Language of document : ECLI:EU:C:2013:515

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Lulju 2013 (*)

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni —Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 5(2)(b) — Kumpens ġust — Applikazzjoni indiskriminata iżda bil-possibbiltà ta’ dritt għar-rimbors tal-ħlas għal kopja privata intiż għall-finanzjament tal-kumpens — Dħul magħmul imqassam parzjalment lid-detenturi tad-drittijiet u parzjalment lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali jew kulturali — Ħlas doppju tal-ħlas għal kopja privata fil-kuntest ta’ operazzjoni transkonfinali”

Fil-Kawża C‑521/11,

Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Amazon.com International Sales Inc.,

Amazon EU Sàrl,

Amazon.de GmbH,

Amazon.com GmbH, fi stralċ,

Amazon Logistik GmbH

vs

Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Amazon.com International Sales Inc., Amazon EU Sàrl, Amazon.de GmbH, Amazon.com GmbH u Amazon Logistik GmbH, minn G. Kucsko, U. Börger kif ukoll minn B. Van Asbroeck, avukati,

–        għal Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH, minn M. Walter, avukat, u U. Sedlaczek,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Szpunar u M. Drwięcki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Amazon.com International Sales Inc., Amazon EU Sàrl, Amazon.de GmbH, Amazon.com GmbH, fi stralċ, u Amazon Logistik GmbH (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Amazon”), u Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Austro-Mechana”) fir-rigward ta’ talba ta’ din tal-aħħar intiża għall-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta minħabba t-tqegħid fis-suq ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 10, 11 u 35 tad-Direttiva 2001/29:

“(10) Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi [‘]fuq talba[’], huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

(11)      Sistema rigoruż effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati hija waħda mill-metodi li tiżgura li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l‑indipendenza u d-dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.

[...]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.”

4        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

5        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[...]

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]”

 Id-dritt Awstrijak

6        L-Artikolu 42 tal-Urheberrechtsgesetz tad-9 ta’ April 1936 (il-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, BGBl. 111/1936), kif emendata bl-Urheberrechtsgesetz-Novelle 2003 (il-Liġi l-ġdida dwar id-drittijiet tal-awtur tal-2003, BGBl. I, 32/2003, iktar ’il quddiem l-“UrhG”) jipprovdi:

“1.      Kulħadd jista’ jagħmel kopji iżolati, fuq il-karta jew mezz ieħor simili, ta’ xogħol għall-użu personali tiegħu.

[...]

4.      Kull persuna fiżika tista’ tagħmel kopji iżolati ta’ xogħol fuq media differenti minn dik indikata fil-paragrafu 1 għal użu privat u għal skopijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

[...]”

7        L-Artikolu 42b tal-UrhG jipprovdi:

“1.      Jekk min-natura tiegħu huwa aċċettat li wieħed jistenna li xogħol imxandar jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew reġistrat fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes, prodott għal skopijiet kummerċjali, jiġi riprodott skont l-Artikolu 42(2) sa (7), bl-iffissar fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes, għall-użu personali jew privat, l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (ħlas għal casettes ġodda) jekk il-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqegħdu fis-suq nazzjonali, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas; huma meqjusa li huma mezzi għar-reġistrazzjoni, il-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes ġodda u tajbin għal dawn ir-riproduzzjonijiet jew mezzi oħra ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġini jew ħsejjes maħsuba għal dan l-iskop.

[...]

3.      Il-persuni li ġejjin għandhom iħallsu r-remunerazzjoni:

1)      fir-rigward tar-remunerazzjoni għal cassettes ġodda u dik għall-apparat, il-persuna li, minn post li jinsab fit-territorju nazzjonali jew barra l-pajjiż, iqiegħed għall-ewwel darba fis-suq, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, il-mezzi ta’ reġistrazzjoni u l-apparat ta’ riproduzzjoni;

[...]

5.      Huma biss is-soċjetàjiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jistgħu jasserixxu d-dritt għal remunerazzjoni prevista fil-paragrafi 1 u 2.

6.      Is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur hija obbligata li tirrimborsa r-remunerazzjoni ġusta:

1)      lil min jesporta barra l-pajjiż mezzi ta’ reġistrazzjoni jew apparat għar-riproduzzjoni qabel il-bejgħ tiegħu lill-konsumatur finali;

2)      lill-persuna li tuża mezzi ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet; indizji f’dan is-sens huma suffiċjenti”.

8        L-Artikolu 13 tal-liġi dwar is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva (Verwertungsgesellschaftengesetzes), tat-13 ta’ Jannar 2006 (BGBl. I, 9/2006), jipprovdi:

“1.      Is-soċjetàjiet għall-amministrazzjoni kollettiva jistgħu joħolqu istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali jew kulturali għall-persuni benefiċjarji intitolati li huma jirrappreżentaw kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom.

2.      Is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li jasserixxu d-dritt għall-ħlas għal cassettes ġodda għandhom l-obbligu li joħolqu istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali jew kulturali u li jħallsu li dawn 50 % tal-ammont tad-dħul minn dan il-ħlas, nett mill-ispejjez relattivi tal-amministrazzjoni. [...]

3.      Is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom jistabbilixxu regoli permanenti fir-rigward tas-somom mħallsa mill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali tagħhom.

4.      Dwar il-fondi mħallsa lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali u li jkunu ġejjin mill-ħlasijiet għal cassettes ġodda, il-Ministru Federali għall-Ġustizzja jista’ jiddetermina, permezz ta’ regolament, liema ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti skont il-paragrafu 3. Dan ir-regolament għandu b’mod partikolari jiżgura li:

1)      ir-relazzjoni bejn is-somom allokati lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u dawk allokati lill-istituzzjonijiet għal għanijiet kulturali tkun ibbilanċjata;

2)      f’dak li jirrigwarda l-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali, għandu jkun possibbli li, b’mod prijoritarju, tingħata għajnuna lill-benefiċjarji li jkunu f’sitwazzjoni mwiegħra;

3)      is-somom allokati għall-istituzzjonijiet għal għanijiet kulturali jkollhom l-effett li jippromwovu l-interessi tal-benefiċjarji.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Austro-Mechana hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li teżerċità d-drittijiet tal-awturi u tad-detenturi ta’ drittijiet relatati għall-ħlas tar-remunerazzjoni abbażi ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 42b(1) tal-UrhG.

10      Amazon hija grupp internazzjonali li tbiegħ prodotti permezz tal-internet, fosthom mezzi ta’ reġistrazzjoni kkonċernati mill-imsemmija dispożizzjoni.

11      B’eżekuzzjoni ta’ ordnijiet magħmula bl-internet, minn klijenti li jinsabu fl-Awstrija li għal dan il-għan ikkonkludew kuntratti ma, inizjalment, Amazon.com International Sales Inc., stabbilita fl-Istati Uniti u, sussegwentement, ma Amazon EU Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu, minn Mejju 2006, Amazon qegħdet fiċ-ċirkulazzjoni mezzi ta’ reġistrazzjoni fl-Awstrija fis-sens tal-Artikolu 42b(1) tal-UrhG.

12      Austro-Mechana ressqet lil Amazon quddiem il-Handelsgericht Wien għall-ħlas in solidum tar-remunerazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 42b(1) tal-UrhG għall-mezzi ta’ reġistrazzjoni mqegħda fiċ-ċirkulazzjoni fl-Awstrija matul is-snin 2002 sa 2004.

13      L-ammont tar-remunerazzjoni mitluba minn Austro-Mechana għal mezzi ta’ reġistrazzjoni mqegħda fiċ-ċirkulazzjoni matul l-ewwel sitt xhur tal-2004 kien ta’ EUR 1 856 275. Għall-kumplament tal-perijodu kkonċernat mill-azzjoni tagħha għall-ħlas, Austro-Mechana talbet sabiex Amazon tiġi ordnata tipprovdi d-data ta’ kontabbiltà neċessarja sabiex hija tkun tista’ tagħti ċifra għall-kreditu tagħha.

14      Fis-sentenza tagħha, il-Handelsgericht Wien laqgħet it-talba sabiex tinħareġ ordni u rriżervat d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal ħlas. Peress li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell, l-Oberster Gerichtshof ġiet adita minn Amazon bħala qorti tal-aħħar grad.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtsof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ikun hemm ‘kumpens ġust’ skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 meta:

a)      il-benefiċjarji ta’ drittijiet skont l-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija jkollhom dritt għal remunerazzjoni adegwata miksub fil-konfront tal-persuna li twettaq l-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u b’titolu oneruż [bi ħlas], ta’ formats ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni tax-xogħolijiet tagħhom, liema dritt dawn jistgħu jinvokaw b’mod esklużiv permezz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur,

b)      dan id-dritt ma jkunx jiddependi mill-fatt jekk it-tqegħid fis-suq isirx permezz ta’ intermedjarji, permezz ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi intiż għal użu għal finijiet mhux privati, jew permezz ta’ persuni fiżiċi intiż għal użu privat,

c)      filwaqt li l-persuna li tuża dawn il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni bil-kunsens tal-benefiċjarju tad-dritt, jew li terġa’ tesporthom qabel il-bejgħ tagħhom lill-konsumatur finali, tista’ titlob mingħand is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ir-rimbors tar-remunerazzjoni?

2)      F’każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1:

(2.1) Ikun hemm ‘kumpens ġust’ skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jekk id-dritt imsemmi fid-domanda 1(a) ikun jeżisti biss f’każ ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi li jużaw il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni għal finijiet privati?

(2.2) F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 2.1:

F’każ ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi, għandu jiġi preżunt, sa kemm ma titressaqx prova kuntrarja, li dawn ser jużaw il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni għal finijiet privati?

3)      F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 jew għad-domanda 2.1:

Mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, jew minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li d-dritt għal kumpens ġust li għandu jiġi invokat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ma jkunx jeżisti meta din tal-aħħar tkun marbuta, bil-liġi, li tagħti nofs id-dħul mhux lill-benefiċjarji, iżda li tagħtih lil stabbilimenti soċjali u kulturali?

4)      F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 jew għad-domanda 2.1:

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu d-dritt għal kumpens ġust li għandu jiġi invokat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur meta t-tqegħid fis-suq tal-formats ta’ reġistrazzjoni jkun diġà wassal għall-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa fi Stat Membru ieħor (eventwalment fuq bażi legali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika mingħajr distinzjoni ħlas għal kopja privata mal-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi dritt għar-rimbors tal-ħlasijiet magħmula fil-każ fejn l-użu finali ta’ dawn il-mezzi ma jkunx kopert mill-eżempju msemmi f’din id-dispożizzjoni.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-proprjetarji tad-drittijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, id-dritt esklużiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti, tax-xogħlijiet tagħhom, tal-iffissar tal-wirjiet tagħhom, tal-fonogrammi tagħhom, tal-ewwel iffissar tal-films, tal-oriġinal u tal-kopji tal-films tagħhom kif ukoll tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom.

18      Madankollu, skont l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din l-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom id-dritt jipprovdu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni meta inkwistjoni jkun hemm riproduzzjonijiet mwettqa fuq kull mezz minn persuna fiżika għal użu privat jew għal finijiet li la huma direttament jew indirettament kummerċjali, li tikkostitwixxi l-eċċezzjoni msejħa “ta’ kopja privata”.

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tagħhom, huma għandhom, b’mod partikolari, skont l-imsemmi Artikolu 5(2)(b), jipprovdu għall-ħlas ta’ “kumpens ġust” għall-benefiċċju tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni (ara s-sentenzi, tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, Ġabra p. I‑10055, punt 30, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, Ġabra p. I‑5331, punt 22).

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jirregolawx b’mod espliċitu din il-kwistjoni, l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw min għandu jħallas dan il-kumpens ġust (ara s-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Dan jgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-forma, tal-metodi u tal-livell eventwali ta’ dan il-kumpens.

21      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kriterji tad-dritt tal-Unjoni suffiċjentement preċiżi f’direttiva sabiex jiddefinixxu l-obbligi li jirriżultaw minnha, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, fit-territorju tagħhom, il-kriterji l-iktar rilevanti sabiex jiżguraw, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-direttiva kkonċernata, ir-rispett ta’ din tal-aħħar [ara, fir-rigward tad-deroga mid-dritt esklużiv ta’ self pubbliku prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120) is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑36/05, Ġabra p. I‑10313, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

22      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, fid-determinazzjoni tal-forma, tal-arranġamenti dettaljati u tal-livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

23      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l‑persuna li tikkawża l-ħsara lid‑detentur esklużiv tad‑dritt ta’ riproduzzjoni hija dik li tagħmel, għall‑użu privat tagħha, tali riproduzzjoni ta’ xogħol protett mingħajr ma titlob l‑awtorizzazzjoni minn qabel tal‑imsemmi detentur, bħala prinċipju, hija din il‑persuna li għandha tħallas għall-ħsara relatata ma’ din ir‑riproduzzjoni, billi tiffinanzja l‑kumpens li għandu jitħallas lil dan id‑detentur (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Padawan, punt 45 u Stichting de Thuiskopie, punt 26).

24      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fid‑dawl tad‑diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l‑utenti privati kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni għall-ħsara li joħolqulhom, huwa possibbli għall‑Istati Membri li jistabbilixxu, għall‑finijiet tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, “ħlas għal kopja privata” li ma għandux isir mill‑persuni privati kkonċernati, imma minn dawk li jkollhom l-attrezzatura, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, għalhekk, fid‑dritt jew fil‑fatt, ipoġġu din l-attrezzatura għad‑dispożizzjoni tal‑persuni privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil-kuntest ta’ tali sistema, huma l-persuni li għandhom l-imsemmija attrezzatura, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni li għandhom iwettqu l-ħlas għal kopja privata (sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Padawan, punt 46, u Stichting de Thuiskopie, punt 27).

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, peress li l-imsemmija sistema tippermetti lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jgħaddu l-ammont tal-ħlas għal kopja privata fuq il-prezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija attrezzatura, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil-prezz tas-servizz ta’ riproduzzjoni mogħti, ir-responsabbiltà għall-ħlas tar-remunerazzjoni hija b’mod definittiv tal-utent privat li ħallas dan il-prezz, u dan b’mod konformi mal-“bilanċ ġust” li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti (sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

26      Fil-kawża preżenti, fis-sistema stabbilita bl-Artikolu 42b tal-UrhG għall-finanzjament tal-kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, il-ħlas għal kopja privata huwa r-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni.

27      Bħala prinċipju, tali sistema, kif diġà ġie osservat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, tippermetti lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jgħaddu l-ammont ta’ dan il-ħlas fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ dawn l-istess mezzi, b’tali mod li r-responsabbiltà għall-ħlas tar-rimunerazzjoni tkun, b’mod konformi mal-“bilanċ ġust”, sostnuta fl-aħħar mill-aħħar mill-utent privat li jħallas dan il-prezz, jekk jitqies li tali utent ikun id-destinatarju finali.

28      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sistema ta’ finanzjament tal‑kumpens ġust bħal dik esposta fil‑punti 24 u 25 ta’ din is‑sentenza hija kompatibbli mal‑ħtiġijiet ta’ “kumpens ġust” biss jekk l‑apparat, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni inkwistjoni huma tali li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ kopja privata u, għaldaqstant, li jikkawżaw ħsara lill‑awtur tax‑xogħol protett. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l‑eżiġenzi, teżisti rabta neċessarja bejn l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata fir‑rigward tal‑imsemmi apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l‑użu ta’ dawn tal‑aħħar għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata, b’tali mod li l‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ din is‑sistema ta’ ħlas fir‑rigward ta’ kull tip ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, inkluż fl‑ipoteżi fejn dawn jinxtraw minn persuni li ma humiex persuni fiżiċi, għal finijiet manifestament differenti minn dawk ta’ kopja privata, ma hijiex konformi mal‑Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2001/29 (sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53).

29      Issa, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika l-ħlas għal kopja privata mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, inkluż fl‑ipoteżi fejn l-użu finali tagħhom ma huwiex kopert mill-eżempju msemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

30      Għalhekk tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk, f’tali ipoteżi, id-dritt għar-rimbors tal-ħlas imwettaq jippermettix li jerġa jiġi stabbilit il-“bilanċ ġust” li għandu jintlaħaq, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/29, bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti.

31      F’dan ir-rigward, għandu bilfors jiġi kkonstatat li sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust li tikkonsisti fl-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ ħlas għal kopja privata għat-tqegħid fis-suq għal finijiet kummerċjali u bi ħlas ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, li fl-istess ħin tipprovdi tali dritt għar-rimbors, sakemm dan id-dritt tal-aħħar ikun effettiv u ma jagħmilx ir-restituzzjoni tal-ħlas magħmul eċċessivament diffiċli, tista’ tkun konformi mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, meta d-diffikultajiet prattiċi msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza jew diffikulajiet oħra simili jiġġustifikaw tali applikazzjoni.

32      Fil-fatt, jekk Stat Membru introduċa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu, huwa għandu jiżgura, skont il-ġurisdizzjoni territorjali tiegħu, il-ġbir effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għad-danni subiti mid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni minħabba r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mwettqa minn utenti finali li jirrisjedu fit-territorju ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Għalhekk, meta tali ġbir jippreżenta diffikultajiet, l-Istat Membru kkonċernat huwa wkoll obbligat li jegħleb dawn id-diffikultajiet filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

33      Madankollu, meta ma jkunx hemm diffikultajiet prattiċi jew meta dawn ma jkunux suffiċjenti, ma tkunx teżisti r-rabta neċessarja bejn, minn naħa, l-applikazzjoni tal-ħlas għal kopja privata għall-mezzi ta’ reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ dawn tal-aħħar għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata, b’tali mod li l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ dan il-ħlas ma tkunx iġġustifikata u ma tilħaqx il-“bilanċ ġust” li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tal-imsemmija detenturi u dawk tal-utenti tal-oġġett protett.

34      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull sistema nazzjonali u tal-limiti imposti mid-Direttiva 2001/29, jekk diffikultajiet prattiċi jiġġustifikawx tali sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust u, jekk ir-risposta tkun waħda affermattiva, jekk id-dritt għar-rimbors tal-eventwali ħlas magħmul lil hinn mill-eżempju previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, huwiex effettiv u ma jagħmilx ir-restituzzjoni ta’ dan il-ħlas eċċessivament diffiċli.

35      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, l-ewwel nett, jekk l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ ħlas għal kopja privata għat-tqegħid fis-suq għal finijiet kummerċjali u bi ħlas ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, tipprovdix soluzzjoni f’kull każ għal diffikultajiet prattiċi suffiċjenti. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata, l-effikaċja, id-disponibbiltà, l-għarfien pubbliku u s-sempliċità tal-użu tal-eżenzjoni invokata a priori minn Austro-Mechana fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta.

36      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll li l-portata, l-effikaċja, id-disponibbiltà, l-għarfien pubbliku u s-sempliċità tal-użu tad-dritt għar-rimbors jippermettu li jittaffew l-eventwali żbilanċi maħluqa mis-sistema sabiex tipprovdi soluzzjoni għal diffikultajiet prattiċi kkonstatati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju nnifisha tenfasizza li l-każijiet ta’ rimbors ma humiex limitati għal dawk imsemmija espliċitament fl-Artikolu 42b(6) tal-UrhG.

37      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika mingħajr distinzjoni ħlas għal kopja privata mal-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi dritt għar-rimbors tal-ħlasijiet magħmula fil-każ fejn l-użu finali ta’ dawn il-mezzi ma jkunx kopert mill-eżempju msemmi f’din id-dispożizzjoni, meta, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull sistema nazzjonali u tal-limiti imposti minn din id-direttiva, diffikultajiet prattiċi jiġġustifikaw tali sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust u meta dan id-dritt għar-rimbors ikun effettiv u ma jagħmilx ir-restituzzjoni tal-ħlas magħmul eċċessivament diffiċli.

 Fuq it-tieni domanda

38      Sa fejn it-tieni domanda hija suġġetta għall-ewwel waħda u sa fejn ir-risposta għaliha tiddependi fuq l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, hemm lok li tingħata risposta anki għat-tieni domanda.

39      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli ta’ użu privat ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni fil-każ li dawn ikunu intiżi li jitqiegħdu fis-suq għal persuni fiżiċi, fil-kuntest ta’ sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni permezz ta’ ħlas għal kopja privata li għandu jsir mill-persuna li twettaq l-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu ta’ dawn il-mezzi, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas.

40      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddeterminaw il-forma, il-metodi u l-livell eventwali tal-imsemmi kumpens, huma jistgħu jipprovdu għal preżunzjonijiet, b’mod partikolari u kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, meta l-ġbir effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għad-danni subiti mid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni fit-territorju tagħhom ikun jippreżenta diffikultajiet.

41      Fil-kuntest ta’ sistemi ta’ finanzjament simili għal dik stabbilita bl-Artikolu 42b tal-UrhG, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni tqiegħdu għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi għal finijiet privati, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li dawn effettivament għamlu kopji privati permezz ta’ dawn tal‑aħħar u għalhekk ikkawżaw effettivament ħsara lid-detenturi tad-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni, peress li hemm preżunzjoni leġittima li dawn il‑persuni fiżiċi bbenefikaw integralment minn dan it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni, jiġifieri li huma jistgħu jisfruttaw il‑funzjonijiet kollha assoċjati mal‑imsemmija mezzi, inkluża l-funzjoni ta’ riproduzzjoni (sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55).

42      Fil-fatt, is‑sempliċi kapaċità tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jagħmlu kopji huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, bil‑kundizzjoni li l‑imsemmija mezzi tqegħdu għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi bħala utenti privati (sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

43      Issa, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi marbuta mad-determinazzjoni tal-finalità privata tal-użu ta’ mezz ta’ reġistrazzjoni li jista’ jservi għar-riproduzzjoni, il-fatt li tiġi stabbilita preżunzjoni konfutabbli ta’ tali użu meta dan il-mezz jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika huwa, bħala prinċipju, iġġustifikat u jissodisfa r-rekwiżit ta’ “bilanċ ġust” li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti.

44      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull sistema nazzjonali u tal-limiti imposti mid-Direttiva 2001/29, jekk diffikultajiet prattiċi marbuta mad-determinazzjoni tal-finalità privata tal-użu tal-mezzi inkwistjoni jiġġustifikax l-istabbiliment ta’ tali preżunzjoni u, f’kull każ, jekk il-preżunzjoni prevista twassalx sabiex il-ħlas għal kopja privata jiġi impost f’każijiet fejn l-użu finali ta’ dawn il-mezzi ma jkunx manifestament kopert mill-eżempju msemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni permezz ta’ ħlas għal kopja privata li għandu jsir mill-persuna li twettaq l-ewwel tqegħid fis-suq, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix l-istabbiliment minn dan l-Istat Membru ta’ preżunzjoni konfutabbli ta’ użu privat ta’ tali mezzi fil-każ li dawn jitqiegħdu fis-suq għal persuni fiżiċi, meta diffikultajiet prattiċi marbuta mad-determinazzjoni tal-finalità privata tal-użu tal-mezzi inkwistjoni jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ tali preżunzjoni u sakemm il-preżunzjoni prevista ma twassalx sabiex il-ħlas għal kopja privata jiġi impost f’każijiet fejn ikun manifest li l-użu finali ta’ dawn il-mezzi ma jaqax taħt l-eżempju msemmi f’din l-istess dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

46      Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, jew il-ħlas għal kopja privata intiż sabiex jiffinanzja dan il-kumpens, jistax jiġi eskluż minħabba l-fatt li nofs id-dħul magħmul abbażi tal-imsemmi kumpens jew ħlas ma jiġix ittrasferit direttament lill-benefiċjarji ta’ dan il-kumpens iżda jiġi ttrasferit lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali stabbiliti għall-benefiċċju ta’ dawn il-benefiċjarji.

47      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l‑kunċett u l‑livell tal-kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huma marbutin mal‑ħsara li tirriżulta għad-detenturi ta’ dritt esklużivi ta’ riproduzzjoni mir‑riproduzzjoni tax‑xogħlijiet protetti tagħhom li ssir mingħajr l‑awtorizzazzjoni tagħhom għal użu privat. F’din il‑perspettiva, il‑kumpens ġust għandu jitqies bħala l‑kontroparti għall‑ħsara li jsofru dawn id-detenturi u għandu neċessarjament jiġi kkalkulat abbażi ta’ kriterju ta’ ħsara kkawżata lil dawn id-detenturi bl‑introduzzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata (ara s-sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 42).

48      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, fir-rigward tad-dritt għal kumpens ġust dovut lil detenturi ta’ dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda l-possibbiltà, għall-benefiċjarji tad-dritt għal dan il-kumpens, li jirrinunzjaw għalih (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, punt 105).

49      Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2001/29 ma timponix fuq l-Istati Membri li introduċew l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tagħhom l-obbligu li jiżguraw li l-benefiċjarji tal-imsemmi kumpens ġust jirċevuh kollu kemm huwa fi flus kontanti u lanqas ma tipprekludi lil dawn l-Istati Membri milli jipprovdu, fil-kuntest tas-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li huma għandhom, li parti minn dan il-kumpens tingħata fil-forma ta’ kumpens indirett.

50      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpens ġust għandu jitqies bħala l-korrispettiv għall-ħsara subita mid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni minħabba l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, u li għalhekk dan għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi ta’ din il-ħsara, ma jipprekludix li parti mid-dħul intiż għal kumpens ġust tiġi ttrasferita indirettament lill-benefiċjarji, permezz tal-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali stabbiliti għall-benefiċċju tagħhom.

51      Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sistemi ta’ remunerazzjoni għal kopja privata huma, attwalment, sistemi neċessarjament impreċiżi fir-rigward tal-parti l-kbira tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni, peress li fil-prattika huwa impossibbli li jiġi determinat liema xogħol ġie riprodott minn liema utent u b’liema mezz.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li tali sistema ta’ tqassim indirett tal-kumpens ġust lill-benefiċjarji tiegħu tikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet tal-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali previsti mid-Direttiva 2001/29, li huwa, kif jirriżulta mill-premessi 10 u 11 tal-istess direttiva, li jiġi żgurat li l-kreattività u l-produzzjoni kulturali Ewropej jirċievu r-riżorsi meħtieġa li jippermettu t-tkomplija tax-xogħol artistiku u kreattiv tagħhom, kif li tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza u d-dinjità tal-oriġinaturi u tal-artisti kreattivi.

53      Konsegwentement, il-fatt li parti mid-dħul intiż għal kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tkun destinata għal istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali stabbiliti għall-benefiċċju tal-benefiċjarji ta’ dan il-kumpens ma jmurx, fih innifsu, kontra l-għan tal-imsemmi kumpens, sakemm dawn l-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali jkunu effettivament ta’ benefiċċju għall-imsemmija benefiċjarji u sakemm il-mod ta’ kif jiffunzjonaw dawn l-istituzzjonijiet ma jkunx diskriminatorju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

54      Fil-fatt, ma jkunx konformi mal-għan ta’ dan il-kumpens li l-imsemmija istituzzjonijiet jagħtu l-benefiċċju ta’ dan il-kumpens lil persuni li ma humiex il-benefiċjarji jew billi jeskludu, de jure jew de facto, dawk li ma għandhomx in-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat.

55      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, jew il-ħlas għal kopja privata intiż sabiex jiffinanzja dan il-kumpens, ma jistax jiġi eskluż minħabba l-fatt li nofs id-dħul magħmul abbażi tal-imsemmi kumpens jew ħlas ma jiġix ittrasferit direttament lill-benefiċjarji ta’ dan il-kumpens iżda jiġi ttrasferit lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali stabbiliti għall-benefiċċju ta’ dawn il-benefiċjarji, sakemm dawn l-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali jkunu effettivament ta’ benefiċċju għall-imsemmija benefiċjarji u sakemm il-mod ta’ kif jiffunzjonaw dawn l-istituzzjonijiet ma jkunx diskriminatorju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq ir-raba’ domanda

56      Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost minn Stat Membru li jsir, waqt it-tqegħid fis-suq għal finijiet kummerċjali u bi ħlas tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, ħlas għal kopja privata intiż għall-finanzjament tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi eskluż minħabba l-fatt li ħlas analogu jkun diġà sar fi Stat Membru ieħor.

57      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jimponi fuq l-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu obbligu ta’ riżultat, fis-sens li dan l-Istat huwa marbut li jiżgura, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tiegħu, ħlas effettiv tal-kumpens ġust intiż li jikkumpensa lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni leżi għall-ħsara subita, b’mod partikolari jekk din il-ħsara tkun seħħet fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru (sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

58      Peress li, bħala prinċipju, huma l-utenti finali li jagħmlu, għall-użu privat tagħhom, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol protett mingħajr ma jitolbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u li, għaldaqstant, jikkawżaw ħsara lil dan tal-aħħar, li għandhom jipprovdu kumpens għal din il-ħsara, jista’ jiġi preżunt li l-ħsara li għalih għandu jingħata kumpens beda fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedu dawn l-utenti finali (sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

59      Minn dan jirriżulta li, jekk Stat Membru jkun introduċa eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu, u jekk l-utenti finali li jagħmlu, għall-użu privat tagħhom, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol protett jirrisjedu fit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jiżgura, skont il-ġurisdizzjoni territorjali tiegħu, ġbir effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għall-ħsara subita mid-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni fit-territorju tal-imsemmi Stat (sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ ġbir magħżula mill-Istat Membru kkonċernat ma tistax teskludi lil dan tal-aħħar mill-obbligu ta’ riżultat li jimponilu li jiżgura, lid-detenturi leżi ta’ dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, il-ħlas effettiv ta’ kumpens ġust bħala kumpens għall-ħsara mwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

61      F’dan ir-rigward, dan l-obbligu ma huwiex affettwat mill-fatt li fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod, il-bejjiegħ professjonali li jipprovdi lix-xerrejja residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, bħala utenti finali l-attrezzatura, it-tagħmir, jew il-mezzi ta’ riproduzzjoni, huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor (sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

62      Fid-dawl tal-fatt li, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-kumpens ġust għandu jitqies bħala l-korrispettiv għall-ħsara subita mid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni minħabba l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, u li għalhekk dan għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi ta’ din il-ħsara, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li t-trasferiment minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni jista’ jkabbar il-ħsara kkawżata lil dawn id-detenturi.

63      Fil-fatt, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprovdix kumpens ġust għat-tqegħid fis-suq ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, iżda għar-riproduzzjonijiet fiha nnifisha mwettqa fuq kull mezz minn persuna fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li la huma direttament u l-anqas indirettament kummerċjali. Issa, ma jkunx hemm tali riproduzzjoni meta l-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni jiġu ttrasferiti minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor.

64      Peress li l-Istat Membru li introduċa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu u fejn jirrisjedu l-utenti finali li jagħmlu, għall-użu privat tagħhom, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol protett huwa obbligat li jiżgura, skont il-ġurisdizzjoni territorjali tiegħu, ġbir effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għall-ħsara subita mill-benefiċjarji, il-fatt li ħlas intiż għal finanzjament ta’ dan il-kumpens diġà sar fi Stat Membru ieħor ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi evitat il-ħlas fl-ewwel Stat Membru ta’ dan il-kumpens jew tal-ħlas intiż għal finanzjament tiegħu.

65      Madankollu, il-persuna li twettaq minn qabel dan il-ħlas fi Stat Membru li ma għandux il-ġurisdizzjoni territorjali tista’ titolbu r-rimbors ta’ dan il-ħlas, skont id-dritt nazzjonali tiegħu.

66      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għanda tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost minn Stat Membru li jsir, waqt it-tqegħid fis-suq għal finijiet kummerċjali u bi ħlas tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, ħlas għal kopja privata intiż għall-finanzjament tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi eskluż minħabba l-fatt li ħlas analogu jkun diġà sar fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika mingħajr distinzjoni ħlas għal kopja privata mal-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi dritt għar-rimbors tal-ħlasijiet magħmula fil-każ fejn l-użu finali ta’ dawn il-mezzi ma jkunx kopert mill-eżempju msemmi f’din id-dispożizzjoni, meta, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull sistema nazzjonali u tal-limiti imposti minn din id-direttiva, diffikultajiet prattiċi jiġġustifikaw tali sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust u meta dan id-dritt għar-rimbors ikun effettiv u ma jagħmilx ir-restituzzjoni tal-ħlas magħmul eċċessivament diffiċli.

2)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni permezz ta’ ħlas għal kopja privata li għandu jsir mill-persuna li twettaq l-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix l-istabbiliment minn dan l-Istat Membru ta’ preżunzjoni konfutabbli ta’ użu privat ta’ tali mezzi fil-każ li dawn jitqiegħdu fis-suq għal persuni fiżiċi, meta diffikultajiet prattiċi marbuta mad-determinazzjoni tal-finalità privata tal-użu tal-mezzi inkwistjoni jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ tali preżunzjoni u sakemm il-preżunzjoni prevista ma twassalx sabiex il-ħlas għal kopja privata jiġi impost f’każijiet fejn ikun manifest li l-użu finali ta’ dawn il-mezzi ma jaqax taħt l-eżempju msemmi f’din l-istess dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, jew il-ħlas għal kopja privata intiż sabiex jiffinanzja dan il-kumpens, ma jistax jiġi eskluż minħabba l-fatt li nofs id-dħul magħmul abbażi tal-imsemmi kumpens jew ħlas ma jiġix ittrasferit direttament lill-benefiċjarji ta’ dan il-kumpens iżda jiġi ttrasferit lill-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali stabbiliti għall-benefiċċju ta’ dawn il-benefiċjarji, sakemm dawn l-istituzzjonijiet għal għanijiet soċjali u kulturali jkunu effettivament ta’ benefiċċju għall-imsemmija benefiċjarji u sakemm il-mod ta’ kif jiffunzjonaw dawn l-istituzzjonijiet ma jkunx diskriminatorju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

4)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost minn Stat Membru li jsir, waqt it-tqegħid fis-suq għal finijiet kummerċjali u bi ħlas tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, ħlas għal kopja privata intiż għall-finanzjament tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi eskluż minħabba l-fatt li ħlas analogu jkun diġà sar fi Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.