Language of document : ECLI:EU:C:2012:565

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑547/10 P

Il‑Konfederazzjoni Svizzera

vs

Il‑Kummissjoni

“Appell – Rikors għal annullament – Il-Konfederazzjoni Svizzera – Ammissibbiltà – Locus standi – Eżami ex officio – Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Għanijiet ta’ dan tal-aħħar – Skambju ta’ drittijiet ta’ traffiku –Regolament (KEE) Nru 2408/92 – Aċċess tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji – Artikoli 8 u 9 – Kamp ta’ applikazzjoni – Setgħat ta’ kontroll tal-Kummissjoni – Eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku – Deciżjoni 2004/12/KE – Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zürich – Prinċipji inerenti għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità”





I –    Daħla

1.        Permezz tal-appell tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Settembru 2010, L-Isvizzera vs Il-Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-Konfederazzjoni Svizzera intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/12/KE (3) dwar l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (4) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-trasport bl-ajru”) u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (5). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tibqa’ tapplika l-miżuri nazzjonali li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni, li kienu intiżi li jistabbilixxu proċeduri għall-inżul u għat-tluq fl-ajruport ta’ Zürich (l-Isvizzera).

2.        Ma hemmx preċedenti għall-kawża preżenti minħabba diversi raġunijiet. Minn naħa, hija tikkonċerna l-ewwel rikors għal annullament imressaq mill-Isvizzera quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk din il-kawża tipprovdi opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Istati terzi li għandhom rabta ġuridika partikolari mal-Unjoni Ewropea jistgħux iressqu rikorsi għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet. Din hija kwistjoni li, fil-kawża preżenti, baqgħet mingħajr risposta peress li la l-Qorti tal-Ġustizzja (6) u lanqas il-Qorti Ġenerali ma ħadu pożizzjoni fuq l-istatus proċedurali tal-Konfederazzjoni Svizzera.

3.        Min-naħa l-oħra, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbilità li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u dawk tar-Regolament dwar l-aċċess kif ukoll li tiddeċiedi dwar ir-rabta bejn dawn l-istrumenti. Fil-fatt, il-kwistjonijiet imqajma fl-appell tal-Isvizzera jirrigwardaw, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-aċċess kif ukoll is-setgħat ta’ kontroll li għandha l-Kummissjoni taħt l-imsemmi regolament. Għalhekk, il-kawża preżenti tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-regoli sostantivi previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet fir-rigward tal-prinċipji tal-libertà li jiġu provduti servizzi, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità fil-kuntest partikolari tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru

4.        L-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru jipprovdi :

“1.      Dan il-Ftehim jiddikjara regoli għall-Partijiet Kontraenti fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili. Dawn id-disposizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għal dawk preżenti fit-Trattat KE […], kif ukoll taħt il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti kollha elenkata fl-Anness ta’ dan il-Ftehim.

2.       Għal dan il-għan, id-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim kif ukoll fir-regolamenti u d-direttivi speċifikati fl-Anness għandhom japplikaw taħt il-kondizzjoni iddikjarati hawnhekk. Sa fejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE u għall-atti adottati fl-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat, dawk id-disposizzjonijiet għandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati konformament mad-deċiżjonijiet u s-sentenzi relevanti tal-Qorti […] u tal-Kummissjoni […] mogħtija qabel id-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet u s-sentenzi mogħtija wara d-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu kkomunikati lill-Isvizzera. Fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet Kontraenti, l-implikazzjonijiet ta’ tali deċiżjonijiet u sentenzi ta’ l-aħħar għandhom ikunu determinati mill-Kumitat Konġunt sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq ta’ dan il-Ftehim.”

5.        L-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim u tal-anness tiegħu għandhom japplikaw sakemm dawn ikunu jirrigwardaw it-trasport bl-ajru jew kwistjonijiet marbuta direttament mat-trasport bl-ajru, hekk kif imsemmija fl-Anness ta’ dan il-ftehim.

6.        Skont l-Artikolu 3 ta’ dan l-istess ftehim, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità hija pprojbita fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

7.        L-Artikolu 15(1) ta’ dan il-ftehim jipprovdi, bla ħsara għar-Regolament dwar l-aċċess, għall-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lit-trasportaturi Komunitarji u Svizzeri bejn kwalunkwe punt fl-Isvizzera u kwalunkwe punt fil-Kommunità.

8.        L-Artikolu 18(2) tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“Fil-każijiet li jistgħu jolqtu servizzi bl-ajru li jridu jiġu awtorizzati taħt il-Kapitolu 3, l-istituzjonijiet Komunitarji għandom igawdu l-poteri mogħtija lilhom taħt id-disposizzjonijiet tar-regolamenti u tad-direttivi li l-applikazzjoni tagħhom hija espressament ikkonfermata fl-Anness. […]”

9.        Skont l-Artikolu 19(2) tal-istess ftehim, l-awtoritajiet Svizzeri għandhom jiġu informati b’mod sħiħ u dawn jibbenefikaw mill-possibbilità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jaġixxu skont is-setgħat mogħtija lilhom mill-ftehim preżenti fuq kwistjonijiet li jqajjmu interess għall-Konferderzzjoni Svizzera u li jirrigwardaw l-awtoritajiet jew l-impriżi Svizzeri.

10.      Skont l-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru, il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-validità ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Komunità abbażi tal-kompetenzi tagħhom skont dan il-ftehim jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

11.      Skont l-anness tal-imsemmi ftehim, kull meta l-atti elenkati fl-imsemmi anness isemmu lill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea jew l-eżiġenza ta’ rabta ta’ konnessjoni ma’ dawn tal-aħħar, dawn ir-riferimenti għandhom jitqiesu, għall-finjiet tal-fehim, li jirreferu wkoll għall-Konfederazzjoni Svizzera jew għall-ħtieġa ta’ rabta ta’ konnessjoni identika ma’ din tal-aħħar. Fost affarijiet oħra dan l-anness jirrigwarda r-Regolament dwar l-aċċess.

B –    Ir-Regolament dwar l-aċċess

12.      L-Artikolu 2(f) tar-Regolament dwar l-aċċess jiddefinixxi d-dritt ta’ traffiku, għall-finijiet ta’ dan l-istess regolament, bħala “id-dritt ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jġorr passiġġieri, merkanzija u/jew posta fuq servizz bl-ajru bejn żewġ ajruporti tal-Komunità”.

13.      L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Suġġett għal dan ir-Regolament, it-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta’ traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità.”

14.      Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament:

“2.      L-eżerċitar ta’ drittijiet tat-traffiku għandu jkun suġġett għal regoli ippubblikati ta’ l-operazzjoni tal-Komunità, nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirreferu għas-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slotts.

3.      Fuq talba minn Stat Membru jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 u, fi żmien xahar minn meta tirċievi talba u wara li tikkonsulta l-Kumitat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 11, tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax ikompli japplika l-miżura. Il-Kummissjoni għandha tinforma b’dawn id-deċiżjonijiet l-Istati Membri l-oħra.

[…]”

15.      L-Artikolu 9 tar-regolament jipprovdi:

“1.      Meta jeżistu problemi serji ta’ konġestjoni u/jew ambjentali l-Istat Membru responsabbli jista’, suġġett għal dan l-Artikolu, jimponi kondizzjonijiet fuq, jillimita jew jirrifijuta l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku, b’mod partikolari meta modi oħra tat-trasport jistgħu jipprovdu livelli sodisfaċenti ta’ servizz.

2.      Azzjoni meħuda minn Stat Membru skond il-paragrafu 1 għandha:

-      ma tkunx diskriminatroju għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew l-identità tat-trasportaturi ta’ l-ajru,

[…]

-      ma tkunx aktar restrittiva milli meħtieġ sabiex ittaffi l-problemi.

3.      Meta Stat Membru jikkunsidra li l-azzjoni permezz tal-paragrafu 1 tkun meħtieġa, dan għandu, għall-inqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-azzjoni, jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fejn jagħti ġustifikazzjoni adegwata għall-azzjoni. […]

4.      Fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizzjattiva tagħha stess il-Kummissjoni għandha teżamina l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1. […]”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

16.      L-ajruport ta’ Zürich jinsab fi Kloten, fil-grigal tal-belt ta’ Zürich u madwar 15-il kilometru xlokk mill-fruntiera bejn l-Isvizzera u l-Ġermanja. Minħabba l-viċinanza tal-fruntiera Ġermaniża, it-titjiriet kollha li jinżlu f’Zürich mit-tramuntana jew mill-majjistral iridu jużaw l-ispazju tal-ajru Ġermaniż matul l-inżul tagħhom.

17.      Oriġinarjament, l-użu tal-ispazju tal-ajru Ġermaniż għall-approċċ u għat-tluq mill-ajruport ta’ Zürich kien irregolat bi ftehim bilaterali tas-17 ta’ Settembru 1984 bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Madankollu, wara problemi ta’ implementazzjoni tal-imsemmi ftehim, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġie tterminat minn din tal-aħħar fit-22 ta’ Marzu 2000, b’effett mill-31 ta’ Mejju 2001. Fit-18 ta’ Ottubru 2001, iż-żewġ pajjiżi ffirmaw ftehim ġdid, li ma ġiex irratifikat.

18.      Fil-15 ta’ Jannar 2003, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi tal-avjazzjoni ppubblikaw il-213-il-Regolament ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tat-traffiku tal-ajru li jistabbilixxi proċeduri għall-inżul u għat-tluq permezz ta’ strumenti fl-ajruport ta’ Zürich (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”). Dan tal-aħħar kien jipprovdi ċertu numru ta’ miżuri li jillimitaw il-possibbilitajiet ta’ approċċ lejn l-ajruport ta’ Zürich mit-18 ta’ Jannar 2003. Fl-4 ta’ April 2003, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi ppubblikaw l-ewwel regolament li jemenda l-imsemmi Regolament ta’ implementazzjoni, liema emenda daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ April 2003.

19.      Il-miżuri previsti mill-Ġermanja kienu intiżi, essenzjalment, li jipprekludu, f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi normali, it-titjir f’altitudni baxxa fuq it-territorju Ġermaniż ħdejn il-fruntiera Svizzera bejn 21:00 u 07:00 fil-ġranet tax-xogħol, u bejn 20:00 u 09:00 fil-weekends u fil-festi pubbliċi, sabiex jitnaqqas l-istorbju li għalih kienet esposta l-populazzjoni lokali. Konsegwentement, iż-żewġ approċċi għall-inżul mit-tramuntana li qabel kienu jikkostitwixxu l-approċċi prinċipali użati mill-ajruplani li jinżlu fl-ajruport ta’ Zürich, ma kinux iktar possibbli matul dawn il-ħinijiet.

20.      Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ implementazzjoni kien fih żewġ miżuri oħra intiżi li jnaqqsu l-inkonvenjent ikkawżat mill-ħoss madwar il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Isvizzera. L-ewwel nett, fir-rigward tal-approċċ lejn l-ajruport mil-lvant, dan stabbilixxa ċerti altitudnijiet minimi ta’ titjir li kellhom jiġu osservati matul il-ħinijiet imsemmija iktar ’il fuq. It-tieni nett, kien jipprovdi li t-tluq fid-direzzjoni tat-tramuntana kellu jsir b’mod li josserva, fil-mument tad-dħul fit-territorju Ġermaniż, altitudnijiet minimi ta’ titjir imposti skont il-ħin tat-tluq. Għalhekk, meta ajruplan jitlaq fil-ħinijiet imsemmija iktar ’il fuq, dan ikollu l-ewwel jagħmel devjazzjoni qabel ma jasal fil-fruntiera Ġermaniża sabiex jidħol fit-territorju Ġermaniż billi josserva l-altitudni minima stabbilita mir-Regolament ta’ implementazzjoni.

21.      Fl-10 ta’ Ġunju 2003, il-Konfederazzjoni Svizzera ressqet talba quddiem il-Kummissjoni intiża li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tkompli tapplika r-Regolament ta’ implementazzjoni, hekk kif emendat mill-Ewwel Regolament ta’ emenda tal-4 ta’ April 2003 u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tissospendi l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni.

22.      Wara diversi skambji ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet Svizzeri u Ġermaniżi, fl-14 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni indirizzat lil dawn l-awtoritajiet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, filwaqt li stednithom jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Sussegwentement, wara skambju ta’ osservazzjonijiet, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni kkomunikat abbozz ta’ deċiżjoni li fuqu l-Konfederazzjoni Svizzera setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv “Aċċess għas-suq (trasport bl-ajru)” tal-4 ta’ Novembru 2003.

23.       Fil-5 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tkompli timplementa r-Regolament ta’ implementazzjoni, emendat mill-Ewwel Regolament ta’ emenda tal-4 ta’ April 2003. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija l-unika destinatarja tagħha.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenza appellata u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2004, il-Konfederazzjoni Svizzera ressqet rikors għal annullament intiż li jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

25.      Permezz tad-digriet L-Isvizzera vs Il-Kummissjoni, imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors imressaq mill-Konfederazzjoni Svizzera, kemm fl-ipoteżi li l-Konfederazzjoni Svizzera kellha tiġi ttrattata bħala Stat Membru fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kif ukoll fl-ipoteżi li din kellha tiġi ttrattata bħala persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ dan l-istess Artikolu (7).

26.      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2006, il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tal-Landkreis Waldshut insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni (8).

27.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors imressaq mill-Konfederazzjoni Svizzera mingħajr madankollu ma ddeċidiet dwar l-ammissibbilità ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza kkonstatat li “fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors peress li, f’kull każ, għandu jiġi miċħud bħala infondat” (9).

28.      Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex tiġi kkritikata

–        talli kkonstatat li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-aċċess;

–        talli matul l-eżami ta’ dawn il-miżuri ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-operant tal-ajruport ta’ Zürich u tar-residenti lokali ta’ dan l-ajruport, fil-kuntest tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u skont l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament; u

–        talli ddeċidiet li l-imsemmija miżuri kienu jirrispettaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

29.      Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2010, il-Konfederazzjoni Svizzera titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Sussidjarjament, hija titlob li l-kawża tiġi rrinvjata lill-Qorti Ġenerali u li d-deċiżjoni dwar l-ispejjez tiġi rriżervata.

30.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ispejjeż tal-kawża. Il-Landkreis Waldshut kif ukoll il-Gvern Ġermaniż essenzjalment jifformulaw l-istess talbiet. Barra minn hekk, il-Landkreis Waldshut titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad bħala inammissibbli r-rikors tal-Konfederazzjoni Svizzera.

31.      Il-Konfederazzjoni Svizzera, il-Landkreis Waldshut, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati matul is-seduta li nżammet fis-26 ta’ April 2012.

V –    Analiżi

A –    Dwar il-karatteristiċi tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru

32.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi okkażjonijiet sabiex tinterpreta ftehim bilaterali ieħor konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-moviment ħieles tal-persuni (10). Il-prinċipji pprovduti mill-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi ftehim bilaterali huma utli wkoll fil-kawża preżenti.

33.      F’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Ftehim KE-Svizzera, li minnhom jifforma parti l-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru, kienu ġew ffirmati wara li l-Konfederazzjoni Svizzera ċaħdet l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (11), u li, konsegwentement, din tal-aħħar ma kinitx aċċettat li tissottoskrivi għall-abbozz għal entità ekonomika integrata b’suq uniku, ibbażata fuq regoli komuni bejn il-membri tagħha, iżda ppreferiet it-triq ta’ arranġamenti bilaterali mal-Unjoni Ewropea u mal-Istati Membri tagħha, f’oqsma speċifiċi (12).

34.      Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Konfederazzjoni Svizzera ma kinitx aderixxiet għas-suq intern u li, konsegwentement, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward dan is-suq ma setgħetx tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-ftehim, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens inklużi fil-ftehim innifsu (13).

35.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru, għandu jiġi enfasizzat li dan huwa trattat internazzjonali konkluż mill-Komunità Ewropea ma’ pajjiż terz, li għandu jiġi interpretat mhux biss skont il-kliem li bih huwa abbozzat, iżda wkoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu (14).

36.      Bħal fil-każ tal-Ftehim dwar il-moviment ħieles tal-persuni, mhux il-libertajiet kollha tas-suq uniku huma koperti mill-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u ma hemmx prospetti ta’ adeżjoni mal-Unjoni. Għalhekk, l-imsemmi ftehim għandu jiġi interpretat bħala ftehim internazzjonali klassiku, jiġifieri abbażi tat-test u tal-għanijiet tal-ftehim, hekk kif ipprovdut fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna, filwaqt li, madankollu, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan il-ftehim, għandu jiġi rrilevat li hija biss il-ġurisprudenza qabel l-iffirmar tiegħu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt sekondarju fil-kuntest ta’ dan il-ftehim.

37.      Fid-dawl tal-natura ġdida ta’ din il-kawża, qabel ma neżamina l-aggravji mqajma mill-Konfederazzjoni Svizzera insostenn tal-appell tagħha, jiena sejjer nanalizza l-ammissibbilità tar-rikors għal annullament imressaq minn din tal-aħħar. B’mod partikolari, dan jinvolvi l-kwistjoni dwar x’inhu l-istatus proċedurali tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-kuntest tal-kawża preżenti u, b’mod iktar preċiż, li jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar għandhiex tiġi ttrattata bħala Stat Membru jew bħala persuna ġuridika fis-sens tad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt primarju applikabbli ratione temporis, jiġifieri r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (15).

B –    Fuq l-ammissibbilità tar-rikors għal annullament imressaq mill-Konfederazzjoni Svizzera

1.      L-ammissibbilità tal-appell inċidentali tal-Landkreis Waldshut

38.      F’din il-kawża, permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Landkreis Waldshut tqajjem sussidjarjament l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilità tar-rikors għal annullament imressaq mill-Konfederazzjoni Svizzera minħabba nuqqas ta’ locus standi ta’ din tal-aħħar. L-ammissibbilità ta’ tali talba ġiet ikkontestata mill-Konfederazzjoni Svizzera skont l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      Għandu jiġi rrilevat li, bl-istess mod bħal fil-każ ta’ appell prinċipali, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ta’ appellant timplika li l-appell inċidentali jkun jista’, jekk ikollu riżultat pożittiv, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ressqitu (16). Madankollu, fil-kawża preżenti, il-Landkreis Waldshut rebħet fl-ewwel istanza. Għalhekk, in-nuqqas ta’ eżami tal-Qorti Ġenerali tal-ammissibbilità tar-rikors għal annullament tal-Konfederazzjoni Svizzera baqa’ ma kellux konsegwenzi fuq id-drittijiet tal-intervenjenti.

40.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, intervenjenti ma għandhiex id-dritt tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbilità li ma tkunx ġiet imressqa fit-talbiet tal-parti konvenuta (17). Peress li l-Kummissjoni, konvenuta fl-ewwel istanza, ma qajmitx l-inammissibbilità tar-rikors tal-Konfederazzjoni Svizzera u peress li, għall-kuntrarju ta’ dan, illimitat ruħha li titlob li l-appell jiġi miċħud fuq il-mertu, jiena nikkunsidra li l-Landkreis Waldshut ma kellhiex dritt tqajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilità inkwistjoni, u għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta teżamina l-aggravji mqajma minnha f’dan ir-rigward.

2.      Il-ħtieġa ta’ eżami ex officio tal-locus standi

41.      L-Artikolu 230 kien intiż li jirregola b’mod strett l-ammissibbilità ta’ rikorsi għal annullament (18). Fil-fatt, il-locus standi – bħal kwalunkwe motiv ieħor ta’ inammissibbilità ta’ ordni pubbliku – huwa kundizzjoni proċedurali li, jekk ma tiġix sodisfatta, tagħti lok għan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti biex tiddeċiedi fiq il-mertu tal-kawża (19).

42.      Għandu jiġi enfasizzat li skont l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, tiddeċiedi ex officio fuq raġunijiet ta’ inammissibbilità ta’ ordni pubbliku. Peress li l-kontestazzjoni dwar il-locus standi tar-rikorrent hija motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà pprovduti fl-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja adita b’appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tagħha, tista’, u saħansitra għandha, tiddeċiedi fuq dan il-motiv (20).

43.      Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza imsejħa “Boehringer” sabiex tiġġustifika l-approċċ tagħha li bih naqset li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ammissibbilità tar-rikors għal annullament, mingħajr ma indikat imkien għaliex kellha tiġi applikata din il-ġurisprudenza fil-kawża preżenti (21).

44.      Dan l-approċċ, li jevita l-eżami tal-inammissibbilità tar-rikors għal annullament, jqajjem l-osservazzjonijiet segwenti min-naħa tiegħi.

45.      Fil-fehma tiegħi, il-possibbilità ta’ deċiżjoni ex offiċio f’kull waqt abbażi ta’ motivi ta’ inammissibbilità ta’ ordni pubbliku skont l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma tistax twassal għall-konklużjoni li qorti Komunitarja tista’ tastjeni arbitrarjament milli tiddeċiedi. L-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali biss tista’ tiġġustifika tali approċċ (22).

46.      Nixtieq nenfasizza li, meta l-qorti tiċħad ir-rikors fuq il-mertu anki jekk parti tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbilità, dan il-proċess jinverti l-ordni ta’ eżami naturali tar-rimedji legali (23). Għaldaqstant tali metodu għandu jkun biss eċċezzjoni limitata għall-applikazzjoni tar-regola ġenerali li tipprovdi li l-eżami tal-inammissibbilità tar-rikors għandu jippreċedi dak tal-mertu.

47.      Madankollu, tali eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett biss. Fil-fatt, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet fil-proċeduri, jiena nikkunsidra li tali inverżjoni – u a fortiori n-nuqqas ta’ eżami ta’ motiv ta’ inammissibbilità li jkun ta’ ordni pubbliku – tista’ tiġi ġġustifikata biss f’sitwazzjonijiet strettament limitati u abbażi ta’ kriterji kemm rilevanti kif ukoll trasparenti, li l-implementazzjoni tagħhom għandha tkun motivata f’kull każ partikolari.

48.      Kif magħruf, fil-ġurisprudenza jitqajmu żewġ gruppi ta’ raġunijiet sabiex jiġi evitat l-eżami tal-ammissibbilità ta’ rikors għal annullament, dawk marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju u dawk marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (24).

49.      Meta jqum tħassib dwar l-ammissibbilità tar-rikors għal annullament, jiena ma jidhirlix li, bħala regola ġenerali, l-ekonomija tal-ġudizzju, li tgħin għall-ħeffa fil-ġustizzja, tikkostitwixxi raġuni tajba biżżejjed sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżami ta’ motiv ta’ inammissibbilità ta’ ordni pubbliku. Għall-kuntrarju, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju għandu, fi kwalunkwe każ, iwassal sabiex jiġi ppreferut, l-ewwel nett, eżami ta’ inammissibbilità qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu, ħlief jekk ikun hemm rikors manifestament infondat.

50.      Nammetti li huwa minnu li, meta qorti Komunitarja tiddeċiedi fuq il-mertu, is-sentenza tagħha tista’ tiżgura ċertezza legali ikbar mill-perspettiva tal-awtoritajiet nazzjonali u taċ-ċittadin Ewropew, u tipprevjeni kawżi fil-futur. Madankollu, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma tistax tillimita ruħha għall-mertu ta’ kwistjonijiet legali, iżda tapplika wkoll u għall-istess raġunijiet għal kwistjonijiet ta’ natura proċedurali u b’mod partikolari għal kwistjonijiet ta’ ammissibbilità.

51.      Fil-fatt, argument serju li jiġġustifika l-eżami tal-ammissibbilità huwa preċiżament marbut mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, huwa fil-fatt neċessarju li l-locus standi tal-partijiet jiġi stabbilit mill-iktar fis possibbli. Jidhirli li dan l-argument huwa iktar u iktar rilevanti fir-rigward ta’ kategorija speċifika ta’ rikorrenti, jiġifieri l-Istati terzi li jkunu kkonkludew ftehim mal-Unjoni Ewropea, li jistgħu ta’ sikwit ikollhom interess li jikkontestaw deċiżjonijiet tal-Unjoni (25).

52.      Fil-fehma tiegħi, ir-regoli proċedurali, interpretati b’dan il-mod skont approċċ intiż li jiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jokkupaw post primarju fl-organizzazzjoni u fl-iżvolġiment regolari ta’ smigħ. L-osservanza ta’ tali regoli tiggarantixxi trattament ġust tal-partijiet u tiżgura l-imparzjalità tal-proċeduri (26). Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbilità li jkunu ta’ ordni pubbliku għandhom jiġu applikati b’mod ċar sabiex tiġi evitata kwalunkwe impressjoni li l-locus standi huwa kundizzjoni ta’ ammissibbilità li ma hijiex meħtieġa b’mod sistematiku fir-rigward ta’ kull suġġett legali.

53.      Nikkunsidra li s-sempliċi konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li “fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors” ma tissodisfax il-kriterji ta’ trasparenza u ta’ motivazzjoni (27). Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmi iktar ’il fuq, li fih il-kwistjoni hija imqajma espliċitament.

54.      Minħabba s-silenzju tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, id-dubji imqajma dwar il-locus standi tal-Konfederazzjoni Svizzera u l-fatt li l-kwistjoni li titqajjem illum għall-Konfederazzjoni Svizzera hija kwistjoni li ma hijiex sejra tonqos milli titqajjem għal Stati terzi oħra li jkunu kkonkludew ftehim mal-Unjoni Ewropea, jiena nikkunsidra li l-locus standi tal-Konfederazzjoni Svizzera għandu jkun is-suġġett ta’ eżami fil-kawża preżenti (28).

3.      Il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbilità applikabbli fir-rigward tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-kuntest tal-kawża preżenti

a)      Fuq l-assimilazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ Stat Membru għall-finijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE

55.      Prinċipalment, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li din għandha locus standi bħala firmatarja tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru. Hija tikkunsidra li din il-karatteristika hija l-konsegwenza loġika tal-Artikolu 20 tal-imsemmi ftehim li jipprovdi għall-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina d-deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet Komunitarji abbażi tal-kompetenzi tagħhom skont dan il-ftehim. Dawn id-deċiżjonijiet jinkludu wkoll dawk meħuda fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u li, għalhekk, jorbtu lill-Konfederazzjoni Svizzera.

56.      Madankollu, jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Sabiex wieħed jasal għal tali konklużjoni, jeħtieġ li jitfakkru, minn naħa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, u, min-naħa l-oħra, il-kuntest partikolari tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru.

57.      Huwa paċifiku li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, l-Istati Membri jibbenefikaw minn sitwazzjoni privileġġata peress li dawn la jridu juru l-interess ġuridiku tagħhom u lanqas il-locus standi tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe atti li jistgħu jiġu kkontestati. Dan il-privileġġ dejjem kien is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva.

58.      Hekk kif kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni kuntrarja għal din twassal sabiex jiġi mhedded l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati, li jiddeterminaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri, jiġifieri l-Istati li huma partijiet għat-Trattati fundaturi u għat-Trattati ta’ adeżjoni, jipparteċipaw fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni ma tistax tinkludi numru ta’ Stati Membri li jeċċedi dak tal-Istati li bejniethom tkun ġiet stabbilita (29).

59.      Minn dan jiena nikkonkludi li l-mezz ta’ kooperazzjoni bilaterali magħżul mill-Konfederazzjoni Svizzera ma għandux ipoġġi lil dan l-Istat f’pożizzjoni ugwali mal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-istatus proċedurali tal-imsemmija Stati u, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar il-Ftehim dwar il-moviment ħieles tal-persuni imsemmi iktar ’il fuq, ma jistax iwassal għal sitwazzjoni li fiha dan il-prinċipju “à la carte” jikkorrispondi għall-vantaġġi li jirriżultaw mill-adeżjoni fl-Unjoni.

60.      Barra minn hekk, il-kontenut tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru lanqas ma jikkorrobora l-interpretazzjoni li tipprovdi li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni jestendi ruħu għall-privileġġi proċedurali tal-Istati Membri previsti fit-Trattati. Fil-fatt, l-imsemmi ftehim ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar l-assimilazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-Istati Membri għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-anness tal-ftehim, tali assimilazzjoni tapplika biss għall-finijiet tal-ftehim u għall-applikazzjoni tar-regolamenti u d-direttivi enumerati fl-imsemmi anness, u mhux għall-applikazzjoni ġenerali tad-dritt primarju tal-Unjoni.

61.      F’dan ir-rigward, infakkar li skont il-kliem ta’ dan l-anness, fil-każijiet kollha fejn l-atti enumerati fl-imsemmi anness jagħmlu referenza għall-Istati Membri jew jeżiġu rabta ta’ konnessjoni ma’ dawn tal-aħħar, dawn ir-riferimenti japplikaw ukoll għall-Konfederazzjoni Svizzera. Huwa neċessarju li jiġi enfasizzat il-fatt li l-imsemmija assimilazzjoni ma tistax testendi ruħha għall-applikazzjoni ta’ status privileġġat paragunabbli ma’ dak tal-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE (30).

62.      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mhux biss mill-fatt li l-ftehim ma fihx dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens, iżda wkoll mill-għan ta’ dan il-ftehim, ipprovdut fl-Artikolu 1 tiegħu. Infakkar li, skont il-kliem ta’ dan tal-aħħar, il-ftehim għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu osservati mill-partijiet kontraenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili. Dan l-istess artikolu jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim japplikaw bla ħsara għall-dawk stabbiliti fit-Trattat KE. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, dawk dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbilità ta’ rikorsi għal annullament, li minnhom jiffurmaw parti l-kundizzjonijiet privileġġati applikabbli għall-Istati Membri skont t-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

63.      Interpretazzjoni inversa, li tkun tmur lil hinn mill-kliem tal-imsemmi ftehim, u dan b’mod espliċitament ipprojbit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja imsemmija iktar ’il fuq, ikollha l-konsegwenza li tagħti lill-Konfederazzjoni Svizzera locus standi sabiex tikkontesta kull deċiżjoni meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, tali soluzzjoni tmur kontra l-istess kliem tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) tal-ftehim li huwa intiż li jiggarantixxi l-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-Artikolu 1(2) ta’ dan l-istess ftehim, li jiftaħ il-possibbilità għall-partijiet kontraenti li jadixxu l-Kumitat Konġunt, u tal-Artikolu 19(2) tal-ftehim, li jipprovdi li l-Konfederazzjoni Svizzera għandha tkun informata b’mod sħiħ bl-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jkun jippreżenta interess fir-rigward tagħha.

64.      Għalhekk, il-fatt li l-Konfederazzjoni Svizzera hija parti kontraenti għall-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-locus standi tagħha u sabiex din tal-aħħar tiġi assimilata għal Stat Membru fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

b)      Fuq il-locus standi tal-Konfederazzjoni Svizzera fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE

i)      L-istatus ta’ parti kontraenti bħala ġustifikazzjoni tal-locus standi

65.      Sabiex tiġġustifika l-locus standi tagħha skont ir-raba’ paaragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-Konfederazzjoni Svizzera trid tkun direttament (31) u individwalment (32) ikkonċernata bid-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni li d-destinatarja tagħha hija l-Ġermanja.

66.      L-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet Komunitarji abbażi tal-kompetenzi tagħhom skont il-provvedimenti tal-imsemmi ftehim.

67.      Il-kawża preżenti tinvolvi rikors għal annullament imressaq mill-Konfederazzjoni Svizzera kontra deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li kienet ibbażata fuq l-Artikoli 15 u 18(2) tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess. Għalhekk, din hija deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru.

68.      Ir-rwol tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-proċeduri amministrattivi quddiem il-Kummissjoni huwa ddeterminat mill-Artikolu 19(2) tal-ftehim. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li meta jittieħdu deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet Komunitarji li jqajjmu interess għall-Konfederazzjoni Svizzera u li jirrigwardaw l-awtoritajiet jew l-impriżi Svizzeri, l-awtoritajiet Svizzeri għandhom jiġu informati b’mod sħiħ u għandhom jibbenefikaw mill-possibbilità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva. Huwa biss meta tittieħed deċiżjoni li l-Artikolu 20jsir applikabbli, li jipprovdi għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

69.      Dan huwa preċiżament il-każ tad-deċiżjoni inkwistjoni kkontestata mill-Konfederazzjoni Svizzera. Fil-fatt, id-deċiżjoni inkwistjoni taffettwa lill-Konfederazzjoni Svizzera nfisha, fid-dawl tal-għan tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament dwar l-aċċess li, fir-rigward tal-implementazzjoni tagħhom, il-Konfederazzjoni Svizzera titqies li hija Stat Membru, skont l-anness tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru.

70.      Madankollu, l-Artikolu 20 tal-ftehim ma jirregolax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbilità ta’ rikorsi għal annullament imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens, skont l-Artikolu (1)(1) tal-ftehim, l-imsemmija kundizzjonijiet għandhom jiġu determinati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE.

71.      Għalhekk ma huwiex biżżejjed li l-Konfederazzjoni Svizzera tilmenta mill-ksur tal-Kapitoli 2 u 3 tal-ftehim sabiex ikollha aċċess għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-locus standi possibbli tal-Konfederazzjoni Svizzera, sabiex jitressaq ir-rikors għal annullament preżenti quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni li fir-rigward tagħha ma hijiex destinatarja, għandu għalhekk jiġi eżaminat fir-rigward tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

ii)    L-effett dirett u individwali fuq il-Konfederazzjoni Svizzera

72.      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE għandu importanza partikolari sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja adegwata lill-persuni kollha, naturali jew ġuridiċi, li jkunu direttament u individwalment kkonċernati minn atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji li fir-rigward tagħhom dawn ma jkunux id-destinatarji.

73.      Hija ġurisprudenza stabbilita li għandu jiġi rrikonoxxut locus standi skont dan l-oġġettiv biss, u li għalhekk, rikors għal annullament għandu ikun miftuħ għal dawk kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet oġġettivi previsti, jiġifieri jkollhom il-kapaċità ġuridika meħtieġa sabiex jieħdu azzjoni u jkunu individwalment u direttament ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata (33).

74.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni tal-effett dirett, infakkar li marbuta ma din hemm eżiġenza doppja, jiġifieri dik li teħtieġ, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata jkollha effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent u, min-naħal-oħra, li din tal-aħħar ma għandhiex tħalli ebda ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lid-destinatarju tad-deċiżjoni (34).

75.      Fir-rigward tal-ewwel kriterju tar-rabta diretta relatata mal-bdil tas-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti, mid-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li, skont l-Artikoli 8(2) tar-Regolament dwar l-aċċess, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tibqa’ tkompli tapplika l-miżuri inkwistjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni li torbot lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Konfederazzjoni Svizzera tikkonferma l-ammissibbilità ta’ dawn il-miżuri u, minħabba f’hekk, għandha effett dirett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-imsemmija Stati. Fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ rabta diretta relatata man-nuqqas ta’ marġni ta’ manuvra, nikkonstata li huwa diffiċli li dan japplika għall-każ ipprovdut fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament. Minkejja dan, mill-perspettiva tal-applikazzjoni tar-regolament, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija definittiva. Dan it-teħid ta’ pożizzjoni jikkonferma sitwazzjoni li taffettwa direttament lill-Konfederazzjoni Svizzera (35). Għaldaqstant, iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ effett dirett jinsabu sodisfatti.

76.      Sussegwentement, fir-rigward tal-effett individwali, bħala Stat parti għall-ftehim, il-Konfederazzjoni Svizzera tista’ tara s-sitwazzjoni ġuridika tagħha affetwata mill-possibbilità ta’ ksur tal-ftehim (36). Madankollu, hekk kif indikajt preċedentement, l-allegat ksur tal-ftehim ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 20 tal-ftehim. Madankollu, nikkunsidra li l-Konfederazzjoni Svizzera hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni.

77.      L-ewwel nett, il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ deċiżjoni da parti tar-rikorrent li ma huwiex destinatarju tad-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxi fattur importanti matul l-eżami tal-possibbilità ta’ effett individwali (37). Fil-każ preżenti, il-Konfederazzjoni Svizzera pparteċipat fil-proċedura amministrattiva li tirrigwarda d-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru. Il-Konfederazzjoni Svizzera ma kinitx biss tat bidu għall-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess iżda l-osservazzjonijiet tagħha ġew mismugħa wkoll matul din il-proċedura, skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim dwar l-ajru.

78.      It-tieni nett, id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament dwar l-aċċess jistgħu jkollhom biss Stat Membru wieħed bħala d-destinatarju tagħhom (38). Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess, kull Stat Membru jista’ jadixxi lill-Kummissjoni u din tal-aħħar għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri l-oħra kollha. F’dan il-kuntest mill-proċedura prevista fl-Artikolu 9(3) tal-istess regolament, l-implikazzjoni tal-Istati Membri kollha hija iktar u iktar evidenti peress li l-Istat Membru li jantiċipa t-teħid ta’ miżuri huwa obbligat li jinforma mhux biss lill-Kummissjoni, iżda wkoll lill-Istati Membri l-oħra. Nenfasizza li fid-dawl tal-kontenut tal-anness tal-ftehim li jipprovdi għall-assimilazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-Istati Membri fil-każijiet fejn ir-Regolament dwar l-aċċess jagħmel riferiment għall-imsemmija Stati, il-Konfederazzjoni Svizzera hija assimilata għal dawn tal-aħħar għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament.

79.      Nippreċiża li mill-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament jirriżulta b’mod ċar li l-amministrazzjoni tal-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku tinteressa mhux biss lill-Istat li jkun ħa l-miżura kif ukoll lill-Istati kkonċernati bl-użu ta’ konnessjoni bl-ajru (39) fis-sens tar-Regolament dwar l-aċċess, iżda wkoll lill-Istati Membri kollha. Dan ir-regolament jistabbilixxi l-aċċess għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru, u, għal din ir-raġuni, kull Stat Membru – u, bis-saħħa tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru, il-Konfederazzjoni Svizzera - għandu interess fl-applikazzjoni tar-regoli li jistgħu jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku fis-sens tar-Regolament dwar l-aċċess.

80.      Għaldaqstant, mill-proċeduri previsti fl-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament, il-fażijiet segwenti jikkonċernaw lil kull Stat Membru, status li miegħu hija assimilata l-Konfederazzjoni Svizzera. Dawn huma, b’mod partikolari, il-possibbilità li tiġi adita l-Kummissjoni u li tiġi riċevuta n-notifika tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, l-artikoli imsemmija iktar ’il fuq jagħtu lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tieħu deċiżjonijiet li jorbtu lill-Istati Membri kollha, u, b’estenzjoni ta’ dan, lill-Konfederazzjoni Svizzera.

81.      Fil-każ inkwistjoni, id-deċiżjoni inkwistjoni għalhekk tissodisfa l-pożizzjoni ġuridika tal-Konfederazzjoni Svizzera minħabba l-kwalitajiet tagħha bħala parti kontraenti tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u minħabba dan, flimkien mas-suġġett materjali tad-deċiżjoni inkwistjoni, tikkaratterizzaha fir-rigward ta’ kull persuna oħra.

82.      Minn dan nikkonkludi li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest speċifiku tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament dwar l-aċċess b’mod partikolari, il-Konfederazzjoni Svizzera hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

83.      Għaldaqstant, huwa ammissibbli li l-Konfederazzjoni Svizzera titlob l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

C –    Fuq l-aggravji tal-appell invokati mill-Konfederazzjoni Svizzera

1.      Osservazzjonijiet preliminari

84.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera tqajjem sitt aggravji bbażati fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet proċedurali kif ukoll tal-mertu. B’mod iktar preċiż, dawn huma aggravji bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-aċċess, tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni u tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tal-proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni u tar-regoli marbuta mal-oneru tal-prova.

85.      Minħabba li l-aggravji tal-appell jikkoinċidu, jiena ser neżaminahom, wara li nagħmel ċerti rimarki preliminari, billi nanalizza, l-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament dwar l-aċċess, u sussegwentement, is-setgħat ta’ kontroll tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-aċċess. Fl-aħħar nett, ser nikkunsidra l-pretenzjonijiet tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova da parti tal-Qorti Ġenerali.

86.      Il-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru jifforma l-kuntest partikolari tal-kawża preżenti. Anki jekk fis-settur tal-ajru, l-integrazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fis-suq intern tal-Unjoni hija iktar profonda milli fis-setturi l-oħra koperti mis-sitt atti oħra tal-pakkett ta’ ftehim konklużi mal-Konfederazzjoni Svizzera (40), xorta waħda jibqa’ l-fatt li mingħajr dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, fil-ftehim inkwistjoni jibqa’ nieqes l-għan li tiġi ggarantita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-għan tiegħu huwa limitat għall-iffissar tar-regoli applikabbli għall-avjazzjoni ċivili u, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-kawża preżenti, għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ traffiku taħt il-kundizzjonijiet definiti fl-imsemmi ftehim (41).

87.      Madankollu, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju fil-kuntest tal-ftehim, jiena ma nikkunsidrax li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju imsemmija fl-anness ta’ dan l-istrument għandhom jiġu interpretati b’mod differenti minn dik l-interpretazzjoni adottata f’sitwazzjonijiet purament interni fl-Unjoni. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ tali approċċ għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet materjali tad-dritt derivat ma tistax tiġi aċċettata fil-każ meta l-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tirriżulta minn ġurisprudenza li nħolqot wara l-iffirmar tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u li tirrigwarda l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jew tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament dwar l-aċċess

88.      L-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-aċċess. Essenzjalment, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-aċċess u li, meta għamlet hekk, interpretat u applikat wkoll b’mod żbaljat l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni.

89.      Jiena ma naqbilx ma’ dan il-ħsieb, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament dwar l-aċċess.

90.      Fir-rigward tal-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, li skont l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament, l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ dan l-istess regolament, huwa suġġett għar-regoli operazzjonali nazzjonali dwar is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slots.

91.      Sussegwentement, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-aċċess, hekk kif ġustament osservat il-Qorti Ġenerali, dan jirrigwarda kategorija iktar speċifika ta’ regoli operazzjonali applikabbli għall-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku, jiġifieri r-regoli operazzjonali li jimponu kundizzjonijiet, jillimitaw jew jirrifjutaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku. Għalhekk, il-miżuri li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-aċċess jinkludu biss dawk li fihom projbizzoni, li hija mill-inqas kundizzjonali jew parzjali, tal-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku.

92.      L-argumenti tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni bħala restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-aċċess ma humiex konvinċenti.

93.      Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni bl-ebda mod ma jimplikaw, matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tagħhom, projbizzjoni ta’ passaġġ mill-ispazju tal-ajru Ġermaniż ta’ titjiriet lejn jew mill-ajruport ta’ Zürich.

94.      F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tirrileva li dawn il-miżuri jillimitaw ruħhom, essenzjalment, li jwaqqfu, matul il-perijodi stabbiliti, it-titjir f’altitudni baxxa fuq il-parti tat-territorju Ġermaniż ħdejn il-fruntiera Svizzera, filwaqt li jippermettu t-titjir fuq dan l-istess territorju f’altitudni ogħla. Għaldaqstant, dawn jimplikaw essenzjalment modifika sempliċi tat-trajettorja tat-titjiriet ikkonċernati, mingħajr ma jillimtaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-aċċess.

95.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod ċar li l-eżistenza ta’ regoli operazzjonali, b’mod partikolari dawk relattivi għall-ħarsien tal-ambjent, li l-osservanza tagħhom hija meħtieġa għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku fis-sens tar-Regolament dwar l-aċċess, ma hijiex ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ kundizzjoni jew limitazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. Li kieku dan kien il-każ, l-Artikolu 8(2) ikun fil-fatt kompletament imċaħħad minn sinjifikat peress li, f’tali ipoteżi, kwalunkwe regola operazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament.

96.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

97.      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 253 KE. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u li deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha turi b’mod ċar ir-raġunament tagħha, b’tali mod li l-partijiet interessati jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-isħarriġ tagħha. Sabiex dan l-obbligu jiġi osservat, ma huwiex meħtieġ li jiġu esposti l-motivi kollha possibbli u lanqas li jiġu speċifikati u evalwati fid-dettall il-fatti kollha (42).

98.      Mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali setgħet, abbażi tar-raġunijiet imressqa fid-deċiżjoni inkwistjoni, teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fatt, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet, kemm materjali kif ukoll proċedurali, li minħabba fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-aċċess u mhux tal-Artikolu 9 tal-istess regolament (43).

99.      L-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera bbażat, minn naħa, fuq is-sostituzzjoni tal-motivi mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża, u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din tal-aħħar ma laqgħetx l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar is-sostituzzjoni tal-motivi mill-Kummissjoni, lanqas ma huwa konvinċenti. Fil-fatt, il-kunċett ta’ sostituzzjoni ta’ motivi ma jistax jiġi mifhum li jinkludi kwalunkwe reazzjoni tal-Kummissjoni għall-argumenti tal-kontroparti quddiem il-Qorti Ġenerali peress li, hekk kif ġustament tirrikonoxxi l-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni inkwistjoni diġà turi b’mod ċar ir-raġunijiet li minħabba fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-aċċess.

3.      Is-setgħat ta’ kontroll tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar l-aċċess

100. It-tielet, ir-raba’ u s-sitt aggravji tal-appell jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess fil-kuntest tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru. Is-sitt aggravju, li jirrigwarda aspett preċiż tal-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni jiddependi fuq jekk jintlaqax jew le r-raba’ aggravju li għalih, essenzjalment, dan jagħmel riferiment. Għalhekk, jekk ir-raba’ aggravju jiġi miċħud, kif nipproponi li għandu jsir, l-istess għandu japplika għas-sitt aggravju.

101. L-argumenti tal-Konfederazzjoni Svizzera li jipprovdu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi matul l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-aċċess ma humiex konvinċenti. Għall-kuntrarju, dawn it-tliet aggravji tal-appell huma bbażati fuq premessa żbaljata dwar il-kompetenzi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mir-Regolament dwar l-aċċess fil-kuntest tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru.

a)      Fuq ir-rabta bejn il-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u r-Regolament dwar l-aċċess

102. Għandu jitfakkar mill-bidu li s-setgħat tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess fir-rigward tal-eżami tagħha tal-miżuri Ġermaniżi fil-kuntest tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru għandhom jiġu interpretati b’mod fidil lejn mat-testi u mal-għanijiet tal-istrumenti inkwistjoni.

103. Il-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru huwa intiż li jiżgura skambju ta’ drittijiet ta’ traffiku bejn it-trasportaturi tal-ajru Komunitarji u Svizzeri taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti f’dan l-istess strument. Mill-Artikolu 15(1) ta’ dan il-ftehim jirriżulta b’mod partikolari, li dan tal-aħħar ma huwiex intiż li jagħti drittijiet ta’ traffiku assoluti, iżda b’riżerva għar-Regolament dwar l-aċċess. Min-naħa tiegħu, ir-regolament huwa intiż li jippermetti l-aċċess tat-trasportaturi tal-ajru għal rotot ta’ servizzi tal-ajru regolari intra-Komunitarji. Fi kliem ieħor, dan jirregola l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lil impriżi tal-ajru.

104. Madankollu, l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku fis-sens ta’ dan ir-regolament huwa suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari, għal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 8(2) tiegħu. B’hekk, l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku mogħtija skont l-imsemmi regolament jiddependi b’mod partikolari mir-regoli operazzjonali nazzjonali dwar is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slots.

105. Hekk kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma jistgħux jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-aċċess meta dan japplika għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet għall-ftehim. Fi kliem ieħor, l-imsemmi regolament ma għandux l-għan li japplika għas-sitwazzjonijiet regolati mill-ftehim li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament f’kuntest purament Komunitarju (44).

106. Il-kontenut tal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma jbiddel xejn f’dan ir-rigward. Huwa minnu li dan l-Artikolu jipprovdi li d-dispożizzjonijiet misjuba fl-anness għall-ftehim għandhom japplikaw sa fejn dawn jirrigwardaw it-trasport bl-ajru jew kwistjonijiet direttament marbuta mat-trasport bl-ajru. Madankollu, hekk kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, din id-dispożizzjoni tiddetermina u tiddelimita biss il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet enumerati fl-imsemmi anness, filwaqt li teskludi l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-ftehim f’każijiet li la jirrigwardaw it-trasport bl-ajru u lanqas kwistjonijiet direttament marbuta miegħu. Għall-kuntrarju tal-pretenzjonijiet tal-Konfederazzjoni Svizzera, din il-limitazzjoni ma taffettwa bl-ebda mod il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament dwar l-aċċess, li jirregola biss l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku lit-trasportaturi tal-ajru (45).

107. Huwa minħabba f’hekk li s-setgħat ta’ kontroll tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-imsemmi regolament huma limitati, fil-kuntest tal-eżami magħmul skont l-Artikoli 18(2) tal-ftehim – li, barra minn hekk, jillimita s-setgħat tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ftehim għall-każijiet li jistgħu jirrigwardaw is-servizzi tal-ajru – u 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess, għal eżami li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-miżuri fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku.

108. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tintalab tivverfika liema minn dawn il-miżuri ġew meħuda għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà, mal-ħarsien tal-ambjent u mal-allokazzjoni ta’ slots u liema japplikaw, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku, b’mod nondiskriminatorju fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru. Għalhekk, l-interessi tal-operatur tal-ajruport u dawk tar-residenti lokali ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-miżuri Ġermaniżi mwettqa skont l-Artikoli 18(2) tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru u 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess.

b)      Fuq il-prinċipji inerenti mal-libertà li jiġu provduti servizzi

109. Permezz tat-tielet aggravju, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat l-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar l-aċċess b’mod żbaljat meta naqset li tivverifika l-konformità tad-deċiżjoni inkwistjoni mal-prinċipji tal-libertà li jiġu provduti servizzi u ta’ proporzjonalità.

110. Il-kriterji ta’ eżami li għalihom tagħmel riferiment il-Konfederazzjoni Svizzera f’dan l-aggravju ta’ appell, u b’mod partikolari dawk ibbażati fuq il-prinċipji ġenerali tal-libertà li jiġu provduti servizzi u ta’ proporzjonalità, ġew stabbiliti f’kuntest Komunitarju (46). Peress li l-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma jagħmilx riferiment espliċitu għal dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tieħu dawn il-prinċipji inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-miżuri inkwistjoni fil-kuntest preżenti, fin-nuqqas ta’ bażi korrispondenti fil-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru.

111. Hekk kif diġà ġie enfasizzat diversi drabi, il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma jwassalx għal applikazzjoni awtomatika tad-dritt Komunitarju fit-totalità tiegħu fir-rigward tal-Konfederazzjoni Svizzera. Għall-kuntrarju, meta għażlet mezzi bilaterali, il-Konfederazzjoni Svizzera għażlet intenzjonalment triq li ma tippermettix parteċipazzjoni fis-suq intern li hija estiża daqs dik ibbażata fuq l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea jew maż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-kliem tal-ftehim, u b’mod partikolari tal-Artikoli 1 u 3 tiegħu, juri b’mod ċar li l-għan tiegħu ma kienx li japplika, f’dan il-qasam, la l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hekk kif prevista mill-Artikoli 49 u 51 KE, fir-rigward tal-Konfederazzjoni Svizzera, u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan isegwi li xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni humiex konformi mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-libertà li jiġu provduti servizzi u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

112. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni espliċita fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji imsemmija japplikawx jew le fil-kuntest tal-kawża preżenti. Madankollu hija pproċediet għal eżami sussidjarju tad-deċiżjoni inkwistjoni minn din il-perspettiva u ddeċidiet li l-miżuri inkwistjoni bl-ebda mod ma kienu jiksru l-prinċipji imsemmija.

113. Madankollu, peress li dawn il-prinċipji ma japplikawx fil-kuntest tal-eżami tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni, l-aggravju tal-appell imressaq kontra l-motivi tas-sentenza appellata li jirrigwardaw l-allegat ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma għandux jagħti lok għall-annullament ta’ din tal-aħħar (47).

114. Fir-rigward ta’ dawn il-fatturi, it-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala inoperanti.

c)      Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

115. Fir-rigward tar-raba’ aggravju tal-appell li permezz tiegħu l-Konfederazzjoni Svizzera tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-limitazzjoni tas-setgħat ta’ kontroll ma taffettwax l-eżami tal-miżuri Ġermaniżi mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Dan jirriżulta mill-qari konġunt tal-Artikoli 1(2) u 3 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru li espressament jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Madankollu, hekk kif diġà irrilevajt preċedentement, is-setgħat ta’ kontroll tal-Kummissjoni ma jestendux ruħhom għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tar-residenti lokali Svizzeri tal-ajruport ta’ Zürich u tal-operatur tiegħu.

116. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għat-trasportaturi tal-ajru, u b’mod partikolari għall-kumpannija Svizzera li tuża l-ajruport ta’ Zürich bħala ajruport fulkru (48), nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli għamlet xi żball ta’ liġi f’dan il-kuntest.

117. Il-Qorti Ġenerali fakkret, l-ewwel nett, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet evidenti bbażati fuq in-nazzjonalità, jew is-sede fil-każ tal-kumpanniji, iżda wkoll kwalunkwe forom ta’ diskriminazzjoni moħbija li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ distinzjoni oħra, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (49).

118. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza imsemmija iktar ’il fuq, din sussegwentement irrilevat li għalkemm il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni kienu jwasslu għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru Svizzeri, b’mod partikolari l-kumpannija tal-ajru “Swiss”, peress li din tal-aħħar tuża l-ajruport ta’ Zürich bħala fulkru ta’ attività, xorta waħda hemm bżonn li l-imsemmija miżuri ma jkunux iġġustifikati minn ċirkustanzi oġġettivi u ma jkunux proporzjonali mal-għan li huma jfittxu.

119. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali pproċediet għal evalwazzjoni tal-fatti, u, fir-rigward tal-ewwel kriterju dwar l-għan leġittimu tal-miżuri inkwistjoni, iddeċidiet li f’dan il-każ kienu jeżistu ċirkustanzi oġġettivi, b’mod partikolari dawk marbuta mat-tnaqqis tal-inkonvenjent ikkawżat mill-ħoss f’reġjun turistiku tal-Ġermanja, li jiġġustifikaw l-adozzjoni tar-Regolament ta’ implementazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza imsemmija.

120. Fir-rigward tat-tieni kriterju dwar in-natura proporzjonali tal-miżuri kkonċernati, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett eżaminat b’mod dettaljat l-elementi ta’ evidenza ppreżentati quddiemha. Hija osservat, b’mod partikolari, li l-Istati Membri kellhom id-dritt jadottaw miżuri intiżi li jnaqqsu l-inkonvenjent ikkawżat mill-ħoss li jaqa’ barra mil-limiti preskritti u li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ awtorità tagħha fuq l-użu tal-ajruport ta’ Zürich, il-Ġermanja ma kellhiex mezzi oħra sabiex tikseb l-għan imfittex. Din l-analiżi wasslitha sabiex tikkonkludi li, fin-nuqqas ta’ evidenza li turi l-eżistenza jew saħansitra l-possibbilità ta’ inkonvenjenti sostanzjali għall-ajruport ta’ Zürich jew ta’ miżuri inqas onerużi li kienu jippermettu l-ksib tal-għan ta’ tnaqqis tal-inkonvenjent ikkawżat mill-ħoss previst mir-Regolament ta’ implementazzjoni, il-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala proporzjonali għall-għan imfittex.

121. Infakkar li tali analiżi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (50). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (51).

122. Fil-każ preżenti, fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Konfederazzjoni Svizzera, li permezz tagħhom dawn huma essenzjalment limitati li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, ma jidhirx b’mod ċar li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fihom ineżattezzi ta’ natura li jagħtu lok għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

123. Fir-rigward tal-kumplament, nikkunsidra li konklużjoni inversa jkollha l-konsegwenza li kwalunkwe regola operazzjonali li jkollha l-għan li tiggarantixxi s-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent jew l-allokazzjoni ta’ slots tkun awtomatikament diskriminatorja sa fejn tali miżuri jolqtu l-biċċa l-kbira lit-trasportaturi tal-ajru li jużaw l-ajruport ikkonċernat bħala ajruport fulkru. Tali interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni iċċaħħad lill-Artikolu 8(2) mill-effettività tiegħu.

124. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

125. Fl-aħħar nett, is-sitt aggravju tal-appell jirrigwarda aspett preċiż tal-eżami magħmul mill-Qorti Ġenerali relattiv għall-proporzjonalità tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni. Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli għamlet żball ta’ liġi meta eskludiet l-eżistenza possibbli ta’ miżuri inqas onerużi. Fid-dawl tal-analiżi tiegħi dwar ir-raba’ aggravju tal-appell u tal-proposta tiegħi li dan jiġi miċħud, nikkunsidra li s-sitt aggravju lanqas ma huwa ta’ natura li jagħti lok għall-annullament tas-sentenza appellata u li, għaldaqstant, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala inoperanti.

4.      Ir-regoli dwar l-oneru tal-prova

126. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, ibbażat fuq interpretazzjoni arbitrarja tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, il-Konfederazzjoni Svizzera sempliċement tirrepeti, għal darba oħra, l-argument tagħha dwar l-iżball ta’ liġi li allegatament għamlet il-Qorti Ġenerali matul l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri Ġermaniżi inkwistjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Għalhekk, fir-rigward tar-risposta mogħtija għar-raba’ aggravju, nikkunsidra li l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera jista’ iiġi miċħud mill-ewwel.

127. Fi kwalunkwe każ, huwa l-kompitu tal-persuna li tkun trid tinforza dritt ġudizzjarjament li tipprova l-fatti li fuqhom hija tibbaża l-pretenzjoni tagħha. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali applikat korrettament ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova meta kkunsidrat li kien il-kompitu tal-Konfederazzjoni Svizzera li tipprova li r-Regolament ta’ implementazzjoni ma kienx jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonali għall-finijiet tal-għanijiet imfittxa minn dan tal-aħħar. Fin-nuqqas ta’ tali prova, il-Qorti Ġenerali pproċediet għal evalwazzjoni tal-fatti li waslitha sabiex tikkonstata li ma ġietx ippruvata l-eżistenza ta’ miżuri inqas onerużi.

128. Għalhekk, peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma wriet l-ebda żnaturament ta’ natura li jagħti lok għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħames aggravju ta’ appell għandu jiġi miċħud.

VI – Konklużjoni

129. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell ippreżentat mill-Konfederazzjoni Svizzera,

–        tikkundanna lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, u

–        tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil-Landkreis Waldshut jbatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      T-319/05, Ġabra p II‑4265.


3 – Deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2003 dwar l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport tal-ajru u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (ĠU 2004, L 4, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).


4 – Il-ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41 p. 89). Is-seba’ ftehim jirrigwardaw il-moviment liberu tal-persuni, it-trasport bl-ajru, it-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri bit-tren jew bit-triq, in-negozju fi prodotti agrikoli, ir-rikonnoxximent reċiproku fil-każ ta’ eżami ta’ konformità, ċerti aspetti relattivi għal kuntratti pubbliċi kif ukoll il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika.


5–      Regolament tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-aċċess”).


6–      Digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, L-Isvizzera vs Il-Kummissjoni (C‑70/04), li permezz tiegħu l-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali.


7–      Punti 20 sa 22 tal-imsemmi diġriet. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera bħala rikorrent u, barra minn hekk, lanqas ma eskludiet espliċitament l-applikazzjoni ta’ sistema partikolari għall-Isvizzera bħala rikorrent fil-kuntest ta’ rikors għal annullament li jirrigwarda miżura meħuda abbażi tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru.


8 – Digriet L-Isvizzera vs Il-Kummissjoni (T-319/05, Ġabra p. II 2073).


9 – Skont il-Qorti Ġenerali tali approċċ huwa possibbli bis-saħħa tas-sentenzi ċċitati wara din il-konstatazzjoni. Dawn huma, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar  2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C-23/00 P, Ġabra p. I-1873, punt 52), u tat-23 ta’ Marzu  2004, Franza vs Il-Kummissjoni (C-233/02, Ġabra p. I-2759, punt 26).


10 –            Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6). Dan il-ftehim jagħmel parti mill-pakkett tas-seba’ ftehim imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11–      ĠU 1994, L 1, p. 3.


12 – Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C-351/08, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 27) u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 27), kif ukoll punti 41 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser (C-70/09, Ġabra p. I‑7229).


13–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Grimme (punti 27 u 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); Fokus Invest (punt 28), u Hengartner u Gasser (punti 41 u 42).


14–      L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-dritt tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331) jippreċiża f’dan ir-rigward li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju attribwit lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini (C‑416/96, Ġabra p. I‑1209, punt 47).


15 – Peress li d-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni ġiet meħuda qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kundizzjonijiet tal-ammissibbilità tar-rikors għandhom jiġu eżaminati hekk kif kienu fis-seħħ fid-data tal-imsemmija deċiżjoni, u għalhekk b’applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Għandu jiġi rrilevat li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-riferiment għall-kunċett ta’ deċiżjoni ġie mħassar mill-Artikolu 263(4) TFUE. Dan ġie sostitwit b’distinzjoni bejn l-atti li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti jkunu destinatarji u l-atti l-oħra li jridu jaffettwawhom direttament u individwalment. Barra minn hekk, għall-atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni, it-test il-ġdid ħassar l-eżiġenza li l-persuni jridu jkunu kkonċernati b’mod individwali, billi llimita ruħhu li jeżiġi li dawn iridu jkunu kkonċernati direttament b’tali deċiżjonijiet. Ara sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il-Kummissjoni (T-262/10, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 17 et seq).


16 – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, Ġabra p. I-9291, punt 33).


17–      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Fir-rigward tal-metodu strett li bih il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa persuna ġuridika sabiex tressaq rikors għal annullament, ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44).


19–      F’dan is-sens ara l-punt 31 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Colomer fil-kawża Il-Kunsill vs Boehringer, iċċitata iktar ’il fuq.


20 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C-362/06 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ April 2010, Makhteshim-Agan Holding et vs Il-Kummissjoni (C-517/08 P, Ġabra p. I-45, punti 53 sa 54). Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Infakkar li fis-sentenza Il-Kunsill vs Boehringer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali relattiva għal rikors kontra direttiva, iddeċidiet li kien il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kinitx tiġġustifika fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li jinċaħad il-mertu tar-rikors f’din il-kawża mingħajr ma tititieħed deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilità mqajma mill-Kunsill. Ara b’mod partikolari, punt 52 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, fit-tieni kawża imsemmija fil-punt 55 tas-sentenza appellata, jiġifieri Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss li fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbilità mqajma mill-Kummissjoni peress li r-rikors imressaq mir-Repubblika ta’ Franza kellu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud inkwantu l-mertu. Ara b’mod partikolari punt 26 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq.


22 – Għal eżempju ta’ tali ċirkustanzi, ara punti 27 u segwenti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill (C-273/04 P, Ġabra p. I-8925). F’din il-kawża l-Avukat Ġenerali Maduro kkonkluda dwar l-ammissibbilità tar-rikors abbażi ta’ interpretazzjoni flessibbli tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbilità mqajma relattiva għaż-żmien għar-rikors. Dan l-approċċ kien ibbażat fuq eżiġenzi imperattivi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


23 – Dan l-approċċ huwa wkoll utilizzat fil-każ ta’ deċiżjoni fuq motivi ta’ inammissibbilità ta’ ordni pubbliku, bħala huma l-locus standi, iż-żmien għar-rikors jew id-determinazzjoni ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati. Ara f’dan is-sens is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kunsill vs Boehringer (punti 50 sa 52); Il-Polonja vs Il-Kunsill (punti 27 sa 33) u Franza vs Il-Kummissjoni (punt 26). Bħall-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kif ukoll it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma joqgħodux lura milli jiddeċiedu direttament fuq il-mertu mingħajr ma jippersistu li jiddeċiedu fuq l-ammissibbilità tar-rikors meta dan tal-aħħar jista’ jkun faċilment miċħud bħala infondat. Ara, inter alia, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2007, Mebrom vs Il-Kummissjoni (T-216/05, Ġabra P. II-1507, punt 60) Inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ara, pereżempju, is-sentenza tat-20 ta’ Jannar 2009, Klein vs Il-Kummissjoni (F 32/08, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Fir-rigward tal-kriterju marbut mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ara b’mod partikolari s-sentenza Il-Kunsill vs Boehringer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52). Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Cofradia de pescadores “San Pedro” de Bermeo vs Il-Kunsill (C-6/06 P, Ġabra p. I-164, punti  20 sa 22). Għaċ-ċirkustanzi li fihom in-nuqqas ta’ eżami ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbilità ġie ġustifikat minn eżiġenzi marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni (T-284/06, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 22 u 45). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku irnexxielu jgħaqqad dawn iż-żewġ eżiġenzi, b’mod partikolari, fis-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Bordini vs Il-Kummissjoni (F-134/06, li għadha ma ġietx ippublikata fil- Ġabra, punti 56 u 57).


25 – Fir-rigward tal-possibbilità għall-Istati terzi li jippreżentaw osservazzjonijiet, għandu jingħad ukoll li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati terzi jistgħu, fil-kuntest ta’ ftehim konkluż bejn il-Kunsill u Stat Terz wieħed jew iktar, jissottomettu memoranda jew osservazzjonijiet bil-miktub meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’deċiżjoni preliminari dwar il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim.


26 – Punti 27 u segwenti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro fil-kawża Il-Polonja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.


27 – Anki jekk il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar l-ammissibbilità tar-rikors tal-Konfederazzjoni Svizzera, din ikkonstatat, fil-punt 21 tad-diġriet imsemmi iktar ’il fuq, fir-rigward tal-intervent tal-Landkreis Waldshut, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Konfederazzjoni Svizzera ma kinitx Stat Membru. Minn dan jiena niddeduċi li għalhekk din ikkunsidrat impliċitament li l-Konfederazzjoni Svizzera trid tiġi assimilata ma’ persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.


28 – Inżid li fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-Konfederazzjoni Svizzera ma tkunx imċaħħda minn mezzi biex tipproteġi l-interessi tagħha, peress li din tista’ tipprevalixxi ruħha mill-mekkaniżmu diplomatiku tal-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 21 tal-imsemmi ftehim.


29 – Digrieti tal-21 ta’ Marzu 1997, Région wallonne vs Il-Kummissjoni (C-95/97, Ġabra I-1787, punt 6) u tal-1 ta’ Ottubru 1997, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni (C-180/97, Ġabra I-5245, punt 6). Ara wkoll punti 44 sa 54 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Colomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni (C-417/04 P, Ġabra p. I-3881), kif ukoll is-sentenza f’din l-istess kawża (punt 21).


30 – Ara b’anoloġija, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill (C-452/98, Ġabra p. I-8973, punt 50) u punt 66 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’din l-istess kawża.


31–      Setnenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni (C-445/07 P u C-455/07 p, Ġabra p. I-7993, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-interess dirett jeżiġi li l-miżura inkwistjoni tipproduċi effett direttament fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-parti interessata u li din ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li jkunu inkarigati bl-implementazzjoni tagħha, filwaqt li din tal-aħħar ikollha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mill-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.


32 – Il-portata tal-effett individwali ġiet iddefinita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p.197) li minnha jirriżulta li persuna naturali jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja tad-deċiżjoni inkwistjoni tista’ biss tippretendi li tkun individwalment ikkonċernata jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tippreġudikaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha fir-rigward ta’ kull persuna oħra. Ara fost affarjiet oħra, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni (C-71/09 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 52).


33 – Ara punt 41 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro fil-kawża Il-Polonja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Entità pubblika tista’ wkoll tippreżenta tali rikors, iżda f’dan il-każ din trid tosserva l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ ammissibbilità. Fir-rigward tal-ġurisprudenza relattiva għal pajjiżi u territorji ta’ barra mill-pajjiż, reġjuni u komunitajiet awtonomi ara, pereżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1993, Ġibiltà vs Il-Kunsill (C-298/89, Ġabra p. I-3605, punti 14 et seq); L-Antilli Olandiżi vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51), u Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 u 24). Ara wkoll d-digriet tas-7 ta’ Lulju 2004, Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill (T-37/04 R, Ġabra p. II-2153, punt 112).


34–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, (C-15/06 P, Ġabra p. I-2591, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Inżid li huwa diffiċli li l-kriterju ta’ nuqqas ta’ marġni ta’ manuvra japplika għal sitwazzjoni fejn, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, Stat Membru jista’ jibqa’ japplika miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti mingħajr, madankollu, ma jkun obbligat li jagħmel dan. Tali awtorizzazzjoni tista’, madankollu, taffettwa s-sitwazzjoni ġuridika ta’ persuna terza li jkollha interess tikseb konstatazzjoni li l-miżuri inkwistjoni ma humiex ammissibbli.


36 – Huwa paċifiku li, meħud waħdu, l-interess ġenerali ta’ reġjun ma huwiex biżżejjed biex dan jitqies li huwa individwalment ikkonċernat. Ara d-digrieti tat-12 ta’ Marzu 2007, Regione Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni (T-417/04, Ġabra p. II-641, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 1998, Regione Puglia vs Il-Kummissjoni u Spanja (T-609/97, Ġabra p  II-4051, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37–      Ara, b’analoġija, fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C-260/05 P, Ġabra p. I-10005, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38 – A contrario ara d-digriet Regione Puglia vs Il-Kummissjoni u Spanja, iċċitat iktar ’il fuq (punti 19 sa 21).


39 – Skont l-Artikolu 2(h) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri kkonċernati huma dawk li bejniethom jopera servizz bl-ajru.


40 – Fuq il-klassifikazzjoni tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru bħala ftehim ta’ integrazzjoni ara U. Haldimann, “Grundzüge des Abkommens über den Luftverkehr”, D. Felder, u C. Kaddous (ed.), Accords bilatéraux Suisse–UE, Bilaterale Abkommen Schweiz–EU, Bruylant, Bruxelles, 2001, p. 443 sa 461.


41 – Madankollu, skont l-Artikolu 15(2) tal-ftehim, id-drittijiet ta’ traffiku għandhom jingħataw progressivament lit-trasportaturi tal-ajru Svizzeri. Il-ftehim jiggarantixxi wkoll lit-trasportaturi Komunitarji u Svizzeri l-libertà ta’ stabbiliment f’dan il-qasam partikolari bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-ftehim. Għal iktar informazzjoni ara, C. Kaddous, “Les accords sectoriels dans le système des relations extérieures de l’Union européenne”, op.cit, p. 81 sa 82.


42–       Ara, inter alia, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-304/01, Ġabra p. I-7655, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43 – Ma dan inżid li dan japplika iktar u iktar fil-każ preżenti peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jintaqqas meta l-persuna interessata setgħet tipparteċipa fil-proċeduri ammistrattivi li jippreċedu t-teħid tal-att ikkontestat u kellha l-opportunità li tesprimi ruħha. Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 Settembru 2003, L-Awstrija vs Il-Kunsill, (C-445/00, Ġabra p. I-8549, punti 49 u 50).


44 – Barra minn hekk nirrileva li l-problema partikolari relattiva għall-istorbju hija rregolata mid-Direttiva 2002/30/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Marzu 2002, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 96) u mid-Direttiva 2002/49/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2002, li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 7, p. 101).


45 – L-unika estenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-aċċess fil-kuntest tal-ftehim hija dik li tirriżulta mill-assimilazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-Istati Membri u tat-trasportaturi tal-ajru li għandhom is-sede tagħhom hemmhekk mat-trasportaturi Komunitarji.


46 – Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li għalihom tagħmel riferiment l-Isvizzera huma d-Deċiżjoni 98/523/KE, Karlstad (ĠU L 233, p. 25) u d-Deċiżjoni 94/290/KE, Paris-Orly (ĠU L 127, p. 22). Ara inter alia, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il-Kummissjoni (T-260/94, Ġabra p. II-997) relattiva għal din l-aħħar imsemmija deċiżjoni. Fid-dawl tal-kuntest purament Komunitarju tal-imsemmija deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kienet marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt Komunitarju primarju u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fl-eżami tal-miżuri inkwistjoni. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari tas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-361/98, Ġabra p. I-385), għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija sentenza ngħatat wara l-iffirmar tal-ftehim u li din is-sentenza ma ġietx notifikata u lanqas eżaminata fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 21(1) tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru. Minn dan jirriżulta li din is-sentenza ma tistax tagħti orjentament għall-interpretazzjoni tal-ftehim ħlief jekk ikun ġie nnotifikat u eżaminat fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 21(1) tal-Ftehim dwar it-trasport tal-ajru.


47 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-504/09 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48 – Dan jinvolvi l-operazzjoni ta’ netwerk stilla li huwa kkaratterizzat mill-fatt li t-trasportaturi tal-ajru jużaw ajruport bħala pjattaforma ta’ korrispondenza u li sar mudell operazzjonali attwali fost it-trasportaturi tal-ajru.


49–      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssemmi s-sentenzi tal-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank (C-330/91, Ġabra p. I-4017, punt 14); u tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-224/00, Ġabra p. I-2965, punt 15), u tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C-115/08, Ġabra p. I-10265, punt 92).


50–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51). Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C-90/09, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51–      Ara, ex multis, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Kaimer et vs Il-Kummissjoni (C-264/11 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).