Language of document : ECLI:EU:C:2014:76

Kawża C‑466/12

Nils Svensson et

vs

Retriever Sverige AB

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula imressqa mis-Svea hovrätt)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Soċjetà tal-informazzjoni — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati — Artikolu 3(1) — Avviż lill-pubbliku — Kunċett — Link tal-internet (‘links li tikklikkja fuqhom’) li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Frar 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Avviż lill-pubbliku — Kunċett — Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fuq sit internet, ta’ link li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit internet ieħor — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Avviż lill-pubbliku — Kunċett — Possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipproteġu b’mod iktar wiesgħa lit-titulair ta’ dritt tal-awtur billi jinkludu fil-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

3.        Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet bejn Stati Membri — Ftehim preċedenti għall-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stat Membru — Ftehim li jagħti lil Stat Membru l-possibbiltà li jieħu miżura li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni — Obbligu tal-Istat Membru li jastjeni milli jieħu tali miżura

(Artikolu 351 TFUE)

1.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista fuq sit internet ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit internet ieħor ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lil “pubbliku”.

Il-fatt li jiġu pprovduti, fuq sit internet, links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr ebda restrizzjoni fuq sit ieħor, joffri lill-utenti tal-ewwel sit aċċess dirett għall-imsemmija xogħlijiet u għandu jiġi kkwalifikat bħala li “[iqiegħed għad-dispożizzjoni]” u, konsegwentement, bħala “att ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Att bħal dak huwa dirett għall-utenti potenzjali kollha tas-sit amministrat minn din il-persuna, jiġifieri numru indeterminat u numru pjuttost kbir ta’ destinatarji.

Dan premess, sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li tali komunikazzjoni li tikkonċerna l-istess xogħlijiet tal-komunikazzjoni inizjali u li twettqet, bħall-komunikazzjoni inizjali, fuq l-internet, u għaldaqstant permezz tal-istess mezzi tekniċi, għandha tiġi indirizzat lil pubbliku ġdid, jiġifieri lil pubbliku li t-titulari tad-dritt tal-awtur ma ħadux inkunsiderazzjoni, meta huwa awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku. Madankollu, it-tqiegħed għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet ikkonċernati permezz ta’ link li tikklikkja fuqu ma jwassalx sabiex ix-xogħlijiet inkwistjoni jiġu kkomunikati lil pubbliku ġdid.

F’dawn il-kundizzjonijiet, fejn l-utenti kollha ta’ sit ieħor li lilhom ix-xogħlijiet inkwistjoni ġew ikkomunikati permezz ta’ link li tikklikkja fuqu setgħu jaċċedu dawn ix-xogħlijiet direttament fuq is-sit li fuqu dawn tal-aħħar ġew ikkomunikati inizjalment, mingħajr intervent mill-amministratur ta’ dan is-sit l-ieħor, l-utenti tas-sit amministrat minn dan tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala destinatarji potenzjali tal-komunikazzjoni inizjali u għaldaqstant bħala li jifformaw parti mill-pubbliku meħud inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta dawn l-aħħar awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali.

Għaldaqstant, peress li ma hemmx pubbliku ġdid, l-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex neċessarja għal komunikazzjoni lill-pubbliku.

(ara l-punti 16, 18, 20, 22, 24, 25, 27, 28, 32 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

Fil-fatt, mill-premessi 1, 6 u 7 tad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari, jirriżulta li l-għanijiet ta’ din id-direttiva huma, b’mod partikolari, li tirrimedja għad-differenzi leġiżlattivi u l-inċertezza legali li teżisti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ awtur. Li jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ikollu l-effett li joħloq differenzi leġiżlattivi u għaldaqstant, għat-terzi, inċertezza legali. Konsegwentement, l-għan segwit mid-Direttiva 2001/29 ikun inevitabbilment kompromess jekk il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubblika kellu jinftiehem mill-Istati Membri differenti bħala li jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, il-funzjonament tas-suq intern jirriżulta neċessarjament kompromess.

(ara l-punti 34-36, 41 u d-dispożittiv 2)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 39)