ir-rikorrenti semmiet, l-iktar, dikjarazzjoni ta’ B. li tgħid li huwa eżerċita karigi għand ir-rikorrenti biss sa minn Frar 1995. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ġdida, li fir-rigward tagħha xejn ma jiġġustifika l-fatt li ġiet ippreżentata tard, hija inammissibbli fir-rigward tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, din l-allegazzjoni ma hija ssostanzjata minn ebda prova mir-reġistru tal-persunal tar-rikorrenti, filwaqt li hija kkontestata mir-risposta ta’ Copigraph, tal-10 ta’ Frar 2000, għat-talba għal informazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 1999, li l-parti kkonċernata eżerċitat funzjonijiet ta’ bejgħ għand ir-rikorrenti mill-1994.

160    Għaldaqstant ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ibbażat fuq il-fatt li hija biss fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni allegat li dawn iż-żewġ persuni kienu aġixxew bħala rappreżentanti tar-rikorrenti. Issa, ġaladarba dawn iż-żewġ impjegati kienu telqu mill-grupp Bolloré u li r-rikorrenti ma fadlilha ebda rabta mal-attivitajiet eventwalment eżerċitati minnhom, kien tard wisq li tinġabar ix-xhieda tagħhom, jew li jsiru riċerki fl-arkivji, fir-rigward ta’ din l-allegazzjoni ġdida tal-Kummissjoni.

161    Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ċaħditha mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha fir-rigward tal-involviment tagħha fil-ksur, li bih hija akkużata fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

162    Biex tispjega l-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti tipproduċi lista ta’ informazzjoni u dokumenti fejn hija ssostni li, fl-ipoteżi ta’ involviment fiż-żmien bħala awtur dirett tal-ksur u għall-finijiet tad-difiża tagħha, hija ma tkunx naqset milli ssaqsi liż-żewġ impjegati tagħha jew milli tirriċerka dwarhom fl-arkivji tagħha.

163    Fir-rigward tan-novità tal-ilmenti tal-Kummissjoni esposti mir-rikorrenti, dawn għandhom mill-inqas jiġu relativizzati.

164    Evidentement, huwa minnu li huwa biss fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni wettqet imputazzjoni, f’forma debita u ġusta, tal-ksur lir-rikorrenti bħala awtur dirett.

165    Madankollu, u anki jekk id-Deċiżjoni 2004/337 ġiet annullata minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li, minn perspettiva fattwali, ir-rikorrenti kienet taf, sa din id-data, li l-Kummissjoni kienet takkużaha bi ksur anki bħala awtur dirett, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ V. u ta’ B., impjegati tar-rikorrenti, fil-laqgħat tal-kartell. Għaldaqstant ma huwiex fl-2009 li r-rikorrenti kienet ġiet informata bil-pożizzjoni tal-Kummissjoni, iżda fl-2001.

166    Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, ir-rikorrenti ma tistax tislet argument mill-kliem tar-risposta tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑109/2 sabiex tippretendi, essenzjalment, li l-imputazzjoni tal-ksur fir-rigward tagħha bħala awtur dirett kienet tikkostitwixxi, fl-2009, ilment ġdid għaliha. Fil-fatt, huma liema huma l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑109/02, ma huwiex ikkontestat li l-imputazzjoni bħala awtur dirett kienet tinsab effettivament fid-Deċiżjoni 2004/337. Huwa għaldaqstant ċertament għal din ir-raġuni, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ppreżentat rikors fil-Kawża T‑109/02 u li kemm il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq, setgħu jikkonfermaw dan il-fatt.

167    Għall-istess raġunijiet, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tislet argument mill-fatt li l-awditur tal-Kummissjoni, f’ittra tat-13 ta’ Jannar 2010, indika li t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tikkomporta “ilment għalkollox ġdid li jirreferi għal fatti li jmorru lura għal iktar minn ħmistax-il sena”. Barra minn hekk, jekk wieħed jissostitwixxi din l-ittra mill-kuntest tagħha, għandu jiġi osservat li din kienet tikkonċerna biss risposta għal talba tar-rikorrenti għal terminu addizzjonali sabiex tirrispondi għat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha r-rikorrenti stess spjegat li din kienet tikkonċerna lment “għalkollox ġdid” u li l-fatti kienu jmorru lura għal iktar minn ħmistax-il sena. Barra minn hekk, u sabiex ma jkunx hemm tħassib fir-rigward tal-pożizzjoni tal-awditur, għandu jiġi osservat li dan tal-aħħar, fir-rapport finali tiegħu, osserva espressament li “l-ilment dwar [il-]parteċipazzjoni diretta [tar-rikorrenti kien] ġie nnotifikat lilu fid-[Deċiżjoni 2004/337]”.

168    Fl-aħħar nett, u lil hinn miċ-ċirkustanzi preċedenti, għandu jiġi osservat li, sa mill-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi fattwali li kienet tikkostitwixxi l-parteċipazzjoni ta’ V. u ta’ B. għal-laqgħat tal-kartell kienu diġà ġew esposti mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur, li f’dak iż-żmien ġie attribwit lil Copigraph u lir-rikorrenti bħala kumpannija parent ta’ Copigraph. Fi kliem ieħor, sa mill-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti, anki jekk ikkunsidrata biss bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, tressqet quddiem il-Kummissjoni minħabba dawn l-elementi fattwali.

169    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 163 sa 168 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ebda mill-elementi fattwali li, fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iqiegħdu l-imputazzjoni tal-ksur fuq ir-rikorrenti bħala awtur dirett ma kkostitwixxew, fl-2009, element ġdid, u wisq inqas element ġdid li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti ċċaħdet mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

170    Din il-konklużjoni ma titqegħidx inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti li tikkonsisti, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ preġudizzju fuq id-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba d-dekorriment taż-żmien, fil-produzzjoni, fir-replika, ta’ lista ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti li fir-rigward tagħhom hija tallega li, kieku ġiet involuta fi żmien utli bħala awtur dirett tal-ksur, hija ma kinitx tonqos milli titlobhom mingħand iż-żewġ impjegati tagħha jew li tirriċerkahom fl-arkivji tagħha.

171    Fil-fatt, dan l-argument huwa, hekk kif wara kollox jirriżulta mid-dokument prodott mir-rikorrenti, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni takkuża r-rikorrenti bi ksur personali “distint” minn dak li qed tiġi akkużata bih bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, liema ksur distint ikkonsista f’involviment konkretament differenti, mill-perspettiva fattwali, minn dak ta’ Copigraph fil-ksur u li għalih ir-rikorrenti, għaldaqstant, kellha bżonn tiġbor elementi ta’ difiża speċifiċi.

172    Issa, fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi osservat li dan l-argument, li r-rikorrenti tinvoka ripetutament fir-rikors, ma jikkorrispondix għar-realtà tal-fatti.

173    Fil-fatt, kemm mit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta kjarament li l-Kummissjoni ma tattribwixxi ebda ksur distint, u ebda involviment fil-ksur li huwa konkretament differenti minn dak ta’ Copigraph.

174    Il-ksur li bih hija akkużata r-rikorrenti, kemm bħala kumpannija parent ta’ Copigraph kif ukoll bħala awtur dirett, huwa l-istess ksur, li jikkonsisti fil-“parteċipazzjoni f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-karta saħħara” (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punt 338 in fine, tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

175    Fir-rigward tal-elementi fattwali li minnhom il-Kummissjoni tiddeduċi l-involviment tar-rikorrenti fl-akkordju anki bħala awtur dirett, dawn huma l-istess elementi fattwali — magħrufa sa minn żmien twil — bħal dawk li ppermettew li jiġi kkaratterizzat l-involviment ta’ Copigraph fl-akkordju, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ V. u ta’ B., impjegati tar-rikorrenti, fil-laqgħat antikompetittivi (ara, fir-rigward ta’ Copigraph, il-punti 282 sa 294 tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-premessi 287 sa 298 tad-deċiżjoni kkontestata; ara, fir-rigward tar-rikorrenti, il-punt 376 tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-punt 376 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll it-tabelli li jikkonċernaw il-laqgħat, imsemmija fl-Annessi I u II ta’ dawn iż-żewġ dokumenti).

176    Din ir-realtà ta’ ksur uniku, li tistrieħ fuq l-istess elementi fattwali, ma tistax, tgħid x’tgħid ir-rikorrenti, titqiegħed inkwistjoni minn ċerti formolazzjonijiet li jinsabu fir-risposta (punt 46). Qabel kollox, il-Kummissjoni tikkonferma b’mod ċar, f’partijiet oħra mir-risposta (punt 61) u fil-kontroreplika (punt 26), l-uniċità tal-ksur u l-kwalità doppja li skontha r-rikorrenti tiġi, l-iktar, akkużata bil-ksur.

177    L-allegata impossibbiltà għar-rikorrenti li tikkuntattja xhieda jew li taċċedi għal arkivji, ħlief sabiex jiġu kkontestati dawn l-elementi fattwali — li madankollu din il-parti ma tikkontestax quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk mhux tardivament u b’mod mhux konvinċenti —, tidher għaldaqstant kunsiderevolment nieqsa minn rilevanza.

178    Fir-rigward tal-allegazzjoni li x-xhieda ta’ V. u ta’ B. setgħet xorta waħda tippermetti li jiġi stabbilit li r-rikorrenti ma kinitx direttament involuta fil-ksur, għandu jiġi osservat li din l-allegazzjoni hija nieqsa minn kredibbiltà.

179    Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt mhux serjament ikkontestat li dawn iż-żewġ persuni kienu impjegati tar-rikorrenti u li, mill-inqas fir-rigward ta’ V., il-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tar-rikorrenti ġiet identifikata fis-seduta inawgurali tal-kartell tat-23 ta’ Jannar 1992 (ara t-tielet sentenza tal-premessa 376, tad-deċiżjoni kkontestata), l-allegazzjoni tar-rikorrenti hija bbażata, b’mod definittiv, fuq l-ipoteżi — irrealista fid-dawl tal-għaqda ekonomika bejn ir-rikorrenti u Copigraph — li l-impjegati tagħha setgħu, waqt il-laqgħat tal-kartell, kemm jinvolvu ruħhom fl-akkordju f’isem Copigraph u jiddistanzjaw ruħhom pubblikament u b’mod konvinċenti f’isem ir-rikorrenti.

180    In-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-allegazzjoni li xhieda tal-impjegati l-qodma tar-rikorrenti kienet tkun utli għad-difiża hija ulterjorment ikkorrobborata bl-imġieba tar-rikorrenti. Fil-fatt, huwa sinjifikattiv li jiġi osservat li filwaqt li sa mill-20 ta’ Diċembru 2001 ir-rikorrenti kienet taf li l-Kummissjoni kienet tikkunsidraha bħala direttament involuta fil-ksur u li hija setgħet għalhekk faċilment ħafna tikseb ix-xhieda ta’ B. — li kien għadu impjegat tar-rikorrenti —, dan ma għamlitux.

181    Dan in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tar-rikorrenti, imbagħad il-fatt li x-xhieda ta’ din il-persuna tidher, kurjożament, indispensabbli biss wara t-tluq tagħha mill-grupp, filwaqt li r-rikorrenti kellha snin twal sabiex tiksibha, jikkorrobora l-fatt li din ix-xhieda ma kellha tippreżenta ebda utilità għad-difiża tagħha.

182    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tistabbilixxi l-impossibbiltà konkreta, fl-2009, li tikseb informazzjoni mill-impjegati l-qodma tagħha (ara, għal evalwazzjonijiet simili, is-sentenza Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 64). B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova ta’ li ħadet ħsieb tipprova terġa’ tikseb kuntatt mal-impjegati l-qodma tagħha u li titlob ix-xhieda tagħhom. L-iktar, waqt is-seduta, ir-rikorrenti vagament u, fi kwalunkwe każ, tardivament fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura, semmiet, fir-rigward ta’ B., marda li tat lok għal mewt. B’hekk l-allegazzjoni li fl-2009 r-rikorrenti ma kellhiex iżjed aċċess għall-impjegati l-qodma tagħha hija sempliċement mhux ipprovata.

183    Fir-rigward tar-riferiment għall-arkivji tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, indipendentement ukoll mill-fatt li din tal-aħħar setgħet tieħu d-dispożizzjonijiet tagħha sa mill-2001, jekk kumpannija parent għandha tikkonserva l-elementi li jippermettulha tiddefendi ruħha kontra involviment bħala kumpannija parent li tifforma unità ekonomika mas-sussidjarja tagħha (ara l-punt 152 iktar ’il fuq), l-istess jgħodd a fortiori fir-rigward tal-aġir tagħha stess u l-arkivji tagħha stess. L-argument tar-rikorrenti, li kien tard wisq sabiex tirriċerka fl-arkivji tagħha stess, għandu jiġi miċħud.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 156 sa 183 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti, li hija ġiet imċaħħda, minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha fit-tieni proċedura amministrattiva bħala awtur dirett tal-ksur, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, relatati, b’mod partikolari, mal-għarfien konkret mir-rikorrenti, sa mill-2001, tal-ilmenti tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha, fin-nuqqas, fl-2009, ta’ kull ilment ġdid meta mqabbel ma’ dawk ifformulati fl-2001, mal-identiċità u n-nuqqas ta’ kontestazzjoni — jekk mhux tardivament u mhux b’mod konvinċenti — tal-elementi fattwali li fuqhom huwa bbażat l-involviment tar-rikorrenti bħala awtur dirett, man-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrenti tul bosta snin imbagħad man-nuqqas ta’ kull prova ta’ kwalunkwe inizjattiva min-naħa tagħha sabiex tidħol f’kuntatt mal-impjegati l-qodma tagħha fl-2009 u, fl-aħħar nett, mal-fatt li r-rikorrenti ma tistax leġittimament tallega li ma tistax taċċedi utilment għall-arkivji tagħha stess, il-Qorti Ġenerali tqis li l-prova ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba d-dekorriment taż-żmien, fir-rigward tal-involviment tar-rikorrenti bħala awtur dirett, ma ġietx stabbilita.

185    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx it-terminu raġonevoli u li, jiġri x’jiġri mit-tul tal-proċeduri f’dan il-każ, ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ġiex stabbilit, jeħtieġ li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni

186    Ir-rikorrenti ssostni li mir-regoli ta’ preskrizzjoni jirriżulta li setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni kienet preskritta għall-fatti li tagħhom Copigraph hija l-awtur dirett, għal dawk li tagħhom hija l-awtur indirett bħala kumpannija parent ta’ Copigraph u, fl-aħħar nett, għal dawk li tagħhom hija l-awtur dirett. Fir-rigward ta’ Copigraph, l-aħħar att ta’ interruzzjoni ta’ preskrizzjoni seħħ permezz tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li Copigraph ma ppreżentatx rikors kontra d-Deċiżjoni 2004/337. Fir-rigward tar-rikorrenti kkunsidrata bħala kumpannija parent, il-preskrizzjoni wkoll tirriżulta, ġaladarba r-responsabbiltà tar-rikorrenti f’din il-kapaċità hija aċċessorja għal dik ta’ Copigraph. Fir-rigward tar-rikorrenti bħala awtur dirett, ebda att tal-proċedura inizjali ma interrompiet il-preskrizzjoni, li għaldaqstant skadiet. Għaldaqstant il-Kummissjoni marret kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni (T‑405/06, Ġabra p. II‑771, punti 143 sa 145).

187    Il-Kummissjoni tikkritika d-“distinzjoni artifiċjali” stabbilita mir-rikorrenti bejn ksur li bih hija akkużata Copigraph u ksur ieħor li bih hija tinsab akkużata bħala kumpannija parent. Fil-fatt, ir-rikorrenti, kumpannija parent ta’ Copigraph, u Copigraph jifformaw l-istess impriża, fejn kull waħda mit-tnejn titqies li wettqet l-istess ksur.

188    Il-preskrizzjoni għandha natura oġġettiva u għandha tiġi evalwata fir-rigward tar-rikorrenti, li hija l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontesta. Il-kwistjoni ta’ allegata preskrizzjoni fir-rigward ta’ Copigraph hija għaldaqstant mingħajr rilevanza. Minbarra l-fatt li r-riferiment għas-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, huwa żbaljat, iċ-ċirkustanza li Copigraph ma ppreżentatx rikors kontra d-Deċiżjoni 2004/337 hija mingħajr rilevanza.

189    Fir-rigward tal-allegata preskrizzjoni favur ir-rikorrenti bħala kumpannija parent, ir-raġunament ta’ din tal-aħħar jistrieħ fuq il-premessa żbaljata li r-responsabbiltà tal-kumpannija parent hija “aċċessorja” għal dik tas-sussidjarja.

190    Fir-rigward tal-allegata preskrizzjoni favur ir-rikorrenti bħala awtur dirett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li ebda att ta’ preskrizzjoni ma seħħ fir-rigward tal-motiv sostnut li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tikkonċerna r-responsabbiltà tar-rikorrenti bħala kumpannija parent. L-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni fosthom din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, japplikaw fir-rigward tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur u, għaldaqstant, fir-rigward tar-rikorrenti. Anki li kieku kellu jitqies, għall-ħtiġijiet tar-raġunament, li għandu jiġi kkunsidrat li ma hijiex l-istess impriża li hija involuta, il-fatt li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur ma jistax jiġi kkontestat, skont il-ġurisprudenza.

191    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti, essenzjalment, issostni li s-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha, bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, hija preskritta, ġaladarba r-responsabbiltà tagħha f’din il-kapaċità hija aċċessorja għal dik tas-sussidjarja tagħha u li l-preskrizzjoni skadiet favur din tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-preskrizzjoni skadiet ukoll fil-konfront tagħha bħala awtur dirett tal-ksur, minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li fit-terminu ta’ preskrizzjoni ma wettqet ebda att ta’ interruzzjoni ta’ preskrizzjoni fir-rigward tagħha f’din il-kapaċità.

192    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura aċċessorja tar-responsabbiltà tagħha fir-rigward ta’ dik ta’ Copigraph u fuq il-fatt li l-preskrizzjoni skadiet favur Copigraph għandu jiġi miċħud bħala nieqes minn rilevanza.

193    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, f’każ — bħal dak inkwistjoni — ta’ unità ekonomika bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, il-kumpannija parent hija kkunsidrata, bħas-sussidjarja, bħala awtur tal-ksur. Hija titqies li l-ksur twettaq minnha stess (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 41 u 52 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 34).

194    Għalhekk, iċ-ċirkustanza eventwali li s-sussidjarja ma tistax tiġi ssanzjonata iżjed għall-ksur ikkonstatat, kemm jekk minħabba t-tmiem ta’ eżistenza ta’ din is-sussidjarja jew ukoll — kif tallega r-rikorrenti f’dan il-każ — minħabba l-kisba tal-preskrizzjoni favur din is-sussidjarja, hija mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija parent, hija stess meqjusa bħala awtur tal-ksur minħabba l-unità ekonomika mas-sussidjarja tagħha, tistax tiġi ssanzjonata. Ċertament, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma teżistix li kieku kellu jiġi pprovat li ma kienx hemm ksur, iżda din ir-responsabbiltà ma tistax tisparixxi minħabba l-fatt li s-sanzjoni ġiet preskritta fir-rigward tas-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, il-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma għandhiex bħala effett li tħassar l-eżistenza ta’ ksur, iżda sempliċement li teskludi lill-benefiċjarji tagħha mis-sanzjonijiet.

195    Mill-kunsiderazzjonijiet preliminari preċedenti jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, assolutament ma huwiex meħtieġ li wieħed jistaqsi dwar il-punt dwar jekk il-preskrizzjoni kinitx skadiet fir-rigward ta’ Copigraph.

196    Is-sempliċi kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk il-preskrizzjoni kinitx skadiet fir-rigward tar-rikorrenti, li hija, barra minn hekk, l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

197    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi jew penali hija interrotta minn kull att tal-Kummissjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tal-ksur u li din l-interruzzjoni tapplika b’effett mid-data li fiha l-att jiġi nnotifikat “lil mill-anqas waħda mil-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża li pparteċipaw fil-ksur.”

198    L-għan tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 għaldaqstant huwa li jiddefinixxi l-perimetru tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni li jagħtu lok għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni.

199    Din id-dispożizzjoni tillimita espressament dan il-perimetru għall-atti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni li huma nnotifikati lil (mill-inqas) impriża li pparteċipat fil-ksur, jiġifieri, finalment, lil impriża identifikata bħala tali fid-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur.

200    Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq (punt 143), tgħid li, “[b]’“impriża li pparteċipat fil-ksur”, [kellu] jinftiehem, fis-sens ta[l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003], kull impriża identifikata bħala tali f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippenalizza ksur.”

201    Fir-rigward tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1/2003, dan jipprovdi li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika għall-impriżi u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi “kollha” li pparteċipaw fil-ksur.

202    L-għan tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa, għaldaqstant, li jiġi ddefinit il-perimetru tal-impriżi li fir-rigward tagħhom topera interruzzjoni tal-preskrizzjoni.

203    Il-kelma “kollha” użata f’din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi enfasizzat li hija importanti l-parteċipazzjoni oġġettiva tal-impriża kkonċernata fil-ksur, għaldaqstant, indipendentement mill-punt dwar f’liema kwalità din l-impriża pparteċipat fil-ksur, jew jekk din l-impriża kinitx magħrufa mill-Kummissjoni qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew jekk kinitx jew le d-destinatarja ta’ att li jinterrompi l-preskrizzjoni qabel din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew ukoll jekk fl-imgħoddi hija kinitx kisbet l-annullament ta’ deċiżjoni inizjali ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha.

204    Huwa f’dan is-sens li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq (punt 145), ippreċiżat, fir-rigward tal-impriżi li kontrihom topera l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni li l-espressjoni “li pparteċipat fil-ksur” kienet timplika fatt oġġettiv, jiġifieri l-parteċipazzjoni fil-ksur, li huwa distint minn element suġġettiv u partikolari bħall-identifikazzjoni ta’ tali impriża matul il-proċedura (sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 145).

205    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fir-rigward tas-sens u l-portata tal-Artikolu 25(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, jirriżulta li, meta impriża tkun ipparteċipat fil-ksur, jiġifieri, finalment, meta din l-impriża tiġi identifikata bħala tali fid-deċiżjoni kkontestata, l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, li tirriżulta min-notifika ta’ att ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni lil mill-inqas impriża waħda (din l-impriża jew oħra) identifikata wkoll bħala li pparteċipat fil-ksur, topera fir-rigward tagħha.

206    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss ir-rikorrenti hija identifikata fid-deċiżjoni kkontestata bħala li pparteċipat fil-ksur, iżda wkoll li l-motivi kollha ta’ dan ir-rikors intiżi sabiex iqiegħdu inkwistjoni l-legalità ta’ din il-konstatazzjoni ġew miċħuda.

207    Għalhekk, issostni xi ssostni r-rikorrenti, effettivament hija hi l-impriża li pparteċipat fil-ksur għall-finijiet tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Iċ-ċirkustanza proposta mir-rikorrenti li hija ġiet involuta bħala awtur dirett fil-ksur biss fit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri iktar minn ħames snin wara tmiem il-ksur, hija nieqsa minn kull rilevanza u hija dovuta għal kunsiderazzjoni żbaljata tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 25(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003.

208    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li atti ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ġew notifikati lil “mill-inqas impriża li pparteċipat fil-ksur”, sew jekk fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-1997 u fl-1999 (ara l-punti 2 u 5 iktar ’il fuq), tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Lulju 2000, jew ukoll tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tal-15 ta’ Settembru 2009.

209    Għalhekk, issostni xi ssostni r-rikorrenti, il-preskrizzjoni kienet ġiet interrotta fir-rigward tagħha permezz ta’ atti differenti. L-argument tar-rikorrenti li fis-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni (punt 186 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li atti ta’ investigazzjoni li jinvolvu terzi ma jinterrompux il-preskrizzjoni fir-rigward ta’ impriżi li l-identità tagħhom kienet magħrufa mill-Kummissjoni u li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ma setgħetx tiġi injorata minnha fuq il-bażi ta’ atti fil-pussess tagħha, tirriżulta minn kunsiderazzjoni żbaljata kemm tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 25(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mill-kliem tas-sentenza inkwistjoni (ara l-punt 204 iktar ’il fuq).

210    Fir-rigward tal-allegazzjoni li, peress li d-Deċiżjoni 2004/337 ġiet annullata, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq din id-deċiżjoni sabiex tipprova li r-rikorrenti kienet ġiet identifikata bħala li pparteċipat fil-ksur “f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjoni ksur”, għandu jiġi kkunsidrat li din l-allegazzjoni kienet tmur kontra, għal darb’oħra, il-mekkaniżmu tal-preskrizzjoni. Jirriżulta li r-rikorrenti hija identifikata bħala li pparteċipat fil-ksur fid-deċiżjoni kkontestata, liema fatt ifisser li l-atti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni mfakkra fil-punt 208 iktar ’il fuq interrompew b’mod effikaċi l-preskrizzjoni fir-rigward tagħha.

211    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-suġġeriment li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja allegatament wettqu “żvilupp favur applikazzjoni effettiva tar-regoli ta’ preskrizzjoni” meta ddeċidew li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni minħabba l-preżentata ta’ rikors ma kinitx topera erga omnes, iżda biss kontra partijiet rikorrenti (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 158, u ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 41 iktar ’il fuq, punti 141 sa 149), għandu jiġi osservat li s-soluzzjoni kkunsidrata mill-qorti tal-Unjoni f’ċerti sentenzi tikkonċerna, ipotetikament, biss il-każ tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni (Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003). Għaldaqstant, hija mkien ma timplika li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni (Artikolu 25(3) u (4) tal-istess regolament) ma tikkonċernax lill-partijiet kollha li pparteċipaw fil-ksur. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għamel distinzjoni sħiħa bejn is-sistema ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni, li fir-rigward tagħha l-effett erga omnes huwa “espressament previst” mill-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1/2003, u s-sistema ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni, li fir-rigward tagħha l-kwistjoni “mhijiex […] deċiża” (l-ewwel sentenza tal-punt 153 tas-sentenza).

212    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-preskrizzjoni, li kienet bdiet tiddekorri mix-xahar ta’ Settembru 1995, ġiet interrotta fir-rigward tar-rikorrenti permezz tad-diversi atti msemmija fil-punt 208 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, permezz tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (tas-26 ta’ Lulju 2000).

213    Filwaqt li minħabba dan il-fatt il-preskrizzjoni reġgħet bdiet tiddekorri mill-bidu nett sa minn din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija ġiet sospiża, skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-11 ta’ April 2002 (data tal-preżentata mir-rikorrenti tar-rikors fil-kawża T‑109/02 quddiem il-Qorti Ġenerali) sat-3 ta’ Settembru 2009 (data tas-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq), imbagħad kompliet tiddekorri sal-interruzzjoni tagħha bit-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tal-15 ta’ Settembru 2009. It-terminu ta’ preskrizzjoni għaldaqstant iddekorra, bejn is-26 ta’ Lulju 2000 u l-15 ta’ Settembru 2009 bi tnaqqis tal-perijodu ta’ sospensjoni, għal sena u disa’ xhur.

214    Wara t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (15 ta’ Settembru 2009), it-terminu ta’ preskrizzjoni reġa’ beda jiddekorri mill-bidu nett, sal-adozzjoni mill-Kummissjoni, fit-23 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri disa’ xhur iktar tard, tad-deċiżjoni kkontestata.

215    Minn dawn l-elementi jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

216    Fir-rigward tat-terminu ta’ għaxar snin previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 25(5) tal-istess regolament, dan ġie osservat ukoll peress li, wara li jitnaqqas il-perijodu ta’ sospensjoni matul il-proċedura ġudizzjarja (11 ta’ April sat-3 ta’ Settembru 2009), it-terminu bejn tmiem il-ksur (Settembru 1995) u d-deċiżjoni kkontestata (Ġunju 2010) huwa ta’ seba’ snin u erba’ xhur.

217    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-preskrizzjoni ma skadietx fir-rigward tar-rikorrenti, jeħtieġ li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida, tal-prinċipji ta’ individwalità tal-pieni u ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ir-rifjut li jitnaqqas l-ammont tal-multa minħabba l-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ dawn il-proċeduri

218    Ir-rikorrenti ssostni li t-tliet elementi li ġejjin, li jikkonċernaw, l-ewwel nett, l-impossibbiltà għaliha li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, it-tieni nett, il-fatt li Copigraph kienet proprjetà tagħha biss għal ftit żmien, peress li hija rtirat mis-suq, u, it-tielet nett, il-fatt li Copigraph kienet “attur żgħir” li ġie akkużat b’parteċipazzjoni passiva u forzata fl-akkordju, imisshom iġġustifikaw tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa. Tnaqqis tal-ammont tal-multa jkun wisq iżjed meħtieġ jekk l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kellu jiġi pparagunat ma’ dak tal-multa imposta fuq AWA, mexxejja fis-suq u kap tal-akkordju.

219    Il-Kummissjoni tirrispondi li t-tliet elementi msemmija iktar ’il fuq diġà ġew ikkonfutati, jew huma mingħajr rilevanza, jew diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tal-paragun ma’ AWA magħmul mir-rikorrenti, dan huwa, fid-dawl tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni “riduttiv u qarrieqi”.

220    Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina l-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il‑Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 268). L-evalwazzjoni tagħha għandha, madankollu, issir billi jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, li ma jinkludix biss id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżda wkoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Peugeot u Peugeot Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑450/05, Ġabra p. II‑2533, punt 273). Għandu jiġi osservat ukoll li din l-evalwazzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, li għandha l-kompetenza li tistħarreġ il-legalità tagħha u l-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lilha permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 abbażi — minbarra kunsiderazzjonijiet eventwali ta’ ordni pubbliku — tal-motivi mqajma mill-parti rikorrenti u mill-provi prodotti minnha insostenn ta’ dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punti 62 sa 64, u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I‑12789, punti 129 sa 131).

221    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni bosta elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 241, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 43).

222    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti abbażi tal-metodu ġenerali li hija stabbilixxiet għaliha stess fil-linji gwida tagħha, li jipprovdu, fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tagħhom li “[l]-ammont bażiku [tal-multa] se jkun stabbilit skont il-gravità u t-tul tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17”.

223    Fir-rigward tal-argument li l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas b’kunsiderazzjoni tal-impossibbiltà għar-rikorrenti li tiddefendi ruħha minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jeħtieġ, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv ta’ annullament, li dan jiġi miċħud bħala infondat.

224    Fir-rigward tal-argument li l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas b’kunsiderazzjoni tal-fatt li Copigraph kienet biss proprjetà tar-rikorrenti għal żmien qasir u li rtirat mis-suq, dan għandu jiġi miċħud ukoll, ġaladarba huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet il-kumpannija parent ta’ Copigraph matul iż-żmien kollu tal-ksur. Iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ttrasferiet lil Copigraph u rtirat mis-suq wara t-tmiem tal-ksur ma jistax jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

225    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li Copigraph hija “attur żgħir” fis-suq, għandu jiġi osservat li dan ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, tali ċirkustanza hija riflessa fid-dħul mill-bejgħ ta’ Copigraph, li ttieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità (ara l-premessi 434 sa 437 tad-deċiżjoni kkontestata).

226    Fir-rigward tal-fatt li Copigraph ġiet akkużata b’parteċipazzjoni passiva u forzata fl-akkordju, għandu jiġi osservat li, bil-kontra, il-Kummissjoni kkunsidrat li Copigraph u r-rikorrenti kienu membri attivi, bħall-membri l-oħra kollha fl-akkordju (premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, fir-rigward ta’ parteċipazzjoni forzata, kienu l-impriżi kkonċernati li kellhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-aġir illegali u dwar it-theddid lill-kompetituri tagħhom, bil-għan li jtemmu dan l-aġir (premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata).

227    Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-multa imposta lir-rikorrenti hija ta’ livell paragunabbli, f’perċentwali ta’ dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq, ma’ dik imposta lill-kap tal-akkordju, AWA, għandu sempliċement jiġi osservat li din tirrigwarda ċirkustanza purament fortuwita.

228    Fil-fatt, kemm il-multa imposta lir-rikorrenti (EUR 21.26 miljun, jiġifieri 35.43 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq inkwistjoni) kif ukoll dik imposta lil AWA (EUR 141.75 miljun, jiġifieri 37.26 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ AWA fis-suq inkwistjoni) huma sempliċement riżultati tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni, għall-każ partikolari ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ impriżi, tal-metodu tal-linji gwida, skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni (ara, fir-rigward tar-rikorrenti, il-premessi 414 sa 479 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod iktar partikolari, il-premessi 436, 442, 443, 450 sa 453, 461, 468, 473 u 479; ara, fir-rigward ta’ AWA, il-premessi 369 sa 461 tad-Deċiżjoni 2004/337 u, b’mod iktar partikolari, il-premessi 409, 412, 415 sa 417, 424, 432, 433, 448, 452 u 461).

229    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din il-parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ir-rifjut li jitnaqqas l-ammont tal-multa minħabba l-kriżi fis-settur tal-karta saħħara

230    Ir-rikorrenti ssostni li kartell imfassal sabiex jinkiseb massimu ta’ profitti minn settur li qiegħed jikber ma jistax jiġi ttrattat bl-istess severità bħal kartell imfassal sabiex jiffaċċja d-deklin mingħajr tama tas-settur. Il-prassi tal-Kummissjoni tipprovdi eżempji f’dan ir-rigward u din in-neċessità tfakkret fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali.

231    F’dan il-każ, id-deklin tas-suq ġie invokat u barra minn hekk osservat mill-Kummissjoni, iżda hija rrifjutat, mingħajr motivazzjoni, li tieħu dan inkunsiderazzjoni filwaqt li d-deklin tas-settur kompla.

232    Il-Kummissjoni tirrispondi li hija ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tas-settur. Hija tfakkar li l-paragun mad-deċiżjonijiet preċedenti huwa nieqes minn rilevanza. Barra minn hekk, il-kriżi affettwat realment lis-settur biss fi tmiem il-ksur, liema fatt, filwaqt li ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti, jissostanzja l-konklużjoni li l-kartell sempliċement tawwal b’mod artifiċjali sitwazzjoni irrimedjabbilment kompromessa. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-qagħda finanzjarja ħażina ta’ settur. Fir-rigward tat-tkomplija fid-deklin tas-settur wara d-Deċiżjoni 2004/337, din hija mingħajr rilevanza.

233    Fir-rigward ta’ din il-parti tal-ħames motiv, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tistax tislet argument mill-kriżi allegata tas-settur tal-karta saħħara sabiex tikkritika lill-Kummissjoni talli ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

234    Fil-fatt, bħal ma osservat espressament il-Kummissjoni fil-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata u kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, din l-istituzzjoni ma hijiex obbligata tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-qagħda finanzjarja ħażina tas-settur inkwistjoni u dan ma jfissirx li minħabba l-fatt li hija ħadet inkunsiderazzjoni, f’kawżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti, hija għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prassi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 510; Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 208, u tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland‑Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑11/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 227).

235    Hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni (premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata), bħala regola ġenerali, il-kartelli jinħolqu fil-mument meta settur jiffaċċja diffikultajiet. Li kieku r-raġunament tar-rikorrenti kellu jiġi segwit, il-multa jkollha b’mod regolari tiġi ridotta kważi fil-każijiet kollha (ara, għal kunsiderazzjonijiet simili, is-sentenzi Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 234 iktar ’il fuq, punt 510; Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 207, u Wieland‑Werke et vs Il‑Kummissjoni, punt 234 iktar ’il fuq, punt 227).

236    Għaldaqstant din il-parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-parametri ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa

237    Ir-rikorrenti ssostni li ebda waħda mill-65 premessa tad-deċiżjoni kkontestata ddedikati għall-miżuri korrettivi ma jippermettulha li tkun taf f’liema proporzjon il-parteċipazzjoni personali tagħha fil-ksur ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

238    Il-Kummissjoni ssostni li din il-kritika hija mingħajr rilevanza, peress li l-ksur li bih hija akkużata r-rikorrenti minħabba l-involviment personali tagħha huwa l-istess bħal dak li qed tiġi akkużata bih għar-responsabbiltà tagħha ,minħabba l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Fir-rigward tal-istess ksur li bih tkun akkużata l-istess impriża, ma hemmx lok, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, li tiġi stabbilita distinzjoni bejn iż-żewġ kwalitajiet li għalihom hija ssanzjonata r-rikorrenti.

239    Għandu jiġi osservat li din il-parti tistrieħ fuq il-premessa, diġà eskluża (ara l-punti 173 sa 176 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti, bħala awtur dirett, qed tiġi akkużata bi ksur distint minn dak li qed tiġi akkużata bih bħala kumpannija parent ta’ Copigraph.

240    Issa, kif ġie osservat preċedentement, il-ksur li fih ipparteċipat ir-rikorrenti, bħala awtur dirett u bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, huwa l-istess. Il-ksur seta’ l-iktar ġie imputat lir-rikorrenti taħt dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

241    Għaldaqstant, fir-rigward tal-istess ksur li bih hija akkużata l-istess impriża, ma kienx hemm lok, għall-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, li tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ kwalitajiet li minħabba fihom ir-rikorrenti ġiet involuta.

242    Għandu jingħad ukoll li, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta’ April 2009 għas-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq (Ġabra p. I‑7191, I‑7196, punt 103), l-Avukat Ġenerali Bot osserva li l-fatt li r-rikorrenti ġiet ikkunsidrata bħala responsabbli mill-ksur, fid-Deċiżjoni 2004/337, anki bħala awtur dirett ma kellu ebda effett fuq l-ammont tal-multa, ġaladarba dan l-ammont kien iddeterminat abbażi tad-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-karta saħħara, li kien kollu kemm hu magħmul mis-sussidjarja tagħha Copigraph. L-istess jgħodd fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

243    Miċ-ċirkustanzi preċedenti jirriżulta li ma kienx hemm lok, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, li ssir distinzjoni bejn il-kwalitajiet li għalihom ir-rikorrenti kienet ġiet iddikjarata responsabbli mill-ksur.

244    Għaldaqstant din il-parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda.

245    Peress li ebda mill-partijiet ta’ dan il-motiv ma huwa fondat, jeħtieġ li jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

246    Ir-rikorrenti tqis li t-tnaqqis fl-ammont tal-multa addizzjonali ta’ 5 %, mogħti fid-deċiżjoni kkontestata, minbarra t-tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 20 % diġà mogħti fid-Deċiżjoni 2004/337, huwa kunsiderevolment insuffiċjenti.

247    Fir-risposta tagħha għat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti talbet tnaqqis mill-ammont tal-multa addizzjonali skont il-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ddeċidiet, fid-dawl tal-impossibbiltà tagħha li tiddefendi ruħha dwar dan il-punt, li tibqa’ lura milli tikkontesta l-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju għall-perijodu kollu li jikkostitwixxi ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni, jiġifieri sa mix-xahar ta’ Jannar 1992 sax-xahar ta’ Settembru 1995. B’hekk, ir-rikorrenti rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fil-ksur għal perijodu addizzjonali ta’ 25 xahar, meta Copigraph kienet irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha għal perijodu ta’ 21 xahar biss. Issa, ir-rikorrenti ssostni li għal nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw perijodu ulterjorment itwal, il-Kummissjoni tatha tnaqqis fl-ammont tal-multa 75 % inqas mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa diġà mogħtija.

248    Barra minn hekk ir-rikorrenti tikkritika l-motivi kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tillimita tnaqqis addizzjonali għal 5 %, li jsostnu li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni ma pprekludithiex milli tqajjem kull tip ta’ argumenti li jikkontestaw il-kompetenza tal-Kummissjoni, liema fatt ma ffaċilitax il-kompitu ta’ din l-istituzzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li hija invokat sempliċement, b’mod leġittimu, id-drittijiet tad-difiża tagħha u l-preskrizzjoni. L-iżbalji tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha ċaħduha mill-possibbiltà kemm li tiddefendi ruħha kif ukoll li tikkoopera lil hinn min-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, bil-konsegwenza li b’hekk ma kienx possibbli għaliha li tikkuntattja x-xhieda u tfittex fl-arkivji. Din is-sitwazzjoni tikkomporta nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament tar-rikorrenti meta mqabbla mal-impriżi l-oħra.

249    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-argumenti statistiċi tar-rikorrenti huma neqsin minn sens. It-tnaqqis ingħata prinċipalment bħala kooperazzjoni qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. It-tnaqqis mogħti bħala kooperazzjoni ma huwiex proporzjonali għat-tul tal-ksur rikonoxxut jew mhux ikkontestat. Il-vantaġġ ta’ tnaqqis tal-multa huwa li x-xogħol tal-Kummissjoni jiġi ffaċilitat.

250    In-nuqqas ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti seħħet wara t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, filwaqt li ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, tal-motivi tal-partijiet dwar it-tul tal-ksur kienet tikkonferma, effettivament, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma kellhiex, fil-verità, għażla oħra ħlief li ma tikkontestax it-tul tal-ksur. Barra minn hekk, l-indikazzjoni tar-rikorrenti li hija baqgħet lura milli tikkontesta l-ksur billi ma kinitx iżjed f’pożizzjoni li tiżgura d-difiża tagħha turi li ma kienx sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni li hija adottat din l-attitudni wara t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

251    Ma hemm xejn ta’ stagħġib f’li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti qajmet bosta argumenti li ma ffaċilitawx il-kompitu tagħha.

252    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti bbenefikat mill-kooperazzjoni, qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tas-sussidjarja l-qadima tagħha, liema fatt jiffavorixxiha fir-rigward tal-prassi tal-Kummissjoni li ma tippermettix li kumpannija parent qadima tibbenefika mill-kooperazzjoni tas-sussidjarja l-qadima tagħha. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali kellha tqis li r-rikorrenti ma jmisshiex ibbenefikat mit-tnaqqis addizzjonali ta’ 5 %, il-Kummissjoni ma ssib ebda inkonvenjent f’li l-multa tar-rikorrenti tiġi miżjuda.

253    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi f’każ ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa ġustifikat mill-fatt li tali kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tal‑Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 325; tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363, u Mayr‑Melnhof vs Il‑Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 330).

254    Tnaqqis fl-ammont tal-multa bbażat fuq il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jista’ jiġi ġġustifikat biss meta l-informazzjoni pprovduta u, b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża kkonċernata jkunu jistgħu f’dan ir-rigward jitqiesu bħala prova ta’ kooperazzjoni vera min-naħa tagħha. Kif jirriżulta mill-kunċett stess ta’ kooperazzjoni, kif imfisser mill-kliem tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-punt D(1) ta’ din il-komunikazzjoni, huwa, fil-fatt, biss meta l-aġir tal-impriża kkonċernata jkun xhieda ta’ tali spirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis abbażi tal-imsemmija komunikazzjoni (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punti 395 u 396, u Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 383).

255    Għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, it-tnaqqis fl-ammont tal-multa b’20 %, mogħti skont l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, huwa dovut għall-fatt li Copigraph bagħtet lill-Kummissjoni, wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dokumenti u informazzjoni għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Settembru 1993 u x-xahar ta’ Mejju 1995 li kkontribwew sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur għal dan il-perijodu (ara l-premessi 70, 446, 449 u 452 tad-Deċiżjoni 2004/337 u l-premessi 463 sa 466 tad-deċiżjoni kkontestata).

256    It-tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa b’5 %, mogħti fid-deċiżjoni kkontestata, huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ddikjarat, fir-risposta tagħha għat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 118 ta’ din ir-risposta), li ma kinitx qed tikkontesta iżjed il-fatti għall-perijodu mix-xahar ta’ Jannar 1992 inkluż sax-xahar ta’ Settembru 1993 eskluż (premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata).

257    Fir-rigward tal-argument li, għal nuqqas ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-fatti li jikkonċernaw perijodu itwal (25 xahar skont ir-rikorrenti) mill-perijodu li jikkostitwixxi ksur mhux ikkontestat minn Copigraph (21 xahar skont ir-rikorrenti), il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis addizzjonali mill-ammont tal-multa (5 %) 75 % inqas mit-tnaqqis ta’ 20 % mogħti fid-Deċiżjoni 2004/337, dan għandu jiġi miċħud, u dan indipendentement ukoll mill-fatt li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti kien ikkonċerna biss perijodu ta’ 20 xahar u mhux ta’ 25 xahar.

258    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li t-tnaqqis fl-ammont tal-multa minħabba l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma tiġix stabbilita b’proporzjon tat-tul tal-ksur rikonoxxut jew mhux ikkontestat, iżda skont il-punt dwar jekk il-kooperazzjoni ffaċilitatx, konkretament, ix-xogħol tal-Kummissjoni. Issa, nuqqas ta’ kontestazzjoni li tirriżulta meta din l-istituzzjoni diġà jkollha fil-pussess tagħha biżżejjed elementi sabiex tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni ma jiffaċilitax il-kompitu tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punti 288 sa 290).

259    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tnaqqis inizjali tal-ammont tal-multa ta’ 20 % kien ingħata għal kooperazzjoni ta’ Copigraph mal-Kummissjoni li seħħet qabel l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Kif osservat il-Kummissjoni, kooperazzjoni attiva, li tikkonsisti, bħal fil-każ ta’ Copigraph, f’li tiġi pprovduta informazzjoni li tmur lil hinn minn sempliċi risposta għat-talbiet għal informazzjoni, tiffaċilita iktar ix-xogħol ta’ din l-istituzzjoni milli sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

260    Barra minn hekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti mir-rikorrenti għall-perijodu mix-xahar ta’ Jannar 1992 sax-xahar ta’ Settembru 1993 seħħ mhux biss wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda ulterjorment wara li fis-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet il-motivi kollha mqajma mill-partijiet rikorrenti differenti u li jikkonċernaw it-tul tal-ksur (Ara l-punti 224 sa 371 ta’ din is-sentenza). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-suġġett antikompetittiv tal-laqgħat li għalihom id-diversi impriżi msemmija mid-Deċiżjoni 2004/337 — inkluża Copigraph — kienu pparteċipaw. B’hekk is-sentenza Bolloré, punt 10 iktar ’il fuq, minkejja li ġiet annullata fir-rigward tar-rikorrenti minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża, xorta kienet tikkonferma, effettivament, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-ksur. Fis-sentenza PAK, punt 13 iktar ’il fuq (ara, b’mod partikolari, il-punti 77 sa 81 u 97 sa 99), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motivi relatati mat-tul tal-ksur.

261    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament setgħet tikkunsidra li l-fatt li r-rikorrenti, fir-risposta tagħha għat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma kinitx ikkontestat il-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fil-ksur, għall-perijodu mix-xahar ta’ Jannar 1992 sax-xahar ta’ Settembru 1993, effettivament ma kinitx iffaċilitat il-kompitu tagħha (premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata).

262    Peress li din il-konstatazzjoni hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tiġġustifika li ma jingħata ebda tnaqqis addizzjonali mill-ammont tal-multa lir-rikorrenti, ma jistax jiġi allegat li l-ammont ta’ 5 % ta’ tnaqqis addizzjonali li madankollu ngħata mill-Kummissjoni, għar-raġunijiet indikati fil-premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata, kien manifestament insuffiċjenti.

263    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, tkun liema tkun il-kritika li r-rikorrenti tifformula kontra l-motivi kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex madankollu jingħata tnaqqis addizzjonali ta’ 5 % (ara l-punt 248 iktar ’il fuq).

264    Fir-rigward tal-kritika tagħha, għandu madankollu jiġi osservat li l-premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-fatt li r-rikorrenti “ma tikkontestax iżjed il-fatti [ma] pprekludithiex milli tqajjem kull tip ta’ argumenti intiżi sabiex tiġi kkontestata l-kompetenza tal-Kummissjoni, li ċertament ma ffaċilitatx il-kompitu tal-Kummissjoni”, ma hija xejn affattu skandaluża, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti.

265    Il-Kummissjoni kkonstatat biss, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti mir-rikorrenti ma jirriżultax minn rieda reali li tikkoopera mal-Kummissjoni u, għaldaqstant, li tiffaċilitalha l-kompitu tagħha, iżda li dan in-nuqqas ta’ kontestazzjoni kien indissolubbilment marbut mal-argument tar-rikorrenti li hija allegatament ġiet imċaħħda, minħabba tort tal-Kummissjoni, mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha. B’hekk, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti mir-rikorrenti ma kienx jaqa’, fil-verità, minn spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni meħtieġa għall-kisba ta’ tnaqqis mill-ammont tal-multa (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 254 iktar ’il fuq).

266    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma fformulat ebda lment fil-konfront tar-rikorrenti fir-rigward tal-eċċezzjonijiet tagħha, u lanqas ma ċaħditilha d-dritt li tinvoka l-argumenti li hija kienet tixtieq. Hija kkonstatat sempliċement li hija kellha tassumi l-konsegwenzi tal-għażliet difensivi tagħha.

267    Fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti ġiet imċaħħda, minħabba tort tal-Kummissjoni, mill-possibbiltà mhux biss li tiddefendi ruħha, iżda wkoll milli tikkoopera lil hinn min-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, u li fil-fehma tagħha dan kien jagħti lok għal ksur tal-ugwaljanza fit-trattament bejnha u l-impriżi l-oħra li kontrihom saret azzjoni, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, diġà ġie kkonstatat, meta sar l-eżami tar-raba’ motiv, li l-Kummissjoni assolutament ma kinitx responsabbli mill-allegata inkapaċità tar-rikorrenti li tiddefendi ruħha fit-tieni proċedura amministrattiva. Barra minn hekk u bħal ma ġie kkonstatat fil-punt 154 iktar ’il fuq, din l-allegata inkapaċità tinsab f’kontradizzjoni mal-fatt li, fir-rikors fil-Kawża T‑109/02, ir-rikorrenti kkontestat it-tul tal-ksur.

268    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

269    Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha, kemm għal annullament kif ukoll għal bidla, ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

270    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bolloré hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ġunju 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u tal-Artikoli 41, 47 u 49 tal-Karta

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ legalitŕ tar-reati u tal-pieni u ta’ ċertezza legali msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u fl-Artikoli 47 u 49 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ individwalitŕ tal-pieni rrikonoxxut mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet tas-smigħ tar-rikorrenti jiksru d-dritt għal smigħ xieraq imsemmi fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta kif ukoll ir-rekwiżit ta’ imparzjalitŕ

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u tal-impossibbiltŕ li wieħed jiddefendu ruħu minħabba d-dekorriment taż-żmien bejn it-tmiem tal-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida, tal-prinċipji ta’ individwalitŕ tal-pieni u ta’ proporzjonalitŕ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ir-rifjut li jitnaqqas l-ammont tal-multa minħabba l-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ dawn il-proċeduri

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ir-rifjut li jitnaqqas l-ammont tal-multa minħabba l-kriżi fis-settur tal-karta saħħara

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-parametri ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.