Language of document : ECLI:EU:C:2014:2096

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Lulju 2014 (*)

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment — Artikolu 16(1) — Detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija — Detenzjoni f’ħabs — Possibbiltà li ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm taħt detenzjoni ma’ priġunieri ordinarji meta jkun ta l-kunsens tiegħu”

Fil-Kawża C‑474/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Thi Ly Pham

vs

Stadt Schweinfurt, Amt für Meldewesen und Statistik,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, A. Borg Barthet u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský, D. Šváby, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. L. Pham, minn M. Sack, avukat,

–        għall-iStadt Schweinfurt, Amt für Meldewesen und Statistik, minn J. von Lackum, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn T. L. Pham u l-iStadt Schweinfurt, Amt für Meldewesen und Statistik (bel ta’ Schweinfurt, uffiċċju tar-reġistru ċivili u tal-istatistika) dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija meħuda kontra tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2008/115:

“Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.”

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.       Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[...]

5.       Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.       L-Istati Membri jistgħu ma jestendux [ma jistgħux jestendu] il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

(a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

(b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

6        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kondizzjonijiet tad-detenzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.”

 Id-dritt Ġermaniż

7        L-Artikolu 62a(1) tal-liġi dwar ir-residenza, l-attività professjonali u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet) tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGB1. 2004 I, p. 1950), kif emendata (BGB1. 2011 I, p. 2258, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), li jittrasponi l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/155, jipprovdi:

“Id-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija għandha sseħħ, bħala regola, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. Meta Land ma jkollux faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni, id-detenzjoni tista’ sseħħ f’ħabsijiet oħra ta’ dan il-Land; f’dak il-każ, il-persuni li jkunu detenuti sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom, għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        T. L. Pham, li hija ċittadina Vjetnamiża, daħlet fil-Ġermanja mingħajr dokumenti ta’ identità u mingħajr permess ta’ residenza. Fid-29 ta’ Marzu 2012, hija kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija sat-28 ta’ Ġunju 2012. Permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub tat-30 ta’ Marzu 2012, hija tat il-kunsens tagħha li tinżamm f’ħabs ma’ priġunieri ordinarji minħabba li xtaqet li jkollha kuntatt ma’ ċittadini Vjetnamiżi li kienu jinsabu f’dan il-ħabs.

9        Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Ġunju 2012, l-Amtsgericht Nürnberg estenda d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ta’ T. L. Pham sal-10 ta’ Lulju 2012. Ir-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar kontra dan id-digriet ġie miċħud permezz ta’ digriet tal-Landgericht Nürnberg tal-5 ta’ Lulju 2012. Wara li effettivament intbagħtet lura l-Vjetnam fl-10 ta’ Lulju 2012, T. L. Pham qiegħda, permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Bundesgerichtshof, tfittex li jiġi kkonstatat li d-drittijiet tagħha kienu miksura permezz tal-imsemmija digrieti dwar l-estensjoni tad-detenzjoni tagħha fl-imsemmi ħabs.

10      Skont il-Bundesgerichtshof, fid-dawl tal-ksur ta’ dritt fundamentali partikolarment sinjifikattiv, ir-rimedji kontra miżura li ċċaħħad il-libertà jibqgħu miftuħa inkluż wara l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura peress li l-persuna kkonċernata għandha interess, li jistħoqqlu protezzjoni, li l-illegalità ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà tiġi kkonstatata anki wara l-eżekuzzjoni tagħha.

11      Din il-qorti tosserva li, bħala prinċipju, it-tqegħid taħt detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ proċeduri ta’ ritorn f’ħabs mal-priġunieri ordinarji jmur kontra l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll l-Artikolu 62a tal-AufenthG, li tittrasponi l-imsemmija dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali. Madankollu, dan it-tqegħid taħt detenzjoni jkun legali jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jagħtihom il-possibbiltà jieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsens taċ-ċittadin ikkonċernat li jitqiegħed mal-imsemmija priġunieri.

12      Il-Bundesgerichtshof tosserva, minn naħa, li jista’ jkun hemm riskju li l-obbligu ta’ separazzjoni jiġi ffrustrat meta, b’mod partikolari, l-awtoritajiet ikkonċernati jġiegħlu regolarment liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti mid-Direttiva 2008/115 jiffirmaw dikjarazzjonijiet ta’ kunsens imlestija minn qabel jew jeżerċitaw pressjoni fuqhom sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom li jitqiegħdu taħt detenzjoni f’ħabs ma’ priġunieri ordinarji. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tindika li l-obbligu ta’ separazzjoni huwa maħsub biss sabiex itejjeb is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li dawn għandhom ikunu jistgħu jirrinunzjaw għas-separazzjoni meta, wara li jkunu ġew informati dwar id-dritt tagħhom li jinżammu b’mod separat, dawn ikunu jixtiequ jinżammu flimkien ma’ priġunieri jew jagħtu l-kunsens espliċitu tagħhom f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, bħalma huwa l-każ fil-kawża ineżami, minħabba l-opportunità li jkunu f’kuntatt ma’ persuni tal-istess ċittadinanza jew tal-istess età. F’dan ir-rigward, skont id-dritt Ġermaniż, fil-każijiet ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà meta jkun previst li l-persuni kkonċernati jinżammu separati, il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (Qorti kostituzzjonali Federali) tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsens ta’ tali persuna li tinżamm flimkien ma’ priġunieri oħra.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Iż-żamma f’ħabs ma’ priġunieri ordinarji ta’ persuna mqiegħda taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija, meta din il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha għal tali żamma, hija kompatibbli mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/115]?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil Stat Membru jqiegħed lil ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija f’ħabs flimkien ma’ priġunieri ordinarji fil-każ li dan iċ-ċittadin jagħti l-kunsens tiegħu għal dan it-tqegħid.

15      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li T. L. Pham tqiegħdet taħt detenzjoni f’ħabs fuq il-bażi tal-Artikolu 62a(1) tal-AufenthG.

16      Issa, mill-punti 28 sa 31 tas-sentenza Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095) jirriżulta li r-raġuni marbuta mal-assenza ta’ faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni f’Land tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġġustifika, waħedha, l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

17      Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni timponi obbligu inkundizzjonat ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment mill-priġunieri ordinarji meta Stat Membru ma jkunx jista’ jqiegħed lil dawn iċ-ċittadini f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.

18      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż, sostnut mill-Gvern Olandiż, isostni li, peress li l-għan ta’ dan l-obbligu ta’ separazzjoni huwa li jitħarsu l-interess u l-benesseri taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, dan jista’ jirrinunzja għas-separazzjoni, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata tkun tixtieq tibqa’ f’kuntatt ma’ persuni tal-istess ċittadinanza.

19      Għandu jiġu kkonstatat li l-obbligu ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment mill-priġunieri ordinarji ma huwa marbut ma’ ebda eċċezzjoni u jikkostitwixxi garanzija tar-rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-imsemmija ċittadini fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni f’ħabsijiet għall-finijiet ta’ tkeċċija.

20      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tad-Direttiva 2008/115 huwa l-istabbiliment ta’ politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni mibnija fuq standards komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rripatrijati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom (sentenzi El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 31, u Arslan, C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 42).

21      F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment mill-priġunieri ordinarji previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva huwa iktar minn sempliċi modalità ta’ eżekuzzjoni speċifika ta’ tqegħid taħt detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’ħabsijiet u jikkostitwixxi kundizzjoni sostantiva ta’ dan it-tqegħid li mingħajrha, bħala prinċipju, dan it-tqegħid ma jkunx konformi mal-imsemmija direttiva.

22      F’dan il-kuntest, Stat Membru ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni r-rieda taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

23      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari magħmula hija li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tippermettix lil Stat Membru jqiegħed lil ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija f’ħabs flimkien ma’ priġunieri ordinarji, u dan lanqas fil-każ li dan iċ-ċittadin jagħti l-kunsens tiegħu għal dan it-tqegħid.

 Fuq l-ispejjeż

24      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tippermettix lil Stat Membru jqiegħed lil ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija f’ħabs flimkien ma’ priġunieri ordinarji, u dan lanqas fil-każ li dan iċ-ċittadin jagħti l-kunsens tiegħu għal dan it-tqegħid.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.