Language of document : ECLI:EU:C:2013:244

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-18 ta’ April 2013 (1)

Kawża C‑4/11

Bundesrepublik Deutschland

vs

Kaveh Puid

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil — Proċeduri għall-infurzar ġudizzjarju — Regolament tal-Kunsill Nru 343/2003 — L-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikolu 3(2) — Drittijiet ta’ dawk li jitolbu l-ażil — Sitwazzjonijiet eċċezzjonali kif imfissra fil-Kawżi maqgħuda C-411/10 u C-493/10 N.S. et C‑411/10 — Artikolu 19 (2) — Sospensjoni tat-trasferiment ta’ dawk li jitolbu ażil”





I –    Introduzzjoni

1.        L-Unjoni Ewropea armonizzat kemm il-proċeduri (2) u r-regoli sostantivi (3) li jistabbilixxu sistema kompluta ta’ leġiżlazzjoni dwar ir-refuġjati fi ħdan is-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil. Hija bbażata fuq l-osservanza tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement. Din tillimita l-eżami ta’ applikazzjoni għal Stat Membru wieħed, u tipprovdi għat-trasferiment tal-applikant għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil jekk l-ażil jintalab x’imkien ieħor fl-Unjoni Ewropea. L-identifikazzjoni ta’ dan l-Istat Membru hija regolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun identifikat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil depożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (4).

2.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jitlob kjarifika dwar il-pożizzjoni ta’ dawk li japplikaw għall-ażil fi Stat Membru li ma jkunx l-ewwel Stat Membru tad-dħul fl-Unjoni Ewropea, imma li t-trasferiment tagħhom fl-Istat Membru tal-ewwel dħul fl-Unjoni Ewropea huwa eskluż minħabba nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil tiegħu u fl-istandards tal-akkoljenza tiegħu.

3.        Il-kawża inkwistjoni hija bbażata fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi maqguħda C-411/10 u C‑493/10 N.S. et, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra. Hemmhekk kien stabbilit li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jeskludi l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni konklużiva li l-Istat Membru, indikat fl-Artikolu 3(1) li huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, josserva d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5). Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar l-impatt ta’ din il-konstatazzjoni fuq it-tħaddim tal-hekk imsejħa “klawżola tas-sovranità” inkluża fl-Artikolu 3(2) tar-regolament.

4.        F’N.S. il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fost l-oħrajn, li l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi li l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, jittrasferixxu persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, anki jekk dawn ikollhom dritt jagħmlu dan, meta “ma jistgħux ma jkunux jafu [enfażi tiegħi] li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni” (6).

5.        F’dan il-każ il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Hesse) tistaqsi jekk hemmx talba li hija legalment infurzabbli, min-naħa ta’ applikanti għall-ażil, li tobbliga Stat Membru biex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil abbażi tad-dmir ta’ dak l-Istat Membru li jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, fiċ-ċirkustanzi simili għal dawk kif deskritti fis-sentenza N.S. Din hija r-raba’ mill-erba’ domandi għal deċiżjoni preliminari mibgħuta mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof, peress li din il-qorti kienet irtirat it-tliet domandi l-oħra wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza NS. Dawn it-tliet domandi kienu jikkonċernaw l-impatt taċ-ċirkustanzi imsemmija fil-paragrafu 4 fl-applikazzjoni tar-Regolament 343/2003.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-dritt internazzjonali

6.        L-Artikolu 33 (1) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Il-Kollezzjoni tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) (“Konvenzjoni ta’ Genève” (7)) intitolata “Projbizzjoni ta’ espulsjoni jew ritorn (‘refoulement’)”, jipprovdi:

“Ebda Stat Kontraenti ma jista’ jkeċċi jew jirritorna (‘refouler’) refuġjat, bi kwalunkwe mod, lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ikun hemm theddida għal ħajtu jew għal-libertajiet tiegħu minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu.”

B –    Id-dritt tal-UE

 Ir-Regolament Nru 343/2003

7.        Il-premessi 3, 4, 12, u 15 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdu:

“(3)      Il-konklużjonijiet ta’ Tampere [Kunsill Ewropew] ddikjaraw ukoll li din is-sistema għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

(4)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil.

(12)      Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri huma marbuta b’obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom huma parti.

(15)      Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikulari, huwa jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-ażil iggarantit bl-Artikolu 18.”

8.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat.”

9.        L-Artikolu 3(1) sa (3) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant.

3.      Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, skond il-liġijiet nazzjonali tiegħu, li jibgħat lil persuna tfittex l-ażil lejn pajjiż terz, f’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”

10.      Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jikkonsisti f’għaxar artikoli u jistabbilixxi ġerarkija ta’ kriterji biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil. L-Artikolu 5, fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“1.      Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

2.      L-Istat Membru responsabbli skond il-kriterji għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru.”

11.      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkustanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 18(3), inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000, li persuna tfittex l-ażil tkun qasmet b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li tkun ġiet minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil. Din ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari ta’ l-konfini jkun ġara.”

12.      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.”

13.      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru, ukoll fejn ma jkunx responsabbli taħt il-kriterji ddikjarati f’dan ir-Regolament, jista’ jġib flimkien membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti, għal raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikulari fuq kunsiderazzjonijiet ta’ familja u kulturali. F’dan il-każ dak l-Istat Membru għandu, wara talba ta’ Stat Membru ieħor, jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna kkonċernata. Il-persuni kkonċernati għandhom jaqblu.”

14.      L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“1.      L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

(b)      itemmu l-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ażil;

[…]”.

15.      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“Fejn Stat Membru li għandu ienet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil jikkonsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu ta’ l-applikant.

[…]”

16.      L-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 jipprovdi:

“1.      Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

2.      Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoi tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.”

17.      L-Artikolu 13 tad-Direttiva Nru 2004/83/KE jipprovdi:

“L-għoti ta’ status ta’ refuġjat

L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

18.      L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85/KE jipprovdi:

“Applikazzjonijet inammissibbli

1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata skond ir-Regolament (KE) Nru 343/2003, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli skond dan l-Artikolu.”

19.      L-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva 2005/85/KE jipprovdi:

“Id-dritt għal rimedju effettiv

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, inkluża deċiżjoni:

(i) li permezz tagħha applikazzjoni tiġi kunsidrata bħala inammissibbli skond l-Artikolu 25(2),

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta’ żmien u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skond il-paragrafu 1.”

C –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

20.      L-Artikolu 16a(1) u (2) tal-Grundgesetz (Liġi Fundamentali) jipprovdi:

“1.       L-ippersegwitati politiċi għandhom jibbenefikaw mid-dritt għall-ażil.

2.       Il-Paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu ma jistax jiġi invokat minn persuna li tidħol fit-territorju federali minn Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej jew minn stat terz fejn l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjati u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali hija żgurata. L-istati barra mill-Komunitajiet Ewropej li għalihom japplika l-kriterju tal-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu speċifikati b’liġi li teħtieġ il-kunsens tal-Bundesrat (Kunsill Federali). Fil-każijiet speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, jistgħu jiġu implementati miżuri biex tiġi tterminata l-waqfa ta’ applikant mingħajr ma jingħata qies ta’ xi proċeduri legali li setgħu saru kontriehom.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi għal deċiżjoni preliminari

21.      Kaveh Puid (l-applikant għall-ażil) huwa ċittadin Iranjan li, fl-20 ta’ Ottubru 2007 siefer minn Teheran għal Ateni. Wara li qagħad f’Ateni għall-erbat ijiem huwa vvjaġġa għal Frankfurt am Main. Mal-wasla tiegħu fil-kontroll tal-passaporti huwa ddikjara li kien qiegħed japplika għall-ażil, u ġie arrestat u miżmum pendenti d-deportazzjoni. Huwa kien ivvjaġġa ż-żewġ tapep b’dokument tal-ivvjaġġar iffalsifikat.

22.      Fil-15 ta’ Novembru 2007, l-applikant għall-ażil talab lill- Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (Qorti Amministrattiva, Frankfurt am Main) biex, fost l-oħrajn, tobbliga lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tawtorizza d-dħul tiegħu, u biex tirreferih lill-korp responsabbli biex jiddikjara l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tgħid lill-pulizija kompetenti preżenti fl-ajruport ta’ Frankfurt li r-refoulement tal-applikant għall-ażil għall-Greċja kien proviżorjament ipprojbit sas-16 ta’ Jannar 2008 l-iktar tard.

23.      Il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali tal-Ġermanja għall-Imigrazzjoni u għar-Refuġjati; “Uffiċċju Federali”) iddeterminat b’deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007 li l-applikazzjoni għall-ażil kienet inammissibbli u ordna li l-applikant għall-ażil jiġi deportat lura lejn il-Greċja. Ir-raġunijiet prinċipali biex wasal għal dik id-deċiżjoni kienu li, skont ir-Regolament Nru 343/2003, il-Greċja kienet responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil minħabba l-iskadenzi stabbiliti bl-Artikoli 17(2), 18(4) u (7) tar-Regolament Nru 343/2003, u ma kien hemm l-ebda raġunijiet umanitarji straordinarji li jiġġustifikaw il-preżunzjoni tar-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. L-Uffiċċju Federali ħa l-pożizzjoni li l-Greċja kien pajjiż terz sigur għall-iskopijiet tal-Artikolu 16a(2) tal-Liġi Bażika, u l-Kummissjoni Ewropea, li hija inkarigata biex tiżgura standards minimi, kienet sa dak il-punt għadha ma sejħitx lill-Istati Membri biex jevitaw milli jittrasferixxu persuni lejn il-Greċja. Minħabba f’hekk, fit-23 ta’ Jannar 2008, l-applikant għall-ażil kien iddeportat lejn Ateni.

24.      Madankollu, sal-25 ta’ Diċembru 2007, l-applikant għall-ażil kien diġà beda proċeduri quddiem il-Verwaltungsgericht fejn talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-14 ta’ Diċembru 2007, u li jingħata digriet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi ddikjarata responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil minħabba l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

25.      Il-Verwaltungsgericht ordnat li l-applikant għall-ażil ikun preżenti personalment waqt is-smigħ. Għal dan l-iskop kien awtorizzat biex jivvjaġġa lejn il-Ġermanja.

26.      B’sentenza tat-8 ta’ Lulju 2009 il-Verwaltungsgericht annullat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-14 ta’ Diċembru 2007 u ddeterminat li l-infurzar tal-ordni ta’ deportazzjoni kontra l-applikant għall-ażil kienet illegali. L-Uffiċċju Federali kien meħtieġ li jannulla l-ordni ta’ deportazzjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007 u li tirristabbilixxi l-istatus quo.

27.      Il-Verwaltungsgericht irraġunat, essenzjalment, li l-Uffiċċju Federali kien meħtieġ li jassumi r-responsabbiltà għall-applikazzjoni għall-ażil billi jeżerċita d-dritt f’dan is-sens skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Id-diskrezzjoni tal-Uffiċċju Federali kienet ridotta għal żero ladarba kien deher li hu ovvju li l-istandards minimi għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil u t-twettiq tal-proċedura għall-ażil ma ġewx osservati fil-Greċja, u li d-drittijiet proċedurali tal-applikant għall-ażil kienu serjament miksura, flimkien mal-kundizzjonijiet għall-akkoljenza tiegħu matul il-perijodu tar-residenza tiegħu fil-Greċja. Dan mar kontra l-iskop proprju u l-kontenut tad-direttivi rilevanti. Barra minn hekk, il-Verwaltungsgericht ordnat lill-Uffiċċju Federali biex jagħti lill-applikant permess ta’ residenza temporanja sakemm is-sentenza tkun saret waħda finali.

28.      Sar appell mis-sentenza tal-Verwaltungsgericht quddiem il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof abbażi tal-punt ta’ dritt li fuqu kienet ibbażata s-sentenza, jiġifieri li l-Ġermanja kienet meħtieġa teżerċita d-dritt li tassumi r-responsabbiltà skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, ma kienx wieħed konvinċenti. Ir-Repubblika Federali, irrappreżentata mill-Uffiċċju Federali, argumentat, fost l-oħrajn, li l-fatt li l-Istat Membru li assuma r-responsabbiltà ma kienx aġixxa skont id-direttivi dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil u dwar standards minimi għal proċeduri dwar l-ażil ma kellux jitqies, ’il fuq u lil hinn minn xi ksur serju tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta jkun qiegħed jiġi deċiż jekk jiġix eżerċitat id-dritt li tiġi assunta r-responsabbiltà. L-Uffiċċju Federali sostna li nuqqasijiet fl-akkomodazzjoni u ż-żamma ta’ applikanti għall-ażil ma eżonerawx Stat Membru mir-responsabbiltà tiegħu li jwettaq il-proċedura. Altrimenti l-applikanti għall-ażil jispiċċaw bid-dritt li jkunu ttrasferiti fi kwalunkwe Stat Membru lejn fejn ikunu vvjaġġaw.

29.      Il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof ikkunsidrat li kien meħtieġ li tirrinvija erba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u ddeċidiet li tagħmel dan fit-22 ta’ Diċembru 2010. Imbagħad l-ewwel tliet domandi ġew irtirati, għaliex essenzjalment twieġbu permezz tas-sentenza mogħtija f’N.S. fil-21 ta’ Diċembru 2011.

30.      Barra minn hekk, l-Uffiċċju Federali, b’deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2011, annulla d-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007, u ddeċieda li juża l-kompetenza tiegħu li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. B’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2011 l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjoni tal-applikant għall-ażil skont l-Artikolu 16(a) tal-Liġi Bażika, imma rrikonoxxih li kien jikkwalifika bħala refuġjat (Flüchtlingseigenschaft).

31.      Skont il-qorti nazzjonali, ir-rinviju preliminari ma huwiex nieqes mir-rilevanza legali għaliex, skont il-liġi Ġermaniża, l-applikant għall-ażil għandu interess legali li jitlob li ssir reviżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007 tal-Uffiċċju Federali mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof, minkejja l-iżviluppi msemmija iktar ’il fuq. Dan għaliex ġie detenut illegalment billi ntbagħat lura l-Greċja, u sussegwentement talab dikjarazzjoni li d-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007 kienet illegali, u talab li jingħata kumpens.

32.      Il-qorti nazzjonali kkonfermat ukoll li għadu jeżisti nuqqas ta’ qbil dwar ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari. Din hija fformulata kif ġej:

“L-obbligu li l-Istat Membru l-ieħor għandu li jeżerċità d-dritt mogħti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II jagħti lill-applikant għall-ażil dritt suġġettiv għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ intervent awtonomu li jista’ jiġi invokat fil-qrati fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor?”

33.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub fid-dawl tal-erba’ domandi mibgħuta mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof minn K. Puid, mill-Gvern tal-Ġermanja, tal-Belġju, tal-Irlanda, tal-Greċja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Polonja, tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, tal-Iżvizzera u tal-Kummissjoni. Minn dawn, is-sottomissjoni bil-miktub tal-Gvern Taljan ma kienu jinkludu ebda osservazzjoni rigward id-domanda 4, u l-Gvern Belġjan ma indirizzahiex b’mod dirett. Rappreżentanti ta’ K. Puid, tal-Irlanda, tar-Repubblika Ellenika u tal-Kummissjoni pparteċipaw waqt is-seduta tat-22 ta’ Jannar 2013.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Il-kuntest tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil

34.      Il-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg tat-8 u tad-9 ta’ Diċembru 1989 ffissa bħala għan l-armonizzazzjoni tal-politika ta’ ażil tal-Istati Membri.

35.      L-Istati Membri ffirmaw f’Dublin, fil-15 ta’ Ġunju 1990, Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, (“Konvenzjoni ta’ Dublin” (8)).

36.      It-Trattat ta’ Maastricht iddikjara, fl-Artikolu K1(1) TEU, li l-politika dwar l-ażil hija materja ta’ interess komuni. L-Artikolu 63 KE, adottat bit-Trattat ta’ Amsterdam, obbliga lill-Kunsill biex jadotta f’perijodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, fost l-oħrajn, miżuri skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jikkunsidra applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz f’wieħed mill-Istati Membri, standards minimi dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil, standards minimi fir-rigward tal-kwalifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħala refuġjati u standards minimi dwar proċeduri fl-Istati Membri dwar l-għoti jew l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. Din id-dispożizzjoni issa hija inkluża fl-Artikolu 78 TFUE.

37.      Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 kkontempla l-istabbiliment ta’ Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil. Din is-sistema ġiet implementata, fost l-oħrajn, bir-Regolament Nru 343/2003 li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Dublin u d-Direttiva 2003/9/KE, id-Direttiva 2004/83/KE u d-Direttiva 2005/85/KE.

38.      L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Umani tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll l-Artikolu 78 TFUE jipprovdu li d-dritt għall-ażil għandu jkun iggarantit bir-rispett dovut lejn il-Konvenzjoni ta’ Genève. Skont l-Artikolu 4 tal-Karta msemmija, l-ebda persuna ma għandha tkun suġġetta għal tortura jew għal trattament jew pieni inumani jew degradanti. L-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprojbixxi t-tneħħija, l-espulsjoni jew l-estradizzjoni lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti. L-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust quddiem tribunal għal kull min id-drittijiet jew libertajiet tiegħu ggarantiti bid-dritt tal-Unjoni jkunu miksura.

2.      Il-Konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’N.S.

39.      Jien inħoss li jkun utli li nipprovdi sunt dwar il-kwistjonijiet li kienu ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża N.S., u l-konklużjonijiet tagħha, qabel ma ngħaddi biex inwieġeb id-domanda preliminari rimanenti. Il-Kawża N.S. semmiet l-aspetti segwenti li huma ta’ interess għall-kawża preżenti.

40.      Iċ-ċirkustanzi kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu simili għal dawk fil-proċedimenti prinċipali. N.S., ċittadin Afgan, wasal fir-Renju Unit u applika għall-ażil fl-istess ġurnata. Qabel wasal fir-Renju Unit huwa kien ivvjaġġa f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, inkluża l-Greċja, fejn ma kienx għamel applikazzjoni għall-ażil, imma fejn inżamm għal erbat ijiem. Is-Secretary of State for the Home Department għamel talba lill-Greċja biex tassumi r-responsabbiltà għal N.S. sabiex teżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. Il-Greċja naqset li tirrispondi, u għalhekk kienet meqjusa li aċċettat ir-responsabbiltà biex teżamina t-talba tal-appellant.

41.      NS irreżista t-tneħħija tiegħu mir-Renju Unit għall-Greċja fuq il-bażi li kien hemm riskju li d-drittijiet fundamentali tiegħu skont id-dritt tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u/jew il-Konvenzjoni ta’ Genève jkunu miksura jekk huwa jintbagħat lura fil-Greċja. Din il-kwistjoni waslet sa quddiem il-United Kingdom Court of Appeal, li rrinvjat seba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      Kif diġà semmejt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-UE jipprekludi t-tħaddim ta’ preżunzjoni konklużiva li l-Istat Membru responsabbli li lejh Stat Membru jipproponi li jittrasferixxi applikant għall-ażil ser jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-applikant għall-ażil skont id-dritt tal-UE, u jew l-istandards minimi imposti bid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85.

43.      Dan kien hekk għaliex, fost l-oħrajn “is-sistema Ewropea komuni tal-ażil hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fuq il-garanzija li ħadd ma għandu jintbagħat f’post fejn ikun espost għar-riskju li jerga’ jkun is-suġġett ta’ persekuzzjoni” u “l-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-protokoll tal-1967 hija prevista fl-Artikolu 18 tal-Karta u fl-Artikolu 78 TFUE (9)”. Kien deċiż li “fl-eventwalità li jkun hemm lok għal tħassib serju dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil fl-Istat Membru responsabbli, nuqqasijiet li jimplikaw trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u li jkunu ttrasferiti lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru, dan it-trasferiment ikun inkompatibbli mad-dispożizzjoni msemmija.” (10)

44.      Kien meqjus li dan huwa applikabbli meta Stat Membru fejn ikun jinsab applikant għall-ażil “ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil” fl-“Istat Membru” responsabbli taħt ir-Regolament Nru 343/2003 “jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” (11).

45.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru li jsib ruħu f’din is-sitwazzjoni, u li jkollu dan il-grad ta’ għarfien, ikun marbut b’obbligi oħra. Dawn kienu deskritti kif ġej:

“Bla ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-impossibbiltà li l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, meta dan l-Istat ikun identifikat bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, tobbliga lill-Istat Membru li kellu jwettaq dan it-trasferiment sabiex ikompli bl-eżami tal-kriterji ta’ dan il-kapitolu sabiex jivverifika jekk wieħed mill-kriterji sussegwenti jippermettix li jiġi identifikat Stat Membru ieħor bħala dak responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil.

Madankollu, huwa meħtieġ li l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk ikun meħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.” (12)

3.      Id-domanda magħmula mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof

46.      L-ewwel huwa meħtieġ li tiġi ċċarata d-domanda magħmula. Dan minħabba l-konnessjoni bejn id-domanda preliminari rimanenti u t-tliet domandi preliminari rtirati, b’mod partikolari t-tielet domanda li ġiet irtirata li kienet ifformulata kif ġej:

“L-Istat Membru l-ieħor għandu l-obbligu li jeżerċità d-dritt mogħti bl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II fid-dawl tal-garanziji tal-Karta ċċitati iktar ’il fuq, minn tal-inqas meta fl-Istat Membru responsabbli jkun hemm nuqqasijiet partikolarment gravi li jimminaw b’mod fundamentali l-garanziji proċedurali tal-applikanti għall-ażil jew jheddu l-eżistenza jew l-integralità fiżika tal-applikanti għall-ażil ittrasferiti?”

47.      Fil-fehma tiegħi l-essenza tad-domanda preliminari rimanenti tikkonċerna l-pożizzjoni legali tal-applikant għall-ażil fl-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet iddepożitata, meta l-kundizzjonijiet fl-Istat Membru responsabbli skont ir-regoli tar-Regolament 343/2003 jkunu kif inhuma deskritti f’NS. B’mod iktar partikolari, il-kwistjoni tikkonċerna r-responsabbiltajiet tal-ewwel Stat Membru, u speċjalment tal-qrati tiegħu, flimkien mad-drittijiet tal-applikant għall-ażil u r-rimedji disponibbli. Huwa f’dan is-sens li beħsiebni nanalizza d-domanda preliminari.

B –    It-tweġiba għad-domanda preliminari

1.      Il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE dwar l-ażil

48.      Il-prinċipju fundamentali tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa l-prinċipju tan-non-refoulement li jipproteġi refuġjat milli jkun espulż jew ritornat lejn il-fruntieri tat-territorji fejn jistgħu jkunu mhedda ħajtu jew il-libertà tiegħu minħabba r-razza, ir-reliġjon, iċ-ċittadinanza jew l-isħubija tiegħu f’xi grupp soċjali partikolari jew il-fehma politika tiegħu.

49.      Il-prinċipju tan-non-refoulement jifforma l-essenza tad-dritt fundamentali għall-ażil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-Karta u l-Artikolu 78(1) TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet ma joħolqux għal dawk li japplikaw għall-ażil dritt sostantiv suġġettiv li jingħataw ażil (13), imma dritt għal eżami ġust u effettiv tal-applikazzjoni għal ażil, flimkien mad-dritt li ma jkunux ittrasferiti lejn pajjiżi jew territorji bi ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement.

50.      Madankollu, dritt suġġettiv għal status ta’ refuġjat huwa pprovdut fil-leġiżlazzjoni tal-UE fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat skont id-Direttiva 2004/83, lil persuni li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti hemmhekk. Dan japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE dwar it-trasferiment ta’ applikanti għall-ażil lejn pajjiżi terzi siguri.

51.      L-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjati kien armonizzat ukoll fir-rigward ta’ proċedura. B’mod partikolari, id-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi standards minimi f’dan ir-rigward, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv fil-proċeduri tal-appelli.

52.      Madankollu, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85, u konsegwentement id-Direttiva 2004/83, hija biss it-tieni pass fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil iddepożitata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr Stat. Bħala l-ewwel pass huwa neċessarju li jiġi identifikat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni.

53.      Dan iseħħ konformi mar-Regolament Nru 343/2003 abbażi ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti f’ordni ġerarkiku, u li jwasslu biex Stat Membru wieħed ikun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni. Madankollu, ir-regolament jagħti wkoll lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni, jew għar-raġunijiet umanitarji speċifikati fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003, jew bħala riżultat tal-għażla tagħhom konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

54.      Il-prinċipju tan-non-refoulement huwa l-qafas ukoll tas-sistema maħluqa bir-Regolament 343/2003, li tfittex li torganizza u tagħti struttura lill-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fi ħdan l-UE u biex jiġi missielet il-forum shopping. Fi kwalunkwe każ l-Istati Membri huma vinkolati bil-Konvenzjoni ta’ Genève u bil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalhekk dawn ma jistgħux jittrasferixxu applikanti għall-ażil fi Stati Membri oħra sakemm ma jkunx hemm garanziji li dan il-prinċipju ser ikun osservat. Għalhekk, is-sistema stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Dublin u r-Regolament Nru 343/2003 hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 343/2003 jiddependi fuq il-preżunzjoni li l-Istati Membri kollha tal-UE jistgħu jitqiesu li huma pajjiżi siguri għal applikanti għall-ażil, u li l-Istati Membri josservaw il-prinċipju tan-non-refoulement fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

55.      Sabiex id-domanda magħmula mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof tingħata risposta, l-ewwel huwa meħtieġ li tkun analizzata l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 f’ċirkustanzi normali. Dan jagħmilha possibbli li wieħed jikkunsidra l-interpretazzjoni tagħha f’sitwazzjoni bħal dik deskritta f’NS, fejn il-preżunzjoni bażika tal-kapaċità tal-Istat Membru responsabbli prima facie għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil li jaqdi l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt is-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil ma tgħoddx iktar.

2.      L-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003

56.      Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere jsostnu li Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil għandha tinkludi “identifikazzjoni ċara u operabbli tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil” (14). Fil-fehma tiegħi dan huwa l-kejl li għandu jintuża bħala gwida, fis-sens li tweġiba li tkun inkonsistenti mal-għanijiet taċ-ċarezza u tal-operabbiltà tmur kontra l-għan tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil. Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tal-istess dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tar-regolament li tifforma parti minnu (15).

57.      L-għan tar-Regolament Nru 343/2003 huwa kemm li jħaffef l-iproċessar ta’ applikazzjonijiet għal ażil, kif ukoll li jipprevjeni l-forum shopping. Pereżempju, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 343/2003 tipprovdi li l-“l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil” ma jkunx kompromess (16), filwaqt li l-Kapitolu V tar-Regolament 343/2003 jistabbilixxi skadenzi stretti biex jew jittieħed inkarigu ta’ applikazzjoni għall-ażil, jew biex jittieħed lura applikant għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli, kif stabbilit fil-Kaptiolu V tar-Regolament Nru 343/2003 (17). L-għan tal-prevenzjoni tal-forum shopping huwa rifless fl-Artikoli 9 sa 12, li jipprovdu li l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokumenti tal-ivvjaġġar neċessarji, jew dak tal-ewwel dħul, kemm jekk legali kemm jekk illegali, għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet speċifiċi (18). Huwa minnu li l-Artikoli 15 (l-hekk imsejħa klawżola umanitarja) u 3(2) (l-hekk imsejħa eċċezzjoni tas-sovranità) jipprovdu skop għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni, imma din hija vestita fl-Istati Membri u mhux fl-applikanti għall-ażil (19).

58.      Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa 16, u fl-Artikolu 1, l-għan tar-Regolament Nru 343/2003 huwa “l-istabbiliment tal-kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri”. Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 343/2003 ma għandux l-għan li jagħti drittijiet lil individwi, imma li jorganizza r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (20), anki jekk dan jinkludi ċerti elementi li ma humiex irrilevanti għad-drittijiet tal-applikanti għall-ażil. Dan kollu, flimkien mal-fatt li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 huwa miżura diskrezzjonali, ibiegħed interpretazzjoni li tkun tagħti lill-applikanti għall-ażil xi drittijiet individwali dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Kif ġie sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti, filwaqt li regolamenti b’mod ġenerali għandhom effett immedjat fl-ordinamenti legali nazzjonali mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni, jew mingħajr ma jkun neċessarju li l-leġiżlatura tal-UE tadotta leġiżlazzjoni supplimentari ta’ applikazzjoni, ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament jistgħu, madankollu, jeħtieġu, għall-implementazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni jew mill-Istati Membri jew mill-leġiżlatur tal-UE nnifisu (21).

59.      Huwa ċar li jkunu meħtieġa miżuri oħra fejn Stat Membru jingħata diskrezzjoni. Għalhekk, f’ċirkustanzi normali applikanti għall-ażil ma jistgħu jiksbu ebda dritt mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003 fis-sens li dawn ikunu jistgħu jitolbu lil Stat Membru differenti minn dak responsabbli skont ir-regolament biex jeżamina l-applikazzjoni tal-ażil tagħhom. Kif ġie rrilevat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, biex dispożizzjoni tad-dritt tal-UE jkollha effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn individwi u Stati Membri, għandu jkun hemm obbligu ċar u inkundizzjonat impost fuq l-Istati Membri, u l-implementazzjoni jew l-effetti tagħha ma jkunux suġġetti għal xi intervent jew att tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma jikkorrispondix ma’ dawn il-kriterji (22).

3.      L-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali

60.      Madankollu, id-domanda preliminari ma tikkonċernax l-applikazzjoni normali tar-Regolament Nru 343/2003 imma sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn l-Istat Membru prima facie responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil ikun naqas li japplika s-Sistema Ewropea Komuni ta’ Ażil, u sa dak il-punt li l-applikanti għall-ażil ma jkunux jistgħu jiġu ttrasferiti hemmhekk. Il-konklużjoni tiegħi hawnhekk hija li, f’tali ċirkustanzi, fl-aħħar mill-aħħar huma l-qrati nazzjonali li għandhom jissalvagwardjaw il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’NS.

61.      Fil-punti li ser isegwu, jien ser niddefinixxi ċirkustanzi eċċezzjonali bħala dawk li jissodisfaw kemm il-kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll dawk evidenzjali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’NS. Il-kundizzjoni sostantiva kienet imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala sitwazzjoni fejn ikun hemm nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għal applikanti għall-ażil fl-Istati Membri responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jwassal għal trattament inuman jew degradanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja fissret il-kundizzjoni evidenzjali bħala dak il-punt meta l-Istat Membru li normalment jittrasferixxi l-applikant għall-ażil ma setax ma jkunx jaf bin-nuqqasijiet sistematiċi fis-sistema tal-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikant għall-ażil fl-Istat Membru l-ieħor. Fil-fatt, l-istandard evidenzjali huwa stabbilit f’dak il-punt fejn ikun sar notorju li l-applikanti għall-ażil ma jistgħux jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru kkonċernat (23).

62.      Huwa ovvju li, b’dawn il-kwalifiki, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-għan li tistabbilixxi livell għoli biex ma jitwarrabx il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka sottostanti r-Regolament Nru 343/2003. Dan ifisser li l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka ma jistax jitqiegħed fid-dubju permezz ta’ eżami sistematiku, fil-kuntest ta’ kull proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil, dwar jekk Stati Membri oħra jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont is-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil. Interpretazzjoni kuntrarja tkun inkonsistenti mal-għanijiet primarji tar-Regolament Nru 343/2003, li huma, li jkunu organizzati r-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri, li tkun żgurata l-ħeffa fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil, u li tipprevjeni l-forum shopping.

63.      Għalhekk, meta Stat Membru, fejn tkun ġiet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil, ma jistax ma jkunx jaf li nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikant għall-ażil li jwasslu għal riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru li altrimenti jkunu responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jieqfu milli jittrasferixxu applikanti għall-ażil għal dak l-Istat Membru fuq inizjattiva tagħhom. Huma għandhom jagħmel hekk mingħajr ma jkunu obbligati mill-qrati nazzjonali, jew fuq talba mill-applikanti għall-ażil ikkonċernati. Minkejja li l-Artikolu 3(2), bħala miżura ta’ diskrezzjoni, ma jagħtix drittijiet lil individwi, dan bl-ebda mod ma jnaqqas l-obbligu fuq l-Istati Membri, inkluż il-qrati tagħhom, li jiġux preklużi milli jieħdu azzjoni li tista’ tesponi lill-applikant għall-ażil għal trattament inuman u degradanti kif stabbilit f’N.S. Fil-fatt, is-sentenza N.S. stess stabbilixxiet li l-Karta hija applikabbli fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni. Fir-rigward tal-liġi tal-UE dwar l-ażil, l-obbligi N.S. jingħataw lok ladarba l-aġenzija tal-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk qorti kif ukoll kwalunkwe aġenzija oħra, tkun iddeterminat li l-kundizzjonijiet N.S., kif deskritti ’l fuq, jeżistu fl-Istat Membri l-ieħor “responsabbli”.

64.      Dan premess, biex id-domanda preliminari tingħata risposta, jeħtieġ li jiġi eżaminat dan li ġej: (i) il-pożizzjoni tal-Istat Membru fis-sitwazzjoni eċċezzjonali li applikant għall-ażil ikun espost għal trattament inuman jew degradanti jekk isir it-trasferiment; u (ii) id-drittijiet tal-applikant għall-ażil u r-rimedji disponibbli.

a)      Il-pożizzjoni ta’ Stat Membru f’sitwazzjoni eċċezzjonali

65.      Fir-rigward tal-Istat Membru li jsib ruħu fis-sitwazzjoni eċċezzjonali kif deskritta hawn fuq, isegwi b’mod ċar minn N.S. li dan huwa eskluż milli jittrasferixxi l-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru li huwa prima facie responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003. Fi kliem ieħor, il-prinċipju tan-non-refoulement isir applikabbli bejn dawn l-Istati Membri.

66.      Fil-fatt, f’N.S. il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ġiet iddepożitata għandu jkompli jeżamina l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III biex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax ikun identifikat bħala responsabbli. Madankollu, jekk jittieħed tul ta’ żmien mhux raġonevoli, l-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet iddepożitata għandu, jekk meħtieġ, jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 (24).

67.      Għalhekk, f’ċirkustanzi eċċezzjonali l-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet iddepożitata ma jkunx iffaċċjat bid-dmir inkundizzjonat li jeżamina l-applikazzjoni huwa nnifsu. Dan jista’ f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, jipprova jsib Stat Membru ieħor responsabbli għall-eżami. Madankollu, jekk dan ma jirnexxix, jidher li l-Istat Membru mbagħad ikun obbligat li jeżamina l-applikazzjoni huwa stess.

68.      Madankollu, fil-fehma tiegħi dan ma jgħoddx bħala obbligu tal-Istat Membru li jeżerċita l-kompetenza taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Skont l-interpretazzjoni korretta tar-Regolament Nru 343/2003, ladarba l-kundizzjonijiet deskritti fil-Kawża N.S. ġew stabbiliti, l-Istat Membru fejn jeżistu dawk il-kundizzjonijiet, sempliċement jieqaf milli jkun l-Istat Membru responsabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament. Dan ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni matul is-seduta. L-Istat Membru fejn tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni għall-ażil isir l-Istat Membru responsabbli, fil-każ li ma jkunx jista’ jsib Stat Membru ieħor responsabbli (25).

69.      F’dan il-punt, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003 jibda japplika, għaliex kif inhu ddikjarat fit-test tiegħu, “ebda Stat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament”. L-Artikolu 13 ikompli jgħid li “l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha”. Fil-każ ta’ K. Puid, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija għalhekk “l-ewwel Stat Membru” tal-applikazzjoni tiegħu tal-ażil u bħala tali responsabbli biex tikkonkludi l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil konformi mal-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament Nru 343/2003.

70.      Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li ma jistax jiġi dderivat bħala tali mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) obbligu sostantiv fuq l-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għall-ewwel darba. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan ċar li tippermetti kull Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil (26), biex jieħu l-pożizzjoni ta’ Stat Membru responsabbli konformi mad-diskrezzjoni sovrana tiegħu. Dan jista’ jsir, pereżempju għal raġunijiet politiċi, prattiċi jew umanitarji (27). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tawtorizza, imma ma tobbligax, l-Istati Membri biex jeżaminaw applikazzjonijiet għall-ażil.

71.      Irid jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 343/2003 qatt ma jobbliga Stat Membru li jirrifjuta li jeżamina applikazzjoni għall-ażil, imma sempliċement jorganizza b’mod orndat, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-prattika statali li ħafna minnhom kienu jsegwu fi kwalunkwe każ; jiġifieri dik li jirrifjutaw li jagħtu protezzjoni internazzjonali lill-applikanti għall-ażil li jaslu minn pajjiżi siguri. Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 343/2003 jaqsam fost l-Istati Membri r-responsabbiltà, imma mhux il-kompetenza legali (28), biex jiġu eżaminati applikazzjonijiet għall-ażil.

b)      Id-drittijiet ta’ applikant għall-ażil u r-rimedji disponibbli fis-sitwazzjoni eċċezzjonali

72.      Fir-rigward tad-drittijiet tal-applikanti għall-ażil u r-rimedji, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li jsiru rigward responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni u t-trasferiment tal-applikant għall-Istat Membru responsabbli.

73.      Id-deċiżjoni dwar l-eżami ssir mill-Istat Membru rikjest (jiġifieri l-Membru li Stat Membru ieħor talbu jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil) skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 343/2003. Ma hemm xejn fir-Regolament Nru 343/2003, kif interpretat skont l-għanijiet tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil, li jipprovdi applikanti għall-ażil b’xi dritt suġġetti biex jobbliga Stat Membru identifikat biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil (29). Dan japplika kemm għall-Istat Membru li ssirlu t-talba kif ukoll għall-Istat Membru li jagħmel it-talba.

74.      Id-deċiżjoni dwar it-trasferiment għall-Istat Membru responsabbli hija rregolata bl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 343/2003. Dan jipprovdi li meta “l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.” [enfażi tiegħi]

75.      Din id-deċiżjoni, għandha, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandha tinkludi dettalji tal-limitu ta’ żmien dwar l-eżekuzzjoni tat-trasferiment u għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk qiegħed jivvjaġġa għall-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess.

76.      Id-deċiżjoni li ma tkunx eżaminata l-applikazzjoni tista’ tkun suġġetta għal appell jew reviżjoni (30). Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni ma għandux jissospendi l-implementazzjoni tat-trasferiment ħlief meta l-qrati jew il-korpi kompetenti jiddeċiedu li jsir hekk fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan (31).

77.      Huwa matul il-kors ta’ dawn il-proċedimenti li l-qorti nazzjonali, bħala konsegwenza tad-dmirijiet tagħha li tagħti protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 19(1) TUE, hija marbuta li tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-Kawża N.S. ikunux qamu u huma applikabbli f’xi każ partikolari, u jbiddlu l-obbligi tal-Istat Membru fejn ikun ġie mitlub l-ażil. Kważi ma hemmx għalfejn wieħed jgħid li, bħala parti mid-dritt primarju tal-UE (32), il-qrati nazzjonali huma obbligati li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet inklużi fil-Karta f’dawn l-istess proċedimenti; u speċjalment meta l-leġiżlazzjoni tal-UE speċifikament tirreferi għall-osservanza tad-drittijiet fundamentali u l-Karta, kif inhu l-każ fir-rigward tar-Regolament Nru 343/2003, u b’mod partikolari l-premessa 15 tiegħu (33).

78.      Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, appell mid-deċiżjoni li ma għandhiex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil u li applikant għall-ażil jiġi ttrasferit, ma tissospendix l-implementazzjoni tat-trasferiment sakemm il-qrati jew il-korpi kompetenti ma jiddeċidux hekk abbażi ta’ b’każ b’każ u sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan. Ir-raġunijiet għal dan kienu spjegati fil-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Nru 343/2003. Huwa ftit probabbli li trasferiment fi Stat Membru ieħor jista’ jikkawża lill-persuna kkonċernata telf serju li jkun diffiċli li wieħed jagħmel tajjeb għalih (34). Huwa evidenti li din il-preżunzjoni ma hijiex valida f’ċirkustanzi eċċezzjonali kif imfissra fis-sentenza N.S.

79.      Fil-fehma tiegħi qorti nazzjonali li ma tistax ma tkunx taf li nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil, u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 343/2003, jammontaw għal raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-applikant għall-ażil jiffaċċja riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman u degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta, hija obbligata li tissospendi t-trasferiment tal-applikanti għall-ażil għal tali Stat Membru, u jekk ikun neċessarju, li twarrab kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tkun teskludi tali deċiżjoni. Dan isegwi mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE li jikkonċernaw rimedji u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali effettivi (35). Kif diġà osservajt, l-awtoritajiet kompetenti għandhom obbligu simili fl-amministrazzjoni tal-proċeduri dwar l-ażil.

80.      Nosserva, li fil-proposta preżenti tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, l-Artikolu 26 intitolat “Rimedji” ġie propost, fost l-oħrajn, li “Fil-każ ta’ appell jew reviżjoni dwar deċiżjoni ta’ trasferiment ... l-awtorità għandha ..., billi taġixxi ex officio, tiddeċiedi, kemm jista’ jkun malajr, u f'kull każ mhux iktar tard minn sebat ijiem tax-xogħol minn meta kien iddepożitat l-appell jew ir-reviżjoni, jekk il-persuna kkonċernata tistax tibqa’ fit-territorju tal-Istati Membru kkonċernat sakemm jintemm l-appel jew ir-reviżjoni, jew le. (36)”

81.      Bħala konklużjoni, anki fis-sitwazzjonijiet eċċezzjonali kif imfissra fis-sentenza N.S., l-applikanti għall-ażil ma għandhomx dritt infurzabbli, ibbażat fuq ir-Regolament Nru 343/2003, biex iġiegħlu Stat Membru identifikat biex jeżamina l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil. Madankollu, qorti nazzjonali li ma tistax ma tkunx taf li nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil, u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament 343/2003 jammontaw għal raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-applikant għall-ażil jiffaċċja riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman u degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta, huwa obbligat li jissospendi t-trasferiment tal-applikant għall-ażil għal dak l-Istat Membru.

V –    Konklużjoni

82.      Jien għalhekk nirrakkomanda li domanda magħmula mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof tingħata r-risposta segwenti:

“Applikanti għall-ażil ma għandhomx dritt infurzabbli li jobbliga Stat Membru identifikat biex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil depożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz. Madankollu, qorti nazzjonali li ma tistax ma tkunx taf li nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003 jammontaw għal raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-applikanti għall-ażil jiffaċċjaw riskju reali li jkunu suġġetti għal trattament inuman u degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) ta’ dak ir-regolament, huwa obbligat li jissospendi t-trasferiment ta’ applikanti għall-ażil għal dak l-Istat Membru.”


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU L 175M, p. 168).


3 –      Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija kienet abrogata b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013 bl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9). L-istandards dwar l-akkoljenza huma armonizzati bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/9 KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU L 31, p. 18).


4 –      ĠU L 50, 2003, p. 1.


5 –      Punt 104.


6 –      Punt 106.


7 –      L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève jew fil-Protokoll tal-1967.


8 –      ĠU C 254, 19.8.1997, p. 1.


9 – Il-punt 75, fejn tiġi ċċitata s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (Kawżi magħquda C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08, Ġabra p. I-1493, punt 53), u s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (Kawża C-31/09, Ġabra p. I-5539, punt 38).


10 – Punt 86. Il-Qorti tal-Ġustizzja invokat ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-riskju ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jikkostitwixxu trattament inuman u degradanti billi ċċitat, fil-paragrafi 88 u 90, MSS vs Il-Belġju u l-Ġreċja, sentenza tal-21 ta’ Jannar 2011, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.


11 –      Punt 94.


12 –      Punti 107 sa 108.


13 –      Il-Gvern Ġermaniż jirreferi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu għall-istorja ta’ kif kien abbozzat l-Artikolu 18 tal-Karta u għall-fatt li f’dak iż-żmien id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma kinux armonizzati. Għalhekk, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 18 tal-Karta ma jmurx lil hinn mill-Konvenzjoni ta’ Genève u l-acquis communautaire għal dawk li huma d-drittijiet ta’ applikanti għall-ażil.


14 –      Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (COM(2001) 447 finali; paġna 2 paragrafu 1). Ara wkoll il-premessa 3 tar-Regolament Nru 343/2003.


15 –      Sentenza tal-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C-19/08 P, Ġabra p. I-495, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 –      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, K (C-245/11, punt 48, fejn il-Qorti ddeċidiet li “F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 hija effettwata b’mod li jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ determinazzjoni tal-kwalità ta’ refuġjat u li ma jiġix kompromess l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil”.


17 –      Għal tabella tat-termini stabbiliti bir-Regolament Dublin II ara l-Anness għall-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża C-179/11 Cimade (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, CIMADE u GISTI, C-179/11).


18 –      Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentati fil-Kawża N.S., fejn osservat, fost l-oħrajn, fil-punt 94, li r-Regolament 343/2003 huwa “maħsub biex jipprevjeni li l-persuni li jfittxu l-ażil ifittxu l-iktar sistemi favorevoli għalihom (forum shopping)”, kif muri bir-regola li r-“responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fl-Unjoni Ewropea għandha tkun ta’ Stat Membru wieħed, li huwa ddeterminat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.”


19 –      Hawnhekk jiena nagħmel analoġija mal-insenjament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu (Kawża C-396/11), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 34, li d-“Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tistabbilixxi sistema ġdida simplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati bi ksur tal-liġi kriminali, biex tiġi ffaċilitata u aċċellerata l-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tiġi bbażata fuq grad ta’ fiduċja għolja li għandha teżisti bejn l-Istati Membri”. Dan kien fattur li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta stedina biex tissupplimenta l-mezzi ta’ kontestazzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewopew quddiem l-awtorità li teżegwixxi bir-rekwiżit, min-naħa tal-qorti li toħroġ il-mandat, li l-ewwel tisma’ lill-persuna rikjesta. Peress li s-sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil bl-istess mod għandha bħala għan l-istabbiliment ta’ “sistema ġdida simplifikata u aktar effettiva”, ibbażata fuq “grad għoli ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-Istati Membri” fil-fehma tiegħi, l-istess prudenza għandha tapplika neċessarjament fl-għoti lill-applikanti għall-ażil ta’ drittijiet addizzjonali għal dawl stabbiliti mill-leġiżlatur tal-UE. Ara, iktar reċenti, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (Kawża C-399/11, punt 37).


20 –      Hawnhekk jiena nirreferi għall-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentati fil-Kawża C-620/10 Kastrati, fejn l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 29 li “l-għan tar-Regolament Nru 343/2003 ma huwiex li joħloq garanziji proċedurali għall-persuni li qed ifittxu l-ażil f’termini tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet sabiex l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom jintlaqgħu jew jiġu miħċuda. (18) Minflok, dan ir-regolament primarjament jirregola l-allokazzjoni tal-obbligi u l-kompiti tal-Istati Membri bejniethom. Fuq dan l-isfond, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, li jikkonċernaw l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawk li jfittxu l-ażil suġġetti għall-proċedura ta’ Dublin, huma marbuta bħala prinċipju biss mat-twettiq tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-relazzjoni tal-Istati Membri bejniethom jew huma intiżi biex jiggarantixxu konformità ma’ strumenti oħra tal-leġiżazzjoni dwar l-ażil.”


21 – Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C-367/09, Ġabra p. I-10761, punti 32 u 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Il-Kummissjoni, f’dan is-sens, tiddependi fuq il-ġurisprudenza klassika tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend en Loos (Kawża 26/62, Ġabra p. 1); tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa 6/64, Ġabra p. 585; u tas-16 ta’ Ġunju 1965, Lütticke 57/65, Ġabra p. 243).


23 –      Fil-fehma tiegħi l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni tista’ tkun dedotta abbażi ta’ tagħrif ipprovdut mill-UNCHR, mill-International Red Cross, mill-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk l-awtoritajiet tal-ażil tal-Istati Membri jiskambjaw tagħrif bejniethom dwar il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil. Peress li s-sitwazzjoni eċċezzjonali kif deskritta f’N.S. ma tikkonċernax il-karatteristiċi ta’ applikant għall-ażil individwali, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu kont ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali fuq bażi ġenerali u mhux bħala kwistjoni ta’ evidenza pprovduta fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni individwali.


24 –      Punti 107 sa 108.


25 –      F’dan is-sens ara s-sentenza K (C-245/11, iċċitata fin-nota 16), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta “l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 15(2) ikunu sodisfatti, l-Istat Membru li, għar-raġunijiet umanitarji msemmija, ikun obligat jieħu r-responsabbiltà ta’ applikant għal ażil, isir l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil”.


26 –      Huwa perfettament possibbli li applikant għall-ażil ikun iddepożita applikazzjoni ma’ diversi Stati Membri. F’ċirkustanzi fejn ma jistax jiġi ttrasferit għall-Istat Membru tal-ewwel dħul tiegħu, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003 fl-aħħar mill-aħħar jirrendi lill-Istat Membru tal-ewwel applikazzjoni responsabbli. Mingħajr dik id-dispożizzjoni, l-obbligu li tipprovdi protezzjoni internazzjonali ovvjament tkun ibbażata fuq id-dritt internazzjonali, u tkun tikkonċerna, skont il-każ, jew lill-Istat Membru fejn l-applikant ikun preżenti jew l-ewwel Stat Membru tad-dħul li jkun sigur. Dan l-eżempju juri d-diffikultajiet li wieħed jinterpreta fir-Regolament dmir oġġettiv ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 3(2).


27 –      Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’Trstenjak fil-Kawża K (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, K, C-245/11, punti 27 sa 32 u COM(2001) 447 finali (iċċitata fin-nota 14, p. 10).


28 –      Il-kompetenza ta’ Stat biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil u biex jipprovdi protezzjoni internazzjonali hija vestita fis-sovranità tiegħu. Għalhekk id-Direttiva 2004/83 ma tipprekludix Stat Membru milli japplika standards iktar favorevoli fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ min jikkwalifika bħala refuġjat (ara l-Artikolu 3).


29 –      B’mod eċċezzjonali, fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 343/2003 fir-rigward ta’ membri tal-familja, ix-xewqa tal-persuni kkonċernati għandha rilevanza legali.


30 –      Din id-dispożizzjoni ma kinitx tinstab fil-Konvenzjoni ta’ Dublin. Għal diskussjoni dwar id-differenzi bejn l-Artikolu 19 u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-Konvenzjoni ta’ Dublin ara COM(2001) 447 (iċċitata fin-nota 14, p. 18 u 19).


31 –      Madankollu, l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 dwar id-dritt għal rimedju effettiv ma huwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni. Ara l-Artikolu 39(1)(a)(i) moqri flimkien mal-Artikolu 25(1) ta’ din id-direttiva.


32 –      Ara, pereżempju, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża C-396/11 Radu, punt 52.


33 – Jiena nosserva li fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB, C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-punti 60 u 61 li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 6, p. 243) għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 24 tal-Karta u mad-drittijiet tat-tfal, anki jekk dan ma kien jifforma ebda parti mid-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet dan l-approċċ minħabba l-impenji msemmija fil-premessa 33 tar-Regolament 2201/2003.


34 –      Ara COM(2001) 447 finali (iċċitata fin-nota 14, p. 19).


35 –      Ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, Ġabra p. I-13849).


36 – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (Riformolata) [COM(2008) 47 finali].