Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Ottubru 2016 – ZPT AD vs Narodno sabranie na Republika Bulgaria, Varhoven administrativen sad, Natsionalna agentsia za prihodite

(Kawża C-518/16)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski gradski sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ZPT AD

Konvenuti: Narodno sabranie na Republika Bulgaria, Varhoven administrativen sad, Natsionalna agentsia za prihodite

Domandi preliminari

Regoli li japplikaw id-dritt tal-Unjoni bħalma huma r-Regolament Nru 1998/2006 1 għandhom effett dirett u japplikaw immedjatament u, fl-affermattiv, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali tal-Unjoni tmur kontra dawn il-prinċipji?

Għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ vantaġġ fiskali li tiġi investita fl-assi użati għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti li parti minnhom tiġi esportata lejn Stati terzi jew lejn Stati Membri hija kompatibbli mal-kompetizzjoni fis-suq komuni?

Il-fabbrikazzjoni, permezz ta’ assi akkwistati b’fondi li joriġinaw minn għajnuna mill-Istat, ta’ prodotti esportati hija attività marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati fis-sens tal-Artikolu 1[(1)](d) tar-Regolament Nru 1998/2006? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, restrizzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-esportaturi ta’ prodotti ffabbrikati permezz ta’ assi li jirriżultaw mill-investiment ta’ vantaġġ fiskali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, x’inhija r-relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni legali u l-Artikolu 35 TFUE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri, u kwalunkwe miżura b’effett ekwivalenti, u jkun hemm diskriminazzjoni u ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija?

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1998/2006 jipprekludi li persuna ġuridika tiġi mċaħħda mir-rikonoxximent tad-dritt għal għajnuna finanzjarja de minimis li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ snin [previst fid-dritt] nazzjonali għall-implementazzjoni tal-investiment, u dan għar-raġuni biss li, matul l-istess perijodu, din il-persuna ġuridika investiet ukoll fondi fi strutturi awtonomi oħra tal-impriża tagħha li prodotti tagħha ġew esportati?

____________

1 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 654).