Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (Is-Slovakkja) fit-23 taʼ Jannar 2013 - Monika Kušionová vs SMART Capital a.s.

(Kawża C-34/13)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Prešove

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Monika Kušionová

Konvenuta: SMART Capital a.s.

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE 2, tal-5 ta' April 1993, dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur u d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , tal-11 ta' Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22) għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija kuntrarja għal dawk id-direttivi, leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħall-Artikolu 151j(1) tal-Kodiċi Ċivili, ikkunsidrat flimkien ma' dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal każ odjern, li tippermetti lil kreditur li jirkupra ammonti li jirriżultaw minn klawżoli inġusti permezz tal-eżekuzzjoni ta' garanzija immobbiljari li tkun tiggrava l-beni immobbli tal-konsumatur mingħajr l-evalwazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali minn qorti, minkejja l-eżistenza ta' tilwima li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kinitx teżisti klawżola inġusta?

Id-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea, ċċitati fil-punt 1, jipprekludu l-applikazzjoni ta' regola nazzjonali, bħall-Artikolu 151j(1) tal-Kodiċi Ċivili, ikkunsidrat flimkien ma' dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal każ odjern, li tippermetti lil kreditur li jirkupra ammonti li jirriżultaw minn klawżoli inġusti permezz tal-eżekuzzjoni ta' garanzija immobbiljari li tkun tiggrava l-beni immobbli tal-konsumatur mingħajr l-evalwazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali minn qorti, minkejja l-eżistenza ta' tilwima li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kinitx teżisti klawżola inġusta?

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 1978, mogħtija fil-Kawża 106/77, Amministrazione delle Finanze dello Stato vs Simmenthal , għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-għanijiet tad-direttivi ċċitati fil-punt 1 u fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikolu 151j(1) tal-Kodiċi Ċivili, ikkunsidrat flimkien ma' dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal każ odjern, li tippermetti lil kreditur li jirkupra ammonti li jirriżultaw minn klawżoli inġusti permezz tal-eżekuzzjoni ta' garanzija immobbiljari li tkun tiggrava l-beni immobbli tal-konsumatur mingħajr l-evalwazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali minn qorti, u li jippermettulu wkoll li jevita l-istħarriġ ġudizzjarju ex officio tal-klawżoli kuntrattwali minkejja l-eżistenza ta' tilwima?

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, li tkun tifforma parti minn kuntratt konkluż ma' konsumatur meta dan tal-aħħar ma jkunx irrappreżentat minn avukat, li tippermetti lill-kreditur li jeżegwixxi, b'mezzi extra-ġudizzjarji, garanzija immobbiljari mingħajr l-istħarriġ ġudizzjarju, tmur kontra l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jikkonsisti fi stħarriġ ġudizzjarju ex officio tal-klawżoli kuntrattwali u, b'konsegwenza ta' dan il-fatt, hija inġusta anki meta t-test ta' tali klawżola kuntrattwali jkun jirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali?

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

2 - ĠU L 149, p. 22.

3 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra 1978 p. 629).