Language of document : ECLI:EU:C:2013:113

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Frar 2013 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji – Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja – Impożizzjoni ta’ tariffa tal-infrastruttura ferrovjarja – Direttivi 91/440/KEE u 2001/14/KE – Traspożizzjoni inkompleta”

Fil-Kawża C‑473/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Støvlbæk, B. Simon u A. Sipos, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér Miklós u G. Koós kif ukoll minn K. Szíjjártó, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u T. Müller kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar u B. Majczyna kif ukoll minn M. Laszuk, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, u J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha:

–        mal-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 875, iktar ’il quddiem id-Direttiva 91/440), u

–        mal-Artikoli 4(2), 14(2), 6(1) u (2), 7(3), 8(1) u 11 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”),

l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet [tariffi] u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar.”

3        Il-lista ta’ funzjonijiet essenzjali msemmija fl-istess Artikolu 6(3), li tinsab fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 hija fformulata hekk:

–        “preparazzjoni u teħid tad-deċiżjonjiet relatati ma’ l-illiċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji inklużi l-għoti ta’ liċenzi individwali,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi [mogħdijiet] inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi tal-ferrovija individwali,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ l-iċċarġjar [impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura,

–        l-osservanza tas-sorveljanza ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa fil-provvista ta’ċerti servizzi.”

4        Il-premessi 11, 15 u 20 tad-Direttiva 2001/14 huma fformulati kif ġej:

“11)      Il-piżijiet u skemi ta’ [Is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi u ta’] allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

[...]

15)      Intrapriżi tal-binarji u l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom jiġu pprovduti b’inċentivi biex jiġi minimizzat id-disturb u jitjieb it-twettiq tan-network.

(20)      Huwa xieraq li jingħata grad ta’ flessibbiltà lil amministraturi infrastrutturali sabiex ikun possibbli użu iktar effiċjenti tan-network ta’ l-infrastruttura.”

5        L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet [għall-impożizzjoni ta’ tariffi] waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.

2.      Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet, deskritti f’ dan il-Kapitolu, ta’ xort’ oħra mill-ġbir tal-piżijiet [ta’ tariffi] għandhom jitwettqu minn korp tal-piżijiet [ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] li hu indipendenti fil-forma legali, fl-organizzazzjoni u fit-teħid-tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

6        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, inklużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet [tariffi] ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn fuq in-naħa l-oħra.

[…]

2.      Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet ta’ l-aċċesss.”

7        L-Artikolu 7(3) tal-istess direttiva jipprovdi li:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti a bażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija.”

8        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex ikun hemm rkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċcipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetitività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija

Iżda l-livell tal-piżijiet [tat-tariffi] m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.”

9        L-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

  Id-dritt Ungeriż

10      Il-Liġi XCV tal-1993 dwar il-linji tal-ferroviji stabbilixxiet, fl-2004, organu indipendenti mill-impriżi ferrovjarji, il-Vasúti Pályakapacitás-elosztó Szervezet (iktar ’il quddiem il-“VPE”).

11      Skont l-Artikolu 62 tal-Liġi CLXXXIII tal-2005 dwar it-trasport permezz tal-linji tal-ferrovija (2005 évi CLXXXIII törvény a vasúti közlekedésről Magyar Közlöny 2005/172, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-linji tal-ferrovija”), il-funzjonijiet ta’ allokazzjoni tal-mogħdijiet u ta’ stabbiliment ta’ tariffi jitwettqu mill-VPE.

12      L-Artikolu 28(1) tal-imsemmija liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“F’isem l-Istat, il-ministru jintrabat kuntrattwalment – bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-baġit – biex jiffinanzja l-ispejjeż rikonoxxuti bħala ġustifikati fil-qafas tal-amministrazzjoni tan-netwerk mill-impriża ferrovjarja responsabbli għall-amministrazzjoni tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali u mid-dipendenzi tiegħu, kif ukoll il-linji tal-ferrovija reġjonali u d-dipendenzi tagħhom, li ma humiex koperti mit-tariffa għall-aċċess għan-netwerk jew mill-operazzjonijiet l-oħrajn ta’ din l-impriża. It-termini tal-imsemmi kuntratt għandhom jiġu ffissati b’mod li jinkoraġġixxu lill-amminsitratur tan-netwerk li jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi tiegħu kif ukoll it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk, mingħajr ħsara għas-sigurtà tat-trasport jew il-kwalità tas-servizz.”

13      L-Artikolu 31(2)(b) ta’ din l-istess liġi jipprovdi li “fl-interess tas-sigurtà tat-traffiku ferrovjarju […], l-amministratur tal-infrastruttura – sakemm tkun spiċċat is-sitwazzjoni ta’ periklu – għandu d-dritt li jagħlaq il-linji tal-ferrovija, jew il-partijiet tal-linja tal-ferrovija li jkunu mhedda bil-periklu, kif ukoll li jneħħi l-mogħdijiet ferrovjarji mogħtija fuq il-partijiet ikkonċernati, billi jinforma, meta dan l-għeluq ikun jaffettwa intersezzjoni, lill-amministrazzjoni inkarigata mir-rotta kkonċernata.”

14      L-Artikolu 55(8) tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

“Jekk, skont kull previżjoni, it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ma jkunux ikopru l-ispejjeż u n-nefqiet kollha ġġustifikati tal-amministratur tal-infrastruttura li huma aċċessibbli liberament, it-tariffa abbażi tas-servizzi ddefiniti fl-Artikolu 54(1) u (3) sa (5), tista’ tkun suġġetta għal żieda ġenerali li ma tistax tkun aktar minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż u n-nefqiet kollha ġġustifikati, liema żieda tieħu f’kunsiderazzjoni ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji, ir-rekwiżit ta’ użu effikaċi tal-infrastruttura, tal-kompetittività tat-tranżitu ferrovjarju internazzjonali, tal-prinċipju ta’ trasparenza u tat-trattament ugwali.”

15      Ir-Regolament Nru 83/2007 (X.6) GKM-PM jirrigwarda l-qafas tas-sistema ta’ tariffi għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja u r-regoli fundamentali tal-istabbiliment tat-tariffa għall-aċċess għall-infrastruttura (Magyar Közlöny 2007/134).

16      Ir-Regolament Nru 101/2007 (XII.22) GKM dwar il-modalitajiet tal-aċċess miftuħ għall-infrastrutturi ferrovjarji jipprovdi fl-Artikolu 23(1) tiegħu:

“Meta amministratur ta’ infrastruttura jkun neħħa mogħdija ferrovjarja skont l-Artikolu 31(2)(b) tal-[Liġi dwar il-linji tal-ferrovija], l-organu responsabbli għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandu joffri, fuq talba tal-persuna kkonċernata, mogħdija ferrovjarja oħra magħżula fost il-kapaċitajiet disponibbli.”

17      Il-VPE jippubblika kull sena regolament dwar l-operat tan-netwerk (Hálózati Üzletszabályzat). Ir-Regolament dwar l-operat tan-netwerk 2009–2010 jipprovdi fil-Punt 4.3(9):

“Il-[VPE] għandu jinforma bid-deċiżjonijiet tiegħu ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet lill-benefiċjarji kkonċernati, lill-amministraturi tal-infrastruttura u lill-korp li jamministra l-linji tal-ferrovija.”

18      Fil-Punt 4.8.1, bit-titolu “Linji gwida dwar l-istabbiliment mill-ġdid taċ-ċirkulazzjoni normali”, dan l-istess regolament jipprovdi:

“a)      F’każ ta’ devjazzjoni mill-programm u mill-iskeda normali, it-tmexxija tas-servizzi operattivi tal-amministratur tal-infrastruttura hija obbligata li tieħu miżuri xierqa sabiex ittemm it-tfixkil u tistabbilixxi mill-ġdid it-traffiku skont il-programm u l-iskeda. […]

b)      Il-benefiċjarji tal-aċċess għan-netwerk għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’mod permanenti persuna ta’ kuntatt li hija awtorizzata biex tieħu deċiżjonijiet jew inkella direttur tagħhom stess, li d-direttur tal-amministratur tal-infrastruttura għandu jinforma f’każ ta’ tfixkil jew periklu u li l-bżonnijiet tiegħu jittieħdu f’kunsiderazzjonijiet għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid ta’ kundizzjonijiet normali ta’ ħidma.

c)      Forza maġġuri u ċirkustanzi straordinarji imprevedibbli oħrajn:

–        L-amministratur tal-infrastrutura huwa obbligat, f’każ ta’ tfixkil għaċ-ċirkulazzjoni ferrovjarja kkawżata minn ħsarat tekniċi jew inċidenti, li jagħmel dak kollu li hu meħtieġ sabiex jistabbilixxi mill-ġdid kundizzjonijiet normali t’a użu. Għal dan il-għan huwa għandu jfassal pjan ta’ urġenza, li jinkludi l-korpi li għandhom jiġu informati f’każ ta’ inċidenti serji jew tfixkil serju li jinqalgħu għaċ-ċirkulazzjoni ferrovjarja.

–        Fuq talba tal-amministratur tan-netwerk, il-benefiċjarju tal-aċċess għan-netwerk huwa obbligat, bi ħlas, li jipprovdi l-mezzi meqjusa l-iktar adatti għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid fil-pront ta’ kundizzjonijiet normali ta’ ħidma.

–        L-amministratur tal-infrastruttura jista’ f’każ ta’ periklu li jrendi momentarjament inutilizzabbli n-netwerk ferrovjarju u waqt li jinforma lill-partijiet ikkonċernati, li jneħħi l-mogħdijiet tal-ferrovija allokati għat-tul ta’ żmien meħtieġ sabiex is-sitwazzjoni terġa’ tinġieb lura għan-normal. Fuq talba tal-parti kkonċernata, il-[VPE] toffrilha, għal dak it-tul ta’ żmien, mogħdija ferrovjarja oħra magħżula fost il-kapaċitajiet disponibbli.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19      B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni intimat lill-Ungerija biex tippreżentalha l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll taħt l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, u dawk taħt l-Artikoli 3, 6(1), 6(2) sa (5), 7(3), 8, 11 u 30(3) tad-Direttiva 2001/14.

20      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2008, l-Ungerija rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni. Din l-ittra kienet issupplimentata minn ittri oħrajn, b’mod partikolari dik tal-10 ta’ Ġunju 2009.

21      B’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Ungerija fejn hija kkonstatat li din tal-aħħar ma ssodisfatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll taħt l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14, u lanqas taħt l-Artikoli 6(1), 6(2), 7(3), 8(1) u 11 tal-istess direttiva. Il-Kummissjoni talbet lil dan l-Istat Membru biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

22      B’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2009, l-Ungerija rrispondiet għall-opinjoni motivata u kkontestat l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni.

23      Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tal-Ungerija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, li huwa bbażat fuq ħames ilmenti.

24      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2011, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Ungerija. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2011, ir-Repubblika Taljana ġiet ammessa biex tintervjeni insostenn tal-istess talbiet fuq il-bażi tal-Artikolu 93(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data ta’ dan id-digriet. Ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Latvja ma ppreżentawx osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas ipparteċipaw għall-proċedura orali.

25      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ħabbret li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-ħames ilment tar-rikors tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/14, dwar l-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi tan-netwerk ferrovjarju.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment dwar l-indipendenza tal-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovjarji

 L-argumenti tal-partijiet

26      Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, impriża ferrovjarja ma tistax tieħu deċiżjoni dwar l-allokazzjonijiet tal-mogħdijiet tal-ferrovija, peress li l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija hija funzjoni essenzjali sabiex tiggarantixxi aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura li tissemma fl-Anness II tal-istess direttiva u li għall-eżerċizzjoni tagħha huwa applikabbli r-rekwiżit ta’ indipendenza. L-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura b’hekk għandha taqa’ taħt il-kompetenza ta’ organu ta’ allokazzjoni indipendenti.

27      L-amministrazzjoni tat-traffiku hija parti mill-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u għandha titwettaq fl-Ungerija mill-VPE, li huwa organu indipendenti mill-impriżi ferrovjarji, u mhux minn MÁV Zrt. (iktar ’il quddiem “MÁV”) u GySEV Zrt. (iktar ’il quddiem “GySEV”) li huma impriżi ferrovjarji kif ukoll l-amministraturi tal-infrastruttura.

28      Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-amministratur tat-traffiku għandu jkun aġġornat bid-deċiżjonijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet sabiex ikun jista’ jwettaq din l-amministrazzjoni. Għalkemm, fl-Ungerija, l-amministraturi tal-infrastruttura, MÁV u GySEV, huma informati, skont ir-regolament tal-operat tan-netwerk, dwar kull deċiżjoni ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, huma essenzjalment isiru parti involuta f’dan il-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

29      Il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li impriża ferrovjarja li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tat-traffiku tikseb minnha vantaġġ kompetittiv inkwantu, biex tkun tista’ twettaq il-kompiti inerenti għal tali amministrazzjoni, din l-impriża għandha neċessarjament ikollha tagħrif dettaljat dwar is-servizzi offruti mill-impriżi ferrovjarji, il-volum tas-servizzi u l-iskedi. Ikun kontra l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 jekk impriża ferrovjarja, tkun liema tkun, tkun tista’ jkollha tagħrif, permezz tal-attività ta’ amministrazzjoni tat-traffiku, dwar l-użu tal-infrastruttura mill-kompetituri tagħha jew jekk tkun tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tieħu deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija jew it-tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

30      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-amministrazzjoni tat-traffiku timplika, fil-każ ta’ tfixkil fis-servizz jew ta’ periklu, li l-amministratur tat-traffiku jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet normali tat-traffiku. F’każ bħal dan, l-amministratur tat-traffiku ma jkollux għażla oħra għajr li jinjora l-iskeda deċiża qabel sabiex jalloka mill-ġdid il-mogħdijiet tal-ferrovija u l-kapaċità tan-netwerk disponibbli. Fl-Ungerija, hija r-responsabbiltà taż-żewġ amministraturi tal-infrastruttura li jieħdu l-miżuri intiżi biex jiġi rrimedjat it-tfixkil filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-impriżi ferrovjarji.

31      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li, f’sitwazzjoni ordinarja, l-amministratur tat-traffiku jillimita ruħu li jeżegwixxi d-deċiżjonijiet meħuda mill-VPE, jorganizza ċ-ċirkulazzjoni tal-vaguni tal-merkanzija skont l-iskedi u ma għandux influwenza fuq id-deċiżjonijiet ta’ tqassim tal-kapaċitajiet jew tal-allokazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-fatt li dan l-amministratur jintervjeni lokalment sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid it-traffiku fil-każ ta’ periklu jew ta’ tfixkil jimplika, skont il-Kummissjoni, li huwa jieħu deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija u li huwa għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. It-tneħħija ta’ mogħdija tal-ferrovija b’hekk hija wkoll intervent li hija funzjoni essenzjali li tolqot l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija fis-sens tal-Anness II tad-Direttiva 91/440.

32      Rigward ir-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni tat-traffiku u l-amministrazzjoni tal-infrastruttura, il-Kummissjoni tfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza li għalih hija suġġetta l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija japplika wkoll meta din l-allokazzjoni sseħħ fil-qafas tal-amministrazzjoni tat-traffiku. Din tal-aħħar tinkludi għadd kbir ta’ kompiti li b’mod ċar ma humiex relatati mal-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, bħall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta’ mogħdijiet kif ukoll investimenti oħrajn, li minnhom jinkarigaw ruħhom l-impriżi ferrovjarji.

33      L-Ungerija ssostni li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, jitqiesu bħala funzjonijiet essenzjali l-attivitajiet imsemmija espressament fl-Anness II tal-imsemmija direttiva. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiddefinixxi b’mod mhux eżawrjenti l-funzjonijiet li, għalkemm jistgħu jkunu attivitajiet fis-sens ta’ dan l-istess Anness II jew jaqgħu taħt dawn tal-aħħar, jistgħu jitwettqu wkoll minn impriżi ferrovjarji.

34      Il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tippermettix lill-amministratur tat-traffiku li jipproċedi għad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-mogħdijiet tal-ferrovija, anki fil-każ ta’ periklu jew ta’ tfixkil. Huwa fil-kompetenza esklużiva tal-VPE, bħala organu indipendenti, li jalloka l-mogħdijiet tal-ferrovija u li jqassam il-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

35      Fil-fatt, minn naħa, il-missjoni essenzjali tal-amministratur tat-traffiku hija li jeżegwixxi d-deċiżjonijiet ta’ tqassim tal-kapaċitajiet u ta’ allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija adottati mill-VPE. L-amministratur tat-traffiku ma għandux is-setgħa li jieħu deċiżjoni f’dan il-qasam u ma jistax jikkontrolla l-mogħdijiet tal-ferrovija attribwiti u lanqas il-kapaċitajiet. Fil-kuntest tas-servizz ta’ għassa ta’ 24 siegħa, il-VPE jinsab f’pożizzjoni li jirċievi u li jipproċessa t-talbiet għal mogħdijiet tal-ferrovija f’kull ħin tal-ġurnata.

36      Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ periklu jew ta’ tfixkil fis-servizz, l-amministratur tat-traffiku lanqas ikollu s-setgħa li jqassam il-kapaċitajiet. F’każ bħal dan, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid ċirkulazzjoni normali, dan l-amministratur ikun f’pożizzjoni li jintervjeni immedjatament u jadotta miżuri li jiggarantixxu kemm jista’ jkun malajr l-użu ta’ massimu ta’ mogħdijiet tal-ferrovija u ta’ kapaċitajiet fost dawk allokati mill-VPE. Madankollu, fil-każ ta’ mogħdijiet tal-ferrovija li ma jkunux jistgħu jitqiegħu f’servizz minkejja l-miżuri adottati, l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jannulla mogħdija tal-ferrovija. L-Ungerija tispeċika li t-tneħħija tal-mogħdijiet tal-ferrovija mill-amministratur tat-traffiku hija possibbli biss meta parti minn din il-mogħdija momentarjament ma tkunx tista’ tintuża u ċ-ċirkulazzjoni tkun bi kwalunkwe mod impossibbli. B’hekk din ma hijiex deċiżjoni diskrezzjonarja ta’ projbizzjoni li tintuża mogħdija, iżda għeluq temporanju ta’ parti minn mogħdija tal-ferrovija għal raġunijiet ta’ sigurtà li matulu VPE jkollu jipprovdi mogħdija ferrovjarja oħra għad-dispożizzjoni tal-impriża ferrovjarja kkonċernata.

37      Skont l-imsemmi Stat Membru, l-istabbiliment mill-ġdid taċ-ċirkulazzjoni normali tal-ferroviji, li jinvolvi miżuri ta’ natura teknika u ta’ sigurtà ferrovjarja, minn naħa, u l-allokazzjoni mill-ġdid tal-mogħdijiet tal-ferrovija li għandha tiġi eżegwita mill-VPE, min-naħa l-oħra, huma żewġ attivitajiet differenti.

38      Minn dan isegwi, skont l-Ungerija, li l-amministratur tat-traffiku ma għandu ebda influwenza fuq l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, għaliex dan iseħħ fi stadju upstream tat-tqegħid f’ċirkulazzjoni. L-amministratur tal-infrastruttura għandu l-obbligu li jikkonkludi kuntratt li huwa konformi mal-mogħdija tal-ferrovija allokata mal-benefiċjarju tad-dritt ta’ aċċess u li jippermetti ċ-ċirkulazzjoni tal-ferrovija skont il-mogħdija tal-ferroviija allokata, taħt piena għall-amministratur tal-infrastruttura li jbati l-konsegwenzi ġuridiċi previsti mill-kuntratt. Għaldaqstant, il-fatt li tittieħed konjizzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet, wara li dawn ikunu ġew adottati ma huwiex ekwivalenti għal teħid ta’ deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u lanqas jippermettu lill-amministratur tal-infrastruttura li jislet minnhom vantaġġ kompetittiv.

39      L-imsemmi Stat Membru jqis li l-amministrazzjoni tat-traffiku hija parti mill-amministrazzjoni tal-infrastruttura, b’mod li ma huwiex realistiku li ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ attivitajiet u tipprekludi l-implementazzjoni ta’ ammistrazzjoni tajba tat-traffiku. Ir-relazzjoni stretta bejn l-amministrazzjoni tat-traffiku u l-amministrazzjoni tal-infrastruttura hija, barra minn hekk, indikata mid-Direttiva 91/440, li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3, jipprovdi li tista’ tifforma parti mill-missjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura l-amministrazzjoni tas-sistemi ta’ regolazzjoni u ta’ sigurtà.

40      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li hija taqbel mal-argument tal-Ungerija li l-intervent eventwali tal-amministratur tat-traffiku fil-każ ta’ tfixkil tat-traffiku jew ta’ periklu ma jimplika ebda allokazzjoni ġdida tal-mogħdijiet tal-ferrovija. Dan jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ reazzjoni ad hoc, li għaliha tkun ippreparata biss l-entità li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum tat-traffiku ferrovjarju.

41      Il-Gvern tal-Polonja jfakkar ukoll li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jeżiġi biss li jintlaħaq l-għan ta’ aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura. Il-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14 tirreferi għal dan l-għan. Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda argument ta’ fatt jew ta’ liġi li juri li l-Ungerija ma kisbitx dan l-għan.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tattribwixxi l-amministrazzjoni tat-traffiku liż-żewġ kumpanniji amministraturi tal-infrastruttura, jiġifieri MÁV u GySEV, li huma wkoll impriżi ferrovjarji, u mhux lill-VPE, li huwa organu indipendenti, sa fejn l-ammistrazzjoni tat-traffiku hija parti, parzjalment, fil-fehma tagħha, mill-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija.

43      Il-Kummissjoni u l-Ungerija jipprekludu f’dan ir-rigward fuq il-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni tat-traffiku, u iktar partikolarment fil-kaz ta’ tfixkil tiegħu u ta’ periklu, timplikax deċiżjonijiet ta’ allokazzjonijiet ta’ mogħdijiet tal-ferrovija u, fl-affermattiv, jekk din l-amministrazzjoni għandhiex għaldaqstant tiġi rriżervata għal organu indipendenti.

44      Għandu jitfakkar li d-Direttiva 91/440 nediet il-liberalizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju intiża li tiżgura aċċess ekwu u nondiskriminatorju tal-impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura. Sabiex jiggarantixxi tali aċċess, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 stabbilixxa l-prinċipju tal-indipendenza tal-korp responsabbli mill-funzjonijiet essenzjali, li huma elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva.

45      Skont dan l-Anness II, huma meqjusa bħala funzjonijiet essenzjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(3), it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jikkonċernaw il-ħruġ ta’ liċenzji lill-impriżi ferrovjarji, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, inkluża d-definizzjoni u l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà, kif ukoll l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija individwali, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ tariffi u l-kontroll tal-osservanza tal-obbligi ta’ servizz pubbliku meħtieġa għall-provvista ta’ ċerti servizzi.

46      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-imsemmi Anness II jelenka bħala funzjoni essenzjali, li għandha tiġi fdata lil organu indipendenti, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, madankollu huwa ma jsemmix l-amministrazzjoni tat-traffiku. Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jqis din tal-aħħar bħala funzjoni essenzjali, huwa kien jindikaha espressament billi jelenka din il-funzjoni f’dan l-istess anness.

47      Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-għan li jiġi żgurat, lil kull impriża ferrovjarja, kundizzjonijiet għal aċċess ekwu u nondiskriminatorju, huwa mfakkar fil-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14. Skont din il-premessa, is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi u ta’ allokazzjoni ta’ kapaċitajiet għandhom jiżguraw lill-impriżi kollha aċċess ugwali u nondiskriminatorju u jipprovaw sa fejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet tal-utenti kollha u t-tipi kollha ta’ traffiku ekwu u nondiskriminatorju.

48      Is-segwitu ta’ dan l-għan jimmanifesta ruħu permezz tal-prinċipju tal-indipendenza tal-funzjoni ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet li huwa stabbilit fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, għalkemm l-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex indipendenti mill-impriżi ferrovjarji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu u deskritti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Allokazzjoni tal-kapaċità infrastrutturali”, għandhom isiru minn organu ta’ allokazzjoni indipendenti mill-impriżi ferrovjarji.

49      Fost il-kompiti li huma deskritti fl-imsemmi Kapitolu III u li għandhom jiġu fdati lil korp indipendenti, hemm lok jissemmew b’mod partikolari t-tlestija ta’ proċeduri għal allokazzjoni tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni bil-għan ta’ allokazzjoni effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura li tinkludi diversi netwerks, il-programmazzjoni tal-iskeda ta’ servizz li hija darba kull sena, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija individwali ad hoc u l-koordinazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija mitluba sabiex jiġi żgurat l-aħjar adattament possibbli bejniethom. Konsegwentement, huma meqjusa li jagħmlu parti mill-funzjoni essenzjali tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet fis-sens tad-Direttivi 91/440 u 2001/14 l-attivitajiet ta’ natura amministrattiva li jikkonċernaw essenzjalment il-programmazzjoni, l-istabbiliment tal-iskeda ta’ servizz u l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija indidwali ad hoc.

50      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/14 jiddefinixxi l-“mogħdija tal-ferrovija” bħala l-kapaċità infrastrutturali meħtieġa sabiex titmexxa ferrovija bejn żewġ postijiet f’terminu determinat. L-allokazzjoni ta’ mogħdija tal-ferrovija lil impriża ferrovjarja permezz tal-inklużjoni tagħha fl-iskeda ta’ servizz jew permezz ta’ deċiżjoni ad hoc skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva tikkostitwixxi, għal din l-impriża, id-dritt li tuża kapaċitajiet speċifiċi tal-infrastruttura. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-istess direttiva, li tirreferi għad-“dritt ta’ l-użu ta’ kapaċità speċifika infrastrutturali fil-forma ta’ mogħdija tal-ferrovija”.

51      Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni tat-traffiku ma timplikax, prima facie, li jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, li dawn tal-aħħar jirriżultaw fir-rigward ta’ impriża ferrovjarja permezz tal-għoti tad-dritt li jintużaw kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja permezz tal-inklużjoni fl-iskeda ta’ servizz jew permezz ta’ deċiżjonijiet individwali ad hoc.

52      Għandu jiġi rrilevat, minn naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2001/14, l-amministrazzjoni tal-infrastruttura tista’ wkoll tinkludi l-amministrazzjoni tas-sistema ta’ kontroll u ta’ sigurtà tal-infrastruttura.

53      Għandu jingħad ukoll li, għalkemm l-amministrazzjoni tat-traffiku ma hijiex iddefinita mid-Direttivi 91/440 u 2001/14, il-punt 1 tal-Anness II ta’ din id-direttiva tal-aħħar jagħti indikazzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni telenka l-pakkett ta’ aċċess minimu li l-impriżi ferrovjarji huma intitolati għalih. Fosthom jinsabu b’mod partikolari, f’dan il-punt 1(d), il-kontroll taċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji jinkludi s-senjalar, il-kontroll, id-dispaċċ, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-provvista ta’ informazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji kif ukoll, fil-imsemmi punt 1(e) kull informazzjoni oħra meħtieġa għall-implementazzjoni jew għall-operat tas-servizz li għalih ingħataw il-kapaċitajiet.

54      Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni tat-traffiku tinkludi attivitajiet li huma parti mill-amministrazzjoni tal-infrastruttura u tikkonsisti mhux biss fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, iżda fl-implementazzjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-amministrazzjoni tat-traffiku tikkostitwixxi attività intiża li tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv, b’mod kompletament sigur, tad-drittijiet li jintużaw kapaċitajiet tan-netwerk fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-amministrazzjoni tat-traffiku ma tistax titqies bħala funzjoni essenzjali li għandha tiġi fdata lil organu indipendenti. Kif ukoll jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi, barra funzjonijiet essenzjali, tista’ tiġi fdata lil impriżi ferrovjarji. L-amministrazzjoni tat-traffiku tista’ tiġi allokata lil amministratur tal-infrastruttura li huwa wkoll impriża ferrovjarja, kif inhu l-każ fl-Ungerija.

56      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li, fil-każ ta’ tfixkil tat-traffiku jew ta’ perikolu, l-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji għall-istabbiliment mill-ġdid tal-kundizzjonijiet normali ta’ ċirkulazzjoni, inkluża t-tneħħija ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, hija parti mill-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija.

57      Fil-fatt, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri neċessarji intiżi sabiex jirrispondu għal sitwazzjoni ta’ tfixkil taċ-ċirkulazzjoni minħabba nuqqas tekniku jew ta’ inċident kif ukoll sitwazzjoni ta’ urġenza u ta’ neċessità assoluta, immotivata minn nuqqas li jrendi l-infrastruttura momentarjament inutilizzabbli.

58      Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, għalkemm din id-dispożizzjoni tinsab fil-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva li tikkonċerna l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, hija ma tinsabx fil-proposta inizjali tad-Direttiva tal-Kummissjoni u hija ġiet inkluża fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 28/2000 tal-Kunsill, tat-28 ta’ Marzu 2000, li tiddeċiedi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li tiġi adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura, l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura ferrovjarja u ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà (ĠU C 178, p. 28).

59      Għandu jiġi kkonstatat, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni tinkludi miżuri speċifiċi u neċessarji li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ tfixkil taċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji bil-għan li jiġu stabbiliti mill-ġdid, għal raġunijiet ta’ sigurtà, kundizzjonijiet normali ta’ ċirkulazzjoni, kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Kapitolu III li jikkonċernaw l-istabbiliment tal-kalendarju tal-iskedi u l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija individwali ad hoc. Il-miżuri adottati skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2001/14 ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu bħala li jikkonċernaw direttament il-funzjoni essenzjali ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet jew ta’ allokazzjonijiet ta’ mogħdijiet tal-ferrovija fis-sens tal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, funzjoni li għandha tiġi fdata lil organu ta’ allokazzjoni indipendenti. Dan jirrigwarda, barra minn hekk, miżuri ad hoc li għandhom jiġu adottati fl-urġenza sabiex tiġi ffaċċjata sitwazzjoni partikolari u jiġi żgurat li d-drittijiet għall-kapaċità fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija jistgħu effettivament jiġu eżerċitati mill-benefiċjarju, skont l-iskeda ta’ servizz.

60      Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ tali miżuri hija parti mill-amministrazzjoni tat-traffiku u ma hijex suġġetta għar-rekwiżit ta’ indipendenza, b’tali mod li amministratur tal-infrastruttura li huwa wkoll impriża ferrovjarja jista’ jiġi fdat tali funzjoni.

61      Din il-konklużjoni hija kkorroborata, minn naħa, mill-kliem tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jiġi fdat l-amministrazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ sigurtà tal-infrastruttura. Min-naħa l-oħra, tali konklużjoni hija konformi mal-għanijiet segwiti mill-istess direttiva. Fil-fatt, mill-premessi 15 sa 20 tagħha li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jiġi nkoraġġut sabiex inaqqas għall-minimu n-nuqqasijiet kif ukoll itejjeb l-operat tan-netwerk ferrovjarju u li huwa għandu jitħalla ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jippermetti użu iktar effikaċi tan-netwerk tal-infrastruttura.

62      F’dan il-każ, fl-Ungerija, l-allokazzjoni ta’ drittijiet għal kapaċità speċifika fil-forma ta’ mogħdijiet tal-ferrovija hija funzjoni essenzjali allokata esklużivament lill-VPE. Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti, fil-każ ta’ tfixkil taċ-ċirkulazzjoni jew ta’ perikolu, l-amministraturi tal-infrastruttura, jiġifieri MÁV u GySEV, għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw l-istabbilment mill-ġdid tas-sitwazzjoni normali u għandhom ukoll ineħħu, għal raġunijiet ta’ sigurtà, mogħdijiet tal-ferrovija. F’dan il-każ, huwa l-VPE li għandu jipproċedi għal attribuzzjoni ġdida ta’ mogħdija tal-ferrovija.

63      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jitqies, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, minħabba l-fatt li hija tippermetti lill-amministraturi tal-infrastruttura li jadottaw il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment mill-ġdid taċ-ċirkulazzjoni normali, fil-każ ta’ tfixkil tat-traffiku jew ta’ perikolu.

64      Għandu jiġi eżaminat ukoll l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-amminstratur tat-traffiku, sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu ta’ amministrazzjoni, għandu jiġi informat bid-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet, b’tali mod li, peress li MÁV u GySEV jiġu informati b’kull deċiżjoni ta’ allokazzjoni ta’ kapaċitajiet li jikkonċernaw il-kompetituri tagħhom, huma jsiru b’dan il-mod essenzjalment involuti fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

65      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ inkwantu mhux għax l-amministratur tat-traffiku huwa informat bid-deċiżjonijiet ta’ tqassim tal-kapaċitajiet li huwa jinfluwenza l-proċess ta’ adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fil-fatt, kif ġie stabbilit fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-amminstrazzjoni tat-traffiku tikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-mogħdijiet tat-traffiku li għandhom jiġu adottati mill-organu indipendenti ta’ allokazzjoni, b’tali mod li l-attività ta’ amministrazzjoni tat-traffiku ssir neċessarjament wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti, l-amministratur tal-infrastruttura għandu jikkonkludi kuntratt mal-benefiċjarju tad-dritt ta’ aċċess li huwa konformi mal-mogħdija tal-ferrovija allokata u għandu jiċċirkula l-ferrovija ta’ dan tal-aħħar, taħt piena li jesponi ruħu għal sanzjonijiet. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li MÁV u GySEV jistgħu jinfluwenzaw fuq l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

66      Bl-istess mod, l-informazzjoni li tirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ kapaċitajiet li jikkonċernaw il-kompetituri tagħhom ma jistgħux jagħtu vantaġġ kompetittiv lil MÁV u lil GySEV, peress li, minn naħa, l-għarfien ta’ din l-informazzjoni jsir wara li l-organu indipendenti, f’dan il-każ VPE, adotta dawn id-deċiżjonijiet u, min-naħa l-oħra, dawn id-deċiżjonijiet huma ġeneralment inklużi fl-iskedi ta’ servizz li huma ta’ natura li jkunu aċċessibbli għal terzi. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jippermetti lil impriża ferrovjarja li tkun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-infrastrutturi, ħlief mill-funzjonijiet essenzjali. Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament sostna li, meta l-manutenzjoni tan-netwerk hija mwettqa minn impriża ferrovjarja, anki jekk din ma hijiex responsabbli mill-amministrazzjoni tat-traffiku, din l-impriża għandha tkun tista’ taċċedi għall-informazzjoni li tirrigwarda l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha ma jistax jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, dwar l-indipendenza tal-impożizzjoni ta’ tariffi

 L-argumenti tal-partijiet

68      Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikoli 6(3) tad-Direttiva 91/440 u 4(2) tad-Direttiva 2001/14, impriża ferrovjarja ma tistax tieħu deċiżjoni dwar l-iffissar ta’ tariffi, peress li tali impriża tkun intitolata biss għall-irkupru ta’ dawn it-tariffi. Skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, l-istabbiliment u l-iffissar ta’ tariffi għandhom ikunu żgurati minn organu ta’ impożizzjoni ta’ tariffi indipendenti.

69      Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tmur kontra dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwantu l-fatturi dettaljati tat-tariffi li għandhom jitħallsu għall-użu tal-infrastruttura huma stabbiliti mill-amministraturi tal-infrastruttura, jiġifieri MÁV u GySEV, li huma wkoll impriżi ferrovjarji.

70      Il-Kummissjoni ssostni li l-kliem “id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-uzu ta’ l-infrastruttura” msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 għandhom jinftiehmu, minn naħa, bħala l-iffissar ġenerali tat-tariffi, li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit fir-regolament operativ tan-netwerk, l-ammont tat-tariffa għal kull kilometru, għal kull parti tal-linja tal-ferrovija u, min-naħa l-oħra, bħala l-kalkolu konkret tal-ammonti dovuti mid-diversi utenti, fuq il-bażi tat-tul tal-parti tal-linja tal-ferrovija użata. Skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, il-possibbiltà li amministratur tal-infrastruttura mhux indipendenti jkun jista’ jinkariga ruħu mill-irkupru tat-tariffi għandha tiġi interpretata b’mod strett, għaliex din hija eċċezjoni għar-regola ġenerali.

71      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li impriża ferrovjarja li hija inkarigata li toħroġ fatturi dettaljati tat-tariffi tikseb vantaġġ kompetittiv minn dawn inkwantu tali fatturi neċessarjament jirreferu, b’mod partikolari, għas-servizzi użati mill-impriżi ferrovjarji kompetituri, għall-volum ta’ dawn is-servizzi u għas-siegħat tal-użu tagħhom. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jinvoka espressament il-prinċipju ta’ aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura.

72      L-Ungerija tikkontesta li l-amministraturi tal-infrastruttura, jiġifieri MÁV u GySEV, jieħdu deċiżjonijiet dwar l-iffissar tat-tariffi, inkwantu dawn l-impriżi huma inkarigati mill-fatturazzjoni, operazzjoni li taħt l-irkupru tat-tariffi, li ma hijiex funzjoni essenzjali, fis-sens tad-Direttiva 91/440, li għandha titwettaq minn organu indipendenti. Il-fatturazzjoni hija biss mezz tekniku meħtieġ għall-ġbir ta’ dawn it-tariffi.

73      L-Ungerija twettaq distinzjoni bejn il-formazzjoni tat-tariffi, l-iffissar effettiv tagħhom u l-irkupru tagħhom. L-ewwel wieħed minn dawn il-kunċetti jikkorrispondi għall-istabbiliment tar-regoli differenti ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, li jsir mill-Istat Membru jew mill-amministratur tal-infrastruttura. L-iffissar ta’ dawn it-tariffi jikkonsisti fl-iffissar tad-diversi tariffi individwali li impriża ferrovjarja partikolari jkollha tħallas f’sitwazzjoni konkreta, skont is-servizzi li hija tibbenefika minnhom. Hija r-responsabbiltà tal-VPE, bħala organu indipendenti rikonoxxut mill-Kummissjoni, biex iwettaq il-kompiti marbuta mal-formazzjoni u l-iffissar tat-tariffi. L-irkupru tat-tariffi jfisser l-att ta’ ħlas konkret li permezz tiegħu t-tariffi li jkunu ġew iffissati jitħallsu mill-amministratur tal-infrastruttura. Il-fatturazzjoni hija sempliċement l-espressjoni teknika tat-tariffi bbażati fuq il-kalkoli mwettqa mill-VPE u għaldaqstant ma taqax taħt il-formazzjoni tat-tariffi jew taħt l-iffissar konkret tagħhom, iżda taħt l-irkupru tat-tariffi.

74      L-imsemmi Stat Membru jqiegħed fid-dubju l-fatt li l-aċċess għal informazzjoni miksuba minn fatturi dettaljati joħloq effett ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, inkwantu l-amministratur tal-infrastruttura ma għandu l-ebda influwenza materjali fuq l-iffissar tat-tariffi ta’ aċċess għan-netwerk. Barra minn hekk, dan l-amministratur tal-infrastruttura neċessarjament ikun jaf din l-informazzjoni minn sorsi oħrajn, bħal pereżempju, mill-kuntratt iffirmat mal-impriża ferrovjarja.

75      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, bl-istess mod bħall-Ungerija, li l-fatturazzjoni tikkonsisti mhux fl-iffissar tal-ammont ta’ tariffi u lanqas fl-adozzjoni ta’ xi deċiżjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-ġbir tagħhom, iżda tikkostitwixxi element tal-impożizzjoni ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/14. Effettivament, il-fatturazzjoni hija attività sekondarja intiża, permezz ta’ operazzjonijiet matematiċi, biex tistabbilixxi riżultat abbażi ta’ rata ta’ tariffa stabbilita minn qabel u skont il-mogħdijiet tal-ferrovija attribwiti qabel u l-użu li jsir minnhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76      Mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li l-iffissar tat-tariffi hija funzjoni essenzjali bil-għan li tiggarantixxi aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura, li għandu jiġi żgurat minn organu ta’ impożizzjoni ta’ tariffi indipendenti mill-impriżi ferrovjarji fuq il-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali. Impriża ferrovjarja li taġixxi bħala amministratur tal-infrastruttura tista’ tiġi inkarigata, skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, biss għall-ġbir tat-tariffi jew għall-irkupru tagħhom.

77      Permeza ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika essenzjalment il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tattribwixxi l-fatturazzjoni tat-tariffi lil MÁV u lil GySEV, jiġifieri żewġ impriżi ferrovjarji li huma wkoll amministraturi tal-infrastruttura, filwaqt li l-fatturazzjoni hija parti mill-iffissar tat-tariffi u li dawn l-impriżi jiksbu minnha vantaġġ kompetittiv.

78      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fatturazzjoni hijiex parti mill-iffissar tat-tariffi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi u jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi, filwaqt li josservaw l-indipendenza tal-ġestjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Hija r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar li jiffissa t-tariffi u biex jieħu ħsieb l-irkupru tagħhom.

79      Permezz tal-użu tal-kelma “jiddetermina”, id-Direttiva 2001/14 tipprovdi, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għandha tkun irriżervata għall-amministratur tal-infrastruttura li huwa indipendenti mill-impriżi ferrovjarji. L-iffissar ta’ tariffi jimplika li dan l-amministratur għandu jkollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilu li jadotta minn tal-inqas deċiżjonijiet li jinkludu għażliet u evalwazzjonijiet li jirrigwardaw fatturi jew parametri li abbażi tagħhom isir il-kalkolu.

80      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest leġiżlattiv li fih huwa stabbilit l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

81      Fil-fatt, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 jistabbilixxi organu ta’ kontroll tad-deċiżjonijiet meħuda mill-amministratur tal-infrastruttura għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, is-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi u l-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. L-Artikolu 8(2) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li l-amministratur jista’ jiffissa jew iżomm tariffi iktar għoljin ibbażati fuq l-ispiża fit-tul ta’ ċerti proġetti ta’ investiment speċifiċi. L-Artikolu 9 jippermetti lill-amministratur tal-infrastruttura li jistabbilixxi sistemi għat-tnaqqis ta’ tariffi miġbura mingħand operaturi sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura reali ta’ spiża amministrattiva jew sabiex jiġi inkoraġġut l-użu ta’ linji li kunsiderevolment ma humiex użati biżżejjed.

82      Madankollu, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/14, għalkemm l-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex indipendenti mill-impriżi ferrovjarji fuq il-livell ġuridiku, organizzattiv jew deċiżjonali, dan jista’ jiġi fdat biss bl-irkupru tat-tariffi. Għaldaqstant, din il-funzjoni ma hijiex meqjusa bħala essenzjali sabiex jiġi żgurat aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura. Bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-indipendenza ta’ dan l-amministratur, dan il-kunċett ta’ rkupru għandu għaldaqstant ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, kif tenfasizza l-Kummissjoni.

83      L-Ungerija twettaq distinzjoni bejn, minn naħa, l-formazzjoni u l-iffissar tat-tariffi, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-VPE, u, min-naħa l-oħra, l-irkupru tagħhom li huwa fdat lill-amministraturi tal-infrastruttura. Skont dan l-Istat Membru, il-fatturazzjoni hija biss l-espressjoni teknika tat-tariffi bbażati fuq il-kalkoli mwettqa mill-VPE u hija parti għaldaqstant mill-irkupru tat-tariffi.

84      Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax in-natura teknika jew mekkanika tal-fatturazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, skont il-Kummissjoni, l-iffisssar tat-tariffi jinkludi, minbarra l-iffissar ġenerali tat-tariffi fir-regolament ta’ operat tan-netwerk, il-kalkolu konkret tal-ammonti dovuti mid-diversi utenti, abbażi tat-tul tal-linja użata.

85      Min-noti ppreżentati mill-Ungerija jirriżulta li l-VPE jistabbilixxi r-regoli ġenerali ta’ impożizzjoni ta’ tariffi fir-regolament ta’ operat tan-netwerk u jiffissa s-somma li għandha titħallas mill-utenti individwali, billi jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-linja li dawn l-utenti jixtiequ jużaw, il-karatteristiċi tiegħu u s-servizzi proposti fil-kuntest tat-tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni.

86      Peress li, fl-Ungerija, il-kalkolu konkret tal-ammont tat-tariffi huwa mwettaq minn VPE, l-ewwel argument invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li l-fatturazzjoni hija parti mill-iffissar tat-tariffi, ma jistax jintlaqa’.

87      It-tieni argument imqajjem mill-Kummissjoni jikkonsisti fil-fatt li l-fatturazzjoni tippermetti lill-impriżi ferrovjarji kkonċernati, jiġifieri MÁV u GySEV, li jiksbu vantaġġ kompetittiv minnha, sa fejn dawn tal-aħħar jistgħu jaċċedu għal informazzjoni li tirrigwarda s-servizzi użati mill-impriżi ferrovjarji kompetituri, il-volum ta’ dawn is-servizzi u s-sigħat tal-użu tagħhom.

88      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 6(3) tad-Direttiva 91/440 u 4(2) tad-Direttiva 2001/14 jippermettu lil impriża ferrovjarja li tipproċedi għall-irkupru jew għall-ġbir ta’ tariffi. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi eskluż li tali impriża ferrovjarja għandha għarfien tal-elementi ġustifikattivi li jikkostitwixxu l-bażi tal-fatturi li hija tiżgura l-irkupru tagħhom. F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hemmx differenza deċiżiva bejn fatturazzjoni li twettqet permezz tal-applikazzjoni mekkanika ta’ formula ta’ kalkolu għal data li hija pprovduta lill-entità li tiġbor u l-ġbir ta’ somom li jidhru fuq fatturi li ġew ippreparati minn terzi.

89      It-tieni argument ippreżentat mill-Kummissjoni insostenn tat-tieni lmenti ma jistax, għaldaqstant, jintlaqa’ u, għalhekk, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-bilanċ finanzjarju tal-amministratur tal-infrastruttura u l-miżuri li jagħtu inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi

 L-argumenti tal-partijiet

90      Il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija li ma ddefinixxitx il-kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-bilanċ finanzjarju tal-amministraturi tal-infrastruttura, għall-kuntrarju ta’ dak li jeħtieġ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14. Hija tirrileva li l-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar il-linja tal-ferrovija jipprovdi li l-ministru kompetenti jintrabat li jiffinanzja, permezz ta’ kuntratt, l-ispejjeż rikonoxxuti bħala ġġustifikati u sostnuti fil-kuntest tal-amministrazzjoni tan-netwerk mill-impriża ferrovjarja inkarigata mill-amministrazzjoni tal-infrastruttura. Fil-fatt, dan il-kuntratt għadu ma ġiex konkluż.

91      Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tinkludix miżuri li jagħtu inċentiv għat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tariffi, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14. Hija tirreferi għall-imsemmi Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija li jipprovdi li l-kuntratt imsemmi fl-istess artikolu għandu jħeġġeġ lill-amministraturi tal-infrastruttura biex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom kif ukoll it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk.

92      L-Ungerija ssostni, f’dan ir-rigward, li abbozz ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar it-trasport ferrovjarju attwalment qiegħed jitħejja.

93      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tindika li hija għadha ma rċevitx dan l-abbozz ta’ kuntratt, u b’hekk ma tinsabx f’pożizzjoni biex tevalwa jekk dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda humiex konformi mad-Direttiva 2001/14.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94      Qabel xejn għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet xierqa sabiex il-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura, f’kundizzjonijiet normali ta’ attività u fir-rigward ta’ perijodu raġonevoli, jippreżentaw tal-inqas ekwilibriju bejn, minn naħa, id-dħul mit-tariffi, l-eċċedenti minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u l-finanzjament mill-Istat u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ infrastruttura. Skont it-tieni subparagrafu tal-istess artikolu, l-amministratur tal-infrastruttura huwa mħeġġeġ permezz ta’ miżuri li jagħtu inċentiv li jnaqqsu l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess.

95      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Ungerija ma tikkontestax dan l-ilment. Fil-fatt, hija tillimita ruħha li sostni li l-abbozz tal-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar it-trasport ferrovjarju, li permezz tiegħu il-ministru kompetenti jintrabat li jiffinanzja l-ispejjeż imwettqa fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura u li għandu jħeġġeġ lill-amministraturi tal-infrastruttura sabiex inaqqsu l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni tagħhom kif ukoll it-tariffi ta’ aċċess, għadu qiegħed jitħejja.

96      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tippreżenta ruħha fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑89/09, Ġabra p. I‑12941, punt 18, u tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-390/10, punt 11).

97      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu stabblit fl-opinjoni motivata, l-abbozz tal-kuntratt intiż li jimplementa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14 ma kienx għadu ġie adottat.

98      Minn dan isegwi li t-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huwa fondat.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-istabbiliment ta’ tariffi fuq il-bażi ta’ spejjeż diretti

 L-argumenti tal-partijiet

99      Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma hijiex konformi mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, inkwantu attwalment ma fiha ebda dispożizzjoni li tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “spejjeż diretti”, għall-kuntrarju ta’ dak li teżiġi din id-dispożizzjoni.

100    Fir-risposta tiegħu, l-Ungerija ssostni li l-VPE adotta r-Regolament Nru 83/2007 (X.6) GKM-PM, li jiddetermina l-metodu għall-istabbiliment tat-tariffi, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2010 għal perijodu ta’ ħames snin li għandhom jibdew jiddekorru mis-sena finanzjarja 2010/2011. Skont dan il-metodu, l-iffissar tat-tariffi jkun ibbażat fuq d-data fattwali tal-ispejjeż u tal-operat ta’ dan tal-aħħar eżerċizzju tal-amministraturi tal-infrastruttura. Dan l-Istat Membru jżid li żieda ġenerali għas-servizzi bażiċi ġiet iffissata, skont l-Artikolu 55(8) tal-Liġi dwar it-trasport ferrovjarju, sabiex it-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura jkopru l-ispejjeż iġġustifikati tal-imsemmija amministraturi. Hija l-Awtorità nazzjonali għat-Trasport li għandha tikkontrolla ż-żieda ta’ dawn it-tariffi.

101    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tindika li d-dokument li japprova l-metodu ta’ stabbiliment tat-tariffi għadu ma ntbagħatilhiex u ssostni, fil-qari tar-risposta, li ma jidhrilhiex li dan il-metodu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/14.

102    Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li l-Kummissjoni indikat, fl-opinjoni motivata tagħha, li l-ispejjeż diretti msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 għandhom jiżdiedu għal 35 % tal-ispiża totali tal-manutenzjoni tal-infrastruttura. Skont dan l-Istat Membru, din id-dikjarazzjoni ma ssib ebda bażi fid-Direttiva 2001/14, inkwantu din ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ spiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju u fejn l-Istati Membri jkollhom ċerta libertà biex jistabbilixxu t-tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103    Permezz tar-raba’ ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, il-leġiżlazzjoni Ungeriża li ma applikatx il-prinċipju tal-ispejjeż diretti, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14.

104    Fil-fatt, skont l-imsemmija dispożizzjoni, it-tariffi miġbura għall-pakkett ta’ aċċess minimu u għall-aċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi għandhom ikunu ugwali għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-istess Artikolu 7(4) u (5) jew tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/14.

105    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motiva, jiġifieri t-8 ta’ Diċembru 2009, il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tinkludix metodu ta’ kalkolu tat-tariffi stabbilit fuq il-bażi tal-ispejjeż diretti peress li din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2010.

106    Min dan isegwi li r-raba’ ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huwa fondat.

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, billi ma adottatx, fit-terminu preskritt, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha, sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 6(1) u (2) kif ukoll 7(3) tad-Direttiva 2001/14, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbigli tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet, u li, min-naħa l-oħra, il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li l-Kummissjoni u l-Ungerija tilfu rispettivament tnejn mill-erba’ motivi, għandu jiġi deċiżi li dawn tal-aħħar ibatu l-ispejjeż tagħhom. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, għalhekk, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx, fit-terminu preskritt, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha, sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 6(1) u (2) kif ukoll 7(3) tad-Direttiva 2001/14, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, kif emendata bid-Direttiva 2007/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbigli tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u l-Ungerija jbatu l-ispejjeż tagħhom.

4)      Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.