Language of document : ECLI:EU:T:2012:584

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Novembru 2012 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Sptarijiet pubbliċi – Sussidji mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani lill-isptarijiet pubbliċi li jiffurmaw parti mill-assoċjazzjoni IRIS – Deċiżjoni fi tmiem il-fażi preliminari – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Proporzjonalità tal-kumpens għas-servizz pubbliku”

Fil-Kawża T‑137/10,

Coordination bruxelloise d’institutions sociales et de santé (CBI), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, C. Urraca Caviedes u S. Thomas, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat inizjalment minn M. Noort u M. de Ree, sussegwentement minn M. Noort, C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

minn

Région de Bruxelles-Capitale (il-Belġju),

Commune d’Anderlecht (il-Belġju),

Commune d’Etterbeek (il-Belġju),

Commune d’Ixelles (il-Belġju),

Ville de Bruxelles (il-Belġju) u

Commune de Saint-Gilles (il-Belġju),

irrappreżentati minn P. Slegers u A. Lepièce, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8120, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 54/09 mogħtija mir-Renju tal-Belġju favur il-finanzjament tal-isptarijiet pubbliċi tan-netwerk IRIS tar-Région de Bruxelles-Capitale (Reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Renju tal-Belġju huwa Stat Federali li jinkludi tliet reġjuni, ir-reġjun ta’ Vlaanderen, ir-reġjun ta’ Wallonie u r-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, dan tal-aħħar huwa maqsum fi 19-il komun.

2        Ir-Région de Bruxelles-Capitale kellu, fl-2005, madwar 8 900 sodda ta’ sptarijiet, li minnhom madwar 67 % kienu ġġestiti mill-isptarijiet privati.

3        Ir-rikorrenti, il-Coordination bruxelloise d’institutions sociales et de santé (CBI) hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Belġjan li tiġbor fi ħdana disa’ sptarijiet privati stabbiliti fir-Région de Bruxelles-Capitale u li tiġġestixxi 2 708 soddod ta’ sptarijiet.

4        L-Interhospitalière régionale des infrastructures de soins (IRIS) hija assoċjazzjoni ewlenija rregolata mid-dritt Belġjan li tiġbor fi ħdana ħames assoċjazzjonijiet rregolati mid-dritt pubbliku li jiġġestixxu, min-naħa tagħhom, il-ħames sptarijiet pubbliċi ġenerali tar-Région de Bruxelles-Capitale (iktar ’il quddiem l-“isptarijiet IRIS”), li jirrappreżentaw madwar 2 400 sodda tal-isptar tar-reġjun.

 Il-kuntest ġuridiku Belġjan

 Il-liġi kkoordinata dwar l-isptarijiet

5        L-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ sptarijiet li kull sptar għandu, irrispettivament minn jekk huwiex wieħed pubbliku jew privat, kienu rregolati, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, mil-Liġi dwar l-isptarijiet, ikkoordinata fis-7 ta’ Awwissu 1987 (iktar ’il quddiem il-“LCH”).

6        Il-LCH tiddefinixxi, b’mod partikolari, l-entitajiet kkunsidrati bħala sptarijiet u t-tip ta’ sptarijiet irrikonoxxuti bħala dawk li huma eliġibbli sabiex jipprovdu servizzi, il-kundizzjonijiet għall-ġestjoni ta’ sptar u l-istruttura tal-attività medika, l-ippjanar tal-isptarijiet, ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-isptarijiet u tas-servizzi tal-isptarijiet

7        Fir-rigward tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni tal-isptarijiet u tas-servizzi tal-isptarijiet, il-LCH hija kkompletata, b’mod partikolari, bid-digrieti rjali tat-23 ta’ Ottubru 1964 (Moniteur belge tas-7 ta’ Novembru 1964) u tat-30 ta’ Jannar 1989 (Moniteur belge tal-21 ta’ Frar 1989, p. 2967).

 Il-liġi organika taċ-CPAS

8        Iċ-centres publics d’action sociale (CPAS) huma entitajiet pubbliċi stabbiliti bil-liġi organika tat-8 ta’ Lulju 1976 (Moniteur belge tal-5 ta’ Awwissu 1976, p. 9876, iktar ’il quddiem il-“liġi organika taċ-CPAS”).

9        L-Artikolu 57 tal-liġi organika taċ-CPAS jippreċiża kif ġej:

“Iċ-CPAS għandhom il-kompitu li jiżġuraw li l-persuni u l-familji jingħataw l-għajnuna dovuta mill-kommunità. Huma jiżguraw mhux biss għajnuna li tnaqqas l-uġigħ jew li tfejjaq, iżda wkoll għajnuna preventiva […] Din l-għajnuna tista’ tkun materjali, medika, medika-soċjali jew psikoloġika.”

 In-netwerk ta’ sptarijiet pubbliċi ta’ Brussell

10      Qabel l-1996, in-netwerk ta’ sptarijiet pubbliċi ta’ Brussell kien magħmul minn sptarijiet, li ma kellhomx personalità ġuridika, iġġestiti miċ-CPAS

11      Wara r-ristrutturazzjoni tiegħu, fl-1 ta’ Jannar 1996, l-isptarijiet pubbliċi tal-Brussell kisbu l-awtonomija ġuridika u baġitarja u ġew ittrasformati f’assoċjazzjonijiet tad-dritt pubbliku rregolati mil-liġi organika taċ-CPAS. Il-komuni u ċ-CPAS rispettivament għandhom il-maġġoranza tas-siġġijiet fl-assemblej ġenerali tagħhom u fil-kunsilli ta’ amministrazzjoni tagħhom.

12      Il-ħames sptarijiet pubbliċi ġenerali ta’ Brussell huma miġbura flimkien fi ħdan l-IRIS, assoċjazzjoni tad-dritt pubbliku rregolata mill-Kapitolu XIIa tal-liġi organika taċ-CPAS li teżerċita superviżjoni fir-rigward tal-isptarijiet ikkonċernati. Fl-assemblea ġenerali tagħha u fil-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha, huma rrappreżentati l-komuni ta’ Brussell u ċ-CPAS ikkonċernati, l-assoċjazzjonijiet tat-tobba, l-Université libre de Bruxelles (ULB) u l-Vrije Universiteit Brussel (VUB).

13      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 135b tal-liġi organika taċ-CPAS jipprovdi:

“Tista’ tiġi maħluqa assoċjazzjoni ewlennija li hija intiża […] sabiex tiżgura t-tmexxija u l-ġestjoni ġenerali tal-attività eżerċitata fil-qasam tal-isptarijiet mill-assoċjazzjonijiet lokali. It-tmexxija u l-ġestjoni ġenerali tal-attivitajiet tal-isptar jinkludu, b’mod partikolari, setgħa ġenerali ta’ koordinazzjoni u ta’ integrazzjoni tal-politika li l-assoċjazzjonijiet lokali għandhom isegwu permezz tad-determinazzjoni, mill-assoċjazzjoni ewlennija, minn naħa, tal-istrateġija ġenerali u tal-istabbiliment tal-politika tal-isptarijiet u, min-naħa l-oħra, tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ din l-istrateġija, setgħa ta’ kontroll, u jekk ikun il-każ, ta’ sostituzzjoni fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet lokali sabiex tiġi żgurata u ggarantita l-implementazzjoni tal-istrateġija ġenerali u ta’ stabbiliment iddefinita mill-assoċjazzjoni ewlennija, b’mod partikolari, fl-oqsma finanzjarji u baġitarji, fil-qasam ta’ programmazzjoni u ta’ organizzazzjoni tal-attivitajiet mediċi kif ukoll fis-setturi tal-loġistika u tal-investimenti.”

 Il-finanzjament tal-isptarijiet

–       Miżuri applikabbli għall-isptarijiet kollha

14      L-isptarijiet Belġjani kollha jirċievu ammonti mingħand l-assigurazzjoni għall-mard u l-invalidità għall-kura mogħtija, skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, kif ukoll ammonti li jirriżultaw mill-ħlas lura tal-onorarji kollha jew parzjali tat-tobba tal-isptar, skont l-Artikoli 130 sa 140 tal-LCH.

15      Skont il-LCH, l-isptarijiet kollha jibbenefikaw ukoll minn finanzjament tal-ispejjeż ta’ ġestjoni sostnuti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet imsemmija fil-LCH, permezz ta’ “baġit tar-riżorsi finanzjarji” (iktar ’il quddiem il-“BMF”), iffissat annwalment għal kull sptar mill-Ministru Federali kompetenti, skont il-kundizzjonijiet iddefiniti mid-digriet irjali tal-25 ta’ April 2002 dwar l-iffissar u l-likwidazzjoni tal-BMF tal-isptarijiet (Moniteur belge tat-30 ta’ Mejju 2002, p. 23593).

16      Skont id-digriet irjali tal-25 ta’ April 2002, il-BMF jinkludi taqsima “B8”, intiża sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi ġġenerati mill-isptar li l-pazjenti tiegħu jiffurmaw parti minn livell soċjo-ekonomiku modest ħafna. Għaldaqstant, ammont speċifiku huwa maqsum bejn l-isptarijiet f’sitwazzjoni diffiċli skont ċerti kriterji ddefiniti minn qabel, relatati, essenzjalment, mal-kwota li tikkorrispondi man-numru ta’ dħul tal-pażjenti soċjalment u ekonomikament vulnerabbli meta mqabbel man-numru totali ta’ dħul

–       Il-finanzjament skont l-Artikolu 109 tal-LCH

17      Minbarra l-finanzjament fil-kuntest tal-BMF, l-Artikolu 109 tal-LCH jipprevedi l-kopertura tad-defiċit eventwali fil-kontijiet ta’ ġestjoni tal-isptarijiet iġġestiti minn CPAS jew minn assoċjazzjonijiet previsti fl-Artikolu 118 tal-liġi organika taċ-CPAS.

18      Il-kriterji ta’ din il-kopertura huma stabbiliti minn digrieti irjali, b’mod partikoli, id-digriet irjali tat-8 ta’ Diċembru 1986 (Moniteur belge tat-12 ta’ Diċembru 1986, p. 17023) abrogat b’dak tat-8 ta’ Marzu 2006 (Moniteur belge tat-12 ta’ April 2006, p. 20232). L-Artikolu 109 tal-LCH jippermetti, b’mod partikolari, li jiġi kopert id-defiċit tal-isptarijiet li jirriżulta mill-assistenza lil pazjenti fil-bżonn ta’ għajnuna soċjali, sa fejn din ma hijiex suffeċjentament iffinanzjata fil-kuntest tal-parti “B8” tal-BMF.

–       Il-miżuri speċifiċi applikabbli għall-isptarijiet IRIS

19      L-obbligu ta’ finanzjament li jirriżulta mill-Artikolu 109 tal-LCH, li l-awtoritajiet lokali ta’ Brussell għandhom, huwa żgurat mir-Région Bruxelles-Capitale.

20      Mekkaniżmu ta’ finanzjament relatat ma’ dan l-obbligu huwa previst mid-digriet tar-Région Bruxelles-Capitale tat-2 ta’ Mejju 2002, li jemenda d-digriet tat-8 ta’ April 1993 li joħloq il-fond reġjonali ta’ Brussell ta’ finanzjament mill-ġdid tat-teżori komunali (FRBRTC) (Moniteur belge tat-22 ta’ Mejju 2002, p. 21682).

21      Barra minn hekk, il-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali speċifiku għall-isptarijiet IRIS huwa previst mid-digriet tar-Région Bruxelles-Capitale tat-13 ta’ Frar 2003 li jagħti sussidji speċjali lill-komuni tar-Région de Bruxelles-Capitale (Moniteur belge tal-5 ta’ Mejju 2003, p. 24098, iktar ’il quddiem id-“digriet tat-13 ta’ Frar 2003”). Dan jistabbilixxi sussidju speċjali, deċiż fuq bażi annwali, favur il-komuni għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ interess komunali.

 Il-proċedura amministrattiva

22      Fis-7 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti u l-Association bruxelloise des institutions de soins privées (ABISP) ressqu quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilment dwar allegata għajnuna mill-Istat mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani fil-kuntest tal-finanzjament tal-isptarijiet IRIS.

23      Informazzjoni addizzjonali ġiet ikkomunikata mil-lanjanti lill-Kummissjoni u diversi kuntatti u laqgħat seħħew matul is-snin 2006, 2007 u 2008. Fuq talba tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju, fis-27 ta’ Ottubru, fis-6 ta’ Diċembru  2006, fit-22 ta’ Marzu 2007 u fit-23 ta’ Settembru 2008 ġiet ikkomunikata informazzjoni mill-awtoritajiet Belġjani lill-Kummissjoni. Dawn il-komunikazzjonijiet ġew ikkompletati permezz ta’ skambji informali.

24      Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Jannar u tal-10 ta’ April 2008, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti u lill-ABISP li ma kienx hemm motivi suffiċjenti sabiex jitkompla l-eżami tal-miżuri indikati fl-ilment tagħhom.

25      Fil-25 ta’ Marzu u fl-20 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti u l-ABISP ippreżentaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorsi għall-annullament tal-allegati deċiżjonijiet li jinsabu fl-imsemmija ittri (Kawżi T‑128/08 u T‑241/08). B’digriet tal-5 ta’ Mejju 2010, CBI u ABISP vs Il-Kummissjoni (T‑128/08 u T‑241/08, mhux ippubblikati fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tittieħed deċiżjoni dwar l-imsemmija rikorsi.

26      Permezz ta’ Deċiżjoni C (2009) 8120, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 54/09 mogħtija mir-Renju tal-Belġju favur il-finanzjament tal-isptarijiet pubbliċi tan-netwerk IRIS tar-Région de Bruxelles-Capitale (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni fit-tmiem tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE.

27      Fl-24 ta’ Marzu 2010, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata b’mod sommarju fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 74, p. 1), b’riferiment għas-sit internet tal-Kummissjoni li jippermetti l-aċċess għat-test kollu ta’ din id-deċiżjoni.

 Id-deċiżjoni kkontestata

28      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett tosserva li, irrispettivament mill-kontenut tal-ilment, hija obbligata teżamina l-finanzjamenti pubbliċi kollha mogħtija lill-isptarijiet IRIS, li jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        il-kumpens kollu li jkopri l-ispejjeż neċessarji għall-provvista tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet;

–        il-kumpens għad-defiċit tal-isptarijiet skont l-Artikolu 109 LCH;

–        l-għajnuna mogħtija għar-ristrutturazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi ta’ Brussell fl-1995;

–        il-kumpens għall-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku mhux tal-isptarijiet

29      Hija sussegwentement teżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE humiex issodisfatti f’dan il-każ, billi tikkonstata li, “sa fejn l-attivitajiet tal-ispatrijiet inkwistjoni jistgħu jiġu kkwalifikati bħala li huma ta’ natura ekonomika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dawn il-kundizzjonjiet huma “bħala regola ġenerali issodisfatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-miżuri inkwistjoni “jidhru a priori li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 103 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Hija tfakkar li l-kumpens għal servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti erba’ kriterji kumulattivi stabbiliti bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġusitzzja tal-24 ta’ Lulju 2004, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark ”) (premessi 134 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Hija tqis li l-miżuri inkwistjoni jissodisfaw l-ewwel kriterju, relatat mat-tqassim u mad-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (premessi 137 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      L-evalwazzjoni tagħha tagħmel distinzjoni bejn il-“missjonijiet ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet” u “mhux tal-isptarijiet” tal-isptarijiet IRIS.

33      Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-funzjonijiet tal-isptarijiet, l-isptarijiet IRIS huma inkarigati, minbarra bil-funzjonijiet ġenerali li l-isptarijiet kollha għandhom skont il-LCH, b’funzjonijiet speċifiċi, assenjati skont il-liġi organika taċ-CPAS u l-pjanijiet strateġiċi adottati mill-assoċjazzjoni IRIS, jiġifieri “l-obbligu ta’ assistenza lil kull pazjent f’kull ċirkustanza, inkluż wara li tkun għaddiet l-emerġenza, u l-obbligu li joffru attività kompleta ta’ kura fl-isptar fiċ-ċentri kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkonstata differenza bejn sptar pubbliku, li “għandu l-obbligu ddefinit b’mod ċar li jipprovdi lil kull pażjent, fuq sempliċi talba, kull tip ta’ servizz tal-isptar, f’kuntest multiċentru” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u sptar privat, li “jibqa’ liberu, fin-nuqqas ta’ rekwiżit legali li jimponilu dan it-tip ta’ obbligu, li jiddefinixxi l-pazjenti li huwa jilqa’ wara li tkun għaddiet l-emerġenza, li jagħżel speċjalità waħda jew iktar, u li jorganizza b’mod ħieles l-attivitajiet tiegħu skont id-diversi postijiet li huwa jopera fihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Fir-rigward tal-funzjonijiet mhux tal-isptarijiet, il-Kummissjoni tqis li l-isptarijiet IRIS huma inkarigati b’funzjonijiet soċjali ddelegati miċ-CPAS, skont il-liġi organika taċ-CPAS u skont il-ftehim iffirmati bejn iċ-CPAS u l-isptarijiet ikkonċernati. Dawn il-funzjonijiet, li jaqgħu taħt il-kompetenza taċ-CPAS, jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-provvista ta’ għajnuna soċjali individwali flimkien mal-għajnuna medika favur il-pazjenti (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-isptarijiet IRIS, bħal kull entità pubblika tar-Région Bruxelles-Capitale, huma obbligati li jkunu bilingwi (premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Il-Kummissjoni tipproċedi għal eżami tar-raba’ kriterju, relatat mat-tqassim tal-funzjonijiet permezz ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew mal-kumpens ibbażat fuq l-analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża medja, iġġestita tajjeb u adegwatament mgħammra, billi tqis li dan il-kriterju ma huwiex issodisfatt (premessi 159 sa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Minn dan hija tikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni ma jissodisfawx ir-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark u għaldaqstant jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni, skont l-Artikolu 86(2) KE, il-Kummissjoni tfakkar li, sabiex jibbenefikaw minn deroga, dawn għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità u jissodisfaw il-kundizzjonjiet li ġejjin: i) is-servizz inkwistjoni għandu jkun servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) u għandu jkun iddefinit b’mod ċar bħala tali mill-Istat Membru; ii) l-impriża li tiżgura l-provvista tas-SIEĠ inkwistjoni għandha tkun ġiet formalment inkarigata għal dan il-għan mill-Istat Membru u iii) l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat KE għandha timpedixxi t-twettiq ta’ funzjonijiet partikolari assenjati lil din l-impriża u l-eżenzjoni ta’ dawn ir-regoli ma għandhiex tippreġudika l-kummerċ bejn l-Istati Membri f’miżura kuntrarja għall-interessi Komunitarji (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Il-Kummissjoni tfakkar li hija ppreċiżat il-mod li bih hija għandha l-intenzjoni tapplika l-Artikolu 86(2) KE f’“Pakkett SIEĠ”, ikkostitwit mill-qafas Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (ĠU 2005, C 297, p. 4), kif ukoll mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) [KE] rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 327M , 5.12.2008, p. 488).

39      Skont il-Pakkett SIEĠ, il-kriterji li ġejjin għandhom ikunu ssodisfatti: i) l-eżistenza ta’ mandat li jispeċifika, b’mod partikolari, in-natura u l-perijodu ta’ validità tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-impriża u t-territorju involuti, in-natura tad-drittijiet esklużivi jew speċjali eventwali mogħtija mill-impriża, il-parametri għall-kalkolu, għall-kontroll u għar-reviżjoni tal-kumpens, kif ukoll il-metodi ta’ ħlas lura ta’ eventwali kumpens eċċessiv u l-metodi sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv; ii) il-limitu tal-kumpens għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u n-nuqqas ta’ sussidji trażversali u iii) il-kontroll tal-kumpens eċċessiv mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Hija tippreċiża li l-kriterji iktar iddettaljati tal-Pakkett SIEĠ, b’mod partikolari taħt il-kriterji i) u iii) iktar ’il fuq, huma applikabbli biss mid-29 ta’ Novembru 2006 (premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata)

41      Il-Kummissjoni tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza u mill-Pakkett SIEĠ, relatati man-neċessità u mal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ għajnuna.

42      Fir-rigward tal-kriterji relatati man-neċessità:

–        “Definizzjoni u tqassim” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tal-ewwel kriterju Altmark, ikkunsidrat bħala ssodisfatt (premessi 172 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        “Parametri għall-kumpens stabbiliti ex ante” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: dan il-kriterju huwa kkunsidrat bħala ssodisfatt kemm fir-rigward tal-kumpens fil-kuntest tal-BMF kif ukoll fir-rigward ta’ dak, mogħti lill-isptarijiet pubbliċi biss, skont l-Artikolu 109 tal-LCH u, fir-rigward tal-funzjonijiet soċjali, skont il-liġi organika taċ-CPAS u d-digriet tat-13 ta’ Frar 2003. L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija fl-1995 permezz tal-FRBRTC tikkonċerna biss funzjonijiet ta’ servizz pubbliku eżerċitati qabel l-1996. L-ispejjeż eċċessivi relatati mal-obbligu ta’ bilingwiżmu huma kkumpensati b’applikazzjoni tal-Artikolu 109 tal-LCH (premessi 175 sa 181 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        “Modalitajiet sabiex jiġi evitat u kkoreġut l-eventwali kumpens eċċessiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: il-Kummissjoni tosserva l-eżistenza ta’ tali metodi fil-kuntest tal-BMF. Fir-rigward tal-finanzjament skont l-Aritkolu 109 tal-LCH, il-kumpens huwa limitat għall-ħlas tal-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku, li ma kinux ġew koperti minn qabel mill-BMF. Il-mekkaniżmu stabbilit permezz tal-FRBRTC huwa intiż sabiex jantiċipa temporanjament l-ammonti neċessarji sabiex jiġi kopert id-defiċit tal-isptarijiet pubbliċi ta’ Brussell, sakemm jiġi stabbilit id-defiċit definittiv mill-Ministru Federali kompetenti, li għandu dewmien ta’ madwar għaxar snin. Dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni indebitu ta’ spejjeż inammissibbli huma previsti fid-digriet irjali tat-8 ta’ Diċembru 1996 u tat-8 ta’ Marzu 2006 li jiddefinixxu l-kriterji għall-istabbiliment tad-defiċit tal-isptarijiet. Fir-rigward tal-funzjonijiet soċjali, it-teħid ta’ responsabbiltà miċ-CPAS għall-ispejjeż huwa suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti miċ-CPAS, fatt li jippermetti li jiġi evitat kumpens eventwali indebitu. Fir-rigward tal-bilingwiżmu, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż eċċessivi huwa kopert mill-mekkaniżmu tal-Artikolu 109 tal-LCH, limitat għall-massimu għal 100 % ta’ dawn l-ispejjeż eċċessivi (premessi 182 sa 192 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-proporzjonalità:

–        “Adegwatezza tal-kumpens għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: il-Kummissjoni tindika li eżaminat, għal kull sptar ikkonċernat għall-perijodu mill-1996 sa 2007, minn naħa, ir-riżultati annwali tas-SIEĠ, iddeterminati billi ttieħed inkunsiderazzjoni d-dħul kollu tas-SIEĠ u l-ispejjeż kollha inerenti u, min-naħa l-oħra, il-kumpens tas-SIEĠ, kemm dak mogħti skont l-Artikolu 109 tal-LCH kif ukoll dak mogħti, wara l-2003, għat-twettiq tal-funzjonijiet soċjali. Id-data, li tinsab fit-tabella li tinsab fil-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata, turi, għall-isptarijiet IRIS kollha, kumpens nieqes tas-SIEĠ, filwaqt li tliet sptarijiet irċevew kumpens eċċessiv mingħajr dewmien, fuq sena finanzjarja jew sentejn, ittrasferit għall-perijodu segwenti. Barra minn hekk, mill-kwalifika tal-finanzjamenti antiċipati mill-FRBRTC lill-komuni, fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-isptarijiet fl-1995, bħala dejn irrekuperabbli, ma setax jirriżulta kumpens eċċessiv. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ antiċipazzjoni permezz tal-FRBRTC jippermetti biss il-kopertura temporanja tad-defiċit, peress li dan l-antiċipu għandu jiġu rrimborsat meta l-ammont tad-defiċit tal-isptar huwa stabbilit, fatt li jippermetti li jiġi eskluż kull kumpens eċċessiv (premessi 194 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        “Kontabbiltà separata u nuqqas ta’ sussidji trażversali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet dwar il-kontabbiltà tal-isptarijiet, applikabbli għall-isptarijiet kollha, jirrikjedu reġistrazzjoni fil-kontijiet separata tal-ispejjeż relatati mal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku SIEĠ u tal-ispejjeż l-oħra. Ir-rekwiżit ta’ kontabbiltà separata huwa għaldaqstant issodisfatt. Is-sussidji trażversali huma esklużi, fid-dawl tal-fatt li l-attivitajiet kummerċjali tal-isptarijiet pubbliċi huma minimi u huma suġġetti għal kontabbiltà separata (premessi 202 sa 206 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        “Kontroll tal-kumpens eċċessiv mill-awtoritajiet pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; il-Kummissjoni tqis li l-attività tal-isptarijiet IRIS, fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku kemm tal-isptarijiet kif ukoll soċjali, hija suġġetta għal diversi mekkaniżmi ta’ kontroll li jippermettu li jiġi evitat l-għoti ta’ kumpens eċċessiv (premessi 207 sa 211 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fl-aħħar nett, il-Kummissjon tqis li s-sistema ta’ finanzjament inkwistjoni kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Ġunju 1980, fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 20), issostitwita bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 906) (premessi 213 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Il-Kummissjoni tikkonkludi kif ġej:

“[…] [M]atul il-perijodu 1996‑2007, u inkluża l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-1995, l[isptarijiet] IRIS bbenefikaw minn numru ta’ finanzjamenti pubbliċi fil-forma ta’ kumpens għall-funzjonijiet ta’ SIEĠ tal-isptarijiet u mhux tal-isptarijiet. Dawn il-finanzjamenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) [KE] […] Fid-dawl tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-[P]akkett SIEĠ […], dawn il-miżuri jibbenefikaw mid-deroga [għall-]obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) [KE] [mid-19 ta’ Diċembru 2005,] filwaqt li għall-perijodu preċedenti din l-għajnuna mhux innotifikata għandha titqies bħala illegali. Madankollu, din l-għajnuna kollha hija kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-konformità tagħha mar-rekwiżiti […] imsemmija fl-Artikolu 86(2) [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

47      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2010, kif ukoll fid-9, fis-16 u fis-26 ta’ Lulju 2010, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Région Bruxelles-Capitale, il-Commune d’Anderlecht (il-komun ta’ Anderlecht) (il-Belġju), il-Commune d’Etterbeek (il-komun ta’ Etterbeek) (il-Belġju), il-Commune d’Ixelles (il-komun ta’ Ixelles) (il-Belġju), il-Ville de Bruxelles (il-belt ta’ Brussell) (il-Belġju) u l-Commune de Saint-Gilles (il-komun ta’ Saint-Gilles) (il-Belġju) talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

48      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, it-talbiet għal intervent tar-Région Bruxelles-Capitale, tal-Commune d’Anderlecht, tal-Commune d’Etterbeek, tal-Commune d’Ixelles, tal-Ville de Bruxelles u tal-Commune de Saint-Gilles ġew milqugħa

49      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li lilha konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

50      It-talbiet għal intervent tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew milqugħa permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ottubru 2010.

51      L-intervenjenti ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fl-20 ta’ Diċembru 2010. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti fis-7 ta’ April 2011.

52      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti u għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet, li huma rrispondew għalihom permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Novembru 2011.

53      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2011, bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li informa lill-Qorti Ġenerali li huwa ma kienx ser ikun irrappreżentat waqt din is-seduta.

54      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

55      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob ukoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti.

56      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

57      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, sa fejn dan iqajjem motivi ta’ annullament ibbażati fuq allegati żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna. Skonthom, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna, għaldaqstant, il-motivi inkwistjoni tar-rikorrenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta, mingħajr ma tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, il-persuni interessati li jibbenefikaw mill-garanziji proċedurali previsti f’dan l-artikolu jistgħu jiksbu l-osservanza tagħhom biss jekk huma għandhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

59      Għal dawn il-motivi, rikors intiż għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, ippreżentat minn persuna interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, huwa ammissibbli meta l-persuna li tkun qed tippreżenta dan ir-rikors trid, permezz tal-preżentata tiegħu, tipproteġi d-drittijiet proċedurali li hija tislet minn din l-aħħar dispożizzjoni. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punti 34 u 35 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punti 23 sa 26, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punti 17 sa 20).

60      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna fiha nnifisha, is-sempliċi fatt li dan jista’ jitqies bħala persuna interessata skont l-Artikolu 88(2) KE ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli. Huwa għandu għaldaqstant juri li huwa għandu status partikolari skont il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197, 223), billi juri b’mod partikolari li l-pożizzjoni tiegħu fis-suq hija sostanzjalment affettwata bl-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

61      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika li r-rikors tagħha huwa intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħala parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, inkwantu r-rifjut li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jippreġudikahom. Skontha, id-dimostrazzjoni tad-diffikultajiet serji li l-Kummissjoni ltaqgħet magħhom waqt l-eżami tal-għajnuna ma jistax jiġi sseparat, f’dan il-każ, mill-eżistenza ta’ żbalji relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE.

62      Għandu jiġi rrilevat, mingħajr ma dan il-fatt huwa kkontestat mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni li tiġbor flimkien numru ta’ sptarijiet privati stabbiliti fir-Région de Bruxelles-Capitale, għandha titqies bħala persuna interessata skont l-Artikolu 88(2) KE.

63      Għaldaqstant hija tista’ titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

64      Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża bbażati fuq il-fatt li r-rikorrenti tinvoka motivi ta’ annullament li huma inammissibbli bbażati fuq allegati żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, għandu jitfakkar li, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, huwa jista’ jinvoka kull motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, kien imissha qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

65      L-użu ta’ tali argumenti ma jistax madankollu jkollu bħala kosengwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jiġi muri li l-Kummissjoni kienet obbligata tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, Ġabra p. I‑4441, punt 59).

66      Għaldaqstant fil-kuntest ta’ tali rikors, il-motivi li jikkontestaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna għandhom jiġu evalwati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultà serja, mingħajr ma hemm lok li dawn jiġu ddikjarati inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 u TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, Ġabra p. II‑3397, punt 72, u tad-9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il-Kummissjoni, T‑359/04, Ġabra p. II‑4227, punti 58 u 59).

67      F’dan il-każ, mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, billi tilmenta li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

68      Peress li dan huwa rikors li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni adottata mingħajr ma nbdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi kollha invokati mir-rikorrenti, sabiex jiġi evalwat jekk dawn jippermettux li jiġu identifikati diffikultajiet serji li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kienet obbligata tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali

69      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jitqies bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

70      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment motiv wieħed ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji waqt l-investigazzjoni preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Hija ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni kien imissha kellha dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-miżuri ta’ għajnuna eżaminati, fid-dawl tal-kriterji relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed.

71      Barra minn hekk, għall-ewwel darba fir-replika tagħha, hija tinvoka ċerti ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-tul tal-proċedura amministrattiva kif ukoll it-tul u l-kumplessità ta’ din id-deċiżjoni.

 Osservazzjonijiet preliminari

–       Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

72      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi tal-investigazzjoni preliminari skont l-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun konvinta, fi tmiem l-investigazzjoni preliminari, li din l-għajnuna hija kompatibbli mat-Trattat.

73      Min-naħa l-oħra, jekk din l-investigazzjoni preliminari wasslet lill-Kummissjoni għal konvinzjoni opposta, jew anki ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tibda, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi Cook vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u Matra vs Il‑Kummissjoni,

74      Il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ‑ċirkustanzi li wasslu għall‑adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi l-motivi għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizjja, tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 63 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il‑Kummissjoni, T‑49/93, Ġabra p. II-2501, punt 60, u British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

75      In-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tikkostitwixxi prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      L-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji jmur lil hinn mit-tfittxija tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punt 47, u British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

77      Sa fejn il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tiddependi fuq il-punt dwar jekk jeżistux dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ tali dubji, abbażi ta’ numru ta’ indizji konkordanti (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, TF1 vs Il-Kummissjoni, C‑451/10 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52).

78      Qabel ma teżamina, l-ewwel nett, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE għall-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tfakkar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

–       Fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE

79      Skont l-Artikolu 86(2) KE, l-impriżi responsabbli sabiex joperaw SIEĠ jew li jkollhom in-natura ta’ monopolju fiskali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat KE, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lilhom. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.

80      Permezz tas-sentenza Altmark (punti 87 sa 94), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens mogħti inkambju għas-servizzi pprovduti għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti l-erba’ kriterji kumulattivi segwenti:

–        l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar;

–        il-parametri li abbażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti;

–        il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi, u

–        meta l-għażla tal-impriża li għandha tkun inkarigata bit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ma titwettaqx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, iġġestita tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, tkun sostniet sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi

81      Il-kumpens għal servizz pubbliku li ma jissodisfax dawn il-kriterji huwa suġġett għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda jista’ jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari skont l-Artikolu 86(2) KE (sentenza M6 u TF1 vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

82      Fiż-żmien tal-fatti, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga inkwistjoni kienu ġew spjegati, minn naħa, fid-Deċiżjoni 2005/842 u, min-naħa l-oħra, fil-qafas Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku.

83      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2005/842, filwaqt li żiedet li, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti rekwiżiti addizzjonali, dawn il-kundizzjonijiet kienu bbażati fuq l-ewwel tliet kriterji stabbiliti bis-sentenza Altmark (premessi 167 u 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

84      F’dan ir-rigward, peress li l-argument imressaq fir-rikors huwa strutturat skont il-kriterji stabbiliti bis-sentenza Altmark, li l-ewwel tlieta minnhom jikkoinċidu ħafna, skont il-Kummissjoni, mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2005/842, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati fl-ordni ta’ dawn il-kriterji.

–       Fuq in-natura partikolari tas-servizz pubbliku tal-isptarijiet

85      Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark u fil-Pakkett SIEĠ jikkonċernaw mingħajr distinzjoni is-setturi kollha tal-ekonomija, l-applikazzjoni tagħhom għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tas-settur partikolari.

86      Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura partikolari tal-funzjoni ta’ SIEĠ f’ċerti setturi, kellha tingħata prova ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sentenza Altmark, b’riferiment għall-kliem u għall-għan tal-kundizzjonijiet li jissemmew fiha li ppresidew l-istabbiliment tagħhom, b’mod adattat għall-informazzjoni partikolari tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 160).

87      Fir-rigward tas-settur tal-isptarijiet, din il-kunsiderazzjoni hija riflessa, fil-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2005/842, li tipprovdi li:

“[…] irid jittieħed kont tal-fatt li flistadju preżenti tal-iżvilupp tas-suq intern, l-intensità tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’[dan] is-setturi mhix neċessarjament proporzjonata mal-livell ta’ fattura u ta’ kumpens. Għaldaqstant, sptarijiet li jipprovdu kura tas-saħħa, inkluż fejn ikun japplika servizzi ta’ emerġenza u servizzi anċillari direttament relatati mal-attivitajiet prinċipali, speċjalment fil-qasam tar-riċerka […] għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni min-notifikazzjoni stipulata f’din id-Deċiżjoni, anki jekk l-ammont ta’ kumpens li jirċievu ikun jaqbeż il-limiti stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, meta s-servizzi mwettqa ikunu jikkwalifikaw bħala [SIEĠ] mill-Istati Membri.”

88      Waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ dimensjoni kummerċjali tas-servizz pubbliku inkwistjoni, filwaqt li l-kwalifikazzjoni tiegħu bħala SIEĠ hija spjegata iktar mill-impatt tiegħu fuq is-settur kompetittiv u kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II‑1161, punt 153).

89      Minn dan jirriżulta li l-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark li jikkonċernaw l-attività ta’ trasport, li tikkostitwixxi bla dubju ta’ xejn attività ekonomika u kompetittiva, ma jistgħux jiġu applikati, bl-istess rigorożità, għas-settur tal-isptarijiet, li mhux neċessarjament għandu tali dimensjoni kompetittiva u kummerċjali.

90      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sa fejn sistema nazzjonali tas-saħħa, iġġestita mill-ministeri u minn entitajiet oħra, kienet topera skont il-prinċipju ta’ solidarjetà inkwantu hija ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u kontribuzzjonijiet oħra tal-Istat u inkwantu hija tipprovdi servizzi bla ħlas lill-membri tagħha abbażi ta’ kopertura universali, dawn il-korpi ma jaġġixxux bħala impriżi fl-attività tagħhom ta’ ġestjoni ta’ din is-sistema (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2003, FENIN vs Il-Kummissjoni, T‑319/99, Ġabra p. II‑357, punt 39).

91      Din il-kunsiderazzjoni hija meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, din tikkwalifika bħala ekonomika l-attività ta’ provvista ta’ kura fl-isptarijiet, billi tqis li din għandha tiġi distinta mill-“ġestjoni tas-sistema nazzjonali tas-saħħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali], eżerċitata minn korpi pubbliċi fil-kuntest tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Min-naħa l-oħra, din tikkonstata li l-isptarijiet pubbliċi jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra ta’ natura soċjali, li ma jistgħux verament jiġu kkwalifikata bħala ekonomiċi, iżda li huma inklużi fid-deċizjoni kkontestata biss minħabba raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali: anki jekk dawn l-attivitajiet kienu kkunsidrati bħala ekonomiċi, is-sussidji korrispondenti jkunu għajnuna kompatibbli (premessi 110 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE fis-settur tal-isptarijiet ikkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ kura medika, kunsiderazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 152(5) KE.

93      Skont dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Istati Membri jorganizzaw is-sistema nazzjonali tas-saħħa tagħhom abbażi tal-prinċipji li huma jagħżlu, b’mod partikolari, l-obbligi relatati mas-servizz pubbliku tal-isptarijiet jistgħu jinkludu kemm obbligi imposti fuq kull sptar kif ukoll obbliġi addizzjonali imposti biss fuq sptarijiet pubbliċi, fid-dawl tal-importanza ikbar tagħhom għall-funzjonament tajjeb tas-sistema nazzjonali tas-saħħa.

94      Xorta waħda, peress li l-organizzazzjoni tal-provvista tas-servizz tas-saħħa deċiża minn Stat Membru tinvolvi l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward tal-operaturi privati, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ għajuna adottati fis-settur.

95      B’mod partikolari, meta l-entitajiet, pubbliċi u privati, inkarigati mill-istess servizz pubbliku, ikollhom neċessitajiet differenti, fatt li jissupponi livell differenti tal-ispejjeż u tal-kumpens, dawn id-differenzi għandhom jirriżultaw b’mod ċar mill-mandati rispettivi tagħhom, b’mod partikolari, sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tas-sussidju mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, għajnuna mill-Istat li, permezz ta’ xi wħud mir-regoli dettaljati tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 51).

96      Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

 Fuq l-eżistenza ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku ddefinita b’mod ċar

97      Skont l-ewwel kriterju stabbilit bis-sentenza Altmark, l-impriża benefiċjarja ta’ kumpens għandha tkun effettivament inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar

98      Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-istess kriterju kien japplika fil-kuntest ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Ġunju 2009, ASM Brescia vs Il-Kummissjoni, T‑189/03, Ġabra p. II‑1831, punt 126, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑222/04, Ġabra p. II‑1877, punt 111).

99      Skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jikkunsidraw bħala SIEĠ, din id-definizzjoni tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball manifest (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra p. II‑2031, punt 216, u BUPA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 166 u 169).

100    Il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni din il-limitazzjoni.

101    Dan l-istħarriġ għandu madankollu jiżgura l-osservanza ta’ ċerti kriterji minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att ta’ awtorità pubblika li jafda lill-operaturi inkwistjoni b’funzjoni SIEĠ (ara s-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 181, u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll in-natura universali u obbligatorja ta’ din il-funzjoni (sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 172).

102    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/842, ir-“responsabbiltà tat-tħaddim tas-[SIEĠ] għandha tkun fdata lill-intrapriża kkonċernata permezz ta’ atti uffiċjali wieħed jew aktar, fil-forma li tista’ tkun stabbilita minn kull Stat Membru” u dawn l-atti għandhom b’mod partikolari jindikaw “in-natura u l‑perjodu ta’ validità tal-obbligi ta’ servizz pubbliku” u “l-intrapriżi u t-territorju involut”

103    F’dan il-każ, waqt l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn, l-ewwel nett, il-funzjonjiet ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet li l-isptarijiet kollha għandhom (premessi 140 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni nett, il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet speċifiċi għall-isptarijiet IRIS (premessi 146 sa 149) u, it-tielet nett, il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku mhux tal-isptarijiet speċifiċi għall-isptarijiet IRIS (premessi 151 sa 156).

104    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-ewwel kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark ma hijiex issodisfatta, f’dak li jikkonċerna dawn it-tieni u t-tielet kategoriji ta’ funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, li jirrigwardaw funzjonijiet tal-isptarijiet u mhux tal-isptarijiet li, skont il-Kummissjoni, għandhom biss l-isptarijiet IRIS.

–       Fuq il-preżenza ta’ att ta’ awtorità pubblika li jikkostitwixxi l-mandat

105    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal tliet tipi ta’ atti li jafdaw il-funzjonijiet tal-isptarijiet ta’ servizz pubbliku lill-isptarijiet IRIS, jiġifieri, l-ewwel nett, l-atti leġiżlattivi u regolamentari, jiġifieri l-LCH, il-liġi organika taċ-CPAS u l-atti sekondarji, it-tieni nett, il-ftehim konklużi bejn iċ-CPAS u l-isptarijiet IRIS u, it-tielet nett, il-pjanijiet strateġiċi adottati mill-assoċjazzjoni IRIS (iktar ’il quddiem il-“pjanijiet strateġiċi IRIS”).

106    Ir-rikorrenti ma tikkonstestax il-fatt li l-funzjoni ta’ servizz pubbliku tista’ tiġi ddefinita f’atti separati, inklużi ftehim. Hija ssostni, madankollu, li l-pjanijiet strateġiċi IRIS ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-mandat, peress li dawn huma pjanijiet adottati mill-istruttura ewlenija IRIS u għaldaqstant, l-obbligi li dawn jipprevedu għall-isptarijiet IRIS huma “awto-imposti”

107    Hemm lok li jitfakkar li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-definizzjoni tas-SIEĠ (punt 99 iktar ’il fuq) u, għaldaqstant, fir-rigward tal-għażla tal-forma ġuridika ta’ att jew ta’ atti ta’ tqassim

108    Il-mandat li jafda l-funzjoni ta’ servizz pubbliku jista’ jiġi ddefinit f’diversi atti separati, kemm f’dawk li jistabbilixxu l-leġiżlazzjoni ġenerali fil-qasam kif ukoll dawk indirizzati speċifikament lil ċerti entitajiet. Fil-fatt, possibbiltà li tiġi fdata l-funzjoni permezz ta’ att uffiċjali “wieħed jew aktar” hija espliċitament prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/842.

109    Il-mandat jista’ wkoll ikopri ftehim, sakemm dawn jirriżultaw mill-awtorità pubblika u huma vinkolanti. L-istess għaldaqstant japplika a fortiori meta tali atti jikkonkretizzaw l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, Ġabra p. I‑5815, punt 66).

110    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-pjanijiet strateġiċi IRIS setgħu jiġu kkwalifikata bħala atti ta’ awtorità pubblika, “minħabba li [dawn kienu] imposti fuq l-[isptarijiet] IRIS mill-awtoritajiet pubbliċi li [kienu] ddeċidew il-kontenut ta’ dawn il-pjanijiet permezz tal-assemblea ġenerali tal-istruttura ewlennija IRIS li [setgħet tiġi] mxebbħa ma’ awtorità pubblika, li fiha dawn [kellhom] il-maġġoranza tas-siġġijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi osservat li korp jista’ jitqies bħala li jeżerċità il-funzjoni tal-awtorità pubblika jekk huwa kompost minn maġġoranza ta’ rappreżentanti tal-awtorità pubblika u jekk huwa għandu josserva, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, ċertu numru ta’ kriterji ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto, C‑96/94, Ġabra p. I‑2883, punti 23 sa 25, u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑35/96, Ġabra p. I‑3851, punti 41 sa 44).

112    Għaldaqstant, sabiex id-deċiżjonijiet ta’ entità jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala atti pubbliċi, il-korpi tagħha għandhom ikunu komposti minn persuni fdati b’funzjoni ta’ interess pubbliku u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikollhom setgħa effettiva ta’ kontroll fuq id-deċiżjonijiet (ara, a contrario, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punti 77 u 78).

113    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-IRIS hija assoċjazzjoni magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi u li tibqa’ suġġetta għall-kontroll tagħhom permezz tal-korpi tagħha. Hija ġiet maħluqa bil-għan li tiżgura t-twettiq tal-kompiti espliċitament previsti mil-leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni tas-servizz pubbliku kkonċernat, jiġifieri l-liġi organika taċ-CPAS. L-adozzjoni tal-pjanijiet strateġiċi mill-IRIS hija prevista mill-istess leġiżlazzjoni, bħala mezz ta’ determinazzjoni tal-istrateġija ġenerali u ta’ stabbiliment tal-politika tal-isptarijiet (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata)

114    Ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jista’ jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ dawn l-elementi, li jippermettu li l-pjanijiet strateġiċi jiġu kkunsidrati bħala atti ta’ awtorità pubblika, kif ukoll man-natura vinkolanti ta’ dawn il-pjanijiet strateġiċi.

115    Fil-fatt, ir-rikorrenti indikat li, skont il-Kummissjoni, it-tqassim tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet IRIS jirrappreżenta r-“rieda tal-azzjonisti (membri) tagħhom li huma l-awtoritajiet pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li jagħti x’jinftiehem li l-mandat ta’ servizz pubbliku jirriżulta mill-korpi pubbliċi fir-rwol tagħhom ta’ azzjonisti tal-isptarijiet.

116    Madankollu mill-preċiżjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011 għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-assoċjazzjoni IRIS ma tistax titqies bħala entità li tiġġestixxi hija stess l-isptarijiet ikkonċernati, peress li hija persuna ġuridika distinta mill-assoċjazzjonijiet li jiġġestixxu l-isptarijiet li barra minn hekk igawdu, skont il-Kummissjoni, minn awtonomija deċiżjonali sinjifikattiva fil-ġestjoni tagħhom tal-attivitajiet tal-isptarijiet.

117    Dawn l-indikazzjonijiet ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti li tillimita ruħha tindika li l-assoċjazzjoni IRIS tista’ tissostitwixxi l-assoċjazzjonijiet lokali, “għall-inqas fil-prinċipju”, filwaqt li tafferma li, fil-prattika, hija teżerċita biss kontroll limitat, li l-element prinċipali tiegħu jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ pjanijiet strateġiċi.

118    Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontesta l-kwalifika tal-pjanijiet strateġiċi IRIS bħala atti ta’ awtorità pubblika għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-mandat relatat mal-funzjonijiet tal-isptarijiet speċifiċi tal-isptarijiet IRIS

119    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-isptarijiet Belġjani kollha, pubbliċi u privati, għandhom funzjoni ta’ servizz pubbliku “ġenerali”, li tirriżulta mil-LCH u mill-atti sekondarji, analizzata mill-Kummissjoni fil-premessi 140 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata.

120    Ir-rikorrenti tikkontesta biss il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-eżistenza tal-funzjonijiet tal-isptarijiet “speċifiċi”, fdati biss lill-isptarijiet IRIS, eżaminati fil-premessi 146 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-atti uffiċjali Belġjani ma jimponu lill-isptarijiet IRIS ebda obbligu speċifiku u addizzjonali fir-rigward tal-funzjoni tal-isptar derivanti mil-LCH u li, f’kull każ, dawn l-allegati obbligi speċifiċi ma humiex iddefiniti b’mod ċar.

121    Mill-premessi 146 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-isptarijiet IRIS huma fdati b’funzjoni tal-isptar speċifika, inkwantu huma suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li għandhom l-isptarijiet l-oħra Belġjani pubbliċi u privati skont il-LCH.

122    Skont il-Kummissjoni, dawn huma, minn naħa, “l-obbligu ta’ assistenza lil kull pazjent f’kull ċirkustanza, inkluż wara li tkun għaddiet l-emerġenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “l-obbligu li tingħata kura fl-isptar kontinwa, offruta lil kull pazjent, irrispettivament mis-sitwazzjoni soċjali jew finanzjarja tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, “l-obbligu li joffru attività kompleta ta’ kura fl-isptar fiċ-ċentri kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “li jipprovd[u] lil kull pażjent, fuq sempliċi talba, kull tip ta’ servizz tal-isptar, f’kuntest multiċentru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 146 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    Fir-rigward tal-“obbligu ta’ assistenza lil kull pazjent f’kull ċirkustanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tirreferi, qabel kollox, għall‑Artikolu 57(1) tal-liġi organika taċ-CPAS, li jipprovdi li ċ-CPAS għandhom “il-kompitu li jiżġuraw li l-persuni u l-familji jingħataw l-għajnuna dovuta mill-kommunità” inkluża l-għajnuna medika (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Għandu jiġi osservat li, hekk kif ġustament tindika r-rikorrenti, peress li dan huwa obbligu li għandhom iċ-CPAS, din id-dispożizzjoni ma tistax titqies, fiha nnifisha, bħala li timponi obbligu speċifiku fuq l-isptarijiet IRIS.

125    Minkejja dan, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-funzjonjiet previsti mill-Artikolu 57 tal-liġi organika taċ-CPAS huma ddelegati lill-isptarijiet IRIS bis-saħħa tal-ftehim konklużi maċ-CPAS u tal-pjanijiet strateġiċi IRIS (premessi 24, 25 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ftehim konklużi maċ-CPAS, il-Kummissjoni pproduċiet bħala eżempju, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011, il-ftehim “domicile de secours bis” (il-post ta’ residenza għal finijiet ta’ sigurtà soċjali) konkluż bejn ħdax-il CPAS ta’ Brussell u l-isptarijiet IRIS fit-30 ta’ Settembru 1998 (iktar ’il quddiem il-“ftehim domicile de secours ”), li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti setgħet tagħti osservazzjonijiet fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta.

127    Ir-rikorrenti ssostni li dan il-ftehim ma jistabbilixxi ebda obbligu addizzjonali għal dawk previsti mil-LCH, iżda essenzjalment jorganizza t-teħid ta’ responsabbiltà miċ-CPAS għall-kura pprovduta lill-pazjenti fqar li jkollhom ċertifikat (réquisitoire). Hija tqis li ma jistax jiġi sostnut li l-obbligu ta’ assistenza “lil kull pazjent f’kull ċirkustanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jista’ jirriżulta minn sempliċi ftehim, fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni f’atti leġiżlattivi applikabbli għall-attività tal-isptarijiet.

128    Hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti relatati mal-kontenut tal-ftehim “domicile de secours” jikkorraboraw l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ dubju dwar il-preżenza ta’ mandat li jiddefinixxi b’mod ċar il-funzjonijiet tal-isptarijiet speċifiċi ddelegati lill-isptarijiet IRIS.

129    Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċċita l-klawżola tal-ftehim inkwistjoni, li skontha “l-isptarijiet pubbliċi għandhom jiggarantixxu funzjonijiet soċjali permezz ta’ provvista ta’ kura lil kull persuna irrispettivament mill-marda tagħha, mil-livell ta’ dħul tagħha, mill-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa tagħha jew mill-oriġini tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    Issa, hekk kif jirriżulta mit-test tal-ftehim “domicile de secours” prodott mill-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-preambolu ta’ dan il-ftehim, hija segwita minn premessi li jippreċiżaw li l-ftehim inkwistjoni “jirregola r-relazzjonijiet bejn iċ-CPAS u l-isptarijiet li huma parti għal dan il-ftehim fil-qasam tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-kura mogħtija lil ċerti persuni f’dawn l-isptarijiet”

131    Mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni jirriżulta li l-isptarijiet jimpenjaw ruħhom jipprovdu l-kura, b’mod prijoritarju, lill-persuni assistiti miċ-CPAS u li l-ispejjeż tal-kura tagħhom huma koperti minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tal-ftehim, fir-rigward tal-kura mhux urġenti, “l-isptar jimpenja ruħu […] jipprovdi l-kura, b’mod prijoritarju lill-persuni assistiti li ċ-CPAS jirreferulu u li lilhom huma jkunu taw, minn qabel u għal dan il-għan, impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż (réquisitoire)”, filwaqt li ċ-ĊPAS “jimpenja ruħu jħallas il-fatturi mhux ikkontestati tal-isptar fi żmien 60 jum”

132    Fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni tindika li l-ftehim inkwistjoni jkopri b’mod iktar speċifiku l-kura pprovduta lill-pazjenti fqar, imsejħa “fuq ċertifikat” (à réquisitoire), u li l-obbligu tal-isptarijiet pubbliċi IRIS li jipprovdu assistenza lil kull pazjent f’kull ċirkustanza jikkonċerna “b’mod partikolari, iżda mhux biss” l-interventi koperti mill-ftehim inkwistjoni u li ċ-CPAS jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tagħhom.

133    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-premessi 24, 25 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-funzjoni ta’ servizz pubbliku, prevista fl-Artikolu 57 tal-liġi organika taċ-CPAS, intiż sabiex jirrikonoxxi l-aċċess għall-għajnuna medika lil kull persuna, hija ddelegata lill-isptarijiet IRIS bis-saħħa tal-ftehim konkluż maċ-CPAS. Issa, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni eżaminat id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan il-ftehim, li jikkonċernaw l-interventi pprovduti abbażi ta’ ċertifikat u li ċ-CPAS jieħdu responsabbiltà għall-ispejjeż tagħhom, qabel ma ddeċidiet fuq l-eżistenza u l-kontenut tal-funzjoni inkwistjoni.

134    Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni b’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali ma jikkonkordawx mal-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

135    Din tikkonstata li, skont il-ftehim inkwistjoni, l-isptarijiet IRIS assumew funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ aċċess għall-kura għal kulħadd, prevista fl-Artikolu 57 tal-liġi organika taċ-CPAS (premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata)

136    Issa, mir-risposti tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2011 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni jipprevedu obbligu iktar speċifiku, intiż sabiex tiġi pprovduta l-kura lil persuni assistiti miċ-CPAS, u li ċ-CPAS jieħdu responsabbiltà għall-ispejjeż tagħha.

137    Barra minn hekk, fir-risposti tagħha, il-Kummissjoni tindika li l-funzjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni tikkonċerna “b’mod partikolari, iżda mhux biss” l-interventi previsti mill-ftehim “domicile de secours”, fatt li jagħti x’jinftiehem li dan il-ftehim ma jirregolax l-obbligi kollha li jaqgħu taħt il-funzjoni inkwistjoni.

138    It-tieni nett, fir-rigward tal-pjanijiet strateġiċi IRIS, li, skont il-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, “jorganizzaw” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-funzjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, għandu jiġi osservat li dawn huma dokumenti interni adottati mill-assoċjazzjoni fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ ġestjoni strateġika tal-attività tan-netwerk tal-isptarijiet IRIS

139    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għad-dispożizzjoni tal-pjan strateġiku IRIS 2002‑2006 li skontha “l-isptarijiet pubbliċi huma intiżi sabiex jilqgħu u jipprovdu kura lill-pazjenti kollha irrispettivament mill-oriġini tagħhom, mill-kundizzjonijiet tagħhom, mill-kultura tagħhom, mit-twemmin tagħhom, u mill-mard tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

140    Mill-parti tal-pjan strateġiku inkwistjoni, prodotta mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011 b’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali li stidnitha tippreċiża l-kontenut tal-obbligu tal-isptarijiet IRIS li “[jassistu] lil kull pazjent f’kull ċirkustanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jirriżulta li d-dispożizzjoni rilevanti hija misluta mill-parti introduttiva tat-titolu “L-Etika” ta’ dan il-pjan. Din il-parti tipprevedi, essenzjalment, l-istabbiliment ta’ “Kumitat Etiku” f’kull sptar IRIS u torganizza l-funzjonament ta’ dan il-korp. Issa, minbarra dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma tinvokax dispożizzjonijiet oħra tal-pjan strateġiku IRIS li jistgħu jikkostitwixxu l-mandat ta’ servizz pubbliku inkwistjoni.

141    Barra minn hekk, fl-evalwazzjonijiet tagħha li skonthom l-obbligu ta’ servizz pubbliku inkwistjoni jirriżulta kemm mill-ftehim “ domicile de secours” kif ukoll mill-pjan strateġiku IRIS (premessi 24, 25 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tonqos milli tqis il-fatt li dawn l-atti uffiċjali huma differenti fir-rigward tal-portata tagħhom.

142    Hekk kif ġustament indikat ir-rikorrenti, dan huwa, minn naħa, ftehim konkluż mal-entitajiet magħżula miċ-CPAS u, min-naħa l-oħra, dokument strateġiku adottat kull ħames snin fil-kuntest tal-ġestjoni interna tal-assoċjazzjoni IRIS.

143    F’dan ir-rigward, il-ftehim domicile de secours, filwaqt li jipprevedi d-delegazzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku prevista fl-Artikolu 57 tal-liġi organika taċ-CPAS, jistabbilixxi sistema li l-parteċipazzjoni fiha hija potenzjalment miftuħa għall-entitajiet privati. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni sostniet li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni ma kinitx irriżervata għall-isptarijiet pubbliċi IRIS, iżda setgħet tiġi estiża għall-isptarijiet privati.

144    Minn naħa l-oħra, mill-preċiżjonijiet li l-Kummissjoni tat waqt il-kawża jirriżulta li s-sistema legali, li abbażi tagħha l-pjanijiet strateġiċi huma adottati u jsiru applikabbli għall-isptarijiet pubbliċi IRIS, tapplika għal dawn l-isptarijiet biss, bl-esklużjoni tal-isptarijiet pubbliċi u privati l-oħra kollha fil-Belġju. Barra minn hekk, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-obbligu ta’ assistenza lil kull pazjent f’kull ċirkustanza jappartjeni għan-natura stess tas-servizz pubbliku tas-saħħa u huwa speċifiku għall-isptarijiet pubbliċi.

145    Fl-aħħar lok, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tal-funzjonijiet speċifiċi tal-isptarijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, huwa kkorraborat bl-indikazzjoni tagħha dwar l-istruttura tas-sistema stabbilita bis-saħħa tal-LCH, li fiha l-isptarijiet pubbliċi u privati huma ffinanzjati skont regoli identiċi fil-kuntest tal-BMF.

146    Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika hija stess li s-sistema ta’ finanzjament ibbażata fuq l-istabbiliment tal-BMF tinkludi l-finanzjament speċifikament applikabbli għal kull sptar pubbliku jew privat, intiż sabiex ikopri l-ispejjeż speċifiċi ġġenerati mill-isptar li għandu profil ta’ pazjenti żgħir ħafna fuq il-livell soċjo-ekonomiku (premessi 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

147    Hija b’mod partikolari tirrileva li l-obbligu ta’ servizz pubbliku li jikkonsisti fl-assistenza lil kull pazjent fiċ-ċirkustanzi kollha jikkonċerna l-kura tas-saħħa prevista mil-LCH u li din hija koperta mill-parti B8 tal-BMF. Hija tindika wkoll li l-finanzjament previst mill-parti B8 inkwistjoni huwa aċċessibbli għal kull sptar li jaqa’ taħt il-kuntest ta’ applikazzjoni tal-LCH, irrispettivament minn jekk dan huwiex pubbliku jew privat (premessa 48 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

148    F’dan ir-rigward, hekk kif ġustament issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kien imissha staqsiet lilha nnifisha jekk l-eżistenza ta’ din il-kopertura speċifika intiża sabiex tikkumpensa l-ispejjeż li jsostnu l-isptarijiet li jittrattaw il-pazjenti fil-bżonn ta’ għajnuna soċjali, applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-isptarijiet kollha suġġetti għal-LCH, tinvalidax it-teżi li skontha biss l-isptarijiet IRIS huma inkarigati b’funzjoni ta’ servizz pubbliku li tikkonsisti f’li jirrendu l-kura aċċessibbli għall-pazjenti kollha, inklużi l-pazjenti fil-bżonn ta’ għajnuna soċjali.

149    Ir-rilevanza ta’ dan l-element ma hijiex validament affettwata mill-argument tal-komuni ta’ Brussell intervenjenti (punt 47 iktar ’il fuq) li jsostnu, fin-nota ta’ intervent tagħhom, li, bid-differenza tal-isptarijiet l-oħra Belġjani, l-isptarijiet IRIS huma obbligati jagħtu l-għajnuna medika b’osservanza stretta tat-twemmin ideoloġiku, filosofiku u reliġjuż tal-pazjenti u obbligatorjament fil-każ ta’ urġenza u meta ma jkunx hemm każ ta’ urġenza, anki lill-pazjenti fqar.

150    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġustament tindika r-rikorrenti, fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, li jirriżulta kemm mid-dritt Belġjan kif ukoll mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma jistax jiġi sostnut li l-isptarijiet privati ta’ Brussell jistgħu legalment jagħżlu l-pazjenti skont it-twemmin ideoloġiku, filosofiku, reliġjuż jew is-sitwazzjoni ta’ faqar tagħhom.

151    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti jagħtu prova tal-preżenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku ddefinit b’mod ċar, speċifiku għall-isptarijiet IRIS, li jikkonsisti fl-assistenza ta’ kull pazjent f’kull ċirkustanza.

152    Fir-rigward tal-obbligu “li tiġi offruta kura kompleta u kontinwa fiċ-ċentri kollha”, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni tonqos milli tippreċiża l-kontenut eżatt ta’ dan l-obbligu. Hija tindika li l-isptarijiet kollha huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ struttura u ta’ funzjonament li jirriżultaw mil-LCH u mill-atti sekondarji.

153    F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kontenut tal-obbligu inkwistjoni, il-Kummissjoni tillimita ruħha tirreferi għad-dispożizzjoni tal-pjanijiet strateġiċi IRIS li skontha l-isptarijiet pubbliċi IRIS “jimpenjaw ruħhom jorganizzaw l-assistenza lill-pazjenti u jiggarantixxu l-possibbiltajiet ta’ kura kollha li huma jeħtieġu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

154    Hekk kif ġustament issostni r-rikorrenti, din l-unika ċitazzjoni, inkluża fid-deċiżjoni kkontestata, ma tippermettix li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet eżami suffiċjenti tal-obbligi relatati mal-funzjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni.

155    Ċertament, il-Kummissjoni tispjega, għall-ewwel darba fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2011, li l-funzjoni speċifika inkwistjoni tikkonsisti f’funzjoni ta’ assistenza medika mill-qrib u li l-pjanijiet strateġiċi IRIS jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw iż-żamma ta’ attività ta’ ammissjoni fl-isptar deċentralizzata u ta’ kopertura ambulanti wiesgħa, sabiex il-pazjenti, b’mod partikolari l-pazjenti anzjani, ikunu jistgħu jirċievu kura fl-isptarijiet f’distanza raġonevoli mill-post ta’ residenza tagħhom.

156    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet eżaminat il-kontenut tal-funzjoni hekk iddefinita.

157    Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-eżiġenzi tal-assistenza medika mill-qrib, fil-kuntest tal-attivitajiet tal-assoċjazzjoni IRIS, kellhom ikunu relattivizzati f’dan il-każ, peress li t-territorju tal-Ville de Bruxelles kellu diġà 38 sptar pubbliku u privat.

158    F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet eżaminat sa fejn l-eżiġenzi tal-assistenza medika mill-qrib kienu wasslu sabiex jiġu imposti fuq l-isptarijiet IRIS obbligi ta’ servizz pubbliku addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mil-LCH għall-isptarijiet kollha ta’ Brussell.

159    Issa, il-Kummissjoni kien immissha pproċediet għall-eżami ta’ dawn l-obbbligi addizzjonali, b’mod partikolari billi pparagunathom mal-eżiġenzi ta’ ppjanar u ta’ funzjonament applikabbli għall-isptarijiet kollha suġġetti għal-LCH, qabel ma ddeċidiet fuq l-eżistenza ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, speċifika għall-isptarijiet IRIS.

160    Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża sostnew li, f’kull każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni, ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit li l-isptarijiet IRIS kienu effettivament inkarigati b’funżjonijiiet ta’ servizz pubbliku “speċifiċi”, addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mil-LCH. Skonthom, il-fatt li l-isptarijiet IRIS huma inkarigati b’funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, kemm jekk dawn huma esklużivi u kemm jekk le, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm mandat ta’ SIEĠ iddefinit b’mod ċar.

161    Hemm lok li jiġi rrilevat li, ċertament, anki fuq l-assunzjoni li l-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku “speċifiċi” tal-isptarijiet IRIS, eżaminati fil-premessi 146 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkoinċidu mal-funzjonijiet tal-isptarijiet “ġenerali” li huma fdati lilhom skont il-LCH, dan il-fatt mhux neċessarjament qiegħed inkwistjoni l-eżistenza ta’ mandat ta’ SIEĠ f’dan il-każ.

162    Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-miżuri ta’ finanzjament speċifiċi applikabbli għall-isptarijiet IRIS huma ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oħra differenti minn dawk relatati mal-eżistenza tal-obbligi addizzjonali tagħhom. B’mod partikolari, hekk kif tindika l-Kummissjoni, għalkemm b’mod anċillari, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpens għad-defiċit tal-isptarijiet pubbliċi jista’ jirriżulta neċessarju għal raġunijiet ta’ ordnijiet sanitarji u soċjali bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità u vijabbiltà tas-sistema tal-isptarijiet.

163    Xorta jibqa’ l-fatt li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa bla dubju ta’ xejn ibbażat fuq il-konstatazzjoni li l-miżuri ta’ għajnuna eżaminati huma ġġustifikati mill-eżistenza ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku addizzjonali imposti lill-isptarijiet IRIS fil-kuntest ta’ funzjonijiet ta’ servizz pubbliku “speċifiċi”.

164    Għaldaqstant fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni hemm lok li jiġu eżaminati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ din il-konstatazzjoni, ikkontestati mir-rikorrenti, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jagħtux prova tal-eżistenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax timponi ruħha fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni billi tiddeċiedi li l-evalwazzjoni tagħha kienet tkun l-istess li kieku hija kienet bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, Ġabra p. I‑10707, punt 109).

165    Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-approċċ segwit mill-Kummisjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest tas-sistema eżaminata, l-obbligi ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet huma fdati lill-operaturi tas-suq kollha, pubbliċi u privati. Issa, il-miżuri eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata huma, skont il-Kummissjoni, speċifiċi għall-isptarijiet IRIS, bid-differenza tal-isptarijiet Belġjani l-oħra kollha pubbliċi u privati.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-mandat lil ċerti entitajiet pubbliċi speċifiċi, għandha qabel kollox issir distinzjoni bejn l-ispeċifiċitajiet tal-mandat tagħhom billi jiġu murija d-differenzi li jeżistu fir-rigward tal-portata tal-obbligi speċifiċi li jiġġustifikaw il-miżuri ta’ finanzjament li jiżdiedu ma’ dawk applikabbli għall-entitajiet l-oħra kollha inkarigati b’servizz pubbliku fl-istess qasam.

167    Għaldaqstant, hemm lok tiġi mwarrba t-teżi tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża li skontha l-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-funzjonijiet tal-isptarijiet “speċifiċi” tal-isptarijiet IRIS huwa irrilevanti, inwkantu ma kienx neċessarju f’dan il-każ li jiġi stabbilit li l-isptarijiet IRIS kienu effettivament inkarigati b’tali funżjonijiet “speċifiċi”.

168    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata jiżvelaw ċertu numru ta’ indizji li jagħtu prova tal-preżenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ mandat ta’ servizz pubbliku ddefinit b’mod ċar, relatat mal-funzjonijiet tal-isptarijiet “speċifiċi” tal-isptarijiet IRIS

169    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata u mill-elementi prodotti fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod iddettaljat il-kontenut tal-atti uffiċjali relatati mal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku inkwistjoni.

170    Issa, il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, li twettaq evalwazzjoni kompleta u koereti tal-elementi rilevanti jikkostitwixxi wkoll indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

–       Fuq il-mandat relatat mal-funzjonijiet mhux tal-isptarijiet tal-isptarijiet IRIS

171    Fost il-funzjonijiet mhux tal-isptarijiet speċifiċi għall-isptarijiet IRIS, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-funzjonijiet soċjali ddelegati miċ-CPAS (premessi 49 sa 52 u 151 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, il-funzjonijiet l-“oħra”, li huma limitati għall-obbligi li jirriżultaw mis-sistema ta’ bilingwiżmu (premessi 59 sa 62 u 156).

172    Ir-rikorrenti ssostni li dawn il-funzjonijiet differenti ma humiex iddefiniti b’mod ċar fl-atti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u li, f’kull każ, il-funzjonijiet soċjali elenkati fir-rapporti tan-netwerk IRIS jikkoinċidu ma’ dawk li għandhom l-isptarijiet privati.

173    Fir-rigward, minn naħa, tal-obbligi relatati mal-bilingwiżmu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-importanza tagħhom, fil-kuntest tal-miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, hija limitata fid-dawl tal-fatt li dawn ma jibbenefikawx minn finanzjament speċifiku u huma eżaminati mill-Kummissjoni biss inkwantu dawn huma indissolubilment marbuta mal-attivitajiet l-oħra ssusidjati (premessi 122 u 181 tad-deċiżjoni kkontestata).

174    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-funzjonijiet soċjali, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-isptarijiet IRIS huma inkarigati b’funzjonijiet iddelegati miċ-CPAS, iddefiniti mill-Artikolu 57 tal-liġi organika taċ-CPAS, mid-digriet tat-13 ta’ Frar 2003, kif ukoll minn ftehim (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata).

175    Il-Kummissjoni tikkonstata li l-kontenut tal-funzjonijiet inkwistjoni huwa marbut mal-funzjonament tas-“servizz soċjali [li] jikkonsisti fl-assistenza lill-pazjenti u lill-familji tagħhom sabiex jiġu solvuti u ġġestiti problemi u diffikultajiet amministrattivi, finanzjarji, relazzjonali u soċjali relatati mal-istat ta’ mard, mas-soġġorn u mal-għoti ta’ kura fl-isptar, kif ukoll mal-perspettivi u mas-sitwazzjonijiet il-ġodda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jirrigwarda “għajnuna amministrattiva, akkompanjament psikosoċjali, rwol ta’ informazzjoni, ta’ prevenzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ kollaborazzjoni u ta’ koordinazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 52 u 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

176    Barra minn hekk, hija tindika li dawn huma attivitajiet mhux tal-isptarijiet, intiżi sabiex jagħtu lill-pazjenti u lill-qraba tagħhom, skont il-bżonnijiet tagħhom, għanjuna soċjo-materjali, soċjo-amministrattiva jew psikosoċjali flimikien mal-għajnuna medika tal-isptarijiet IRIS u li dawn il-funzjonijiet jikkonsistu fil-provvista ta’ għajnuna soċjali individwali flimkien mal-kura medika favur il-pazjenti (premessi 111 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

177    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li, hekk kif ġustament tindika r-rikorrenti, l-Artikolu 57 tal-liġi organika taċ-CPAS ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti għall-funzjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, peress li din hija dispożizzjoni legali indirizzata biss liċ-CPAS.

178    It-tieni nett, fir-rigward tad-digriet tat-13 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti targumenta li dan ma jiddefinixxix b’mod ċar il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku kkontemplati.

179    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li dan id-digriet, prodott mill-partijiet, jipprevedi sussidji speċjali annwali favur komuni, intiżi għat-“twettiq ta’ kompiti ta’ interess komunali”, iżda, hekk kif ġustament issostni r-rikorrenti, ma jinkludi ebda preċiżjoni dwar in-natura tal-kompiti ta’ interess komuni kkonċernati.

180    It-tielet nett, fir-rigward tal-ftehim konklużi fil-kuntest tal-funzjonijiet soċjali, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tonqos milli tiċċita d-dispożizzjonijiet konkreti li jippreċiżaw dawn il-funzjonijiet.

181    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ftehim konklużi bejn ir-Région Bruxelles-Capitale u l-komuni fil-kuntest tas-sussidju favur il-funzjonijiet soċjali (premessi 57 u 180 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni hemżet, mal-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011, il-ftehim standard konkluż bejn il-FRBRTC, ir-Région Bruxelles-Capitale, il-Commune de Bruxelles u ċ-CPAS ikkonċernat. L-Artikolu 1(b) u l-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim jipprovdu li self huwa mogħti lill-komun ikkonċernat “bħala intervent fl-aspett soċjali tal-isptar”, iżda l-ftehim ma jippreċiżax il-kontenut konkret ta’ dan l-“aspett soċjali”.

182    Fir-rigward tal-ftehim konklużi bejn iċ-CPAS u l-isptarijiet IRIS (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha, li dawn jimponu lill-isptarijiet IRIS iwettqu kompiti minflok iċ-CPAS, jiġifieri li jwettqu investigazzjonijiet soċjali u li jfittxu dokumenti ta’ prova.

183    Meta ġiet mistiedna tipproduċi l-ftehim inkwistjoni, il-Kummissjoni indikat, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011, li dan kien il-ftehim “domicile de secours”, li kien jorganizza wkoll il-funzjonijiet tal-isptarijiet tal-isptarijiet IRIS (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

184    Fir-risposta tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għall-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, li jipprovdi:

“L-isptar jista’ […] jirkupra l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kura mogħtija miċ-CPAS tal-komun li fih persuna hija iskritta fir-reġistri taċ-ċittadini residenti, tal-barranin jew tal-persuni li qed jistennew, meta din il-persuna […] hija ammessa jew mogħtija kura b’urġenza […] u hija rrikonoxxuta li tinsab fi stat ta’ faqar miċ-CPAS; l-isptar għandu jiġbor, sa fejn huwa possibbli, l-ewwel elementi kostituttivi tal-investigazzjoni soċjali u għandu jittrażmettihom liċ-CPAS […] Id-dikjarazzjoni ta’ iskrizzjoni f’wieħed mir-reġistri msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi vverifikata mill-isptar billi juża l-mezzi li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.”

185    Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni pprovduti matul il-kawża, it-twettiq ta’ dan il-kompitu, li jikkonsisti fil-ġbir tal-ewwel elementi meħtieġa sabiex iċ-CPAS ikun jista’ joħroġ ċertifikat, jikkorrispondi għall-ikbar parti tal-ispejjeż sostnuti minħabba funzjonijiet soċjali.

186    Issa, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kontenut tal-funzjonijiet soċjali inkwistjoni, dawn l-indikazzjonijiet ma jikkonkordawx kompletament mal-evalwazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata, li ma jirreferux għall-obbligu li jinġabru elementi meħtieġa sabiex iċ-CPAS ikun jista’ joħroġ ċertifikat, iżda janalizzaw il-funzjonament tas-servizz soċjali tal-isptar li jirrigwarda b’mod partikolari “akkompanjament psikosoċjali, rwol ta’ informazzjoni, ta’ prevenzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ kollaborazzjoni u ta’ koordinazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li huwa intiż sabiex jipprovdi “assistenza lill-pazjenti u lill-familja tagħhom sabiex jiġu solvuti u ġġestiti problemi u diffikultajiet amministrattivi, finanzjarji, relazzjonali u soċjali relatati mal-istat ta’ mard, mas-soġġorn u mal-għoti ta’ kura fl-isptar, kif ukoll mal-perspettivi u mas-sitwazzjonijiet il-ġodda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punti 175 u 176 iktar ’il fuq).

187    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku mhux tal-isptarijiet tal-isptarijiet IRIS, ir-rikorrenti pproduċiet numru ta’ indizji ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri eżaminati mal-kriterju relatat mal‑eżistenza ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku li għandha natura u kontenut iddefinit b’mod ċar.

188    Barra minn hekk, il-preċiżjonijiet li l-Kummissjoni għamlet waqt il-kawża ma neħħewx dawn id-dubji.

 Fuq l-eżistenza tal-parametri għall-kumpens stabbiliti minn qabel

189    Skont it-tieni kriterju tas-sentenza Altmark, il-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens huwa kkalkolat għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan il-kumpens jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi li jikkompetu magħha

190    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4(d) tad-Deċiżjoni 2005/842, l-atti uffiċjali li jafdaw il-ġestjoni tas-SIEĠ għandhom jindikaw “il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens”

191    L-Istat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mhux biss fir-rigward tad-definizzjoni ta’ funzjoni ta’ SIEĠ, iżda wkoll fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens għall-ispejjeż relatati mas-SIEĠ. B’mod partikolari xejn ma jimpedixxi lil-leġiżlatur nazzjonali milli jħalli lill-awtoritajiet nazzjonali ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-kumpens għall-ispejjeż sostnuti mit-twettiq ta’ funzjoni ta’ SIEĠ. Il-parametri inkwistjoni għandhom madankollu jkunu ppreċiżati b’mod li jiġi eskluż kull abbuż mill-Istat Membru fir-rigward tal-kunċett ta’ SIEĠ (sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 214).

192    Għaldaqstant, il-kriterju inkwistjoni jħalli lill-Istati Membri liberi li jagħżlu l-modalitajiet prattiċi sabiex jiżguraw l-osservanza tiegħu, sakemm il-modalitajiet għall-iffissar tal-kumpens jibqgħu oġġettivi u trasparenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T 317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punti 227 u 228). L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal dan il-għan għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi konkreti li fid-dawl tagħhom huwa ddeterminat l-ammont tal-kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TV 2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 230).

193    F’dan il-każ, il-miżuri eżaminati fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, miġbura fil-qosor fil-premessa 102 tagħha, jinkludu kemm il-kumpens mogħti lill-isptarijiet kollha bis-saħħa tal-iskema prevista mil-LCH ibbażata fuq l-iffissar tal-BMF, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, kif ukoll l-istrumenti applikabbli għall-isptarijiet IRIS biss, li jikkonsistu, l-ewwel nett, f’miżuri ta’ finanzjament tal-funzjonijiet tal-isptarijiet speċifiċi tal-isptarijiet IRIS, it-tieni nett, fl-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-1995 u, it-tielet nett, f’miżuri ta’ finanzjament tal-funzjonijiet soċjali tal-isptarijiet IRIS.

–       Fuq il-finanzjament tal-funzjonijiet tal-isptarijiet

194    Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-finanzjament tal-funzjonijiet tal-isptarijiet speċifiċi għall-isptarijiet IRIS jinkludi, minn naħa, il-kumpens għad-defiċit tal-attivitajiet tal-isptarijiet, ibbażat fuq l-Artikolu 109 tal-LCH u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu stabbilit fuq livell reġjonali permezz tal-FRBRTC sabiex jiġu temporanjament antiċipati l-ammonti neċessarji sabiex jiġi kopert id-defiċit (premessi 43 sa 48 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

195    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Artikolu 109 tal-LCH, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi finanzjament addizzjonali għall-benefiċċju tal-isptarijiet pubbliċi biss, li jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ teħid ta’ responsabbiltà għad-defiċit tal-isptarijiet pubbliċi mill-komuni, eżistenti fid-dritt Belġjan mill-1973. Din il-kopertura hija kkundizzjonata għad-determinazzjoni tal-ammont tad-defiċit mill-ministru kompetenti, bl-eċċezzjoni tad-defiċit tal-“attivitajiet li ma jaqawx taħt l-isptar” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bil-preċiżazzjoni permezz ta’ digriet irjali tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (premessi 43 sa 45 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata)

196    Għandu jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkonċernawx din il-miżura ta’ kumpens, applikabbli għall-isptarijiet pubbliċi Belġjani kollha, fiha nnifisha.

197    Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li, fil-kuntest tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti esklużivament ikkritikat l-allegat kumpens eċċessiv tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku permezz tal-FRBRTC. Fl-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, mehmuża mat-talba, hija indikat li ma kinitx qed tikkontesta “l-intervent tal-komuni fid-defiċit tal-isptarijiet pubbliċi, ibbażat fuq l-Artikolu 109 tal-Liġi dwar l-isptarijiet”, billi ppreċiżat li l-għan tal-ilment kien jikkonċerna “l-finanzjament mogħti mir-Reġjun […] favur l-isptarijiet [IRIS] biss”.

198    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx qed tikkontesta l-kopertura tad-defiċit tal-isptarijiet pubbliċi mill-komuni prevista fl-Artikolu 109 tal-LCH, fiha nnifisha, iżda biss sa fejn din kienet relatata ma’ allegati funzjonijiet speċifiċi tal-isptarijiet IRIS.

199    F’kull każ, hemm lok li jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi diversi indikazzjonijiet, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, relatati mal-parametri stabbiliti minn qabel tal-kumpens previst fl-Artikolu 109 tal-LCH.

200    Fil-fatt, mill-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kumpens inkwistjoni, irregolat mill-Artikolu 109 tal-LCH u mid-digriet irjali dwar il-miżuri ta’ implementazzjoni, japplika biss għad-defiċit relatat mal-attivitajiet tal-isptarijiet, approvat mill-ministru kompetenti, filwaqt li l-kriterji u l-proċedura li tirregola d-determinazzjoni ta’ dan id-defiċit huma barra minn hekk stabbiliti b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni. Mill-metodi ta’ kalkolu ta’ dan id-defiċit jirriżulta li l-kumpens huwa limitat għall-ispejjeż effettivament sostnuti fil-kuntest tas-servizz pubbliku tal-isptarijiet, mhux ikkumpensati b’miżuri oħra.

201    Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta r-rabta bejn il-kumpens inkwistjoni u l-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku speċifiċi tal-isptarijiet IRIS, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 109 tal-LCH jirreferi għall-kopertura tad-defiċit tal-isptarijiet iġġestiti miċ-CPAS, mill-assoċjazzjonijiet previsti fl-Artikolu 118 tal-liġi organika taċ-CPAS u mill-assoċjazzjonijiet interkomunali li jinkludu CPAS jew komun wieħed jew iktar.

202    Hekk kif ġustament tindika l-Kummissjoni, rabta mat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku li jirriżultaw mil-liġi organika taċ-CPAS hija għaldaqstant inerenti għas-sistema ta’ din id-dispożizzjoni.

203    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ separazzjoni ċara bejn l-ispejjeż ikkumpensati fil-kuntest tal-BMF u dawk li jistgħu jiġu koperti skont l-Artikolu 109 tal-LCH, ikkritikat mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni tindika, hija stess, li din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti mill-isptarijiet IRIS li jirriżultaw mill-funzjonijiet li huma wkoll iffinanzjati fil-kuntest tal-BMF, u b’mod partikolari, tat-taqsima B8 tiegħu, dwar il-pażjenti fil-bżonn ta’ għajnuna soċjali. Sa fejn l-ispejjeż eċċessivi ġġenerati minn dawn l-obbligi ma humiex ikkumpensati mill-BMF u jikkontribwixxu għad-defiċit tal-isptarijiet tal-isptarijiet IRIS, dawn huma parzjalment koperti mill-awtoritajiet pubbliċi abbażi tal-Artikolu 109 tal-LCH (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

204    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, din il-partikolarità mhux neċessarjament tqiegħed inkwistjoni t-trasparenza tal-parametri għall-kumpens

205    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-Artikolu 109 tal-LCH ikopri biss l-ispejjeż tas-servizz pubbliku tal-isptarijiet. Hija ma tressaqx argumenti li jindikaw li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu inklużi spejjeż li ma humiex relatati mal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku.

206    F’dan ir-rigward, għalkemm il-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni jinkludi kemm id-defiċit li jista’ jiġi kopert fil-kuntest tal-BMF kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali mhux koperti mill-BMF, ma huwiex ikkontestat li, globalment, l-Artikolu 109 tal-LCH huwa intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż tal-provvista ta’ servizz pubbliku, b’mod li jeskludi kull abbuż fir-rigward tal-kunċett ta’ SIEĠ.

207    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaqx argumenti li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-obbligu ta’ kopertura tad-defiċit tal-isptarijiet pubbliċi li jirriżulta mill-Artikolu 109 tal-LCH.

208    It-tieni nett, fir-rigward tal-fondi mogħtija biss lill-isptarijiet IRIS permezz tal-FRBRTC, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha peress li s-somom imħallsa permezz tal-FRBRTC jikkostitwixxu biss antiċipi rimborsabbli fuq somom dovuti lill-isptarijiet pubbliċi bis-saħħa tal-Artikolu 109 tal-LCH, l-intervent tal-FRBRTC jikkostitwixxi għaldaqstant “operazzjoni nulla” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija ssostni li, minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fil-funzjonament tal-FRBRTC, ma jistax jiġi stabbilit sa fejn dawn il-ħlasijiet ikopru d-defiċit tal-isptarijiet fis-sens tal-Artikolu 109 tal-LCH u li l-obbligu ta’ rimbors tal-antiċipi ma huwiex previst fl-atti uffiċjali.

209    Għandu jiġi osservat li, hekk kif ġustament issostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ttendi li tikkonfondi l-mekkaniżmu inkwistjoni, li jirrigwarda l-ħlas tal-fondi mill-FRBRTC, ma’ dak previst fl-Artikolu 109 tal-LCH.

210    Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-mekkaniżmu tal-antiċipi mogħtija permezz tal-FRBRTC jservi sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu impost lill-awtoritajiet lokali mill-Artikolu 109 tal-LCH (premessa 47), liema dispożizzjoni għaldaqstant tikkostitwixxi wkoll il-bażi legali għall-mekkaniżmu ta’ antiċipi (premessa 188).

211    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix evalwazzjoni separata tal-parametri stabbiliti minn qabel għall-kumpens relatati mal-mekkaniżmu ta’ antiċipi mogħtija mill-FRBRTC, iżda tillimita ruħha tanalizza l-parametri għall-kumpens relatati mal-Artikolu 109 tal-LCH (premessi 175 et seq).

212    Meta ġiet mistoqsija dwar dan fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011, li l-Artikolu 109 tal-LCH u l-mekkaniżmu tal-antiċipi tal-FRBRTC “jikkoinċidu u huma s-suġġett ta’ applikazzjoni korrelatata”, u għaldaqstant jikkonċernaw “essenzjalment l-istess mekkaniżmu ta’ kumpens”.

213    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament permezz tal-FRBRTC jista’ jiġi kkwalifikat bħala miżura ta’ għajnuna separata minn dik li tikkonsisti fil-kopertura tad-defiċit skont l-Artikolu 109 tal-LCH.

214    Fil-fatt, anki jekk jiġi aċċettat li dan huwa kumpens li jservi sabiex jiġi kopert biss id-dewmien kunsiderevoli fil-ħlasijiet previsti bis-saħħa tal-Artikolu 109 tal-LCH u li għandu sussegwentement jitħallas lura (premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jistax jiġi eskluż li dan jagħti vantaġġ lill-isptarijiet, minkejja li wieħed temporanju, u, għaldaqstant, jista’ jiġi kkwalifikat bħala miżuri ta’ kumpens separati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, Ġabra p. I‑5243, punt 45).

215    Għaldaqstant, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tevalwa separatament il-parametri għall-finanzjament relatati mal-mekkaniżmu relatat mal-FRBRTC, għandu jiġi kkonstatat li din wettqet eżami inkomplet tal-miżura ta’ għajnuna kkonċernata.

216    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod żbaljat issostni, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011, li dawn il-parametri “huma ta’ importanza sekondarja ħafna fl-analiżi, għaliex, essenzjalment, dawn jikkonċernaw il-finanzjament tal-komuni u mhux tal-isptarijiet”.

217    Din it-teżi hija kkontradixxuta mill-premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata li skontha l-fondi mogħtija lill-komuni mir-Région Bruxelles-Capitale, permezz tal-FRBRTC, huma intiżi sabiex jikkumpensaw id-defiċit tal-isptarijiet IRIS u huma mħallsa lil dawn tal-aħħar.

218    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim konkluż bejn il-FRBRTC u l-komuni bil-għan li jiġi organizzat il-kumpens inkwistjoni, mehmuż mal-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2011, jipprovdu li “l-fondi mqegħda għad-dispożizzjoni [tal-]komun għandhom jitħallsu lill-isptar fi żmien [massimu ta’] 7 ijiem tax-xogħol” (Artikolu 4)

219    Minn dawn il-premessi jirriżulta li, fir-rigward tal-finanzjament speċifiku tal-isptarijiet IRIS permezz tal-FRBRTC, l-argumenti tar-rikorrenti li jagħtu prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri eżaminati mal-kriterju relatat mal-parametri stabbiliti minn qabel għall-kumpens.

–       Fuq l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-1995

220    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwalifika bħala dejn irrekuperabbli, deċiża f’Ġunju 1996, ta’ self ta’ EUR 100 miljun, mogħti mill-FRBRTC lill-komuni ta’ Brussell ikkonċernati, sabiex dawn “isolvu sal-31 [ta’ Diċembru] 1995 il-passiv tal-likwidazzjoni tal-isptarijiet”. Il-kwalifika bħala dejn irrekuperabbli ġiet ikkonfermata mill-Gvern tar-Région Bruxelles-Capitale fl-1999, wara li kkonstata li l-komuni kienu qed josservaw il-pjanijiet finanzjarji tagħhom (b’mod partikolari il-premessi 65 sa 68 u 178 sa 200 tad-deċiżjoni kkontestata).

221    Fir-risposta tagħha l-Kummissjoni tindika li dan kien teħid ta’ responsabbiltà għas-somom dovuti mill-komuni lill-isptarijiet IRIS abbażi tad-defiċit akkumulat bejn l-1989 u l-1993.

222    Ir-rikorrenti ma tikkontestax din l-aħħar kunsiderazzjoni, iżda ssostni, essenzjalment, li s-self irrekuperabbli inkwistjoni juri li l-antiċipi mħallsa mill-FRBRTC ma humiex rimborsabbli, li s-sommom antiċipati ma għandhomx rabta ċara mad-defiċit skont l-Artikolu 109 tal-LCH u li, għaldaqstant, kumpens eċċessiv ma jistax jiġi eskluż. Hija tikkritika nuqqas ta’ trasparenza tal-funzjonament tal-FRBRTC.

223    Għandu jiġi osservat li s-self inkwistjoni huwa, fl-evalwazzjoni li saret mid-deċiżjoni kkontestata, distint b’mod ċar mill-miżuri l-oħra eżaminati, intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tas-SIEĠ sostnuti matul il-perijodi sussegwenti għar-ristrutturazzjoni tal-1995.

224    Il-Kummissjoni tindika li r-ristrutturazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi ta’ Brussell, li saret fil-31 ta’ Diċembru 1995, kienet tipprevedi l-likwidazzjoni tal-isptarijiet l-antiki u t-trasferiment ta’ attivitajiet lejn strutturi ġodda li għandhom personalità ġuridika tagħhom stess u li huma ġuridikament u finanzjarjament awtonomi (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata)

225    Għaldaqstant, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija eżaminata mill-Kummissjoni, “inkwantu din l-għajnuna […] tista’ tiġi annalizzata bħala li tibbenefika lil entitajiet ġuridiċi ġodda, li jissuċċedu lill-isptarijiet il-qodma li jaqgħu taħt iċ-CPAS, li kienu l-benefiċjarji diretti ta’ din l-għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 124 u nota ta’ qiegħ il-paġna 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

226    Skont il-Kummissjoni, l-għajnuna inkwistjoni tikkonċerna l-likwidazzjoni ta’ defiċit tal-attivitajiet tal-isptarijiet, skont l-Artikolu 109 tal-LCH, għall-perijodu mill-1989 sad-data tar-ristrutturazzjoni. Għaldaqstant, din tikkonċerna funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet mwettqa qabel l-1996 mill-isptarijiet pubbliċi taċ-CPAS. Barra minn hekk, din ingħatat abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-1994 u tal-1995 li jagħtu, minn din id-data, dritt irrevokabbli għall-finanzjament, u bbenefikat lill-isptarijiet IRIS biss b’mod indirett, għaliex dawn l-isptarijiet ma kellhomx, dak iż-żmien, personalità ġuridika tagħhom stess (premessa 178)

227    Ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti li jistgħu jikkontestaw il-kompatibbiltà tal-miżuri kkunsidrati f’dawn l-evalwazzjonijiet.

228     Barra minn hekk, filwaqt li targumenta li hemm nuqqas ta’ trasparenza fil-funzjonament tal-FRBRTC, ir-rikorrenti tonqos milli tispjega kif il-kundizzjonijiet għas-self inkwistjoni, mogħti fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-1995 u intiż sabiex ikopri d-djun akkumulati mill-isptarijiet pubbliċi bejn l-1989 u l-1993, jistgħu jsostnu l-argument tagħha relatat man-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-fondi l-oħra mogħtija mill-FRBRTC.

229    Issa, huwa paċifiku li dawn il-fondi l-oħra jikkonċernaw perijodu differenti, sussegwenti għall-1995, u ngħataw f’kuntest ġuridiku separat li jirriżulta mir-riforma tal-1995.

230    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti, relatati mal-kundizzjonijiet għas-self relatat mar-ristrutturazzjoni tal-1995

–       Fuq il-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali

231    Fir-rigward tal-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali tal-isptarijiet IRIS, il-Kummissjoni tirrileva li l-ispejjeż ta’ dawn il-missjonijiet huma kkumpensati minn sussidju speċjali, skont id-digriet tat-13 ta’ Frar 2003. Hija tippreċiża li din hija miżura li l-baġit annwali tagħha, ta’ EUR 10 miljuni għall-perijodi ineżami, kien ġie adottat kull sena mill-Parlament tar-Région Bruxelles-Capitale u li seta’ għaldaqstant regolarment jiġi rrivedut mill-awtoritajiet pubbliċi (premessi 53 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

232    Ir-rikorrenti targumenta dwar in-nuqqsas ta’ parametri stabbiliti minn qabel għall-kumpens għall-funzjonijiet soċjali, billi essenzjalment tikkontesta r-rabta bejn is-sussidju inkwistjoni u l-ispiża għat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet. Hija ssostni li l-ftehim konklużi fil-kuntest tas-sussidju huma astratti wisq, u li n-nuqqasijiet tagħhom ġew irrilevati fil-pariri tal-ispettorat tal-finanzi tal-Ministeru tar-Région Bruxelles-Capitale li jindikaw li ftehim standard ma jinkludi ebda riferiment għall-kompiti li fir-rigward tagħhom is-sussidju huwa mogħti u, għaldaqstant, ebda kontroll tal-użu ta’ dan is-sussidju ma huwa possibbli

233    Għandu jiġi osservat li l-pariri tal-ispettorat tal-finanzi invokati mir-rikorrenti, miksuba matul ix-xhar ta’ Awwissu 2010, ma jifformawx parti mill-elementi li l-Kummissjoni seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Għal din ir-raġuni, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 sa 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

234    Fir-rigward tal-kritiki tar-rikorrenti relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sussidju previst mid-digriet tat-13 ta’ Frar 2003, għandu jiġi osservat li minn dan id-digriet jirriżulta li l-Gvern tar-Région Bruxelles-Capitale jista’ jagħti, kull sena, sussidju speċjali wieħed jew iktar favur komuni intiż għat-twettiq ta’ kompiti ta’ interessi komunali (Artikolu 2).

235    Il-Gvern jiddetermina, minn naħa, il-proċedura ta’ pproċessar tat-talbiet għall-għoti, il-lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati, il-modalitajiet għall-likwidazzjoni tas-sussidji u l-modalitajiet għar-rimbors tagħhom f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-funzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-ammont tas-sussidji, li jkunu “ugwali għal mill-inqas għal ħamsin fil-mija, u għal mill-iktar għal mija fil-mija, tal-ispiża tat-twettiq tal-kompiti u tal-funzjonijiet [ta’ interess komunali]” (Artikolu 3 tal-istess digriet). Barra minn hekk hija prevista l-konklużjoni ta’ ftehim bejn ir-Région Bruxelles-Capitale u l-komun benefiċjarju sabiex jiġu ddeterminati l-impenji rispettivi tagħhom (Artikolu 4).

236    Barra minn hekk, il-Kummissjon tindika li s-sistema ta’ finanzjament inkwistjoni hija applikata mill-ftehim konkluż mal-komuni kkonċernati li jipprovdi li s-sussudju huwa mogħti “għall-finijiet tal-funzjonijiet soċjali tal-isptarijiet pubbliċi”, u li l-funzjonijiet soċjali ssusidjati jikkonċernaw attivitajiet “li l-kontenut tagħhom huwa ddeterminat minn qabel u speċifikat fil-pjanijiet strateġiċi IRIS”, filwaqt li l-parametri għall-ispejjeż huma wkoll determinabbli minn qabel (premessi 57 u 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

237    F’dan ir-rigward, il-ftehim konkluż bejn ir-Région Bruxelles-Capitale u wieħed mill-komuni kkonċernati, mehmuż mill-komuni ta’ Brussell intervenjenti (punt 47 iktar ’il fuq) man-nota ta’ intervent tagħhom, jipprovdi għall-ħlas ta’ sussidju speċjali, skont id-digriet tat-13 ta’ Frar 2003, bil-għan li tiġi ssodisfatta funzjoni ta’ interess komunali, intitolata “Intervent tal-komun fil-funzjonijiet soċjali tal‑isptarijiet pubbliċi ta’ Brussell” (Artikolu 1). Dan is-sussidju għandu jitħallas kollu u fi żmien ħmistax–il jum lill-istpart IRIS ikkonċernat (Artikolu 2 tal-ftehim).

238    Barra minn hekk, l-Artikolu 1(b) tal-ftehim konkluż bejn l-FRBRTC u l-komuni kkonċernati, prodott mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali u mehmuż mal-ittra tat-18 ta’ Novembru 2011, jipprovdi li l-FRBRTC “jimpenja ruħu jikkontribwixxi għall-ekwilibriju ġenerali tal-finanzi tal-Komun permezz tal-għoti ta’ self li jippermettilu […] jipparteċipa fil-finanzjament tal-aspett soċjali li jirriżulta mill-pjan finanzjarju u mir-ristrutturazzjoni [tal-isptar IRIS ikkonċernat]”.

239    Hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-atti prodotti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti matul il-kawża ma jespliċitawx il-modalitajiet finanzjarji relatati mas-sussidju inkwistjoni u, għaldaqstant, ma jistgħux jikkontradixxu l-argument tar-rikorrenti relatat mal-applikazzjoni tal-kriterju bbażat fuq il-parametri stabbiliti minn qabel għall-kumpens.

240    Hemm lok li jitfakkar ukoll li l-Artikolu 3 tad-digriet tat-13 ta’ Frar 2003 jipprovdi b’mod partikolari għall-adozzjoni tal-modalitajiet għall-għoti tas-sussidji, għall-likwidazzjoni tagħhom, u għar-rimbors tagħhom f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-funżjonijiet (punt 235 iktar ’il fuq).

241    Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix analiżi ta’ dawn il-modalitajiet, iżda tillimita ruħha tiċċita l-Artikolu 3(2) tal-istess digriet, li skontu s-sussidji huma “ugwali għal mill-inqas għal ħamsin fil-mija, u għal mill-iktar għal mija fil-mija, tal-ispiża tat-twettiq tal-kompiti u tal-funzjonijiet [ta’ interess komunali]”.

242    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li la mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-elementi prodotti mill-Kummissjoni matul il-kawża ma jirriżulta li din kienet eżaminat il-kontenut tal-funzjonijiet soċjali kkonċernati mis-sussidju speċjali inkwistjoni, qabel ma kkonstatat li l-ammont tal-kumpens kien iddeterminat abbażi ta’ modalitajiet oġġettivi u trasparenti.

243    Fil-fatt, l-atti li jirregolaw dan is-sussidju, jiġifieri d-digriet tat-13 ta’ Frar 2003 u l-ftehim iċċitati iktar ’il fuq, jirreferu biss għall-“element/aspett soċjali” jew għall-“funzjonijiet soċjali”, mingħajr ma jippreċiżaw il-kontenut eżatt ta’ dawn it-termini, u ma jirreferux b’mod ċar għall-finanzjament tas-servizz soċjali intiż sabiex jagħti lill-pazjenti u lill-qraba tagħhom għajnuna amministrattiva jew psikoloġika flimkien mal-għajnuna medika (ara l-punti 175 u 176 iktar ’il fuq).

244    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġustament issostni li l-Kummissjoni kien imissha kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ kumpens prevista mill-ftehim konkluż bejn il-FRBRTC u l-komuni kkonċernati, relatat mal-funzjonijiet soċjali tal-isptarijiet IRIS, fid-dawl tal-kriterju relatat mal-eżistenza ta’ parametri stabbiliti minn qabel għall-kumpens.

 Fuq l-eżistenza tal-modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumepens eċċessiv kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ kumpens eċċessiv.

245    Skont l-Artikolu 4(e) tad-Deċiżjoni 2005/842, l-atti uffiċjali li jafdaw il-ġestjoni tas-SIEĠ lill-impriża kkonċernata għandhom jinkdikaw “l-arranġamenti biex jiġi evitat u jiġi rkuprat kumpens eċċessiv”.

246    L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/842, dwar l-ammont tal-kumpens, jipprovdi, b’mod partikolari dan li ġej:

“1. Il-kumpens m’għandux jisboq dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispiża li ssir fleżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku wara li jittieħed kont tad-dħul rilevanti u ta’ profitt raġonevoli fuq il-kapital proprju għall-eżekuzzjoni ta’ dawk l-obbligi. Dan il-kumpens għandu jkun użat konkretament sabiex jitħaddem is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, bla ħsara għall-possibbiltà li l-intrapriża tkun tista’ tgawdi b’mod normali l-profitt raġjonevoli tagħha.

[…]

2. L-ispejjeż li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha involuti fit-tħaddim tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għandhom ikunu kkalkolati, fuq il-bażi ta’ prinċipji tal-kontabbiltà analitika aċċettati b’mod ġenerali, kif ġej:

(a)      Meta l-attivitajiet tal-intrapriża inkwistjoni ikunu limitati għas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, ikunu jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha […]”

247    Dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni it-tielet kriterju tas-sentenza Altmark, li skontha l-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi

248    Barra minn hekk, skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/842, l-Istati Membri għandhom iwettqu jew jaraw li jitwettqu kontrolli regolari sabiex jiġi evitat il-kumpens eċċessiv, għandhom jeħtieġu r-rimbors ta’ kull kumpens eċċessiv eventwali u għandhom jaġġornaw il-parametri għall-kumpens. Meta l-kumpens eċċessiv ma jeċċedix l-10 % tal-kumpens annwali, dan jista’ jiġi ttrasferit u mnaqqas mill-kumpens dovut għall-perijodu segwenti.

249    F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri inkwistjoni mill-angolu ta’ dawn ir-rekwiżiti, fil-premessi 182 sa 201 ta-deċiżjoni kkontestata, u kkonkludiet li l-kriterji inkwistjoni kienu ssodisfatti.

250    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni b’argumenti li jikkonċernaw, minn naħa, in-nuqqas ta’ kontroll ta’ kumpens eċċessiv li jikkonċerna l-funzjonijiet speċifiċi tal-isptarijiet u mhux tal-isptarijiet tal-isptarijiet IRIS u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kumpens eċċessiv fir-realtà fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ funzjonijiet, inkluż dak li jikkonċerna l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-isptarijiet tal-1995

–       Fuq l-eżistenza tal-modalitajiet li jppermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv fil-kuntest tal-finanzjament tal-funzjonijiet tal-isptarijiet

251    Ir-rikorrenti ssostni li l-mekkaniżmi li jippermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv invokati fid-deċiżjoni kkontestata huma vagi wisq, inkwantu dawn jillimitaw ruħhom jistipulaw prinċipji “purament kunċettwali”, billi jindikaw, pereżempju, li l-kumpens eċċessiv huwa pprojbit. B’mod parikolari, fir-rigward tal-mekkaniżmu tal-antiċipi mogħtija permezz tal-BRBRTC, hija targumenta dwar in-nuqqas ta’ obbligu li jiġu rrimborsati l-antiċipi.

252    Għandu jiġi osservat li, fil-premessi 182 sa 190 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament teżamina, fid-dawl tal-Artikolu 4(e) tad-Deċiżjoni 2005/842, l-eżistenza tal-modalitajiet, previsti mill-atti ta’ mandat, li jippermettu li jiġi evitat u kkoreġut il-kumpens eċċessiv.

253    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-missjonijiet tal-isptarijiet li jirriżultaw mil-LCH, id-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi l-modalitajiet ġenerali previsti mil-LCH, mhux ikkontestati mir-rikorrenti (premessi 182 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata), billi tindika li l-funzjonijiet speċifiċi, ikkumpensati skont l-Artikolu 109 tal-LCH, “jaqgħu taħt l-istess sistema ta’ finanzjament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 190 tal-istess deċiżjoni) u li d-definizzjoni tad-defiċit, irregolata mid-digrieti rjali li jimplementaw din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi modalità li tippermetti li jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż inammissibbli (premessa 189).

254    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, din l-evalwazzjoni ma tagħtix prova tan-natura insuffiċjenti tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni.

255    B’mod partikolari, il-modalitajiet deskritti ma jillimitawx ruħhom jistabbilixxu l-prinċipju li jipprojbixxi l-kumpens eċċessiv, iżda jinkludu l-kriterji għall-istabbiliment tad-defiċit relatat mal-attività tal-isptar, stabbilit mill-Ministru Federali.

256    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-funzjonijiet tal-isptarijiet permezz tal-antiċipi mogħtija mill-FRBRTC, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-determinazzjoni tad-defiċit skont l-Artikolu 109 tal-LCH isseħħ b’dewmien kunsiderevoli, li jista’ jwassal sa għaxar snin. Għal din ir-raġuni, sussidju huwa mogħti lill-komuni kkonċernati, “bħala antiċipu fir-rigward tad-defiċit”. Dan jikkonċerna l-fondi, li “skont stimi probabbli, għandhom jippermettu li tiġi koperta parti mid-defiċit tal-isptarijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u huwa intiż “sabiex jantiċipa temporanjament l-ammonti neċessarji sabiex jiġi kopert id-defiċit tal-isptarijiet pubbliċi ta’ Brussell, sakemm jiġi stabbilit id-defiċit definittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 47 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

257    Bid-differenza għall-atti uffiċjali invokati fid-deċiżjoni kkontestata, relatati mad-determinazzjoni tad-defiċit skont l-Artikolu 109 tal-LCH u intiżi sabiex jillimitaw dan id-defiċit għall-attivitajiet li jaqgħu taħt is-servizz pubbliku tal-isptarijiet (premessi 43 sa 45 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ma tirreferix għall-atti li jimponu dispożizzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-fondi mogħtija mill-FRBRTC.

258    Għall-kuntrarju, mill-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn il-fondi huma bbażati fuq “stimi probabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-defiċit, mingħajr preċiżjoni oħra.

259    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tressaq ebda argument li jista’ jikkonfuta l-kritika tar-rikorrenti relatata man-nuqqas ta’ obbligu ċar li jirrigwarda r-rimbors tal-antiċipi riċevuti mill-FRBRTC.

260    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li, meta l-Ministru kompetenti japprova definittivament il-kontijiet abbażi tal-Artikolu 109 tal-LCH, l-isptarijiet “jirrimborsaw lill-komuni l-antiċipi riċevuti temporanjament permezz tal-FRBRTC” (premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

261    Fir-rigward tal-bażi ġuridika ta’ dan l-obbligu, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà tal-Istat, filwaqt li tindika li, “fil-każ li d-defiċit tal-isptar tal-isptarijiet inkwistjoni jkun ikbar mid-defiċit stabbilit mill-Ministru [kompetenti] abbażi tal-Artikolu 109 tal-LCH, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti [jibqgħu] responsabbli għad-differenza fid-defiċit tal-isptar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

262    Ir-rikorrenti ssosstni li dawn l-indikazzjonijiet ma humiex biżżejjed sabiex tintwera l-eżistenza tal-obbligu legali li jiġu rrimborsati l-antiċipi riċevuti mill-FRBRTC, fil-każ li d-differenza definittivament stabbilita skont l-Artikolu 109 tal-LCH tkun inqas mill-istimi.

263    Fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011 għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ma tirreferix għal-leġiżlazzjoni invokata fil-premessa 183 tad-deċiżjoni tagħha, iżda tiċċita l-Artikolu 7 tad-digriet dwar il-FRBRTC li jikkonċerna l-impenn mill-komuni li jirrimborsaw is-self mogħti […] meta […] il-pjan ma huwiex osservat jew meta is-self riċevut ikun intuża għal spejjeż oħra. (punti 39 sa 43)

264    Issa, għandu jiġi osservat li, fil-preċiżjonijiet pprovduti matul il-kawża, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet legali differenti minn dawk relatati mal-kontabbiltà tal-Istat, li għalihom isir riferiment fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dawn l-elementi l-ġodda, li minnhom ma jirriżultax li l-isptarijiet huma obbligati jirrimborsaw lill-komuni d-differenza eventwali tal-antiċipi relatati mad-defiċit iddeterminat skont l-Artikolu 109 tal-LCH, ma humiex biżżejjed sabiex jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ dubju dwar l-obbligu li jiġu rrimborsati l-antiċipi.

265    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-elementi prodotti mill-Kummissjoni matul il-kawża ma humiex biżżejjed sabiex ineħħu d-dubji, invokati mir-rikorrenti, dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-finanzjament tal-isptarijiet IRIS permezz tal-FRBRTC fid-dawl tal-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv u li jiġi żgurat ir-rimbors tiegħu.

–       Fuq l-eżistenza tal-modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv fil-kuntest tal-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali

266    Fir-rigward tal-funzjonijiet soċjali, ir-rikorrenti tammetti li s-sussidju speċjli mogħti għalihom huwa limitat għall-kopertura tad-defiċit tal-isptarijiet IRIS, iżda ssostni li l-użu tiegħu ma huwa suġġett għal ebda modalità li tippermetti li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv.

267    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-teħid ta’ responsabbiltà miċ-CPAS tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-provvista ta’ servizzi soċjali ma huwiex awtomatiku, għaliex il-kumpens huwa suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti minn dawn iċ-CPAS, li jippermettu li jiġi evitat kumpens indebitu (premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata).

268    Din il-kunsiderazzjoni tagħti x’jinftiehem li ċ-CPAS jikkontrollaw, huma stess, il-kumpens tal-funzjonijiet soċjali, u li, peress li dawn huma awtoritajiet pubbliċi li huma rrappreżentati fil-korpi tal-assoċjazzjoni IRIS, dan huwa biżżejjed sabiex jiġi evitat kull abbuż fir-rigward tal-kumpens tal-funzjonijiet soċjali.

269    Din il-kunsiderazzjoni tassumi, madankollu, li s-sussidji kkonċernati huma effettivament akkumpanjati minn rekwiżiti li jippermettu li jiġi evitat kumpens eċċessiv.

270    F’’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni tirreferi għad-digriet tat-13 ta’ Frar 2003 li jorganizza s-sussidji speċjali kkonċernati.

271    Issa, għandu jitfakkar li, filwaqt li dan l-att jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu, l-adozzjoni tal-modalitajiet tal-likwidazzjoni tas-sussidji inkwistjoni kif ukoll il-modalitajiet għar-rimbors tagħhom f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-missjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda analiżi ta’ dawn il-modalitajiet differenti.

272    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-fatt li ċ-CPAS jistgħu jikkonkludu l-“ftehim ma’ persuni, entitajiet jew servizzi li għandhom il-mezzi neċessarji sabiex iqiegħdu fil-prattika d-diversi soluzzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u l-kwalità [tas‑]servizz soċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

273    Hija sussegwentement tindika li “t-teħid ta’ responsabbiltà miċ-CPAS tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-provvista ta’ kura fl-isptarijiet u mis-servizzi soċjali […] ma huwiex awtomatiku sa fejn l-aċċess għall-kumpens huwa suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti minn dawn iċ-CPAS” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jippermettu li jiġi evitat kumpens eċċessiv.

274    Hemm lok li jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tippreċiżax liema huma l-ftehim li jikkonfermaw l-eżistenza tar-rekwiżiti relatati mal-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali.

275    Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għall-ftehim “domicile de secours”, mehmuż mar-risposti tagħha tat-18 ta’ Novembru 2011 (punt 126 iktar ’il fuq). Issa, għandu jitfakkar li dan essenzjalment jorganizza l-kura mogħtija lill-persuni assistiti miċ-CPAS u ma jirreferix għall-finanzjament tas-servizz soċjali tal-isptar kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-servizz intiż, essenzjalment, sabiex jagħti lill-pazjenti u lill-qraba tagħhom għajnuna amministrattiva jew psikoloġika flimkien mal-għajnuna medika (ara l-punti 175 u 176 iktar ’il fuq).

276    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kemm il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll dak tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni jikkonfermaw l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-evalwazzjonijiet mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv fil-kuntest tal-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali.

277    Fil-fatt, fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u tal-elementi invokati matul il-kawża, hemm dubju dwar id-destinazzjoni eżatta tas-sussidju previst mid-digriet tat-13 ta’ Frar 2003 u, għaldaqstant, dwar in-natura suffiċjenti tal-modalitajiet li jippermettu li jiġi żgurat li dan ma jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ikkawżati mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

278    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti pproduċiet l-indizji li jagħtu prova tal-preżenza ta’ dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri tal-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali speċifiċi tal-isptarijiet IRIS mal-kriterju relatat mal-eżistenza ta’ modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv.

–       Fuq in-nuqqas ta’ kumpens eċċessiv fir-realtà

279    Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ għajnuna eżaminati, il-Kummissjoni vverifikat in-natura adegwata tal-ammont li jirriżulta mill-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni fit-totalità tagħhom.

280    Għaldaqstant, sabiex tivverifika l-osservanza tan-nuqqas ta’ kumpens eċċessiv matul il-perijodu ineżami, mill-1996 sal-2007, il-Kummissjoni eżaminat ir-riżultati annwali tas-SIEĠ tal-isptarijiet IRIS, billi ħadet inkunsiderazzjoni id-dħul kollu tas-SIEĠ, jiġifieri d-dħul tas-SIEĠ ta’ oriġini privata kif ukoll pubblika u l-finanzjamenti mogħtija mill-BMF, l-ispejjez kollha relatati, kif ukoll il-kumpens kollu għal SIEĠ, jiġfieri dak mogħti skont l-Artikolu 109 tal-LCH u, mill-2003, dak mogħti bħala kumpens għall-funzjonijiet soċjali ddelegati miċ-CPAS.

281    Id-data sintentika li rriżultat minn dan l-eżerċizzju hija riprodotta fit-tabella li tinsab fil-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata.

282    Abbażi ta’ din id-data, il-Kummissjoni kkonstatat kumpens nieqes tas-SIEĠ matul il-perijodu eżaminat, għall-isptarijiet IRIS kollha ikkunsidrati globalment. Tlieta minn dawn l-sptarijiet irċevew kumpens eċċessiv mingħajr dewmien fuq sena finanzjarja jew sentejn li, skont il-Kummissjoni, ġie ttrasferit għall-perijodu segwenti u mnaqqas mill-ammont tal-kumpens dovut għal dan l-aħħar perijodu, peress li dan it-trasferiment ma kienx eċċeda l-limitu ta’ 10 % tal-kumpens annwali previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/842 (premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata).

283    Barra minn hekk, fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-1995, il-Kummissjoni kkonstatat li peress li “l-likwidazzjoni tat-telf skont l-Artikolu 109 tal-LCH għall-perijodu 1989-1993 [kienet] ta’ madwar [EUR] 95 miljun filwaqt li s-self – ikkwalifikat bħala dejn irrekuperabbli – għall-istess perijodu [kien] ta’ madwar [EUR] 98 miljun, jiġifieri total ta’ madwar [EUR] 193 miljun għal defiċit akkumulat ta’ madwar [EUR] 200 miljun” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-kumpens eċċessiv seta’ għaldaqstant jiġi eskluż.

284    Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżami tar-riżultati annwali tal-isptarijiet IRIS, imwettaq mill-Kummissjoni fil-premessi 198 sa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, billi ssostni li hija kienet ippreżentat lill-Kummissjoni elementi li jindikaw li kien hemm kumpens eċċessiv fir-rigward tad-defiċit definittiv tal-isptarijiet IRIS għall-perijodu mill-1989 sal-1993 u li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax li d-differenza inkwistjoni kienet ġiet rimborsata.

285    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-portata tal-kamp ta’ investigazzjoni kopert mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni preliminari kif ukoll il-kumplessità tal-fajl ikkunsidrat jistgħu jindikaw li l-proċedura inkwistjoni eċċediet sewwa dak li normalment jimplika eżami preliminari mwettaq fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE. Issa, dan il-fatt jikkostitwixxi indizju li jagħti prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, T‑388/03, Ġabra p. II‑199, punt 106).

286    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-estent tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, li sunt tagħha jinsab fil-premessi 198 sa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa importanti ħafna, peress li din l-analiżi timplika l-verifika tar-riżultati finanzjarji kollha u tal-kumpens tal-isptarijiet IRIS, fuq perijodu ta’ iktar minn għaxar snin, bejn l-1996 u l-2007, inkluż, fost oħrajn, il-fondi relatati mar-ristrutturazzjoni tal-isptarijiet tal-1995 li, skont il-Kummissjoni, jikkorrispondu mal-ispejjeż sostnuti minn dawn l-isptarijiet bejn l-1989 u l-1993.

287    Il-kamp temporali u kwantitattiv tad-data suġġetta għall-verifika inkwistjoni, peress li huma barra minn hekk involvuti ħames entitajiet ġuridiċi separati li għandhom, kull waħda minnhom, il-baġit tagħhom stess, jindika l-kumplessità tax-xogħol li l-Kummissjoni ħadet fid-deċiżjoni kkontestata.

288    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw l-eżattezza tal-kalkoli li sunt tagħhom jinsab fil-premessi 198 sa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-estent u l-kumplessità tal-evalwazzjonijiet mwettqa mill-Kummissjoni għal dan il-għan jikkostitwixxu, fihom infushom, indizju li jsostni t-teżi tar-rikorrenti bbażata fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

 Fuq l-applikabbiltà tal-kriterju bbażat fuq l-analiżi tal-ispejjeż fir-rigward ta’ impriża medja, iġġestita tajjeb u adegwatament mgħammra

289    Skont ir-raba’ kriterju stabbilit bis-sentenza Altmark, meta l-għażla tal-impriża inkarigata bit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-livell ta’ kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, iġġestita tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, tkun sostniet sabiex twettaq dawn l-obbligi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul korrispondenti kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

290    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni skont l-Artikolu 86(2) KE, jekk dan il-kriterju kienx issodisfatt.

291    Għadu jitfakkar li l-allegata kundizzjoni relatata mal-effikaċità ekonomika ta’ impriża fil-provvista tas-SIEĠ bl-ebda mod ma tirriżulta mid-Deċiżjoni 2005/842, applikabbli f’dan il-każ.

292    Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, ir-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna skont l-Artikolu 86(2) KE, peress li l-kundizzjonijiet ta’ din il-kompatibbiltà huma distinti mill-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza Altmark, stabbiliti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, Ġabra p. II-471, punti 129 sa 140, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Novembru 2009, Andersen vs Il‑Kummissjoni, T‑87/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 57).

293    Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni, l-effikaċità ekonomika ta’ impriża fil-provvista tas-SIEĠ u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk impriżi inkarigata bis-SIEĠ tistax tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku bi spiża inqas, hija irrilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, permezz tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, l-Artikolu 86(2) KE huwa intiż biss sabiex jimpedixxi li l-operatur inkarigat bis-SIEĠ jibbenefika minn finanzjament li jeċċedi l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku (sentenza M6 u TF1 vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 140 u 141).

294    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja armonizzata, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tiddeċiedi fuq il-portata tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, jiġifieri l-livell tal-ispejjeż relatati ma’ dan is-servizz, lanqas fuq l-opportunità tal-għażliet politiċi meħuda, f’dan ir-rigward, mill-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas fuq l-effikaċità ekonomika tal-operatur pubbliku (ara s-sentenza M6 u TF1 vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

295    Ir-rikorrenti b’mod żbaljat tallega li din is-soluzzjoni ma ssegwix is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2009, FAB vs Il‑Kummissjoni (T‑8/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 64). Fil-fatt, din is-sentenza tikkonċerna l-kwalifikazzjoni ta’ sussidji bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, u mhux il-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern skont l-Artikolu 86(2) KE.

296    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għal SIEĠ, tat-23 ta’ Marzu 2011 [COM(2011) 146], għandu jiġi osservat li dan huwa dokument ta’ diskussjoni relatat mar-riforma tar-regoli tas-SIEĠ, li jesponi ċerti osservazzjonjiet ta’ lege ferenda, li ma jistgħux jitqiesu bħala font ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali attwali.

297    F’kull każ, il-punt 4.2.2.2 ta’ dan id-dokument invokat mir-rikorrenti ma jikkorroborax it-teżi tagħha. Dan il-punt jikkonċerna biss, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, “L-Effiċjenza ta’ Servizzi Kummerċjali fuq Skala Kbira responsabbilizzati b’Obbligi ta’ Servizz Pubbliku”, is-setturi kkaratterizzati minn attivitajiet kummerċjali fuq skala kbira. Il-Kummissjoni hawnhekk tindika li “[l]-Pakkett [SIEĠ] ma jiħux madankollu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż sostnuti mill-fornitur humiex tal-istess natura bħal dawk ta’ impriża ġġestita tajjeb” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li fil-kuntest tar-riforma inkwistjoni, “il-Kummissjoni teżamina għaldaqstant sa fejn kellha tingħata importanza ikbar lill-effiċjenza u lill-kwalità għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat favur is-SIEĠ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li tfakkar in-neċessità li tiġi osservata “d-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-Istati Membri f’dan il-qasam” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

298    Fl-aħħar, b’mod iktar teoretiku, ir-rikorrenti tistaqsi għaliex ġestjoni ħażina kellha tiġi kkumpensata b’għajnuna mill-Istat, billi tikkwalifika din il-pożizzjoni bħala “teżi tal-ħofra s-sewda”

299    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument ta’ natura ġenerali ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

300    Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterju relatat mal-effikaċità ekonomika ta’ impriża fil-provvista tas-SIEĠ ma jaqax taħt l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-Artikolu 86(2) KE, inkwantu l-għażla relatata mal-effikaċità ekonomika tal-operatur pubbliku mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali ma tistax għaldaqstant tiġi kkritikata fuq dan il-punt.

301    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta minn nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kriterju relatat mal-effikaċità tal-ġestjonarji tas-servizz pubbliku inkwistjoni, ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq it-trasparenza

302    Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-isptarijiet IRIS ma jissodisfawx il-kundizzjonjiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/723, issostitwita bid-Direttiva 2006/111.

303    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikoli 1 u 3 ta’ din id-direttiva kienu ssodisfatti fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-isptarijiet IRIS, inkwantu l-fondi pubbliċi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom kienu jirriżultaw b’mod ċar mill-kontijiet u inkwantu l-użu tal-fondi għall-kopertura tal-ispejjeż relatati mas-SIEĠ ġie stabbilit b’mod ċar. Ir-rekwiżit ta’ kontabbiltà separata għall-attivitajiet SIEĠ kif ukoll ir-rekwiżit ta’ allokazzjoni adatta tad-dħul u tal-ispejjeż kollha għas-SIEĠ (Artikolu 4 tad-direttiva) kienu ssodisfatti. L-awtoritajiet Belġjani bagħtu lill-Kummissjoni id-data kollha neċessarja, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva (premessi 215 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata).

304    Hija u tikkontesta din l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti tinvoka l-“opaċità kompleta tas-sistema”, billi tirreferi għall-argument li skontu ma huwiex possibbli li jiġu kkalkolati bi preċiżjoni l-pagamenti magħmula lill-isptarijiet IRIS mir-Région Bruxelles-Capitale fil-kuntes tal-FRBRTC, u lanqas sa fejn dawn il-pagamenti jkopru biss id-defiċit ta’ dawn l-isptarijiet skont l-Artikolu 109 tal-LCH. Skont ir-rikorrenti, il-pagamenti mwettqa jeċċedu d-defiċit tal-isptarijiet mingħajr ma huwa indikat jekk l-ammonti eċċessivi kinux ġew irrimborsati.

305    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, peress li d-direttivi invokati jikkonċernaw it-trażmissjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni, l-allegat ksur tar-rekwiżiti li huma jistabbilixxu ma jistax jiġi pprovat bil-fatt li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikseb l-informazzjoni. Issa, fir-rigward tat-trasparenza tal-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tillimita ruħha tirrepeti l-argumenti tagħha relatati mal-eżistenza tal-kumpens eċċessiv diġà kkunsidrati iktar ’il fuq (punti 279 sa 288 iktar ’il fuq).

306    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 80/723, issostitwita bid-Direttiva 2006/111, ma jistax jikkostitwixxi indizju separat tad-diffikultajiet serji li l-Kummissjoni ltqagħet magħhom matul l-eżami tal-miżuri inkwistjoni.

 Konklużjoni

307    Fid-dawl ta’ dan kollu li jippreċedi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata juru li l-Kummissjoni kien imissha kkonstatat il-preżenza ta’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-eżami inkwistjoni.

308    Fil-fatt, ir-rikorrenti allegat numru ta’ indizji konkordanti li jagħtu prova tal-eżistenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri eżaminati fir-rigward tal-kriterji relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ mandat iddefinit b’mod ċar relatat mal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tal-isptarijiet u soċjali, speċifiċi għall-isptarijiet IRIS, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ parametri għall-kumpens stabbiliti minn qabel u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv fil-kuntest tal-finanzjament ta’ dawn il-missjonijiet ta’ servizz pubbliku (rispettivament, il-punti 168, 187, 219, 244, 265 u 278 iktar ’il fuq).

309    Barra minn hekk mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u mid-dokumenti prodotti matul l-istanza jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet analiżi insuffiċjenti tal-elementi rilevanti (punti 169 u 215 iktar ’il fuq) u li ċerti evalwazzjonijiet mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex koerenti (punti 134 u 186 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni, in-natura tal-evalwazzjonijiet mwettqa mill-Kummissjoni sabiex tiġi eskluża l-preżenza ta’ kumpens eċċessiv tikkostitwixxi indizju addizzjonali tad-diffikultajiet serji (punti 288 iktar ’il fuq).

310    Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwasslu sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-investigazzjoni preliminari li fi tmiema l-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kienu kompatibbli mas-suq intern.

311    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, anki jekk l-indizji ta’ diffikultajiet serji prodotti mir-rikorrenti mhux neċessarjament jaffettwaw l-aspetti kollha ta’ finanzjament tas-SIEĠ tal-isptarijiet IRIS eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, xorta waħda, l-analiżi mwettqa f’din id-deċiżjoni għandha titqies bħala li hija affettwata, fl-intier tagħha, mill-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

312    Fil-fatt, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għal “numru ta’ finanzjamenti pubbliċi bħala kumpens għall-funzjonijiet ta’ SIEĠ tal-isptarijiet u mhux tal-isptarijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li minnhom kienu jibbenefikaw l-isptarijiet IRIS. Bl-istess mod, mill-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li hija kienet obbligata tivverifika, fl-intier tagħhom, il-finanzjamenti pubbliċi riċevuti mill-isptarijiet IRIS fil-kuntest tas-SIEĠ, anki jekk ir-rikorrenti ma kinitx qed tikkontesta dawn il-finanzjamenti kollha fl-ilment tagħha. Fl-evalwazzjoni globali mogħtija lir-riżultati annwali tas-SIEĠ fil-premessi 198 u 199 tad-deċiżjoni kkontestta, is-sistema ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku tal-isptarijiet IRIS hija kkunsidrata bħala waħda. Barra minn hekk, il-miżuri inkwistjoni ġew ikkunsidrati, bħala li jifformaw parti minn “skema” ta’ għajnuna, waqt il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ĠU 2010, C 74, p. 1).

313    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex tiġbor kull element rilevanti għall-finijiet tal-verifika tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna kollha inkwistjoni mas-suq intern, kif ukoll sabiex tippermetti lir-rikorrenti, u lill-partijiet l-oħra interessati, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

314    Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, hemm lok li t-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tiġi milqugħa, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati, ibbażati fuq il-kundizzjonjiet ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

315    Peress li r-rikors ġie milqugħ, ma hemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti fir-replika tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

316     Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, filwaqt li l-Qorti Ġenerali tista’ wkoll tordna li parti intervenjenti oħra għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

317    Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, skont it-talbiet tagħha. Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8120, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 54/09 mogħtija mir-Renju tal-Belġju favur il-finanzjament tal-isptarijiet pubbliċi tan-netwerk IRIS tar-Région de Bruxelles-Capitale hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Coordination bruxelloise d’institutions sociales et de santé (CBI).

3)      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Région Bruxelles-Capitale (il-Belġju), il-Commune d’Anderlecht (il-Belġju), il-Commune d’Etterbeek (il-Belġju), il-Commune d’Ixelles (il-Belġju), il-Ville de Bruxelles (il-Belġju) u l-Commune de Saint-Gilles (il-Belġju) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Novembru 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-kuntest ġuridiku Belġjan

Il-liġi kkoordinata dwar l-isptarijiet

Il-liġi organika taċ-CPAS

In-netwerk ta’ sptarijiet pubbliċi ta’ Brussell

Il-finanzjament tal-isptarijiet

– Miżuri applikabbli għall-isptarijiet kollha

– Il-finanzjament skont l-Artikolu 109 tal-LCH

– Il-miżuri speċifiċi applikabbli għall-isptarijiet IRIS

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

– Fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE

– Fuq in-natura partikolari tas-servizz pubbliku tal-isptarijiet

Fuq l-eżistenza ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku ddefinita b’mod ċar

– Fuq il-preżenza ta’ att ta’ awtoritŕ pubblika li jikkostitwixxi l-mandat

– Fuq il-mandat relatat mal-funzjonijiet tal-isptarijiet speċifiċi tal-isptarijiet IRIS

– Fuq il-mandat relatat mal-funzjonijiet mhux tal-isptarijiet tal-isptarijiet IRIS

Fuq l-eżistenza tal-parametri għall-kumpens stabbiliti minn qabel

– Fuq il-finanzjament tal-funzjonijiet tal-isptarijiet

– Fuq l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-1995

– Fuq il-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali

Fuq l-eżistenza tal-modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumepens eċċessiv kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ kumpens eċċessiv.

– Fuq l-eżistenza tal-modalitajiet li jppermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv fil-kuntest tal-finanzjament tal-funzjonijiet tal-isptarijiet

– Fuq l-eżistenza tal-modalitajiet li jippermettu li jiġi evitat il-kumpens eċċessiv fil-kuntest tal-finanzjament tal-funzjonijiet soċjali

– Fuq in-nuqqas ta’ kumpens eċċessiv fir-realtà

Fuq l-applikabbiltà tal-kriterju bbażat fuq l-analiżi tal-ispejjeż fir-rigward ta’ impriża medja, iġġestita tajjeb u adegwatament mgħammra

Fuq it-trasparenza

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


*Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.