Language of document : ECLI:EU:T:2011:357

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti”

Fil-Kawża T‑42/07,

The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti),

Dow Deutschland Inc., stabbilita f’Schwalbach (il-Ġermanja),

Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH, stabbilita f’Schwalbach,

Dow Europe GmbH, stabbilita f’Horgen (l-Isvizzera),

inizjalment irrappreżentati minn D. Schroeder, P. Matthey u T. Graf, sussegwentement minn D. Schroeder u T. Graf, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Kellerbauer, V. Bottka u J. Samnadda, sussegwentement minn M. Kellerbauer, V. Bottka u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, għal dak li jikkonċerna The Dow Chemical Company, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), jew, għall-annullament, għal dak li jikkonċerna lil Dow Deutschland Inc., tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jew għat-tnaqqis, għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti kollha, tal-ammont tal-multa imposta fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Dehousse (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, I. Wiszniewska-Białecka u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’akkordju fis-suq tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq.

2        L-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma:

–        Bayer AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja);

–        The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem “Dow Chemical”);

–        Dow Deutschland Inc., stabbilita f’Schwalbach (il-Ġermanja);

–        Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH (li kienet Dow Deutschland GmbH & Co. OHG), stabbilita f’Schwalbach;

–        Dow Europe, stabbilita f’Horgen (l-Isvizzera);

–        Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja);

–        Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja) (iktar ’il quddiem “Polimeri”);

–        Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Shell Nederland BV, stabbilita f’Den Haag;

–        Shell Nederland Chemie BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Unipetrol a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka);

–        Kaučuk a.s., stabbilita fi Kralupy nad Vltavou (ir-Repubblika Ċeka);

–        Trade-Stomil sp. z o.o., stabbilita f’Łódź (il-Polonja) (iktar ’il quddiem “Stomil”).

3        Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe huma kkontrollati kompletament, direttament jew indirettament, minn Dow Chemical (premessi 16 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        L-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kienet inizjalment żgurata minn EniChem Elastomeri Srl, li hija kkontrollata indirettament minn Eni, permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA (iktar ’il quddiem “EniChem SpA”). Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % minn EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluża l-attività marbuta mal-gomma butadiene u mal-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) lis-sussidjarja tagħha, Polimeri, li hija 100 % proprjetà tagħha. Eni bdiet tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri fil-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial SpA (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tuża l-isem “EniChem” b’riferiment għal kull kumpannija proprjetà ta’ Eni (iktar ’il quddiem “EniChem”) (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Shell Nederland Chemie hija sussidjarja ta’ Shell Nederland, li min-naħa tagħha hija kkontrollata totalment minn Shell Petroleum (iktar ’il quddiem, flimkien, “Shell”) (premessi 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Kaučuk inħolqot fl-1997, wara l-amalgamazzjoni bejn Kaučuk Group a.s. u Chemopetrol Group a.s.. Fil-21 ta’ Lulju 1997, Unipetrol akkwistat l-attiv, id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-impriżi amalgamati. Unipetrol iżżomm 100 % mill-ishma ta’ Kaučuk (premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, Tavorex s.r.o. (iktar ’il quddiem “Tavorex”), stabbilita fir-Repubblika Ċeka, irrappreżentat lil Kaučuk (u lill-predeċessur tagħha Kaučuk Group) fl-esportazzjoni li saret bejn l-1991 sat-28 ta’ Frar 2003. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, sa mill-1996, Tavorex irrappreżentat lil Kaučuk waqt il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lill-produttriċi Pollakka Chemical Company Dwory S.A. (iktar ’il quddiem “Dwory”) fl-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni għal madwar 30 sena, sa tal-inqas is-sena 2001. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lil Dwory, bejn l-1997 u s-sena 2000, waqt il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Il-ksur ikkonstatat għaż-żmien mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Bayer, Eni u Polimeri), mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999 (għal Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie), mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Chemical), mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 Novembru 2001 (għal Dow Deutschland), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Unipetrol u Kaučuk), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000 (għal Stomil), mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002 (għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft) u mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal-Dow Europe) (premessi 476 sa 485 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u l-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”) huma gomom sintetiċi li jintużaw essenzjalment fil-produzzjoni ta’ tajers. Dawn iż-żewġ prodotti huma reċiprokament sostitwibbli u jistgħu jiġu sostitwiti wkoll b’gomom sintetiċi oħra kif ukoll b’gomma naturali (premessi 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Minbarra l-produtturi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, hemm produtturi oħra li jinsabu fl-Asja u fil-Lvant tal-Ewropa li biegħu kwantitajiet limitati ta’ GB u GSB fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, parti kbira mill-GB hija prodotta direttament mill-produtturi l-kbar tat-tajers (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Bayer ikkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), fir-rigward tal-GB u tal-GSB. Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-14 ta’ Jannar 2003, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju għal dak li jirrigwarda l-GB. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett. Bayer ipprovdiet ukoll il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat GB tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fil-5 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lil Bayer bid-deċiżjoni tagħha li tagħtiha l-immunità kondizzjonali mill-multi (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 [81 KE] u 86 (82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) fil-bini ta’ Dow Deutschland & Co. (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2003 u x-xahar ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2003, Dow Deutschland u Dow Deutschland & Co. iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Waqt dik il-laqgħa, saret preżentazzjoni orali ta’ kif jaħdem l-akkordju għal GB u għal GSB. Din il-preżentazzjoni orali ġiet irrekordjata. Infetaħ ukoll fajl li fih iddaħħlu dokumenti li jirrigwardaw l-akkordju (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fl-4 ta’ Marzu 2005, Dow Deutschland ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċedilha tnaqqis fil-multa ta’ bejn wieħed u ieħor 30 sa 50 % (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura u bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata – ħlief għal Unipetrol – kif ukoll lil Dwory. L-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata wkoll fil-konfront ta’ Tavorex, iżda ma ġietx innotifikata lilha, inkwantu Tavorex kienet ilha falluta mix-xahar ta’ Ottubru 2004. Il-proċedura li kienet tikkonċernaha għaldaqstant ingħalqet (premessi 49 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      L-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma kellhom ukoll aċċess għall-fajl, fil-forma ta’ CD-ROM, u għad-dikjarazzjonijiet orali u għad-dokumenti relatati magħhom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-3 ta’ Novembru 2005, il-Manufacture française des pneumatiques Michelin (iktar ’il quddiem “Michelin”) talbet li tintervjeni. Hija ppreżentat kummenti bil-miktub fit-13 ta’ Jannar 2006 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward l-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-12 ta’ Mejju 2006, Michelin ippreżentat ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal Stomil, kif ukoll Michelin, ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dwory fl-akkordju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fil-konfront tagħha (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċedura fil-konfront ta’ Syndial (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Barra minn hekk, għalkemm inizjalment kienu ntużaw żewġ numri ta’ każijiet differenti (wieħed għal GB u l-ieħor għal GSB) (COMP/E-1/38.637 u COMP/E-1/38.638), il-Kummissjoni użat, wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, numru uniku (COMP/F/38.638) (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

27      Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE, billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ftehim wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB:

a)      Bayer, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

b)      Dow Chemical, mill-1 ta’ Lulju 1996 sat 28 ta’ Novembru 2002; Dow Deutschland, mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001; Dow Deutschland Anlagengesellschaft, mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002; Dow Europe, mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002;

ċ)      Eni, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Polimeri, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

d)      Shell Petroleum, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland Chemie, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999;

e)      Unipetrol, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002; Kaučuk, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002;

f)      Stomil, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000.

28      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkulat skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar’il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

29      L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-multi li ġejjin:

a)      Bayer: EUR 0;

b)      Dow Chemical: EUR 64.575 miljun, li minnhom;

i)      EUR 60.27 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland;

ii)      EUR 47 355 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe;

ċ)      Eni u Polimeri, in solidum: EUR 272.25 miljun;

d)      Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie, in solidum: EUR 160.875 miljun;

e)      Unipetrol u Kaučuk, in solidum: EUR 17.55 miljun;

f)      Stomil: EUR 3.8 miljun.

30      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jordna lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 li jtemmu immedjatament il-ksur deskritt f’dan l-istess artikolu, jekk huma ma għamlux dan diġà, u li ma jirrepetu l-ebda att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1 kif ukoll kwalunkwe miżura li jkollha għan jew effett ekwivalenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali) fis-16 ta’ Frar 2007, Dow Chemical, Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe (iktar ’il quddiem flimkien “Dow”) ippreżentaw din il-kawża.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2009, N. Wahl ġie nnominat biex jikkompleta l-Awla sussegwentement għall-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha.

33      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2009.

35      Dow Chemical titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija indirizzata lilha.

36      Dow Deutschland titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu dan jikkonkludi li kien hemm ksur, minn Dow Deutschland, tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE b’effett mill-1 ta’ Lulju 1996.

37      Ir-rikorrenti kollha (u Dow Chemical sussidjarjament) jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta lilhom.

38      Ir-rikorrenti kollha jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha tagħhom u dawk marbutin ma’ din il-kawża kif ukoll l-ispejjeż li huma nefqu biex jagħtu garanzija bankarja li tkopri, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi din il-kawża, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom mid-deċiżjoni kkontestata;

–        tieħu kull miżura oħra li hija jidhrilha xierqa.

39      Il-Kummissjoni titlob li l Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir rikors;

–        tikkundanna lir-rokorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

40      Dow tinvoka tliet motivi insostenn tat-talbiet tagħha. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Dow tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni imputat il-ksur lil Dow Chemical. Permezz tat-tieni motiv tagħha, Dow issostni li l-Kummissjoni wettqet żball fid-determinazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Dow Deutschland fil-ksur. Permezz tat-tielet motiv tagħha, Dow issostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha.

A –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Dow Chemical

41      L-ewwel motiv ta’ Dow jinqasam fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Dow issostni li l-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat ta’ evalwazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kumpannija parent. Fil-kuntest tat-tieni parti, Dow issostni li, fi kwalunkwe każ, Dow Chemical irribattiet il-preżunzjoni li kellha kontriha. Fil-kuntest tat-tielet parti, Dow issostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta astjeniet milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tistabbilixxi jekk kienx meħtieġ li tindirizza d-deċiżjoni kkontestata lil Dow Chemical u meta naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha li żżomm il-kumpannija parent responsabbli f’dan il-każ.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju żbaljat għall-imputabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent

42      Waqt is-seduta, Dow indikat li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237), hija rtirat l-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, u ta’ dan ittieħdet nota.

43      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Dow.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-konfutazzjoni min-naħa ta’ Dow Chemical, tal-preżunzjoni li għandha kontriha

 L-argumenti tal-partijiet

44      Dow issostni li, jekk għandu jkun hemm preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq sussidjarja li hija 100 %proprjetà tagħha, Dow Chemical ikkonfutat din il-preżunzjoni f’dan il-każ. Dow tenfasizza, f’dan ir-rigward, li kumpannija parent tista’ tirribatti l-preżunzjoni li jkollha kontriha billi turi li hija ma eżerċitatx influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Hija ma għandhiex tipprova li ma kinitx iktar f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja. Il-kriterju applikabbli huwa dak li jiġi stabbilit jekk is-sussidjarja “tapplikax essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent” fir-rigward tal-“politika kummerċjali” tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925). L-espressjoni “essenzjalment” tinkludi l-kwistjoni dwar jekk is-sussidjarja tosservax ir-regoli ta’ kompetizzjoni jew tiksirhomx bil-għan li tikseb prezzijiet ogħla minn dawk li hija kienet tkun tista’ tikseb normalment fis-suq. Il-Kummissjoni adottat dan l-approċċ f’żewġ kawżi li ssemmi Dow. Dow tfakkar, fuq dan il-punt, li r-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-akkordji tapplika biss f’każ ta’ aġir intenzjonali jew negliġenti [l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003]. Għaldaqstant, il-kumpannija parent tista’ titqies li kisret l-Artikolu 81 KE biss jekk hija tkun aġixxiet tal-inqas b’mod negliġenti fir-rigward tan-nuqqas tas-sussidjarja tagħha.

45      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tippreżumi b’mod żbaljat u bla ebda prova li r-rabtiet ġerarkiċi bejn Dow Chemical u s-sussidjarji tagħha jkopru l-attivitajiet tal-akkordju u li Dow Chemical kienet informata b’dawn tal-aħħar.

46      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif ġie indikat fit-tweġibiet ta’ Dow għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe aġixxew b’mod awtonomu. F’dan ir-rigward, Dow tenfasizza li huma biss ftit impjegati ta’ dawn it-tliet kumpanniji, f’ammonti żgħar u li jokkupaw kariga relattivament subordinata fil-ġerarkija, li pparteċipaw fil-ksur. L-uniku impjegat ta’ kariga għolja, li seta’ kellu għarfien dwar l-attivitajiet tal-akkordju, huwa d-direttur kummerċjali, f’dak iż-żmien, ta’ Dow Deutschland għall-elastomeri sintetiċi. Madankollu, dan dejjem ċaħad li kien jaf bil-ksur inkwistjoni u ma hemm ebda element li juri l-kuntrarju. Barra minn hekk, filwaqt li tfakkar is-sitwazzjoni tal-impjegati inkwistjoni f’dik il-kawża, Dow issostni li l-akkordju u n-natura ftit li xejn organizzata tiegħu kienu diġà stabbiliti sew fil-mument li bdiet tipparteċipa Dow Deutschland. Ma kien hemm ebda deċiżjoni biex jinbeda proċess jew biex jiġu implementati strutturi li setgħu wasslu għall-parteċipazzjoni ta’ Dow Chemical.

47      Dow Chemical ma kinitx f’pożizzjoni li tkun informata awtomatikament bl-eventwali atti antikompetittivi meta Dow Deutschland daħlet fis-suq inkwistjoni, billi saret distributriċi ta’ Buna Sow Leuna Olefinverbund GmbH (iktar ’il quddiem “BSL”), fl-1 ta’ Lulju 1996. Is-settur ikkonċernat irrappreżenta attività ġdida għal Dow, li ma integratux f’waħda mill-istrutturi organizzazzjonali eżistenti. Dow tfakkar f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li BSL kienet sussidjarja 100 % proprjetà ta’ Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben (BvS), sal-1 ta’ Settembru 1999, meta Dow akkwistat holding ta’ 80 % fil-kapital ta’ BSL u l-kontroll konġunt tagħha. Iktar minn hekk, ma kienx hemm ċertezza li BSL tkompli tipproduċi l-GB u l-GSB. Barra minn hekk, Dow saret produttriċi tal-GB u tal-GSB kollha biss meta akkwistat l-attività tal-“gomma sintetika” ta’ Shell fl-1 ta’ Ġunju 1999.

48      Il-fatt li Dow Chemical ma kinitx informata bid-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet jaqbel mal-istruttura organizzazzjonali tal-grupp. Il-ġestjoni tal-attività tal-“elastomeri sintetiċi” kienet f’idejn Dow Deutschland u Dow Deutschland & Co. (li kif tfakkar fil-punt 2 iktar ’il fuq, saret Dow Deutschland Anlagengesellschaft). Dan is-setur ma ġie integrat fl-ebda struttura organizzazzjonali eżistenti u baqa’ attività indipendenti. Id-direttur kummerċjali, f’dak iż-żmien, ta’ Dow Deutschland tpoġġa taħt ir-responsabbiltà ta’ impjegati ta’ Dow Chemical, li, minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza fil-qasam tal-gomma sintetika, naqsu milli jindaħlu fid-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ dan id-direttur. Konsegwentement, ir-rabtiet industrijali u ekonomiċi bejn Dow Chemical u s-sussidjarji tagħha fis-settur inkwistjoni ma kinux sodi daqskemm tallega l-Kummissjoni fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li d-direttur kummerċjali ta’ Dow Deutschland, f’dak iż-żmien, kien jagħti kont lil Dow Chemical ma jfissirx li hija kellha fil-fatt għarfien tal-akkordju jew li hija kienet negliġenti minħabba li ma skoprietx l-eżistenza tiegħu.

49      Dow Chemical ma kinitx f’pożizzjoni li ttemm il-parteċipazzjoni tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp fil-ksur, peress li ma kellhiex għarfien dwar dan. Din hija d-differenza essenzjali bejn dan il-każ ineżami u dak li ta lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (T‑354/94, Ġabra p. II‑2111). Min-naħa l-oħra, l-impjegati kollha ta’ Dow li kellhom responsabbiltajiet kummerċjali jibbenefikaw minn taħriġ regolari fid-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-impjegati inkwistjoni kienu kollha obbligati josservaw il-kodiċi tal-etika kummerċjali ta’ Dow Chemical, li, fl-1999, kien fih b’mod partikolari regoli li jirrigwardaw l-“osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni”, iċċitati minn Dow. Kieku l-impjegati inkwistjoni ntbagħtu għand avukat ta’ Dow, din tal-aħħar kienet tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex ittemm il-prattiki illegali.

50      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tafferma li kien hemm “relazzjonijiet ta’ dipendenza” bejn Dow Chemical u s-sussidjarji tagħha u tippreżumi li dawn ir-relazzjonijiet “[...] ikopru l-aspetti essenzjali kollha tal-attivitajiet marbutin mal-GB u mal-GSB”, li “l-akkordju inkwistjoni kien ċertament fattur essenzjali tal-politika kummerċjali segwita mis-sussidjarji ta’ Dow attivi fis-settur tal-GB/GSB u [li] ma jistax jiġi aċċettat li kien possibbli [għalihom] li jiddiskutu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jsemmu l-eżistenza tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova f’dan ir-rigward.

51      B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, Dow ma ħarġitx ċaħdiet ġenerali, iżda ddikjarat li, minkejja l-investigazzjoni interna sħiħa, ma kien hemm xejn li jindika li xi ħadd f’Dow Chemical kien informat bid-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet. Għal Dow, il-fatt li teżisti struttura ġerarkika biex tkopri l-aspetti essenzjali kollha ta’ attività ma tfissirx li din l-istruttura tintuża biex il-prattiki tal-akkordju jitwasslu għal livell ogħla. Jekk is-sempliċi eżistenza ta’ rabtiet ġerarkiċi kienet biżżejjed biex il-kumpannija parent tinżamm responsabbli għall-aġir tas-sussidjarji tagħha, ma jkunx possibbli li tintwera l-awtonomija tal-aġir tas-sussidjarji. Kumpannija sussidjarja tista’ taġixxi b’mod awtonomu anki jekk ċerti impjegati minn tagħha jkunu jridu jagħtu kont ta’ xogħolhom lil persuni li jokkupaw kariga f’kumpanniji oħra tal-grupp. Dow iżżid tgħid li din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni (T‑314/01, Ġabra p. II‑3085). F’din l-aħħar kawża, l-eżekuttivi tal-impriża konġunta (is-sussidjarja) kellhom fl-istess ħin kariga ta’ diretturi fil-kumpanniji parent. Ir-rappreżentanti tal-kumpanniji parent kienu kemm direttament involuti fil-ksur kif ukoll kienu bilfors jafu bl-istess. Iktar minn hekk, is-sussidjarja inħolqot b’forma legali speċjali.

52      Fit-tielet lok, Dow tipproponi li tisma bħala xhieda diversi persuni li kienu f’pożizzjoni (jew jistgħu jkunu f’pożizzjoni) li jipprovdu dettalji dwar l-attivitajiet tal-akkordju lil impjegat ta’ Dow Chemical u li tistaqsihom jekk dan kienx il-każ. Dow tipproponi wkoll li tisma bħala xhieda lill-persuni li ssemmi l-Kummissjoni kemm espressament fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 218 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll b’riferiment għall-ittra ta’ Dow tas-26 ta’ Lulju 2004, tidentifika bħala li jifformaw parti mill-istrutturi ġerarkiċi kkonċernati.

53      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija tikkunsidra, essenzjalment, li l-elementi mressqa minn Dow ma humiex suffiċjenti biex jirribattu l-preżunzjoni li teżisti f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

54      Il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li kumpannija parent tista’ titqies li hija responsabbli mill-aġir illegali ta’ sussidjarja jekk din tal-aħħar ma tiddeċidiex b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għall-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni (premessi 333 u 334 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tindika, ukoll, li hija tista’ tippreżumi li sussidjarja li tkun 100 % proprjetà ta’ kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-istess kumpannija parent, mingħajr ma jkollha tivverifika jekk dik il-kumpannija parent eżerċitatx effettivament dik is-setgħa. Hija dik il-kumpannija parent jew is-sussidjarja tagħha li għandha tirribatti dik il-preżunzjoni billi tipproduċi provi li juru li s-sussidjarja ddeċidiet b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq flok applikat l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha, b’mod li huma evitaw li jiġi applikat il-kunċett ta’ impriża (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li Dow Deutschland Anlagengesellschaft, Dow Deutschland u Dow Europe huma responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħhom fil-ksur. Hija tippreċiża li, matul it-tul tal-ksur, dawn il-kumpanniji kienu, direttament jew indirettament, 100 % proprjetà ta’ Dow Chemical. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, wieħed jista’ jippreżumi li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha. Din il-preżunzjoni hija msaħħa, f’dan il-każ, b’diversi elementi. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kellha tkun indirizzata lil Dow Deutschland Anlagengesellschaft, Dow Deutschland, Dow Europe u Dow Chemical, li għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur (premessi 340 sa 364 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipproduċi prova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Peress li Dow irtirat l-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, hija ma tikkontestax li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi li, minħabba l-pussess dirett jew indirett tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha, Dow Chemical eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tagħhom.

58      Għaldaqstant kien l-obbligu ta’ Dow Chemical li tirribatti din il-preżunzjoni billi turi li l-imsemmija sussidjarji kienu jistabbilixxu l-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu, b’mod li hija ma tikkostitwixxix, flimkien magħha, entità ekonomika waħda u għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

59      B’mod iktar partikolari, kien l-obbligu ta’ Dow Chemical li tressaq kull element li jirrigwarda r-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u legali bejnha u bejn il-kumpanniji sussidjarji tagħha u li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiemha, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65).

60      Fl-ewwel lok, permezz tal-argumenti tagħha, Dow issostni essenzjalment li, peress li hija ma kinitx implikata fil-ksur, jew anki informata bih, hija ma għandhiex tinżamm responsabbli għalih. Waqt is-seduta Dow indikat, madankollu, li fid-dawl tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tirribatti l-preżunzjoni li kellha fuqha f’dan ir-rigward, inkwantu jirriżulta mis-sentenza msemmija li l-influwenza deċiżiva eżerċitata mill-kumpannija parent ma għandhiex bilfors tagħmel riferiment għall-politika kummerċjali tas-sussidjarja u, a fortiori, għall-ksur. Dow irrikonoxxiet għaldaqstant li l-argumenti tagħha ma humiex tali li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Dow indikat ukoll, waqt is-seduta, li hija kienet qiegħda tirtira l-argumenti tat-tieni parti tal-ewwel motiv li jirrigwarda dan il-punt.

61      Fit-tieni lok, għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni tirreferi, fid-deċiżjoni kkontestata, għal elementi oħra li jippermettu li jiġi kkunsidrat li Dow Chemical eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrileva li l-impjegati li pparteċipaw fil-ksur kienu jagħtu kont lid-direttur kummerċjali (gomma sintetika) ta’ Dow Deutschland, fejn dan kien jagħti huwa stess kont lill-persuni responsabbli mis-settur ta’ Dow Chemical, li kienu jinformaw, finalment, lill-president-direttur ġenerali (premessi 344 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata). Dow ma tikkontestax din l-informazzjoni fattwali, iżda tikkunsidra li dawn l-elementi ma jindikawx li Dow Chemical kellha effettivament għarfien tal-akkordju jew li hija kienet negliġenti meta ma skoprietx l-eżistenza tiegħu. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punt preċedenti, dawn l-argumenti ma humiex tali li jikkonfutaw il-preżunzjoni li għandha kontriha Dow Chemical, ħaġa li Dow irrikonoxxiet hija stess waqt is-seduta.

62      Madankollu, waqt is-seduta, Dow indikat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat, fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, li Dow Chemical kienet informata bl-attivitajiet tal-akkordju. Għal Dow, kieku l-affermazzjoni tal-Kummissjoni kienet eżatta, Dow Chemical kienet tkun direttament involuta fl-akkordju. Issa, din l-affermazzjoni tmur lil hinn mir-responsabbiltà tal-kumpannija parent meta hija jkollha 100 % mill-kapital tas-sussidjarja tagħha. Il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova f’dan ir-rigward. Filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler vs Il‑Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191), u peress li din il-kawża hija paragunabbli ma’ dik li tat lok għas-sentenza msemmija, Dow tiddeduċi minn dan li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità f’dan ir-rigward.

63      Mingħajr ma hu meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti ta’ Dow kif invokati waqt is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argumenti msemmija huma bbażati fuq il-premessa li, minħabba l-elementi msemmija fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll ir-responsabbiltà ta’ Dow Chemical għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur u li, minħabba f’dan, is-sitwazzjoni preżenti hija paragunabbli ma’ dik li tat lok għas-sentenza Papierfabrik August Koehler vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq. Issa jirriżulta ċar mill-premessi 340 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata li r-responsabbiltà ta’ Dow Chemical ġiet ikkonstatata biss minħabba l-fatt li hija kienet tikkontrolla direttament jew indirettament lill-impriżi li pparteċipaw direttament fil-ksur, jiġifieri Dow Deutschland Anlagengesellschaft, Dow Deutschland u Dow Europe. Il-premessa ta’ Dow hija għaldaqstant żbaljata.

64      Jirriżulta minn dawn l-elementi li l-argumenti ta’ Dow ma jistgħux jikkontestaw il-fatt li Dow Chemical u s-sussidjarji tagħha setgħu jitqiesu bħala entità ekonomika waħda. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ssostni li ma huwiex meħtieġ li jittieħdu l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba minn Dow.

65      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Dow għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

66      Dow tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tindika li, “[f]il-każ ta’ kumpanniji parent aħħarin, meta tindirizzalhom deċiżjoni, [hija] tapplika prinċipju ġenerali, li huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita [...] u li hija ma tara ebda raġuni imperattiva li għandha tiskarta” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha sar riferiment fil-premessi 333 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkonferma ebda politika ġenerali tal-Kummissjoni fis-sens li din tindirizza deċiżjoni lill-kumpannija kap tal-grupp. Din il-ġurisprudenza tindika biss li, quddiem preżunzjoni sempliċi fejn jitqies li kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq sussidjarja 100 % proprjetà tagħha u meta l-kumpannija parent ma tasalx biex tirribatti din il-preżunzjoni, il-Kummissjoni tista’ għaldaqstant (mingħajr ma hi obbligata) iżżomm lill-kumpannija parent responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja msemmija.

68      Barra minn hekk, filwaqt li tirreferi għal ċerti deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, Dow tirrileva li, f’kawżi oħra, il-Kummissjoni ma żammitx lill-kumpannija parent responsabbli minkejja li din kellha holding ta’ 100 % mill-kapital tas-sussidjarja, mingħajr ma tindika għaliex hija ma kinitx imponiet il-multa fuq il-kumpannija parent.

69      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, Dow issostni li l-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha każ b’każ. Issa, f’dan il-każ, hija ma għamlitux dan, mingħajr ma tat spjegazzjoni oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata. Dow iżżid tgħid li teżisti differenza bejn politika ġenerali li tikkonsisti fil-ġlieda kontra l-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u li jittieħdu proċeduri kontra l-impriżi involuti fil-ksur u politika ġenerali li tikkonsisti fil-fatt li l-kumpannija parent titqies dejjem bħala responsabbli.

70      Dow tfakkar li hija sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li hija tiġi indebitament leża jekk il-Kummissjoni tinkludi lil Dow Chemical bħala destinatarja tad-deċiżjoni li hija ħasbet li tadotta, peress li dan iwassal probabbilment għal kawża mhux iġġustifikata għad-danni ċivili fl-Istati Uniti. Dow tenfasizza, f’dan ir-rigward, li, ftit jiem wara li tħabbret l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Dow Chemical tħarrket biex tidher quddiem diversi qrati tal-Istati Uniti fil-kuntest ta’ kawżi kollettivi. Barra minn hekk, Dow Chemical osservat li l-fatt li tiġi indirizzata lilha d-deċiżjoni kkontestata ma huwiex konformi mal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni, peress li l-impriżi jkunu jistgħu jikkooperaw inqas jekk il-kooperazzjoni li huma jipprovdu tesponihom iktar għal kawżi għad-danni magħmulin minn terzi. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament dan l-element fil-punt 6 tal-Avviż tat-8 ta’ Diċembru 2006, dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU C 298, p. 17).

71      Minn dan Dow tikkonkludi li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni dawn l-argumenti, fejn ikkuntentat ruħha li tgħid li huma kienu “ta’ natura eminentement politika”. Il-Kummissjoni kellha, madankollu, l-obbligu li teħodhom inkunsiderazzjoni u li tevalwahom kontra l-argumenti possibbli li huma favur li d-deċiżjoni kkontestata tiġi indirizzata lil Dow Chemical. Issa, dan ma għamlitux.

72      Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu l-Kummissjoni ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom hija għażlet finalment li tindirizzaha lill-kumpannija parent fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Ma huwa bl-ebda mod meħtieġ li l-Kummissjoni tispjega għaliex hija ma tqisx kumpannija parent bħala li hija responsabbli għall-aġir ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha, peress li tali deċiżjoni ma taffettwa lil ħadd. Min-naħa l-oħra, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa d-diversi argumenti inkwistjoni u tesponi r-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha meta hija timponi multa lil kumpannija parent minħabba l-ksur imwettaq minn waħda mis-sussidjarji tagħha.

73      Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li meta l-kundizzjonijiet meħtieġa biex l-aġir tas-sussidjarji jiġi imputat lill-kumpannija parent ikunu sodisfatti, hija ma għandhiex l-obbligu li tiċċara l-għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

74      Għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tista’ timputa lill-kumpannija parent ir-responsabbiltà għal ksur imwettaq minn sussidjarja, peress li din is-sussidjarja ma tiddeċidix b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet esposti qabel jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball f’dan ir-rigward. Il-fatt li Dow Chemical hija l-kumpannija kap tal-grupp ma jistax ibiddel din il-konklużjoni, peress li ma huwiex ikkontestat li hija tikkontrolla, anki jekk indirettament, il-kapital kollu tal-kumpanniji li pparteċipaw direttament fil-ksur, jiġifieri Dow Deutschland Anlagengesellschaft, Dow Deutschland u Dow Europe (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li Dow Chemical tikkontrolla direttament il-kapital kollu ta’ Dow Europe, li r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni, mingħajr ma qamet kontestazzjoni fuq dan fil-kuntest ta’ din il-kawża.

75      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, u inkwantu Dow tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, għall-motivi msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-aġir ta’ sussidjarja li tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent. Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent hija fakultà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Bank der österreichischen Sparkassen vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 82, u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 331). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt biss li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċ-ċirkustanzi ta’ kawża ma kinux jiġġustifikaw li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha ma jfissirx li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 990). Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, meta impriża tkun kisret l-Artikolu 81(1) KE, hija ma tistax tevita kull sanzjoni minħabba li operatur ekonomiku ieħor ma ġietx imposta multa lilu, anki jekk il-Qorti Ġenerali ma għandhiex is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar quddiemha (ara s-sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1237, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fir-rigward tal-fatt li Dow Chemical hija indebitament leża bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma jistax jikkontesta l-legalità tal-istess deċiżjoni kkontestata, peress li, għar-raġunijiet esposti qabel, il-Kummissjoni setgħet timputa r-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni lil Dow Chemical.

77      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att ikkonċernat, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

78      Ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 73, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 463).

79      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni identifikat b’mod ċar, fil-premessi 333 sa 338 u 340 sa 364 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Dow Chemical f’dan il-każ. Dow tikkontesta wkoll dawn l-elementi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat minn Dow ma jistax jintlaqa’.

80      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Dow għandha tiġi miċħuda bħala infondata u għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu kemm hu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Dow Deutschland fil-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti ta’ Dow

81      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tieħu bħala l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur id-data li fiha impjegat tal-impriża inkwistjoni jkun attenda għall-ewwel darba għal xi waħda mil-laqgħat tas-sottokumitat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika. Huwa b’dan il-mod li d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft fil-ksur ittieħdet li hija t-22 ta’ Frar 2001 u dik ta’ Dow Europe bħala s-26 ta’ Novembru 2001 (premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Issa, għalkemm BSL ipprovdiet lil Dow Deutschland b’wieħed mill-impjegati tagħha b’effett mill-1 ta’ Lulju 1996 (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa pparteċipa fl-ewwel laqgħa tagħha f’isem Dow Deutschland fit-2 u t-3 ta’ Settembru 1996 biss (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata mkien ma tindika li dan l-impjegat kellu kuntatt mar-rappreżentanti ta’ partijiet oħra fl-akkordju bejn l-1 ta’ Lulju 1996 u l-laqgħa tat-2 u t-3 ta’ Settembru 1996. Il-metodu użat mill-Kummissjoni jwassal biex Dow tiġi kkunsidrata bħala li kienet retroattivament responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-impjegat fil-laqgħa tal-20 u l-21 ta’ Mejju 1996. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqiegħed fi żvantaġġ lil Dow Deutschland fir-rigward tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-ksur (possibbli) ta’ Dow Chemical huwa limitat għal dak tas-sussidjarji tagħha, l-istess japplika għal Dow Chemical kollha kemm hi.

83      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tispjegax, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex hija applikat metodu differenti għal Dow Deutschland, ħaġa li tikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

84      Skont il-Kummissjoni, it-tieni motiv ta’ Dow huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li hija għażlet, b’mod ġenerali, id-data li fiha seħħet il-parteċipazzjoni f’wieħed mis-sottokumitati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika bħala l-punt ta’ tluq tal-parteċipazzjoni fil-ksur. Issa, min-naħa l-oħra, hija fil-fatt imxiet skont kif tagħmel is-soltu, jiġifieri billi għażlet id-data li fiha impjegat tal-impriża pparteċipa għall-ewwel darba fl-attivitajiet tal-akkordju (premessa 444 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Fil-każ ta’ Dow Deutschland (u, għaldaqstant, ta’ Dow Chemical), il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat, ġustament, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur beda fid-data li fiha l-impjegat ta’ BSL, li kien ipparteċipa diġà fl-attivitajiet tal-akkordju, ġie kkollokat magħha. Dow Deutschland għandha titqies, għaldaqstant, bħala li hija responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impjegat tagħha b’effett minn dik id-data. Dow ma kkontestatx il-provi li wrew li l-impjegat ikkollokat għand Dow Deutschland kien diġà pparteċipa fl-attivitajiet tal-akkordju. Bl-istess mod, dan l-impjegat kompla jipparteċipa f’dawn tal-aħħar wara l-kollokament tiegħu ma’ Dow Deutschland (premessi 166, 167, 169 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      Dow lanqas ma tikkontesta li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1996 u l-laqgħa sussegwenti tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika, l-akkordju baqa’ fis-seħħ. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet preżenti tal-akkordju ma ġietx interrotta matul il-perijodu li fih ma kienu previsti ebda laqgħat tal-akkordju u lanqas ebda implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-akkordju. Biex itemm il-parteċipazzjoni f’akkordju kontinwu, il-parteċipant għandu juri li huwa tbiegħed mill-akkordju b’mod ċar u dan b’mod li ma jħalli ebda dubju lill-ex kumpanniji kontraenti dwar il-fatt li huwa ħareġ mill-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 232; tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punt 98, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Marlines vs Il‑Kummissjoni, T‑56/99, Ġabra p. II‑5225, punt 56).

87      Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni msemmi minn Dow, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 444 tad-deċiżjoni kkontestatata kif ukoll għall-premessa 19 tagħha għal dak li huwa l-kuntest fattwali tagħha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

88      Għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il‑Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86). L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni ipprovat l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, suffiċjentement skont il-liġi, jekk ikun għadu jippersisti dubju fil-ħsieb tagħha dwar din il-kwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 215).

89      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi prova mhux biss dwar l-eżistenza tal-akkordju, iżda wkoll it-tul ta’ żmien tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79; tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 55, u tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 36). Biex jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien ta’ ksur li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi ddeterminat it-tul ta’ żmien li matulu eżista dan il-ftehim, jiġifieri l-perijodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fih ġie tterminat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra. p. II‑3033, punt 185, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra. p. II‑4567, punt 138). Fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ mingħajr interruzzjoni bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 51).

90      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li Dow Deutschland ipparteċipat fil-ksur b’effett mill-1 ta’ Lulju 1996 (Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tirrileva li N. ġie kkollokat ma’ Dow Deutschland minn BSL mill-1 ta’ Lulju 1996, qabel ma sar impjegat ta’ Dow fl-1 ta’ Ottubru 1997 (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li BSL ipparteċipat fl-ewwel laqgħa tagħha tal-akkordju f’Mejju 1996, iżda li r-responsabbiltà ta’ Dow għall-aġir ta’ BSL ma tistax tiġi kkonstatata qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim kummerċjali bejn BSL u Dow, jiġifieri fl-1 ta’ Lulju 1996. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim kummerċjali bejn BSL u Dow, Dow “kompliet” tipparteċipa fl-akkordju. Il-Kummissjoni tirrileva f’dan ir-rigward li, matul il-laqgħa tal-akkordju tat-2 u t-3 ta’ Settembru 1996, N. irrappreżenta kemm lil BSL kif ukoll lil Dow. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-parteċipazzjoni ta’ Dow fil-ksur bdiet mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 1996 (premessa 444 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Għandu jiġi rrilevat li, barra l-kollokament ta’ N. minn BSL, il-Kummissjoni ma ssemmi ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li Dow Deutschland ipparteċipat fil-ksur bejn l-1 ta’ Lulju u t-2 ta’ Settembru 1996. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ma ressqet ebda element konkret li jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm konkordanza ta’ volontajiet bejn Dow Deutschland u l-membri l-oħra tal-akkordju bejn l-1 ta’ Lulju u t-2 ta’ Settembru 1996.

92      Barra minn hekk, mid-dokumenti diskussi ma jirriżultax li mmaterjalizzat manifestazzjoni ta’ volontà ta’ wieħed mill-membri tal-akkordju fil-konfront ta’ Dow Deutschland, li kellha għan antikompetittiv.

93      Issa, is-sempliċi fatt li impjegat ta’ kumpannija li pparteċipat f’akkordju jiġi kkollokat ma’ kumpannija oħra ma jistax jimplika, minnu nnifsu, li din l-aħħar kumpannija ssir awtomatikament membru tal-akkordju. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-impjegat inkwistjoni jiddeċiedi li ma jdaħħalx lill-kumpannija li magħha huwa jkun ikkollokat, fil-prattiki antikompetittivi jew li l-imsemmija kumpannija tieħu miżuri li jippermettu li jiġu evitati dawn it-tipi ta’ prattiki.

94      Barra minn hekk, l-indikazzjoni tal-Kummissjoni li Dow “kompliet” tipparteċipa fl-akkordju wara l-1 ta’ Lulju 1996 ma hijiex eżatta, peress li huwa paċifiku li Dow, fi kwalunkwe każ, qatt ma pparteċipat fil-ksur qabel dik id-data.

95      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pproduċietx prova li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju u t-2 ta’ Settembru 1996, Dow Deutschland kienet, permezz tal-informazzjoni miksuba minn N. fil-kuntest tal-funzjonijiet li kellu qabel, implementat il-ftehim konklużi fi ħdan l-akkordju u, għaldaqstant, ma aġixxietx b’mod awtonomu fis-suq. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li għalkemm il-ġurisprudenza rrikonoxxiet xi kultant li l-pussess ta’ informazzjoni tal-kompetituri seta’ jwassal biex l-impriża inkwistjoni titqies li ma kellhiex politika awtonoma fis-suq, anki jekk matul perijodu ta’ allegat irtirar minn akkordju, dak kien każ fejn l-imsemmija impriża kienet diġà pparteċipat f’dak l-akkordju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont id-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju u t-2 ta’ Settembru 1996, fir-rigward ta’ Dow Deutschland. Dow ma tikkontestax, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni ta’ Dow Deutschland fil-ksur b’effett mit-2 ta’ Settembru 1996.

97      L-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

98      Fir-rigward tal-premessi 166, 167 u 169 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, dawn jindikaw li N. pparteċipa, bħala rappreżentant ta’ Dow Deutschland u ta’ BSL, f’laqgħat tal-akkordju b’effett mit-2 u t-3 ta’ Settembru 1996. Dawn il-premessi ma jurux li N. pparteċipa f’attivitajiet tal-akkordju, f’isem Dow Deutschland, bejn l-1 ta’ Lulju u t-2 ta’ Settembru 1996.

99      Fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kurrenti tal-akkordju ma tiġix interrotta matul il-perijodu li fih ma hija prevista ebda laqgħa tal-akkordju u ebda implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-akkordju, din tapplika meta l-impriża inkwistjoni tkun diġà pparteċipat fl-attivitajiet tal-akkordju, li ma huwiex il-każ ta’ Dow Deutschland qabel il-laqgħa tat-2 u t-3 ta’ Settembru 1996. Għaldaqstant, Dow Deutschland ma tistax tiġi akkużata li ma tbegħditx minn akkordju li fih hija ma kinitx għadha pparteċipat.

100    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ u, skont it-talbiet ta’ Dow Deutschland f’dan ir-rigward, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jikkonstata li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni bdiet fl-1 ta’ Lulju 1996 minflok fit-2 ta’ Settembru 1996.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

101    It-tielet motiv ta’ Dow jinqasam f’disa’ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Dow tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żbalji fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. It-tieni sas-sitt parti rrigwardaw l-applikazzjoni ta’ trattament differenti għall-ammonti bażiċi tal-multi. Is-seba’ u t-tmien parti jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. Fil-kuntest tad-disa’ parti, Dow issostni li l-Kummissjoni wettqet żball fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

102    Dow ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ksur jista’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna fis-sens tal-linji gwida. Madankollu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jobbliga lill-Kummissjoni li tevalwa fid-dettall in-natura tal-ksur meta hija tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa fi ħdan il-kategorija tal-ksur serju ħafna.

103    F’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur ma kienx jirriżulta minn ftehim ippreparat u studjat bir-reqqa. Il-parteċipanti fl-akkordju ltaqgħu sempliċement b’mod informali, sa erba’ darbiet fis-sena, barra mil-laqgħat tas-sottokumitati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessi 94 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-każ, ma hemm ebda mekkaniżmu li s-soltu wieħed jiltaqa’ miegħu fl-akkordji żviluppati ħafna – bħalma huma l-mekkaniżmi ta’ kontroll jew ritaljazzjoni sistematika. Il-Kummissjoni tqis hija stess li ma kien hemm ebda ftehim sistematiku dwar il-prezzijiet (premessi 270 u 272 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn l-elementi, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, jersqu favur ammont bażiku tal-multa iktar baxx minn dak iffissat mill-Kummissjoni. Dow tirrileva li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq (punt 393), indikat li n-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ implementazzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, skont il-linji gwida, fid-dawl tal-gravità tal-ksur.

104    Dow iżżid tgħid li, skont it-tielet paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-Kummissjoni tista’ tittratta lill-impriżi b’mod differenti skont in-natura tal-ksur li huma wettqu fil-kategorija tal-ksur serju ħafna. Il-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

105    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-ammont inizjali tal-multa ġie ffissat skont id-daqs tas-suq tal-prodotti u skont in-natura tal-ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

106    Il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 465, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241).

107    Fost l-elementi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fil-konklużjoni tal-akkordju, il-profitt li huma setgħu jieħdu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Barra minn hekk, il-linji gwida jipprovdu, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura nnifisha tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq meta dan jista’ jitkejjel u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa għalhekk ikklassifikat fi tliet kategoriji, li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1A tal-linji gwida).

109    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat, l-ewwel nett, li l-impriżi kkonċernati kienu kkonkludew ftehim li jirrigwardaw il-miri ta’ prezzijiet kif ukoll it-tqassim tas-suq u kienu skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għall-Kummissjoni, dawn il-prattiki huma, min-natura tagħhom, ksur serju ħafna (premessa 461 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li ma kienx possibbli li jitkejjel l-impatt konkret tal-akkordju fis-suq taż-ŻEE. Il-Kummissjoni żiedet tgħid ukoll li, anki jekk ma kienx possibbli li jitkejjel l-impatt konkret tal-akkordju, il-ftehim inkwistjoni kienu ġew implementati mill-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, kellhom effett fis-suq. Il-Kummissjoni kkonkludiet billi ppreċiżat li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt fis-suq biex tistabbilixxi l-ammont tal-multi (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-ksur ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni seta’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna (premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata).

110    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ttrattat b’mod differenti lill-impriżi kkonċernati skont id-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom ta’ GB u GSB għas-sena 2001, li hija l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, ħlief għal Shell (sena 1998) u Stomil (sena 1999). Il-Kummissjoni kklassifikat lill-impriżi kkonċernati f’ħames kategoriji, fejn Dow kienet fit-tieni waħda (multa f’ammont inizjali ta’ EUR 41 miljun) (premessa 465 sa 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Dow ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ksur inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna fis-sens tal-linji gwida, iżda tikkontesta, min-naħa l-oħra, l-ammont inizjali tal-multa fejn tikkunsidra, b’mod partikolari, li l-akkordju inkwistjoni kien ikkaratterizzat bi grad debboli ta’ formaliżmu.

112    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 A tal-linji gwida, l-ammont tal-multa maħsub għal ksur serju ħafna huwa iktar minn EUR 20 miljun u għandu jiġi rrilevat li l-ammont inizjali tal-multa stabbilit għal Dow joħroġ minn ċertu numru ta’ elementi, u b’mod partikolari, l-ammont ta’ bejgħ ta’ GB u ta’ GSB magħmul minn din l-impriża fit-territorju taż-ŻEE fl-2001 (jiġifieri EUR 126.93 miljun – premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-rikors tagħha, Dow ma tikkontestax l-għan illegali tal-akkordju, kif imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod paritkolari fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, jiġifieri l-iffissar tal-miri ta’ prezzijiet, it-tqassim tas-suq u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għaldaqstant, fid-dawl tal-multipliċità u s-simultanjetà tal-għanijiet segwiti mill-akkordju, u minkejja li dan l-akkordju kien ikkaratterizzat minn grad debboli ta’ formaliżmu, huwa ma jagħtix prova ta’ grad għoli ta’ elaborazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 149). B’mod partikolari, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ mekkaniżmi vinkolanti li jistgħu jiżguraw l-osservanza u l-implementazzjoni prattika tal-ftehim, u jekk wieħed jippreżumi li l-allegazzjoni ta’ Dow f’dan ir-rigward ġiet ipprovata u li hija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, għandu jitfakkar li din tal-aħħar ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ksur inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna fis-sens tal-linji gwida. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-impriżi kkonċernati ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u li jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-kompetituri u l-klijenti. Barra minn hekk, l-akkordju inkwistjoni kopra t-territorju taż-ŻEE kollu. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-ammont tal-multa stabbilita għal Dow ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena kummerċjali preċedenti kif previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fejn dan il-limitu huwa intiż li jevita li l-impriża kkonċernata titpoġġa fl-impossibbiltà li tħallas il-multa inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami. F’din il-kawża, fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ssostni li ċ-ċirkustanza allegata minn Dow, anki jekk wieħed jippreżumi li ġiet ipprovata, ma taffettwawx l-ammont inizjali tal-multa stabbilita mill-Kummissjoni.

114    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it-tieni sas-sitt parti, ibbażati fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ trattament differenti għall-ammonti bażiċi tal-multi

 L-argumenti tal-partijiet

115    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv, Dow tirrileva li l-Kummissjoni tapplika trattament differenti għall-ammonti bażiċi tal-multi, sabiex “tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-effett reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, li “huwa impossibbli li jitkejjel l-impatt konkret fuq is-suq taż-ŻEE mill-kumpless ta’ ftehim li jikkostitwixxu l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni huma għaldaqstant kontradittorji. Meta l-effett ta’ ksur ma jkunx jista’ jitkejjel, bħalma hu dan il-każ ineżami, ma jkun hemm ebda raġuni biex il-multi individwali jkunu bbażati fuq l-allegata “kapaċità” li jikkawżaw dannu, kif issostni l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha. F’dan ir-rigward, ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għandu jinqara flimkien mas-sitt paragrafu tal-istess punt. Dow iżżid tgħid li, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑230/00, Ġabra p. II‑2733) u tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni (T‑329/01, Ġabra p. II‑3255), imsemmija mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, l-effett fis-suq kien ġie kkonstatat.

116    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, Dow tindika li, skont il-punt 1 A tal-linji gwida, il-Kummissjoni hija obbligata tevalwa l-“impatt reali” [impatt konkret] (fejn dan jista’ jkun ikkalkulat) tal-ksur fis-suq. Dan l-obbligu ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T‑224/00, Ġabra p. II‑2597), u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑279/02, Ġabra p. II‑897). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kejlitx l-effett reali tal-ksur fis-suq (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija kkonkludiet fl-istess premessa li l-ksur “kellu effettivament impatt fis-suq, anki jekk l-effett reali tiegħu huwa diffiċli li jitkejjel”. Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni (T‑241/01, Ġabra p. II‑2917), u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, jindikaw li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi l-effett reali ta’ ksur sempliċement billi tqis il-probabbiltà ta’ effett jew billi tipprova li l-ksur ġie implementat. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisitx il-probabbiltà ta’ effett u lanqas ma pprovat l-implementazzjoni ta’ ftehim antikompetittiv (minkejja li hija pprovat iġġib prova tal-implementazzjoni tal-ksur fil-kuntest tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). L-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“ftehim antikompetittivi ġew implementati mill-produtturi Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma hijiex korroborata bi prova. Il-premessi 148 u 203 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni tirreferi għalihom fl-iskritturi tagħha, bl-ebda mod ma juru l-eżistenza ta’ xi implementazzjoni, iżda biss tentattivi falluti, fosthom wieħed ma’ impriża li għaliha l-proċedura kienet ingħalqet (Dwory).

117    Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet motiv, Dow issostni li nkiser id-dritt għas-smigħ tagħha u tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kien fiha ċerti “provi ekonomiċi” li jikkonċernaw l-effetti tal-attivitajiet tal-ftehim. Madankollu, il-Kummissjoni rtirat id-dikjarazzjoni msemmija wara li ċerti impriżi kkonċernati, fosthom Dow, ikkontestaw il-valur probatorju tal-provi msemmija. It-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, ma fiha ebda prova f’dan ir-rigward. Lanqas ma fiha elementi li juru li implementazzjoni tal-ftehim antikompetittivi kellha effett fis-suq. Il-punti tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha ma humiex rilevanti f’dan ir-rigward. Konsegwentement, Dow ma kellhiex l-okkażjoni li tagħti fehmitha fuq l-eventwali effetti tal-akkordju fuq is-suq. Il-Kummissjoni ppreżumiet, madankollu, li l-akkordju kellu effett fis-suq meta hija rriżervat trattament differenti għad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

118    Fid-dawl tal-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ parti tat-tielet motiv, Dow iddeduċiet minnhom li l-Kummissjoni ma setgħetx tiffissa ammonti bażiċi differenti għall-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi ammont bażiku uniformi. Peress li l-ammont bażiku tal-multa ta’ Stomil ġie stabbilit fl-ammont ta’ EUR 5.5 miljuni u li dan l-ammont suppost jirrifletti l-gravità oġġettiva tal-akkordju, ma hemm ebda raġuni għaliex lil Dow għandu jiġi stabbilit ammont bażiku tal-multa li jkun ogħla.

119    Fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet motiv, li tressqet b’mod sussidjarju, Dow issostni li, kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni setgħet tapplika trattament differenti bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett reali fuq il-kompetizzjoni, hija bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Dow mill-bejgħ ta’ GB u GSB fl-2001. Il-Kummissjoni tinjora, b’dan il-mod, li d-dħul mill-bejgħ ta’ Dow żdied b’mod sinjifikattiv biss mix-xahar ta’ Ġunju 1999, meta akkwistat l-attività tal-“gomma sintetika” ta’ Shell. Matul madwar nofs it-tul tal-ksur, il-pożizzjoni ta’ Dow fis-suq kienet ħafna iktar dgħajfa. Dow tenfasizza li, fil-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Dow ma kinitx proprjetarja tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB ta’ Shell matul l-ewwel snin tal-ksur, biex tikkalkula ż-żieda marbuta mat-tul tal-ksur imsemmi, ħaġa li madankollu hija kwistjoni differenti. Dow iżżid tgħid li, fil-mument tat-teħid tal-attivitajiet ta’ Shell, hija ma kinitx informata bil-ksur u li, għaldaqstant, hija ma għandhiex tassumi responsabbiltà ikbar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, indikat li wieħed ma jistax jimputa lil kumpannija r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn kumpannija li hija tkun akkwistat meta l-ksur kien seħħ qabel dak l-akkwist, minħabba biss li l-akkwirenti kienet ipparteċipat hija stess fl-akkordju f’dak iż-żmien. Minn dan Dow tiddeduċi li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċaqliq fil-bejgħ anki fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, billi tibbaża ruħha fuq il-bejgħ magħmul minn Dow fl-1998 u fl-2001, u sussegwentement billi tikkalkula l-medja. Dow tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-bejgħ magħmul minnha fl-1998 kien ħafna inqas minn dak ta’ Shell. Bil-fatt li bbażat ruħha fuq il-bejgħ magħmul minn Dow fl-2001 għall-perijodu tal-ksur kollu, il-Kummissjoni wasslitha biex tisfa’ vittma ta’ diskriminazzjoni meta pparagunata ma’ Shell. Filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-1998 u l-metodu li hija tirrakkomanda, Dow tikkonkludi li l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi stabbilit, fir-rigward tagħha, għal EUR 32.4 miljun.

120    Fil-kuntest tas-sitt parti tat-tielet motiv, Dow issostni li, kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni setgħet tapplika trattament differenti bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, biex tieħu inkunsiderazzjoni l-effett reali fuq il-kompetizzjoni, jeħtieġ madankollu li jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni tat wisq piż lil dan l-element. Kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fattur l-iktar importanti biex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa huwa l-gravità oġġettiva (jew in-natura) tal-ksur. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat ammont bażiku tal-multa għal Dow sitt darbiet ikbar minn dak iffissat għal Stomil, u dan biss minħabba l-allegata differenza tal-effett reali tal-parteċipazzjoni ta’ Dow fil-ksur. Dan l-aspett jaħbi kompletament il-gravità tal-ksur bħala fattur li jidħol fil-kalkolu tal-multa filwaqt li, sakemm parteċipant ma kellux rwol speċjali, l-effett reali għandu jkun l-istess għall-impriżi kollha. Dow iżżid tgħid li, permezz tas-sitt parti tat-tielet motiv, hija ma tindirizzax l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, kif tipprova tagħti x’wieħed jifhem il-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha.

121    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni sas-sitt parti tat-tielet motiv jiġu miċħuda. Hija ssostni, essenzjalment, li hija ma wettqitx żball fl-applikazzjoni ta’ trattament differenti għall-ammonti bażiċi tal-multi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq it-tieni sar-raba’ parti tat-tielet motiv

122    Il-linji gwida jiddistingwu l-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida). Barra minn hekk, id-differenza magħmula bejn l-impriżi tikkonsisti f’li tiġi stabbilita, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju bl-għan tal-klassifikazzjoni tiegħu fil-kategorija adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 225; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T-410/03, Ġabra p. II-881, punt 360).

123    Issa, għandha ssir distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju, u l-impatt konkret tal-ksur imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida. F’dan l-aħħar każ, l-impatt konkret tal-ksur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, meta dan ikun jista’ jitkejjel, biex issir il-klassifikazzjoni tal-ksur fi ksur ftit serju, serju jew serju ħafna. Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, min-naħa tagħha, biex jiġu stabbiliti l-ammonti skont il-gravità tal-ksur.

124    Għaldaqstant, anki fin-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur li jista’ jitkejjel, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, u wara li tkun ikklassifikat il-ksur bħala ftit serju, serju jew serju ħafna, li tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

125    Konsegwentement, l-argumenti ta’ Dow li tressqu fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ parti tat-tielet motiv ma humiex tali li jaffettwaw il-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-kategorija rispettiva, jiġifieri dik ta’ ksur serju ħafna.

126    Fi kwalunkwe każ, kif ingħad fil-punt 113 iktar ’il fuq, fil-kuntest tar-rikors tagħha, Dow ma tikkontestax l-għan illegali tal-akkordju, kif imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, għall-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew għat-tqassim ta’ ishma mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi l-impatt konkret tal-ksur fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 75; ara wkoll is-sentenzi Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 178 u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 345). Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħidhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 103, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 147).

127    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-prattiki inkwistjoni kienu, min-natura tagħhom, ksur serji ħafna, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fis-suq. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward li, b’kuntrast ma’ dak li essenzjalment issostni Dow, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fis-suq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.

128    Fir-rigward tal-argument fejn jingħad li nkiser id-dritt għal smigħ ta’ Dow, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeħtieġ b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lill-impriża li hija tkun fi ħsiebha timponilha sanzjoni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun fiha l-elementi essenzjali kkonstatati fil-konfront tagħha, bħalma huma l-fatti akkużati, il-klassifikazzjoni li ngħatatilhom u l-provi li fuqhom tistrieħ il-Kummissjoni, sabiex dik l-impriża tkun f’pożizzjoni li effettivament tressaq l-argumenti tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontriha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Arbed vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għas-smigħ tal-impriżi meta hija tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi kontra l-impriżi kkonċernati, u li hija tiddikjara l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li tkun għamlet dan “intenzjonalment jew b’negliġenza”. B’dan il-mod, hija tkun qed tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra li tiġi imposta multa fuqhom (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 428; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 199, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 139). F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt tal-akkordju fis-suq biex tistabbilixxi l-gravità tal-ksur (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jkun hemm ebda ksur tad-dritt għal smigħ ta’ Dow f’dan ir-rigward.

129    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Dow li tressqu fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ parti tat-tielet motiv huma, fi kwalunkwe każ, infondati.

130    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni sar-raba’ parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

–       Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, invokata sussidjarjament

131    Id-differenza magħmula bejn l-impriżi tikkonsisti f’li tiġi ddeterminata, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Punt 1 A tal-linji gwida, il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju bl-għan tal-klassifikazzjoni tagħha fil-kategorija adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 225; ara wkoll is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 360). B’mod iktar partikolari, fir-rigward tas-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, dan jippermetti li jiġi kkunsidrat “il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt konkret tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni, partikolarment meta hemm disparità kunsiderevoli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”. F’dan il-kuntest, meta l-Kummissjoni taqsam f’kategoriji, hija għandha tosserva l-prinċipju tat-trattament ugwali li abbażi tiegħu huwa pprojbit li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 406; tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 219, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, point 324). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, tal-inqas, ikun proporzjonat fir-rigward tal-elementi meqjusa biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (sentenzi Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 106; tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 219, u Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 324). Konsegwentement, meta l-Kummissjoni taqsam l-impriżi kkonċernati f’kategoriji għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi, id-determinazzjoni tal-limiti għal kull kategorija hekk identifikata għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata (sentenzi CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’l fuq, punt 416, u Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 325). Fl-aħħar nett, hija ġurisprudenza stabbilita li, fost l-elementi għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jista’ jkun hemm, skont il-każ, il-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din setgħet teżerċita fis-suq. Minn banda, isegwi li l-Kummissjoni tista’, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u mhux eżatta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll tal-parti minn dak id-dħul mill-bejgħ li jiġi mill-bejgħ tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li, għaldaqstant, hija tali li tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu. Min-naħa l-oħra, jirriżulta li la lil ċifra waħda u lanqas lill-oħra ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta pparagunati mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni, b’mod li l-iffissar tal-ammont ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑175/05, Ġabra p. II-184, punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Dow tikkontesta speċifikament l-użu tad-dħul mill-bejgħ tagħha tal-2001 fir-rigward tal-GB u tal-GSB. Hija ssostni, essenzjalment, li dan id-dħul mill-bejgħ huwa inadegwat inkwantu d-dħul mill-bejgħ tagħha fis-swieq ikkonċernati evolva kunsiderevolment wara l-akkwist tal-attivitajiet ta’ Shell fis-swieq imsemmija li seħħ fl-1999.

133    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, inkwantu wieħed għandu jibbaża fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi involuti fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu l-iktar paragunabbli possibbli. Minn dan jirriżulta li impriża partikolari tista’ teħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq perijodu differenti minn dak li ġeneralment jiġi kkunsidrat biss jekk hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet tagħha stess, indikazzjoni tad-daqs veru u tas-saħħa ekonomika tagħha u lanqas tal-portata tal-ksur li hija wettqet (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 142).

134    Issa, Dow ma tipproduċi ebda prova ddettaljata, ħlief għal ċertu ċaqliq fid-dħul mill-bejgħ tagħha bejn l-1999 u l-2001, biex turi li d-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2001 għall-GB u l-GSB ma jikkostitwixxix indikazzjoni tad-daqs veru tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha u lanqas tal-portata tal-ksur li hija wettqet.

135    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li l-effett reali tal-akkwist tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB ta’ Shell fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Dow ma huwiex ċert fid-dawl tal-elementi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, mit-tabella 3 jirriżulta li hemm fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata li d-dħul mill-bejgħ ta’ Dow għall-GB u l-GSB żdied bi EUR 32 miljun bejn l-1998 u s-sena 2000, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ ta’ Shell kien ta’ EUR 86 miljun fl-1999. Fl-istess ħin, id-dħul mill-bejgħ ta’ Bayer għall-GB u l-GSB, li ma ħaditx l-attivitajiet ta’ kumpannija oħra, żdied bi kważi EUR 20 miljun. Barra minn hekk, id-dħul mill-bejgħ ta’ Dow għall-GB u l-GSB żdied ukoll b’iktar minn EUR 23 miljun bejn is-sena 2000 u l-2001, jiġifieri wara li kien seħħ l-akkwist tal-attivitajiet ta’ Shell.

136    Barra minn hekk, iċ-ċaqliq fid-dħul mill-bejgħ ta’ Dow wara l-akkwist tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB ta’ Shell, fl-1999, ma wassalx biex biddel il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kompetituri l-oħra. Fil-fatt, Dow baqgħet, fis-sena 2000 u fl-2001, fit-tielet post f’termini ta’ dħul mill-bejgħ, wara EniChem u Bayer. L-istess jiġri kieku kellu jintuża l-metodu ssuġġerit minn Dow waqt is-seduta, jiġifieri l-medja tad-dħul mill-bejgħ tal-1998 u tal-2001. Fil-fatt, f’dan il-każ, Dow tibqa’ wara EniChem u Bayer u quddiem Shell.

137    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni madankollu s-sitwazzjoni partikolari invokata minn Dow fil-kuntest taż-żieda li ġiet applikata biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata, li Dow Chemical kellha tinżamm responsabbli għall-ksur għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002, jiġifieri perijodu ta’ sitt snin u erba’ xhur. Issa, dan it-tul ta’ ksur għandu jwassal għal żieda fl-ammont inizjali tal-multa ta’ 60 %. Madankollu, biex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Dow ma kinitx proprjetarja tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB ta’ Shell matul l-ewwel tliet snin tal-ksur u l-fatt li Shell kienet responsabbli tal-ksur ukoll għal dak il-perijodu, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li żżid l-ammont inizjali tal-multa ta’ Dow Chemical b’50 % biss. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-istess ċirkustanzi meta naqqset iż-żieda applikabbli, biex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, li jikkonċerna lil Dow Deutschland, minn 50 għal 40 % (premessa 480 tad-deċiżjoni kkontestata). Dow ma tipproduċi ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-għażla ta’ dan il-metodu.

138    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-ħames parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq is-sitt parti tat-tielet motiv

139    Għalkemm l-argumenti mressqa minn Dow ma humiex ċari, mill-iskritturi tagħha jista’ jiġi dedott li hija ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni tat wisq importanza lill-“piż speċifiku” tal-impriżi membri fl-akkordju, meta pparagunat mal-“gravità” tal-ksur. Għaldaqstant, id-differenza magħmula mill-Kummissjoni bejn l-impriżi kkonċernati, meta l-gravità tal-ksur hija identika għal kulħadd, ma hijiex ġustifikata.

140    Għandu jiġi kkunsidrat li Dow tinvoka, fil-fatt, ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Issa, hija ma tikkontestax l-eżistenza ta’ differenzi, kultant anki sostanzjali, bejn l-impriżi kkonċernati, fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom ta’ GB u GSB, għas-snin ikkonstatati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, mis-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jirriżulta ċar, li l-Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont tal-multa biex tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriża.

141    Għaldaqstant, meta ffissat l-ammont inizjali tal-multa f’livell ogħla għal impriżi li għandhom parti mis-suq relattivament ikbar mill-oħrajn fis-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-influwenza effettiva li l-impriża kienet teżerċita fuq dan is-suq. Fil-fatt, dan l-element huwa l-espressjoni tal-livell ta’ responsabblità ogħla ta’ impriżi li għandhom parti mis-suq relattivament ikbar minn dik tal-oħrajn fis-suq ikkonċernat mid-dannu li jsir lill-kompetizzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-konsumaturi meta jiġi konkluż akkordju sigriet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 230).

142    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-sitt parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)     Fuq is-seba’ u t-tmien parti, ibbażati fuq l-applikazzjoni illegali ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

 L-argumenti tal-partijiet

143    Fil-kuntest tas-seba’ parti tat-tielet motiv, Dow issostni li, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tiġi indirizzata lil Dow Chemical (l-ewwel motiv), il-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ din il-kumpannija biex tistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, iżda biss dak tas-sussidjarji ta’ Dow Chemical li kienu pparteċipaw direttament fil-ksur. Minn dan Dow tiddeduċi li l-Kummissjoni kellha tapplikalha koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni qrib il-wieħed. Il-multi imposti fuq it-tliet kumpanniji tal-grupp tagħha għandhom għaldaqstant jitnaqqsu.

144    Fil-kuntest tat-tmien parti tat-tielet motiv, Dow issostni li, anki kieku d-dħul mill-bejgħ ta’ Dow Chemical kellu jiġi kkonstatat, il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.75 magħżul mill-Kummissjoni huwa eċċessiv. Meta pparagunat mal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat għal EniChem (2) u dak applikat għal Shell (3), il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat għal Dow għandu jkun iktar baxx, u dan meħud kont tad-dħul mill-bejgħ ħafna ikbar taż-żewġ kumpanniji msemmija iktar ’il fuq. B’mod partikolari, Dow tenfasizza li l-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal Shell li huwa differenti, meta pparagunat ma’ dak applikat lilha, b’ħames darbiet iktar mid-differenza bejn il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ Dow u dak ta’ Bayer. Madankollu, id-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Shell u dak ta’ Dow hija 20 darba ikbar mid-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Dow u dak ta’ Bayer. Barra minn hekk, b’riferiment għas-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, u Degussa vs Il‑Kummissjoni (punt 116 iktar ’il fuq), Dow issostni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġiex osservat, inkwantu hemm differenza ta’ 0.25 biss bejn il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni stabbilit fil-każ tagħha u dak ta’ EniChem, fejn din l-aħħar kumpannija għandha dħul mill-bejgħ bejn wieħed u ieħor id-doppju ta’ dak ta’ Dow Chemical. Bħala paragun, il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ Dow jitla’ għal 0.25 iktar minn dak ta’ Bayer, mentri d-dħul mill-bejgħ ta’ Dow Chemical ma jiġix id-doppju ta’ dak ta’ Bayer. Għaldaqstant, il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ Dow kellu jkun iktar qrib minn dak ta’ Bayer, jiġifieri iktar qrib il-1.5. F’dan il-każ ukoll, il-multi imposti lil Dow għandhom għaldaqstant jitnaqqsu.

145    Il-Kummissjoni titlob li s-seba’ u t-tmien parti tat-tielet motiv jiġu miċħuda. Hija ssostni li hija ma wettqitx żball fl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

146    Fir-rigward tas-seba’ parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow, din hija bbażata fuq l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv. Peress li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, għandha tiġi miċħuda, konsegwentement, is-seba’ parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow bħala li hija wkoll infondata.

147    Fir-rigward tat-tmien parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow, għandu jitfakkar li l-linji gwida jipprovdu li, barra n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq u d-daqs ġeografiku tas-suq tiegħu, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiżgura effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida).

148    Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi waħda mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljenza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi d-dmir li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika fir-rigward tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punti 105 u 106; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 166, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 169).

149    Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunata ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, ta’ multa proporzjonalment iktar għolja minn dik li jissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 241 u 243; ara, ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 170, u tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p-II‑497, punt 235).

150    Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’mod partikolari, ir-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa fl-akkordju sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Sarrió vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punti 85 u 86, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, C‑57/02 P, Ġabra p. I‑6689, punti 74 u 75; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 17).

151    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tfittex fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-ŻEE. Isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet “multiplikatur ta’ dissważjoni” li bih tkun ġiet miżjuda l-multa imposta fuq impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punti 23 u 24).

152    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li, fi ħdan il-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala ta’ sanzjonijiet kienet tippermetti li jiġi stabbilit l-ammont tal-multi f’livell li jiżgura n-natura suffiċjentement dissważiva, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ kull impriża. Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati, li sar fis-sena 2005, il-Kummissjoni rrilevat li kien hemm differenza kbira fid-daqs bejn Kaučuk (EUR 2 718 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u Stomil (EUR 38 miljun ta’ dħul mill-bejgħ), minn naħa waħda, u l-impriżi kkonċernati l-oħra, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari Bayer (EUR 27 383 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), jiġifieri l-ewwel waħda mill-impriżi ta’ daqs kbir imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Abbażi ta’ dan, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kellu jiġi impost ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv fuq Kaučuk u Stomil u, fir-rigward ta’ Bayer, kien xieraq li jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5. Fl-aħħar nett, dejjem abbażi ta’ dan u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni imponiet koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.75 lil Dow (EUR 37 221 biljun ta’ dħul mill-bejgħ), ta’ 2 lil EniChem (EUR 73 738 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) u ta’ 3 lil Shell (EUR 246 549 biljun ta’ dħul mill-bejgħ) (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata).

153    Inkwantu bl-argumenti tagħha, Dow tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi indikat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv adottati mill-Kummissjoni ġew stabbiliti skont id-daqs li jirrigwarda l-impriżi kkonċernati. Issa, Dow ma tikkontestax id-dħul mill-bejgħ imsemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija ma tikkontestax li hija kienet, fl-2005, impriża ta’ daqs ħafna ikbar minn Bayer u ħafna iżgħar minn EniChem. Għaldaqstant, huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv użat għall-kalkolu tal-multi imposti fuq Dow ikun ogħla minn dak użat għall-kalkolu tal-multa imposta fuq Bayer u iktar baxx minn dak użat għall-kalkolu tal-multa imposta lil EniChem.

154    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dħul mill-bejgħ dinji tas-sena 2005 kien ta’ EUR 27 383 biljun għal Bayer u ta’ EUR 37 221 biljun għal Dow (jiġifieri 35.93 % iktar minn Bayer). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relatat mal-multi ta’ Dow żdied b’16.66 % meta pparagunat ma’ dak użat għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ta’ Bayer (1.75 kontra 1.5) ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet, fuq din il-bażi, tuża koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni saħansitra ogħla għal Dow. Mill-bqija u inkwantu, bl-argumenti tagħha, Dow tistieden lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-legalità tal-ammonti tal-multi stabbiliti għall-impriżi l-kbar li magħhom Dow tagħmel paraguni, b’mod partikolari fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni adottat fir-rigward ta’ EniChem, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni adottat għal Dow ġie kkalkulat abbażi tal-koeffiċjent adottat għal Bayer u mhux abbażi tal-koeffiċjenti adottati għal EniChem jew Shell. L-argumenti ta’ Dow huma għaldaqstant ineffettivi f’dan ir-rigward. Iktar minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u ma hijiex obbligata tapplika formola matematika preċiża (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx, għaldaqstant, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni d-differenza fil-kapaċità ekonomika tal-impriżi kkonċernati fl-għażla tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni li hija applikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 155).

155    Fl-aħħar nett, inkwantu, permezz tal-argumenti tagħha, Dow tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tipproduċi ebda prova ddettaljata li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni adottat fil-konfront tagħha huwa sproporzjonat fir-rigward tal-gravità tal-ksur u mal-għan li jiġi żgurat li l-multi jkunu ta’ natura dissważiva.

156    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tmien parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

d)     Fuq id-disa’ parti, ibbażata fuq żball fiż-żieda marbuta mat-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

157    Fil-kuntest tad-disa’ parti tat-tielet motiv, Dow tfakkar li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma kinitx proprjetarja tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB ta’ Shell matul l-ewwel snin tal-ksur biex tikkalkula ż-żieda marbuta mat-tul tal-ksur. Il-Kummissjoni tapplika għaldaqstant żieda għall-ksur ta’ dewmien twil, ta’ 50 % flok ta’ 60 % lil Dow Chemical u ta’ 40 % flok ta’ 50 % lil Dow Deutschland (premessi 479 u 480 tad-deċiżjoni kkontestata).

158    Dow issostni madankollu li l-Kummissjoni kellha tapplika perċentwali iktar baxxi. Filwaqt li ppremettiet li kull sena ta’ ksur kienet tiġġustifika żieda ta’ 10 % u peress li l-attività tal-“gomma sintetika” ta’ Dow kienet iktar milli rduppjat bl-akkwist tal-attività ta’ Shell wara madwar tliet snin, il-Kummissjoni kellha tapplika tnaqqis ta’ 5 % kull sena għal kull waħda mit-tliet snin ikkonċernati, jiġifieri tnaqqis totali ta’ 15 %. Peress li l-Kummissjoni kellha normalment iżżid b’60 % l-multa ta’ Dow Chemical u b’50 % l-multa ta’ Dow Deutschland, iż-żieda xierqa għal ksur fit-tul titla’ għal 45 % għal Dow Chemical u għal 35 % għal Dow Deutschland. Konsegwentement, il-multi li Dow Chemical u Dow Deutschland ġew ikkundannati jħallsu għandhom jitnaqqsu.

159    Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija għamlet paragun bejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Dow Chemical fl-1998 u fis-sena 2000, Dow issostni li dan il-paragun ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-attività tal-“gomma sintetika” ta’ Dow naqas matul is-snin 1999 u s-sena 2000. Konsegwentement, iż-żieda fid-dħul mill-bejgħ fis-sena 2000, li tirriżulta mill-akkwist tal-attività tal-“gomma sintetika” ta’ Shell, kienet ogħla mid-differenza ta’ 30 % bejn id-dħul mill-bejgħ tal-1998 u dak magħmul fis-sena 2000. Fil-fatt, bl-akkwist tal-attività tal-“gomma sintetika” ta’ Shell, id-dħul mill-bejgħ ta’ Dow fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni żdied b’iktar mid-doppju. Dow tirreferi, b’mod partikolari, għad-dħul mill-bejgħ magħmul minn Dow u Shell, għall-prodotti inkwistjoni, għas-sena 1998. Għaldaqstant, flok iżżid il-multa b’7 % għal kull waħda mill-ewwel tliet snin tal-ksur, kif tindika l-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, hija kellha żżid il-multa b’massimu ta’ 5 % għal kull waħda minn dawn is-snin.

160    Il-Kummissjoni titlob li d-disa’ parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-metodu applikat biex jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tibdil fl-istruttura ta’ Dow huwa koerenti u loġiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

161    Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta lill-impriżi ħatja ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

162    Għal dak li jikkonċerna l-fattur li jirrigwarda t-tul tal-ksur, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur ta’ dewmien qasir (ġeneralment ta’ inqas minn sena), li għalih l-ammont inizjali stabbilit skont il-gravità ma għandux jiżdied, il-ksur ta’ dewmien medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiżdied b’50 %, u l-ksur għal żmien twil (ġeneralment iktar minn ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiżdied kull sena b’10 % (l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-ewwel paragrafu tal-punt 1B tal-linji gwida).

163    F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 137 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest taż-żieda applikata biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, is-sitwazzjoni partikolari marbuta mal-akkwist minn Dow tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-GB u l-GSB ta’ Shell, fl-1999. Dow ma tikkontestax il-metodu adottat mill-Kummissjoni li huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni partikolari. L-argumenti ta’ Dow huma intiżi essenzjalment li jistabbilixxu li l-imsemmija sitwazzjoni partikolari kellha twassal għal żieda li hija iktar baxxa biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur. Issa, anki jekk wieħed jippreżumi li l-argumenti ta’ Dow jistgħu effettivament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni, dawn huma bbażati fuq premessi fattwali li huma kemm inċerti, jew anki żbaljati, u kif ukoll ma humiex ikkorroborati bi provi. B’mod partikolari, Dow issostni li l-attività tal-“gomma sintetika” żdiedet għal iktar mid-doppju bl-akkwist tal-attività ta’ Shell wara madwar tliet snin. Barra mill-fatt li din l-affermazzjoni ma hijiex ibbażata fuq prova ddettaljata, għandu jiġi rrilevat li d-dħul mill-bejgħ ta’ Dow għall-GB u l-GSB, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, ma rdoppjax bejn l-1998 u l-2001. Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjoni ta’ Dow li d-dħul mill-bejgħ mill-attività tal-“gomma sintetika” ta’ Dow naqas matul is-snin 1999 u 2000, din ma hija kkorroborata b’ebda prova.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Dow ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

165    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-disa’ parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

166    Minn dawn il-motivi kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Dow Deutschland fil-ksur inkwistjoni b’effett mill-1 ta’ Lulju 1996 flok it-2 ta’ Settembru 1996, u li l-bqija tat-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

167    Inkwantu l-motivi invokati minn Dow li tressqu insostenn tat-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tat-tieni motiv, li għandu jintlaqa’, ma hemmx lok li jinbidel l-ammont tal-multa inkwistjoni peress li, kif irrikonoxxiet ukoll Dow waqt is-seduta, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni ma jistax ikollu impatt fuq iż-żieda li ġiet applikata biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur.

168    Għal dak li jirrigwarda l-motivi l-oħra invokati minn Dow, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, dawn il-motivi ma humiex iġġustifikati u, konsegwentement, ma jistgħux iwasslu għal tnaqqis tal-multa.

169    Konsegwentement, it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

171    Peress li r-rikors ġie miċħud fil-parti essenzjali tiegħu, il-Qorti Ġenerali tagħmel evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi tiddeċiedi li r-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż tagħha.

172    Fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż li huma nefqu biex jagħtu garanzija bankarja li tkopri l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-ispejjeż ma humiex spejjeż indispensabbli mħallsa mill-partijiet għall-finijiet tal-proċeduri u għaldaqstant ma jifformawx parti mill-ispejjeż li jistgħu jinġabru fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, it-talba tar-rikorrenti f’dan ir-rigward hija inammissibbli.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 - gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), huwa annullat sa fejn jistipula li Dow Deutschland Inc. ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001 minflok mit-2 ta’ Settembru 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      The Dow Chemical Company, Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH u Dow Europe GmbH huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll 90 % mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż tagħha.

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.


Firem








Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni illegali tal-ksur lil Dow Chemical

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju żbaljat għall-imputabbiltŕ tal-ksur lill-kumpannija parent

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-konfutazzjoni min-naħa ta’ Dow Chemical, tal-preżunzjoni li għandha kontriha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Dow Deutschland fil-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti ta’ Dow

L-argumenti tal-Kummissjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni sas-sitt parti, ibbażati fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ trattament differenti għall-ammonti bażiċi tal-multi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq it-tieni sar-raba’ parti tat-tielet motiv

–  Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, invokata sussidjarjament

–  Fuq is-sitt parti tat-tielet motiv

c)  Fuq is-seba’ u t-tmien parti, ibbażati fuq l-applikazzjoni illegali ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

d)  Fuq id-disa’ parti, ibbażata fuq żball fiż-żieda marbuta mat-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-talbiet għat-tibdil fl-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.