Language of document : ECLI:EU:C:2012:499

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2012 (1)

Kawża C‑286/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Tomkins plc

“Akkordji — Suq Ewropew tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Multi — Responsabbiltà konġunta u in solidum tal-kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha — Regola ne ultra petita — Klassifikazzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza — Kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali — Teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha — Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li biha din tal-aħħar annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/691/KE, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ Nru COMP/F/38.121 – Attrezzaturi) (3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tikkonċerna akkordju li seħħ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-1 ta’ April 2004, li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet u tal-ammonti tal-iskontijiet u roħs, il-qbil dwar il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet, l-allokazzjoni tal-klijenti u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali fis-suq Ewropew tal-attrezzaturi tar-ram, b’mod partikolari l-attrezzaturi tal-liga tar-ram, u naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Tomkins plc (iktar ’il quddiem “Tomkins”), li nżammet responsabbli in solidum mas-sussidjarja tagħha Pegler Ltd (iktar ’il quddiem “Pegler”) biex tħallas l-imsemmija multa.

2.        Filwaqt li għamlet riferiment espliċitu għall-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-istess jum, Pegler vs Il-Kummissjoni (4), dwar ir-rikors ippreżentat mis-sussidjarja tagħha Tomkins, fejn il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur fil-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u d-29 ta’ Ottubru 1993 u naqqset l-ammont tal-multa imposta lil dik il-kumpannija minn EUR 5.25 miljun għal EUR 3.4 miljun, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-konsegwenzi li kellhom jinstiltu mis-sentenza msemmija fil-konfront tal-kumpannija parent Tomkins.

3.        Minkejja l-fatt li Tomkins ikkontestat il-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur fir-rigward biss tal-perijodu ta’ qabel is-7 ta’ Frar 1989 (u mhux, kif għamlet Pegler, sad-29 ta’ Ottubru 1993), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-responsabbiltà ta’ Tomkins, bħala kumpannija parent ta’ Pegler li ma pparteċipatx direttament fl-akkordju, ma setgħetx teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha. Filwaqt li qieset li hija kellha quddiemha rikors għal annullament li t-talbiet tiegħu kellhom l-istess suġġett bħal dak tar-rikors ippreżentat b’mod parallel minn Pegler, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li evitat li tikser ir-regola ne ultra petita, annullat ukoll, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jsemmmi l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 f’dak li jikkonċerna lil Tomkins u, fil-punt 2 tal-imsemmi dispożittiv, naqqset l-ammont tal-multa imposta lil din tal-aħħar għall-ammont ta’ EUR 4.25 miljun, li EUR 3.4 miljun minnhom għandhom jitħallsu in solidum ma’ Pegler.

4.        Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ressqet ħames aggravji, li huma bbażati rispettivament fuq ksur min-naħa tal-Qorti Ġenerali tar-regola ne ultra petita, fuq il-konstatazzjoni żbaljata li r-rikorsi tal-kumpannija parent Tomkins u tas-sussidjarja tagħha Pegler kellhom l-istess suġġett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-fatt li Tomkins kienet tagħmel parti minn impriża li ammettiet li wettqet ksur, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq kontradizzjoni fis-sentenza appellata, u fl-aħħar nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq.

5.        Tomkins titlob li l-appell jiġi miċħud.

6.        Wara domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha l-partijiet irrispondew fit-termini imposti, sawn tal-aħħar għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Mejju 2012.

II – Analiżi

7.        Nixtieq nippreċiża mill-ewwel li t-tieni aggravju tal-appell imressaq mill-Kummissjoni għandu, fil-fehma tiegħi jiġi milqugħ, u għaldaqstant għandu jkun hemm l-annullament parzjali tas-sentenza appellata. Fil-fatt, jidhirli li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat it-talba ta’ Tomkins fl-ewwel istanza bħala rikors għal annullament li t-talbiet tiegħu kellhom l-istess suġġett bħal dak tar-rikors parallel ippreżentat mis-sussidjarja tagħha Pegler. Għaldaqstant, ser neżamina fl-ewwel lok dan l-aggravju. L-analiżi tiegħi teħtieġ, qabel xejn, kjarifika tal-motivi mressqa minn Tomkins quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll tal-iżvolġiment tal-proċedura quddiem din il-qorti.

A –    Fuq it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata li skont din, ir-rikors tal-kumpannija parent Tomkins u dik tas-sussidjarja tagħha Pegler kellhom l-istess suġġett

8.        Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Pegler u Tomkins kienu pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 81 KE għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001. Fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni msemmija, hija imponiet fuqhom, għaldaqstant, multa ta’ EUR 5.25 miljun u l-kumpannija parent Tomkins u s-sussidjarja tagħha Pegler inżammu responsabbli in solidum bejniethom għall-ħlas tal-multa msemmija.

9.        Pegler u Tomkins ippreżentaw rikorsi separati kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

10.      Huwa stabbilit li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kellha quddiemha talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lil Pegler.

11.      Infakkar li, fir-rikors tagħha ppreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2006 kontra d-deċiżjoni kkontestata, Tomkins, min-naħa tagħha, talbet l-annullament ta’ din tal-aħħar kif ukoll it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h), tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors tagħha, Tomkins kienet ressqet erba’ motivi, li l-ewwel tlieta minnhom kienu jikkonċernaw il-problema tal-imputabbiltà tal-aġir ta’ Pegler li jikkostitwixxi ksur, lil Tomkins u r-raba’ wieħed kien ibbażat fuq “żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fil-kalkolu tal-multa” (5). Dan il-motiv kien maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda kienet tirrigwarda żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda fl-ammont tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Tomkins, u t-tieni waħda kienet ibbażata fuq żball tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur ta’ Pegler.

12.      Kif issemma’ fil-punt 23 tas-sentenza appellata, fit-22 ta’ Diċembru 2009, Tomkins irrinunzjat għall-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv tagħha kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha.

13.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kien għad kellha quddiemha biss it-tieni parti tar-raba’ motiv, li kienet ibbażata fuq żball fid-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur, iżda li kienet taqa’ fil-kuntest ta’ motiv intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lil Tomkins.

14.      Għaldaqstant, wara r-rinunzja parzjali ta’ Tomkins fir-rigward tal-motivi tagħha, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkunsidra, fil-fehma tiegħi, li hija kien għad kellha quddiemha rikors għall-annullament fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li kienet tinsab fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kap tat-talbiet ta’ Tomkins intiż għall-annullament ta’ dak l-artikolu tad-deċiżjoni kkontestata ma baqax issostanzjat bil-motivi u li, fi kwalunkwe każ, it-talba ta’ Tomkins kienet limitata, skont l-Artikolu 229 KE u l-Artiklu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (6), sabiex titlobha teżerċita l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fuq l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata.

15.      Din il-kwalifika tat-talba ta’ Tomkins fl-ewwel istanza, li kellha tagħmel il-Qorti Ġenerali, mhux biss kienet possibbli, iżda wkoll neċessarja.

16.      Fl-ewwel lok, ma kien hemm ebda ostakolu ta’ natura proċedurali biex il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha għall-konstatazzjoni li din it-talba, wara r-rinunzja min-naħa ta’ Tomkins għall-motivi essenzjali tagħha, kienet limitata biex tagħmel użu mis-setgħa tagħha biex tbiddel l-ammont tal-multa.

17.      Ċertament, it-Trattat KE ma jistabbilixxix bħala mezz ta’ rimedju awtonomu l-“użu tal-ġurisdizzjoni sħiħa” u jidher, għaldaqstant, li jissuġġetta l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għall-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament (7). Konsegwentement, it-talba għal tibdil ippreżentata wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu hija inammissibbli.

18.      Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 230 KE ġie, fil-fatt, osservat meta ġie ppreżentat ir-rikors ta’ Tomkins quddiem il-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2006, qabel ma din il-kumpannija rrinunzjat għall-motivi tagħha dwar in-natura illegali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

19.      Barra minn hekk, wara li Tomkins irrinunzjat għall-motivi essenzjali tagħha, il-Qorti Ġenerali ma setgħet bl-ebda mod tiddikjara inammissibbli t-talba ta’ Tomkins hekk mibdula kemm minħabba l-fatt li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata fil-mument tal-preżentata tiegħu (8), kif ukoll minħabba li jkun inkompatibbli mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li talba tiġi ddikjarata inammissibbli wara li parti tkun irrinunzjat, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ ħeffa tal-ġustizzja, għal parti mill-motivi tagħha li jikkorroboraw it-talbiet tagħha.

20.      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ssemmi’ sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali kellha quddiemha talbiet għal tibdil indipendentement mir-rikors għal annullament, mingħajr ma l-Qorti tal-Unjoni Ewropea sabet xi ostakolu biex tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba (9).

21.      Fit-tieni lok, il-fatt li t-tieni parti tar-raba’ motiv imressaq minn Tomkins quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tirreferi għal żball fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur ma jfissirx li din kienet tinkludi, apparti l-kritika dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa, talba għal annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

22.      Ċertament, huwa minnu li d-dewmien tal-ksur jikkostitwixxi element komuni għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u għall-iffissar tal-ammont tal-multi, kif previst fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

23.      Madankollu, għalkemm huwa possibbli li jiġi aċċettat li l-fatt li l-Qorti Ġenerali tiġi mitluba tannulla l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar ksur tal-Artikolu 81 KE jista’ jinvolvi, anki impliċitament, li l-istess Qorti Ġenerali tiġi mitluba tneħħi jew tnaqqas l-ammont tal-multa stabbilita mill-Kummissjoni (10), is-sitwazzjoni bil-maqlub ma hijiex, fil-fehma tiegħi, konċepibbli. Fil-fatt, kieku tiġi adottata tali soluzzjoni, din tkun testendi wisq il-kwistjoni minn kif tkun ġiet definita mill-partijiet.

24.      Il-ġurisprudenza ssemmi’, anki fuq dan il-punt, diversi kawżi fejn, ġustament, il-qorti tal-Unjoni Ewropea eżaminat motivi bbażati fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tad-dewmien tal-ksur unikament għall-finijiet ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, mingħajr ma dan iwassalha biex tevalwa tali żbalji fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-ksur min-naħa tal-Kummissjoni (11).

25.      Ċertament, għalkemm minix ċert, jidhirli li x-xewqa tal-Qorti Ġenerali kienet li twassal għal soluzzjoni koerenti fiż-żewġ sentenzi, jiġifieri s-sentenza kkontestata u s-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, ġaladarba hija kienet annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 (12), deherilha li kien ħażin, jidhirli, li ma timxix bl-istess mod f’dak li jikkonċerna lil Tomkins, li r-responsabbiltà tagħha bħala l-kumpannija parent, fil-fehma tagħha, ma setgħetx teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha Pegler (13).

26.      Dan it-tħassib, għalkemm jista’ jidher li huwa leġittimu, ma għandux madankollu jwassal biex jiġu żnaturati r-rikorsi li kellha quddiemha l-qorti tal-ewwel istanza. B’mod partikolari, huma x’inhuma l-motivi li jispirawha, hija ma għandhiex tissostitwixxi lill-partijiet billi tipprova, pereżempju, tirranġa n-nuqqasijiet tar-rikorsi tagħhom jew li tneħħi l-inkoerenzi ta’ dawn tal-aħħar bi ksur taċ-ċertezza legali tal-partijiet l-oħra u bir-riskju li tivvizzja s-sentenzi tagħha bl-arbitrarjetà.

27.      Fit-tielet lok, hekk kif jirriżulta mir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u kif ġie kkonfermat minn Tomkins fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li dik il-kumpannija talbet it-tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv huwa biżżejjed biex jikkonferma l-konklużjoni li hija riedet biss tattiva l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

28.      Il-Qorti Ġenerali, biex tirrispetta l-petitum, kellha tillimita ruħha, għaldaqstant, biex tikkonstata li l-parti msemmija setgħet tikkorrobora biss il-kap tat-talbiet ta’ Tomkins li kien intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h), tad-deċiżjoni kkontestata.

29.      Barra minn hekk, għalkemm, wara r-rinunzja tal-motivi essenzjali tagħha, Tomkins illimitat ruħha biex iżżomm l-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, li nfakkar kien ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda fl-ammont tal-multa għall-finijiet dissważivi, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali setgħet tinterpreta tali talba biss bħala appell biex hija teżerċita l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mingħajr ma teżamina minn qabel, il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81 KE.

30.      Mis-suespost jirriżulta li, kif sostniet il-Kummissjoni fit-tieni aggravju tal-appell tagħha, is-suġġett tat-talbiet ta’ Tomkins fil-kawża T‑382/06 u dak fit-talbiet ta’ Pegler fil-kawża T‑386/06 ma kienx identiku, u dan peress li r-rikors ta’ Tomkins, wara r-rinunzja tal-motivi essenzjali tagħha, ma kienx għadu jikkontempla l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

31.      Nipproponi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li bih il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jsemmi’ l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 għal dak li jikkonċerna lil Tomkins.

32.      Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn li jiġu evalwati l-aggravji l-oħra tal-appell tal-Kummissjoni fejn dawn huma intiżi għall-annullament ta’ dan l-istess punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

33.      Min-naħa l-oħra, dawn għandhom jiġu eżaminati peress li l-Kummissjoni qed titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li bih il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa imposta lil Tomkins.

B –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tar-regola ne ultra petita

34.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-multi imposti fuq entitajiet ġuridiċi ta’ impriża waħda jistgħu jvarjaw anki jekk, għal parti speċifika ta’ dawk il-multi, tiġi imposta r-responsabbiltà in solidum. Konsegwentement, ir-responsabbiltà in solidum ta’ żewġ entitajiet tal-istess impriża ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regola li tistabbilixxi li l-qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni reġgħet sostniet il-pożizzjoni tagħha li l-projbizzjoni ta’ deċiżjoni ultra petita kienet testendi wkoll għall-eżerċizzju min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

35.      Iktar minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet fuq il-motiv dwar id-dewmien tal-ksur mingħajr ma eżaminat l-argumenti legali mressqa minn Tomkins stess fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur u billi llimitat ruħha, minflok, biex tirreferi għall-eżitu tas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

36.      Tomkins issostni li l-Qorti Ġenerali eżerċitat biss il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tas-sanzjonijiet, u dan skont il-ġurisprudenza tagħha, meta ħadet inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt imsemmija mill-partijiet fil-proċedura. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-projbizzjoni ta’ deċiżjoni ultra petita, u din tal-aħħar tista’ tneħħi u/jew tnaqqas il-multa.

37.      Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li l-aggravju tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ minħabba r-raġuni essenzjali li r-regola ne ultra petita, li tillimita s-setgħat tal-qorti għall-kwistjonijiet li jitressqu quddiemha mill-partijiet, ma għandha kważi ebda rwol fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 229 KE (14).

38.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza illum stabbilita, il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tippermetti lill-Qorti Ġenerali, iktar milli s-sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud, jew li l-att ikkontestat jiġi annullat, sabiex tibdel l-att ikkontestat, jiġifieri sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, anki jekk l-att ma jiġix annullat, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex tneħħi jew iżżid l-ammont tal-multa imposta (15).

39.      Għaldaqstant, fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-aggravju bbażat fuq l-allegat ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tar-regola ne ultra petita, fil-kuntest tat-tibdil, minn din tal-aħħar, fil-modi ta’ applikazzjoni ta’ koeffiċjent minħabba ċirkustanzi attenwanti fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens, minħabba s-sempliċi raġuni li, sakemm il-kwistjoni tal-ammont tal-multa kienet suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (16), li warajh ġie r-Regolament Nru 1/2003, sabiex tneħħi, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (17).

40.      Din l-evalwazzjoni tinftiehem faċilment jekk il-funzjoni tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa titqies bħala garanzija supplimentari għall-benefiċċju tal-impriżi ta’ stħarriġ tal-ogħla intensità minn qorti indipendenti u imparzjali fuq l-ammont tal-multa li hija imposta fuqhom (18).

41.      Din il-klassifikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali bħala “garanzija supplementari” diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-definizzjoni tal-portata tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi quddiem il-Kummissjoni fil-konfront tal-impożizzjoni tal-multi (19).

42.      F’dan il-kuntest, din tista’ tfisser biss li, permezz tal-kontestazzjoni tal-ammont tal-multa quddiem il-Qorti Ġenerali, l-impriżi, filwaqt li jkunu jafu sew l-ammont preċiż iffissat mill-Kummissjoni, għandhom il-possibbiltà li jressqu kull kritika fuq il-kalkolu tal-ammont magħmul mill-Kummissjoni, kemm mil-lat tal-legalità kif ukoll mil-lat ta’ jekk kellux isir b’dak il-mod, b’mod li jkunu jistgħu jinfluwenzaw bil-mezzi ta’ difiża kollha tagħhom, lil hinn mil-limitazzjonijiet inerenti għall-istħarriġ tal-legalità, il-konvinzjoni tal-qorti fir-rigward tal-ammont xieraq tal-multa (20).

43.      F’dan il-każ, biex din il-funzjoni tal-garanzija supplimentari tkun effettiva, il-Qorti Ġenerali għandha, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tkun awtorizzata, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-“ċirkustanzi fattwali kollha” (21) inklużi, pereżempju, iċ-ċirkustanzi li jseħħu wara d-deċiżjoni kkontestata li jkollha quddiemha (22), ħaġa li l-limitazzjonijiet inerenti għall-istħarriġ tal-legalità, fil-prinċipju, ma jippermettulhiex (23).

44.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora l-konstatazzjonijiet tagħha stess li hija għamlet fil-kuntest tas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, dwar is-sussidjarja tagħha Tomkins, u li permezz tagħhom, il-Kummissjoni ma kinitx ipprovat li Pegler kienet ipparteċipat direttament fil-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993. Dawn il-konstatazzjonijiet, li huma bbażati fuq dokumenti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, huma ċertament ta’ natura ta’ ċirkustanzi fattwali fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

45.      B’kuntrast ma’ dak li l-Kummissjoni sostniet fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, ma qajmitx dan il-motiv ta’ dritt ex officio, ħaġa li, skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011 (24), hija pprojbita anki fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (25), iżda ħadet inkunsiderazzjoni sempliċiment iċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-proċess, inkluż, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tagħha stess li hija għamlet fil-kawża parallela dwar is-sussidjarja tagħha Tomkins, biex tevalwa n-natura xierqa tal-multa imposta lil Tomkins, kif din kienet invokatha fit-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha.

46.      Mill-bqija, il-kritika tal-Kummissjoni li l-konstatazzjoni dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ Tomkins u Pegler ma kinitx tippermetti lill-Qorti Ġenerali li tevita, anki fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ir-regola ne ultra petita, hija mhux effettiva. Fil-fatt, kif għadni kif urejt, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tosserva din ir-regola f’dan il-kuntest.

47.      Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

C –    Fuq it-tielet aggravju tal-appell, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-fatt li Tomkins kienet tagħmel parti minn impriża li ammettiet li wettqet ksur

48.      Skont il-Kummissjoni, li tirreferi għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, it-tnaqqis tar-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-ksur huwa bbażat fuq l-istat tagħha ta’ “kumpannija inattiva” u mhux fuq il-fatt li l-grupp Tomkins ma kienx ipparteċipa fil-ksur. Il-fatt li Pegler seta’ ma kienx id-destinatarju tajjeb tad-deċiżjoni kkontestata fi ħdan il-grupp, għal perijodu speċifiku, jikkonċerna biss lil din is-sussidjarja u ma jeżentax lill-impriża fl-intier tagħha mir-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali legalment ma setgħetx tnaqqas il-multa ta’ Tomkins għall-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993 billi ssostni li r-“responsabbiltà ta[‘ Tomkins kienet] marbuta strettament ma dik ta’ Pegler”, u tibbaża fuq dik ir-rabta li ma teżistix. Fi kwalunkwe każ, ir-rabta stretta ta’ responsabbiltà bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja ma hijiex regola assoluta.

49.      Jiena naqbel kompletament mal-Kummissjoni fejn din issostni li r-rabta stretta ta’ responsabbiltà kkonstatata mill-Qorti Ġenerali bejn Tomkins u Pegler ma tistax titqies bħala regola li tapplika fis-sitwazzjonijiet kollha fejn kumpannija parent tinżamm responsabbli minħabba l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

50.      Madankollu din ma hijiex il-kwistjoni u l-Qorti Ġenerali qatt ma ppretendiet fis-sentenza appellata li l-konstatazzjonijiet tagħha kellhom ikollhom applikazzjoni universali.

51.      Fir-realtà, dan l-aggravju tal-appell iwassal, kif sostniet Tomkins, biex jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa’ tevalwa l-konstatazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali mhux biss fis-sentenza appellata imma wkoll fis-sentenza tagħha tal-istess jum Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, li llum saret res judicata minħabba li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda appell kontriha. Tali talba hija meqjusa inammissibbli fil-kuntest ta’ appell (26).

52.      Anki kieku dan l-aggravju kellu jitqies ammissibbli, xorta waħda għandu jiġi ddikjarat infondat.

53.      Fil-fatt, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, Tomkins inżammet responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa minħabba biss il-parteċipazzjoni diretta ta’ Pegler fil-ksur. Issa, peress li l-Qorti Ġenerali rrilevat kemm fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fil-punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ipprovat, fid-deċiżjoni kkontestata, li Pegler, l-unika entità msemmija fid-deċiżjoni msemmija, kienet ipparteċipat direttament fil-ksur bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u d-29 ta’ Ottubru 1993, dan ineħħi loġikament kull bażi għar-responsabbiltà in solidum ta’ Tomkins kif ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament setgħet tikkonstata, fis-sentenza appellata, li r-responsabbiltà ta’ Tomkins ma setgħetx teċċedi lil dik ta’ Pegler (punt 38 in fine) jew li hija kienet strettament marbuta ma’ dik ta’ din tal-aħħar (punt 46).

54.      Barra minn hekk, l-istess kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la indikat u lanqas, a fortiori, ipprovat li entità oħra, apparti Pegler, setgħet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 b’mod li jwassal għar-responsabbiltà tal-kumpannija parent Tomkins, fl-istess perijodu, għall-ħlas tal-multa li ġiet imposta lilha fid-deċiżjoni kkontestata.

55.      Għaldaqstant, nipproponi li dan l-aggravju jiġi miċħud.

D –    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq kontradizzjoni fis-sentenza appellata

56.      Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu ma tgħidx b’mod ċar b’dettalji suffiċjenti d-deroga mir-regola ne ultra petita li kienet ġiet introdotta għall-ewwel darba mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li jikkonċerna l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, il-Qorti Ġenerali kienet inkoerenti u ma kinitx preċiża meta stiednet lill-Kummissjoni tislet il-konsegwenzi mir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa fil-konfront ta’ Tomkins, qabel ma ffissat hija stess l-ammont tal-multa.

57.      Dan l-aggravju jidhirli li ma huwiex effettiv.

58.      Fir-rigward tal-ewwel ilment, dan ma huwiex effettiv peress li, kif urejt fil-punti preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tosserva r-regola ne ultra petita fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa (27).

59.      Fir-rigward tat-tieni lment, infakkar li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv invokat minn Tomkins li kienet ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni, u dan peress li Tomkins kienet irrinunzjat għal dik il-parti.

60.      Għaldaqstant, anki kieku kellha tintlaqa’ l-kritika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar din il-parti, din l-istess kritika bl-ebda mod ma taffettwa l-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, inkwantu dan il-punt jiffissa l-ammont tal-multa mingħajr ma jbiddel il-kalkolu li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taż-żieda msemmija għall-finijiet ta’ dissważjoni.

61.      Konsegwentement, nipproponi li r-raba’ aggravju tal-appell jiġi miċħud.

E –    Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq

62.      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju u d-dritt għal smigħ xieraq meta ma tathiex l-opportunità tieħu pożizzjoni fuq l-intenzjoni tagħha li tnaqqas il-multa imposta lil Tomkins filwaqt li bbażat ruħha fuq il-motivi mressqa mis-sussidjarja tagħha biss fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

63.      Għalkemm fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ivvizzjat l-evalwazzjoni tagħha b’irregolarità proċedurali, jidhirli li dan ma huwiex suffiċjenti biex iwassal għall-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

64.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju tal-kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża u li l-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw li jiġi osservat, jimplika, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet f’kawża li jaraw il-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u li jiddiskutuhom (28). F’dan l-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li jkun qed jinkiser prinċipju fundamentali tal-liġi jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li tagħhom il-partijiet, jew waħda minnhom, ma setgħux jieħdu konjizzjoni u li fir-rigward ta’ liema, konsegwentement, ma setgħux jieħdu pożizzjoni (29). Fil-fatt, sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (30).

65.      Il-prinċipju tal-kontradittorju għandu jkun ta’ benefiċċju lil kull parti fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti tal-Unjoni, irrispettivament mill-kwalità ġuridika tagħha. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jgawdu wkoll minn dan meta huma stess ikunu parti f’tali kawża (31).

66.      Fil-fehma tiegħi, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tevita li tosserva dan il-prinċipju fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

67.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss irrilevat in-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea, inkluż fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa, skont l-Artikolu 229 KE (32) iżda vverifikat ukoll l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li jinkludu l-prinċipju ta’ kontradittorju, fl-eżerċizzju, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-kompetenza tagħha biex tibdel l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (33).

68.      Dan l-approċċ huwa r-riżultat tax-xewqa leġittima biex l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jwassalx għal eżami ta’ fatti jew ta’ kriterji li l-partijiet ma kellhomx realment il-possibbiltà li jiddiskutu (34).

69.      Kif indikajt diġà fil-punti preċedenti dwar l-inapplikabbiltà tar-regola ne ultra petita fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha biex teżamina n-natura xierqa tal-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni fuq l-impriżi. Dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu wkoll, fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjonijiet fattwali stess magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kawżi konkomitanti li jirrigwardaw id-diversi entitajiet tal-istess impriża, kif inhu l-każ hawnhekk.

70.      Madankollu, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju, regola li l-Qorti Ġenerali kisret fis-sentenza appellata.

71.      L-ewwel nett, huwa ċar li, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha milli tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma tathiex l-opportunità li tgħid tagħha dwar il-prinċipju nnifsu tat-tnaqqis tal-multa imposta lil Tomkins. Fil-fatt, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, hija bbenefikat mill-possibbiltà li tiddiskuti din il-kwistjoni espliċitament imqajma fit-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors ta’ Tomkins.

72.      Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-Qorti Ġenerali, fl-ebda mument qabel ma qatgħet is-sentenza appellata, ma stiednet lill-Kummissjoni tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja tagħha fil-ksur għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993, li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza kkontestata, naqqset l-ammont tal-multa imposta lill-kumpannija parent (35).

73.      Issa, ma jistax jiġi kkontestat li l-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, li jirrigwardaw id-dewmien tal-parteċipazzjoni fil-ksur tas-sussidjarja, kellhom in-natura ta’ “punti ta’ fatt [...] deċiżivi għall eżitu tal-proċedura” fis-sentenza appellata, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

74.      Din l-evalwazzjoni ma tfissirx madankollu li l-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju jwassal għal annullament tas-sentenza appellata iktar mifruxa minn dik proposta f’dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri mhux biss l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza msemmija imma wkoll dik tal-punt 2 tagħha.

75.      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar għandha tivverifika, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza (36), jekk il-ksur tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tagħmilx ħsara lill-interessi tal-appellant.

76.      Dan l-eżami jirrigwarda, f’dan il-każ, il-punt dwar jekk, f’każ li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tressaq osservazzjonijiet, dwar l-impossibbiltà li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-kritika ta’ Pegler fir-rigward tad-dewmien tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ksur, esposti fil-kawża parallela li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, dawn l-osservazzjonijiet setgħux jaffettwaw it-tnaqqis, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-ammont tal-multa imposta lil Tomkins fis-sentenza appellata.

77.      Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.

78.      Kif diġà semmejt waqt l-analiżi tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, kien korrett li l-Qorti Ġenerali setgħet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tagħha stess, li hija għamlet fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, dwar id-dewmien tal-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja fil-ksur, għall-finijiet li tiddeċiedi t-talba ta’ Tomkins għal tibdil.

79.      Iktar minn hekk, kif ġie indikat iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aggravju tal-appell, kien ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, li r-responsabbiltà ta’ Tomkins għall-ħlas tal-multa imposta mill-Kummissjoni ma setgħetx teċċedi dik ta’ Pegler.

80.      Konsegwentement, anki f’każ kieku fejn il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-motivi msemmija quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn l-osservazzjonijiet ma setgħux jaffettwaw it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ffissata fis-sentenza appellata.

81.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-ħames aggravju tal-Kummissjoni jiġi miċħud kif ukoll jiġi miċħud l-appell kollu sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali naqqset il-multa imposta fuq Tomkins minn EUR 5.25 miljun għal EUR 4.25 miljun, li minnhom EUR 3.4 miljun għandhom jitħallsu in solidum ma’ Pegler.

III – Konklużjoni fuq l-appell

82.      Biex nikkonkludi dawn il-punti kollha, kif ippreċiżajt fil-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi milqugħ, fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni u jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata inkwantu dan annulla min-naħa tiegħu l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan tal-aħħar isemmi’ l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 f’dak li jikkonċerna lil Tomkins.

IV – Eżami tat-talba ta’ Tomkins

83.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ għaldaqstant jew taqta’ definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, inkella tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

84.      F’dan il-każ, il-kawża hija ċertament fi stat li tiġi deċiża u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni definittiva fuqha. Fil-fatt għandha tiġi eżaminata biss it-tieni parti tar-raba’ aggravju tar-rikors ta’ Tomkins.

85.      Kif indikajt diġà, din il-parti kienet limitata biex titlob lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta lil Tomkins mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant ma setgħetx twassal għall-annullament tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni li tikkonċerna l-konstatazzjoni ta’ ksur min-naħa ta’ Tomkins.

V –    Fuq l-ispejjeż

86.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

87.      Peress li l-appell tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ parzjalment biss, jidhirli li għandu jiġi applikat l-Artikolu 69(3) tar-regoli msemmija u l-partijiet għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess fiż-żewġ istanzi.

VI – Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)         Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni (T‑382/06) huwa annullat.

2)         Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)         Il-Kummissjoni Ewropea u Tomkins plc għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fiż-żewġ istanzi.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      T‑382/06, Ġabra p. II‑1157.


3 –      ĠU 2007, L 283, p. 63.


4 –      T‑386/06, Ġabra p. II‑1267.


5 – Ara l-punt 3.4 u l-punt b tad-dispożittiv tar-rikors ta’ Tomkins quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll ir-rapport tas-seduta ppreparat minn din tal-aħħar, anness mar-risposta tal-appell (Anness PB.5).


6 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205.


7 –      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Novembru 2004, FNICGV vs Il-Kummissjoni (T‑252/03, Ġabra p. II‑3795, punti 22 u 25).


8 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni (50/84, Ġabra p. 3991, punt 8) u tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill (C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 23).


9 – Ara, f’dan ir-rigward, it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li wasslet għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (T‑127/04, Ġabra p. II‑1167) kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789).


10 – Ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1957, ALMA vs L-Awtorità Għolja (8/56, Ġabra, p. 179, 191).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, KME Ġermany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 62 sa 71) kif ukoll tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, KME Ġermany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 100 sa 105), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 179 sa 181 u 191 sa 198), sentenza li ġiet appellata, Kawża Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


12 – Anki jekk dawn is-sentenzi ngħataw fl-istess ġurnata, ir-referenzi kontinwi tal-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, juru fil-fatt li hija kienet qed tqis it-tieni waħda bħala li ppreċediet lill-ewwel waħda fiż-żmien.


13 – Fuq il-kwistjoni tar-responsabbiltà ta’ Tomkins intrinsikament marbuta ma’ dik ta’ Pegler, ara l-analiżi tiegħi tat-tielet aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil-punti 49 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14 –      Ara, f’dan is-sens, il-punt 49 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331).


15 –      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692); Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq (punt 61), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni (T‑11/06, Ġabra p. II‑6681, punt 265). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “fost il-karatteristiċi ta’ korp ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa hemm is-setgħa li jibdel fil-punti kollha, kemm dawk fattwali kif ukoll ta’ liġi, id-deċiżjoni mogħtija mill-korp inferjuri. Huwa għandu jkollu, b’mod partikolari, il-kompetenza li tittratta l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li huma rilevanti għall-kwistjoni li jkollha quddiemha” (ara, fl-aħħar nett, il-QEDB, tas-27 ta’ Settembru 2011, sentenza Menarini vs L-Italja tas-27 ta’ Settembru 2011, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, rikors Nru 43509/08, punt 59).


16 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3.


17 –      Ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 u 61 sa 63).


18 – Ara P. Mengozzi, “La compétence de pleine juridiction du juge communautaire”, Liber Amicorum en l’honneur de Bo Vesterdorf, Bruylant, Brussell, 2007, p. 227.


19 –      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 445). Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 235) u tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 200).


20 – Għal kull buon fini, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fuq il-multi imposti mill-Kummissjoni huwa intiż li jivverifika n-natura xierqa tal-ammont stabbilit fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li jkollha quddiemha. Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni (C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 42 u 48) kif ukoll Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punti 42 u 48).


21 –      Enfażi miżjuda minni.


22 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punti 51 u 52) u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 141), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 274) u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni (T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 227).


23 – Dan jippermetti wkoll li jinftiehem għaliex, pereżempju, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Marzu 1984, Officine Bertoli vs Il-Kummissjoni (8/83, Ġabra p. 1649, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-multa ma setax jintlaqa’, ċerti ċirkustanzi partikolari għal dik il-kawża kienu jiġġustifikaw tnaqqis għal raġunijiet ta’ ekwità.


24 – Sentenzi KME Ġermany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 104), Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 64), kif ukoll KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punt 131).


25 –      Din it-teżi ma tikkonvinċinix għalkollox. Anki jekk wieħed jippreżumi li l-motivi tas-sentenzi invokati mill-Kummissjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali projbizzjoni biex ma jitressqux punti ta’ liġi ex officio mill-Qorti Ġenerali, dan l-approċċ jidher li ma tantx jaqbel mas-setgħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni Ewropea biex tegħleb il-limitazzjonijiet inerenti għall-istħarriġ tal-legalità. F’dan ir-rigward, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija kienet awtorizzata tevalwa n-natura xierqa ta’ multa anki fin-nuqqas ta’ talba mir-rikorrenti f’dan is-sens [ara s-sentenza ALMA vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, (p. 191), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni (T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punti 22 u 164), u tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, Ġabra p. II‑2805, punt 884), sentenza li ġiet appellata AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja)]. Fil-preżenza ta’ indizji serji li jippermettu li tiġi ddubitata n-natura xierqa tal-ammont tal-multa, jidhirli li l-Qorti Ġenerali hija awtorizzata tbiddel l-imsemmi ammont, dment li tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, fuq dan il-punt, l-analiżi tiegħi tal-ħames aggravju fil-punti 63 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet). L-attivazzjoni tat-tibdil tal-ammont tal-multa f’dan il-każ tippermetti wkoll, fil-fehma tiegħi, li jiġi osservat de facto l-“istħarriġ sħiħ, fil-liġi u fil-fatt” fis-sens, b’mod partikolari tas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 136), minn qorti imparzjali u indipendenti tal-ammont tal-multi imposti lill-impriżi.


26 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Comap vs Il-Kummissjoni (C‑290/11 P, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Barra minn hekk, il-premessa li abbażi tagħha ġiet introdotta r-regola ne ultra petita mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri s-suġġett kemm tat-talba li għamlet Tomkins u dik ta’ Pegler fir-rikorsi rispettivi tagħhom, hija nieqsa, kif urejt iktar qabel, minn kull bażi. Fil-fehma tiegħi, għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni li suppost kienet milquta bih l-introduzzjoni ta’ din l-eċċezzjoni mill-Qorti Ġenerali.


28 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punti 50 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 –      Ibidem (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56) kif ukoll deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009, eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX-II, Ġabra p. I‑12033, punt 41).


31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53) kif ukoll id-deċiżjoni eżami mill-ġdid M vs EMEA, ċċitata iktar ’il fuq (punt 42).


32 – Ara s-sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni (punt 64) kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, (C‑389/10 P, punt 131) u.


33 –      Ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 sa 83).


34 –      F’dan is-sens ara l-punt 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


35 – Għandu jiġi mfakkar li ma nżammet ebda seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u din tal-aħħar ma ħadet ebda miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward ta’ din il-kwistjoni u qabel ma ddeċidiet is-sentenza appellata, li ngħatat fl-istess jum bħas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq.


36 –      B’mod partikolari ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61).