Language of document : ECLI:EU:C:2014:2189

Kawża C‑34/13

Monika Kušionová

vs

SMART Capital, a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum — Artikolu 1(2) — Klawżola li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva mandatorja — Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva — Artikoli 3(1), 4, 6(1) u 7(1) — Garanzija tad-dejn permezz ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli — Possibbiltà li din il-garanzija tiġi eżegwita permezz ta’ bejgħ b’irkant — Stħarriġ ġudizzjarju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Settembru 2014

1.        Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Motivi intiżi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irkupru ta’ dejn permezz tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja ta’ garanzija fuq il-proprjetà immobbli mogħtija bħala garanzija mill-konsumatur — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza — Effett tad-dritt fundamentali għal akkomodazzjoni — Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikoli 7, 38, 47; Direttiva tal-Kunsill 93/13)

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kamp ta’ applikazzjoni — Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatorji ta’ liġi jew ta’ regolament — Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 1(2))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)

2.        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irkupru ta’ dejn, ibbażat fuq klawżoli kuntrattwali eventwalment inġusti, permezz tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja ta’ garanzija fuq il-proprjetà immobbli mogħtija b’garanzija mill-konsumatur, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tagħmilx prattikament impossibbli jew esklużivament diffiċli s-salvagwardja tad-drittijiet li din id-direttiva tagħti lill-konsumatur, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punt 68 u d-dispożittiv 1)

3.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, li tinsab f’kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss jekk l-imsemmija klawżola kuntrattwali tirrifletti l-kontenut mandatorju ta’ liġi jew ta’ regolament, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punt 80 u d-dispożittiv 2)