Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta' Novembru 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(C-286/12) 

(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Politika soċjali - Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol - Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 2 u 6(1) - Regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu laħqu l-età ta' 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom - Oġġettivi leġittimi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament fil-konfront tal-ħaddiema li jkollhom inqas minn 62 sena - Natura proporzjonata tat-tul tal-perijodu tranżitorju)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u K. Talabér-Ritz, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija (rappreżentant: M. Z. Fehér, aġent)

Suġġett

Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79) - Regoli nazzjonali li jimponu l-waqfien dirett tal-attività professjonali tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tan-nutara li jkunu laħqu l-età ta' 62 sena - Assenza ta' għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw din id-differenza fit-trattament mal-ħaddiema li għandhom inqas minn 62 sena - Natura sproporzjonata tat-tul tal-perijodu tranżitorju (sena)

Dispożittiv

Bl-adozzjoni ta' regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu għalqu 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom u li jimplikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma hijiex proporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet segwiti, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

    L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 217, 21.07.2012.