Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Settembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajský súd v Prešove - is-Slovakkja) – Monika Kušionová vs SMART Capital, a.s.

(C-34/13) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum – Artikolu 1(2) – Klawżola li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva mandatorja – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva – Artikoli 3(1), 4, 6(1) u 7(1) – Garanzija tad-dejn permezz ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli – Possibbiltà li din il-garanzija tiġi eżegwita permezz ta’ bejgħ b’irkant – Stħarriġ ġudizzjarju)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Prešove

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Monika Kušionová

Konvenuta: SMART Capital, a.s.

Dispożittiv

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-irkupru ta’ dejn, ibbażat fuq klawżoli kuntrattwali eventwalment inġusti, permezz tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja ta’ garanzija fuq il-proprjetà immobbli mogħtija b’garanzija mill-konsumatur, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tagħmilx prattikament impossibbli jew esklużivament diffiċli s-salvagwardja tad-drittijiet li din id-direttiva tagħti lill-konsumatur, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, li tinsab f’kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss jekk l-imsemmija klawżola kuntrattwali tirrifletti l-kontenut mandatorju ta’ liġi jew ta’ regolament, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

____________

1 ĠU C 141, 18.5.2013