Language of document : ECLI:EU:C:2014:211

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ April 2014 (*)

“Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Skemi promozzjonali piramidali — Rilevanza tal-kontribuzzjoni eventwali tal-konsumaturi mħallsa sabiex jirċievu kumpens — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘kontribuzzjoni’”

Fil-Kawża C‑515/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

“4finance” UAB

vs

Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba,

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “4finance” UAB, minn G. Velička, direttur ġenerali,

–        għall-Gvern Litwan, minn R. Janeckaitė, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u S. Šindelková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, “4finance” UAB (iktar ’il quddiem “4finance”) u, min-naħa l-oħra, il-Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba (Uffiċċju Nazzjonali ta’ Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi) u l-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos Finansų ministerijos (Ispettorat nazzjonali tat-taxxa fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi) dwar multa li ġiet imposta fuq din il-kumpannija talli kisret il-liġi Litwana li tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali fir-rigward tal-konsumaturi.

 Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 8, 9, 11 u 17 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdu:

“(8)      Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. […]

(9)      Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet individwali miġjuba minn dawk li sofrew ħsara minn prattika kummerċjali żleali. […] Is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, minħabba l-komplessità tagħhom u r-riskji serji inerenti, jeħtieġu rekwiżiti dettaljati, inklużi l-obbligi pożittivi tal-kummerċjanti. Għal din ir-raġuni, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. […]

[...]

(11)      Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar prattiċi kummerċjali aggressivi, li mhumiex attwalment regolati fil-livell Komunitarju.

[...]

(17) Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/35 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5        L-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[...]”

6        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 huwa redatt b’dan il-mod:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)      jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.      Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

8        L-Anness I tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Prattiċi Kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”, jistabbilixxi fil-Punt 14 tiegħu:

“Fejn il-kummerċjant jistabbilixxi, jopera jew jippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas [kontribuzzjoni] [inkambju] għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti.”

Id-dritt Litwan

9        L-Artikolu 7(22) tal-Liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

“Prattika kummerċjali titqies qarrieqa jekk hija tieħu l-forma ta’ ħolqien ta’ skema piramidali ta’ distribuzzjoni ta’ oġġetti li toffri lill-konsumaturi l-opportunità li jirċievu kumpens essenzjalment talli jkunu introduċew konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli għall-bejgħ jew għall-konsum ta’ prodotti, kif ukoll jekk hija tieħu l-forma ta’ użu jew ta’ promozzjoni ta’ din l-iskema.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, 4finance, hija kumpannija li tagħti, b’korrispondenza, krediti ta’ ammont żgħir f’terminu qasir. Hija ġiet ikkundannata b’deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 mill-Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont ta’ LTL 8 000 talli kisret l-Artikolu 7(22) tal-Liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li 4finance organizzat, bejn is-26 ta’ Ottubru 2010 u l-15 ta’ Frar 2011, kampanja pubbliċitarja li permezz tagħha hija implementat “skema piramidali ta’ distribuzzjoni ta’ oġġetti li toffri lill-konsumaturi l-opportunità li jirċievu kumpens essenzjalment talli jkunu introduċew konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli għall-bejgħ jew għall-konsum ta’ prodotti”.

11      L-imsemmija deċiżjoni ġiet ikkonfermata b’sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011 tal-Vilniaus apygardos administracinis teismas (Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius), u wara 4finance ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).

12      Fir-rigward tal-fatti li bihom 4finance hija akkużata, il-qorti tar-rinviju tesponi li din il-kumpannija kienet toffri lil kull klijent ġdid bonus ta’ LTL 20 għar-reġistrazzjoni ta’ kull klijent ieħor irreklutat minnu. Sabiex isir klijent ta’ 4finance, il-klijent il-ġdid kellu, matul ir-reġistrazzjoni fis-sit internet ta’ din tal-aħħar, iħallas l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li jammontaw għal LTL 0.01.

13      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-interpretazzjoni tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 kif ukoll dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 7(22) tal-Liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li din id-dispożizzjoni tad-dritt Litwan, għalkemm hija fi kwalunkwe każ leali għall-verżjoni lingwistika Ġermaniża u għall-verżjoni lingwistika Litwana ta’ din id-direttiva, ma tikkorrispondix mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, bħal pereżempju l-verżjonijiet fil-lingwi Spanjola, Franċiża u Pollakka. Fil-fatt, dawn l-aħħar verżjonijiet jinkludu, fl-imsemmi Punt 14, il-kliem li jipprovdu li “konsumatur iħallas kontribuzzjoni inkambju għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn”. Issa, il-verżjoni lingwistika Ġermaniża u l-verżjoni lingwistika Litwana tal-istess dispożizzjoni ma jipprovdux dan il-kriterju ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni mill-konsumatur.

14      Fit-tieni lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kontribuzzjoni mħallsa minn konsumatur tikkostitwixxi element indispensabbli sabiex skema promozzjonali tkun tista’ titqies li hija skema promozzjonali piramidali fis-sens tad-Direttiva 2005/29, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontribuzzjoni”. Hija tqis li huwa importanti li ssir taf, minn naħa, jekk kull somma mħallsa, anki minima, tistax titqies li hija kontribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk l-għoti ta’ somma simbolika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex biżżejjed sabiex l-iskema tiġi pprojbita. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li s-somma ta’ LTL 0.01 imħallsa fil-kontijiet ta’ 4finance minn klijent ġdid tikkostitwixxi l-iżgħar ammont teknikament trasferibbli, li t-trasferiment huwa intiż biss biex jiġi identifikat b’mod eżatt dan il-klijent għall-finijiet li jiġi konkluż kuntratt ta’ kreditu u li l-kontribuzzjonijiet hekk imħallsa ffinanzjaw biss b’mod minimu ħafna l-bonuses imħallsa permezz tal-mekkaniżmu promozzjonali.

15      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li tiġi stabbilita, operata jew promossa skema promozzjonali piramidali għandu jitqies bħala prattika kummerċjali li f’kull ċirkustanza hija qarrieqa biss meta l-konsumatur ikun meħtieġ iħallas kontribuzzjoni [inkambju] għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema minflok mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodott?

2)      Jekk ikun meħtieġ li l-konsumatur iħallas kontribuzzjoni [inkambju] għall-opportunità li jirċievi kumpens, l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-konsumatur inkambju għall-opportunità li jiriċeivi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodotti għandu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-iskema promozzjonali piramidali bħala prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva? Kontribuzzjonijiet imħallsa mill-konsumaturi li jkunu ta’ ammont purament simboliku u li jitħallsu sabiex il-konsumaturi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet inkambju għall-opportunità li jirċievu kumpens fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva?

3)      Il-punt 14 tal-Anness 1 tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex skema promozzjonali piramidali titqies bħala prattika kummerċjali qarrieqa, huwa importanti biss li l-kumpens jitħallas lill-konsumatur li jkun diġà rreġistrat essenzjalment talli jintroduċi konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli għall-bejgħ jew il-konsum ta’ prodotti jew inkella hija importanti wkoll il-kwistjoni ta’ sa fejn il-kumpens imħallas lill-parteċipanti f’din l-iskema talli introduċew konsumaturi ġodda ikun iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-membri l-ġodda? F’dan il-każ, il-kumpens imħallas lill-parteċipanti fl-iskema promozzjonali piramidali diġà rreġistrati għandu jkun, kompletament jew fil-parti l-kbira tiegħu, iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-membri introdotti reċentement f’din l-iskema?”

 Fuq id-domandi preliminari

16      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom skema ta’ promozzjoni kummerċjali tista’ titqies li hija “skema promozzjonali piramidali” fis-sens tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 u, għalhekk, tkun pprojbita f’kull ċirkustanza.

17      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 7(22) tal-Liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali jikkostitwixxi traspożizzjoni leali tal-verżjoni lingwistika Ġermaniża u tal-verżjoni lingwistika Litwana tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva Nru 2005/29. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi, f’bosta verżjonijiet lingwistiċi oħra, kundizzjoni addizzjonali sabiex skema promozzjonali piramidali tiġi pprojbita, li hija li “l-konsumatur iħallas kontribuzzjoni” sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-iskema. Din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-istess Punt 14 jeżiġix li l-konsumatur għandu jħallas tali kontribuzzjoni. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, hija tistaqsi jekk kull somma, irrispettivament mill-ammont tagħha, għandhiex tiġi kklassifikata bħala kontribuzzjoni fis-sens tal-imsemmi Punt 14.

18      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-klassifikazzjoni ta’ skema promozzjonali piramidali teħtieġx li jiġi stabbilit li l-kumpens li konsumatur jista’ jirċievi jkun iffinanzjat, parzjalment jew fil-parti l-kbira, mill-kontribuzzjonijiet imħallsa sussegwentement mill-konsumaturi l-oħra.

19      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-neċessità ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teskludi li dan jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu, iżda teżiġi li jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi uffiċjali kollha (ara s-sentenza Internetportal und Marketing, C‑569/08, EU:C:2010:311, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni ta’ skemi promozzjonali piramidali hija bbażata, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, fuq tliet kundizzjonijiet komuni. Qabelxejn, tali promozzjoni hija bbażata fuq il-wegħda li l-konsumatur ser ikollu l-opportunità li jagħmel qligħ ekonomiku. It-tieni nett, it-twettiq ta’ tali wegħda jiddependi mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema. Fl-aħħar nett, il-parti l-kbira tad-dħul li jippermetti li jiġi ffinanzjat il-ħlas imwiegħed lill-konsumaturi ma tirriżultax minn attività ekonomika reali.

21      Fil-fatt, huwa paċifiku li fin-nuqqas ta’ attività ekonomika reali li tippermetti li jsir biżżejjed dħul sabiex jiġi ffinanzjat il-ħlas imwiegħed lill-konsumaturi, tali skema promozzjonali hija bbażata neċessarjament fuq il-kontribuzzjoni ekonomika tal-parteċipanti tagħha, għaliex l-opportunità għal membru ta’ din l-iskema li jikseb ħlas tiddependi essenzjalment minn spejjeż imħallsa minn membri addizzjonali.

22      Tali skema hija neċessarjament “piramidali” fis-sens li s-sostenibbiltà tagħha teħtieġ l-adeżjoni ta’ numru dejjem ikbar ta’ parteċipanti ġodda biex jiffinanzjaw il-kumpens mogħti lill-membri eżistenti. Dan jimplika wkoll li l-membri l-iktar reċenti għandhom inqas ċans li jirċievu kumpens għall-kontribuzzjoni tagħhom. Din l-iskema tieqaf milli tkun vijabbli meta ż-żieda fin-numru ta’ membri, li teoretikament għandha tkun infinita sabiex l-iskema titkompla, ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu ffinanzjati l-ħlasijiet imwiegħda lill-parteċipanti kollha.

23      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ “skema promozzjonali piramidali” fis-sens tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 teżiġi, fl-ewwel lok, li l-membri f’tali skema jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja.

24      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-iskop tad-Direttiva 2005/29, li, skont il-premessa 8 tagħha, “tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur” u li skont l-Artikolu 1 tagħha, tiżgura “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi” (sentenza, Köck, C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-konsumatur ikun diffiċli li jiġi identifikat l-aġir ekonomiku li jeħtieġ il-protezzjoni ta’ dan tal-aħħar minn din id-direttiva.

25      Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 tikkonferma li l-kontribuzzjoni tal-konsumatur hija element kostituttiv ta’ skema promozzjonali piramidali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kull somma mħallsa mill-membri lil skema promozzjonali għandhiex titqies, irrispettivament mill-ammont tagħha, bħala kontribuzzjoni fis-sens tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda ammont minimu fil-verżjonijiet lingwistiċi li jsemmu l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza Purely Creative et, C‑428/11, EU:C:2012:651, punt 30). Barra minn hekk, l-għan li jkun hemm iktar ċertezza legali fl-identifikazzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali, imsemmi fil-premessa 17 tal-istess direttiva, ma jkunx żgurat li kieku l-Istati Membri setgħu jiddeċiedu liema huma l-ammonti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjoni finanzjarja. Għalhekk, il-kunċett ta’ kontribuzzjoni tal-konsumatur tinkludi kull kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu, irrispettivament mill-ammont.

27      Fit-tieni lok, mill-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza jirriżulta neċessarjament li l-klassifikazzjoni ta’ “skema promozzjonali piramidali” fis-sens tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri l-ġodda u l-kumpens riċevut mill-membri eżistenti.

28      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, li minnhom jirriżulta li l-finanzjament tal-kumpens li konsumatur jista’ jirċievi jiddependi “primarjament” jew “prinċipalment” mill-kontribuzzjonijiet imħallsa sussegwentement mill-parteċipanti l-ġodda fl-iskema.

29      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Litwan, tali interpretazzjoni tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 bl-ebda mod ma tikkomprometti l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prattiki pprojbiti skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huma maqsuma f’żewġ kategoriji.

31      Minn naħa, l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jinkludi l-prattiki kummerċjali li huma, fi kwalunkwe każ, żleali u li, għalhekk, ma jeħtiġux evalwazzjoni individwali ta’ kull każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-prattiki li ma jinsabux f’dan l-anness jistgħu jiġu ddikjarati żleali wara eżami individwali ta’ kull każ tal-karatteristiċi tagħhom fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 5 sa 9 (sentenzi Purely Creative et, EU:C:2012:651, kif ukoll Köck, EU:C:2013:14, punt 35)

32      Minn dan jirriżulta li biss il-prattiki kummerċjali l-iktar dannużi għall-konsumaturi huma suġġetti għal projbizzjoni assoluta, iżda li prattika li ma taqax taħt l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 tista’ madankollu tiġi pprojbita meta evalwazzjoni speċifika u konkreta tippermetti li jiġi konkluż li għandha natura żleali fis-sens tal-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmija direttiva.

33      F’din il-kawża, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tal-iskema promozzjonali stabbilita minn 4finance, il-bonuses imħallsa lill-membri eżistenti ġew iffinanzjati biss b’mod minimu mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji mitluba lill-membri l-ġodda. Għalhekk, f’tali skema jidher li t-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt 27 ta’ din is-sentenza ma hijiex issodisfatta. Jekk dan huwa l-każ, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din l-iskema ma tistax għalhekk tkun suġġetta għal projbizzjoni abbażi tal-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li skema promozzjonali piramidali tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali biss meta tali skema teżiġi mill-konsumatur kontribuzzjoni finanzjarja, irrispettivament mill-ammont tagħha, inkambju għall-opportunità għal dan tal-aħħar li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema minflok mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodotti.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-Punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), għandu jiġi interpretat fis-sens li skema promozzjonali piramidali tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali biss meta tali skema teżiġi mill-konsumatur kontribuzzjoni finanzjarja, irrispettivament mill-ammont tagħha, inkambju għall-opportunità għal dan tal-aħħar li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema minflok mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodotti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.