Language of document : ECLI:EU:T:2007:304

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Ottubru 2007(*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’ loudspeaker – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑460/05,

Bang & Olufsen A/S, stabbilita fi Struer (id-Danimarka), irrappreżentata minn K. Wallberg, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, tat-22 ta’ Settembru 2005 (Każ R 497/2005-1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali kompost mill-forma ta’ loudspeaker bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Diċembru 2005,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Ġunju 2006,

wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

1        Fis-17 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa s-sinjal tridimensjonali riprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti u servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 9 u 20 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Apparat u strumenti elettriċi u elettroniċi għar-riċezzjoni analoġika, diġitali jew ottika, it-trattament, ir-riproduzzjoni, ir-regolament jew id-distribuzzjoni ta’ sinjali tal-ħoss, loudspeakers”;

–        klassi 20: “Għamara hi-fi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        B’deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, li tikkonsisti biss fir-rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker, kienet meqjusa li mhijiet ta’ karattru distintiv. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 ġiet ukoll miċħuda minħabba li l-provi mressqa ma kinux biżżejjed sabiex juru l-karattru distintiv akkwistat bl-użu.

5        Fis-27 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra din id-deċiżjoni abbażi ta’ l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

6        L-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad l-appell b’deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), minħabba li l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tas-sinjal in kwistjoni, peress li dan ma kellux karattru distintiv. Il-Bord ta’ l-Appell qal li, għalkemm il-forma tal-prodott, li tikkostitwixxi t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u li hija essenzjalment ispirata minn kundizzjonijiet estetiċi, kienet tinkludi karatteristiċi mhux tas-soltu, ir-rikorrenti ma tatx prova li din kienet distintiva u li b’hekk kienet tissodisfa l-funzjoni ta’ trade mark fil-fehma tal-konsumaturi kkonċernati.

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ressqet dan l-appell u fil-kuntest tiegħu hija enfasizzat, b’mod partikolari, li l-Bord ta’ l-Appell kien naqas milli jevalwa l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

8        Fl-24 ta’ Frar 2006, il-Bord ta’ l-Appell għamel rettifika għad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ corrigendum. Dan qal li kien ikkommetta żball manifest peress li kien naqas milli jevalwa l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa kkunsidra li tali żball kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola 53 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), u b’applikazzjoni ta’ din ir-regola, huwa evalwa l-imsemmija applikazzjoni. Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell għamel rettifika għad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li enfasizza li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 xorta kienet miċħuda, minħabba li l-provi mressqa mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jagħtu prova tal-karattru distintiv akkwistat mill-użu tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha.

9        Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontenut tal-corrigendum permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Mejju 2006. Ir-rikorrenti qalet li hija kienet tqis li l-applikazzjoni tar-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95 kienet dubjuża, iżda ma talbitx li l-corrigendum tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li kienet tqis li l-iżball tal-Bord ta’ l-Appell kellu jkollu effett fuq it-tqassim ta’ l-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

12      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, li jirrigwardaw, rispettivament, il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

13      Preliminarjament, ir-rikorrenti tgħid li bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, il-forma ta’ prodott hija wieħed mis-sinjali li huwa kapaċi jikkostitwixxi trade mark Komunitarja.

14      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li, f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell applika standard iktar strett minn dak użat għal tipi oħra ta’ trade marks sabiex jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, peress li dan ma evalwax l-applikazzjoni abbażi tal-merti tagħha stess u b’kunsiderazzjoni tal-fatti speċifiċi tal-każ, iżda applika “ċaħda standardizzata”. L-istandard użat għat-trade marks tridimensjonali ma jistax ikun differenti, jew iktar strett, mill-istandard użat għal tipi oħra ta’ trade marks.

15      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tgħid li d-dehra tal-prodott in kwistjoni, bħal, barra minn hekk, dik ta’ ċertu numru ta’ prodotti oħra tagħha, ma tiddependix mill-funzjonijiet tekniċi iżda minn kunsiderazzjonijiet estetiċi, u li hija ddisinjata bl-intenzjoni speċifika li tkun distintiva u li tiġbed l-attenzjoni. Dan ġie rrikonoxxut mill-Bord ta’ l-Appell fil-punti 12 sa 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Skond ir-rikorrenti, l-unika konsegwenza raġjonevoli li tista’ tirriżulta mid-deskrizzjoni tal-prodott in kwistjoni fil-punti msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata għandha tkun li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ġiet meqjusa bħala distintiva.

16      Il-konsumatur jipperċepixxi d-dehra ġenerali tal-loudspeaker, li huwa s-suġġett ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala indikazzjoni distintiva ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti milquta minn din l-applikazzjoni. B’hekk, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell, il-prodott in kwistjoni mhuwiex ser jiġi pperċepit biss bħala prodott li għandu disinn mhux tas-soltu. Bl-istess mod, il-forma mhijiex ser tiġi pperċepita mill-konsumaturi bħala li għandha skop funzjonali, u l-pubbliku rilevanti lanqas mhuwa ser jara dan il-prodott bħala sempliċi varjazzjoni tad-dehra komuni tal-prodotti kkonċernati.

17      Ir-rikorrenti tosserva li l-loudspeaker huwa twil, irqiq u indipendenti u għandu forma karatteristika ħafna. Din il-“forma ta’ tubu ta’ orgni” hija partikolarment distintiva, meta jitqies il-mod kif, minn naħa, hija fformata l-ponta ta’ isfel, u min-naħa l-oħra, din il-ponta hija mdaħħla fil-blokka tal-metall iswed. M’hemmx loudspeakers oħra eżistenti fis-suq li għandhom, lanqas b’mod remot, dehra identika jew li tixxiebah. Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-forma tal-prodott in kwistjoni tvarja b’mod sinifikanti min-normi u mill-użi tas-settur huwa fattur li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

18      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija, fi kwalunkwe każ, żbaljata peress li l-Bord ta’ l-Appell irrifjuta li jirrikonoxxi l-karattru distintiv tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 20 skond il-Ftehim ta’ Nizza, jiġifieri l-għamara hi-fi. Trade mark li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ oġġett partikolari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “riproduzzjoni ta’ l-oġġett” fir-rigward ta’ oġġetti oħra barra mill-oġġett innifsu. B’hekk, it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha għandha titqies, minnha nnifisha, bħala intrinsikament distintiva fir-rigward ta’ l-oġġetti kollha minbarra l-loudspeakers meta l-forma ma tkunx, bħal f’dan il-każ, forma ordinarja jew komuni.

19      Fl-aħħar, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ pubbliku rilevanti, ir-rikorrenti tenfasizza li l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta’ l-ogħla livell fis-suq ikkonċernat (il-prezz ta’ bejgħ issuġġerit għal specimen tal-loudspeaker in kwistjoni huwa ta’ EUR 1 750) u kkummerċjalizzati fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. B’hekk, il-grupp ta’ konsumaturi kkonċernati huwa ristrett u kompost minn konsumaturi mhux biss informati u raġonevolment attenti u prudenti, iżda li jikkunsidraw ukoll il-kwalità tal-prodott u li ma jinvestux fih ħlief wara evalwazzjoni prudenti.

20      L-UASI jenfasizza li r-raġunament tal-Bord ta’ l-Appell juri preokkupazzjoni serja u leġittima fir-rigward tan-neċessità li ssir distinzjoni bejn il-funzjoni ta’ forma essenzjalment meħtieġa minn kunsiderazzjonijiet estetiċi u l-funzjoni ta’ forma li, għalkemm attraenti fuq livell estetiku, isservi sabiex tiddifferenzja l-prodott minn prodotti simili ta’ kompetituri.

21      Madankollu, il-pożizzjoni adottata mill-Bord ta’ l-Appell hija stretta ħafna peress li din tipprojbixxi r-reġistrazzjoni bħala trade marks ta’ kull forma ta’ prodott li hija l-istess bħad-dehra tal-prodotti stess, anki jekk dawn il-forom mhumiex komuni u ma jagħtu l-ebda valur sostanzjali lill-prodott.

22      L-UASI jgħid ukoll li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 jeskludi mir-reġistrazzjoni bħala trade marks lil forom li jagħtu valur sostanzjali lill-prodott, dawk il-forom li għandhom rwol determinanti fid-deċiżjoni tax-xiri tal-konsumatur. Din l-esklużjoni hija r-riżultat tax-xewqa li ssir distinzjoni bejn it-trade marks u l-mudelli. B’hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-forom ma tistax tiġi rrifjutata minħabba n-nuqqas ta’ karattru distintiv intrinsiku.

23      Madankollu, jeżistu każijiet fejn il-forom tal-prodotti, filwaqt li essenzjalment ikunu ispirati minn kunsiderazzjonijiet estetiċi, ma jagħtu l-ebda valur sostanzjali lill-prodotti. Dawn il-forom għandhom karattru distintiv u jistgħu jiġu protetti bħala trade marks jekk dawn ikollhom differenzi sinifikanti mill-forom normalment użati fil-kummerċ.

24      Għaldaqstant, l-UASI jqis li mhuwiex ċert jekk il-pożizzjoni adottata mill-Bord ta’ l-Appell hijiex korretta, u b’hekk jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tistabbilixxi jekk forma essenzjalment ispirata minn kunsiderazzjonijiet estetiċi – iżda li ma tagħti l-ebda valur sostanzjali lill-prodott skond l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 – u li hija differenti b’mod sinjifikanti minn forma normalment użata fil-kummerċ, tistax tissodisfa funzjoni ta’ trade mark.

25      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, l-UASI josserva li sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ trade mark partikolari, m’għandux jittieħed in kunsiderazzjoni l-mod kif ir-rikorrenti tużaha jew ċirkustanzi oħra bħal kunċetti ta’ kummerċjalizzazzjoni. B’hekk, l-argument li l-prodotti kkonċernati huma prodotti ta’ l-ogħla livell u huma mmirati lejn pubbliku ristrett mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, l-ispeċifikazzjoni koperta mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma turix li l-prodotti huma intiżi għal klijentela speċifika u li l-prodotti huma kkummerċjalizzati permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. B’hekk, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti huwa kompost mill-konsumatur Komunitarju medju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-PrimIstanza

26      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”.

27      Il-karattru distintiv ta’ trade mark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala prodott provenjenti minn impriża partikolari, u b’hekk tiddistingwi dan il-prodott minn dak ta’ impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 34).

28      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, min naħa waħda, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat, li huwa kompost mill-konsumatur medju ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, normalment informat u raġjonevolment attent u avżat, għandu tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 25).

29      F’dan il-każ, il-prodotti koperti mit-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha huma apparat u strumenti elettriċi u elettroniċi għar-riċezzjoni analoġika, diġitali jew ottika, it-trattament, ir-riproduzzjoni, ir-regolament jew id-distribuzzjoni ta’ sinjali tal-ħoss, loudspeakers u għamara hi-fi. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-pubbliku rilevanti jikkonsisti fil-konsumaturi Komunitarji medji kollha, peress li kwalunkwe konsumatur jista’ jkun interessat li jixtri l-prodotti in kwistjoni.

30      Madankollu, ir-rikorrenti tqis li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku ristrett b’livell ta’ attenzjoni superjuri minn dak tal-konsumatur medju, peress li l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta’ l-ogħla livell u ta’ valur kbir fis-suq ta’ l-elettronika u li huma kkummerċjalizzati b’mod esklużiv fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.

31      Madankollu għandu jingħad li, fid-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni l-mod li bih ir-rikorrenti tuża sistema ta’ distribuzzjoni jew ċirkustanzi oħra esterni għad-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja. Fil-fatt, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal, il-kwistjoni dwar jekk l-applikant tat-trade mark in kwistjoni għandux ħsieb li juża, jew huwiex qed juża ċertu metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni, hija irrilevanti. Metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni li jiddependi biss fuq l-għażla ta’ l-impriża kkonċernata, huwa kapaċi li jinbidel wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja u b’hekk ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli tagħha [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELE AID), T‑355/00, Ġabra p. II‑1939, punt 42, u tal-31 ta’ Mejju 2006, De Waele vs UASI (Forma ta’ zalzett), T‑15/05, Ġabra p. II‑1511, punti 28 u 29]. Skond il-ġurisprudenza, fir-rigward tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, anki l-prezz ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat huwa irrilevanti peress li mhuwiex is-suġġett tar-reġistrazzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2003, Axions u Belce vs UASI (Forma ta’ sigarru ta’ kulur kannella u forma ta’ ingott indurat), T‑324/01 u T‑110/02, Ġabra p. II‑1897, punt 36].

32      Madankollu, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs UASI (Forma ta’ flixkun), T‑305/02, Ġabra p. II‑5207, punt 34].

33      Fil-fatt, fir-rigward tal-prodotti ta’ konsum komuni, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju huwa inqas minn dak iddedikat għal oġġetti li min-natura tagħhom jibqgħu tajbin għal żmien twil jew, sempliċement, għal oġġetti ta’ valur ikbar jew ta’ użu iktar eċċezzjonali.

34      F’dan il-każ, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni li, fir-rigward tan-natura tal-prodotti kkonċernati u, b’mod partikolari, tal-karattru tagħhom ta’ prodott li jibqa’ tajjeb għal żmien twil kif ukoll tal-karattru teknoloġiku tagħhom, il-konsumatur medju juri livell partikolarment għoli ta’ attenzjoni waqt ix-xiri ta’ tali prodotti. Fil-fatt, il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti in kwistjoni jimplikaw li l-konsumatur medju jixtrih biss wara li jikkonkludi evalwazzjoni partikolarment attenta.

35      Għaldaqstant, il-karattru distintiv tat-trade mark għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-perċezzjoni ta’ konsumatur medju li juża livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli meta jipprepara u jeżerċita l-għażla tiegħu bejn prodotti differenti tal-kategorija kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs UASI, C‑361/04 P, Ġabra p. I‑643, punti 40 u 41).

36      Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-kriterji ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra tat-trade marks (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑24/05 P, Ġabra p. I‑5677, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, li tikkonsisti fid-dehra tal-prodott stess, bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji m’għandhomx id-drawwa li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew dik ta’ l-ippakkjar tagħhom, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element grafiku jew testwali, u b’hekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv fil-każ ta’ tali trade mark tridimensjonali milli fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra p. I‑9165, punt 30 ; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 28, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑24/05 P, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikanti, tmur lil hinn min-norma jew mid-drawwiet tas-settur u, għaldaqstant, tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ l-oriġini tagħha, li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi Mag Instrument vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

39      F’dan il-każ, hekk kif sostna l-Bord ta’ l-Appell fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha tikkonsisti “f’kolonna vertikali bil-forma ta’ lapes, u li magħha hemm imwaħħal wiċċ rettangolari fuq naħa waħda. Il-ponta tal-“lapes” tmiss ma’ bażi ċatta”.

40      L-evalwazzjoni ġenerali ta’ l-elementi tal-preżentazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li jifformaw it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, tippermetti li jingħad li l-forma tat-trade mark hija verament speċifika u bl-ebda mod ma tista’ titqies bħala komuni. B’hekk, il-loudspeaker huwa fformat minn kon li jixbah lapes jew tubu ta’ orgni u li l-ponta tiegħu tmiss ma’ bażi kwadra. Barra minn hekk, wiċċ rettangolari twil huwa mwaħħal fuq naħa waħda ta’ dan il-kon u jqiegħed aċċent fuq l-impressjoni li l-piż tal-prodott sħiħ jistrieħ biss fuq il-ponta li bilkemm tmiss il-bażi kwadra. B’dan il-mod, dan il-prodott jifforma disinn rimarkabbli u jiġi mmemorizzat faċilment.

41      Dawn il-karatteristiċi kollha jifirdu t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha mill-forom komuni tal-prodotti li jifformaw parti mill-istess kategorija li wieħed isib komunement fil-kummerċ u li ġeneralment ikollhom forom regolari b’angoli ċatti. F’dan ir-rigward, qabel kollox jingħad, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li “m’hemm l-ebda dubju li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha hija rimarkabbli minn ċerti aspetti”. Wara jingħad li:

“[…] meta mqabbel ma’ loudspeaker normali, dan huwa eċċessivament twil u dejjaq. Barra minn hekk, iċ-ċentru tal-loudspeaker jikkonsisti f’tubu li jmiss ma’ kon bil-maqlub, ħaġa li mhijiex tas-soltu. Il-quċċata tal-kon hija mwaħħla ma’ bażi kwadra.”

42      Għaldaqstant, għandu jingħad li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha hija differenti, b’mod sinifikanti, mid-drawwiet tas-settur. Fil-fatt, din għandha karatteristiċi speċifiċi biżżejjed u arbitrarji li huma kapaċi jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumatur medju u li jippermettu li dan jagħraf il-forma tal-prodotti tar-rikorrenti. B’hekk, dan mhuwiex każ ta’ forom komuni tal-prodotti tas-settur ikkonċernat jew inkella ta’ sempliċi varjanti tagħhom, iżda huwa każ ta’ forma li għandha dehra partikolari, li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni wkoll ir-riżultat estetiku ġenerali, hija kapaċi tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti u li tippermetti lil dan li jiddistingwi l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T‑128/01, Ġabra p. II‑701, punti 46 u 48, u Forma ta’ flixkun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41].

43      Fil-fatt, anki jekk l-eżistenza ta’ karatteristiċi partikolari jew oriġinali ma tikkostitwixxix kundizzjoni sine qua non għar-reġistrazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-preżenza tagħhom tista’, għal kuntrarju, tipprovdi l-livell meħtieġ ta’ distinzjoni lil trade mark li kieku tkun nieqsa minn tali karattru distintiv.

44      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Bord ta’ l-Appell li l-forma tal-prodott li tikkostitwixxi t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma tistax tissodisfa funzjoni ta’ trade mark fil-ħsieb tal-konsumaturi rilevanti minħabba li t-trade mark hija essenzjalment ispirata minn kunsiderazzjonijiet estetiċi (punti 14 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa biżżejjed li jingħad li, safejn il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjal bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, il-fatt li fl-istess ħin dan is-sinjal jissodisfa jew le funzjoni differenti minn dik ta’ indikatur ta’ l-oriġini kummerċjali m’għandu l-ebda effett fuq il-karattru distintiv tiegħu [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Sfumaturi ta’ lewn oranġjo), T‑173/00, Ġabra p. II‑3843, punt 30 ; Calandre, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u tal-15 ta’ Marzu 2006, Develey vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T‑129/04, Ġabra p. II‑811, punt 56].

45      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż li, billi qies li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma kinitx ta’ karattru distintiv, il-Bord ta’ l-Appell interpreta ħażin it-termini ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, minn fejn jirriżulta li livell minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni ta’ rifjut stabbilita f’dan l-Artikolu ma tkunx applikabbli [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II‑683, punt 39 ; Calandre, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 49, u Forma ta’ flixkun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42].

46      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Minn dan isegwi li mhuwiex meħtieġ li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tal-corrigendum jew il-fondatezza tat-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

47      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni ta l-Ewwel Bord ta l-Appell ta l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-22 ta Settembru 2005 (Każ R 497/2005-1) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta Bang & Olufsen A/S.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta’ Ottubru 2007.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.