Language of document : ECLI:EU:C:2010:595

KONKLUŻJONIJIET CRUZ VILLALÓN – KAWŻA C-235/09

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-7 ta’ Ottubru 2010 (1)

Kawża C‑235/09

DHL Express (France) SAS

vs

Chronopost SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de Cassation (Franza)]

“Proprjetà intellettwali – Dritt tat-trade marks – Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Portata territorjali ta’ projbizzjoni ddikjarata minn qorti tat-trade marks Komunitarji – Pagamenti ta’ penalità assoċjati ma’ projbizzjoni – Applikazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità fit-territorju ta’ Stati Membri għajr dak tal-qorti li imponiethom”





1.        Permezz ta’ din id-domanda preliminari preżenti, il-Cour de Cassation (Franza) (Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża) tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja (2). Bħal ma huwa magħruf, id-dispożizzjoni inkwistjoni tirrigwarda l-projbizzjoni li wieħed jissokta bl-atti ta’ vjolazzjoni ta’ u theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, stabbilita minn qorti tat-trade marks Komunitarji, kif ukoll il-miżuri intiżi biex jiżguraw li din il-projbizzjoni tiġi mħarsa.

2.        Jekk inħarsu lejha minn perspettiva iktar ġenerali, il-kawża preżenti turi d-diffikultajiet marbuta mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni inklużi fir-Regolament (KE) Nru 40/94, speċjalment għal dak li jirrigwarda l-effetti legali tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw il-vjolazzjonijiet jew it-theddied ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Essenzjalment, qed jiġi mistoqsi jekk id-deċiżjonijiet tal- qorti nazzjonali tat-trade marks Komunitarji dwar it-talbiet tal-partijiet, inklużi l-miżuri aċċessorji, għandhomx effetti li jestendu għat-territorju kollu tal-Unjoni jew jekk tali effetti humiex limitati għal Stat Membru jew għal xi wħud minnhom.

I –    Il-kuntest ġuridiku

3.        Ir-Regolament (KE) Nru 40/94 stabbilixxa sistema komuni ta’ trade mark Komunitarja, bl-iskop li jagħti titolu ta’ proprjetà intellettwali uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni. Sabiex tiġi ggarantita tali uniformità, ir-regolament jipprevedi titolu b’effetti li japplikaw fit-territorju kollu tal-Unjoni, u jistabbilixxi fl-istess waqt, ġurisdizzjoni speċjali, mogħtija lill-qrati tal-Istati Membri.

4.        Fl-2009, ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (3), li kkodifika d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fuq is-suġġett sa dik id-data. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, u minħabba li l-fatti rilevanti seħħew qabel ma daħal fis-seħħ ir-regolament il-ġdid, fil-konklużjonijiet preżenti ser nirreferi esklużivament għar-Regolament Nru 40/94.

5.        Il-ħmistax u s-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 40/94 jesprimu b’mod ċar l-importanza li tingħata mhux biss lill-uniformità tat-trade mark, iżda wkoll lill-effetti tad-deċiżjonijiet adottati mill-qrati tat-trade marks Komunitarji:

“Billi d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandu jkollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, billi dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti min-naħa tal-qrati u ta l-Uffiċċju u u kif jista’ jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen; billi r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet Ċivili u Kummerċjali għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji, ħlief fejn dan ir-regolament jidderoga minn dawn ir-regoli;

Billi deċiżjonijiet kontradittorji għandhom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali paralleli; billi għal dan il-għan, meta l-azzjonijiet jinġiebu fl-istess Stat Membru, il-mod kif dan jista’ jinkiseb jaqa taħt il-kompetenza tar-regoli proċedurali nazzjonali, li ma humiex preġudikati minn dan ir-regolament, filwaqt li meta l-azzjonijiet jinġiebu fi Stati Membri differenti, ikunu xierqa dispożizzjonijiet imsejsa fuq ir-regoli ta’lis pendens u azzjonijiet relatati tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hawn fuq imsemmija”.

6.        Fi ħdan l-istruttura tar-regolament, l-Artikolu 1(2) jikkonferma l-karattru uniformi tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark Komunitarja lill-proprjetarju tagħha:

“It-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u l-anqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Kommunità kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor”.

7.        Fil-każ fejn qorti tat-trade marks Komunitarji taċċerta li jkun sar att ta’ vjolazzjoni jew att ta’ theddida ta’ vjolazzjoni tat-trade mark, l-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ projbizzjoni, kif ukoll ta’ miżuri addizzjonali oħra, skont kif ġej:

“1. Meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji issib li l-konvenut għamel vjolazzjoni jew hedded li jagħmel vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja. Għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skond il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.

2. F’kull aspett ieħor il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika il-liġi ta’ l-Istati Membru fejn twettqet il-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat”.

8.        Fl-aħħar, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (4) jipprevedi espressament sistema armonizzata għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-qrati nazzjonali li jaċċertaw vjolazzjoni:

“Mandati

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE”.

II – Il-fatti u l-proċedura nazzjonali

9.        Il-kumpannija Chronopost hija proprjetarja tat-trade mark Franċiża u dik Komunitarja “WEBSHIPPING”, irreġistrati, rispettivament, fis-27 ta’ April u fit-28 ta’ Ottubru 2000. Ir-reġistrazzjoni tikkontempla servizzi differenti relatati mal-loġistika u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni, u b’mod partikolari, mal-ġbir u l-kunsinna tal-posta.

10.      F’perijodu suċċessiv għall-imsemmija reġistrazzjoni, DHL International, il-predeċessur ta’ DHL Express France, kienet tuża l-kliem “web shipping” u “webshipping” biex tidentifika servizz ta’ ġestjoni ta’ kunsinna permezz ta’servizz ta’ express courier, aċċessibbli prinċipalment fuq l-Internet.

11.      Fid-9 ta’ Novembru 2007, it-Tribunal de Grande Instance ta’ Pariġi, ta sentenza fil-kawża mressqa minn Chronopost kontra DHL Express France għal vjolazzjoni tat-trade mark Komunitarja. L-imsemmija qorti, li intervjeniet fir-rwol ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji, iddeċidiet favur ir-rikorrenti, u aċċertat li seħħet vjolazzjoni tat-trade mark. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ddeċidiet ukoll favur projbizzjoni tal-attivitajiet ta’ vjolazzjoni, u ssupplementat tali projbizzjoni b’multa.

12.      Fl-appell mis-sentenza tat-Tribunal de Grande Instance, il-Cour d’Appel (Qorti tal-Appell) ta’ Pariġi, fil-kapaċità tagħha ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji tat-tieni istanza, ikkonfermat is-sentenza kontroversjali. Madankollu, il-qorti tal-appell ċaħdet it-talba ta’ Chronopost biex tiġi estiża l-projbizzjoni imposta fuq DHL Express France għat-territorju Komunitarju kollu. Għaldaqstant is-sentenza tal-appell kienet tillimita l-effetti tal-projbizzjoni esklużivament għat-territorju Franċiż.

13.      DHL Express France appellat fil-kassazjoni quddiem il-Cour de Cassation (Qorti tal-Kassazzjoni) kontra s-sentenza tal-Cour d’Appel ta’ Pariġi, fejn dan l-appell ġie miċħud. Min-naħa tagħha, Chronopost ippreżentat appell inċidentali dwar l-estensjoni territorjali tal-projbizzjoni u tal-multa relattiva.

14.      Fid-dawl tal-argumenti esposti minn Chronopost, il-Cour de Cassation ikkunsidrat li l-kwistjoni mqajma f’tali kuntest kienet titlob interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, u mmotivat b’dan il-mod il-propożizzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Fid-29 ta’ Ġunju 2009, ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tressaq quddiem din il-qorti d-domandi li ġejjin:

“1)       L-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ddikjarata minn qorti tat-trade marks Komunitarji għandha effett awtomatiku fit-territorju kollu tal-Komunità?

2)       Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-qorti għandha d-dritt li testendi din il-projbizzjoni speċifikament fit-territorju ta’ Stati oħra li fihom il-vjolazzjonijiet huma mwettqa, jew li hemm il-periklu li jitwettqu?

3)       F’wieħed minn dawn il-każijiet, il-miżuri b’saħħa koerċitiva li [bihom] il-qorti, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, ikkwalifikat bil-[il-]projbizzjoni li hija tiddeċiedi japplikaw fit-territorju tal-Istati Membri li fihom din il-projbizzjoni tipproduċi l-effett tagħha?

4)       Fil-każ kuntrarju, il-qorti tista’ tiddeċiedi miżura b’saħħa koerċitiva tali, simili jew differenti minn dik li hija tadotta skont id-dritt nazzjonali tagħha, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istati li fihom din il-projbizzjoni għandha effett?”

16.      Minbarra Chronopost, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17.      Waqt is-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2010, kienu preżenti l-avukati ta’ Chronopost, kif ukoll l-aġenti tal-Gvern Franċiż u tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni.

IV – Introduzzjoni: il-qrati tat-trade marks Komunitarji bħala qrati speċjalizzati tal-Unjoni integrati fil-poter ġudizzjarju tal-Istati Membri

18.      Preliminarjament, is-soluzzjoni tal-kawża preżenti titlob deskrizzjoni qasira tal-mudell ġudizzjarju kkonċepit mir-Regolament (KE) Nru 40/94, kif ukoll tal-għanijiet persegwiti minn tali liġi permezz tal-ħolqien ta’ titolu ta’ proprjetà intellettwali sovranazzjonali.

19.      Kif rajna, ir-Regolament (KE) Nru 40/1994 jipprevedi sistema legali speċifika għat-trade mark Komunitarja li tinkludi l-kostituzzjoni ta’ sistema ġuridika speċjalizzata, għalkemm imqassma, biex wieħed jgħid hekk, fuq żewġ livelli. Fl-ewwel wieħed hemm l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), li ma huwiex qorti, li d-deċiżjonijiet tiegħu huma suġġetti għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali u, eventwalment, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (5). Il-funzjoni speċifika ta’ tali ġurisdizzjoni tikkonsisti essenzjalment fl-eżami tal-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-UASI fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji. Fit-tieni livell hemm il-qrati tal-Istati Membri, li għandhom ir-rwol li jiddeċiedu dwar l-atti ta’ vjolazzjoni li jistgħu jiġu eżerċitati mill-proprjetarji ta’ trade mark Komunitarja (6). Fil-qosor, filwaqt li l-UASI u l-qrati tal-Unjoni jiddeċiedu dwar kwistjonijiet vertikali, imqajma minn individwu privat fil-konfront tal-amministrazzjoni responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tat-trade marks Komunitarji, il-qrati nazzjonali jeżerċitaw ġurisdizzjoni esklużiva għall-kwistjonijiet orizzontali, li jqumu fost l-individwi privati (7).

20.      Huwa opportun li jiġi enfasizzat il-fatt li l-qrati nazzjonali jaġixxu speċifikament bħala qrati tat-trade marks Komunitarji. F’din l-okkażjoni, il-qrati nazzjonali ma jeżerċitawx il-funzjonijiet tagħhom bħala qrati ordinarji tal-Unjoni, rwol li huma jeżerċitaw abitwalment meta japplikaw id-dritt Ewropew fl-ambitu tal-kawżi normali li jitressqu quddiemhom. Il-missjoni tal-qorti nazzjonali fir-rwol ta’ qorti tat-trade mark Komunitarja hija differenti mill-funzjoni tal-qorti tal-Unjoni, għalkemm evidentement it-tnejn għandhom xi karatteristiċi komuni. B’differenza minn dak li jseħħ fil-kuntest ta’ applikazzjoni normali tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati, kawża dwar trade mark Komunitarja tikkonverti l-qorti nazzjonali f’qorti speċjali tal-Unjoni, stabbilita biex tħares id-drittijiet li jirriżultaw minn titolu ta’ proprjetà speċifiku tal-Unjoni, fl-ambitu ta’ sistema ta’ ġurisdizzjoni tal-Unjoni li l-funzjonament korrett tagħha għandu jitħares mill-Istati Membri (8).

21.      F’tali kuntest, mhux b’kumbinazzjoni li r-Regolament Nru 40/94 – b’mod partikolari fl-erbatax u l-ħmistax-il premessa – ifakkar lill-Istati Membri dwar l-opportunità li jinnominaw “numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati nazzjonali ta’ l-ewwel u tat-tieni istanza li jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-vjolazzjoni u tal-validità tat-trade marks Komunitarji”, u wkoll li huwa indispensabbli li d-deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar “għandu jkollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, billi dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati”.

22.      Wieħed jista’ jafferma li, bl-eżerċizzju ta’ tali ġurisdizzjoni, il-qrati tat-trade marks Komunitarji nazzjonali, bħala qrati speċjali Komunitarji, jiggarantixxu l-kisba tal-għanijiet esposti iktar ’il quddiem.

23.      Fl-ewwel lok, il-qrati tat-trade marks Komunitarji jiggarantixxu l-uniformità tas-sistema sostanzjali tat-trade mark Komunitarja, mifhuma bħala sistema legali komuni u indipendenti, li d-dispożizzjonijiet tagħha jippermettu l-kostituzzjoni, l-attribuzzjoni u eventwalment l-estinzjoni, ta’ titolu ta’ proprjetà intellettwali tal-Unjoni li jeżisti ma’ titolu ieħor, jiġifieri t-trade mark nazzjonali, li għandu effetti limitati għat-territorju ta’ kull Stat Membru (9). Meta r-Regolament Nru 40/94 jirreferi għall-“prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja” ikun qed jirreferi għal tali kunċett (10).

24.      Fit-tieni lok, il-qrati tat-trade marks Komunitarji jiżguraw l-uniformità tal-protezzjoni ġuridika tat-trade mark Komunitarja. Permezz tal-bidla tal-qrati nazzjonali fi qrati speċjali tal-Unjoni, bis-saħħa ta’ regoli proċedurali li għandhom supremazija u effett dirett, kif ukoll permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jindikaw, b’mod partikolari, il-korp kompetenti biex jisma’ tali kawża, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 jagħti importanza partikolari lill-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-proprjetarju. F’kull każ, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 għandu l-intenzjoni li jevita pluralità ta’ korpi ġudikanti li jostakolaw il-kisba ta’ soluzzjoni uniformi u jikkontribwixxu b’tali mod biex joħolqu inċertezza legali (11).

25.      Fl-aħħar, u dan huwa partikolarment importanti, il-qrati nazzjonali tat-trade marks Komunitarji għandhom jiffavorixxu l-effettività u l-effikaċja tas-sistema sostanzjali u proċesswali. Fil-fatt, it-trade mark Komunitarja ma tridx tkun titolu astratt biss. Bil-kontra, intrinsikament din għandha utilità prattika bil-għan li tipproteġi l-professjonisti u l-impriżi li b’mod leġittimu joħolqu jew jużaw sinjali fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom. Trade mark Komunitarja fframmentata, b’sistemi mifruxa mal-Istati Membri u li għandhom ir-riskju li jipprovokaw kwistjonijiet f’ġurisdizzjonijiet nazzjonali differenti, tkun titolu ta’ proprjetà mhux attraenti ħafna u li fl-aħħar, tista’ tirriżulta iktar dispendjuża għall-proprjetarju meta mqabbla mar-reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali differenti. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 għandu l-għan li jagħti lill-proprjetarju permezz tat-trade mark Komunitarja, titolu effikaċi li l-użu tiegħu, u similment il-protezzjoni tiegħu ma jinvolvux piż ekonomiku eċċessiv.

26.      Fil-qosor, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni inklużi fl-Artikoli 92 sa 96 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 jidħlu f’sistema fejn il-qrati nazzjonali joperaw bħala organi speċjali tal-Unjoni, li huma mitluba japplikaw l-imsemmija dispożizzjonijiet b’mod tali li jiggarantixxu l-unitarjetà tat-trade mark, kif ukoll il-protezzjoni ta’ din tal-aħħar u, mingħajr ma jintnefqu spejjeż eċċessivi għal min jinvokahom.

27.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti diġà jippermettulna nsibu s-soluzzjoni li, fl-opinjoni tiegħi, għandna nagħtu lid-domandi magħmula mill-Cour de Cassation fit-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti. Madankollu, in limine, qed tiġi imposta riflessjoni fuq l-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, li għandu test li jikkontempla l-projbizzjonijiet u l-miżuri addizzjonali li jistgħu jiġu deċiżi mill-qrati tat-trade marks, u li fuqhom, b’mod definittiv, huma bbażati d-domandi fformulati mill-qorti tar-rinviju.

V –    Il-kontenut, il-funzjonijiet u l-portata tal-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 40/94

28.      L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li meta l-qorti tat-trade marks tikkonstata li l-konvenut wettaq vjolazzjoni skont l-Artikolu 9 tal-istess regolament, din għandha l-obbligu li toħroġ “ordni” “sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni.” B’mod definittiv, din hija deċiżjoni li l-qorti tat-trade marks Komunitarji tadotta wara lil tkun ikkonstatat vjolazzjoni tat-trade mark. L-unika eċċezzjoni hija prevista fil-każ fejn, kif tipprovdi l-istess dispożizzjoni “ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor (12).” B’mod simili, tali dispożizzjoni tawtorizza lill-qorti tat-trade marks tadotta “il-miżuri [...] li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa” (13). Bħal ma ntqal, tali dispożizzjoni tqajjem diversi kwistjonijiet, il-parti l-kbira ta’ liema huma l-bażi tal-proċeduri preżenti.

29.      Qabelxejn, għandu jkun ċar li għalkemm l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 40/94 huwa intitolat “Is-sanzjonijiet”, dawn tal-aħħar ma humiex l-għan reali u waħdieni ta’ tali dispożizzjoni, u b’mod partikolari tal-paragrafu 1 tiegħu. Ir-regolamentazzjoni inkluża f’din il-parti tad-dispożizzjoni inkwistjoni tirrigwarda qabelxejn il-miżuri adottati minn qorti tat-trade marks sabiex deċiżjoni ta’ kundanna tiġi eżegwita b’mod effettiv. Kuntrarjament għal dak li jiġri fil-parti l-kbira tal-proċeduri ċivili ordinarji, fejn deċiżjoni ta’ kundanna tista’ teħtieġ l-eżekuzzjoni forzata suċċessivament għall-għoti tas-sentenza dikjaratorja, l-Artikolu 98(1) jipprevedi li l-qorti tadotta l-miżuri neċessarji kollha biex twaqqaf u tipprevjeni aġir futur. Għal dan il-għan, tali dispożizzjoni tiddistingwi bejn żewġ gruppi ta’ miżuri: il-projbizzjoni, minn naħa waħda, u l-miżuri diretti biex jiżguraw li din il-projbizzjoni titħares, min-naħa l-oħra.

30.      Barra minn hekk, id-deċiżjoni dikjaratorja li biha jiġi kkonstatat l-att ta’ vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni tat-trade mark hija premessa li minnha neċessarjament tirriżulta l-projbizzjoni. Kif indikajt preċedentement, il-projbizzjoni hija l-konsegwenza naturali li tiġi prodotta fil-mument meta tiġi ddikjarata l-vjolazzjoni. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tiġi probabbilment deċiża flimkien mal-imsemija dikjarazzjoni, minħabba li b’dan il-mod biss tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni dikjaratorja. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza Nokia, “jekk dan ma kienx il-każ, l-għan ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament, li jikkonsisti fil-protezzjoni uniformi fuq it-territorju kollu tal-Komunità tad-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja kontra r-riskju ta’ vjolazzjoni, ma kienx jintlaħaq” (14). Il-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi singolarment l-“ordni”, daqslikieku kienet provvediment awtonomu, ma jimplikax neċessarjament li l-projbizzjoni għandha tiġi adottata b’att separat jew f’mument differenti. F’ċertu sens, wieħed jista’ jirritjeni li tali riferiment jesprimi l-awtonomija tal-projbizzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-mertu, u b’hekk il-projbizzjoni tiġi intiża bħala mandat individwali maħruġ fil-konfront tal-konvenut, li huwa distint minn dikjarazzjoni li tirrigwarda dritt suġġettiv.

31.      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fil-parti l-kbira għall-miżuri ta’ garanzija msemmija fl-Artikolu 98. Fil-fatt, ladarba tingħata s-sentenza li tikkonferma att ta’ vjolazzjoni jew it-theddida ta’ att ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, il-qorti tista’ ssib ruħha fil-kundizzjoni, li apparti l-projbizzjoni li għadha kif issemmiet, ikollha tadotta miżuri xierqa biex tiggarantixxi li d-deċiżjoni msemmija titħares. Fil-fatt, kieku verament huwa l-każ ta’ miżura fakoltattiva li l-qorti tat-trade marks Komunitarji tadotta jekk taħseb li jkun xieraq, huwa veru wkoll li l-adozzjoni ta’ tali miżura ta’ spiss issir flimkien mal-adozzjoni tad-deċiżjoni dikjaratorja u tal-projbizzjoni.

32.      Għaldaqstant, il-projbizzjoni u l-miżuri ta’ garanzija huma marbutin flimkien. Il-projbizzjoni, biex wieħed jgħid hekk, hija r-riżultat naturali u neċessarju tas-sentenza dikjaratorja, minħabba li din tintroduċi fid-deċiżjoni dikjaratorja obbligu addizzjonali fuq il-persuna li tkun ivvjolat it-trade mark Komunitarja, li ma jsir xejn. Fl-ipoteżi li l-projbizzjoni ma titħarisx, tiġi invokata l-miżura addizzjonali, bħala reazzjoni għall-aġir illegali tal-konvenut. Għaldaqstant, tali miżuri għandhom funzjoni kemm preventiva kif ukoll repressiva, fis-sens li jaġixxu bħala mekkaniżmi li fl-ewwel lok, għandhom l-iskop li jservu ta’ diżinċentiv kontra l-vjolazzjoni tal-projbizzjoni inkluża fid-deċiżjoni ġudizzjarja u fl-istess ħin, jekk ikun il-każ, iservu bħala miżuri sanzjonatorji.

33.      Hekk kif ġew esposti l-argumenti preċedenti, nista’ neżamina b’ikbar ċertezza d-domandi magħmula mill-Cour de Cassation. Minn naħa waħda, l-ewwel u t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ċċentrati primarjament fuq il-projbizzjoni, filwaqt li ż-żewġ domandi l-oħra huma bbażati fuq il-miżuri addizzjonali. B’hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi differenti, nirritjeni li tista’ tingħata soluzzjoni f’żewġ blokki lil dawn id-domandi, billi l-ewwel blokk jiġi ċċentrat fuq il-projbizzjonijiet, biex imbagħad wieħed janalizza, fil-kuntest tat-tieni blokk, in-natura u s-sistema ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ garanzija.

VI – Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari: l-effetti territorjali tal-projbizzjonijiet deċiżi mill-qrati tat-trade marks Komunitarji

34.      Ir-Regolament (KE) Nru 40/94 stabbilixxa sistema uniformi li, kif indikajt preċedentement, tipprovdi numru ta’ regoli sostanzjali u proċedurali komuni, u li huma supplimentati minn miżuri xierqa biex jiggarantixxu l-effettività tagħhom. Similment, il-fatt li l-qrati nazzjonali jiksbu r-rwol ta’ qrati speċjali tal-Unjoni, f’termini li jevidenzjaw il-poteri tagħhom sabiex tiġi żgurata l-uniformità tat-trade mark, jista’ jwassal sabiex wieħed leġittimament jemmen li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ tali korpi għandhom effetti ope legis, u li tali effetti jestendu b’mod awtomatiku u mingħajr kundizzjoni fit-territorju tal-Unjoni kollu.

35.      Fil-fatt, tali impostazzjoni, li abbażi tagħha kull deċiżjoni nazzjonali f’dan il-qasam tinbidel f’deċiżjoni b’effetti li jestendu fl-Unjoni kollha, tista’ tidher l-iktar impostazzjoni koerenti mar-ratio tar-Regolament (KE) Nru 40/94. Din ma hijiex l-unika linja interpretattiva possibbli. Fil-verità, teżisti oħra li hija ftit iktar elastika, u f’kull każ iktar adattabbli għall-għanijiet li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li, fl-opinjoni tiegħi, hija iktar korretta.

36.      Bħala premessa għandu jiġi rrilevat li l-qorti tat-trade marks Komunitarji speċifikament ingħatat ġurisdizzjoni li, skont l-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, tippermettilha tiddeċiedi dwar atti mwettqa fit-territorju ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni (15). Din id-dispożizzjoni ta’ ġurisdizzjoni tiġi spejgata abbażi tal-għanijiet li jispiraw ir-regolament tat-trade marks Komunitarji deskritti preċedentement, u għandha l-għan li tippermetti lil proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jidher quddiem qorti, mingħajr ma jkollu jidher quddiem pluralità ta’ qrati, meta jasal il-mument biex jitlob it-tmiem ta’ atti ta’ vjolazzjoni mwettqa fi Stati Membri differenti. Għaldaqstant, jekk il-qorti tat-trade marks għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjoni tagħha li tiddikjarja l-vjolazzjoni, minkejja l-post fejn tingħata, ikollha magħha projbizzjoni, kif ukoll minn miżuri li jaċċertaw li din il-projbizzjoni titħares (16).

37.      Abbażi ta’ tali premessa, naqbel mal-Kummissjoni meta ssostni li, sabiex tiġi riżolta d-domanda preżenti, għandna nitilqu minn distinzjoni bejn l-effetti tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara dritt suġġettiv u l-effetti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fiha nnifisha. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 40/94 jippermetti lill-qorti tat-trade marks Komunitarji tadotta dikjarazzjoni fir-rigward ta’ dritt suġġettiv mogħti minn att ta’ dritt riżultanti tal-Unjoni, li nkiser f’wieħed jew iktar Stati Membri. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-qorti tat-trade marks Komunitarji tirreferi għal dritt suġġettiv mogħti mill-Unjoni, li għandu jiġi protett ġudizzjarjament mill-qrati nazzjonali speċjali tal-Unjoni. Bħala konsegwenza, id-deċiżjoni ġudizzjarja rilevanti għad-dritt suġġettiv, bħala regola, tipproduċi effetti fit-territorju kollu tal-Unjoni.

38.      Minkejja dan, kull kawża għandha tiġi ttrattata skont iċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-każ speċifiku, u għalhekk ser ikun hemm każijiet fejn ir-rikorrent jieħu azzjoni biss quddiem vjolazzjoni mwettqa fi Stat Membru, bil-konsegwenza ta’ deċiżjoni li tkun limitata territorjalment (17). L-istess ħaġa ser tiġri meta l-vjolazzjoni ssir fi grupp determinat ta’ Stati Membri kif jidher jirriżulta fil-każ preżenti, fejn il-probabbiltà ta’ konfużjoni jinsab f’rapport ta’ dipendenza mal-lingwi użati f’kull territorju (18). Jekk wieħed isegwi dan ir-raġunament, fil-każ fejn ir-rikorrent ma jispeċifikax il-portata territorjali tal-vjolazzjoni rrapurtata, il-konvenut ikollu jipprova li din il-vjolazzjoni hija limitata għal spazju ġeografiku konkret. F’każ kuntrarju, ikun normali li d-deċiżjoni tal-qorti tat-trade marks li taċċerta l-vjolazzjoni tkun ugwalment effikaċi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

39.      Abbażi ta’ tali premessa, l-unika interpretazzjoni koerenti mal-argumenti esposti preċedentement, hija dik li l-portata territorjali tal-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 98(1), tikkorrispondi mal-portata mogħtija lill-vjolazzjoni tad-dritt relattiv suġġettiv. Għaldaqstant, jekk il-qorti tat-trade marks tiddeċiedi li tillimita l-portata tal-vjolazzjoni għal territorju kkaratterizzat mill-unità lingwistika, il-projbizzjoni tkun bl-istess mod mogħtija fir-rigward tal-istess spazju ġeografiku. Bil-kontra, jekk id-deċiżjoni li tiddikjara l-vjolazzjoni ma fiha l-ebda riferiment dwar il-portata territorjali, l-effetti tal-projbizzjoni jestendu għall-Unjoni kollha.

40.      Kif diġà semmejt qabel, l-effetti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fiha nnifisha huma differenti mill-effetti li r-regolament jagħti lid-dritt suġġettiv. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja, bħala deċiżjoni ta’ poter pubbliku tal-Istat, ma testendix awtomatikament għall-Unjoni kollha, iżda bħala prinċipju tipproduċi effetti fit-territorju tal-Istat fejn ġiet adottata, salv il-fatt li tgawdi minn sistema ħafifa u effikaċi ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, bħal dik prevista mir-Regolament Nru 44/2001 (19). Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-qorti fir-rigward tal-mertu testendi territorjalment fuq spazju li jista’ jkun iktar wiesa’ meta mqabbel mal-Istat Membru tal-forum, filwaqt li minħabba li provvediment tal-qorti huwa att maħruġ minn poter pubbliku nazzjonali, l-effetti tiegħu huma limitati fi ħdan l-istess Stat u jgawdu minn sistema ta’ rikonoxximent privileġġat.

41.      Konsegwentement, bħala risposta għall-ewwel domanda fformulata mill-Cour de Cassation, nikkunsidra li l-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li projbizzjoni mogħtija minn qorti tat-trade marks Komunitarji għandha, bħala prinċipju, u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita f’sens kuntrarju, effett awtomatiku fit-territorju kollu tal-Unjoni. Bħala konsegwenza, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda fformulata mill-qorti tar-rinviju.

VII – Dwar it-tielet u r-raba’ domandi: sistema applikabbli u portata tal-miżuri addizzjonali adottati minn qorti tat-trade marks Komunitarji biex jiggarantixxu li l-projbizzjoni titħares

42.      Kif ser nesponi iktar ’il quddiem, iqumu diffikultajiet addizzjonali fir-rigward tal-adozzjoni u tal-portata tal-miżuri li jiggarantixxu li l-projbizzjonijiet inkwistjoni jitħarsu, jiġifieri, dawk il-miżuri li l-Artikolu 98(1) isejjaħ “miżuri [...] li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.” F’dan il-każ, tqum konkretament id-domanda jekk tali miżuri għandhomx ikunu oġġett ta’ trattament uniformi, jew jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni toperax fir-rigward ta’ rinviju għad-dritt proċedurali ta’ kull Stat Membru. Ir-risposta għal tali domanda tikkundizzjona wkoll il-kwistjoni tal-effetti tal-miżuri addizzjonali, u mhux għal xejn li l-Cour de Cassation tirrikorri għall-Qorti tal-Ġustizzja u tfittex risposta fuq iż-żewġ punti.

43.      Qari attent tal-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, kemm fl-ewwel u fit-tieni paragrafu, juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni jindika żewġ tipi differenti ta’ miżuri. Filwaqt li l-ewwel paragrafu jirreferi għall-“miżuri [...] li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa”, it-tieni paragrafu jsemmi b’mod indeterminat miżuri oħra li, b’mod ġenerali jistgħu jiġu adottati. Fir-rigward tal-ewwel miżuri, id-dispożizzjoni inkwistjoni tistabbilixxi li l-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika “[i]l-liġi nazzjonali”, filwaqt li għall-bqija tal-miżuri, imsemmija fit-tieni paragrafu, għandha tiġi applikata “il-liġi ta’ l-Istati Membru fejn twettqet il-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni”.

44.      Din id-disparità fit-trattament wasslet lill-Cour de Cassation biex tqajjem it-tielet u r-raba’ domandi, għalkemm sostanzjament iż-żewġ domandi jirriżultaw mill-istess dubju: jekk pagamenti ta’ penalità, bħala miżuri ta’ garanzija assoċjata ma’ vjolazzjoni ta’ projbizzjoni humiex interament irregolati mil-liġi tal-forum jew ukoll mil-liġi tal-post fejn seħħet il-vjolazzjoni. Fi kliem ieħor: jekk pagamenti ta’ penalità jikkostitwixxux “miżur[a] [...] li h[ij]a mmirat[a] biex [t]iżgura li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa” u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk il-“liġi nazzjonali” imsemmija fl-Artikolu 98(1) tal-liġi tal-forum tapplikax għall-fażijiet kollha fejn jiġu artikolati l-pagamenti ta’ penalità.

45.      Ir-risposta għal dawn id-domandi tinsab mhux biss fir-regolament u fl-għanijiet li jikkostitwixxu l-bażi tiegħu, iżda wkoll billi wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura partikolari u n-natura tal-pagamenti ta’ penalità.

A –    Il-pagamenti ta’ penalità u n-natura tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94

46.      Il-pagamenti ta’ penalità, fuq kollox fil-qasam ta’ trade marks, huma miżuri magħrufa fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Il-funzjoni tagħhom, kif huwa magħruf, tikkonsisti f’li jiżguraw it-twettiq ta’ obbligu, li fil-każ preżenti huwa l-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94, kif diġà esponejt b’mod iddettaljat preċedentement. Għalkemm il-pagamenti ta’ penalità jistgħu jassumu karatteristiċi differenti f’kull leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn ġeneralment jikkonsistu f’sanzjoni pekunjarja b’ammont likwidat b’relazzjoni man-numru ta’ ġranet li matulhom idum il-ksur. Fil-każ tal-pagamenti ta’ penalità applikati skont l-Artikolu 98(1), dawn jaqgħu fuq il-konvenut li ma jkunx osserva l-projbizzjoni inkluża fis-sentenza ta’ kundanna.

47.      Issa, wieħed ma jistax jiċħad li l-pagamenti ta’ penalità huma kkaratterizzati minn kumplessità notevoli, li iktar tiżdied meta din il-miżura trid tiġi adottata f’kuntest transkonfinali. Fil-fatt, fi kliem iktar ċar, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tartikola ruħha potenzjalment fi tliet fażijiet li huma suġġetti għal sistemi separati iżda interkonnessi. Fl-ewwel fażi, jiġu kkonfigurati l-pagamenti ta’ penalità, bl-indikazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ fatt (il-vjolazzjoni ta’ projbizzjoni, kif nistgħu nipotizzaw) li magħha tiġi assoċjata konsegwenza ġudizzjarja punittiva (is-sanzjoni li għandha tiġi ddeterminata b’relazzjoni mal-ksur, espressa normalment f’numru ta’ ġranet). Fit-tieni fażi, wara li effettivament isseħħ il-vjolazzjoni tal-projbizzjoni, issir il-likwidazzjoni (tal-ammont) tal-pagamenti ta’ penalità, bl-applikazzjoni tar-regola tal-kalkolu, prevista għal dan l-iskop. Fit-tielet u l-aħħar fażi potenzjali, wieħed għandu jgħaddi għall-eżekuzzjoni, volontarja jew forzata, li bis-saħħa tagħha, is-suġġett li jagħmel il-vjolazzjoni jħallas bil-patrimonju tiegħu l-pagamenti ta’ penalità li jiġu imposti fuqu.

48.      Kif jiġi osservat, kull waħda minn dawn il-fażijiet identifikati matul iż-żmien fejn jiġu applikati pagamenti ta’ penalità, tista’ tiġi suġġetta għal regoli u proċeduri differenti. Issa, din il-kumplessità tiżdied meta l-vjolazzjoni tippreżenta element transnazzjonali, minħabba li f’dan il-każ, jidħlu fix-xena sistemi legali differenti, u li huma applikabbli għall-pagamenti ta’ penalità relattivament fir-rigward ta’ waħda jew iktar fażijiet minn dawk li għadhom kif ġew deskritti. Huwa proprju f’dan il-kuntest li jqumu ż-żewġ domandi finali, u li għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara sa fejn projbizzjoni deċiża skont l-iċċitat Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, tikkundizzjona l-effetti territorjali u r-regoli applikabbli għal pagamenti ta’ penalità imposti abbażi tal-istess dispożizzjoni. Madankollu, qabel ma nipproċedi b’tali raġunament, hemm bżonn ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet addizzjonali.

49.      Fl-ewwel lok, ma għandniex ninsew li, minkejja d-disparità regolamentari li teżisti fuq il-livell nazzjonali fir-rigward tal-miżuri ta’ garanzija, f’dan ir-rigward il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta miżuri ta’ armonizzazzjoni li jikkontribwixxu għat-tqarrib tal-liġijiet nazzjonali. Fir-rigward tat-trade marks nazzjonali armonizzati mit-test tad-Direttiva 2004/48/KE, l-Artikolu 11 li jipprovdi għall-hekk imsemmija “mandati”, jipprovdi li “fejn hemm provvediment bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xieraq, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità (20).” Tali dispożizzjoni tindika li fl-istat attwali tat-traspożizzjoni, l-Istati Membri diġà pprevedew bil-liġi għall-possibbiltà li l-qrati jimponu pagamenti ta’ penalità, għalkemm huwa veru li ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Istati milli jipprevedu miżuri (oħra) alternattivi jew addizzjonali.

50.      Proprju għaliex teżisti l-possibbiltà li fi ħdan is-sistema legali tagħhom l-Istati Membri jipprevedu għall-miżuri addizzjonali jew distinti mill-pagamenti ta’ penalità, li l-iċċitat Artikolu 98(1) ma jindikax b’mod speċifiku dawn tal-aħħar iżda jirreferi b’mod ġenerali għall-“miżuri [...] li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa”. Kif kellu mod jesponi r-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub, dan huwa l-każ tal-Gran Brittanja li għandha sistema legali li ma tipprovdix għall-pagamenti ta’ penalità u fejn huwa fermament ikkonsolidat il-contempt of court, miżura, kif huwa magħruf, ta’ natura kriminali.

51.      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 huma speċifiċi u jaqgħu taħthom biss dawk il-miżuri li għandhom l-iskop li jiżguraw li l-projbizzjoni titħares. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti tat-trade marks Komunitarji toħroġ ordni ta’ inibizzjoni u, eventwalment, tadotta l-miżuri opportuni biss għall-fini li jiżguraw li l-ordni titħares. Għaldaqstant, dawn huma l-miżuri li, skont l-iċċitat Artikolu 98(1), jiġu adottati b’konformità mal-“liġi nazzjonali” u mhux kull ordni oħra li l-qorti jista’ tadotta. Fil-każ fejn huwa opportun li jiġu adottati miżuri differenti, li ma humiex intiżi biex jiżguraw li l-projbizzjoni titħares, id-dispożizzjoni applikabbli tkun dik inkluża fl-Artikolu 98(2), iċċitat iktar minn darba.

52.      Fil-fatt, minħabba l-eterogenejità tal-liġijiet tal-Istati Membri, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 jiddistingwi korrettament il-miżuri intiżi biex jiżguraw li l-projbizzjoni titħares mill-bqija tal-miżuri li, jekk huwa l-każ, huma previsti mis-sistema legali nazzjonali. Il-Kummissjoni insistiet dwar dan il-punt, u żiedet argument ta’ natura semantika li jistħoqlu li jissemma; fil-fatt huwa veru li l-Artikolu 98(2) jibda bl-espressjoni “f’kull aspett ieħor”, li fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, jimmarka linja ċara ta’ demarkazzjoni bejn il-miżuri kkontemplati fl-ewwel inċiż u l-miżuri kkontemplati fit-tieni inċiż (21). Minħabba li l-Artikolu 98(2) jirreferi għall-miżuri differenti, għandna niddeduċu li, wara li l-ewwel paragrafu jirregola l-projbizzjonijiet u l-miżuri mmirati biex jiżguraw li l-projbizzjonijiet jitħarsu, it-tieni paragrafu jikkontempla l-miżuri sanzjonatorji b’mod ġenerali, differenti mill-preċedenti (22).

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx dubju li pagamenti ta’ penalità bħal dawk applikati fil-każ preżenti mit-Tribunal de Grande Instance ta’ Pariġi jikkostitwixxu miżura intiża biex tiżgura li l-projbizzjoni deċiża bis-sentenza ta’ kundanna skont l-Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 titħares. Bħala konsegwenza, it-Tribunal de Grande Instance ta’ Pariġi kien obbligat jadotta tali miżura “skont il-liġi nazzjonali”.

54.      Bħala konsegwenza, ser ngħaddi biex neżamina xi jrid ifisser eżattament l-iċċitat Artikolu 98(1), meta jirreferi għal-“liġi nazzjonali”, u liema huma l-konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw mis-soluzzjoni li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

B –    Liġi applikabbli u effetti tal-“miżuri [...] li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa”

55.      Wara li ġiet rikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tal-qorti tat-trade marks Komunitarji biex din tadotta miżuri intiżi biex jiżguraw li l-projbizzjoni titħares, l-imsemmi Artikolu 98(1) iżid regola dwar il-liġi applikabbli, li tirriżulta ftit ambigwa minħabba li tirreferi għal-“liġi nazzjonali”, mingħajr, madankollu, ma tispeċifika la l-effetti ta’ din tal-aħħar u lanqas il-fażi ta’ applikazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità li hija applikabbli taħt tali leġiżlazzjoni u ftit inqas il-liġi ta’ liema Stat b’mod partikolari.

56.      Skont l-ewwel approċċ, linja ta’ interpretazzjoni tista’ twassalna biex nirrispondu fis-sens li l-liġi applikabbli hija l-lex loci delicti commissi, fil-limiti fejn is-sentenza li immedjatament tippreċedi l-istess dispożizzjoni tirreferi għall-“atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni [tat-trade mark]”. Minħabba li, bis-saħħa tal-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Nru 40/94, il-qrati tat-trade marks għandhom ġurisdizzjoni fuq vjolazzjonijiet li saru fit-territorju tagħhom kif ukoll fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, nistgħu nikkonkludu li l-aħħar sentenza tal-iċċitat Artikolu 98(1), b’koerenza ma’ dak li ġie espost qabel, tirreferi għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni fis-sistema legali tal-Istat Membru fejn saret tali vjolazzjoni. Interpretazzjoni bħal din tippermetti li s-soluzzjoni tal-pekuljaritajiet ta’ kull sistema legali nazzjonali kkonċernata tiġi adattata u eventwalment jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-Istat li applika l-liġi tiegħu. Minkejja dan, tali qari ser iqajjem ħafna oġġezzjonijiet, mill-aspett mhux biss tal-ġurisdizzjoni, iżda wkoll tal-interpretazzjoni letterali u tal-mertu.

57.      Fil-fatt, fl-iċċitata sentenza Nokia, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat għalkemm f’obiter dictum, li “in-natura tal-miżuri msemmija fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 98(1) tar-regolament hija stabbilita mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li trid tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, kif jirriżulta mir-referenza speċifika għal din il-liġi magħmula minn din id-dispożizzjoni” (23). Jirriżulta li bħala prinċipju l-lex fori hija l-liġi rilevanti għall-adozzjoni tal-pagamenti ta’ penalità. Minkejja dan, wieħed għandu jirrileva wkoll li tali dikjarazzjoni tirreferi għal-liġi applikabbli għan-“natura” tal-miżuri, u b’hekk jidhirli li d-domanda tħalliet parzjament miftuħa.

58.      Madankollu, fil-każ li jqumu dubji dwar il-portata ta’ tali dikjarazzjoni, dawn għandhom jiġu dissolti b’argument sistematiku. B’hekk, kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried li l-liġi applikabbli għall-miżuri applikati sabiex il-projbizzjoni titħares tkun l-istess liġi prevista għall-bqija tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, l-Artikolu 98(2) jirriżulta superfluwu minħabba li din il-funzjoni preċiżament tiġi ġġustifikata biss jekk preċedentement, ġiet implementata xi ħaġa differenti. L-iċċitat numru jispeċifika b’mod ċar ħafna li l-liġi applikabbli, apparti għall-miżuri differenti mill-miżuri ta’ garanzija, hija “il-liġi ta’ l-Istati Membru fejn twettqet il-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat.” Ir-riferiment qasir għall-“liġi nazzjonali” inkluż fl-ewwel paragrafu, jikkontrasta b’mod manifest mar-riferiment għal-lex loci delicti commissi, inkluż fit-tieni paragrafu, u għal din ir-raġuni għandna niddeduċu li l-imsemmija paragrafi jirreferu għar-regoli ta’ kunflitt differenti.

59.      Fl-aħħar, jistgħu jsiru kunsiderazzjonijiet oħra għalkemm ta’ ordni prattiku u teleoloġiku.

60.      Fil-fatt, sistema ta’ dépeçage, intiża biex tiddetermina separatament il-liġi applikabbli għall-miżura li hija intiża biex tiżgura li l-projbizzjoni titħares, tista’ tiltaqa’ ma’ problemi operattivi, b’mod partikolari meta l-miżura inkwistjoni tikkonsisti f’pagamenti ta’ penalità. Kif esponejt fil-paragrafi preċedenti, il-pagamenti ta’ penalità huma strumenti li jwettqu kemm funzjoni preventiva kif ukoll repressiva, fil-każ fejn il-funzjoni repressiva tkun teħtieġ miżuri ulterjuri ta’ applikazzjoni sabiex jiġi likwidat ammont determinat ta’ flus. F’kuntest bħal dan, il-kriterju tal-post fejn ikun sar l-att illegali jirriżulta problematiku minħabba li l-qorti tat-trade marks Komunitarji jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni iktar minn territorju wieħed: fl-ewwel lok, it-territorju fejn saret il-vjolazzjoni li tat lok għall-azzjoni inizjali ta’ dikjarazzjoni, u fit-tieni lok, it-territorju fejn hemm ksur tal-projbizzjoni li titkompla l-vjolazzjoni, li jista’ ma jkunx l-istess bħall-ewwel wieħed. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm preżenti li l-qorti tat-trade marks Komunitarji ma tistax tkun taf bil-quddiem jekk u fejn din il-projbizzjoni ser tiġi vvjolata, u b’hekk issib ruħha fil-kundizzjoni li jkollha tipprevedi tant pagamenti ta’ penalità daqs kemm hemm Stati Membri kkonċernati. Fil-każ normali fejn id-deċiżjoni dwar il-mertu tipproduċi effetti fit-territorju kollu tal-Unjoni, il-qorti tat-trade marks ikollha tadotta 27 miżura differenti abbażi ta’ daqstant sistemi legali.

61.      Definittivament, mill-argumenti kollha esposti preċedentement jirriżulta li l-aħjar risposta tinkiseb meta l-“liġi nazzjonali” imsemmija fl-Artikolu 98(1) tiġi assoċjata mal-liġi tal-post tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li tiddeċiedi f’dan ir-rigward. Fi kliem ieħor, billi l-“liġi nazzjonali” tiġi interpretata bħala l-lex fori.

62.      F’dan il-punt, is-soluzzjoni tat-tielet u tar-raba’ domandi tiġi tradotta fid-determinazzjoni ta’ intervent possibbli tal-qorti tat-trade marks Komunitarji, b’effetti li jestendu fuq it-territorju kkonċernat mid-dikjarazzjoni tal-vjolazzjoni u mill-projbizzjoni konsegwenti, fil-mumenti differenti jew fażijiet ta’ impożizzjoni tal-pagamenti ta’ penalità.

63.      L-ewwel minn dawn il-mumenti evidentement jikkonsisti fil-formulazzjoni jew fil-konfigurazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità. Kif diġà esponejt fil-punt 47 tal-konklużjonijiet preżenti, f’din l-ewwel fażi l-qorti tat-trade marks tifformula l-pagamenti ta’ penalità abbażi tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, il-proprjetarju tat-trade mark ikollu f’idejh titolu legali, id-deċiżjoni ġudizzjarja, li biha tiġi ddikjarata l-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni, liema deċiżjoni tifformula fl-istess ħin, mandat u dispożizzjoni effikaċi, eventwalment fit-territorju kollu tal-Unjoni. Il-mandat ikkostitwit mill-projbizzjoni jkun akkumpanjat minn element leġiżlattiv, irrappreżentat mill-konfigurazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità, bħala miżura punittiva intiża biex tiżgura li l-projbizzjoni titħares.

64.      Issa, il-fatt li qorti tat-trade marks Komunitarji tistabbilixi pagamenti ta’ penalità ma jimplikax neċessarjament li l-eventwali likwidazzjoni jew eżekuzzjoni ta’ tali sanzjoni għandha tiġi deċiża mill-istess qorti. Fil-każ fejn il-vjolazzjoni ssir fl-Istat tal-forum, ċertament li l-fażijiet ta’ impożizzjoni tal-pagamenti ta’ penalità kollha jsiru quddiem l-istess qorti. Madankollu, dan mhux il-każ meta l-vjolazzjoni tal-projbizzjoni ssir fi Stat Membru jew f’iktar minn Stat Membr wieħed differenti minn dawk tal-forum. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tat-trade marks Komunitarji hija limitata minħabba l-intervent ta’ poter punittiv, li jeħtieġ modulazzjoni determinata tar-risposta unitarja li, bħala regola ġenerali, tidher li hija meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 40/94.

65.      Fil-każ fejn l-imsemmija projbizzjoni tiġi vvjolata fi Stat Membru differenti minn dak tal-forum, interpretazzjoni ta’ dan it-tip tinvolvi li l-fażijiet ta’ likwidazzjoni u eżekuzzjoni għandhom isiru fl-Istat fejn saret il-vjolazzjoni. B’hekk, filwaqt li l-qorti tat-trade marks Komunitarji li ddeċidiet dwar il-mertu tal-kawża għandha, fil-każ ta’ kundanna, tistabbilixxi penali, il-qorti tal-Istat fejn saret il-vjolazzjoni għandha tipproċedi bil-likwidazzjoni u l-eżekuzzjoni suċċessiva tal-pagamenti ta’ penalità, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet previsti mir-Regolament (KE) Nru 44/2001.

66.      Nikkunsidra li dan ir-riżultat huwa l-iktar wieħed koerenti mal-kontenut tal-Artikolu 98(1), iċċitat iktar minn darba, kif ukoll man-natura sanzjonatorja tal-pagamenti ta’ penalità. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tat-trade marks Komunitarji hija wiesgħa u skont l-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 tista’ tiddeċiedi dwar att ta’ vjolazzjoni jew dwar theddida ta’ vjolazzjoni mwettqa fit-territorju ta’ Stati membri oħra. Madankollu, din il-ġurisdizzjoni tispiċċa mad-dikjarazzjoni tal-vjolazzjoni jew tat-theddida ta’ vjolazzjoni, minħabba li r-Regolament (KE) Nru 40/94 huwa sieket fir-rigward tal-ġurisdizzjoni għal-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom presuppost ta’ fatt (il-vjolazzjoni tal-projbizzjoni) li sar fi Stat Membru differenti minn dak tal-forum. Barra minn hekk, tali riżultat jidher koerenti man-natura tal-pagamenti ta’ penalità, li għandha funzjoni punittiva iktar milli dik tal-protezzjoni tat-trade mark. Il-miżuri ta’ din in-natura, mill-anqas fir-rigward tal-formulazzjoni tal-kontenut u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, għandhom jaddattaw irwieħhom għall-pekuljaritajiet ta’ kull sistema legali, u bħala konsegwenza, il-qorti kompetenti biex tillikwida u tapplika l-pagameti ta’ penalità għandha tagħti lok għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja oriġinarja, jekk ikun il-każ, permezz ta’ miżuri ekwivalenti previsti mis-sistema legali tagħha, li jagħtu effikaċja sħiħa lill-projbizzjoni deċiża inizjalment.

67.      B’dan il-mod, il-qorti kompetenti tal-Istat fejn saret il-vjolazzjoni tillimita ruħha li tirrikonoxxi d-deċiżjoni inizjali tal-qorti tat-trade marks Komunitarji, u, fil-każ fejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti dan, tapplika l-pagamenti ta’ penalità għall-każ speċifiku. Bil-kontra, fil-każ fejn is-sistema legali nazzjonali ma tipprevedix miżura ta’ din in-natura, l-imsemmija qorti għandha tapplika l-għan repressiv skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jiggarantixxu l-effikaċja tal-projbizzjoni inkwistjoni. Għal dan il-għan, huwa importanti li wieħed josserva li tali miżuri ġew armonizzati bid-Direttiva 2004/48, minħabba li attwalment l-Istati kollha ħarġu, jew għandhom joħorġu f’dan ir-rigward, dispożizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-pagamenti ta’ penalità, eventwalment ukoll permezz ta’ miżuri ekwivalenti.

68.      Bħala konsegwenza, b’risposta għat-tielet u r-raba’ domandi mqajma mill-Cour de Cassation, nikkunsidra li l-Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri koerċittivi deċiżi minn qorti tat-trade marks Komunitarji biex jiggarantixxu li l-projbizzjoni titħares, jestendu għall-istess territorju fejn ġiet iddikjarata l-vjolazzjoni u, bħala konsegwenza, ġiet deċiża l-projbizzjoni. Il-qorti tal-Istat fejn il-projbizzjoni ma tħarsitx hija obbligata tirrikonoxxi l-effetti tal-pagamenti ta’ penalità deċiżi mill-qorti tat-trade marks Komunitarji, sabiex tipproċedi bil-likwidazzjoni tal-istess u, jekk ikun il-każ, għall-eżekuzzjoni tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, kif ukoll tas-sistema legali interna tagħha. Fil-każ fejn id-dritt intern ma jikkontemplax miżura ta’ dan it-tip, l-imsemmija qorti għandha tilħaq l-għan repressiv skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jiggarantixxu l-effikaċja tal-projbizzjoni inkwistjoni.

VIII – Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Cour de Cassation bil-mod li ġej:

“1) B’risposta għall-ewwel domanda, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li projbizzjoni ddikjarata minn qorti tat-trade marks Komunitarji għandha, bħala prinċipju, u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita li ssostni l-kontra, effett awtomatiku fit-territorju kollu tal-Komunità.

2) Bħala risposta għat-tielet domanda, l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–       il-miżuri koerċittivi deċiżi minn qorti tat-trade marks Komunitarji biex jiggarantixxu li l-projbizzjoni titħares, jestendu għall-istess territorju fejn ġiet iddikjarata l-vjolazzjoni u bħala konsegwenza ġiet deċiża l-projbizzjoni;

–       il-qorti tal-Istat fejn il-projbizzjoni ma tħarsitx, hija obbligata tirrikonoxxi l-effetti tal-pagamenti ta’ penalità deċiżi mill-qorti tat-trade marks Komunitarji, sabiex tipproċedi bil-likwidazzjoni tal-istess u, jekk ikun il-każ, bl-eżekuzzjoni tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, kif ukoll tas-sistema legali tagħha;

–      fil-każ fejn id-dritt intern ma jikkontemplax miżura ta’ dan it-tip, l-imsemmija qorti għandha tilħaq l-għan repressiv skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jiggarantixxu l-effikaċja tal-projbizzjoni inkwisjtoni”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Regolament tal-Kunsill (KE), tal-20 ta’ Diċembru 1993, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).


3 – Regolament tal-Kunsill (KE), tas-26 ta’ Frar 2009, (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1).


4 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32, b’rettifika ppubblikata fil-ĠU 2004, L 195, p. 16).


5 – Ara b’mod partikolari, it-Titoli III u VII, kif ukoll l-Artikoli 125 et seq tar-Regolament (KE) Nru 40/94.


6 – Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 91 tar-Regolament (KE) Nru 40/94.


7 – Fir-rigward tal-istruttura tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tat-trade marks Komunitarji, kif ukoll għal kritika kostruttiva ta’ tali struttura, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer relattivi għall-kawża Mülhens vs UASI (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, C‑206/04 P, Ġabra p. I‑2717, punti 60 sa 69).


8 – Ara C. Wadlow, Enforcement of Intellectual Property in European and International Law, Ed. Sweet & Maxwell, Londra, 1998, p. 255 et seq.


9 – It-tieni premessa tar-Regolament (KE) Nru 40/94 tesprimi dan b’mod ċar: “billi tali azzjoni tinvolvi li jinħolqu arranġamenti Komunitarji għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark Komunitarja taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fil-Komunità kollha.”


10 – Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 fejn jiġi ddikjarat li “it-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju”.


11 – Ibidem.


12 – Dwar l-obbligu li tiġi adottata projbizzjoni u dwar id-definizzjoni tar-“raġunijiet speċjali” li jippermettu deroga, ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia Corp. (C‑316/05, Ġabra p. I‑12083, punti 47sa 52).


13 – Dwar l-obbligu, u mhux dwar l-għażla li jiġu adottati l-imsemmija miżuri ta’ garanzija, ara wkoll is-sentenza Nokia, iċċitata iktar ’il fuq (punti 59 sa 62).


14 – Sentenza Nokia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60.


15 – L-unika eċċezzjoni għal tali regola, kif jirriżulta fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 hija dik ibbażata fuq il-presuppost li l-qorti tat-trade marks Komunitarji tikseb il-ġurisdizzjoni tagħha mill-Artikolu 93(5) tal-iċċitat regolament, li jsostni “[I]l-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida, jew fejn jitwettaq att li jaqa’ taħt it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9(3).”


16 – Ara l-punti preċedenti 30 u 31.


17 – Fil-konklużjonijiet tagħha tat-30 ta’ April 2009, fil-kawża Pago (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, C‑301/07, Ġabra p. I‑9429), l-Avukat Ġenerali Sharpston esprimiet ruħha favur il-limitazzjoni territorjali ta’ projbizzjoni skont l-iċċitat Artikolu 98. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx f’dan ir-rigward. Skont l-Avukat Ġenerali “rari jkun xieraq, jekk qatt ikun, li qorti toħroġ ordni f’termini usa’ milli jkun meħtieġ. Fejn il-vjolazzjoni tat-trade mark tkun limitata għal Stat Membru wieħed (f’dan il-każ l-Awstrija), normalment ikun suffiċjenti li l-ordni li tipprojbixxi tali vjolazzjoni tkun ukoll limitata għal dak l-Istat Membru. Jiena ma qed nara xejn fir-Regolament li jipprekludi lil qorti kompetenti milli toħroġ ordni limitata b’dan il-mod” (paragrafu 57).


18 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2006, Armacell Enterprise GMBH vs UASI – nmc (ARMAFOAM) (T‑172/05, Ġabra p. II‑4061, punti 65 et seq); tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips – Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb u Einzelhandel (BASS) (T‑292/01, Ġabra p. II-4335, punt 50) u tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs UASI – Herederos Debuschewitz (CHUFAFIT) (T‑117/02, Ġabra p. II‑2073, punt 48.)


19 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


20 – Tali dispożizzjoni tirrappreżenta pass ’il quddiem fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Komunitarja preċedenti, u b’mod partikolari fir-rigward tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li kellha dispożizzjonijiet “proċedurali” li kienu siekta fir-rigward ta’ pagamenti ta’ penalità jew miżuri oħra ekwivalenti.


21 – Għalkemmm il-verżjoni Franċiża hija l-iktar waħda viċina għall-verżjoni Spanjola [“par ailleurs” u “por su parte” rispettivament), il-verżjoni Ġermaniża (“in bezug auf alle andere Fragen”), Taljana (“negli altri casi”) u Ingliża (“in all other respects”) jikkonfermaw definittivament li t-tieni paragrafu jikkontempla każ differenti minn dak previst fl-ewwel paragrafu.


22 – Ara wkoll, il-kumment ta’ M. Desantes Real, «Artículo 98» ta’ A. Casado Cerviño, u M.L. Llobregat Hurtado, Comentarios a los Reglamentos sobre la Marca Comunitaria, Ed. La Ley, Madrid, 2000, p. 7. Fil-fatt f’dan is-sens, kull sistema legali nazzjonali toffri varjetà ta’ miżuri speċifiċi, li għandhom l-għan li jiggarantixxu li mhux biss il-projbizzjoni titħares, iżda li titħares l-istess sentenza. Dan huwa l-każ ta’ ordni għall-qerda tal-merkanzija vvjolata, kundanna għall-ħlas tad-danni bl-interessi, il-pubblikazzjoni tas-sentenza jew miżuri oħra li jobbligaw lill-konvenut jieħu azzjoni. Għaldaqstant, fl-iktar każijiet frekwenti, huwa l-każ ta’ miżuri adottati u deċiżi flimkien mad-deċiżjoni ġudizzjarja u li, differentement mill-pagamenti ta’ penalità, ma jeħtiġux l-addozzjoni ta’ miżura ġudizzjarja ulterjuri biex jiġi likwidat ammont determinat.


23 – Punt 57 tas-sentenza.