Language of document : ECLI:EU:C:2012:312

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

24 ta’ Mejju 2012 (*)

“Agrikoltura — Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija — Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali — Spezzjonijiet — Benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola — Fatt li tkun ġiet prekluża spezzjoni fuq il-post — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ ir-rimbors tal-għajnuna kollha mħallsa matul numru ta’ snin — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑188/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (l-Awstrija), permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ April 2011, fil-proċedura

Peter Hehenberger

vs

Republik Österreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Malenovský (President tal-Awla), E. Juhász u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Hehenberger, minn K. F. Lughofer, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, S. Schmid u G. Holley kif ukoll minn D. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn I. K. Chalkias u A. E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u B. Schima, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Hehenberger, bidwi, u ir-Republik Österreich, fir-rigward tar-rimbors tal-għajnuna agroambjentali li kienet ingħatatlu mill-awtoritajiet Awstrijaċi matul numru ta’ snin, skont ir-Regolament Nru 1257/1999.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-Kapitolu VI, intitolat “Ambjent Agrikolu”, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 jipprovdi:

“Sostenn għal metodi ta’ produzzjoni agrikola iddisinjat għal ħarsien ta’ l-ambjent u għal manteniment tal-kampanja (ambjent agrikolu) għandu jikkontribwixxi għat-twettieq ta’ l-oġġettivi tal-politika tal-Komunità rigward l-agrikoltura u l-ambjent.

Dan is-sostenn għandu jippromwovi:

–        mezzi ta’ l-użu ta’ l-art agrikola li jkunu kumpatibbli mal-ħarsien u t-titjib ta’ l-ambjent, il-pajsaġġ u l-aspetti tiegħu, riżorsi naturali, ħamrija u diversità ġenetika,

–        tixrid li jkun favorevoli għall-ambjent ta’ biedja u amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ mergħa ta’ intensità baxxa,

–        il-konservazzjoni ta’ ambjenti ta’ biedja ta’ valur għoli naturali li jkunu mhedda,

–        iż-żamma tal-pajsaġġ u l-aspetti storiċi ta’ l-art agrikola,

–        l-użu ta’ pjanar ambjentali fil-prattika tal-biedja”.

4        L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1. Sostenn għandu jingħata lill-bdiewa li jimpenjaw irwieħhom li jagħmlu agrikoltura ambjentali għal mill-anqas ħames snin. Fejn meħtieġ, perjodu itwal għandu jkun iddeterminat mit-tipi partikolari ta’ l-impenn bil-għan ta’ l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

2. Impenji agrikoli ambjentali għandhom jinvolvu aktar milli l-applikazzjoni tal-prattika tas-soltu ta’ biedja tajba.

Għandhom jipprovdu għal servizzi li m’humiex ipprovduti b’xi miżuri oħra ta’ sostenn, bħal ma hu sostenn għas-suq u allokazzjonijiet kumpensatorji.”

5        L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1. Sostenn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impenn agrikolu ambjentali għandu jingħata kull sena u jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta’:

–        dħul mitluf,

–        spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-impenn mogħti,

u

–        il-ħtieġa li jkunu ipprovduti inċentivi.

L-ispiża ta’ xogħlijiet kapitali li ma jkunux remunerattivi u li jkunu meħtieġa għat-twettieq ta’ l-impenji jistgħu wkoll ikunu kkunsidrati fil-kalkulazzjoni tal-livell ta’ sostenn annwali.

2. L-ammonti massimi ta’ kull sena eliġibbli għal sostenn mill-Komunità huma meħtieġa fl-Anness. Dawn l-ammonti għandhom ikunu bbażati fuq il-kobor ta’ kull azjenda li dwarha l-impenn agrikolu ambjentali jkun applikabbli.”

6        Skont is-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II, intitolata “Applikazzjonijiet, verifiki u penali”, l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 817/2004 jiddisponi:

“1. Applikazzjonijiet inizjali għas-sħubija fi skema u l-applikazzjonijiet sussegwenti għall-pagament għandhom ikunu verifikati f’manjera li tassigura verifika effettiva tal-konformità mal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ l-appoġġ.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu metodu xierqa u meżżi għall-verifika ta’ kull miżura ta’ appoġġ kif ukoll il-persuni li jkunu suġġetti għall-verifiki.

Fil-każi xierqa kollha, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-amministrazzjoni ntegrata u s-sistema ta’ kontroll stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

2. Il-verifiki għandhom jikkonsistu kemm minn verifiki amministrattiv u wkoll fuq il-post.”

7        L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi:

“Verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu bi qbil mat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001. Dawn għandhom ikopru ta’ kull sena mil-anqas 5 % tal-benefiċjarji u tat-tipi differenti kollha tal-miżuri tal-iżvilupp rurali stabbiliti fid-dokument tal-programmizzar.[…]

Il-verifiki fuq il-post għandhom ikunu mferxa matul is-sena fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji ippreżentati għal kull miżura tal-iżvilupp rurali. Għall-miżuri ta’ l-appoġġ għall-investiment permezz tal-Kapitoli I, VII, VIII u XI tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, l-Istati membri jistgħu jipprovdu li l-verifiki fuq il-post ikunu jikkonċernaw biss dawk il-proġetti bil-proċess tal-finalizzazzjoni.

Il-verifiki għandhom ikopru l-impenji u l-obbligi kollha ta’ benefiċjarju li jistgħu ikunu verifikati fil-waqt taż-żjara.”

8        L-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 817/2004 huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ pagament mhux mistħoqq, il-benefiċjarji fil-miżura tal-iżvilupp rurali għandu jkun taħt obbligu li jħallas lura l-ammont ikkonċernat bi qbil ma’ l-Artikolu [49] tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001.”

9        L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxi r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li dawn ikunu mplementati. Il-penali li hemm provvediment dwarhom għandhom ikunu effettivi, propozjonati u disswassivi.”

10      Skont it-Titolu III, intitolat “Verifiki”, l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ verifika għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 223, jiddikjara:

“1. Verifiki fuq l-art ma għandhomx ikunu mħabbra. Iżda, sakemm l-iskop tal-kontroll ma huwiex fil-perikolu, avviż minn qabel limitat għall-minimu strettament neċessarju jista’ jingħata. Tali avviż ma għandux, ħlief fil-każijiet ġustifikati, jaqbeż l-48 siegħa.

2. Fejn adegwat, il-verifiki fuq l-art previsti f’dan ir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe verifiki oħra previsti f’regoli tal-Komunità, għandhom ikunu esegwiti fl-istess żmien.

3. L-applikazzjoni jew applikazzjonijiet konċernati għandhom ikunu rifjutati jekk il-bidwi jew ir-rappreżentanti tiegħu ma jħallux li ssir verifika fuq il-post.”

11      Dan ir-Regolament Nru 2419/2001 tħassar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243). Skont ir-Regolament Nru 796/2004, dan tal-aħħar huwa applikabbli għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrelataw mas-snin tal-marketing jew il-perijodu ta’ primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2005 u r-referenzi għar-Regolament Nru 2419/2001 għandhom jittieħdu bħala referenzi għar-Regolament Nru 796/2004.

12      L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 796/2004, li huwa s-suċċessur tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 2419/2001, huwa fformulat kif ġej:

“L-applikazzjonijiet għall-għajnuna konċernata għandhom jiġu rifjutati jekk il-bidwi jew ir-rappresentant tiegħu jipprevjeni milli titwettaq verifika fuq il-post.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13      F’konformità mar-Regolament Nru 1257/1999, il-Ministeru kompetenti Awstrijakk adotta direttiva speċjali rigward il-programm Awstrijakk dwar l-għajnuna għal agrikoltura estensiva, kumpatibbli mal-eżiġenzi dwar il-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll l-amministrazzjoni tal-kampanja (ÖPUL 2000) (iktar ’il quddiem l-“ÖPUL 2000”). L-ÖPUL 2000 jinkludi ċertu numru ta’ miżuri agroambjentali skont dan ir-regolament li għandhom jintgħażlu mill-benefiċjarju meta ssir l-ewwel applikazzjoni tiegħu għal għajnuna u fejn l-implementazzjoni minnu fuq it-territorju Awstrijakk tagħtih l-opportunità li jikseb għajnuna li hija marbuta maż-żona ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea.

14      L-ÖPUL 2000, li jinkudi numru ta’ annessi, fih parti ġenerali li tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ għoti komuni għad-diversi fergħat tal-programm, il-ħlas tal-għajnuna, is-sistema ta’ spezzjoni u rimbors fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-għajnuna kif ukoll ta’ parti ddedikata għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-għotja tal-għajnuna. L-ÖPUL 2000, fid-dritt Awstrijakk, ma jikkonsistix f’regoli astratti u ġenerali, iżda huwa jiġi kkunsidrat fil-konklużjoni tal-kuntratt, minħabba l-klawżoli li għandhom valur kuntrattwali.

15      B’mod partikolari, il-punt 1.4.4 tal-ÖPUL 2000, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1257/1999, jipprovdi li l-ewwel applikazzjoni mressqa minn dik il-persuna li qed titlob għall-għajnuna toħloq, għal dak li jirrigwarda l-miżura mitluba, l-obbligu li jinħadmu jew li jiġu mantenuti matul il-perijodu ta’ ħames snin is-superfiċji rilevanti f’konformita’ mal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà u li jiġu sodisfatti waqt dan l-istess perijodu l-kundizzjonijiet l-oħra kollha għall-eliġibbiltà.

16      Il-punt 1.9 tal-ÖPUL 2000 jistabbilixxi sistema ta’ spezzjoni li tawtorizza lill-entitajiet ta’ spezzjoni li jkollhom aċċess għas-superfiċji kollha maħduma u jimponi lill-persuna li qed titlob għall-għajnuna sabiex tagħti l-opportunità li jittieħdu l-miżuri ta’ spezzjoni previsti.

17      F’konformità mal-punt 1.10 tal-ÖPUL 2000, il-persuna li qed titlob għall-għajnuna hija obbligata li tirrimborsa l-għajnuna mogħtija jew, skont il-każ, titlef id-dritt tagħha għall-ħlas tal-għajnuna akkwistata, iżda li għadha ma ingħatatx, meta l-kundizzjonijiet previsti mill-ÖPUL 2000 jew id-dikjarazzjoni ta’ impenn ma kinux ġew osservati jew ukoll meta l-entitajiet ta’ spezzjoni ma kinux ġew awtorizzati mill-persuna li qed titlob għall-għajnuna sabiex ikollhom aċċess għat-totalità tas-superfiċji maħduma. Dan il-punt jipprovdi wkoll għall-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna li tkun diġà nkisbet matul perijodu ta’ impenn fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-impenn għal ħames snin.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      Permezz ta’ talba tal-11 ta’ Settembru 2000, M. Hehenberger kien talab, għall-ewwel darba, quddiem il-korp Awstrijakk li jħallas l-għajnuna, f’ismu proprju u għan-nom tar-Republik Österreich, l-għoti tal-għajnuna agroambjentali skont l-ÖPUL 2000.

19      Fil-kuntest ta’ din it-talba, M. Hehenberger kien issottoskriva għal dikjarazzjoni ta’ impenn fejn kien qiegħed jimpenja ruħu, f’konformita’ mal-punt 1.4.4 tal-ÖPUL 2000, li jimplementa tul ħames snin, li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Jannar 2001, ċerti miżuri agroambjentali skont l-ÖPUL 2000. Billi ffirma din id-dikjarazzjoni ta’ impenn, liema impenn jirreferi espressament għall-ÖPUL 2000, M. Hehenberger kien obbliga ruħu wkoll li josserva l-ÖPUL 2000, li kien jagħmel parti integrali minn kull kuntratt għall-għajnuna konkluż ma’ dan il-korp. Sussegwentement, dan l-impenn għal ħames snin kien ġie estiż għal sena sal-31 ta’ Diċembru 2006.

20      Abbażi ta’ dan l-impenn u tal-applikazzjonijiet għall-ħlas għall-għajnuna mressqa annwalment minn M. Hehenberger, il-korp Awstrijakk li jħallas l-għajnuna ħallas l-għajnuna agroambjentali rilevanti għas-snin 2001 sa 2005. Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-2005, l-applikazzjoni annwali kienet tressqet fit-22 ta’ April 2005.

21      Fit-12 ta’ Settembru 2005, l-entitajiet ta’ spezzjoni kompetenti riedu jipproċedu għall-kejl tas-superfiċji kkonċeranti fil-kuntest ta’ spezzjoni fuq il-post, f’konformità mal-punt 1.9 tal-ÖPUL 2000. Madankollu, M. Hehenberger irrifjuta l-aċċess għal dawn is-superfiċji, u b’hekk ipprekluda t-twettiq ta’ din l-ispezzjoni.

22      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’Ottubru 2006, il-korp Awstrijakk li jħallas l-għajnuna informa lil M. Hehenberger li l-għajnuna agroambjentali skont l-ÖPUL 2000 għas-sena 2006 ma kinitx ser tingħatalu peress li l-għoti ta’ din l-għajnuna għal sena supplementari jippresupponi l-osservanza tal-impenn għal ħames snin tal-ÖPUL 2000.

23      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2007, il-korp Awstrijakk li jħallas l-għajnuna kkritika lil M. Henenberger li għamel impossibbli t-twettiq ta’ spezzjoni fuq il-post fit-12 ta’ Settembru 2005. Dan il-korp, għaldaqstant, f’konformità mal-punt 1.10 tal-ÖPUL 2000, talab ir-rimbors tat-totalità tal-għajnuna li kienet ingħatatlu skont l-ÖPUL 2000 għas-snin 2001 sa 2005, li jikkorrispondu għal perijodu ta’ impenn li huwa kien issottoskriva għalih minn qabel.

24      Sussegwentement, M. Hehenberger ikkontesta dan ir-rimbors billi ppreżenta rikors quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien. Huwa sostna, essenzjalment, li l-penali li kienet tikkonsisti fir-rimbors tal-għajnuna mogħtija minn bosta snin qabel kienet sproporzjonata. Ir-Republik Österreich talbet li dan ir-rikors jiġi miċħud.

25      Skont il-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li M. Hehenberger irrifjuta li jipprovdi aċċess għas-superfiċji kkonċernati, b’hekk irriżulta li pprekluda twettiq ta’ spezzjoni fuq il-post. Għaldaqstant, hija tikkunsidra li l-imsemmi rikors għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-ÖPUL 2000 u l-kuntratti għall-għajnuna konklużi abbażi tiegħu mill-partijiet fil-kwistjoni prinċipali, peress li r-Republik Österreich kienet awtorizzata li teżiġi l-imsemmi rimbors fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

26      Din il-qorti għandha dubji, madakollu, fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999, moqri flimkien mar-Regolament Nru 817/2004. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tinterroga ruħha rigward il-kwistjoni dwar jekk din is-sanzjoni, partikolarment rigoruża, prevista fil-punt 1.10 tal-ÖPUL 2000, hijiex kumpatibbli mal-għanijiet aħħarija tar-Regolament Nru 1257/1999, li essenzjalment huma dwar il-konservazzjoni tas-superfiċji agrikoli, il-manutenzjoni taż-żona rurali u l-funzjonament kif suppost tal-attività ta’ din tal-aħħar.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien iddeċieda li jissopendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-Regolament […] Nru 1257/1999 […], moqri flimkien mar-Regolament […] Nru 817/2004 […], jipprekludi regoli min-naħa tal-persuna li tipprovdi l-għajnuna, liema regoli jistabbilixxu li, fil-każ fejn tiġi prekluża spezzjoni fil-post (kejl tas-superfiċje), l-għajnuna kollha li tkun diġà ngħatat fil-kuntest ta’ miżura agroambjentali matul perijodu ta’ impenn għandha tiġi rrimborsata mill-benefiċjarju, anki jekk din l-għajnuna tkun ingħatat u tħallset matul numru ta’ snin?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi, jekk ir-Regolament Nru 1257/1999, moqri flimkien mar-Regolament Nru 817/2004, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, jekk waqt l-ispezzjoni fil-post tas-superfiċji kkonċernati din l-ispezzjoni tiġi prekluża mill-bidwi benefiċjarju ta’ għajnuna, l-għajnuna kollha li tkun ingħatat u tħallset lil dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ miżura agroambjentali matul il-perijodu ta’ impenn għandhiex tiġi rrimborsata, anki meta din l-għajnuna tkun diġà tħallset għal numru ta’ snin.

29      Jaqbel qabel xejn, li jiġi osservat li la r-Regolament Nru 1257/1999 u lanqas ir-Regolament Nru 817/2004 ma jipprevedu espliċitament dispożizzjonijiet li jipprekludu tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

30      L-Artikoli 22 sa 24 tar-Regolament Nru 1257/1999 jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għoti tas-sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agrikoli intiżi, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tal-kampanja. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-miżuri agroambjentali huma kkaratterizzati mill-impenn għal ħames snin li l-bdiewa kkonċernati jassumu sabiex jipprattikaw biedja li tirrispetta l-ambjent. Bħala korrispettiv għall-impenji agroambjentali matul minn tal-inqas ħames snin, l-għajnuna tingħata kull sena mill-Istati skont it-telf ta’ dħul sostnut jew l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, JK Otsa Talu, C‑241/07, Ġabra p. I‑4323, punt 36).

31      Għal dak li jirrigwarda s-sistema ta’ spezzjoni ta’ dan is-sostenn pluriannwali għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali, l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi li l-ispezzjonijiet kemm tal-applikazzjonijiet inizjali ta’ adeżjoni għall-iskema kif ukoll l-applikazzjonijiet konsekuttivi għall-ħlas għandhom isiru b’tali mod u manjiera li jiżguraw li ssir spezzjoni effikaċji bl-osservanza tal-kundizzjonijiet rikjesti għall-għoti tas-sostenn. Barra minn hekk, l-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-ispezzjonijiet fuq il-post jirrigwardaw it-totalità tal-impenji u tal-obbligi ta’ benefiċjarju li huma possibbli li jiġu spezzjonati fil-waqt tal-appuntament.

32      Barra minn hekk, dan l-Artikolu 69 jenfasizza, li l-ispezzjonijiet fil-post għandhom isiru f’konformita’ mat-Titolu III tar-Regolament Nru 2419/2001. Skont dan it-titolu, intitolat “Verifiki”, l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament, liema artikolu kien ġie sostitwit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 796/2004, li l-kontenut normattiv tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak tal-imsemmi Artikolu 17(3), jippreċiża l-konsegwenzi legali li jirriżultaw fil-każ ta’ tfixkil għat-twettiq tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu espressament li l-applikazzjonijiet ikkonċernati għandhom jiġu rifjutati jekk il-bidwi jew ir-rappreżentant tiegħu jipprevjeni milli titwettaq spezzjoni fuq il-post.

33      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet interpellata sabiex tinterpreta l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 796/2004 fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2011, Omejc (C‑536/09, Ġabra p. I‑5367). Fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-ispezzjonijiet u ddeċidiet li l-fatt li jkun hemm tfixkil għat-twettiq tagħhom ma jistax iwassal ħlief għal konsegwenzi legali importanti, bħal dak taċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal għajnuna kkonċernati.

34      Dan ir-rifjut jikkostitwixxi l-konsegwenza legali tal-impossibbiltà li ssir spezzjoni effikaċi tal-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tas-sostenn, kif jeħtieġ ukoll l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 817/2004. Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna agroambjentali kkaratterizzata minn impenn pluriannnwali, dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sostenn ma humiex meħtieġa biss għas-sena li matulha kienet saret spezzjoni fuq il-post, iżda matul il-perijodu kollu ta’ impenn li għalih din l-għajnuna kienet ingħatat, b’mod li, hekk kif jeħtieġ l-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, l-ispezzjonijiet fil-post relatati mal-għajnuna msemmija iktar ’il fuq jirrigwardaw l-impenji kollha. Aġir ta’ bidwi li jagħmel impossibbli t-twettiq ta’ tali spezzjonijiet jipprekludi, minħabba f’hekk, li jiġi spezzjonat jekk l-imsemmija kundizzjonijiet kinux ġew osservati matul il-perijodu kollu tal-impenn.

35      Minn dan isegwi li, għal dak li jirrigwarda l-miżuri agroambjentali li jdumu bosta snin, meta t-twettieq ta’ spezzjoni fuq il-post tkun ġiet prekluża mill-benefiċjarju tal-għajnuna agroambjentali bir-riżultat li ma jkunx possibbli li jiġi spezzjonat jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti tal-imsemmija għajnuna kinux ġew osservati matul il-perijodu kollu ta’ impenn, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna agroambjentali kkonċernati għandhom jiġu rrifjutati, f’konformità mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 2419/2001 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 796/2004. L-applikazzjonijiet ikkonċernati skont dawn id-dispożizzjonijiet ikopru, għalhekk, l-applikazzjonijiet kollha li jirreferu għall-imsemmija kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li għandhom jiġu osservati matul il-perijodu kollu tal-proġett agroambjentali li għalih impenja ruħu dan il-benefiċjarju u li fuqhom hija bbażata l-ispezzjoni fuq il-post.

36      Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 817/2004, l-imsemmi benefiċjarju għandu l-obbligu li jirrimborsa t-totalità tal-ammonti tal-għajnuna agroambjentali li kienet diġà tħallset relatata mal-applikazzjonijiet miċħuda.

37      Minbarra dan, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna, l-esklużjoni li twassal għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tammontax għal sanzjoni, iżda għal sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet previsti mil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Toeters u Verberk, C‑171/03, Ġabra p. I‑10945, punt 47 kif ukoll tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille‑Prins, C‑45/05, Ġabra p. I‑3997, punt 47). Iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-għajnuna minħabba fl-impossibbiltà li jiġu spezzjonati l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà minħabba l-aġir tal-bidwi li ostakola t-twettiq tal-ispezzjoni fuq il-post ma għandhiex tiġi kkunsidrata, bl-istess mod, bħala sanzjoni u għaldaqstant, tiġi suġġetta għall-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1257/1999, moqri flimkien mar-Regolament Nru 817/2004, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li meta l-ispezzjoni li kienet ser issir fuq is-superfiċji kkonċernati tiġi prekluża mill-bidwi benefiċjarju ta’ għajnuna, l-għajnuna kollha li tkun ingħatat u tħallset lil dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ miżura agroambjentali matul il-perijodu ta’ impenn għandha tiġi rrimborsata, anki meta din l-għajnuna tkun diġà tħallset matul numru ta’ snin.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 /1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, ma jipprekludix regolament nazzjonali li jipprevedi li meta l-ispezzjoni li kienet ser issir fuq is-superfiċji kkonċernati tiġi prekluża mill-bidwi benefiċjarju ta’ għajnuna, l-għajnuna kollha li tkun ingħatat u tħallset lil dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ miżura agroambjentali matul il-perijodu ta’ impenn għandha tiġi rrimborsata, anki meta din l-għajnuna tkun diġà ġiet imħallsa matul numru ta’ snin.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.