Language of document : ECLI:EU:T:2005:221

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Ġunju 2005 (*)

"Għajnuniet mogħtija mill-Istat – Rikors għal annullament – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni – Linji gwida tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ħarsien tal-kundizzjonijiet – Natura minima ta’ l-għajnuna"

Fil-kawża T-349/03,

Corsica Ferries France SAS, stabbilita f’Bastia (Franza), irrappreżentata minn S. Rodrigues u C. Scapel, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito u H. van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta mir-

Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u minn S. Ramet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u mis-

Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA, stabbilita f’Marsilja (Franza), irrappreżentata inizjalment minn  H. Tassy, u wara minn  O. d’Ormesson u A. Bouin, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/166/KE, tad-9 ta’ Lulju 2003, dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza kellha l-intenzjoni li tagħti lis-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (ĠU 2004, L 61, p. 13),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President,  V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: M. I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 87 KE:

"1.      Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni."

[...]

3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista' tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni :

[...]

ċ) għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni [...]".

2        It-taqsima 8 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu (ĠU 1997, C 205, p. 5) tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tapplika l-linji gwida dwar ir-ristrutturazzjoni u s-salvataġġ ta’ impriżi f’diffikultà għall-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni ta' kumpanniji marittimi.

3        Skond il-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna ta' l-[I]stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2 iktar ‘il quddiem il-"linji gwida"), li japplikaw mid-9 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni tindika l-kundizzjonijiet meta l-għajnuniet in kwistjoni jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Skond il-punt 3.2.2 ta’ dawn il-linji gwida, dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw in-natura ta’ impriża tal-benefiċjarju li tinsab f’diffikultà, li l-impriża terġa’ tkun vijabbli, li ma jkunx hemm distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni, li l-għajnuna tiġi limitata għal minimu, li jiġu imposti l-kundizzjonijiet u l-obbligi meħtieġa biex il-kompetizzjoni ma’ tiġix mfixxkla b’mod li jmur kontra l-interess komuni u t-twettiq sħiħ ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni.

4        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, p. 7), jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiftħu s-swieq nazzjonali għall-kabotaġġ. Skond l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru, jekk jikkonkludi kuntratti ta’ servizz pubbliku, dan jagħmlu fuq il-bażi li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fir-rigward tas-sidien tal-bastimenti kollha tal-Komunità.

 Fatti li wasslu għall-kawża

1.     Kumpanniji marittimi fil-kwistjoni

5        Ir-rikorrenti hija kumpannija marittima li toffri konnessjonijiet marittimi regolari lejn Korsika bi tluq minn Franza kontinentali (Toulon u Nizza) u mill-Italja (Savona u Livorno).

6        Is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) hija kumpannija marittima li tiggarantixxi l-konnessjonijiet regolari lejn Korsika bi tluq minn Franza kontinentali (Nizza, Toulon u Marsilja) u lejn l-Afrika ta’ Fuq (it-Tuneżija u l-Alġerija) bi tluq minn Franza kontinentali, kif ukoll konnessjonijiet skond l-istaġun, minn April sa Settembru, lejn Sardinja.

7        80% ta' SNCM huwa f'idejn Compagnie générale maritime et financière (CGMF) u l-20% l-oħra f'idejn Société Nationale des Chemins de Fer (SNCF). L-għan tal-kumpannija CGMF, li minnha l-Istat Franċiż idaħħal direttament l-100% tal-kapital, huwa li tagħti l-awtorizzazzjoni għal kull operazzjoni tat-trasport marittimu, attrezzament u kiri ta’ bastimenti u kull forma ta’ parteċipazzjoni u kull tranżazzjoni kummerċjali jew industrijali marbuta, direttament jew indirettament, ma’ dan l-għan..

8        SNCM għandha ishma minoritarji f'Compagnie méridionale de navigation (CMN), kumpannija marittima li taħdem bejn Marsilja u Korsika, li hija kkontrollata mill-grupp Stef-TFE permezz ta' Compagnie méridionale de participation.

2.     Obbligi ta’ servizz pubbliku relatati mal-konnessjonijiet marittimi bejn Franza kontinentali u Korsika

9        Mill-1948, is-servizzi tat-trasport marittimu regolari bejn Franza kontinentali u Korsika huma pprovduti fil-qafas ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku.

10      Sa l-1976 dawn is-servizzi kienu jingħataw f'sistema rregolata parzjalment mil-leġiżlazzjoni Franċiża, li kienet taqa' fl-ambitu ta’ monopolju tal-kabotaġġ għal dawk il-bastimenti li kienu jtajru l-bandiera nazzjonali. F’din is-sistema, l-Istat kien iħallas lill-kumpanniji li kienu jagħtu dan is-servizz sussidju ta' darba biss sabiex jibbilanċja l-kontijiet bħala korrispettiv għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku li jikkonċernaw il-portijiet li għandhom jiġu servuti, ir-regolarità, il-frekwenza, il-kapaċità li jiġi pprovdut is-servizz, in-nolijiet użati u l-ekwipaġġ tal-bastiment.

11      Fl-1976 Franza, flimkien ma' Korsika, iddefiniet mill-ġdid il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' servizz pubbliku tat-trasport marittimu fuq il-bażi tal-prinċipju tal-kontinwità territorjali. Bis-saħħa ta' dan il-prinċipju ġew limitati l-iżvantaġġi li ġġib magħha l-insularità ta' Korsika, waqt li l-ġżira ġiet ipprovduta bil-konnessjonijiet skond kundizzjonijiet simili kemm jista' jkun għal dawk tal-konnessjonijiet kontinentali proprji. Twaqqaf reġim ta' konċessjonijiet, b'serje ta’ speċifikazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku. Barra minn dan, fil-31 ta’ Marzu 1976 ġie konkluż ftehim-qafas ma’ SNCM u ma’ CMN għal 25 sena, li l-iskadenza tiegħu ġiet iffissata għall-31 ta’ Diċembru 2001.

12      Bejn l-1976 u l-1982 il-Gvern Franċiż ħareġ, fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim-qafas, ir-regoli ddettaljati dwar il-konnessjonijiet marittimi.

13      Il-liġi tat-30 ta’ Lulju 1982, li tat statut speċjali lir-reġjun ta’ Korsika, ittrasferiet lill-Assemblea Parlamentari ta’ Korsika l-amministrazzjoni tal-kontinwità territorjali f’qafas kuntrattwali ma’ l-Istat Franċiż. Wara, il-liġi tat-13 ta’ Mejju 1991, dwar l-istatut ta’ l-awtorità lokali ta’ Korsika, tat lill-imsemmija Assemblea kompentenza sħiħa fir-rigward tas-servizzi tal-gżira. Minn dakinhar huwa l’Office des transports de la Corse (OTC) li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-konnessjonijiet.

14      Mill-1991 l-OTC u ż-żewġ kumpanniji konċessjonarji għamlu żewġ kuntratti ta’ ħames snin fuq il-bażi tal-ftehim-qafas. L-ewwel ftehim (iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' l-1991") fisser il-mod kif kellu jitħaddem is-servizz pubbliku għas-snin 1991 sa 1996 u t-tieni (iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' l-1996") dak bejn is-snin 1996 sa l-2001. Kull ftehim imsemmi stabbilixxa r-regoli fundamentali fir-rigward tal-ħlas tas-sussidju ta' darba biss, li jittieħed mill-fondi allokati għall-kontinwità territorjali bħala korrispettiv ta’ l-obbligi li ġew imposti fuq iż-żewġ kumpanniji. L-obbligi ta’ servizz pubbliku, dak iż-żmien, kienu jkopru l-konnessjonijiet kollha lejn Korsika mit-tliet portijiet ta' Franza kontinentali, jiġifieri Nizza, Toulon u Marsilja.

15      Fl-2001, skond ir-Regolament Nru 3577/92, l-awtorità lokali ta' Korsika ħarġet sejħa għal offerti għall-għażla ta' l-operatur inkarigat li, mill-1 ta’ Jannar 2002, jiggarantixxi l-obbligi ta’ servizz pubbliku bejn Franza kontinentali u Korsika fil-qafas ta’ kuntratt ta' ħames snin, u dan għal kumpens finanzjarju. Fid-dawl ta' l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fil-konnessjonijiet li jitilqu minn Toulon u minn Nizza, l-awtorità lokali ta’ Korsika qieset li l-konnessjonijiet li jitilqu minn Marsilja biss kellhom jaqgħu taħt dan l-obbligu ta’ servizz pubbliku.

16      SNCM u CMN rebħu flimkien dan il-kuntratt billi r-rikorrenti kienet irtirat l-kandidatura tagħha.

17      Bis-saħħa ta’ "ftehim ta’ delegazzjoni ta’ servizz pubbliku" (iktar ‘il quddiem il-"ftehim ta’ l-2002") konkluż ma’ l-awtorità lokali ta’ Korsika u l-OTC, SNCM u CMN, bħala delegati għandhom l-obbligu li mill-1 ta’ Jannar 2002, jiggarantixxu l-għoti ta’ servizzi marittimi regolari fuq ir-rotot bejn Marsilja u Korsika, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati obbligi determinati ta’ servizz pubbliku dwar il-frekwenza, il-kapaċità, l-iskeda tal-ħinijiet, in-nolijiet (prezzijiet massimi skond l-istaġun, skontijiet obbligatorji għal ċerti kategoriji ta’ persuni) u l-kwalità tas-servizz. Skond dan il-ftehim, dawn l-obbligi huma sodisfatti billi jingħata kumpens finanzjarju “ta’ referenza” li jonqos kull sena u li l-ammont tiegħu, iddeterminat fuq il-bażi ta’ previżjoni tad-dħul, ikun suġġett għal aġġustament fl-aħħar ta’ kull sena skond id-differenza bejn il-previżjonijiet imsemmijin u d-dħul reali. Skond il-ftehim, l-ammont massimu tal-kumpens finanzjarju għall-perijodu kollu kkonċernat jammonta għal EUR 326.85 miljun għal SNCM u 128.2 miljun għal CMN, jiġifieri total ta’ EUR 455.05 miljun. Il-ftehim ta’ l-2002 jistabbilixxi wkoll li l-kumpens finanzjarju definittiv annwali ta’ kull delegat huwa limitat għal defiċit operattiv fix-xogħol kkawżat mill-obbligi ta’ servizz pubbliku tenut kont ta' rendita raġonevoli tal-kapital nawtiku użat fi proporzjon ma’ l-użu effettiv tiegħu, li huwa ffissat għal 15% tal-valur fis-suq tal-bastimenti, kif imfisser fil-ftehim. Il-ftehim ta’ l-2002 jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2006, ħlief jekk il-partijiet kollha jaqblu li jtemmuh qabel.

 Il-proċedura amministrattiva

1.     Għajnuniet favur SNCM għall-kumpens ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-ftehim ta’ l-1991 u tal-ftehim ta’ l-1996

18      Fit-22 ta’ Diċembru 1998, wara li kienu saru lmenti fir-rigward ta’ l-għajnuniet mogħtija lill-Corsica Marittima, sussidjarja ta' SNCM, għat-trasport tal-passiġġieri bejn Korsika u l-Italja, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta' l-għajnuniet skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) (ĠU 1999, C 62, p. 9). Din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru C-78/98.

19      Fit-28 ta’ Frar 2001, wara li kienu saru lmenti ġodda dwar l-għajnuniet irċevuti minn SNCM biex tkopri l-ispejjeż ta’ l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża li kienet ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta' l-għajnuniet skond l-Artikolu 88(2) KE (ĠU 2001, C 117, p. 9). Din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru C-14/01.

20      Permezz tad-Deċiżjoni 2002/149/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2001, dwar l-għajnuniet ta' l-Istat mogħtija minn Franza lil SNCM (ĠU 2002, L50, p. 66), il-Kummissjoni, filwaqt li għalqet il-proċeduri mibdijin fil-kawżi C-78/98 u C-14/01, qieset li l-għajnuniet li kienu jammontaw għal EUR 787 miljun mogħtija lil SNCM għall-perijodu bejn l-1991 u l-2001, bħala kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku pprovduti għal Korsika bi tluq mit-tliet portijiet ta’ Franza kontinentali, jiġifieri Nizza, Toulon u Marsilja, kienu kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 86(2) KE. Din id-deċiżjoni ma kinitx is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

2.     Għajnuniet għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni favur SNCM

21      Fl-20 ta’ Diċembru 2001 l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bi ħlas bil-quddiem mit-Teżor ta' CGMF lil SNCM għal ammont ta’ EUR 22.5 miljun bħala għajnuna għas-salvataġġ. Din l-għajnuna, li tħallset kienet diġà ġiet parzjalment imħallsa lil SNCM, ġiet irreġistrata bin-numru NN 27/2002 (ex N 849/2001).

22      B’ittra tat-18 ta’ Frar 2002 ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni bi proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur SNCM. L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni proposta tikkonsisti fir-rikapitalizzazzjoni ta’ SNCM, permezz ta’ CGMF, b’ammont ta’ EUR 76 miljun, biex b’hekk il-fondi proprji ta’ SNCM jitilgħu minn EUR 30 miljun għal EUR 106 miljuni. Din l-għajnuna ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni bħala għajnuna nnotifikata bin-numru N 118/2002.

23      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2002, C (2002)2611 finali, il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna għas-salvataġġ favur SNCM fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ eżami ta’ l-għajnuniet previst fl-Artikolu 88(3) KE. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni rrilevat li l-għajnuna nnotifikata kienet tissodisfa l-ħames kriterji stabbiliti għal dak l-iskop mil-linji gwida, partikolarment l-impenn min-naħa ta’ l-Istat Franċiż li jinnotifika pjan ta' ristrutturazzjoni. Din id-deċiżjoni ma kinitx suġġett ta' rikors għal annullament quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza.

24      B’ittra tad-19 ta’ Awwissu 2002, mibgħuta lir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni, wara li rrilevat, fl-aħħar ta’ l-eżami preliminari, li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata qajmet ċerti dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, iddeċidiet li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali skond l-Artikolu 88(2) KE u skond l-Artikoli 4(4) u (6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1, iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali"). L-għajnuna nnotifikata ġiet irreġistrata bin-numru l-ġdid C-58/2002.

25      B’ittra tat-8 ta’ Ottubru mibgħuta fil-15 ta’ Ottubru flimkien ma' l-annessi tagħha, l-awtoritajiet Franċiżi kkommunikaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali.

26      Fil-11 ta’ Diċembru 2002, id-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, akkumpanjata minn sommarju, ġiet ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea (ĠU C 308, p. 29). Il-partijiet interessati kienu mistiedna jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-proġett ta’ għajnuna li kien ġie nnotifikat, fi żmien xahar minn dik il-pubblikazzjoni.

27      B’ittra tat-8 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fir-rigward tad-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mill-grupp Stef‑TFE u minn diversi awtoritajiet lokali. Il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet kollha li kienet irċeviet lir-Repubblika Franċiża u tatha l-possibbiltà li tikkummenta fuqhom.

28      Fl-4 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni, fuq talba tar-rikorrenti, għamlet laqgħa ma' din ta' l-aħħar u matulha ppreżentatilha iktar dokumenti.

29      B’ittra ta' l-10 ta’ Frar 2003 l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-argumenti tagħhom lill-Kummissjoni biex juru li l-proġett ta’ għajnuna kien jirrispetta l-linji gwida u bagħtulha wkoll deskrizzjoni ta’ l-impenji l-ġodda fuq l-iżvilupp tal-persunal u tas-salarji, fuq il-kontroll tal-konsum intermedju u fuq il-politika dwar in-nolijiet ta’ SNCM.

30      B’ittra tat-13 ta’ Frar 2003 l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fuq l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u ta’ Stef-TFE.

31      B’ittra tal-21 ta’ Frar 2003 l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew id-domandi supplimentari magħmula fl-ittra tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Frar 2003.

32      B’faks mibgħuta fis-27 ta’ Mejju 2003 l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fuq id-dokumenti li r-rikorrenti kienet bagħtet lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Frar 2003 u li din kienet reġgħet bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi b’ittra tal-21 ta’ Frar 2003.

33      Fid-9 ta’ Lulju 2003 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/166/KE dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza kellha l-intenzjoni li tagħti lis-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (innotifikata bid-dokument Nru C(2003) 2153) (Test b’rilevanza ŻEE) (ĠU 2004, L 61, p. 13), li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors għal annullament (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

34      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

"Artikolu 1

L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza għandha l-intenzjoni li tagħti lis-[SNMC] hija kompatibbli mas-suq komuni skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5.

Artikolu 2

Mid-data li fiha din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata u sal-31 ta' Diċembru 2006, SNCM m'għandhiex tikseb bastimenti ġodda u lanqas tista' tiffirma kuntratti għall-bini, l-ordni, jew il-kiri ta' bastimenti ġodda jew irrinovati.

Mid-data li fiha din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata u sal-31 ta' Diċembru 2006, SNCM tista’ topera biss il-ħdax-il bastiment li l-impriża SNCM għandha diġà, jiġifieri: Napoléon Bonaparte, Danielle Casanova, Île de Beauté, Corse, Liamone, Aliso, Méditerranée, Pascal Paoli, Paglia Orba, Monte Cinto u Monte d’Oro.

Jekk għal raġunijiet mhux fil-kontroll tagħha SNCM ikollha tibdel wieħed mill-bastimenti tagħha qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza dan it-tibdil fuq il-bażi ta’ notifika mmotivata mibgħuta minn Franza.

Artikolu 3

Il-grupp SNCM għandha titrasferixxi l-ishma diretti u indiretti tagħha fil-kumpanniji li ġejjin:

–        Amadeus France,

–        Compagnie Corse-Méditerranée,

–        kumpannija li tinnegozja fil-proprjetà immobbli rregolata mid-dritt ċivili Schuman,

–        Société Méditerranéenne d’Investissements et de Participations,

–        SOMECA.

Minflok ma titrasferixxi l-ishma tagħha fis-Société Méditerranéenne d’Investissements et de Participations, SNCM tista’ tbiegħ l-uniku assi tal-kumpannija, is-Souther Trader, u tagħlaq din is-sussidjarja.

Il-bejgħ jista’ jsir, skond l-għażla ta’ l-awtoritajiet Franċiżi, b’irkant pubbliku jew permezz ta’ sejħa għall-espressjoni ta’ interess ippubblikata bil-quddiem, li tipprovdi perijodu minimu ta’ xahrejn għal risposta.

Franza għandha tibgħat prova lill-Kummissjoni ta' dawn it-trasferimenti kollha. Il-livell baxx ta’ offerti li tirċievi SNCM ma jistax jintuża bħala raġuni biex ma jsirux it-trasferimenti. Jekk ma jkunx hemm offerti u jekk Franza tista’ ġġib prova li ttieħdu l-miżuri kollha ta' pubbliċità, il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu għandha titqies bħala li ġiet sodisfatta.

Artikolu 4

Għar-rotot kollha lejn Korsika, SNCM għandha, mid-data li fiha din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata u sal-31 ta’ Diċembru 2006, tieqaf milli ssegwi politika ta’ nolijiet fir-rigward tan-nolijiet ippubblikati maħsubin biex joffru nolijiet irħas minn dawk ta’ kull wieħed mill-kompetituri tagħha għal destinazzjonijiet u servizzi ekwivalenti u għall-istess dati.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tibda proċedura ta’ investigazzjoni kull meta ssib li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni ma jkunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari l-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu.

Il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tiġi mħarsa jekk kull jum l-orħos prezzijiet irriklamati minn SNCM huma għola mill-orħos prezzijiet promozzjonali irriklamati minn kull kompetitur tagħha għal destinazzjonijiet u servizzi ekwivalenti.

Il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu ma tapplikax iżjed jekk il-prezzijiet ta' l-imsemmija kompetituri jaqbżu n-nolijiet ta' SNCM li kienu fis-seħħ fis-sena ta' referenza 1996, korretti għall-inflazzjoni.

Qabel it-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni bl-elementi kollha meħtieġa biex turi li din il-kundizzjoni tkun ġiet imħarsa debitament fis-sena kalendarja ta’ qabel fir-rigward tat-traġitti kollha minn u lejn Korsika.

Artikolu 5

Skond l-impenji li daħlu għalihom l-awtoritajiet Franċiżi fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, in-numru fis-sena ta’ vjaġġi bir-ritorn ta’ bastimenti fuq id-diversi rotot tal-baħar minn u lejn Korsika huwa sal-31 ta’ Diċembru 2006 limitat għal-livelli indikati fit-Tabella 3 ta’ din id-deċiżjoni, salv għal raġunijiet eċċezzjonali li SNCM mhijiex reponsabbli għalihom iżda li jobbligawha tittrasferixxi vjaġġi bir-ritorn lejn portijiet oħra, u salv għal kull tibdil magħmul fl-obbligi ta’ servizz pubbliku tal-kumpannija.

Artikolu 6

Franza hija awtorizzata li tirrikapitalizza lil SNCM permezz ta’ l-ewwel ħlas ta’ EUR 66 miljun mid-data li din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata.

Sa l-aħħar tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fuq talba ta' l-awtoritajiet Franċiżi, li tawtorizzaw it-tieni ħlas lil SNCM li jikkorrispondi għad-differenza bejn EUR 10 miljuni li jibqa' u d-dħul mill-bejgħ meħtieġ fl-Artikolu 3, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-artikolu.

Deċiżjoni bħal din tista’ tittieħed biss jekk l-azzjoni meħtieġa fl-Artikolu 3 tkun twettqet, id-dħul mill-bejgħ ma jaqbiżx EUR 10 miljuni u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2, 4 u 5 ikunu tħarsu, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tibda, fejn xieraq, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għan-nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Jekk dan ma jseħħx, it-tieni parti ta’ l-għajnuna m’għandhiex titħallas.

Artikolu 7

Fi żmien sitt xhur mid-data li fiha din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata, Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda sabiex tikkonforma magħha.

[...]"

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Ottubru 2003, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

36      B’att ippreżentat fir-Reġistru fit-3 ta’ Frar 2004, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

37      B’att ippreżentat fir-Reġistru fis-26 ta’ Frar 2004, SNCM talbet li tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

38      B’digriet ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 ir-Repubblika Franċiża tħalliet tintervjeni.

39      B’digriet tat-30 ta’ Marzu 2004 SNCM tħalliet tintervjeni.

40      Fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tgħaddi għall-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu xi domandi bil-miktub. Il-partijiet segwew dawn it-talbiet fit-termini li ngħatawlhom.

41      Fir-risposti tagħhom, il-partijiet informaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza bil-fatt li fit-8 ta’ Settembru 2004 il-Kummissjoni kienet adottat id-Deċiżjoni C (2004) 3359 finali (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004"), li emendat id-deċiżjoni kkontestata. Wara domanda bil-miktub supplimentari tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-partijiet fil-kawża prinċipali ntalbu jieħdu pożizzjoni fir-rigward ta’ kif din id-deċiżjoni tolqot dan ir-rikors.

42      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2004.

43      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–        tikkundanna ‘l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

44      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn SNCM, partijiet intervenjenti, tikkonkludi titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

45      In sostenn għal dan ir-rikors għal annullament ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 235 KE billi d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed. It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE tar-Regolament 659/1999 u tal-linji gwida, billi d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

46      Preliminarjament, jeħtieġ madankollu li jiġi eżaminat kif id-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004 tista' tolqot dan ir-rikors.

1.     Osservazzjoni preliminari dwar kif id-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004 tolqot dan ir-rikors

47      Jeħtieġ jiġi rrilevat li, skond id-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni kkontestata biex tippermetti lil SNCM, kif hija tgħid fil-punt 2 ta’ din id-deċiżjoni l-ġdida, minn naħa, li tibdel il-bastiment Asco mal-bastiment Aliso fil-lista tal-bastimenti li hemm fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-lista tal-bastimenti li SNCM hija awtorizzata tuża matul il-perijodu tar-ristrutturazzjoni u, min-naħa l-oħra, li tbiegħ, fid-dawl tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom biex tbiegħ il-bastiment Asco, kemm dan ta’ l-aħħar kif ukoll il-bastiment Aliso.

48      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta' rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta' elementi ta' fatt u ta' dritt li kienu jeżistu fid-data li fih kien ġie adottat l-att (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 81).

49      Barra minn hekk, f'dan il-każ ma jirriżultax li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004 kellha l-effett li tippriva mill-għan tagħhom lil uħud mill-motivi u l-argumenti magħmulin mir-rikorrenti in sostenn ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, mistoqsijin bil-miktub fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Prim’Istanza, la r-rikorrenti u lanqas il-Kummissjoni ma allegaw effett bħal dan.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ jingħad li d-Deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004 ma tolqot bl-ebda mod dan ir-rikors għal annullament tad-Deċiżjoni kkontestata.

2.     Fuq l-ewwel motiv, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE billi d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed.

51      Permezz ta’dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed għal dak li jirrigwarda n-natura tal-miżura in kwistjoni u n-natura tal-kumpens għal servizz pubbliku ta’ parti ta’ l-għajnuna, it-tneħħija tad-dubji li kkawżaw il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-evalwazzjoni tar-ritorn għall-vijabbiltà, in-natura realistika ta’ l-ipoteżijiet previsti tar-ristrutturazzjoni u d-determinazzjoni ta’ l-ishma mhux strateġiċi.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar is-sinjifikat tal-motiv

52      Ta’ min ifakkar li skond il-ġurisprudenza, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE huwa differenti minn dak ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, waqt li l-ewwel wieħed, li jirriferi għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għall-fatt li ma tkunx ngħatat motivazzjoni biżżejjed, jirreferi għall-ksur tal-forom proċedurali essenzjali, fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja, it-tieni, li jirrigwarda l-legalità fil-mertu ta’ deċiżjoni, jirreferi għal regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattat, fis-sens ta' l-istess Artikoli 230 KE u jista’ jiġi eżaminat biss mill-qorti Komunitarja jekk jiġi mressaq mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni differenti minn dik tal-mertu tal-motivazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35, u tad-29 ta’ April 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, Ġabra p. I‑4461, punt 65; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punt 97).

53      F’dan il-każ għandu jiġi rrilevat li, bl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni, kif jirriżulta espliċitament mit-titolu tal-motiv stess tar-rikors ("Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali: nuqqas ta’ motivazzjoni") u mill-iżviluppi msemmija fih, partikolarment fil-punti 17, 18 u 43 tar-rikors − li jsemmu, rispettivament, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 253 KE u l-ħtieġa li tkun annullata d-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-"legalità esterna" tagħha −, kif ukoll mit-tielet u r-raba’ paragrafu tas-sommarju tar-rikors prodott mir-rikorrenti − li jsemmu l-eżistenza ta’ "nuqqas ta’ motivazzjoni" dwar il-punti msemmija iktar 'il fuq −, li f'ċerti aspetti d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 253 KE.

54      Hemm bżonn jiġi rrilevat li s-sinjifikat mogħti lil dan il-motiv mhux ikkontestat mill-partijiet. Fil-fatt għandu jiġi osservat li, b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar, kif jirriżulta mill-punt 3 tar-replika, li b’dan il-motiv hija takkuża lill-Kummissjoni b'"nuqqas" jew bi "ksur" ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

55      Barra minn hekk, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti hija konxja mid-distinzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li wara li użat l-ewwel motiv biex tqiegħed fid-dubju s-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tat-tieni motiv hija ssostni (intitolat "Ksur tat-Trattat tal-KE u tar-regoli ta’ applikazzjoni: żbalji materjali ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni"), rigward il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3) KE u tal-linji gwida, li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. L-istess distinzjoni tidher fis-sommarju tar-rikors, fejn ir-rikorrenti tindika, fil-punt 3, li "ir-rikors huwa maħsub biex jikseb annullament tad-deċiżjoni kkontestata għall-motiv doppju, li hija vvizzjata b'nuqqas ta’ motivazzjoni u bi żbalji materjali u manifesti ta’ evalwazzjoni". Bl-istess mod, fir-replika, wara li rat l-osservazzjonijiet imressqin mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Franċiża fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tafferma mill-ġdid li hija tikkontesta, minn naħa, ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.

56      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti in sostenn ta’ dan ir-rikors għandu jiftiehem fis-sens li huwa bbażat esklużivament fuq ksur ta’ l-Artikolu 253 KE billi d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed fuq numru determinat ta’ punti, fid-dawl tal-fatt li l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti u intiżi sabiex jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata qed isiru fl-ambitu tat-tieni motiv.

57      Iżda għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, sostnuta f’dan il-punt mir-Repubblika Franċiża, li diversi lmenti u argumenti mressaq mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv huma maħsubin mhux biex juru li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed, imma li hija żbaljata. Meta qed tagħmel dan, bl-iskuża li tikkontesta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti fil-verità qed tikkontesta l-mertu tagħha.

58      Kif iddikjarat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-verifika tal-ħarsien ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni m’hemmx bżonn li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-legalità tal-mertu tal-motivi mressqa mill-Kummissjoni biex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 52, punt 38).

59      Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ motiv li għandu x’jaqsam ma' nuqqas jew insuffiċjenza ta' motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti maħsubin biex jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata m’għandhomx effett u mhumiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 52, punt 97; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 389; tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 425, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punti 1175 u 1176).

60      Min-naħa l-oħra, billi r-rikorrenti kkonfermat espliċitament li l-ewwel motiv kien ibbażat esklużivament fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u mill-fatt li ġie mressaq dan ir-rikors jirriżulta li l-imsemmija rikorrenti kienet taf bid-distinzjoni bejn in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-iżball tal-motivazzjoni stess, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tikkwalifika mill-ġdid l-ilmenti magħmulin fil-kuntest ta’ dan il-motiv intiżi, fil-fatt, li jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-kunsiderazzjoni hija iktar u iktar valida f’każ fejn, bħal dan li qed jiġi eżaminat, ir-rikorrenti tressaq it-tieni motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li fil-kuntest tagħhom uħud mill-ilmenti huma żviluppati mill-ġdid biex il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata jiġi kkontestat.

61      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan il-motiv jeħtieġ li jiġi eżaminat biss jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex motivata biżżejjed. L-ilmenti u l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li huma fil-verità intiżi sabiex jikkontestaw il-mertu ta' l-imsemmija deċiżjoni, għandhom jiġu miċħudin għaliex mhumiex rilevanti.

 Fuq l-ilmenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 Osservazzjonijiet preliminari

62      Jeħtieġ li jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, is-sinjifikat ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi min-natura ta’ l-att partikolari u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, l-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u biex jiġi jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, l-qorti Komunitarja tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta' l-att in kwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 52, punt 63; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 278, u ta’ l-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 119).

63      Il-motivazzjoni m’għandhiex bilfors tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta' dritt rilevanti, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 25 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, imma wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw il-kwistjoni (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 52, punt 36; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 175, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 62, punt 279).

64      B’mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni interessati jqajmu quddiemha, imma biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni. (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punt 31, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 62, punt 280). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li kienu manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 52, punt 64).

65      Meta jiġi applikat fil-konfront ta’ miżura ta’ għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeħtieġ li jiġu indikati r-raġunijiet li minħabba fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li miżura msemmija taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE (sentenza ċċitata iktar 'il fuq, Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, punt 281).

66      Għal dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ għajnuna, mogħtija minn Stat għar-ristrutturazzjoni, ma’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu ta' motivazzjoni huwa sodisfatt ladarba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tindika l-motivi li minħabba fihom hija tikkunsidra li l-għajnuniet huma ġġustifikati fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fil-linji gwida, partikolarment l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, prova sodisfaċenti tal-vijabbiltà fit-tul u l-proporzjonalità ta’ l-għajnuniet tenut kont tal-kontribut tal-benefiċjarju stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 52, punt 37, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 102; ara, għal dak li jirrigwarda suġġetti oħra Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat, sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 62, punt 125).

67      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex motivata biżżejjed f’dan il-każ.

 Fuq in-natura tal-miżura msemmija u fuq in-natura tal-kumpens għal servizz pubbliku ta’ parti mill-għajnuna

68      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku. Hija tafferma li l-Kummissjoni ma informathiex bir-rapport tekniku użat għal dan l-iskop, li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax ir-raġuni għaliex l-allokazzjoni għad-deprezzament ta’ Liamone ttieħdet in kunsiderazzjoni, għalkemm dak il-bastiment ma kienx meħtieġ għall-ħidma tad-delega ta' servizz pubbliku, u li hija ma tippermettix li tiġi ddeterminata l-kwota vera tal-kumpens għal servizz pubbliku fl-ammont totali ta’ l-għajnuna.

69      Qabel kollox jeħtieġ jiġi rrilevat li, fil-punt 259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li, indipendentement mill-ħtieġa li tiġi analizzata l-għajnuna bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-parti ta’ l-għajnuna korrispondenti għal kumpens inqas għal servizz pubbliku għall-perijodu bejn l-1991 u l-2001 kienet kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

70      Jirriżulta li, biex jiġi ddeterminat l-ammont ta' kumpens inqas għal servizz pubbliku, il-Kummissjoni kkalkolat, fil-punti 256 u 257 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tat-telf li għamlet SNCM bejn l-1991 u l-2001 għas-servizzi kollha ta' Korsika suġġetti għall-obbligu ta' servizz pubbliku. F'dan ir-rigward hija tispjega li għall-perijodu bejn l-1991 u l-1999, ibbażat ruħha fuq it-total li rriżulta qabel it-taxxa għas-servizz minn Korsika, kif iddeterminat fir-rapport tekniku użat fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2002/149, wara li naqqset il-qligħ kapitali magħmul mill-bastimenti, filwaqt li, għall-perijodu l-2000 sa l-2001, mhux kopert mill-imsemmi rapport tekniku, hija stess ikkalkolat mill-ġdid, skond il-metodu segwit fid-Deċiżjoni 2002/149, it-total li rriżulta qabel it-taxxa għas-servizz minn Korsika, billi naqqset il-provvedimenti għar-ristutturazzjoni diġà kkalkolati fl-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni nnotifikati, billi ma kienx sar bejgħ ta’ apparat navali matul dawn is-sentejn. Għal dak li jirrigwarda t-telf eventwali ta’ l-2002 fuq is-servizz Marsilja-Korsika, il-Kummissjoni tindika li dan it-telf ma jistax jiġi kkunsidrat, "fid-dawl tal-fatt li, mill-1 ta’ Jannar 2002, in-nolijiet għat-tħaddim tas-servizz ta' Korsika minn Marsilja u l-ammonti tal-kumpens finanzjarju ġew speċifikati bejn l-awtoritajiet pubbliċi u SNCM b'mod kuntrattwali, kontra dak li ġara fil-ftehim ta' l-1991 u tal-1996 ".

71      Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-punt 258 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-total tar-riżultati korretti tal-qligħ kapitali magħmul fuq il-bastimenti mibjugħin matul dan il-perijodu u ta’ l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni jammonta għal EUR 53.48 miljun għall-perijodu kollu bejn l-1991 u l-2001. Is-sintesi tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni jidher fit-tabella 11 tal-punt 257 tad-deċiżjoni kkontestata.

72      Madankollu, fil-punt 260 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni affermat li, billi l-awtoritajiet Franċiżi kienu nnotifikaw għajnuna ta’ ammont iktar għoli, li kien jitla' sa EUR 76 miljun, bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni, u billi l-proċedura għall-investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE kienet ġiet mibdija minħabba f’dan, kien jeħtieġ illi tiġi eżaminata l-għajnuna msemmija fit-totalità tagħha bħala għajnuna ta’ ristrutturazzjoni. Dan l-eżami jidher fil-punti 261 sa 367 tad-deċiżjoni kkontestata.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed għal dak li jirrigwarda l-ħarsien tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 86(2) KE għandu jiġi miċħud bħala li m'għandhomx effett. Billi l-Kummissjoni affermat li kien meħtieġ li ssir evalwazzjoni sħiħa ta’ l-għajnuna ta’ EUR 76 miljun, inkluża l-parti li tikkorrispondi għal kumpens inqas għal servizz pubbliku jiġifieri l-ammont ta’ EUR 53.48 miljun, bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-kuntest ta’ l-eżami msemmi fil-punti 261 sa 367 tad-Deċiżjoni kkontestata, nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-ammont ta’ dan il-kumpens inqas ma’ l-Artikolu 86(2) KE ma jistax jipprovoka, minnu nnifsu, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex din ta’ l-aħħar hija motivata mill-punti dwar il-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

74      Għall-kuntrarju, hemm bżonn li jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti dwar l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku. Fil-fatt fil-punt 327 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni affermat, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tan-natura minima ta’ l-għajnuna fid-dawl tal-linji gwida, li l-parti mill-għajnuna li tikkorrispondi għal kumpens inqas imsemmija kienet meħtieġa għar-ristrutturazzjoni ta’ SNCM. F’dan is-sens, nuqqas eventwali ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal-servizz pubbliku jista’ jaffettwa l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

75      F’dan ir-rigward, madankollu, hemm bżonn li jingħad li l-motivazzjoni li tinsab fil-punti 256 sa 260 tad-deċiżjoni kkontestata, li turi f’daqqa l-kriterji meqjusin mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu użat għal dan l-iskop, hija ta’ natura li tista’ tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata, biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex fondata jew le u biex il-qorti Komunitarja tkun tista' tistħarreġ il-legalità tagħha.

76      L-ebda argument u lment magħmul mir-rikorrenti ma jqiegħdu din il-konklużjoni fid-dubju.

77      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti dwar ir-rapport tekniku min-naħa tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li din l-affermazzjoni mhijiex rilevanti biex tipprova ksur ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni. Fil-fatt, anki jekk dan jiġi stabbilit, tali nuqqas ta' komunikazzjoni ma jistax jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni jew insuffiċjenza ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti tista’, barra minn hekk, tqajjem ksur tad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl, ksur li jirrigwarda mhux il-motivazzjoni, imma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża. Iżda għandu jiġi kkonstatat u dan mhux ikkontestat, li r-rikorrenti ma tqajjimx dan il-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża. Peress li dan il-motiv ma jaqax taħt ksur tal-forom proċedurali sostanzjali huwa m’għandux jitqajjem ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 425, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għalkemm ir-rikorrenti b’din l-affermazzjoni ssostni li ma setgħetx tifhem ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni biex tiddetermina l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-raġunament tal-Kummissjoni fuq dan il-punt jidher b’mod ċar u espliċitu, kif ġie espost iktar 'il fuq fil-punti 256 sa 258 tad-deċiżjoni kkontestata.

79      Għal dak li jirrigwarda l-allegat fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża lilha nnifisha fuq ir-rapport tekniku msemmi għas-snin 2000 u 2001 u l-fatt li l-kontijiet provviżorji użati mill-Kummissjoni għal dawn is-sentejn huma differenti minn dawk definittivi li ġew ippubblikati, dawn huma lmenti li jirrigwardaw il-mertu tal-metodu użat mill-Kummissjoni u li, għalhekk, mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni.

80      Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kunsiderazzjoni ta’ l-allokazzjoni minħabba d-deprezzament tal-Liamone, għalkemm dak il-bastiment ma kienx meħtieġ għall-ħidma tad-delega ta' servizz pubbliku, għandu jiġi rrilevat li din l-affermazzjoni hija bbażata fuq qari ħażin tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mit-tabella 11 tal-punt 257 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx din l-allokazzjoni in kunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku. L-ammont ta’ EUR 14.771 miljun li jikkorrispondi għal dan id-deprezzament huwa fil-fatt imnaqqas mit-telf mill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u mhux miżjud ma’ dawn ta’ l-aħħar. Meta r-rikorrenti ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hija ammettiet espliċitament li l-qari tagħha tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt kien żbaljat. Huwa evidenti li ma jistax isir ilment kontra l-Kummissjoni għax ma mmotivatx raġunament li ma jeżistix fid-deċiżjoni tagħha.

81      Kif tispjega l-Kummissjoni fin-noti tagħha, l-ammont tad-deprezzament tal-Liamone huwa fil-fatt kkunsidrat fl-ispejjeż tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni li kien is-suġġett ta’ l-eżami magħmul fil-punti 261 sa 367, u d-deprezzament eċċezzjonali ta’ dan il-bastiment huwa mniżżel fl-imsemmi pjan, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 126, 144, 302 u 330 tad-deċiżjoni kkontestata.

82      Fil-fażi tar-replika u fis-seduta, ir-rikorrenti mbagħad affermat li b’dan l-ilment, hija fil-fatt riedet tenfasizza li huwa kontradittorju għall-Kummissjoni li tikkunsidra li Liamone kien meħtieġ, qabel l-2002, għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, meta hija stess tammetti li kienet eskludiet l-allokazzjonijiet għad-deprezzament ta’ dan il-bastiment fil-kalkolu ta’ l-ispejjeż żejda mhux ikkumpensati marbutin ma’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku. Billi Liamone ma kienx meħtieġ, fil-fehma tagħha, fit-twettiq ta' l-obbligi ta’ servizz pubbliku, hija tafferma li l-Kummissjoni kienet inġustament ħadet id-deprezzament ta’ dan il-bastiment in kunsiderazzjoni fl-ispejjeż tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

83      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn l-affermazzjonijiet, li jimmodifikaw il-portata ta’ l-ilment kif ifformulat fil-bidu fir-rikors, huma diretti biex iqiegħdu fid-dubju l-mertu ta' l-evalwazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk għandhom jiġu miċħudin bħala li mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

84      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-impossibbiltà li tkun iddeterminata l-parti reali tal-kumpens għal servizz pubbliku fl-ammont totali ta’ l-għajnuna, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni tindika espliċitament, fit-tabella 11 tal-punti 257 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata, li dik il-parti hija ta’ EUR 53.48 miljun, u dan wara li indikat il-kalkolu li għamlet biex waslet għal dan l-ammont fil-punti 256 u 257 ta’ din id-deċiżjoni.

85      Għalkemm f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma mmotivatx il-"livell meħtieġ" tal-kumpens ta’ servizz pubbliku u ma vverifikatx n-natura eventwalment eċċessiva ta’ l-ispejjeż żejda marbutin ma’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, partikolarment ir-raġuni li għaliha 50% tat-telf ta’ SNCM deher fl-2000 u fl-2001, jeħtieġ jiġi rrilevat li, b’dan l-ilment, ir-rikorrenti tipprova tqiegħed fid-dubju l-kalkolu tal-kumpens inqas magħmul mill-Kummissjoni billi dan huwa bbażat fuq l-ammont tat-telf imġarrab minn SNCM. Ilment bħal dan, li huwa intiż li jikkontesta l-mertu tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, mhux rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

86      Barra minn dan, għalkemm dan l-ilment jista’ jinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni qed tiġi akkużata li ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma qajmitx ilment bħal dan, la fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali u lanqas matul il-laqgħa ta’ l-4 ta’ Frar 2003, b’mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma tatx risposta għalih fid-deċiżjoni tagħha.

87      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tesponi, b’mod suffiċjenti skond il-liġi, kemm ir-raġunijiet li għalihom it-telf li ġarrbet SNCM jippermetti, skond il-Kummissjoni, li jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku u kemm ir-raġunijiet ta’ l-eżistenza ta’ dan it-telf.

88      Għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet li għalihom it-telf imġarrab minn SNCM jippermetti li jiġi stabbilit l-ammont ta’ kumpens inqas għal servizz pubbliku, jeħtieġ jiġi rrilevat li, fil-punt 257 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija segwiet, għad-determinazzjoni ta’ dan l-ammont, "l-istess metodu u l-istess motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/149/KE", deċiżjoni li kienet ġiet adottata fl-aħħar ta’ proċedura fejn ir-rikorrenti kienet ipparteċipat bħala parti interessata u li kienet tirrigwarda xi għajnuniet mogħtijin lill-istess impriża, fl-ambitu ta' ftehim dwar l-istess obbligi ta’ servizz pubbliku, fir-rigward ta’ l-istess perijodu, billi l-ftehim ta’ l-1996 kien japplika sa l-aħħar ta’ l-2001.

89      F'dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tar-referenza espliċita li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel għad-Deċiżjoni 2002/149 u tenut kont tal-fatt li din id-deċiżjoni ta' l-aħħar taqa' f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi ammess li d-Deċiżjoni 2002/149 sservi biex tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kwistjoni tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra I‑6079, punti 69 u 70, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 217).

90      Fil-punti 87 sa 105 tad-Deċiżjoni 2002/149 il-Kummissjoni affermat, billi bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet ta’ l-espert tagħha għall-perijodu bejn l-1991 u l-1991, li l-ammont tat-telf hekk iddeterminat kien jirrifletti, b’mod raġonevoli, l-ispiża ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku. Minħabba dan it-telf, minkejja l-ħlas tal-kumpens stabbilit fil-ftehim ta’ l-1991 u l-ftehim ta’ l-1996, f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni stabbiliet li ma kienx hemm kumpens żejjed.

91      Għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet għall-eżistenza tat-telf minn SNCM, għandu jiġi osservat li, kemm fid-deċiżjoni kkontestata (punti 281, 282 u 326) kif ukoll fid-Deċiżjoni 2002/149 (punt 123), li jirriferi għaliha l-punt 257 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li l-kumpens finanzjarju stabbilit fil-ftehim ta’ l-1991 u fil-ftehim ta’ l-1996 ma kienx biżżejjed biex ikopri l-ispiża kollha ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku għaliex, b’mod partikolari, huwa kien relattivament indipendenti mid-dħul. Barra minn dan, fil-punt 282 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-wasla fis-suq tar-rikorrenti fl-1996 kellha effetti negattivi fuq ir-riżultati ta’ SNCM.

92      Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku għandhom jiġu kompletament miċħudin.

 Fuq l-eliminazzjoni tad-dubji li wasslu għall-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

93      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tesponix b’mod adegwat ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni warrbet id-dubji li kienu ġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali għal dak li jirrigwarda r-rabtiet bejn it-telf ta’ SNCM u l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku, l-impatt tal-politika tax-xiri ta’ bastimenti ta’ SNCM fuq il-kontijiet finali tagħha, il-miżuri previsti għaż-żieda fil-produttività ta’ SNCM u l-miżuri għat-tnaqqis ta' konsum intermedju, kif ukoll il-politika tal-ġejjieni tan-nolijiet ta’ SNCM.

94      Għall-finijiet li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi ddeterminata il-portata tad-dubji mqajmin mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, biex imbagħad tivverifika, safejn id-deċiżjoni kkontestata esponiet ir-raġunijiet li għalihom setgħu jiġu mwarrba dawn id-dubji.

95      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda ir-rabtiet bejn it-telf ta’ SNCM u l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qajmet xi dubji dwar li l-fatt jekk SNCM tistax terġa' tkun vijabbli billi d-data analitiċi mogħtijin fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma ppermettewx li jiġu stabbiliti l-kawżi strutturali tat-telf kontinwu ta’ SNCM matul l-aħħar snin. Il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tivverifika li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma kinitx ser isservi biex jiġi bbilanċjat it-telf ta’ amministrazzjoni tal-passat u li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni korrispondenti kien seta' jqiegħed lill-impriża fil-kundizzjoni li tipproduċi l-qligħ fin-negozju. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Kummissjoni enfasizzat, minn naħa, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kienx jindika kif SNCM kienet ser tnaqqas it-telf tagħha fuq il-rotot li għal ċertu żmien kien hemm obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kellu jippermetti li jiġi garantit il-qligħ għall-impriża, anki fil-każ li SNCM ma tieħux, wara l-2006, l-appalt relattiv għall-obbligi ta’ servizz pubbliku fuq il-konnessjonijiet bejn Marsilja u Korsika.

96      Minn dan isegwi li d-dubji mqajmin mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rabtiet bejn it-telf ta’ SNCM u l-obbligi ta’ servizz pubbliku jirrigwardaw żewġ aspetti distinti, jiġifieri, minn naħa, l-adattament ta’ l-għajnuna għall-ispejjeż marbutin ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku bejn l-1991 u l-2001, għaliex l-għajnuna kellha tippermetti lill-impriża tkopri t-telf tal-passat li jiġi biss mit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-ftehim ta’ l-1991 u tal-ftehim ta’ l-1996 u, min-naħa l-oħra, il-kontribut ta’ l-għajnuna għar-ritorn għall-vijabbiltà għall-perijodu bejn l-2002 u l-2006, billi l-għajnuna kellha tippermetti lill-impriża tnaqqas t-telf tagħha fil-ġejjieni fuq ir-rotot li mhumiex jew li mhumiex ser jibqgħu suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku.

97      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-adattament ta’ l-għajnuna għall-ispejjeż marbutin ma’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku bejn l-1991 u l-2001, biżżejjed li jiġi mfakkar, kif diġà ntqal iktar 'il fuq fuq, li r-raġuni li għaliha t-telf li ġarrbet SNCM fil-passat fuq il-konnessjonijiet lejn Korsika, f’dak iż-żmien kollha suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, seta’ jiġi kkunsidrat li jikkorrispondi għall-ispejjeż żejda inkorsi minn SNCM biex jiġu sodisfatti dawk l-obbligi, kienet motivata biżżejjed kemm mid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment mill-punti 256, 257, 281 u 282, u kif ukoll mid-Deċiżjoni 2002/149 li tirriferi għaliha.

98      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tal-punti 281 u 282 tad-deċiżjoni kkontestata, ilmenti li bihom hija tallega li l-għan tal-ftehim ta’ l-2002 ma kienx jikkonsisti fit-tneħħija tat-telf u li l-wasla ta’ kompetitur fl-1996 kienet dovuta għal-liberalizzazzjoni Komunitarja, jirrigwardaw, fil-verità, il-mertu tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u mhux il-motivazzjoni tagħhom. Għalhekk, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħudin bħala irrilevanti.

99      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda t-telf eventwalment imġarrab fil-kuntest tat-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku previsti mill-ftehim ta’ l-2002, id-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed skond il-liġi permess tal-punt 256 ta’ l-istess deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni tippreċiża li dan it-telf ma jistax jiġi kkunsidrat minħabba l-fatt li l-kumpens ġie iffissat b'mod kuntrattwali.

100    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kontribut ta’ l-għajnuna għar-ritorn għall-vijabbiltà għall-perijodu bejn l-2002 u l-2006 hemm bżonn jingħad li fil-punti 263 sa 282 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak affermat mir-rikorrenti, analizzat il-kawżi li wasslu għad-diffikultajiet ta’ SNCM u kkwantifikat l-ispiża li n-nefqiet magħmulin minnhom jirrappreżentaw. B’mod partikolari, fil-punti 270 sa 273, il-Kummissjoni eżaminat, f’dan il-kuntest, ir-razzjonalità tal-politika ta’ xiri ta’ bastimenti ġodda min-naħa ta’ SNCM. Minbarra dan, fil-punti 299 sa 303, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kellu jippermetti li SNCM terġa’ tkun vijabbli, kemm mill-2006 u kif ukoll wara dik id-data. F’dan ir-rigward għandu jingħad li, fil-punti 142 sa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod iddettaljat ir-riżultati finanzjarji prevedibbli skond ix-"xenarju medju" ikkunsidrat, rispettivament għall-perijodu bejn l-2002 u l-2006 u għall-perijodu wara l-2006. Minbarra dan, fil-punt 315 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li SNCM ġiew fuq saqajha permezz tal-bejgħ ta’ erba’ bastimenti. Barra minn hekk, fil-punti 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li affermat ir-rikorrenti, indikat u ddeskriviet l-impenji supplimentari proposti mill-awtoritajiet Franċiżi wara d-deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż ta’ l-akkwist ta’ konsumi intermedji. Fil-punt 114 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat li dawn l-impenji u t-tnaqqis tal-flotta ppermettew li l-ispejjeż ta’ manutenzjoni jinżlu, bejn l-2001 u l-2002, minn EUR 26.9 miljun għal EUR 23 miljun.

101    Minn dawn il-punti kollha jsegwi li l-Kummissjoni esponiet, b'mod suffiċjenti skond il-liġi, ir-raġunijiet għaliex SNCM tkun tista’, fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, tnaqqas t-telf tagħha fil-ġejjieni fuq ir-rotot li mhumiex jew li mhumiex ser jibqgħu suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku.

102    L-ebda argument miġjub mir-rikorrenti mhuwa xieraq biex iqiegħed fid-dubju din il-konklużjoni.

103    Għal dak li jirrigwarda, l-ewwelnett, l-ilmenti rigward l-allegata inkoerenza fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fejn hija tirrileva li l-pjan ta’ ekonomija fl-akkwisti intermedji mhux suffiċjenti (punt 279) jew li l-kontijiet rigward l-2002 mhumiex pożittivi, kontra l-previżjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni (punt 280), għandu jingħad li dawn l-ilmenti għandhom x’jaqsmu mal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata fuq dawn il-punti u mhux fuq il-motivazzjoni tagħha, b’mod li dawn għandhom jiġu miċħudin bħala irrilevanti.

104    Imbagħad, għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni affermazzjoni li l-punt 258 sa 260 tad-deċiżjoni kkontestata ma jurux x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-għajnuna għandha tiġi eżaminata taħt il-profil tal-linji gwida, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li din l-affermazzjoni hija żbaljata, peress li fid-deċiżjoni kkontestata jiġi affermat, fil-punt 260, li l-għajnuna ġiet innotifikata bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni u li l-ammont tagħha jaqbeż il-kumpens inqas għal servizz pubbliku, u, fil-punt 326, jingħad li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tista’ tkopri fl-istess ħin l-ispejjeż tad-diversi azzjonijiet previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni u d-defiċit li kellha l-impriża minħabba t-twettiq tal-ftehim tagħha ta’ servizz pubbliku sa l-aħħar ta’ l-2001.

105    Fl-aħħar, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747), għandu jiġi osservat li, billi dik is-sentenza ġiet wara d-deċiżjoni kkontestata, huwa evidenti li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tesponi l-motivi li għalihom il-kundizzjonijiet previsti minn dik is-sentenza kienu sodisfatti f'dan il-każ partikolari, kif tammetti r-rikorrenti stess.

106    Għal dak li jirrigwarda, it-tieninett, l-impatt tal-politika ta’ akkwist ta’ bastimenti ta’ SNCM fuq il-kontijiet finali tagħhom, biżżejjed jiġi rrilevat li l-ilment tar-rikorrenti, fejn hija tqiegħed fid-dubju dak affermat fil-punt 271 tad-deċiżjoni kkontestata, li SNCM ma kinitx investiet iżżejjed fl-aħħar snin għat-tiġdid tal-flotta tagħha, huwa intiż sabiex jikkontesta l-mertu ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq dan il-punt u tal-metodu adottat għal dak il-għan, billi kkritikatha, b’mod partikolari, li ma kkunsidratx numru determinat ta’ fatturi li r-rikorrenti tqis rilevanti u llimitat lilha nnifisha għal analiżi biss ta’ bilanċ. Ilment bħal dan mhux rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

107    Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad li, kif diġà ġie indikat iktar 'il fuq, il-punti 269 sa 273 tad-deċiżjoni kkontestata jesponu biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom il-politika ta’ xiri ta’ bastimenti ta’ SNCM ma wassalx għal investiment eċċessiv.

108    Għal dak li jirrigwarda, it-tieletnett, il-miżuri maħsubin biex iżidu l-produttività ta’ SNCM u n-nuqqas ta’ miżuri konkreti biex jitnaqqas l-ammont tal-konsumi intermedji għandu jingħad mill-ġdid li, bl-ilmenti tagħha fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tikkontesta l-mertu ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn l-ilmenti huma fil-fatt intiżi sabiex jikkontestaw li d-dubji setgħu jitwarrbu fir-rigward ta' dawn il-punti, billi l-Kummissjoni tirrileva, fil-punti 279 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan "nixtru aħjar" mhux biżżejjed u li r-riżultati fl-2002 ma kinux pożittivi. Dawn l-ilmenti mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

109    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ġie osservat iktar 'il fuq, id-deċiżjoni kkontestata kienet motivata biżżejjed f’dan ir-rigward mill-punti 113, 114 u 279 tagħha.

110    Fl-aħħar u fir-rabanett, rigward il-politika futura tan-nolijiet ta’ SNCM, jerġa’ jingħad li, fir-realtà, r-rikorrenti tikkontesta l-mertu ta' l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti sostanzjalment tgħid li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-politika tan-nolijiet ta’ SNCM qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li hija ma kellhiex l-elementi meħtieġa biex tevalwa l-politika msemmija fl-2003. Dawn l-ilmenti mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv u konsegwentement għandhom jiġu miċħudin.

111    Barra minn hekk, għalkemm l-ilmenti tar-rikorrenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li jakkużaw lill-Kummissjoni li ma weġbitx b’mod speċifiku, fid-deċiżjoni kkontestata, l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-prezzijiet tal-bejgħ tal-biljetti min-naħa ta’ SNCM qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi osservat li, fil-punt 359, il-Kummissjoni tindika espliċitament li l-argumenti mqajmin mir-Repubblika Franċiża f’dan ir-rigward, li jidhru fil-punti 119 sa 123 u 191 sa 203, jippermettu li jitwarrbu dawn l-allegazzjonijiet.

112    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilmenti u l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni ta’ l-eliminazzjoni tad-dubji li ġġustifikaw il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandhom jiġu kompletament miċħuda.

 Fuq il-evalwazzjoni tar-ritorn għall-vijabbiltà

113    Ir-rikorrenti tafferma li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata b'mod sufficienti skond il-liġi għal dak li jikkonċerna r-ritorn għall-vijabbiltà, billi l-Kummissjoni ma ssemmix ir-raġunijiet għaliex hija taċċetta li tikkunsidra, b’deroga mill-prinċipju tal-linji gwida, xi fatturi esterni, jiġifieri t-tkabbir tas-suq tal-Magreb, il-previżjonijiet ta’ kif sejjer is-servizz ta’ Nizza u l-ipoteżi tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-ftehim ta’ l-2002 wara l-2006.

114    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 32 tal-linji gwida, "[i]t-titjib tal-vijabbiltà għandu jkun fuq kollox riżultat tal-miżuri interni previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni" u li "[d]an jista’ jkun ibbażat fuq fatturi esterni, bħall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet jew fid-domanda, li fuqhom l-impriża ma tistax teżerċita xi influwenza kunsiderevoli, meta jkun hemm previżjonijiet tas-suq rikonoxxuti b'mod ġenerali biss". [traduzzjoni mhux uffiċjali – din il-parti tal-linji gwida ma tinsabx fil-verżjoni uffiċjali bil-Malti]

115    F’dan il-każ speċifiku, fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda t-tkabbir tas-suq lejn il-Magreb, jeħtieġ jingħad li, fil-punt 300 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-effett tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni mhuwiex minħabba l-istruttura tas-suq, "ħlief għat-tkabbir tas-suq lejn il-Magreb li jikkorrispondi fuq kollox għal ritorn fil-pożizzjoni li kellha SNCM san-nofs tas-snin 1990". Fil-punti 66 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni affermat, fuq il-bażi ta' l-istudju tas-suq magħmul fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li dan is-suq kellu jirreġistra żieda qawwija. Għalhekk, fid-dawl tal-punt 32 tal-linji gwida, ir-rikorrenti kienet fil-pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li kienu fil-bażi tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 300 tad-deċiżjoni kkontestata. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

116    Barra minn hekk, jingħad li l-istess affermazzjonijiet dwar it-tkabbir tas-suq lejn il-Magreb intqalu wkoll espliċitament fid-deċiżjoni li bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Madankollu, għalkemm fiż-żewġ osservazzjonijiet bil-miktub tat-8 ta’ Jannar 2003 dwar il-bidu ta’ din il-proċedura, ir-rikorrenti sostniet li l-għan tal-kwoti tas-suq segwit minn SNCM kien ambizzjuż fid-dawl tal-kompetizzjoni qawwija tal-kumpanniji nazzjonali u qalet li l-immaġini kummerċjali ta’ SNCM fl-Afrika ta’ Fuq kienet negattiva, hija mkien ma qegħdet fid-dubju l-ipoteżi ta’ tkabbir qawwi permezz ta' l-istudju tas-suq. Din l-attitudini, apparti li tikkonferma l-fatt li l-previżjoni tat-tkabbir ta’ dan is-suq kienet fil-fatt ġeneralment rikonoxxuta fis-sens tal-linji gwida, tiġġustifika wkoll il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx mmotivat b’mod iktar speċifiku dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata fin-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tar-rikorrenti.

117    Fit-tieni lok, dwar iż-żamma tas-servizz Nizza-Korsika, l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma taċċettax, fid-deċiżjoni kkontestata, iż-żamma ta’ dan is-servizz minħabba l-iżvilupp tas-suq imma għar-raġunijiet msemmijin fil-punt 302, jiġifieri li l-importanza ta’ dan is-servizz naqas u d-deprezzament antiċipat ta’ Liamone ser jiffaċilita r-ritorn għal riżultati pożittivi. Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-punt 283 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet f’dan il-kuntest il-preokkupazzjoni tagħha li tevita l-ħolqien ta’ monopolju fil-fatt f’idejn ir-rikorrenti fuq is-servizzi għal Korsika. Għalkemm huwa veru li, fil-punt 316 tad-deċiżjoni kkontestata, punt li r-rikorrenti ma tinvokax, il-Kummissjoni tirrileva t-tkabbir b’saħħtu tas-suq tal-Golf ta’ Ġenova u ta’ Toulon, dan ma tagħmlux madankollu biex tiġġustifika ż-żamma ta’ SNCM f’Nizza billi tibbaża lilha nnifisha fuq fattur estern, imma, għall-kuntrarju, biex tenfasizza l-importanza tal-korrispettiv mogħti lill-kompetituri, li jinkludi, partikolarment, l-irtirar kważi komplet minn Toulon u t-tnaqqis tal-vjaġġi bir-ritorn għal Nizza. Huwa evidenti li fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn timmotiva pożizzjoni li hija ma tieħux.

118    Għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li ma ġewx meħuda in kunsiderazzjoni għażliet differenti miż-żamma jew l-irtirar tas-servizz Nizza-Korsika, jeħtieġ jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Jannar 2003 fuq il-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti ma pproponietx, kuntrarjament għal dak li tgħid fir-replika, l-ebda għażla oħra, imma llimitat ruħha biex tgħid, sostanzjalment, li SNCM ma setgħetx tagħmel qligħ fuq dik ir-rotta. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li timmotiva d-deċiżjoni kkontestata fuq il-fatt li għażliet oħrajn ma ttieħdux in kunsiderazzjoni.

119    Fit-tielet lok, rigward l-ipoteżi li l-ftehim ta’ l-2002 ma jiġix imġedded wara l-2006, biżżejjed jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed f’dan ir-rigward fil-punt 303, fejn il-Kummissjoni tindika li, fir-rigward tal-vijabbiltà fit-tul, "it-twettiq tal-pjan għandu jippermetti lill-impriża li taffronta l-kompetizzjoni b’mod effikaċi meta jkun hemm it-tiġdid tal-kuntratti". Barra minn dan, fil-punt 149 tad-deċiżjoni kkontestata jingħad li "hemm bżonn li jkun magħruf x’ser tkun il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpannija fl-2006 fl-aħħar tal-kuntratt attwali ta’ delega ta’ servizz pubbliku u x’ser ikun il-qligħ tagħha", kunsiderazzjoni li tissemma' wkoll fil-punt 310. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

120    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li jekk wieħed jikkunsidra bħala prematura l-ipoteżi tan-nuqqas ta' tiġdid tal-ftehim dan ikun inkoerenti ma' l-evalwazzjoni tal-vijabbiltà fit-tul, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-ilment, li għandu x’jaqsam mal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

121    Isegwi li l-ilmenti u l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tar-ritorn għall-vijabbiltà għandhom jiġu kompletament miċħuda.

 Fuq in-natura realistika ta’ l-ipoteżijiet ta’ ristrutturazzjoni previsti

122    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni llimitat ruħha, għal dak li jirrigwarda n-natura realistika ta’ l-ipoteżijiet ta’ ristrutturazzjoni, li tikkopja l-linji gwida u li tindika, fil-punt 306 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istudju tas-suq ippreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi kien "bażi tajba biex jiġu stabbilti x-xenarji ta' żvilupp ta’ l-impriża".

123    Iżda, mill-punti 139 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod ċar, li f’dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni esponiet r-raġunijiet li għalihom it-tliet xenarji ta’ l-iżvilupp finanzjarju, jiġifieri dak ottimist u dak pessimist previsti mill-istudju tas-suq u dak medju kkunsidrat fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, imposti fil-punt 33 tal-linji gwida, kienu "bażi tajba" għall-evalwazzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ l-impriża. Għal dak li jirrigwarda x-xenarju ottimist u dak pessimist, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet tagħha fil-punt 139, qabel ma tikkonkludi li dawn l-ipoteżijiet "jidhru għalhekk li ġeneralment jippreżentaw sitwazzjoni li hija tirrappreżenta biżżejjed ta’ l-inviluppi li jistgħu jsiru". Fil-punt 140, il-Kummissjoni żżid tgħid li r-riżultati, skond ix-xenarju pessimist, jistgħu jittejbu permezz ta’ adattament sempliċi min-naħa ta’ SNCM ta’ l-offerta tagħha skond id-domanda matul l-istaġuni. Barra minn dan, fil-punt 141 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li qabblet l-istrutturi ta’ l-indikaturi prinċipali finanzjarji skond it-tliet xenarji possibbli fit-tabella 6, il-Kummissjoni affermat li "dawn is-simulazzjonijiet [kienu] juru li SNCM għandha tibda tagħmel qligħ fit-tliet alternattivi". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

124    Mill-bqija, l-ilmenti tar-rikorrenti jitħalltu ma’ dawk dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà. Fil-fatt skond il-punt 32 tal-linji gwida, biex jiġi evalwat jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jippermettix li jerġa’ jkun hemm il-qligħ dan għandu jkun ibbażat fuq ipoteżijiet realistiċi dwar il-kundizzjonijiet operattivi fil-ġejjieni.

125    F’dan ir-rigward, mill-punti 142 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-iżviluppi previsti mix-xenarju medju kkunsidrat għall-evalwazzjoni tar-ritorn għall-vijabbiltà kienu ġew stabbiliti mill-eżami tad-data kwantitattivi tal-kwistjonijiet li ġejjin: l-orjentament mill-ġdid lejn il-Magreb, il-konnessjoni Nizza-Korsika, il-konnessjoni Marsilja-Korsika u l-istat ta’ dejn li kienet fih SNCM. Barra minn dan, mill-punti 149 sa 152 jirriżulta li l-istudju tas-suq eżamina wkoll l-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-ftehim ta’ servizz pubbliku wara l-2006. Għandu jiġi rrilevat li kull kwistjoni bħal din hija ttrattata b’mod speċifiku fil-punti 300 sa 304 u li, kif jirriżulta diġà mill-eżami ta’ l-ilmenti r-ritorn għall-vijabbiltà, dawn il-punti fihom motivazzjoni biżżejjed tar-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni huwa xieraq biex jiggarantixxi li jerġa’ jkun hemm dan il-qligħ, ukoll lil hinn mill-obbligi ta’ SNCM ta’ servizz pubbliku.

126    Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-argument dwar iż-żieda fil-kapaċità tal-flotta fl-2004 wara l-akkwist ta’ bastiment ġdid min-naħa tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni mhijiex marbuta tirrispondi l-argumenti kollha ta’ fatt u ta' dritt imqajmin matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, la mill-osservazzjonijiet bil-miktub tat-8 ta' Jannar 2003 u lanqas mill-punti 169 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiġbru fil-qosor, mingħajr ma jiġu kkontestati mir-rikorrenti, l-argumenti li hija qajmet matul il-laqgħa ta’ l-4 ta’ Frar 2003, ma jirriżulta li r-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b’xi mod partikolari, għal dan il-punt.

127    Rigward il-fatt li, f’deċiżjonijiet oħra, il-Kummissjoni kienet tkellmet fuq il-validità ta’ l-għajnuniet mogħtija lil kumpanniji marittimi wara analiżi fid-dettall ta’ l-istruttura finanzjarja ta’ l-impriża li tkun qed tibbenefika mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, fid-dawl kemm tal-likwidità tagħha u kif ukoll tal-kapaċità tagħha li tagħmel profitti u l-kapaċitajiet tagħha ta’ finanzjament [per eżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/15/KE, tat-8 ta’ Mejju 2001, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-kumpannija "Bretagne Angleterre Irland" ("BAI" jew "Brittany Ferries") (ĠU 2002, L 12, p. 33)] biżżejjed jiġi rrilevat li l-grad ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li ma tirriferixxix għaliha d-deċiżjoni kkontestata biex issostni l-motivazzjoni tagħha, bl-ebda mod ma jista’ juri, għalkemm ġiet adottata fir-rigward ta' l-istess qasam, li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed u, fi kwalunkwe każ, ma jistax iqiegħed f’dubju l-konklużjoni ta’ qabel, li tistabbilixxi li mill-punti 300 sa 304 jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed fuq il-kwistjoni ta' ritorn għall-vijabbiltà.

128    Fl-aħħar, għalkemm ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li bbażat ruħha, in sostenn tal-konklużjonijiet tagħha dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà, fuq żewġ ipoteżijiet biss abbażi ta' ċifri pprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi, li, barra minn hekk, jidhru li ser jiġu miċħuda mill-fatti, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment, intiż sabiex jikkontesta l-mertu ta' l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt, mhuwiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Dan jgħodd partikolarment għall-argument li għandu x’jaqsam ma' l-allegat nuqqas ta’ verifika tal-likwidità tal-benfiċjarju ta’ l-għajnuna jew in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni taż-żieda ta’ kapaċità tal-flotta li tiġi mix-xiri ta’ bastiment ġdid min-naħa tar-rikorrenti.

129    Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tan-natura realistika ta’ l-ipoteżijiet previsti għandhom jiġu kompletament miċħuda.

 Fuq id-determinazzjoni ta’ l-ishma mhux strateġiċi

130    Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed għal dak li jirrigwarda r-raġuni għaliex is-sehem ta’ SNCM fi CMN jikkostitwixxi sehem strateġiku, u li għalhekk m’għandux jiġi ttrasferit.

131    Iżda, mill-punti 348 sa 354 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fl-imsemmija deċiżjoni l-Kummissjoni esponiet, b’mod iddettaljat, b’risposta għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti u minn Stef-TFE matul il-proċedura amministrattiva, ir-raġunijiet li għalihom ikkunsidrat li dan is-sehem kien essenzjali u ma kellux jiġi ttrasferit. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat f’dan ir-rigward, fil-punti 349 sa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ impriżi pparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, li huma żviluppaw sinerġiji fuq is-servizz ta’ Korsika li marru lil hinn minn dak previst fil-ftehim ta’ l-2002 u li l-flotot ta' CMN u ta’ SNCM kienu kumplimentari. Huwa evidenti li indikazzjonijiet bħal dawn jagħtu biżżejjed motivazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

132    Għal dak li jirrigwarda l-argument dwar in-nuqqas li tiġi kkunsidrata l-valorizzazzjoni ta’ l-ishma ta’ SNCM fi CMN, jekk huwa veru li mill-punt 174 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dak l-argument ġie fformulat waqt laqgħa ta’ l-4 ta’ Frar 2003, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tirrispondi l-argumenti kollha ta’ fatt u ta' dritt mqajmin matul il-proċedura. Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed fuq il-kwistjoni tas-sehem fi CMN fil-punti 348 sa 354. Minbarra dan, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, billi mill-punt 256 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ċar li din qieset l-qligħ kapitali li ma seħħx ma setax jittieħed in kunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-livell tar-riżorsi ta’ SNCM.

133    Mill-bqija, l-argumenti mqajmin mir-rikorrenti biex tisħaq fuq in-natura allegatament kontradittorja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt huma intiżi, fil-verità, sabiex jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħudin bħala irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

134    Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni ta’ l-ammont tad-determinazzjoni ta’ l-ishma mhux strateġiċi għandhom jiġu kompletament miċħuda.

 Konklużjoni fuq l-ewwel motiv

135    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 253 KE u li jsostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed, għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tieni motiv, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-linji gwida fejn jingħad li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

136    B’dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kumpens għal servizz pubbliku ta' parti mill-għajnuna, l-analiżi tal-kawżi li wasslu għad-diffikultajiet finanzjarji ta' SNCM, l-osservanza tal-linji gwida u l-ħtieġa tal-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar l-istħarriġ ġudizzjarju eżeċitat mill-Qorti ta’ Prim’Istanza

137    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 83).

138    L-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat għalhekk għall-verifika tal-ħarsien tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għall-istħarriġ ta’ l-eżattezza materjali fl-evalwazzjoni tal-fatti jew l-użu abbużiv tal-poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 93, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar 'il fuq fil-punt 137, punt 83; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Novembru 1997, Ducros vs Il-Kummissjoni, T‑149/95, Ġabra p. II‑2031, punt 63; tas-6 ta’ Ottubru 1999, Salomon vs Il-Kummissjoni, T‑123/97, Ġabra p. II‑2925, punt 47; Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T‑110/97, Ġabra p. II‑2881, punt 46, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 62, punt 282). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik ta’ l-awtur tad-deċiżjoni (sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 48, punt 79).

139    Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija marbuta mir-regoli u mill-komunikazzjonijiet adottati minnha fir-rigward ta’ l-istħarriġ ta’ l-għajnuniet ta’ l-Istat, safejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u huma aċċettati mill-Istati Membri (sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 138, punt 95; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, u tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑176/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra).

140    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Kummissjoni teżamina għajnuna individwali fid-dawl ta’ dawn il-linji ġwida, li hija kienet adottat qabel, ma jistax jingħad li hija marret lilhinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jew li tirrinunzja għaliha. Fil-fatt, minn naħa, hija jibqgħalha s-setgħa li tħassar jew li timmodifika dawn il-linji gwida jekk iċ-ċirkustanzi hekk jimponu. Min-naħa l-oħra, dawn il-linji gwida jirrigwardaw settur definit u huma motivati mill-intenzjoni li tiġi segwita politika li ġiet iddeterminata minnha (sentenza Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 66, punt 89).

141    F’dan il-kuntest, hija għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika li r-rekwiżiti li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, kif jirriżultaw minn dawn il-linji gwida, ikunu ġew imħarsa (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T‑35/99, Ġabra p. II‑261, punt 77, u Ducros vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 138, punti 61 u 62).

142    Barra minn dan, jeħtieġ li jiġi mfakkar li fl-ambitu ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jeżistu fil-mument meta l-att jiġi adottat. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmulin mill-Kummissjoni m'għandhomx ikunu eżaminati ħlief fid-dawl ta’ dawk l-elementi biss li hija jkollha meta tagħmel dawn l-evalwazzjonijiet (sentenzi Salomon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 138, punt 48, u Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 138, punt 47).

143    Fl-aħħar, l-affermazzjoni waħedha li kundizzjoni jew oħra ta' l-awtorizzazzjoni ta' għajnuna mhux ser tkun irrispettata ma tistax tqiegħed fid-dubju l-legalità stess tad-deċiżjoni msemmija. B'mod ġenerali, il-legalità ta’ att Komunitarju ma tistax tiddependi mill-possibbiltà li eventwalment ma jiġix imħares, u lanqas minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar l-effikaċità tiegħu (sentenzi British Airways et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 48, punt 291, u Salomon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 138, punt 49).

144    Huwa fid-dawl tal-prinċipji imsemmijin iktar 'il fuq li għandu jsir l-eżami ta’ l-ilmenti u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Fuq l-ilmenti dwar il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

145    Dan il-motiv, safejn huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi miċħud minnufih bħala irrilevanti. Dan ir-Regolament fil-fatt jistabbilixxi r-regoli proċedurali li japplikaw għall-eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija minn Stat u bl-ebda mod ma jista' jiġi miksur mill-allegati żbalji ta' fatt u mill-iżbalji manifesti ta' evalwazzjoni attribwiti lill-Kummissjoni, iktar u iktar meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara l-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ġabet l-ebda argument maħsub biex juri li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-Regolament Nru 659/1999 u ma tidentifikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li allegatament ġew miksura mill-imsemmija deċiżjoni.

146    Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss fil-parti fejn jissemma’ l-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u tal-linji gwida.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-kumpens għal servizz pubbliku ta’ parti ta’ l-għajnuna

147    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat ħażin il-parti ta’ l-għajnuna li tikkorrispondi għal kumpens inqas għal servizz pubbliku billi minn naħa, hija kkunsidrat id-deprezzament ta’ Liamone għalkemm dan il-bastiment ma kienx imħaddem taħt l-obbligu ta' servizz pubbliku u, min-naħa l-oħra, hija ma kkunsidratx il-qligħ kapitali potenzjali mill-flotta assenjata għal dawk l-obbligi. Minbarra dan, ir-rikorrenti tenfasizza ż-żieda qawwija tat-telf bejn l-2000 u l-2001.

148    Dawn l-ilmenti għandhom jiġi miċħudin bħala irrilevanti safejn huma intiżi sabiex jistabbilixxu li d-deċiżjoni kkontestata għamlet evalwazzjoni ħażina tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna ma’ l-Artikolu 86(2) KE, billi l-Kummissjoni affermat, fil-punt 260 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeħtieġ jiġi eżaminat it-total ta’ l-għajnuna msemmija ta’ EUR 76 miljun, flimkien mal-parti korrispondenti għal-kumpens inqas għal servizz pubbliku, bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

149    Għall-kuntrarju, jeħtieġ jiġu eżaminati dawn l-ilmenti fil-parti fejn huma intiżi sabiex jikkontestaw id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku tal-Kummissjoni.

150    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda d-deprezzament ta’ Liamone, għandu jiġi rrilevat li l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, biex tikkalkola l-parti ta’ l-għajnuna korrispondenti għall-kumpens inqas għal servizz pubbliku, ma kkunsidratx l-allokazzjoni fir-rigwar ta' l-imsemmi deprezzament, imma għall-kuntrarju, kif jirriżulta b’mod ċar mit-tabella 11 tal-punt 257 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddeduċiet l-ammont ta’ din l-allokazzjoni mill-kalkolu tagħha. Minbarra dan, mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet espliċitament li l-qari tagħha tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt kien żbaljat.

151    Minn dan isegwi li l-ammont ta’ EUR 53.48 miljun kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala li jikkorrispondi għall-ispejjeż mhux ikkumpensati ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku magħmulin minn SNCM fis-servizzi ta’ Korsika bejn l-1991 u l-2001 ma jqisx id-deprezzament tal-Liamone.

152    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-qligħ kapitali potenzjali fuq il-flotta użata għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, ir-rikorrenti tirrileva li l-valur fis-suq ta’ ħames bastimenti taħt l-obbligu ta’ servizz pubbliku sal-31 ta’ Diċembru 2001 huwa aktar mill-valur nett tagħhom fil-kontijiet, b’ammont ta’ EUR 22.2 miljun. Skond ir-rikorrenti, mit-telf imġarrab bejn l-1991 u l-2001 fis-servizz għal Korsika, li jikkorrispondi, skond il-Kummissjoni, għal kumpens inqas għal servizz pubbliku, għandu jitnaqqas għalhekk mill-ammont ta’ dan il-qligħ kapitali.

153    Qabel xejn, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, u dan mhux ikkontestat, li l-allegat qligħ kapitali li ma jidhirx ma tniżżilx fil-kontijiet ta’ SNCM għall-2000 u l-2001, kontijiet li ġew ivverifikati minn awdituri. Kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma hija kontradetta mir-rikorrenti u dak li ġie kkonfermat fis-seduta minn din ta’ l-aħħar, mill-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-kontabbiltà, partikolarment il-prinċipju ta’ prudenza, jirriżulta li impriża, bħala linja ta’ prinċipju, ma tistax tivvaluta mill-ġdid l-ammont ta’ assi tal-bilanċ tagħha għaliex il-valur fis-suq tiegħu jkun għola mill-valur fil-kontijiet. Għall-kuntrarju, skond l-istess prinċipji, impriża għandha tagħraf deprezzament antiċipat ladarba l-valur fis-suq ta’ assi jkun inqas mill-valur fil-kontijiet.

154    Huwa veru li r-rikorrenti ssostni b’mod ġeneriku, fil-kuntest ta’ l-ilmenti l-oħrajn, li l-kontijiet provviżorji li jkunu għand il-Kummissjoni fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienu differenti mill-kontijiet definittivi approvati mill-awdituri, li kienu saru aċċessibbli wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Iżda, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element biex tipprova din l-affermazzjoni u fl-ebda mument ma tindika fhiex tikkonsisti d-differenza bejn il-kontijiet provviżorji u l-kontijiet definittivi vverifikati.

155    Barra minn dan, u fuq kollox, jeħtieġ jiġi rrilevat li, fil-punt 272 tad-deċiżjoni kkontestat, il-Kummissjoni indikat li tnejn mill-ħames bastimenti miksubin qabel l-2002 għall-obbligi ta’ servizz pubbliku kienu ġew ipotekati filwaqt li għat-tliet bastimenti l-oħrajn, il-kumpannija ma sabitx banek li kienu lesti li jaċċettawhom bħala garanzija ipotekarja. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni kkonstatat li: "Il-livell ta’ l-istat ta’ dejn li kienet fih l-kumpannija u d-dgħjufija tagħha sabiex tiffinanzja lilha nnifisha, muri fid-dettall iktar ‘il quddiem u li bil-kemm jippermetti li jiġu mħallsa l-imgħaxijiet fuq id-dejn li jeżisti diġà, mhumiex tali li bank, li jaġixxi bħala kreditur privat u bil-kundizzjonijiet tas-suq, ikun lest li jipproponi self addizzjonali lil SNCM. Ir-riskju għal dak il-kreditur li ma jarax onorati l-iskadenzi tas-self minn SNCM ikun fil-fatt sinjifikattiv minħabba r-riżorsi finanzjarji li jkun ipprovda. Diffikultajiet bħal dawn ma jippermettux lil SNCM li tirrikorri għal operazzjonijiet ta’ lease-back biex tnaqqas id-dejn tagħha. L-esperjenza tal-Kummissjoni fil-kwistjoni ta’ qbid effettiv tal-bastimenti jew ta’ inġenji ta’ l-ajru turi li dan diffiċli li jseħħ fil-prattika meta dawn l-assi ikunu maħsubin għal servizzi ta’ interess nazzjonali jew reġjonali". Għandu jiġi rrilevat li għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet, fil-kuntest ta’ dawn l-ilmenti, hija ma ġġib l-ebda element konkret li tista’ tqegħdom fid-dubju.

156    Fl-aħħar, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li SNCM kellu jkollha l-allegat qligħ kapitali biex jinħeles id-dħul supplimentari tagħha stess u b’hekk jonqos it-telf li jiġi mill-obbligi ta’ servizz pubbliku, dan l-argument għandu jiġi miċħud billi jimplika l-bejgħ ta’ bastimenti użati minn SNCM proprju għall-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha.

157    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jirriżultax li l-Kummissjoni ikkommettiet xi żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-esklużjoni tal-qligħ kapitali li ma jidhirx fuq il-bastimenti użati għall-obbligi ta’ servizz pubbliku mill-kalkolu tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku.

158    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma tirriżulta l-ebda inkoerenza dwar il-metodu segwit fid-Deċiżjoni 2002/149. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 102 ta’ din id-deċiżjoni, f’din ta’ l-aħħar il-Kummissjoni kkunsidrat, biex tikkoreġi l-ammont tat-telf fl-eżerċizzju ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-ammont biss tal-qligħ kapitali li fil-fatt kien hemm fuq tliet bastimenti li kienu nbiegħu matul il-perijodu l-1991 sa l-1999. Għall-kuntrarju, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni qieset ukoll il-qligħ kapitali li ma jidhirx fuq bastimenti oħrajn li fil-fatt ma nbiegħux. Għalhekk, jekk huwa veru li, fid-Deċiżjoni 2002/149, il-Kummissjoni kellha tikkorreġi t-totali fil-kontijiet ta' SNCM fuq is-servizz ta' Korsika billi tattribwilha qligħ kapitali li ma jidhirx fil-kontijiet taħt l-intestatura dwar dan is-servizz, peress li ġie kkunsidrat taħt intestatura oħra, is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija differenti għal kollox, għaliex fiha r-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li meta kkorreġiet il-kontijiet ta’ SNCM ma kinitx ħadet in kunsiderazzjoni l-qligħ kapitali potenzjali mhux imniżżel fil-kontijiet.

159    Fir-rigward tal-fatt enfasizzat mir-rikorrenti li, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, biex jiġu ddeterminati l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni, id-deprezzament ta’ Liamone, biżżejjed jingħad li fatt bħal dan, kif espost iktar 'il fuq, jirriżulta minn applikazzjoni restrittiva tar-regoli tal-kontabbiltà li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti.

160    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-allegata żieda sinjifikanti tat-telf ta’ SNCM bejn l-2000 u l-2001, biżżejjed jiġi rrilevat li mhux talli ma qiegħedx fid-dubju l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 256 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li SNCM ġarrbet telf sostanzjali bejn l-1991 u l-2001 għas-servizzi kollha ta’ Korsika li kienu suġġetti għall-obbligu ta’ servizz pubbliku, imma talli, jekk wieħed jassumi li dan il-fatt huwa korrett, jikkonferma l-imsemmija konstatazzjoni u, għalhekk, bl-ebda mod ma jista’ jqiegħed fid-dubju l-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-parti ta’ l-għajnuna korrispondenti għall-kumpens inqas għas-servizz pubbliku.

161    Għalhekk, l-ilmenti u l-argumenti mqajmin mir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku għandhom jiġu kompletament miċħudin.

 Fuq l-analiżi tal-kawżi li wasslu għad-diffikultajiet finanzjarji ta’ SNCM

162    Ir-rikorrenti ssostni bażikament li d-diffikultajiet ta’ SNCM ma jiġux mir-rabtiet imposti mill-obbligi ta’ servizz pubbliku, imma mill-kapaċità żejda ta' l-offerta tagħha, li ġejja minn politika ta' investiment eċċessiv f'bastimenti ġodda.

163    F’dan ir-rigward jeħtieġ preliminarjament jiġi mfakkar li, skond il-punt 33 tal-linji gwida, "[i]l-pjan tar-ristrutturazzjoni għandu jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li jwasslu għad-diffikultajiet tal-kumpannija, biex b'hekk jipprovdi bażi biex ikun jista' jiġi mkejjel jekk il-miżuri proposti humiex xierqa".

164    Minn dan isegwi li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-analiżi tal-kawżi tad-diffikultajiet ta’ SNCM li hija għamlet fil-punti 263 sa 281 tad-deċiżjoni kkontestata, billi eżaminat, b’mod partikolari, il-politika ta' SNCM dwar ix-xiri ta’ bastimenti, il-piż tas-salarji kollha, ta’ l-akkwisti intermedji u tar-rabtiet tas-servizz pubbliku mhijiex meħtieġa bħala tali, imma biss biex ikun ivverifikat kemm huma xierqa l-miżuri proposti biex jiġi rrimedjati dawn id-diffikultajiet u, għalhekk, biex jiġi ggarantit ir-ritorn għall-vijabbiltà ta’ l-impriża in kwistjoni.

165    Għalhekk f’dan il-każ l-ilmenti mqajmin mir-rikorrenti dwar il-kapaċità żejda ta’ l-offerta ta’ SNCM jistgħu jistabbilixxu difett fid-deċiżjoni kkontestata biss jekk juru li l-miżuri previsti mid-deċiżjoni kkontestata ma kinux biżżejjed biex iwarrbu d-dubji mqajmin mill-Kummissjoni fuq dan il-punt.

166    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li osservat, fil-punt 333, li "t-tnaqqis tal-flotta previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu [...] ikun ekwilibrat fid-dawl tal-politika ta’ xiri ta’ bastimenti segwita minn SNCM fis-snin ta’ qabel", irrilevat, fil-punti 336 sa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien opportun li, mingħajr ma rat l-eżistenza ta’ kapaċità żejda ta’ l-offerta ta’ SNCM jew mingħajr ma kkwantifikatha, timponi fuq SNCM, minbarra l-impenn assunt fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni li tbiegħ erba’ bastimenti, kif jirriżulta fil-punti 97 sa 101 u 315, tliet kundizzjonijiet supplimentari biex tnaqqas il-kapaċità tagħha, jiġifieri t-tnaqqis tal-flotta tal-grupp SNCM għan-numru attwali ta’ bastimenti fl-aħħar tal-bejgħ ta’ l-erba’ bastimenti, il-projbizzjoni li matul ċertu perijodu SNCM iġġedded il-flotta tagħha u t-tnaqqis fin-numru attwali ta’ vjaġġi bir-ritorn fuq diversi konnessjonijiet marittimi bid-destinazzjoni għal Korsika. Skond il-punti 35 u 36 tal-linji gwida, dawn il-kundizzjonijiet jirriflettu l-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni, imfissra fil-punti 311 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li tnaqqas il-konsegwenzi sfavorevoli ta’ l-għajnuna għall-kompetituri billi tiġi limitata l-preżenza ta’ SNCM fis-suq storiku, jiġifieri is-servizz ta’ Korsika.

167    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm b’dawn l-ilmenti r-rikorrenti ssostni li l-offerta SNCM hija eċċessiva, għall-kuntrarju hija ma tispjegax għaliex l-impenn ta’ l-awtoritajiet Franċiżi dwar il-bejgħ ta’ erba’ bastimenti u l-kundizzjonijiet supplimentari imsemmijin iktar 'il fuq, imposti mill-Kummissjoni, ma kinux xierqa biex jirrimedjaw għall-allegata kapaċità żejda.

168    Fid-dawl ta’ dan, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ilmenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt mhumiex rilevanti.

169    Fi kwalunkwe każ, jidher li dawn l-ilmenti huma infondati.

170    Fl-ewwel lok, l-argument magħmul mill-Kummissjoni fil-punt 271 tad-deċiżjoni kkontestata, li SNCM ma kinitx investiet iżżejjed fl-aħħar snin fit-tiġdid tal-flotta tagħha, billi bbażat ruħha fuq l-iżviluppi ta’ l-assi kapitali netti tal-bastimenti u mhux fuq l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ SNCM f’termini ta’ postijiet offerti, għandu jiġi miċħud.

171    Fil-fatt, permezz ta' l-eżami ta’ l-istruttura ta’ l-assi kapitali netti tal-bastimenti, il-Kummissjoni ma riditx tivverifika in-natura ta’ kapaċità żejda ta’ l-offerta ta’ SNCM, imma, kif jirriżulta espliċitament fil-punt 270 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt III 2 tad-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, riedet tivverifika r-razzjonalità tad-deċiżjonijiet ta’ xiri tal-kumpannija biex taċċerta ruħha li t-telf fil-passat ma ġiex minn fatturi oħrajn għajr il-piż ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku bejn l-1991 u l-2001. Għalhekk, wara li eżaminat l-istruttura ta’ l-investimenti netti ta’ bastimenti ta’ SNCM u wara li rat li SNCM ma kinitx għamlet investiment żejjed, il-Kummissjoni eżaminat, fil-punt 272 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istat ta’ dejn li SNCM kienet fih minħabba x-xiri ta' l-imsemmija bastimenti.

172    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

173    F’kull każ, għandu jingħad li l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti dwar l-iżvilupp tal-kapaċità tal-bastimenti f'termini ta' postijiet tikkontradixxi t-teżi tagħha stess, għaliex jirriżulta b’mod ċar minnha, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li din il-kapaċità naqset, wara li tqis il-bejgħ ta’ erba’ bastimenti wara t-tiġdid u x-xiri ta’ tliet bastimenti oħra. F’dan ir-rigward, l-argument imqajjem fir-replika, li l-kapaċità medja rrappreżentata mit-tliet bastimenti ġodda f’termini ta’ postijiet hija għola minn dik tal-flotta antika, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti, għaliex il-kapaċità medja msemmija hija biss figura teoretika li bl-ebda mod ma tikkorrispondi għall-kapaċità reali offruta mill-bastimenti ta’ SNCM.

174    Fir-rigward ta' l-argument li dan it-tnaqqis ta’ postijiet mhux proporzjonat għat-tnaqqis tat-traffiku li sofriet SNCM u kien meħtieġ iktar fid-dawl ta' l-allegata waqgħa fid-dħul mill-bejgħ ta’ SNCM, għat-tnaqqis tal-piż ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku u għaż-żieda fin-numru ta’ traġitti magħmulin mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li dan huwa irrilevanti peress li huwa proprju għal dawn ir-raġunijiet li l-Kummissjoni ħasset li huwa meħtieġ, mingħajr ma rrilevat l-eżistenza ta’ kapaċità żejda fl-offerta ta’ SNCM jew li tikkwantifikaha, li tnaqqas il-kapaċità offerta minn SNCM bl-impożizzjoni ta’ diversi kundizzjonijiet. Għandu jiġi rrilevat mill-ġdid li, jekk ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkonstatatx in-natura ta’ kapaċità żejda ta’ l-offerta SNCM, hija ma tikkontestax ir-rimedji li l-Kummissjoni offriet bħala korrispettiv favur il-kompetituri.

175    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li wriet il-kapaċità żejda fl-offerta ta’ SNCM billi tinvoka l-fatt li l-bastiment Pascal Paoli, li ħadem fuq ir-rotta Marsilja-Bastia, joffri iktar postijiet minn dawk previsti fil-ftehim ta’ l-2002. Fil-fatt, fl-Anness I ta’ dan il-ftehim jirriżulta ċar li dan jipprovdi għal numru minimu ta’ postijiet biex jiggarantixxi servizz minimu msejjaħ "bażiku". Il-Kummissjoni rrilevat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li Pascal Paoli kellu numru assolutament identiku ta’ kabini għall-obbligu ta’ servizz pubbliku.

176    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-argument li t-telf ta’ SNCM żdied fl-2000 u fl-2001, jiġifieri proprju fis-snin tal-konsenja ta’ Liamone u l-ordni għal Danielle Casanova, biżżejjed jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma forniet l-ebda element konkret li juri l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dawn iċ-ċirkustanzi ta’ l-aħħar u ż-żieda fit-telf ta’ SNCM.

177    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ilmenti dwar l-analiżi tal-kawżi tad-diffikultajiet ta’ SNCM għandhom jiġu kompletament miċħuda.

 Fuq il-ħarsien tal-linji gwida

178    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet imsemmijin fil-linji gwida għal dak li jirrigwarda n-natura ta’ impriża tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna li tinsab f’diffikultà, l-evalwazzjoni tar-ritorn għall-vijabbiltà, il-prevenzjoni ta' distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni u t-tnaqqis ta’ l-għajnuna għall-minimu.

179    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li b’dawn l-ilmenti, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tinvoka l-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-kundizzjonijiet indikati fil-linji gwida dwar l-erba’ punti msemmijin iktar 'il fuq, mingħajr ma tqajjem l-illegalità ta’ dawn il-linji gwida fid-dawl ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

180    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-eżami ta’ dawn l-ilmenti għandu jkun limitat għall-verifika il-ħarsien, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-linji gwida tagħha stess u ma jistax jestendi għal-legalità ta’ dawn il-kundizzjonijiet fid-dawl tat-Trattat tal-KE. Fin-nuqqas ta’ argument mqajjem mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, kwistjoni bħal din ma tifformax parti mill-motivi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ u għandha teżamina ex officio (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 52, punt 67).

181    L-ilmenti u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti biex turi li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-linji gwida għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ din l-osservazzjoni preliminari. 

–       Fuq in-natura ta’ l-impriża ta’ SNCM li tinsab f’diffikultà

182    Ir-rikorrenti, essenzjalment, takkuża lill-Kummissjoni li kienet ikkonstatat li SNCM kienet impriża f’diffikultà minħabba t-telf tal-kapital reġistrat tagħha, billi bbażat lilha nnifisha fuq il-valur nett fil-kontijiet ta’ l-assi mingħajr ma qieset il-possibbiltà li uħud minnhom jiġu investiti b’mod produttiv.

183    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, jekk ma teżistix definizzjoni Komunitarja ta’ impriża f’diffikultà, il-Kummissjoni tirritjeni, fil-punt 4 tal-linji gwida, li impriża hija f’diffikultà "fejn din ma tkunx tista', permezz tar-ri[ż]orsi tagħha jew permezz ta' fondi li tista' takkwista mingħand sidha/azzjonisti jew kredituri tagħha, tagħmel tajjeb għal telf li, mingħajr għajnuna esterna mill-awtoritajiet pubbliċi, kważi ċertament se jwassluha biex tfalli malajr jew dalwaqt".

184    Skond il-punt 5(a) tal-linji gwida, il-Kummissjoni tafferma li, "[b]’mod partikolari, ditta hi konsidrata, f'kull ċirkostanza u irrispettivament mid-daqs tagħha, li qiegħda f'diffikultà għall-iskop ta' dawn il-Linji Gwida […] f'każ ta' kumpanniji b'responsabbiltà limitata, fejn aktar minn nofs il-kapital reġistrat ma għa[d]ux accessibili u aktar minn kwart tal-kapital intilef fit-12-il xahar ta' qabel". Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tgħid dan li ġej, fil-punt 6 tal-linji gwida:

"Is-sinjali tas-soltu li jindikaw li ditta hi f'diffikultà huma telf dejjem jiżdied, qligħ li qiegħed jonqos, inventarji b'materjal dejjem jiżdied, kapaċità eċċessiva, nuqqas fid-dħul tal-flus kontanti, dejn jiżdied, rati ta' interess li qegħdin jiżdiedu u valur nett li qiegħed jonqos jew spiċċa […] F'kull ċirkostanza, ditta f'diffikultà hi eliġibbli biss fejn, b'mod li jista' jkun ippruvat, hi ma tistax tirkupra permezz tar-risorsi tagħha jew permezz ta' fondi li tista' takkwista mingħand is-sidien/azzjonisti jew kredituri tagħha."

185    Minn dan isegwi li, għalkemm, skond il-linji gwida, impriża hija "f'kull ċirkostanza" kkunsidrata f’diffikultà jekk tkun tilfet parti sostanzjali tal-kapital reġistrat tagħha, xejn ma jimpedixxi lil impriża milli turi b’indikazzjonijiet oħrajn, bħal dawk elenkati iktar 'il fuq, li qiegħda f’diffikultajiet finanzjarji skond il-linji gwida, ukoll jekk ma tkunx tilfet parti importanti tal-kapital reġistrat tagħha.

186    F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni qieset li SNCM issodisfat fl-istess ħin il-kundizzjoni prevista fil-punt 5(a) tal-linji gwida u dik prevista fil-punt 6 tagħhom. B’hekk, wara li kkonstatat, fil-punt 291 tad-deċiżjoni kkontestata, li SNCM kienet tilfet iktar min-nofs il-kapital reġistrat tagħha, li iktar minn kwart minnu kien sparixxa matul l-aħħar sena, hija rrilevat, fil-punti 292 sa 294 tad-deċiżjoni kkontestata, li indikazzjonijiet oħrajn urew li SNCM kienet impriża f’diffikultà skond il-linji gwida. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni rrilevat iż-żieda fit-telf, it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ, iż-żieda fid-djun finanzjarji, iż-żieda fil-piż finanzjarju, it-tnaqqis fil-fondi tagħha, id-dgħjufija fil-fondi tagħha fid-dawl tad-daqs tagħha, il-bżonn ta’ finanzjament u l-attiv marbut nett ta’ l-impriża, kif ukoll id-dgħjufija fil-likwidità tagħha. Wara, fil-punt 295 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-awtoritajiet Franċiżi kienu kkonfermawlha li l-banek irrifjutaw li jisilfu flus lil SNCM minħabba d-djun tagħha, għalkemm SNCM kienet ipproponiet ukoll li ġġib bħala garanzija l-aħħar bastimenti tagħha ħielsa minn ipoteki jew piżijiet oħra simili.

187    Għandu jingħad li, għalkemm b’dawn l-ilmenti r-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(a) tal-linji gwida hija sodisfatta, għall-kuntrarju, hija fil-fatt ma tikkontestax dawn l-aħħar affemazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

188    Barra minn hekk, ir-rikorrenti l-iktar tissuġġerixxi, qabel kollox, li l-bilanċ ta’ SNCM għas-sena 2002 ma kienx ivverifikat mill-awdituri. Mandankollu, għandu jiġi rrilevat li din l-affermazzjoni mhija ppruvata minn ebda element konkret.

189    Fejn, permezz ta' dan l-ilment, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bbażat ruħha fuq kontijiet provviżorji, fatt li mhuwiex ikkontestat u li huwa msemmija espliċitament fil-punti 17 u 293 tad-deċiżjoni kkontestata, biżżejjed jingħad li r-rikorrenti ma ġġib l-ebda element biex turi li l-kontijiet definittivi huma differenti minn dawk provviżorji.

190    Għalhekk, l-argumenti manifestament infondati dwar il-kontijiet annwali ta’ SNCM għandhom jiġu miċħuda minnufih.

191    Barra minn dan, għal dak li jirrigwarda partikolarment l-indikazzjonijiet fil-punti 293 u 294 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tikkontesta l-unika analiżi magħmula mill-Kummissjoni fuq il-kapaċità ta’ SNCM li tiffinanzja lilha nnifisha. Madankollu, għandu jiġi ammess li l-indikazzjonijiet l-oħrajn imsemmijin fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment il-livell ta’ telf u tad-djun finanzjarji, weħidhom juru biżżejjed in-natura ta’ impriża f’diffikultà ta’ SNCM. Huwa veru li, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-interventi, ir-rikorrenti tikkontesta għall-ewwel darba l-livell tad-dejn ta’ SNCM, imma mingħajr ma tindika madankollu kif l-iżball imsemmi jista’ jimmodifika l-analiżi tal-Kummissjoni fuq in-natura ta’ l-impriża f’diffikultà ta’ SNCM. Ir-rikorrenti stess enfasizzat bil-qawwa diversi drabi fin-noti tagħha ż-żieda sinjifikanti tad-djun ta’ SNCM bejn l-2000 u l-2001 wara investiment allegatament żejjed fil-bastimenti.

192    Fi kwalunkwe każ, dawn l-indikazzjonijiet ma jistgħux jitqegħdu fid-dubju mill-fatt, mqajjem għall-ewwel darba fil-kontroreplika, li SNCM kienet għamlet ġlieda fir-rigward tan-nolijiet. Dan l-aġir mhux inkompatibbli ma’ l-eżistenza ta’ diffikultajiet finanzjarji. Għall-kuntrarju, il-fatt li SNCM kellha prezzijiet baxxi ħafna, eventwalment inqas mill-ispejjeż tagħha, isaħħaħ in-natura tagħha ta’ impriża f’diffikultà, billi aġir bħal dan iwassal biex jipprovoka telf finanzjarju. Min-naħa l-oħra, il-fatt, imsemmi wkoll fil-kontroreplika, li SNCM kienet qabbdet direttur ġenerali ġdid fl-2003, ma jistax ikun ikkunsidrat biex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, billi dan ġara wara l-adozzjoni ta’ din ta’ l-aħħar.

193    Fl-aħħar, rigward l-argument li, kuntrarjament għal dak li rrilevat il-Kummissjoni fil-punt 295 tad-deċiżjoni kkontestata, xi bastimenti setgħu ġew investiti u setgħu jservu ta’ garanzija mal-banek, biżżejjed jingħad li dan mhuwa sostnut bl-ebda element konkret. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-interventi, ir-rikorrenti tirrileva l-iktar li skond in-nota ta’ l-intervent ta’ SNCM, din il-kumpannija kisbet self ta’ EUR 22.5 miljun fl-aħħar ta’ l-2001 u setgħet tikseb kreditu għal żmien qasir ta’ EUR 40 miljun fl-2002. Iżda, wara mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt, SNCM spjegat fis-seduta li dan is-"self" fil-fatt kien jirriferi għal linja ta’ kreditu eżistenti li kienet ġiet eżawrita għal kollox fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestax din l-ispjegazzjoni li, madankollu, hija kkonfermata fil-punt 272 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tafferma li, fid-dawl ta’ l-istat ta’ dejn ta’ SNCM u d-dgħjufija li tiffinanzja lilha nnifisha, l-ebda bank li jaġixxi bħala kreditur privat u bil-kundizzjonijiet tas-suq mhuwa dispost li jipproponi li jagħti kreditu "supplimentari" lil SNCM. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li SNCM kienet kisbet jew setgħet tikseb krediti mill-banek fl-2002 ma jqiegħedx fid-dubju l-fatt li, fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet kkunsidrat li l-banek kienu qed jirrifjutaw li jagħtu xi self ġdid lil SNCM. Fid-dawl ta’ dan, l-affermazzjoni fil-punt 295 tad-deċiżjoni kkontestata, li tidher ukoll sostanzjalment fil-punt 272 tagħha, għandha tiġi kkunsidrata ppruvata.

194    Minn dan jirriżulta li n-natura ta’ impriża f’diffikultà ta’ SNCM skond il-linji gwida hija ppruvata b'mod suffiċjenti skond il-liġi mill-indikazzjonijiet imsemmijin fil-punti 293 sa 294 tad-deċiżjoni kkontestata.

195    Għaldaqstant, l-ilmenti mqajmin mir-rikorrenti biex tqiegħed fid-dubju l-kontestazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-telf tal-kapital reġistrat ta’ SNCM huma irrilevanti.

196    Fi kwalunkwe każ, f’dan ir-rigward għandu jingħad li għalkemm ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kienet issottovalutat l-assi ta' SNCM bl-adozzjoni ta metodu ta’ kontabbiltà bbażat biss fuq il-valur nett ta' l-assi mingħajr ma qieset il-valur fis-suq tagħhom fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu investiti xi wħud minnhom, hija ma tgħidx b’liema mod il-kunsiderazzjoni tal-valur fis-suq ta’ dawn l-assi setgħet wasslet għal konklużjoni sostanzjalment differenti minn dik tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li, kuntrarjament għal dak li ntqal f’din ta’ l-aħħar, SNCM ma tkunx tilfet nofs il-kapital tagħha u kwart ta’ dak il-kapital ma jkunx sparixxa matul l-aħħar sena. Għall-kuntrarju, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-interventi r-rikorrenti stess tammetti t-telf ta’ kwart tal-kapital soċjali matul l-aħħar tnax-il xahar. Bl-istess mod, jekk, kif diġà ġie indikat iktar 'il fuq, ir-rikorrenti tafferma li xi bastimenti ġew investiti u jistgħu jservu ta’ garanzija mal-banek, hija ma tagħti l-ebda ċifra minima jew element konkret biex issostni t-teżi tagħha, ħlief għall-informazzjoni mogħtija minn SNCM stess, li, kif intqal iktar 'il fuq fil-punt 193, mhijiex tali li tikkontradixxi l-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

197    Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar it-telf tal-kapital reġistrat ta' SNCM mhumiex rilevanti u huma infondati fil-fatt.

198    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ilmenti u l-argumenti mressaq mir-rikorrenti dwar in-natura ta’ impriża f’diffikultà ta’ SNCM għandhom jiġu miċħuda.  

–       Fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà

199    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma pprevedietx għażla intermedja bejn li tkompli l-attività ta’ SNCM minħabba l-għoti ta’ l-għajnuna u l-għibien ta’ din l-impriża fin-nuqqas ta’l-għoti ta’ l-għajnuna.

200    Għandu jiġi rrilevat neċessarjament li dawn l-ilmenti jiġu minn qari ħażin tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif issostni tajjeb il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma laqgħet l-ebda soluzzjoni estrema msemmija mir-rikorrenti, imma għażlet, skond it-teżi sostnuta mir-rikorrenti, soluzzjoni intermedjarja.

201    Għalhekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skond il-punti 300 sa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, SNCM kienet obbligata, sabiex tiggarantixxi r-ritorn għall-vijabbiltà, minn naħa, li torjenta l-attivitajiet tagħha lejn il-Magreb minħabba l-prospetti tat-tkabbir ta’ dan is-suq u, min-naħa l-oħra, li tabbanduna l-attivitajiet li, ukoll wara r-ristrutturazzjoni, kienu jibqgħu strutturalment dgħajfin, partikolarment il-konnessjoni bejn l-Italja u Korsika pprovduta minn Corsica Marittima.

202    Barra minn dan, fil-punti 315 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, biex ma jkunx hemm distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni minbarra l-għeluq tal-konnessjoni bejn l-Italja u Korsika, il-Kummissjoni obbligat lil SNCM tnaqqas in-numru ta’ vjaġġi bir-ritorn kull sena mill-2003, partikolarment fis-servizz bejn Nizza u Korsika, kif ukoll il-bejgħ ta’ erba’ bastimenti. Barra minn dan, il-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ, biex jiġi evitat li SNCM tuża likwidità eċċessiva għal attivitajiet aggressivi, li jistgħu jikkawżaw distorsjoni fis-suq, li ma titħalliex tiffinanzja investimenti ġodda, ħlief għall-ispejjeż relatati ma' l-attivitajiet lejn il-Magreb, anki biex tibdel bastimenti eżistenti.

203    Fl-aħħar, biex jiġi ppreżervat l-interess komuni, il-Kummissjoni imponiet ukoll fuq SNCM, fil-punti 331 sa 367 tad-deċiżjoni kkontestata, sensiela ta’ miżuri intiżi sabiex jillimitaw il-kapaċitajiet tagħha u biex ma jħalluhiex tadotta politika aggressiva dwar in-nolijiet. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni imponiet, minbarra l-miżuri msemmijin iktar 'il fuq dwar vjaġġi bir-ritorn u investiment, it-tnaqqis tal-flotta ta’ SNCM għan-numru attwali ta’ bastimenti fl-aħħar tal-bejgħ ta’ l-erba’ bastimenti, il-bejgħ ta’ ishma mhux strateġiċi u l-projbizzjoni li ma jiġix adottat aġir ta’ "price leader", kundizzjonijiet li jerġgħu jissemmew fl-Artikoli 2 u 5 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata.

204    Għalhekk isegwi li, il-Kummissjoni mhux talli ma kinitx awtorizzat lil SNCM biex tkompli l-attivitajiet tagħha eżistenti bl-għoti ta’ l-imsemmija għajnuna, imma talli, għall-kuntrarju, adottat deċiżjoni li obbligat lil SNCM, biex tkun tista’ tibbenefika minn din l-għajnuna, tibdel b’mod sostanzjali parti mill-attivitajiet tagħha. Minħabba dan, l-ilmenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandhom jiġu miċħuda.

205    Safejn, permezz ta’dawn l-ilmenti, ir-rikorrenti trid, b’mod partikolari, bl-iskuża ta’ kritika ġenerika ta’ l-eżami tar-ritorn għall-vijabbiltà, tikkritika ż-żamma tal-preżenza ta’ SNCM fil-konnessjoni bejn Nizza u Korsika, konnessjoni li fiha hija stess hija attiva f’kompetizzjoni diretta ma’ SNCM, għandu jiġi osservat li, għalkemm fir-rikors tagħha r-rikorrenti tidher li qed tikkritika lill-Kummissjoni li ma obbligatx lil SNCM sabiex tirtira għal kollox mill-konnessjoni bejn Nizza u Korsika, fir-replika ssostni, b’mod iktar sottili, li l-Kummissjoni kien messha obbligat lil SNCM tnaqqas il-preżenza tagħha f’din il-konnessjoni.

206    Fl-ewwel lok, safejn ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata għaliex il-Kummissjoni kien messha imponiet fuq SNCM tnaqqis tal-preżenza tagħha fil-konnessjoni bejn Nizza u Korsika, biżżejjed jiġi rrilevat li kritika bħal din tiġi minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex kif jirriżulta minn dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni imponiet fuq SNCM miżuri intiżi sabiex inaqqsu l-preżenza tagħha fuq din ir-rotta taħt forma ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-vjaġġi bir-ritorn. F’dan ir-rigward, mhux rilevanti li l-kundizzjoni imposta mill-Kummissjoni tiġi analizzata bħala tnaqqis fil-konnessjonijiet ta’ kull sena iktar milli bħala tnaqqis tat-traffiku, billi fi kwalunkwe każ ikun hemm limitazzjoni fl-attivitajiet ta’ SNCM minn Nizza. Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti fuq dan il-punt huwa infondat fir-rigward tal-fatti.

207    Fit-tieni lok, safejn ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata meta tgħid li l-Kummissjoni kien messha imponiet fuq SNCM l-obbligu li tirtira għal kollox mill-konnessjoni bejn Nizza u Korsika, għandu jiġi mfakkar li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni spjegat, fil-punt 302 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa, jekk l-attività bi tluq minn Nizza baqgħet inċerta, l-importanza tagħha naqqset u d-deprezzament antiċipat ta' Liamone fl-2001 kien jiffaċilita r-ritorn għal riżultati pożittivi fuq din ir-rotta, u min-naħa l-oħra, li preżenza, anki jekk imnaqqsa, bi tluq minn Nizza baqgħet meħtieġa għall-pożizzjoni tal-kumpannija fis-suq kollu. Barra minn dan, fil-punt 338 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-fatt li ma imponietx miżuri iktar drastiċi fir-rigward ta' kapaċitajiet bħal dawk imsemmijin iktar 'il fuq, b’mod partikolari, għall-prospetti tat-tkabbir tat-traffiku lejn Korsika u għar-riskju li jwassal għal sitwazzjoni ta’ monopolju għall-benefiċċju tal-kompetitur dirett tagħha fuq ir-rotot bejn Franza kontinentali u Korsika.

208    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-motiv spjegat fil-punt 302 tad-deċiżjoni kkontestata jiġifieri li l-piż ta’ l-attività bi tluq minn Nizza naqas u d-deprezzament antiċipat ta’ Liamone fl-2001 kien ser jiffaċilita r-ritorn għal riżultati pożittivi fuq din ir-rotta.

209    It-tieninett, għal dak li jirrigwarda l-motiv dwar il-pożizzjoni ta’ SNCM fis-suq kollu, ir-rikorrenti, mingħajr ma fil-verità tikkontesta dan il-motiv, tillimita ruħha li tafferma li ma tistax tifhmu. B’dan il-motiv, huwa manifest li l-Kummissjoni ammettiet li l-preżenza ta’ SNCM fil-konnessjoni Nizza-Korsika kien meħtieġ biex ma tibqax daqstant tiddependi fuq is-servizz storiku bejn Marsilja u Korsika, is-suġġett ta' obbligi ta' servizz pubbliku. Dan jirriżulta mill-punt 302 tad-deċiżjoni kkontestata, li jippreċiża kif l-orjentament ġdid lejn il-Magreb ikkontribwixxa biex inaqqas id-dipendenza tal-kumpannija fuq din ir-rotta storika. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti, SNCM tibqa’ vulnerabbli f’Marsilja mill-mument li l-ftehim ta’ l-2002 jiskadi fl-2006 u m’għandha l-ebda dritt esklużiv fuq dik ir-rotta. Minbarra dan ir-rikorrenti irtirat mis-sejħa għall-offerti għall-għoti tal-ftehim ta’ l-2002. Ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta raġonevolment il-ħtieġa għal SNCM li tiddiversifika l-offerta tagħha, billi li hija tiggarantixxi erba’ konnessjonijiet lejn Korsika. SNCM spjegat, f’dan ir-rigward, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti li, billi parti importanti tat-traġitt isir bit-tluq minn Marsilja lejn Nizza (jew viċi-versa), l-irtirar minn Nizza jkollu riperkussjonijiet negattivi awtomatiċi fuq Marsilja. Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-punt 205 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux ikkontestat mir-rikorrenti, l-awtoritajiet Franċiżi ssottolinjaw il-fatt li s-servizz ta’ Nizza u dak ta’ Marsilja huma kumplimentari, kif ukoll in-neċessita għal SNCM li tippreżenta offerta bbilanċjata fid-rigward tal-preżenza tar-rikorrenti bi tluq minn erba’ portijiet kontinentali.

210    L-ilment magħmul fl-osservazzjonijiet dwar l-interventi, li ż-żamma ta’ servizz fuq rotot li ma jħallux qligħ hija ġġustifikata mill-kumplimentarjetà tagħha ma’ servizzi li jħallu iktar qligħ, dan huwa bbażat fuq preżunzjoni doppja li mhijiex ippruvata. Fil-fatt minn naħa, għal raġunijiet li ser jingħadu fid-dettall iktar 'il quddiem, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma turi li s-servizz ta’ Nizza ma jħallix qligħ. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-servizz ta’ Marsilja, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mhux biss il-qligħ tiegħu, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti, ma jistax jintwera minn allegat monopolju fuq dik ir-rotta, billi SNCM m’għandha l-ebda dritt esklużiv fuq dan is-servizz, imma li minbarra hekk ir-rikorrenti ma tqisx il-fatt li l-ftehim ta’ l-2002 għandu skop uniku, li huwa li jikkumpensa l-ispiża ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku fuq din il-linja, mingħajr ma jagħti l-ebda garanzija ta’ benefiċċji lil SNCM. Barra minn dan, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, jekk it-teżi tar-rikorrenti kienet korretta, diffiċli wieħed jifhem li r-rikorrenti għażlet li taħdem minn Nizza u li rrinunzjat li taħdem minn Marsilja.

211    It-tieletnett, dwar ir-riskju tal-ħolqien ta’ monopolju msemmi mill-Kummissjoni fir-rigward tas-servizz ta’ Nizza, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddikjarat li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tikkonkludi, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li l-preżenza ta’ impriża kienet meħtieġa biex tipprevjeni l-formazzjoni ta’ struttura ta' oligopolija msaħħa bis-swieq ikkonċernati (sentenza Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 138, punt 97).

212    F’dan il-każ partikolari għandu jingħad li r-rikorrenti, mingħajr ma tikkontesta li hija l-uniku kompetitur attwali ta’ SNCM fuq il-konnessjoni bejn Nizza u Korsika, b’mod li l-irtirar ta’ SNCM minn din ir-rotta jagħti monopolju ta' fatt lil din ta’ l-aħħar, tgħid biss li la Moby Lines u l-ebda kumpannija oħra indikata mir-rikorrenti mhija taħdem attwalment fuq ir-rotot bejn Franza kontinentali u Korsika. Barra minn dan, ir-rikorrenti ma ġġib l-ebda element ta' prova li jsostni t-teżi li l-kumpanniji marittimi għandhom fil-fatt proġetti biex jibdew jaħdmu dawn ir-rotot. Fid-dawl ta’ dan, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti fuq dan il-punt m’humiex tali li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-riskju tal-ħolqien ta’ monopolju fil-konnessjoni Nizza-Korsika favur tagħha.

213    L-ebda argument ieħor imressaq mir-rikorrenti m’huwa tali li jqiegħed fid-dubju l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tinżamm il-preżenza ta’ SNCM fil-konnessjoni bejn Nizza-Korsika.

214    Għal dak li jirrigwarda, qabel kollox, in-natura allegatament dgħajfa strutturalment ta’ din ir-rotta, għandu jiġi rrilevat li mhux biss ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tibbaża l-affermazzjonijiet tagħha fuq elementi konkreti, imma minbarra dan, il-preżenza interrotta tagħha fuq dik ir-rotta mill-1999 tikkontradixxi din it-teżi. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti qatt ma waqfet iżżid il-kapaċitajiet tagħha, kif hija stess tissottolinja fir-replika, fejn turi żieda ta’ 109% tat-traġitti tagħha lejn Korsika bejn l-2000 u l-2004. Min-naħa l-oħra, fir-rikors tagħha r-rikorrenti tirrileva li l-ordni għat-tieni bastiment tippermettilha żżid b’70% l-offerta fuq ir-rotot Franċiżi. Barra minn dan, il-Kummissjoni rrilevat fil-punti 65 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li fis-servizz ta’ Korsika, fl-2001 ir-rikorrenti kienet bdiet politika aggressiva ta’ kisba ta' kwoti tas-suq u li din l-istrateġija wasslitha tipproponi offerta kbira żżejjed għal sena jew sentejn biex tiġbed klijentela ġdida.

215    Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni li SNCM kienet qed tbiegħ b'telf fuq ir-rotot kompetittivi, jingħad ukoll li hija tibbaża ruħha fuq preżunzjoni li mhijiex ippruvata. Għandu jiġi osservat li mhux rilevanti li r-rikorrenti tiġi mistoqsija fuq ir-raġuni li għaliha SNCM ma pprevedietx pjan ta’ ristrutturazzjoni mill-1992, meta kien ċar li l-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ kienet daħħlet fis-seħħ mill-1999. Fil-fatt, billi l-Kummissjoni ġiet ippreżentata bi pjan ta’ ristrutturazzjoni fl-2002, hija kienet marbuta li tieħu pożizzjoni fuq dak il-pjan biss. Il-fatt li pjan bħal dan seta’, jekk ikun il-każ, jiġi ppreżentat qabel jikkostitwixxi ipoteżi teorika u ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, SNCM ma tistax tiġi kkritikata li ppruvat tadatta għall-ambjent kompetittiv ġdid tagħha billi rrikorriet qabel xejn għar-riżorsi tagħha stess, mingħajr ma talbet għajnuniet għar-ristrutturazzjoni, għalkemm mhux ippruvat li dawn setgħu jingħatawlha b’mod legali f’dak iż-żmien fil-kuntest tal-linji gwida.

216    Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-allegata inkapaċità ta' SNCM li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kuntest kompetittiv mhux issussidjat, biżżejjed jingħad li din l-affermazzjoni mhix ippruvata. F'dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi enfasizzat li huwa biss mill-2002 li SNCM ilha taħdem fuq il-konnessjoni bejn Nizza u Korsika mhux taħt obbligu ta’ servizz pubbliku u l-kumpensi pubbliċi relatati miegħu. Ir-rikorrenti stess tgħid fir-rikors li SNCM taħdem bi tliet bastimenti għal Magreb, konnessjoni oħra li mhijiex eżerċitata taħt obbligu ta’ servizz pubbliku, b’riżultati pożittivi.

217    Fl-aħħar, dwar l-allegata kapaċità żejda tas-suq lejn Korsika, għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 82 sa 87 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ studju tas-suq ippreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi, sabet li ma kienx hemm kapaċità żejda fis-servizz lejn Korsika.

218    L-ebda element imressaq mir-rikorrenti ma jqiegħed fid-dubju din il-konklużjoni. Għall-kuntrarju, billi r-rikorrenti stess tenfasizza, kif diġà ġie rrilevat, li żiedet it-traġitti tagħha lejn Korsika b’109% bejn l-2000 u l-2004 u li l-ordni għat-tieni bastiment kienet tippermettilha żżid b’70% l-offerta tagħha fuq ir-rotot Franċiżi, l-affermazzjoni li s-suq kellu kapaċità żejda mhix kredibbli. Ir-rikorrenti ma tippreżenta l-ebda informazzjoni dwar l-offerta kumplessiva. Barra minn hekk, fil-punt 170 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx ikkontestat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jirriżulta li, meta saret il-laqgħa mal-Kummissjoni fl-4 ta’ Frar 2003, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti indikaw li s-suq tat-traġitti bejn Franza kontinentali u Korsika "kien pożittiv, b’żieda ta’ 17% bejn l-2000 u l-2001 u ta’ 13% bejn l-2001 u l-2002", li kkonferma b’hekk il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi ta’ l-istudju tas-suq ppreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi, fejn qalet li s-suq kellu tkabbir sostenibbli. Minbarra dan jingħad li skond l-istess ċifri mogħtijin mir-rikorrenti fir-replika, is-suq żdied b’6.6% fl-2000-2001, b’8.3% fl-2001-2002 u, anki jekk dan ċertament juri progress bil-mod, b’1% fl-2002-2003. Kull ma tagħmel id-differenza kunsiderevoli bejn dawn iċ-ċifri u dawk ta’ qabel huwa li tqajjem dubji dwar il-kredibbiltà tat-teżi tar-rikorrenti. Fl-aħħar, fir-rigward taċ-ċifri ppreżentati fl-osservazzjonijiet dwar l-interventi biex jintwera tnaqqis fin-numru ta’ passiġġieri fil-bidu ta’ l-2004, biżżejjed jingħad li din l-informazzjoni mhux biss ġiet wara d-deċiżjoni kkontestata, imma wkoll li, billi tirrigwarda sena biss, ma tistax, bħala tali, tqiegħed fid-dubju l-previżjonijiet ta' tkabbir għall-perijodu bejn l-2002 u l-2006.

219    Minn dan isegwi li l-ebda ilment mressaq mir-rikorrenti ma juri li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma imponietx fuq SNCM l-obbligu li tirtira kompletament mill-konnessjoni Nizza-Korsika.

220    Għalhekk, l-ilmenti u l-argumenti tar-rikorrenti dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà għandhom jiġu kollha kompletament miċħuda. 

–       Fuq il-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni

221    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti ta’ l-imsemmija għajnuna u ma qalet xejn fuq ċerta distorsjoni li dehret meta sar l-eżami ta’ din l-għajnuna.

222    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti ta' l-imsemmija għajnuna, għandu jiġi mfakkar li fil-punt 312 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li, skond il-punt 39 tal-linji gwida, kien meħtieġ li tiġi limitata l-preżenza ta’ SNCM fis-suq storiku, jiġifieri s-servizz ta’ Korsika, fejn hija tikkompeti ma’ l-operaturi Komunitarji, ħaġa li ma tiġrix fis-servizzi tal-Magreb. Għalhekk, skond il-punti 313 sa 371, wara li rrilevat li s-suq ma kellux kapaċità żejda, il-Kummissjoni ammettiet li l-erba' korrispettivi li ġejjin kienu biżżejjed biex inaqqsu l-preżenza ta’ SNCM fuq is-suq tagħha b’benefiċċju dirett għall-kompetituri tagħha: l-għeluq tal-konnessjoni bejn l-Italja u Korsika pprovdut minn Corsica Marittima, l-irtirar kważi komplet tal-konnessjonijiet bejn Toulon u Korsika, it-tnaqqis fin-numru totali ta’ postijiet offruti u fin-numru ta’ vjaġġi bir-ritorn kull sena mill-2003, partikolarment fis-servizz bejn Nizza u Corsica, u l-bejgħ ta’ erba’ bastimenti. Barra minn dan, il-Kummissjoni dehrilha li kien meħtieġ, biex tevita li SNCM tuża likwidità żejda għal attivitajiet aggressivi u li jistgħu jikkawżaw distorsjoni fis-suq, li tipprojbixxi lil SNCM milli tiffinanzja investimenti ġodda, apparti l-ispejjeż għall-attività lejn il-Magreb integrati fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

223    B’dawn l-ilmenti, ir-rikorrenti, mingħajr ma terġa’ tqiegħed fid-dubju l-bejgħ tal-bastimenti u l-irtirar kważi komplet minn Toulon, tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura tas-suq li m’għandux kapaċità żejda, dwar l-għeluq tal-konnessjoni bejn l-Italja u Korsika u dwar it-tnaqqis tal-vjaġġi bir-ritorn.

224    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura ta’ kapaċità żejda tas-suq, biżżejjed jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt diġà ġew miċħudin iktar 'il fuq, fil-punt 217. F'dan l-istadju r-rikorrenti żżid tgħid biss, b’risposta għall-osservazzjoni tar-Repubblika Franċiża fuq ix-xiri tagħha ta’ bastiment ġdid fl-2004, li d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward ġiet adottata qabel il-proġett ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ SNCM. Iżda, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma tatx prova li dan ix-xiri ma kienx iseħħ kieku l-proġett ta' rikapitalizzazzjoni kien magħruf, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mir-rapport tar-rikorrenti magħmul lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2004 għall-użu abbużiv ta’ l-għajnuna min-naħa ta’ SNCM, iż-żieda tal-kapaċitajiet tagħha fuq ir-rotta ta’ Nizza mhijiex limitata għall-bastiment ġdid mixtri fl-2004, imma kienet kostanti mill-1996, bil-bini ta’ tliet bastimenti veloċi fl-1996 u ta’ żewġ vapuretti veloċi fl-2001, li, skond l-affermazzjonijiet tagħha stess, ippermettewlha żżid il-kapaċitajiet tagħha fuq l-istess rotta b’18.17% fl-2004.

225    Fit-tieni lok għal dak li jirrigwarda l-għeluq tal-konnessjoni Italja-Korsika, mhux ikkontestat, kif tgħid ir-rikorrenti, li dan seħħ minn Jannar 2002, qabel it-twettiq tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Iżda, fatt bħal dan ma jistax iċaħħad din il-miżura min-natura tagħha ta’ korrispettiv ta’ benefiċċju tar-rikorrenti biex titnaqqas il-preżenza ta’ SNCM fis-suq tagħha billi jirriżulta li l-irtirar minn din ir-rotta kien previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni adottat fis-17 ta’ Diċembru 2001 u nnotifikat lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2002. Kif tgħid sewwa l-Kummissjoni, kull operatur ekonomiku għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jillimita d-dannu tiegħu, kif ukoll dak ikkawżat mill-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, ukoll jekk kien eżatt li, kif tgħid ir-rikorrenti, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kellux l-għan ta’ l-irtirar ta' l-imsemmija rotta bħala korrispettiv favur il-kompetizzjoni skond il-linji gwida, dan il-fatt mhuwiex rilevanti, peress huwa paċifiku li miżura bħal din effettivament tnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-imsemmija għajnuna.

226    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis fi vjaġġi bir-ritorn, jirriżulta li, bl-ilment tagħha fuq dan il-punt, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li, sabiex timponi din il-miżura, hija bbażat lilha nnifisha fuq in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati bejn Franza kontinentali u Korsika, kif msemmi fit-tabella 2 tal-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux fuq in-numru ta’ postijiet verament offruti.

227    F’dan ir-rigward jingħad li skond l-Artikolu 5 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq SNCM, bħala korrispettiv favur il-kompetizzjoni, it-tnaqqis fin-numru annwali ta’ vjaġġi bir-ritorn ta’ bastimenti fuq diversi konnessjonijiet marittimi ma’ Korsika "fil-limiti previsti fit-tabella 3 [tal-punt 104 tad-deċiżjoni kkontestata]". Ir-referenza għat-tabella 2 tal-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata magħmula fin-nota 113 tal-punt 315 ta’ din id-deċiżjoni, li ssemmi fost il-motivi, il-kundizzjoni ttrattata fl-Artikolu 5 tal-parti operattiva, b’mod ċar, hija attribwibbli għal żball fil-kitba.

228    Minn dan isegwi li, kontra t-teżi tar-rikorrenti, it-tnaqqis fil-vjaġġi bir-ritorn lejn Korsika kienet stabbilita mhux minħabba n-numru ta’ passiġġieri ttrasportati, imma minħabba n-numru ta’ traġitti. It-teżi tar-rikorrenti hija għalhekk ibbażata fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

229    Fi kwalunkwe każ għandu jiġi osservat li, jekk fil-punt 315 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tindika li imponiet fuq SNCM, bħala korrispettiv favur il-kompetizzjoni, it-tnaqqis fin-numru ta’ postijiet offruti "u" tan-numru ta’ vjaġġi bir-ritorn kull sena mill-2003, mill-Artikolu 5 tal-parti operattiva ta’ l-istess deċiżjoni kif ukoll mill-punti 337, 363 u 364, li jirrigwardaw din il-kundizzjoni, jirriżulta li, fuq SNCM ġie impost biss it-tnaqqis fin-numru annwali ta’ vjaġġi bir-ritorn, bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna. Kif ikkonfermat il-Kummissjoni fis-seduta wara mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma timponi fuq SNCM l-ebda tnaqqis għal dak li jirrigwarda l-postijiet offruti fuq dawn il-bastimenti.

230    Premess dan, hemm bżonn jiġi rrilevat li fil-kuntest ta’ dan l-ilment ir-rikorrenti la tindika fhiex tikkonsisti l-inadegwatezza manifesta tat-tnaqqis fil-vjaġġi bir-ritorn impost mid-deċiżjoni kkontestata sabiex titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għoti ta’ l-għajnuna, u lanqas kif il-metodu rrakkomandat minnha jwassal għall-impożizzjoni ta’ tnaqqis ta’ vjaġġi bir-ritorn differenti u iktar kapaċi li jnaqqsu din id-distorsjoni.

231    F’dan ir-rigward huwa ċertament eżatt li, kif tgħid ir-rikorrenti, tnaqqis fi vjaġġi bir-ritorn mhux bilfors ekwivalenti, u f’kull każ, għal tnaqqis fin-numru ta' postijiet, billi l-bastimenti ta’ SNCM m’għandhomx kollha l-istess kapaċità u li, ta’ lanqas fit-teorija, id-destinazzjoni tagħhom tista’ tiġi mmodifikata, billi l-ftehim ta’ l-2002 jipprevedi biss, għat-tħaddim ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, destinazzjoni "tal-bidu" ta’ kull bastiment marbut ma’ rotta partikolari. F’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni mogħtija fis-seduta minn SNCM li l-ftehim ta’ l-2002 huwa interpretat mill-partijiet kontraenti fis-sens li jipprojbixxi t-tibdil ta’ destinazzjonijiet ta’ bastimenti ma tistax tiġi milqugħa għaliex tikkontradixxi direttament it-termini ta’ dak il-ftehim. Fil-punt 29(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni stess osservat li l-bastimenti veloċi (navires à grande vitesse; iktar ‘il quddiem l-"NGV") Liamone u Asco jaħdmu "l-iktar" bi tluq minn Nizza.

232    Iżda, għandu jiġi ammess li ta’ l-inqas, it-tnaqqis fin-numru ta’ vjaġġi bir-ritorn jikkontribwixxi għall-għan tat-tnaqqis ta’ kapaċità. Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fil-punt 104 tad-deċiżjoni kkontestata li t-tnaqqis fin-numru ta’ vjaġġi bir-ritorn previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li jikkostitwixxi l-bażi tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, jipprovoka tnaqqis fin-numru ta’ postijiet offruti ta’ 28% fuq is-servizzi kollha. Bl-istess mod, ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat l-affermazzjoni, fil-punt 316 tad-deċiżjoni kkontestata li "[f]il-Golf ta’ Ġenova kollu u minn Toulon, SNCM qed tnaqqas is-servizzi tagħha offruti b’iżjed minn miljun post fis-sena meta mqabbel ma' l-2001, jiġifieri b’diviżjoni ta’ iktar minn [tnejn], li jivvantaġġa minnufih lill-kompetituri tagħha, minkejja li huma dawn is-servizzi li qed juru tkabbir l-iktar b'saħħtu". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

233    Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li t-tnaqqis fil-kapaċità prevista mid-deċiżjoni kkontestata ma jseħħx permezz tal-kundizzjoni dwar il-vjaġġi bir-ritorn biss, imma, kif jidher fil-punti 315 sa 317 u 333 sa 258, kif ukoll fl-Artikoli 2 u 3 tal-parti operattiva ta’ din id-deċiżjoni, permess ta' kumpless ta’ kundizzjonijiet li jipprevedu wkoll l-għeluq ta’ Corsica Marittima, l-irtirar kważi komplet minn Toulon, il-bejgħ ta’ erba’ bastimenti, il-bejgħ ta’ ishma mhux strateġiċi, it-tnaqqis tal-flotta għal ħdax-il bastiment li baqa’ fl-aħħar tal-bejgħ ta’ l-erba’ bastimenti u l-projbizzjoni, bħala prinċipju, tat-tiġdid ta’ dawn il-bastimenti.

234    Għalhekk l-ilmenti tar-rikorrenti fuq dawn il-punti għandhom jiġu miċħuda.

235    Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta’ eżami ta’ ċerta distorsjoni tal-kompetizzjoni, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma vverifikatx l-aspetti ta’ l-għajnuniet mogħtija mill-Istat li jiġu minn deprezzament fiskali aċċelerat li ppermetta lil SNCM li tagħmel id-deprezzament antiċipat ta’ Liamone.

236    Għandu jiġi rrilevat qabel xejn li, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti, id-deprezzament antiċipat ta’ Liamone ma jiġix minn deprezzament fiskali aċċelerat. Kif diġà ntqal iktar 'il fuq, id-deprezzament antiċipat ta’ assi jiġi mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ kontabbiltà, bis-saħħa ta’ prinċipju ta’ prudenza, jiġifieri li impriża għandha tikkorreġi l-bilanċ tagħha wara li tieħu att tad-deprezzament eċċezzjonali meta hija tara li wieħed mill-assi tagħha għandu valur reali jew fis-suq inqas mill-valur fil-kontijiet tagħha. Għalhekk, fil-każ partikolari, kif jirriżulta mill-punt 144 tad-deċiżjoni kkontestata, SNCM għamlet dan id-deprezzament eċċezzjonali fl-2001 għal dak li jirrigwarda l-bastiment Liamone għall-ammont ta’ EUR 14.8 miljun.

237    Dan id-deprezzament eċċezzjonali mhux relatat mad-deprezzament fiskali aċċelerat permess mil-leġiżlazzjoni Franċiża. Il-Kummissjoni spjegat, fin-nota 105 tal-punt 294 tad-deċiżjoni kkontestata, li "[i]d-deprezzament eċċezzjonali jirrappreżenta d-differenza bejn id-deprezzament lineari, imnaqqas mill-attiv fil-bilanċ, u l-ammortament rigressiv awtorizzat mil-liġi fiskali. Jekk id-deprezzament rigressiv ma jintużax sabiex id-deprezzament jiddaħħal fil-kontijiet, id-differenza bejn dan u d-deprezzament lineari akkumulat tiddaħħal taħt il-kontijiet tal-passiv (deprezzament eċċezzjonali), li tradizzjonalment fil-kontabbiltà Franċiża jiddaħħal fil-fondi proprji. Id-deprezzament totali fl-aħħar tal-perijodu jibqa’ l-istess u għalhekk din is-sistema ma tippermettix li tantiċipa u tiġġenera tnaqqis fit-taxxa fl-ewwel snin." Fil-każ partikolari, mill-punt 294 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li SNCM ikkunsidrat, fl-intestatura "dispożizzjonijiet irregolati", deprezzament eċċezzjonali fl-ammont ta’ EUR 60 miljun, deprezzament li mhux bilfors jirrigwarda Liamone. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

238    Dan l-ilment imressaq mir-rikorrenti, li jirrigwarda premessa żbaljata, għandu jiġi miċħud ukoll għal din ir-raġuni biss.

239    Barra minn hekk, kif ssostni l-Kummissjoni mingħajr ma tiġi kontradetta mir-rikorrenti, għandu jingħad li l-mekkaniżmu ta’ deprezzament eċċezzjonali previst mil-liġi nazzjonali tal-kontabbiltà, billi huwa għall-impriżi kollha, ma jistax jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

240    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni, ifformulata għall-ewwel darba fir-replika, li dan id-deprezzament ippermetta lil SNCM li bl-għajnuniet tkopri telf potenzjali biex tantiċipa riskju potenzjali, biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestatx, wara li kkunsidrat dan id-deprezzament, li l-kontijiet ta’ SNCM ta’ l-2001 kienu ġew debitament iċċertifikati u li l-Qorti ta’ Prim’Istanza, fin-nuqqas ta’ elementi ta' prova f’dan is-sens, ma tistax tqegħdom fid-dubju. Għalhekk, f'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tiddeċiedi, mingħajr ma tikkommetti xi żball manifest ta’ evalwazzjoni, li dan id-deprezzament kien għal SNCM spiża li setgħet ġiet ikkumpensata bl-għajnuniet msemmijin fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tagħha.

241    Fl-aħħar, anki jekk dan l-ilment kellu jinftiehem li huwa intiż sabiex jikkontesta d-deprezzament fiskali aċċelerat magħmul minn SNCM, jeħtieġ jiġi rrilevat ukoll li din is-sistema, prevista mil-liġi nazzjonali tal-kontabbiltà, hija miftuħa għall-impriżi kollha u għalhekk ma tistax tkun bħala tali għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

242    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-prevenzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għandhom jiġu kompletament miċħuda.

–       Fuq it-tnaqqis ta’ l-għajnuna għall-minimu

243    Ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna awtorizzata mhijiex limitata għall-minimu indispensabbli biex tippermetti r-ristrutturazzjoni ta’ SNCM, skond ir-riżorsi ta’ l-impriża. F'dan ir-rigward, hija tikkontesta l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku, l-ispiża tal-pjan soċjali, l-ammont tad-deprezzament ta’ Liamone u l-ammont tas-somom netti mill-bejgħ tal-bastimenti jew immobbli previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

244    Preliminarjament, jeħtieġ jiġi mfakkar li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata lill-awtoritajiet Franċiżi tammonta għal EUR 76 miljun. Kif jirriżulta mill-punt 326 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija magħmula minn parti finanzjarja u parti operattiva. Il-parti finanzjarja tikkorrispondi għal kumpens inqas għal servizz pubbliku fil-passat. Fil-punti 256 sa 258 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat li din il-parti finanzjarja kienet tikkorrispondi għat-telf li sofriet SNCM minħabba l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku sa l-2001. Fir-rigward tal-parti operattiva, din tikkorrispondi, skond il-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ispejjeż tad-diversi azzjonijiet previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

245    Fil-punti 256 sa 258 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkalkolat li l-kumpens inqas għal servizz pubbliku kien jammonta, kif hija tfakkar fil-punt 327, għal EUR 53.48 miljun. Fil-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeċidiet li l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni kienu jammontaw għal EUR 46 miljun. Dan l-ammont, skond in-nota 120 tal-punt 328 ta’ din id-deċiżjoni, ikopri l-miżuri operattivi tar-ristrutturazzjoni (EUR 31.2 miljun) u d-deprezzament ta’ Liamone (EUR 14.8 miljun). Iżda, billi SNCM trid iddaħħal EUR 21 miljun wara l-bejgħ previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni (punti 97 sa 99 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata) il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni, fil-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ EUR 76 miljun kien ġġustifikat biex jippermetti lill-impriża ssib, fi żmien qasir, il-mezz biex jerġa’ jkollha l-qligħ, billi l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-impriża ma setgħetx issib riżorsi proprji oħrajn biex tiffinanzja r-ristrutturazzjoni tagħha.

246    Iżda, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ eventwali ta’ l-ishma mhux strateġiċi impost mill-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, li jtemm il-bejgħ previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni, kif tispjega hija stess fil-punti 329 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata, awtorizzat l-għajnuna għall-imsemmija ristrutturazzjoni, skond l-Artikolu 6 tal-parti operattiva ta’ l-istess deċiżjoni, imma għamlet dan biss fil-limitu ta’ l-ewwel parti ta’ EUR 66 miljun, u rriżervat li tawtorizza t-tieni parti ta’ EUR 10 miljuni. Jekk jirriżulta li l-imsemmi bejgħ ppermetta lill-impriża taqla’ iktar minn EUR 10 miljuni, din it-tieni parti ma tistax tingħata lil SNCM. Jekk, l-imsemmi bejgħ iġib miegħu inqas minn EUR 10 miljuni, il-bqija jiġi mogħti, bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, wara li jiġi kkunsidrat ir-riżultat ta’ dan il-bejgħ.

247    Permezz ta' l-ilmenti tagħha dwar in-natura minima ta’ l-għajnuna, ir-rikorrenti tipprova tqiegħed fid-dubju l-kalkolu kemm ta’ l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku (parti finanzjarja) kif ukoll l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni (parti operattiva).

248    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku, biżżejjed jiġi mfakkar li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar kemm hija fondata d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt diġà ġew miċħuda iktar 'il fuq fil-punti 149 sa 161. Dwar l-ilment l-ieħor magħmul f’din il-proċedura li SNCM kienet għamlet ukoll deprezzamenti eċċessivi għal ammont ta’ EUR 22.2 miljun, li jikkorrispondi għall-qligħ kapitali li ma jidhirx fuq il-flotta tagħha, ma jistax jingħad li l-kwota awtorizzata tad-deprezzament ta’ l-assi tirriżulta mill-applikazzjoni biss tar-regoli tal-kontabbiltà mhux ikkontestati mir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, il-kontijiet ta’ SNCM li wrew dawn id-deprezzamenti fil-passat ġew iċċertifikati, mingħajr ma dan ġie kkontestat, u mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tqegħdhom fid-dubju. Barra minn dan, diġà ntqal iktar 'il fuq fil-punt 193 li l-Kummissjoni setgħet tirrileva, b’mod korrett, li l-livell ta' l-istat tad-dejn ta' SNCM u d-dgħjufija tal-likwidità tagħha ma setgħux iwasslu biex bank, li jaġixxi bħala kreditur privat u bil-kundizzjonijiet tas-suq, jagħti iktar kreditu lil SNCM.

249    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-ammont ta’ l-ispiża tar-ristrutturazzjoni, ir-rikorrenti tevalwa l-ewwelnett, il-miżuri operattivi ta’ ristrutturazzjoni mhux f’EUR 31.2 miljun, imma f’EUR 17.091 miljun billi tibbaża ruħha fuq l-ispiża tal-pjan soċjali, jiġifieri EUR 16.86 miljun peress li tibbaża ruħha fuq l-ammont ta’ l-allokazzjoni msemmi fil-kontijiet ta' SNCM għall-2002.

250    Iżda għandu jiġi rrilevat, għal dak li jikkonċerna l-ammont ta’ EUR 17.091 miljun, li dan l-aħħar ammont jirrigwarda biss, kif jirriżulta ċar mit-tabella 11 tal-punt 257 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża tal-pjan soċjali għar-rotot lejn Korsika. Ir-ristrutturazzjoni msemmija tirrigwarda mhux biss l-attivitajiet ta’ SNCM lejn Korsika, imma l-attivitajiet kollha tal-kumpannija, partikolarment dawk lejn il-Magreb. Dwar l-ammont ta’ EUR 16.86 miljun, il-Kummissjoni u SNCM spjegaw, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, li l-ispiżi kollha konnessi mar-ristrutturazzjoni ma setgħux jiġu mwarrba, għaliex jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ investiment.

251    Fir-rigward tal-kumplament, billi r-rikorrenti tillimita ruħha li tikkritika lill-Kummissjoni b’mod ġeneriku li hija ma vverifikatx l-ispiża reali tal-pjan soċjali, mingħajr ma pprovdiet elementi oħra ta' prova li jistgħu jqiegħdu fid-dubju l-ammont ta’ 31.2 miljun indikat fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-ammont jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-miżuri operattivi tar-ristrutturazzjoni.

252    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda d-deprezzament ta’ Liamone, ir-rikorrenti tikkunsidra li dan id-deprezzament mhux iġġustifikat.

253    Safejn, f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirriferi għal argumenti diġà eżaminati iktar 'il fuq fil-kuntest ta’ ilmenti oħra, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk imsemmijin iktar 'il fuq fil-punti 150 u 151.

254    Dwar il-fatt imsemmi fl-osservazzjonijiet dwar l-interventi li SNCM ma kellha assolutament l-ebda obbligu li takkwista NGV kbir iżżejjed, tant li kienet ippreokkupata fl-1998 bir-rata ta' nuqqas ta' disponibbiltà tan-NVG tagħha, biżżejjed jiġi mfakkar li l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti biex tikkontesta n-nuqqas ta’ investiment żejjed sinjifikanti diġà ġew miċħuda iktar 'il fuq fil-punti 170 sa 175. Fi kwalunkwe każ, id-dubji msemmijin minn SNCM dwar il-qligħ miż-żewġ NVG ġodda fl-1998, li fir-rigward tagħhom hija indikat li d-destinazzjoni ta’ dawn il-bastimenti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku kienet tiddependi mill-eżitu pożittiv ta’ l-użu sperimentali tagħhom, ma jqegħdux fid-dubju r-razzjonalità tax-xiri ta’ NGV wieħed fl-2000. L-istess jgħodd għall-osservazzjonijiet magħmulin mill-president ta’ SNCM f’artikolu, bid-data ta’ l-4 ta’ Novembru 2004, imsemmi mir-rikorrenti. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dan l-artikolu ma jistax jingħata valur probatorju sinjifikanti, jeħtieġ jiġi rrilevat li, jekk fih, il-president ta’ SNCM jistaqsi, kif tenfasizza r-rikorrenti, rigward kemm hu xieraq li jiġi ordnat Liamone, huwa jżid ukoll, u dan ir-rikorrenti ma ssemmihx, li "dak iż-żmien, il-klijentela kienet qed titlob mingħand il-kumpannija offerta ta’ livell għoli", waqt li "bħalissa [...] il-passiġġieri jagħtu kas l-iktar tan-nolijiet", u jippreċiża li l-bastiment Liamone kien "apprezzat b’mod unanimu minn meta ġie varat".

255    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda d-dħul nett mill-bejgħ previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx, għad-determinazzjoni tan-natura minima ta’ l-għajnuna, id-dħul nett mill-bejgħ ta’ assi immobbli previsti mill-pjan ta' ristrutturazzjoni u magħmul fil-fatt fl-2003.

256    F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li indikat li qieset, għall-ispejjeż marbutin mal-miżuri operattivi ta’ ristrutturazzjoni, iċ-ċifra ta’ EUR 46 miljun, irrilevat li SNCM "għandha ddaħħal EUR 21 miljun netti mill-bejgħ wara li jsir il-bejgħ previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni". Fid-dawl ta’ dan, u kkunsidrat il-fatt li l-kumpens inqas finanzjarju għal servizz pubbliku għall-perijodu bejn l-1991 u l-2001 jammonta għal EUR 53.48 miljun, il-Kummissjoni kkonkludiet, f’dak il-punt, li "somma ta’ EUR 76 miljun [kienet] kompletament iġġustifikata biex tippermetti lill-impriża ssib, fi żmien qasir, il-mod kif tagħmel il-qligħ". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

257    Huwa paċifiku, kif jirriżulta min-nota 121 fil-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirriferi għall-punti 97 sa 101 ta’ l-istess deċiżjoni, li l-ammont ta’ EUR 21 miljun imsemmi fil-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata jirriferi għad-dħul nett mill-bejgħ indikat fil-punt 99 ta’ l-istess deċiżjoni.

258    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dik il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, wara li fakkret, minn naħa, fil-punt 97, li SNCM kienet pprevediet, fil-pjan tagħha ta’ ristrutturazzjoni, li tbiegħ erba’ bastimenti fl-2002, jiġifieri l-bastimenti Napoléon, Liberté, Monte Rotondo u l-NGV Asco, li fir-rigward tagħhom ġie ppreċiżat li nbiegħu kollha, ħlief għall-NGV Asco, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 98, li ma’ dan il-bejgħ jiżdied dak li kien għaddej ta’ Southern Trader, il-Kummissjoni indikat li "id-dħul previst minn dan il-bejgħ kien ta’ EUR 40 miljun, jiġifieri dħul ta’ likwidità (dħul nett mill-bejgħ) ta’ EUR 21 miljun wara li jitqiesu r-rimborsi li jkun fadal".

259    Iżda, hemm bżonn jiġi rrilevat li, fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet tgħid dan li ġej:

"Fl-istess ħin, fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni tagħha l-kumpannija kellha l-intenzjoni li tbiegħ l-assi mobbli li kellhom s-sussidjarji tagħha (l-uffiċċji ta’ Marsilja). Dawn inbiegħu għal EUR 12-il miljun fl-2003, bi qligħ kapitali fil-kontijiet ta’ EUR 5.1 miljun." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

260    Għalhekk, mis-sinjifikat tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rrilevat li, skond il-pjan tagħha ta’ ristrutturazzjoni, SNCM, minn naħa, fir-rigward tal-bejgħ ta’ bastimenti, kienet pprevediet li ddaħħal mill-bejgħ EUR 21 miljun nett u, min-naħa l-oħra, dwar il-bejgħ ta’ assi immobbli, biegħethom għall-ammont ta’ EUR 12-il miljun nett.

261    Fil-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni, biex tiddetermina l-ammont minimu, indikat biss li SNCM kellha ddaħħal EUR 21 miljun mill-bejgħ, mingħajr ma rriferiet għall-ammont ta’ EUR 12-il miljun indikat fil-punt 101 ta’ l-imsemmija deċiżjoni għal dak li jirrigwarda d-dħul nett ta’ l-assi immobbli.

262    Biex tispjega l-affermazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, il-Kummissjoni sostniet qabel xejn, fl-istadju tar-risposta, li d-dħul mill-bejgħ ta’ assi immobbli ma biddilx b’mod fundamentali l-analiżi, wara li ġie kkunsidrat il-fatt li l-qligħ kapitali ta’ EUR 5.1 miljuni kellu impatt marġinali fuq it-tnaqqis tad-dejn finanzjarju, b’mod li r-riskju tal-likwidità żejda kellu jiġi eskluż. Barra minn hekk, kemm ir-Repubblika Franċiża kif ukoll SNCM, bħala partijiet intervenjenti, sostnew din it-teżi fin-noti tagħhom.

263    Wara, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni sostniet, bħal SNCM, li hija ma setgħetx tagħmel żidiet biex tiddetermina l-likwidità li seta' kellha SNCM, minħabba n-nuqqas ta’ omoġenità taċ-ċifri disponibbli fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom dwar dak li jirrappreżentaw. Il-Kummissjoni rrilevat li l-bejgħ meħtieġ mid-deċiżjoni kkontestata kien jikkorrispondi għall-bejgħ previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u li kien għadu ma sarx fiż-żmien ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li xi dħul nett imbassar kellu jitnaqqas minħabba d-diffikultajiet ta’ SNCM, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, biex issib xerrej u li ċ-ċifri mogħtijin mill-awtoritajiet Franċiżi kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom stima. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet evalwat b’mod "ġenerali" l-likwidità li setgħet raġonevolment timmobilizza lil SNCM biex tilqa’ kemm tista’ għall-ispejjeż tal-pjan strutturali qabel u wara d-deċiżjoni kkontestata.

264    Iżda, l-ebda spjegazzjoni minn dawn ma tista’ tiġi milqugħa biex tiġġustifika n-nuqqas li jiġi kkunsidrat id-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli.

265    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel spjegazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 40 tal-linji gwida, l-ammont ta' l-għajnuna "għandh[u] iku[n] limita[t] għall-minimu li hemm bżonn biex isseħħ ir-ristrutturazzjoni fid-dawl tar-risorsi finanzjarji eżistenti tal-kumpannija".

266    Minn dan isegwi li, peress li f’dan il-każ SNCM daħlet għall-impenn, fil-pjan tagħha ta’ ristrutturazzjoni, li tbiegħ uħud mill-assi navali u immobbli mhux indispensabbli, hija, kif ammettiet il-Kummissjoni b’risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandha tuża d-dħul sħiħ mill-bejgħ ta’ dawn l-assi għall-finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Kontra dak li tgħid SNCM, dan l-obbligu bl-ebda mod ma jimponi fuq il-benefiċjarju għajnuna biex juża r-riżorsi kollha tiegħu biex inaqqas l-ammont ta’ l-għajnuna mogħtija, imma biss li jintużaw ir-riżorsi kollha ġġenerati minn assi kkunsidrati mhux indispensabbli għat-tkomplija ta’ l-attivitajiet ta’ l-impriża fl-ambitu tar-ristrutturazzjoni tagħha. Kontribut bħal dan min-naħa tal-benefiċjarju, mir-riżorsi tiegħu stess, għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni huwa meħtieġ biex ikun iggarantit li l-għajnuna, skond il-punt 40 tal-linji gwida, tibqa’ limitata għall-minimu indispensabbli biex tkun tista’ ssir r-ristrutturazzjoni, skond id-disponibbiltà finanzjarja ta’ dan il-benefiċjarju, ta’ l-azzjonisti tiegħu u tal-grupp li jifforma parti minnu.

267    Dan hu l-metodu segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata billi, minn naħa, jirriżulta mill-punt 328 ta’ din id-deċiżjoni li, biex tkun ċerta min-natura minima ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni naqqset mill-ispiża totali tal-miżuri operattivi tar-ristrutturazzjoni l-ammont sħiħ ta’ EUR 21 miljun tad-dħul nett mill-bejgħ li huwa indikat hemmhekk, waqt li ppreċiżat li SNCM madankollu ma setgħetx issib riżorsi oħrajn proprji biex tiffinanzja r-ristrutturazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset ukoll l-obbligu li tillimita l-ammont ta’ għajnuna għall-minimu indispensabbli bl-impożizzjoni, fil-każ partikolari, ta’ mekkaniżmu ta’ ħlas imqassam fiż-żmien u mgħammar b’sistema ta’ kumpens. Skond l-Artikolu 6 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna msemmija fil-limiti biss ta’ l-ewwel parti ta’ EUR 66 miljun, waqt li l-ħlas tas-sald ta’ EUR 10 miljun kien subordinat għar-riżultat tal-bejgħ ta’ diversi ishma mhux strateġiċi impost mill-Kummissjoni fl-Artikolu 3 tal-parti operattiva ta’ l-istess deċiżjoni. Għandu jingħad li din it-teknika ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna f’partijiet hija indikatur tal-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni d-dħul kollu tal-bejgħ ta’ l-assi mhux indispensabbli, peress li, kif hija tindika fil-punt 341 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul minn dan il-bejgħ għandu jnaqqas "bl-istess mod" il-ħtieġa ta’ għajnuna għall-ħarsien tal-ħtieġa li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu, skond l-obbligu previst fil-punt 40 tal-linji gwida.

268    Minn dan isegwi li, għad-determinazzjoni ta' l-ammont minimu ta' l-għajnuna mogħtija minn SNCM, il-Kummissjoni kienet marbuta li tikkunsidra d-dħul sħiħ nett magħmul fit-twettiq tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

269    B’hekk l-allegat fatt li l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat mid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix lil SNCM tibbenefika minn likwidità żejda, mhuwiex rilevanti.

270    Huwa veru li, skond il-punt 40 tal-linji gwida, il-Kummissjoni kellha tivverifika, kif għamlet fil-punt 330 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna msemmija ma ngħatatx taħt forma jew f’ammont li jwasslu lil SNCM biex teħles mil-likwidità żejda li hija setgħet tiddedika għall-attivitajiet aggressivi u li setgħu jikkawżaw distorsjoni fis-suq. Iżda, il-fatt li l-ammont ta’ l-għajnuna awtorizzata fid-deċiżjoni kkontestata kien jippermetti li jiġi evitat riskju bħal dan ma jistax jiġġustifika li l-Kummissjoni ma kkunsidratx d-dħul nett mill-bejgħ ta’ assi immobbli, billi kunsiderazzjoni bħal din setgħet twassalha sabiex tiddikjara bħala kompatibbli għajnuna f’ammont inqas, jekk mhux ukoll, eventwalment li tiddikjara l-għajnuna msemmija inkompatibbli mas-suq komuni, li, fi kwalunkwe każ, kien jippermetti iktar u iktar li jkun evitat ir-riskju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

271    Għalhekk hemm bżonn li tiġi miċħuda l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett marġinali tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli fuq s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ SNCM.

272    Għal dak li jirrigwarda t-tieni spjegazzjoni, hemm bżonn li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddikjarat, dwar għajnuna għar-ristrutturazzjoni (sentenza Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 138, punt 84), li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tikkalkola l-ispiża speċifika ta’ kull miżura li kellha tiġi adottata mill-impriża msemmija. Minbarra l-fatt li evalwazzjoni preċiża tad-diversi intestaturi ta’ spejjeż hija fi kwalunkwe każ ta’ riskju minħabba l-karattru prospettiv tal-miżuri kkunsidrati, il-Kummissjoni tista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, tillimita ruħha għal evalwazzjoni kumplessiva.

273    Għalhekk għandu jiġi ammess li f’dan l-każ partikolari, fid-dawl tad-diffikultà li jkun ivvalutat b’eżattezza d-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi navali u ta’ l-assi immobbli previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni, bħala prinċipju, kienet iġġustifikata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li tagħmel evalwazzjoni approssimattiva ta’ dan id-dħul.

274    Iżda, f'dan il-każ partikolari għandu jiġi rrilevat, għal dak li jirrigwarda fl-ewwel lok il-bejgħ ta’ l-assi navali, li, fil-punti 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li tlieta minn dawk il-bastimenti li l-bejgħ tagħhom kien previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, jiġifieri Napoléon, Liberté u Monte Rotondo, diġà nbiegħu, waqt li għan-NGV Asco biss ma nstabx xerrej, u li l-bejgħ ta’ Southern Trader għadu għaddej. Barra minn hekk, jekk fil-punt 99 ta’ din id-deċiżjoni l-Kummissjoni tindika li d-dħul nett "previst" minn dan il-bejgħ huwa ta’ EUR 21 miljun wara li jitqiesu r-rimborsi li jkun fadal, hija tirrileva li, fl-istess punt, "il-bastimenti Monte Rotondo u Napoléon inbiegħu fl-2002" waqt li "l-bastimenti Liberté u Southern Trader ġew mibjugħa jew kienu ser jinbiegħu fl-2003" billi dan l-aħħar bastiment huwa suġġett ta’ konvenju. Min-naħa l-oħra, fl-istess punt 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li "t-total tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ dawn l-erba’ bastimenti rriżulta li kien EUR 1.2 miljun iktar milli kien mistenni".

275    Min-naħa l-oħra għandu jiġi rrilevat li mill-istess sinjifikat tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet taf bl-ammont effettiv tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ iktar bastimenti, billi hija ssemmi, dwar il-bejgħ ta’ erba’ bastimenti, qligħ kapitali dwar id-dħul nett mill-bejgħ fir-rigward ta’ l-istimi. Dwar il-bastimenti Napoléon u Monte Rotondo, billi dawn inbiegħu fl-2002, jingħad li, wara li ġie kkunsidrat il-perijodu li għadda bejn il-bejgħ imsemmi u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bilfors kellha f’idejha l-elementi kollha li kienu jippermettulha tiddetermina l-ammont eżatt tal-prodott nett tal-bejgħ tagħhom. Dwar il-bastiment Liberté, li nbiegħ fl-2003 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ jiġi rrilevat ukoll li, ħlief għal ħtieġa li jsiru, jekk ikun il-każ, adattamenti żgħar biex jitqiesu l-ispejjeż l-oħra fil-prezz tal-bejgħ, il-Kummissjoni, bl-istess mod, kellha neċessarjament f’idejha l-elementi essenzjali li ppermettewlha tikkalkola l-ammont tad-dħul nett mill-bejgħ.

276    B’risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat li d-determinazzjoni tal-qligħ kapitali mill-bastimenti Napoléon, Monte Rotondo u Liberté setgħet saret mis-servizzi tagħha skond l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi fl-14 ta’ Mejju 2003, jiġifieri madwar xahrejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

277    Huwa veru li, fir-rigward tal-ħames bastiment, jiġifieri Southern Trader, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kellha biss evalwazzjoni tad-dħul nett mill-bejgħ. Iżda, fir-rigward ta’ dan il-bastiment, mill-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kif SNCM irrilevat tajjeb, għandu jiġi kkunsidrat il-bejgħ tiegħu biss għall-ħlas tat-tieni parti ta’ l-għajnuna, billi dan il-bastiment kien mikri lil sussidjarja ta’ SNCM, Société Méditerranéenne d’Investissements et de Participations (iktar ‘il quddiem "SMIP"), ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala sehem mhux strateġiku. B’hekk it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi li, minflok ma tbiegħ dan l-aħħar sehem, SNCM tista’ tbiegħ l-uniku assi ta’ din il-kumpannija, Southern Trader, u tagħlaq din is-sussidjarja. B’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt, il-Kummissjoni kkonfermat li d-dħul nett mill-bejgħ ta’ Southern Trader ma kienx inkluż fl-ammont ta’ EUR 21 miljun indikat fil-punt 99 tad-deċiżjoni kkontestata.

278    Minn dak li jirriżulta iktar 'il fuq, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tkun taf bl-ammont effettiv tad-dħul nett mill-bejgħ tal-bastimenti li l-bejgħ tagħhom kien previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u li kienu nbiegħu fiż-żmien ta’ l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

279    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda d-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li "[l-assi immobbli kienu] ġew effettivament mibjugħin fl-2003 għal EUR 12-il miljun bħala dħul nett mill-bejgħ u bi qligħ kapitali ta’ EUR 5.1 miljuni". Barra minn dan, mill-kliem stess ta’ dan il-punt jirriżulta li l-Kummissjoni turi l-ammont ta’ EUR 12-il miljun hemm imsemmi mhux bħala valutazzjoni approssimattiva, imma bħala valutazzjoni preċiża tad-dħul nett minn bejgħ li effettivament sar.

280    B’risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat li l-imsemmi ammont ta’ EUR 12-il miljun fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata ttieħed mill-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi fl-14 ta’ Mejju 2003, jiġifieri madwar xahrejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

281    Fid-dawl ta’ dan, lanqas ma jista’ jiġi ammess, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fin-noti tagħha, li l-ammont tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli ma kienx magħruf b’mod ċert u definittiv fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

282    Għalhekk, mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-epoka ta’ l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni kellu jkollha, kemm fir-rigward ta’ l-assi navali kif ukoll dawk immobbli li l-bejgħ tagħhom kien previst fil-pjan ta' ristrutturazzjoni u li diġà kienu nbiegħu dak iż-żmien, mhux biss il-valutazzjoni tad-dħul nett tagħhom imniżżel fil-pjan imsemmi, imma wkoll l-ammont effettiv tad-dħul nett mill-bejgħ.

283    Premess dan, u partikolarment fid-dawl tal-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ l-għajnuniet mogħtija mill-Istat stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni, għall-assi msemmijin, ma setgħetx tillimita lilha nnifisha li, biex tiddetermina n-natura minima ta’ l-għajnuna, tagħmel evalwazzjoni "ġenerali" tal-likwidità li kellha SNCM.

284    Fil-fatt, billi l-Kummissjoni rrilevat, dwar il-bejgħ ta’ l-assi navali, l-eżistenza ta’ qligħ kapitali, f’termini ta’ dħul nett, rigward il-valutazzjoni ta’ EUR 21 miljun kkunsidrata fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u, għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ assi immobbli, l-eżistenza ta’ dħul nett ta’ EUR 12-il miljun, hija ma setgħetx, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra biss, biex tiddetermina n-natura minima ta’ l-għajnuna skond il-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istima ta’ EUR 21 miljun prevista mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni għall-bejgħ ta’ l-assi navali.

285    Għalhekk, anki l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni taċ-ċifri disponibbli fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda.

286    B’risposta għal mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni, skond spjegazzjoni ġdida li ma tidhirx fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha, waqt li bbażat ruħha fuq dokumenti riżervati mhux imdaħħlin fil-proċess ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, sostniet li d-dħul nett mill-bejgħ ta’ EUR 21 miljun indikat fil-punt 99 tad-deċiżjoni kkontestata kien ikopri fil-verità kemm il-bejgħ ta’ l-erba’ bastimenti msemmijin fil-punt 97 ta’ l-istess deċiżjoni kif ukoll ta’ l-assi immobbli previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni. SNCM tat l-istess spjegazzjoni fin-nota ta’ intervent tagħha.

287    Iżda, mingħajr il-ħtieġa li wieħed jara kemm hija fondata din l-ispjegazzjoni fuq il-bażi tad-dokumenti msemmijin mill-Kummissjoni, jeħtieġ jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tidher fit-test tagħha stess u spjegazzjonijiet mogħtijin wara mill-Kummissjoni ma jistgħux, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu kkunsidrati (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T‑61/89, Ġabra p. II‑1931, punt 131; ta' l-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 171, u tal-15 ta’ Settembru 1998 European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95). Minn dan isegwi li d-deċiżjoni għandha tkun biżżejjed fiha nnifisha u li l-motivazzjoni tagħha ma tistax tiġi minn spjegazzjonijiet miktubin jew orali mogħtijin wara, meta d-deċiżjoni msemmija hija diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem qorti tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T‑16/91, Ġabra p. II‑1827, punto 45).

288    F’dan il-każ partikolari, għandu jingħad li l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni u SNCM, li d-dħul nett mill-bejgħ ta’ assi immobbli huwa inkluż fl-ammont ta’ EUR 21 miljun ta’ dħul nett mill-bejgħ indikat fil-punt 99 tad-deċiżjoni kkontestata ma tidhirx f'dik id-deċiżjoni, u dan ġie ammess mill-Kummissjoni fis-seduta, wara li rrispondiet mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

289    Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad li din l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni mogħtija tard hija kontradetta mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, peress li l-punti 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata huma limitati li jsemmu biss bejgħ ta’ bastimenti ta’ SNCM mingħajr, sa dak l-istadju tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemm l-ebda referenza għall-bejgħ ta’ assi immobbli, li jiġu indikati għall-ewwel darba fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li l-indikazzjoni fil-punt 99 ta’ din d-deċiżjoni, li tgħid li d-dħul previst minn "dan" il-bejgħ huwa ta’ EUR 21 miljun, tirreferi neċessarjament għall-bejgħ biss ta’ bastimenti msemmijn fil-punti ta’ qabel, jiġifieri l-punti 97 u 98. Bl-istess mod, l-indikazzjoni fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li "b’mod parallel" SNCM kienet pprevedit li tbiegħ l-assi immobbli, li kienu fil-fatt inbiegħu għal EUR 12-il miljun tad-dħul nett mill-bejgħ, tikkonferma li l-ammont tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli kien ġie kkusidrat mill-Kummissjoni bħala differenti mid-dħul nett mill-bejgħ ta’ bastimenti u b’żieda ma’ dan ta’ l-aħħar. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li la l-punt 328 u lanqas il-punt 341 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirriferu mingħajr dettall ieħor, għall-eżistenza ta’ dħul nett mill-bejgħ ta’ EUR 21, ma jippermettu li wieħed jifhem li dan l-ammont jinkludi, minbarra d-dħul nett mill-bejgħ tal-bastimenti, id-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli.

290    Minn dan isegwi li l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni u ta’ SNCM li l-ammont ta’ EUR 21 miljun kkunsidrat għad-determinazzjoni ta’ l-ammont minimu ta’ l-għajnuna fil-punt 328 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi l-bejgħ ta’ assi immobbli, għandha tiġi miċħuda.

291    Fi kwalunkwe każ, ukoll jekk wieħed jissupponi, kif issostnu l-Kummissjoni u SNCM, li d-dħul nett mill-bejgħ previst ta' EUR 21 miljun indikat fil-punt 99 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiftiehem fis-sens li jinkludi d-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli, minkejja dan il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra biss, fil-punt 328 ta’ din id-deċiżjoni, dħul nett mill-bejgħ f’ammont ta’ EUR 21 miljun biex tiġi aċċertata n-natura minima ta’ l-għajnuna.

292    Fil-fatt, jekk ma jistax jiġi eskluż li d-dħul nett mill-bejgħ ta' l-assi navali u immobbli kien ġie stmat fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni f’EUR 21 miljun, ma jistax jiġi ammess, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, li hija għandha d-dritt li tibbaża lilha nnifisha fuq sempliċi previżjonijiet, anki jekk dawn ma jikkorrispondux għar-realtà, biex ma jkunx hemm dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Billi l-valutazzjoni tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ EUR 21 miljun li tidher fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni saret f’Diċembru 2001, kif jirriżulta min-nota 31 tal-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet marbuta, fid-dawl tal-ħtieġa li tivverifika, skond il-linji gwida, in-natura strettament neċessarja ta’ l-għajnuna, li tikkorreġi l-istima msemmija biex tqis is-sitwazzjoni reali ta’ SNCM, kif kienet teżisti fl-epoka ta’ l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kważi 19-il xahar wara.

293    Għalhekk, jekk SNCM issostni ġustament li, billi ltaqgħet ma’ diffikultà biex tbiegħ in-NGV Asco, il-Kummissjoni, fiż-żmien ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tieħu in kunsiderazzjoni, għal dak li jirrigwarda dan il-bastiment, dħul nett mill-bejgħ anqas mill-valutazzjoni indikata fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, b’hekk kienet tagħmel korrezzjoni fin-negattiv ta’ din l-istima, il-Kummissjoni kellha wkoll tagħmel il-korrezzjonijiet pożittivi xierqa biex jiżdiedu l-istimi fuq il-bastimenti l-oħrajn.

294    Madankollu, f'dan il-każ partikolari, mill-punti 99 u 101 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li SNCM, minn naħa, biegħet it-tliet bastimenti l-oħrajn li l-bejgħ tagħhom kien previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni kif ukoll Southern Trader u li t-total tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ dawn l-erba’ bastimenti kien ta’EUR 1.2 miljun iktar milli mistenni u li, min-naħa l-oħra, hija biegħet l-assi immobbli li l-bejgħ tagħhom kien previst mill-imsemmi pjan għal dħul nett mill-bejgħ ta’ EUR 12-il miljun.

295    Għandu jiġi rrilevat li, u dan mhux ikkontestat minn SNCM, it-tnaqqis tad-dħul nett mill-bejgħ li jiġi mill-korrezzjoni fin-negattiv fuq bastiment wieħed NGV Asco ma jikkumpensax għal kollox in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi.

296    Fil-fatt fin-nota ta’ intervent tagħha, SNCM tat lill-Qorti tal-Prim’Istanza għal kull wieħed mill-erba’ bastimenti li l-bejgħ tiegħu kien previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-ammont li kien jikkorrispondi għar-"riżorsi reali disponibbli għal SNCM". Kif intqal fuq diġà, għal dak li jirrigwarda l-bastimenti Napoléon u Monte Rotondo, billi l-bejgħ tagħhom sar fl-2002, jeħtieġ jiġi rrilevat, wara li jitqies iż-żmien li għadda bejn il-bejgħ imsemmi u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont indikat minn SNCM jikkorrispondi għall-ammont eżatt tad-dħul nett mill-bejgħ tal-bastimenti msemmijin. Bl-istess mod, fir-rigward tal-bastiment Liberté ukoll, li nbiegħ fl-2003 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li ħlief għall-bżonn li jsiru eventwalment tibdiliet żgħar, l-ammont indikat fin-nota ta’ intervent ta’ SNCM jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal dak tad-dħul nett ta’ bejgħ minn dak il-bastiment, billi n-nukleu essenzjali ta’ l-elementi li jippermettu li jiġi kkalkolat l-ammont imsemmi kien magħruf fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, SNCM ikkonfermat fis-seduta li l-ammont indikat fin-nota ta’ intervent tagħha kien ta’ min wieħed joqgħod fuqu.

297    Minn din l-informazzjoni mogħtija minn SNCM jirriżulta li, anki jekk jiġi kkunsidrat li jkun hemm dħul nett negattiv mill-bejgħ tan-NGV Asco, l-ammont effettiv tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-erba’ bastimenti msemmijin kien ta’ madwar EUR 16.5 miljun, b’mod li, waqt li jkun ikkunsidrat id-dħul nett mill-bejgħ ta’ EUR 12-il miljun indikat fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata għall-bejgħ ta’ l-assi immobbli, id-dħul nett mill-bejgħ totali f’idejn SNCM fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellu jammonta għal madwar EUR 28.5 miljun minflok għal 21 miljun kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

298    F’dan ir-rigward, l-affermazzjonijiet ta’ SNCM intiżi sabiex juru li l-ammont kkunsidrat fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata jirriferi għad-dħul gross mill-bejgħ għandhom jiġu miċħudin, billi jikkontradixxu direttament il-kliem ta’ dan il-punt. Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni li l-ammont ikkunsidrat fil-punt imsemmi jirrigwarda parzjalment il-bejgħ ta’ assi indispensabbli għall-attività ta’ l-impriża, biżżejjed jingħad li, minbarra l-fatt li din l-affermazzjoni m’għandhiex elementi oħrajn ta’ informazzjoni in sostenn tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda element f’dan is-sens biex tiġġustifika in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ dawn l-assi immobbli, la fil-punt 101 u lanqas fil-punt 328 ta' l-istess deċiżjoni. Iżda jingħad li wara li jitqiesu ċ-ċifri mogħtija minn SNCM dwar id-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli, l-ammont reali tar-riżorsi f’idejn dik il-kumpannija, indikat minnha stess fin-nota ta’ intervent tagħha, kien ta’ EUR 24.9 miljun.

299    Mistoqsija dwar dan il-punt fis-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li l-ammont kumplessiv tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi navali u immobbli li hija kellha fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien akbar minn EUR 21 miljun.

300    Għalhekk, minn dak li jingħad preċedentement jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni billi, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont minimu ta’ l-għajnuna, hija tieħu in kunsiderazzjoni biss dħul nett mill-bejgħ f’ammont ta’ EUR 21 miljun, filwaqt li minn din id-deċiżjoni u mill-ispjegazzjonijiet mogħtijin fil-kuntest ta’ din il-proċedura jirriżulta li l-Kummissjoni, skond l-elementi li kellha f’idejha fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tikkonstata li dan id-dħul nett mill-bejgħ kien iktar minn EUR 21 miljun.

301    L-ebda argument ieħor tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjenti l-oħrajn ma jista’ jqiegħed fid-dubju din il-konklużjoni.

302    L-ewwelnett, l-allegazzjoni mressqa mill-Kummissjoni fil-kontroreplika, li għall-eżami fil-futur tat-tieni parti ta’ EUR 10 miljuni skond l-Artikolu 6 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli u tal-bastimenti li l-bejgħ tagħhom deher fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u li kienu għadhom ma nbiegħux fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi ddikjarata bħala infondata.

303    Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-Artikoli 3 u 6 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedu l-imputazzjoni fit-tieni parti ta’ l-għajnuna tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli magħmul minn SNCM, mill-kliem ta' l-imsemmija artikoli, kif ukoll mill-punti 357 u 358, li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa, jirriżulta li din it-tieni parti hija intiża biss biex tqis id-dħul mill-bejgħ ta’ l-ishma mhux strateġiċi imposti mill-Kummissjoni bħala kundizzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, bejgħ li huwa elenkat bħala obbligatorju fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata u li jirrigwarda l-ishma fil-kumpanniji Amadeus France, Compagnie Corse Méditerranée, Société Civile Immobilière Schuman, SMIP u Someca.

304    Kif ikkonfermat il-Kummissjoni iktar minn darba fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet miktubin u fis-seduta, l-assi immobbli li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet, imsemmijin iktar 'il fuq, tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-ħlas tat-tieni parti ma jifformawx parti mill-bejgħ ta’ l-immobbli msemmi fil-punt 101 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni kellha tqishom għad-determinazzjoni tan-natura minima ta’ l-għajnuna mogħtija fil-punt 328 ta’ dik id-deċiżjoni. Fir-rigward tal-bastiment Southern Trader miżmum għand SMIP, il-Kummissjoni spjegat fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub, li hija kienet talbet il-bejgħ tiegħu fl-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni dwar il-bejgħ ta’ dan il-bastiment fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, b’mod li l-bastiment imsemmi ma kellux jiġi kkunsidrat bħala assi inkluż fl-ammont ta’ EUR 21 miljun imniżżel fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

305    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fin-noti tagħha, id-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi immobbli msemmi fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni għall-ħlas tat-tieni parti ta’ l-għajnuna.

306    Għalhekk, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tevalwa iktar jekk il-kundizzjonijiet għall-ħlas tat-tieni parti kinux sodisfatti ma tista’ bl-ebda mod tqiegħed fid-dubju l-konklużjonijiet preċedenti dwar il-fatt li, għad-determinazzjoni tan-natura minima ta' l-għajnuna, id-dħul nett mill-bejgħ kollu ta’ l-assi mhux indispensabbli, ma tteħidx in kunsiderazzjoni.

307    Għall-istess raġuni l-Kummissjoni ma tistax madankollu ssostni, kif għamlet fis-seduta, li bl-awtorizzazzjoni ta’ l-ewwel parti ta’ l-għajnuna għal ammont ta’ EUR 66 miljun, hija żgurat in-natura minima ta’ l-imsemmija għajnuna, billi t-teħid in kunsiderazzjoni ta' dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi mhux indispensabbli ta’ iktar minn EUR 21 miljun kellu, fil-prinċipju, iwassalha sabiex tirrileva li l-ammont ta' għajnuna nnotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi ma kienx jirrispetta l-ħtieġa li l-għajnuna tinżamm għall-minimu u, għalhekk, ma kinux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet biex l-għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

308    Fit-tieni lok, rigward il-fatt imsemmi fil-qosor mill-Kummissjoni li l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku kien ġie stmat baxx sa mill-2001, biżżejjed jingħad li dan il-fatt ġie debitament ikkunsidrat mill-Kummissjoni biex jiġi ddeterminat l-ammont minimu ta’ l-għajnuna, għaliex, kif jirriżulta partikolarment mill-punti 326 u 327 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti ta’ l-għajnuna nnotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi bħala għajnuna ta’ ristrutturazzjoni maħsuba biex tippermetti li "tagħlaq darba għal dejjem il-kwistjoni tal-konsegwenzi tal-kumpens finanzjarju insuffiċjenti fl-applikazzjoni [tal-ftehim ta’l-1991 u tal-ftehim ta’ l-1996] dwar l-ispejjeż għat-tħaddim u l-ispejjeż relatati ma' l-operazzjonijiet fuq l-art kkunsidrati għal dan il-perijodu fuq ir-rotot li huma suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku" kienet ġiet awtorizzata f’ammont ta’ EUR 53.48 miljun. Għalhekk, l-imsemmi fatt ma setax jiġi kkunsidrat it-tieni darba għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ l-assi mhux indispensabbli li kellu jitnaqqas għall-kalkolu ta’ l-ammont minimu ta’ l-għajnuna. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

309    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-fatt imqajjem minn SNCM li l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri EUR 25 miljun (EUR 46 miljun - EUR 21 miljun) u l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku, jiġifieri EUR 53.48 miljun, setgħu jiġġustifikaw flimkien għajnuna għar-ristrutturazzjoni sa ammont ta’ EUR 78.48 miljun, b’marġini għalhekk ta’ EUR 2.48 miljun, biżżejjed jingħad li l-għajnuna nnotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi kienet tirrigwarda għajnuna mhux ta’ EUR 78.48 miljun, imma ta’ EUR 76 miljun. Mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li għandha tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ għajnuna differenti mill-għajnuna eżaminata mill-Kummissjoni, u b'hekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma' dik tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1996, SNCF u British Railways vs Il-Kummissjoni, T‑79/95 u T‑80/95, Ġabra p. II‑1491, punt 64). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-differenza li allegata minn SNCM ftit hija sinjifikanti fir-rigward ta’ l-iżball meħud b’vantaġġ għaliha fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tad-dħul nett mill-bejgħ ta’ assi mhux indispensabbli.

310    Fir-raba’ lok, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-allegazzjoni ta’ SNCM li l-ammont ta’ għajnuna jirrigwarda strettament EUR 22.5 miljun biss, jiġifieri d-differenza bejn l-injezzjoni finanzjarja mill-Istat Franċiż u l-kumpens inqas għal servizz pubbliku, u huwa ekwivalenti għalhekk għal 48% ta’ l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni li jammontaw għal EU 46 miljun, hija tibbaża ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-ammont tal-kumpens inqas għal servizz pubbliku ma jikkostitwix għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE. Dan huwa eżatt biss fil-każ li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmijin fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (imsemmija iktar 'il fuq fil-punt 105) fir-rigward ta’ dik il-parti ta’ l-injezzjoni finanzjarja. Iżda, f’dan ir-rigward mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma' dik tal-Kummissjoni (sentenza SNCF u British Railways vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 309, punt 64).

311    Din il-kunsiderazzjoni hija iktar importanti f'dan il-każ fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat espliċitament, kif jirriżulta b'mod partikolari fil-punti 260 u 326 ta' l-istess deċiżjoni, li, anki jekk l-ammont tal-kumpens inqas finanzjarju għal servizz pubbliku seta' jiġi eżaminat bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni, inkluża l-parti li tikkorrispondi għal kumpens inqas għas-servizz pubbliku, minħabba l-fatt li l-għajnuna msemmija kienet ġiet innotifikata bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni u biex jerġa’ jkun hemm il-qligħ kien jeħtieġ li din l-għajnuna tippermetti wkoll ir-rimbors tad-djun li jiġu mill-imsemmi kumpens inqas.

312    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li l-ammont totali ta’ l-għajnuna msemmija, jiġifieri EUR 76 miljun, jirrappreżenta madwar 76% ta’ l-ispiża totali tar-ristrutturazzjoni, li, billi jingħaddu l-kumpens inqas għal servizz pubbliku ammont ta’ EUR 53.48 miljun u l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni ta’ EUR 46 miljun, jammonta għal EUR 98.48 miljun. Min-naħa l-oħra, ukoll jekk jitqies biss l-ammont ta’ l-ewwel parti ta’ EUR 66 miljun, għandu jiġi rrilevat li din il-parti tirrappreżenta madwar 66% ta’ l-ispiża totali.

313    Fi kwalunkwe każ, ukoll jekk wieħed jissupponi li l-kundizzjonijiet msemmijin fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 105) ġew sodisfatti, il-fatt li l-għajnuna hija ekwivalenti f’dan il-każ għal inqas minn 50% ta’ l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni ma jwaqqax il-kunsiderazzjoni li l-għajnuna msemmija tibqa’ eċċessiva billi ma ġiex ikkunsidrat id-dħul nett mill-bejgħ li kien hemm fit-twettiq tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Kif intqal iktar 'il fuq, għajnuna għar-ristrutturazzjoni, skond il-punt 40 tal-linji gwida, għandha tkun limitata għall-"minimu indispensabbli", wara li tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni finanzjarja ta’ l-impriża li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-bejgħ ta’ ċerti assi jekk dawn ma jkunux indispensabbli għas-sopravivenza ta’ l-impriża.

314    Fl-aħħar u fil-ħames lok, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-Repubblika Franċiża fin-noti tagħha li metodi oħrajn ta’ evalwazzjoni magħmulin mill-awtoritajiet Franċiżi setgħu jiġġustifikaw ammont ekwivalenti għall-għajnuna msemmija, biżżejjed jingħad li, fil-punti 320 sa 325 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet espliċitament dawn il-metodi biex adottat metodu alternattiv elaborat minnha stess.

315    Għalhekk, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-ilment tar-rikorrenti dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tikkunsidra d-dħul nett mill-bejgħ sħiħ mill-assi mhux indispensabbli għad-determinazzjoni tan-natura minima ta’ l-għajnuna huwa fondat u għalhekk id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata, minn dan l-aspett, bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Konklużjoni fuq it-tieni motiv

316    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li it-tieni motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u tal-linji gwida, safejn jallega li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ l-ilment dwar l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura minima ta’ l-għajnuna, għandu jiġi miċħud.

317    Billi n-natura minima ta’ l-għajnuna tirriferi, kif indikat il-Kummissjoni fil-punti 19 u 20 tal-linji gwida, għall-kundizzjoni li hemm fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li tistabbilixxi li sabiex għajnuna tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, hija m’għandhiex tibdel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod li jmur kontra l-interess komuni, jsegwi li d-difett li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda waħda mill-kundizzjoniiet previsti fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE sabiex għajnuna tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

318    F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ jingħad li l-kundizzjonijiet biex l-għajnuna msemmija tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni min-naħa tal-Kummissjoni ma ġewx sodisfatti fil-każ partikolari. Għalhekk, id-difett li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kellu, f’dan il-każ partikolari, influwenza determinanti fir-rigward ta' l-eżitu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 49).

319    Bħala konsegwenza, billi d-determinazzjoni tan-natura minima ta’ l-għajnuna għandha importanza essenzjali fl-ekonomija ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza ċċitata Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 62, punt 420) u l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, m’għandhiex tibdel l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (sentenza British Railways vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 309, punt 64), jeħtieġ li jiġi deċiż li tiġi annullata din id-deċiżjoni, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat kemm huma fondati l-ilmenti mressqin mir-rikorrenti dwar il-kundizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni kkontestata.

320    Fil-fatt, b’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni, l-iktar fid-dawl tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 105), tista’ tagħmel evalwazzjoni ġdida dwar in-natura ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat tal-miżura in kwistjoni jew, ta’ l-inqas, ta’ parti minnha, skond l-Artikolu 87(1) KE u li hija jkollha, jekk ikun il-każ, tibdel il-kundizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni kkontestata, meta dawn il-kundizzjonijiet jibqgħu meħtieġa fid-dawl ta’ l-ammont tal-miżura li jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat (ara f’dan is-sens, is-sentenza iċċitata SNCF u British Railways vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 309, punt 64).

321    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

322    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet din il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti, kif mitlub mir-rikorrenti. 

323    Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, SNCM, l-intervenjenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

324    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/166/KE, tad-9 ta’ Lulju 2003, dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza kellha l-intenzjoni li tagħti lis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM), hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti kif ukoll l-ispejjeż tagħha.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u SNCM għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Ġunju 2005.

H. Jung

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Fatti li wasslu għall-kawża

1.  Kumpanniji marittimi fil-kwistjoni

2.  Obbligi ta’ servizz pubbliku relatati mal-konnessjonijiet marittimi bejn Franza kontinentali u Korsika

Il-proċedura amministrattiva

1.  Għajnuniet favur SNCM għall-kumpens ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-ftehim ta’ l-1991 u tal-ftehim ta’ l-1996

2.  Għajnuniet għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni favur SNCM

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Osservazzjoni preliminari dwar kif id-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004 tolqot dan ir-rikors

2.  Fuq l-ewwel motiv, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE billi d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed.

Osservazzjonijiet preliminari dwar is-sinjifikat tal-motiv

Fuq l-ilmenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Konklużjoni fuq l-ewwel motiv

3.  Fuq it-tieni motiv, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-linji gwida fejn jingħad li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

Osservazzjonijiet preliminari dwar l-istħarriġ ġudizzjarju eżeċitat mill-Qorti ta’ Prim’Istanza

Fuq l-ilmenti dwar il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

Konklużjoni fuq it-tieni motiv

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.