Language of document : ECLI:EU:C:2009:293

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Mejju 2009 (*)

“Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Protezzjoni tal-ħajja privata – Tħassir tad-data – Dritt ta’ aċċess għad-data u għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri tad-data – Terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess”

Fil-Kawża C‑553/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-5 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura

College van burgemeester en wethouders van Rotterdam

vs

M. E. E. Rijkeboer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka, U. Lõhmus u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-College van burgemeester en wethouders van Rotterdam, minn R. de Bree, advocaat,

–        għal E. E. Rijkeboer, minn W. van Bentem, juridisch adviseur,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn E.-M. Mamouna u V. Karra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross u H. Walker, bħala aġenti, assistiti minn J. Stratford, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Troosters u C. Docksey, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 255, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. E. Rijkeboer u l-College van burgemeester en wethouders van Rotterdam (Kunsill tas-sindki u maġistrati ta’ Rotterdam, iktar ’il quddiem il-“College”) rigward ir-rifjut parzjali ta’ dan tal-aħħar li jagħtih aċċess għall-informazzjoni dwar il-komunikazzjoni magħmula lil terzi persuni tad-data personali tiegħu tul is-sentejn qabel it-talba tiegħu għal informazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Il-premessi 2 u 10 tad-Direttiva, li jirrigwardaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jipprovdu:

“(2)      Billi s-sistemi ta’ l-ipproċessar ta’ data huma maħsuba biex jaqdu lill-bniedem; billi, indipendentement miċ-ċittadinanza jew residenza ta’ persuna naturali, huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, u jaghtu sehemhom għall-progress ekonomiku u soċjali, għat-tkattir tal-kummerċ u l-ġid tal-persuna;

[…]

(10)      Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità [...]”

4        Skont il-premessa 25 tad-Direttiva, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-persuni għandhom ikunu riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq persuni responsabbli għal ipproċessar ta’ data, partikolarment dwar il-kwalità tad-data u, min-naħa l-oħra, id-dritt mogħti lil individwu, li d-data dwaru tkun is-suġġett tal-ipproċessar, li jkun mgħarraf bl-imsemmi pproċessar, li jkollu aċċess għad-data, jitlob korrezzjonijiet u li jagħmel ukoll oġġezzjoni għall-ipproċessar f’ċerti ċirkustanzi.

5        Il-premessa 40 tad-Direttiva, dwar l-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat meta d-data ma tkunx inġabret direttament minnu, tipprovdi li dan l-obbligu mhuwiex previst jekk l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data tkun impossibli jew tinvolvi sforzi sproporzjonati, u li, f’dan ir-rigward, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ suġġetti tad-data, kemm ikollha żmien id-data u l-miżuri ta’ kumpens li jistgħu jiġu adottati.

6        Skont il-premessa 41 tad-Direttiva, kull persuna għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ aċċess għal data dwarha li tkun qed tiġi pproċessata, biex tivverifika partikolarment l-eżattezza tad-data u jekk l-ipproċessar ikunx skont il-liġi.

7        L-Artikolu 1, intitolat “Għan tad-Direttiva”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.      Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

8        Il-kunċett ta’ “data personali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva bħala kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”).

9        Skont l-Artikolu 2(b), “ipproċessar ta’ data personali” jfisser:

“kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

10      Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva, il-“kontrollur” huwa l-persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali.

11      L-Artikolu 2(g) tad-Direttiva jiddefinixxi “riċevitur” bħala persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li lilha jkun żvelat data, kemm jekk tkun parti terza u wkoll jekk ma tkunx parti terza kif definita fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva.

12      L-Artikolu 6 tad-Direttiva jsemmi l-prinċipji relattivi għall-kwalità tad-data. Fir-rigward taż-żamma tad-data, l-Arikolu 6(1)(e) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li d-data personali għandha “[tinżamm] b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku”.

13      L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva jistabbilixxu l-informazzjoni li l-kontrollur tad-data jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data fil-każ, rispettivament, ta’ ġbir ta’ data mis-suġġett tad-data u meta d-data ma tkunx inġabret mis-suġġett tad-data.

14      L-Artikolu 12 tad-Direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess” jipprovdi kif ġej:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

a)      mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

–        konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data inkwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

–        komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu;

–        għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati msemmija fl-Artikolu 15(1);

b)      skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

ċ)      notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skond (b), sakemm din tkun tista’ ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat.”

15      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva intitolat “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet” jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jidderogaw fost l-oħrajn mill-Artikoli 6 u 12 tagħha, jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti ċerti interessi pubbliċi fosthom is-sigurtà nazzjonali, id-difiża, il-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali kif ukoll interessi oħrajn, jiġifieri, il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u libertajiet tal-oħrajn.

16      Id-Direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 14 tagħha, li l-Istati Membri jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jagħmel oġġezzjoni kontra l-ippoċessar ta’ data dwaru.

17      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva, fid-dawl tal-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implementati l-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni li għandhom jiżguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta jġibu magħhom.

18      Skont l-Artikoli 22 u 23(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju f’każ ta’ ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar inkwistjoni u li kull persuna li tkun sofriet ħsara minħabba operazzjoni ta’ ipproċessar illegali jew att li jkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, għandha tkun intitolata li tirċievi kumpens mill-kontrollur għal ħsara li tkun sofriet.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19      Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz ta’ test ġenerali, il-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ data personali (Wet bescherming persoonsgegevens). Barra minn hekk, liġijiet speċifiċi ġew adattati sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva. Dan huwa l-każ tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġifieri l-Liġi dwar id-data personali miżmuma mill-amministrazzjonijiet muniċipali (Wet gemeentelijke basisadministratie persoonsgegevens, Stb. 1994, Nru 494, iktar ’il quddiem il-“Wet GBA”).

20      L-Artikolu 103(1) tal-Wet GBA jipprovdi li l-kunsill tas-sindki u maġistrati għandu jikkomunika bil-miktub lill-persuna kkonċernata fi żmien erba’ ġimgħat, fuq talba tagħha, id-data li tikkonċernaha li ġejja mill-amministrazzjoni tal-komun li ġiet ikkomunikata lil applikant jew lil terz tul is-sena qabel it-talba tal-imsemmija persuna kkonċernata.

21      Skont l-Artikolu 110 tal-Wet GBA, il-kunsill tas-sindki u maġistrati jżomm ir-referenza għal din il-komunikazzjoni għal sena wara l-komunikazzjoni tad-data, ħlief jekk din il-komunikazzjoni tirriżulta b’mod ieħor mill-bażi ta’ data.

22      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-College jirriżulta li d-data miżmuma mill-komun tirrigwarda b’mod partikolari l-isem, id-data tat-twelid, in-numru amministrattiv, in-numru soċjali-fiskali, il-komuni ta’ reġistrazzjoni, l-indirizz u d-data ta’ reġistrazzjoni fil-komun, l-istatus ċivili, il-kuratur, l-awtorità eżerċitata fuq il-minuri, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tal-barranin.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ottubru 2005, E. E. Rijkeboer talab lill-College sabiex jinformah bil-każijiet kollha fejn informazzjoni li tikkonċernah ġiet ikkomunikata lil terzi persuni, tul is-sentejn qabel it-talba tiegħu. Huwa xtaq ikun jaf l-identità ta’ dawn il-persuni u l-kontenut tal-informazzjoni li ġiet trażmessa lilhom. E. E. Rijkeboer, li kien iċċaqlaq lejn komun ieħor, xtaq ikun jaf, b’mod partikolari, lil min kien ġie kkomunikat l-indirizz preċedenti tiegħu.

24      Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-27 ta’ Ottubru u tad-29 ta’ Novembru 2005, il-College laqa’ biss parzjalment din it-talba billi kkomunikalu l-informazzjoni relattiva għall-perijodu ta’ sena qabel it-talba tiegħu, skont l-Artikolu 103(1) tal-Wet GBA.

25      Il-komunikazzjoni tad-data ġiet irreġistrata skont il-“Logisch Ontwerp GBA”. Din hija sistema awtomatizzata, li nħolqot mill-Ministerie van Binnenlandse Zaken en Koninkrijkrelaties (Ministeru tal-Affarijiet Interni u tar-Relazzjonijiet fi ħdan ir-Renju tal-Olanda). Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-data mitluba minn E. E. Rijkeboer, preċedenti għas-sena qabel it-talba tiegħu, ġiet awtomatikament imħassra, li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110 tal-Wet GBA.

26      E. E. Rijkeboer ilmenta quddiem il-College kontra r-rifjut li tiġi kkomunikata lilu l-informazzjoni rigward ir-riċevituri li ġew ikkomunikati d-data li tikkonċernah fil-perijodu li jippreċedi s-sena qabel it-talba tiegħu. Peress li dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2006, E. E. Rijkeboer ippreżenta rikors quddiem ir-Rechtbank Rotterdam.

27      Din il-qorti laqgħet ir-rikors billi qieset li l-limitazzjoni tad-dritt li wieħed jiġi mgħarraf bid-data kkomunikata lil riċevituri għas-sena qabel it-talba, kif prevista fl-Artikolu 103(1) tal-Wet GBA, mhijiex kompatibbli mal-Artikolu 12 tad-Direttiva. Hija qieset ukoll li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva mhumiex applikabbli.

28      Il-College appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State. Din il-qorti tikkonstata li l-Artikolu 12 tad-Direttiva rigward id-dritt ta’ aċċess għad-data ma jistabbilixxi l-ebda terminu li fih dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat. Fil-fehma tagħha, dan l-artikolu madankollu ma jipprekludix neċessarjament lil-leġiżlatur nazzjonali milli jillimita fiż-żmien id-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi informat bir-riċevituri li ġew ikkomunikati d-data personali tiegħu, iżda hija għandha dubji f’dan ir-rigward.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-limitazzjoni, prevista mil-liġi, tal-komunikazzjoni tad-data għas-sena qabel it-talba kkonċernata hija kompatibbli mal-Artikolu 12, [...] (a), tad-[Direttiva], moqri flimkien, jew le, mal-Artikolu 6(1)(e) ta’ din id-direttiva u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

 Fuq id-domanda preliminari

30      Għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 234 KE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-interpretazzjoni tagħhom għandha ssir mill-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Gysen, C‑449/06, Ġabra p. I‑553, punt 17).

31      Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem li hija intiża, essenzjalment, sabiex tistabbilixxi jekk, skont id-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 12(a) tagħha, id-dritt ta’ aċċess ta’ persuna għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri ta’ data personali li tikkonċernaha kif ukoll dwar il-kontenut tad-data kkomunikata jistax jiġi limitat għall-perijodu ta’ sena qabel it-talba tagħha għal aċċess.

32      Din il-qorti tirreferi għal żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 6(1)(e), dwar iż-żamma tad-data personali, u l-Artikolu 12(a), dwar id-dritt ta’ aċċess għal din id-data. Min-naħa l-oħra, la din il-qorti u lanqas xi waħda mill-partijiet li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma invokaw l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva.

33      L-Artikolu 6 tad-Direttiva jirrigwarda l-kwalità tad-data. L-Artikolu 6(1)(e) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li d-data personali ma tiġix miżmuma iktar mit-tul ta’ żmien meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun ipproċessata ulterjorment. Id-data għandha titħassar ladarba dawn il-finijiet jintlaħqu.

34      L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data dritt ta’ aċċess għad-data personali dwaru kif ukoll għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri ta’ din id-data, mingħajr ma jindika terminu ta’ żmien.

35      Għaldaqstant dawn iż-żewġ artikoli huma intiżi għall-protezzjoni tas-suġġett tad-data. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk teżistix rabta bejn dawn iż-żewġ artikoli fis-sens li d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri ta’ data personali kif ukoll dwar il-kontenut tad-data trażmessa jista’ jiddependi fuq it-tul ta’ żmien li għalih tinżamm din id-data.

36      L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru fehmiet differenti fuq l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

37      Il-College kif ukoll il-Gvern Olandiż, dak Ċek, dak Spanjol u dak tar-Renju Unit isostnu li d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri msemmi fl-Artikolu 12(a) tad-Direttiva jeżisti biss għall-preżent u mhux għall-imgħoddi. Ladarba d-data titħassar, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-suġġett tad-data ma jistax ikollu iktar aċċess għaliha. Din il-konsegwenza ma tmurx kontra d-Direttiva.

38      Għaldaqstant il-College u l-Gvern Olandiż isostnu li l-Artikolu 103(1) tal-Wet GBA, li jipprovdi li l-komun għandu jinforma lill-persuna, fuq talba tagħha, id-data li ġiet ikkomunikata lil riċevituri tul is-sena qabel it-talba tal-imsemmija persuna, imur lil hinn mir-rekwiżiti imposti permezz tad-Direttiva.

39      Il-Kummissjoni u l-Gvern Grieg isostnu, min-naħa tagħhom, li d-Direttiva tipprovdi dritt ta’ aċċess mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-perijodu qabel it-talba għal aċċess. Il-fehma tagħhom hija madankollu differenti dwar il-tul ta’ żmien preċiż ta’ dan id-dritt ta’ aċċess.

40      Sabiex tiġi evalwata l-portata tad-dritt ta’ aċċess li d-Direttiva tagħmel possibbli, għandha qabel kollox tiġi stabbilita d-data li huwa marbut magħha d-dritt ta’ aċċess u li mbagħad isir riferiment għall-iskop tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva eżaminat fid-dawl tal-għanijiet ta’ din tal-aħħar.

41      F’każ bħal dak ta’ E. E. Rijkeboer żewġ kategoriji ta’ data huma rilevanti.

42      L-ewwel waħda tirrigwarda d-data ta’ natura privata miżmuma mill-komun dwar persuna, bħal isimha, l-indirizz tagħha, data li tikkostitwixxi, f’dan il-każ, data bażika. Mill-osservazzjonijiet orali ppreżentati mill-College u mill-Gvern Olandiż jirriżulta li din id-data tista’ tinżamm għal perijodu twil. Hija tikkostitwixxi “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva, għaliex hija informazzjoni li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989, punt 64; tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 24, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C-524/06, Ġabra p. I-9705, punt 43).

43      It-tieni kategorija tirrigwarda l-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li jiġu kkomunikati din id-data bażika kif ukoll il-kontenut ta’ din tal-aħħar u tirrigwarda għaldaqstant l-ipproċessar tad-data bażika. B’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, din l-informazzjoni tinżamm biss għal sena.

44      Il-limitazzjoni fiż-żmien tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevitur jew ir-riċevituri tad-data personali kif ukoll il-kontenut tad-data trażmessa, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, tikkonċerna għaldaqstant din it-tieni kategorija ta’ data.

45      Sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva jawtorizzax tali limitazzjoni fiż-żmien, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-iskop tiegħu eżaminat fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva.

46      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva, l-għan tagħha huwa li tipproteġi d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ individwi, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u li tippermetti b’dan il-mod iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ din id-data bejn l-Istati Membri.

47      L-importanza tal-protezzjoni tal-ħajja privata hija inkluża fil-premessi 2 u 10 tad-Direttiva u enfasizzata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Österreichischer Rundfunk et, punt 70 u Lindqvist, punti 97 u 99, kif ukoll is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punt 63, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, Ġabra p. I-7075, punt 52).

48      Barra minn hekk, kif joħroġ mill-premessa 25 tad-Direttiva, il-prinċipji ta’ din il-protezzjoni għandhom jiġu riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq persuni responsabbli għal ipproċessar ta’ data, b’mod partikolari dwar il-kwalità tad-data – l-iskop tal-Artikolu 6 tad-Direttiva – u, min-naħa l-oħra, id-dritt mogħti lil persuni, li d-data dwarhom tkun is-suġġett tal-ipproċessar, li jiġu mgħarrfa bl-imsemmi pproċessar, li jkollhom aċċess għal din id-data, li jitolbu korrezzjonijiet u li jagħmlu wkoll oġġezzjoni għall-ipproċessar f’ċerti ċirkustanzi.

49      Dan id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jimplika li s-suġġett tad-data jista’ jiżgura ruħu li d-data personali hija pproċessata b’mod eżatt u leċitu, jiġifieri, b’mod partikolari, li d-data bażika dwaru hija eżatta u li tintbagħat lil riċevituri awtorizzati. Kif huwa msemmi fil-premessa 41 tad-Direttiva, sabiex isiru l-verifiki meħtieġa, is-suġġett tad-data għandu jkollu dritt ta’ aċċess għad-data dwaru li hija s-suġġett tal-ipproċessar.

50      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva jipprovdi dritt ta’ aċċess għad-data bażika kif ukoll għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li jiġu kkomunikati din id-data.

51      Dan id-dritt ta’ aċċess huwa meħtieġ sabiex jippermetti lis-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu msemmija fil-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 12 tad-Direttiva, fil-każ li l-ipproċessar tad-data dwaru ma jkunx konformi ma’ din id-direttiva, li jikseb mill-kontrollur ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data [punt (b)] jew notifika lill-partijiet terzi li lilhom tkun ġiet ikkomunikata d-data b’kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skont (b), jekk dan ma jkunx jitlob sforz sproporzjonat [punt (ċ)].

52      Dan id-dritt ta’ aċċess huwa wkoll meħtieġ sabiex jippermetti lis-suġġett tad-data li jeżerċita d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar tad-data personali dwaru msemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva jew id-dritt ta’ rimedju ġudizzjarju fil-każ ta’ ħsara sofferta previst fl-Artikoli 22 u 23 ta’ din.

53      Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data bażika kif ukoll dwar il-kontenut tad-data kkomunikata, id-Direttiva ma tispeċifikax dwar jekk id-dritt jikkonċernax l-imgħoddi u lanqas, jekk ikun il-każ, il-perijodu kopert fl-imgħoddi.

54      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt għandu neċessarjament jikkonċerna l-imgħoddi. Fil-fatt, jekk dan ma jkunx il-każ, is-suġġett tad-data ma jkunx jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu li jikseb ir-rettifika, tħassir jew imblokk tad-data preżunta illeċita jew mhux korretta kif ukoll li jeżerċita rimedju ġudizzjarju u li jikseb il-kumpens għall-ħsara sofferta.

55      Tqum il-kwistjoni dwar l-estenzjoni ta’ dan id-dritt fl-imgħoddi.

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma relattivament ġenerali peress li din għandha tapplika għal għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet differenti ħafna bejniethom u peress li d-Direttiva tinkludi regoli kkaratterizzati minn ċerta flessibbiltà li tħalli f’bosta każijiet f’idejn l-Istati Membri r-responsabbiltà li jistabbilixxu d-dettalji jew li jagħżlu fost possibbiltajiet (ara s-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83). B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri kellhom, taħt diversi aspetti, marġni ta’ manuvra fit-traspożizzjoni tad-Driettiva (ara s-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84). Dan il-marġni ta’ manuvra, li jeżisti fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva, mhuwiex madankollu mingħajr limiti.

57      L-istabbiliment ta’ terminu fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri u l-kontenut tad-data kkomunikata għandu jippermetti lis-suġġett tad-data li jeżerċita d-diversi drittijiet previsti mid-Direttiva u mfakkra fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza.

58      It-tul ta’ żmien taż-żamma tad-data bażika jista’ jikkostitwixxi parametru utli mingħajr ma jkun madankollu determinanti.

59      Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa wiesa’ ħafna, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Österreichischer Rundfunk et, punt 43, kif ukoll Lindqvist, punt 88), u d-data personali msemmija mid-Direttiva hija varja. It-tul ta’ żmien taż-żamma ta’ din tal-aħħar, iddefinit fi kliem l-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva skont il-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun ġiet ipproċessata ulterjorment, jista’ għaldaqstant ikun differenti. Meta t-tul ta’ żmien taż-żamma tad-data bażika huwa twil ħafna, l-interess tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet ta’ intervent u ta’ rimedju ġudizzjarju msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza jista’, f’ċerti każijiet, jonqos. Jekk, pereżempju, ir-riċevituri ta’ din id-data huma bosta jew il-frekwenza tal-kommunikazzjonijiet għal numru iktar ristrett ta’ riċevituri hija għolja, l-obbligu li l-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri kif ukoll dwar il-kontenut tad-data kkomunikata tinżamm għall-istess żmien jista’ jirrappreżenta piż eċċessiv għall-kontrollur.

60      Id-Direttiva ma titlobx li l-Istati Membri jimponu tali piżijiet fuq il-kontrollur.

61      B’dan il-mod, l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva jipprovdi b’mod espliċitu eċċezzjoni għall-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jinnotifika lit-terzi li lilhom tkun ġiet ikkomunikata d-data bir-rettifika, tħassir jew imblokk, jiġifieri meta dan ma jkunx jista’ jsir jew meta jkun jitlob sforz spoporzjonat.

62      Skont partijiet oħra tad-Direttiva, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sproporzjonata li ċerti miżuri jista’ jkollhom. Fir-rigward tal-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat, il-premessa 40 tad-Direttiva tipprovdi li n-numru tas-suġġetti tad-data kif ukoll kemm ikollha żmien id-data jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar is-sigurtà tal-ipproċessar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplementa miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni xierqa biex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq fid-dawl tar-riskji ppreżentati mill-ipproċessar u min-natura tad-data li għandha tiġi protetta, b’kunsiderazzjoni tal-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex jiġu implementati.

63      Kunsiderazzjonijiet analogi huma rilevanti fir-rigward tal-istabbiliment ta’ terminu għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri kif ukoll dwar il-kontenut tad-data kkomunikata. Minbarra l-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, diversi parametri jistgħu għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri b’mod partikolari d-dispożizzjonijet tad-dritt nazzjonali applikabbli fir-rigward tat-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors, in-natura ftit jew wisq sensittiva tad-data bażika, it-tul ta’ żmien taż-żamma ta’ din id-data u n-numru tar-riċevituri kkonċernati.

64      Għaldaqstant huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu terminu għaż-żamma tal-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri u l-kontenut tad-data kkomunikata u li għandhom jipprovdu aċċess għal din l-informazzjoni li jikkostitwixxi ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-ħajja privata tiegħu, b’mod partikolari permezz tad-drittijiet għal rettifika, tħassir u imblokk tad-data, fil-każ li l-ipproċessar ta’ din id-data ma jkunx konformi mad-Direttiva, kif ukoll id-drittijiet ta’ oġġezzjoni u ta’ rimedju ġudizzjarju u, min-naħa l-oħra, il-piż li l-obbligu li tinżamm din l-informazzjoni jirrappreżenta għall-kontrollur.

65      Barra minn hekk, fl-istabbiliment ta’ dan it-terminu, għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-obbligi, li jirriżultaw mill-Artikolu 6(e) tad-Direttiva, li jiġi previst li d-data personali għandha tinżamm f’għamla li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal perijodu li ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom tinġabar jew tiġi pproċessata ulterjorment id-data.

66      F’dan il-każ, liġi li tillimita ż-żamma tal-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data u l-kontenut tad-data trażmessa għal perijodu ta’ sena u li tillimita b’mod korrelattiv l-aċċess għal din l-informazzjoni, filwaqt li d-data bażika tinżamm għal ħafna iktar żmien, ma tikkostitwixxix ekwilibriju ġust tal-interess u l-obbligu inkwistjoni, sakemm ma jintweriex li żamma għal iktar żmien ta’ din l-informazzjoni tikkostitwixxi piż eċċessiv għall-kontrollur. Hija madankollu l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti preċedenti.

67      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argument ta’ ċerti Stati Membri, li l-applikazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva tagħmel superfluwu l-għoti għall-imgħoddi ta’ dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri msemmi fl-Artikolu 12(a) tad-Direttiva ma jistax jintlaqa’.

68      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-Artikoli 10 u 11 jimponu obbligi fuq il-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu li jinformaw lis-suġġett tad-data, taħt ċerti kundizzjonijiet, fost l-oħrajn, bir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data. Il-kontrollur tad-data jew ir-rappreżentant tad-data għandhom huma nfushom jikkomunikaw din l-informazzjoni lis-suġġett tad-data, b’mod partikolari fil-mument tal-ġbir tad-data jew, jekk id-data ma tinġabarx direttament minn din il-persuna, waqt ir-reġistrazzjoni tad-data jew, eventwalment, meta din id-data tiġi kkomunikata lil terz.

69      Dawn id-dispożizzjonijiet huma għaldaqstant intiżi sabiex jimponu obbligi distinti minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 12(a) tad-Direttiva. Konsegwentement, huma bl-ebda mod ma jnaqqsu l-obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu li l-kontroll tal-ipproċessar għandu jagħti aċċess lis-suġġett tat-talba għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri kif ukoll dwar id-data kkomunikata meta din il-persuna tiddeċiedi li teżerċita d-dritt ta’ aċċess mogħti lilu skont dan l-Artikolu 12(a). L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jittrasponu, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva dwar l-obbligu ta’ informazzjoni u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva, mingħajr ma l-ewwel dispożizzjonijiet imsemmija jkunu jistgħu jimmitigaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni lok.

70      Għaldaqstant ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:

–        L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għal dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data kif ukoll dwar il-kontenut tal-informazzjoni kkomunikata mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-imgħoddi. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu terminu għaż-żamma ta’ din l-informazzjoni kif ukoll aċċess korrelattiv għaliha li jikkostitwixxu ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-ħajja privata tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ mezzi ta’ intervent u ta’ rimedju ġudizzjarju previsti b’din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-piż li l-obbligu ta’ żamma ta’ din l-informazzjoni jirrappreżenta għall-kontrollur.

–        Liġi li tillimita ż-żamma tal-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data u l-kontenut tad-data trażmessa għal perijodu ta’ sena u li tillimita b’mod korrelattiv l-aċċess għal din l-informazzjoni, filwaqt li d-data bażika tinżamm għal ħafna iktar żmien, ma tikkostitwixxix ekwilibriju ġust tal-interess u l-obbligu inkwistjoni, sakemm ma jintweriex li żamma għal żmien itwal ta’ din l-informazzjoni tikkostitwixxi piż eċċessiv għall-kontrollur. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għal dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data kif ukoll dwar il-kontenut tal-informazzjoni kkomunikata mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-imgħoddi. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu terminu għaż-żamma ta’ din l-informazzjoni kif ukoll aċċess korrelattiv għaliha li jikkostitwixxu ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-ħajja privata tiegħu b’mod partikolari permezz ta’ mezzi ta’ intervent u ta’ rimedju ġudizzjarju previsti bid-Direttiva 95/46 u, min-naħa l-oħra, il-piż li l-obbligu ta’ żamma ta’ din l-informazzjoni jirrappreżenta għall-kontrollur.

Liġi li tillimita ż-żamma tal-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data u l-kontenut tad-data trażmessa għal perijodu ta’ sena u li tillimita b’mod korrelattiv l-aċċess għal din l-informazzjoni, filwaqt li d-data bażika tinżamm għal ħafna iktar żmien, ma tikkostitwixxix ekwilibriju ġust tal-interess u l-obbligu inkwistjoni, sakemm ma jintweriex li żamma għal żmien itwal ta’ din l-informazzjoni tikkostitwixxi piż eċċessiv għall-kontrollur. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.