Language of document : ECLI:EU:C:2010:773

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)


Kawża C‑115/09

Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen e.V.

vs

Bezirksregierung Arnsberg

Trianel Kohlekraftwerk Lünen (intervenjenti)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja))

“Parteċipazzjoni pubblika f’ċerti pjanijiet u programmi relatati mal-ambjent – Portata tad-dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet li jawtorizzaw proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (Qorti Amministrattiva Ogħla għal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) tirrigwarda organizzazzjoni mhux governattiva ambjentali (iktar ’il quddiem “NGO ambjentali”) li qed titlob stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva li tista’ taffettwa l-ambjent. Dawn ma humiex proċeduri ta’ rikors kollettiv (pereżempju, minn organizzazzjoni li tiġbor flimkien numru ta’ residenti lokali li jallegaw li ser jintlaqtu ħażin mill-effetti ta’ proġett partikolari fil-lokalità fejn igħixu). Għall-kuntrarju, l-għan tar-rikors għal stħarriġ ġudizzjarju huwa li jikkontesta d-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni sa fejn tawtorizza attivitajiet li, huwa allegat, ser ikollhom effett negattiv fuq l-ambjent bħala tali. F’dak is-sens, jista’ jingħad li l-NGO ambjentali qed tipprova taġixxi f’isem l-ambjent innifsu.

2.        Skont id-dritt Ġermaniż, parti li tkun tixtieq tressaq azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju għandha tinvoka ksur ta’ dritt individwali sostantiv. Il-qorti tar-rinviju qed titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EIA”) (2), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/K (3). B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, effettivament, jekk id-Direttiva EIA u l-Konvenzjoni ta’ Århus dwar Aċċess għall-Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”) jagħtux, jew jeħtiġux li l-Istati Membri jagħtu, id-dritt lill-NGOs ambjentali li jippreżentaw rikors quddiem il-qrati nazzjonali, mingħajr ma juru jew jinvokaw il-ksur ta’ dritt individwali sostantiv.

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Århus

3.        Fil-25 ta’ Ġunju 1998, il-Komunità Ewropea, l-Istati Membri individwali u 19-il Stat ieħor iffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Århus, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2001. Din ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea fis-17 ta’ Frar 2005 (4) u ġiet irratifikata mill-Ġermanja fil-15 ta’ Jannar 2007.

4.        Il-premessi 7, 8, 13 u 18 fil-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdu skont kif ġej:

“[7] Waqt li jirrikonoxxu […] li kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u l-benesseri tagħha, u d-dmir, kemm individwalment kif ukoll ma’ ħaddieħor, li tħares u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri”;

“[8] Waqt li jikkunsidraw li, sabiex ikunu jistgħu jasserixxu dan id-dritt u josservaw dan id-dmir, iċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni, ikunu intitolati jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u jirrikonoxxu f’dan ir-rigward li ċ-ċittadini jistgħu jeħtieġu għajnuna sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom”;

“[13] Waqt li jirrikonoxxu ulterjorment l-importanza tar-rwoli rispettivi li ċittadini individwali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-settur privat jista’ jkollhom fil-ħarsien tal-ambjent”;

“[18] Waqt li jinsabu mħassba li mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi organizzazzjonijiet, sabiex l-interessi leġittimi tiegħu jkunu protetti u l-liġi tiġi infurzata.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 2(5) jiddefinixxi “il-pubbliku kkonċernat” bħala “il-pubbliku affettwat jew li iktarx ikun affettwat minn, jew li għandu interess fi, it-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-ħarsien ambjentali u li jissodisfaw ir-rekwiżiti taħt id-dritt nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”

6.        L-Artikolu 9 jinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għall-ġustizzja kemm għall-individwi kif ukoll għal organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll għal regoli li japplikaw għal proċeduri ġudizzjarji. B’mod partikolari, l-Artikolu 9(2) jiddikjara:

“2. Kull Parti għandha, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li l-membri tal-pubbliku kkonċernat:

(a)      ikollhom interess suffiċjenti, jew, alternattivament,

(b)      isostnu indebboliment ta’ dritt,[(5)] meta d-dritt proċedurali amministrattiv ta’ Parti jkun jeħtieġ dan bħala prerekwiżit,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti u/jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi, sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, meta dan ikun ipprovdut taħt id-dritt nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 hawn isfel, ta’ dispożizzjonijiet relevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u indebboliment ta’ dritt għandu jiġi stabbilit b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali u b’mod konsistenti mal-oġġettiv li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fl-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies bħala suffiċjenti għall-finijiet tas-subparagrafu (a) iktar ’il fuq. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li jkollhom drittijiet li jistgħu jiġu indebboliti għall-finijiet tas-subparagrafu (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit ta’ eżawriment ta’ proċeduri ta’ reviżjoni amministrattiva qabel ma wieħed jirrikorri għal proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fejn tali rekwiżit jeżisti taħt id-dritt nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva EIA kif emendata bid-Direttiva 2003/35

7.        Il-Konvenzjoni ta’ Århus ġiet inkorporata fis-sistema legali tal-Komunità permezz ta’ (inter alia) id-Direttiva 2003/35. Din id-direttiva emendat żewġ direttivi ambjentali, jiġifieri d-Direttiva EIA u d-Direttiva IPPC (6), “sabiex jiġi żgurat li huma kompatibbli fis-sħiħ mal-konvenzjoni ta’ Århus, b’mod partikolari [...] l-Artikolu 9(2) [...] tagħha” (7).

8.        Il-premessi (3) u (4) fil-preambolu tad-Direttiva 2003/35 jikkonċernaw il-parteċipazzjoni pubblika. Il-premessa (4) tirreferi espressament għall-irwol ta’ NGOs ambjentali:

“(3) Il-parteċipazzjoni pubblika effettiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet tgħin lill-pubbliku li jesprimi, u lil min jagħmel id-deċiżjoni li jqis, l-opinjonijiet u t-tħassib li jistgħu jkunu rilevanti għal dawn id-deċiżjonijiet, biex b’hekk jiżdiedu l-kontabbiltà u t-trasparenza tal-proċess tal-għemil tad-deċiżjonijiet u jikkontribwixxu għall-konoxxenza tal-kwistjonijiet ambjentali u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda.

(4) Il-parteċipazzjoni, inkluża l-parteċipazzjoni mill-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippomwovu l-protezzjoni ambjentali, għandha għalhekk tiġi inkoraġġita, inkluża, fost ħwejjeġ oħra, l-edukazzjoni tal-pubbliku li tippromwovi l-ambjent.”

9.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EIA, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, jirrifletti l-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Århus billi jiddefinixxi “il-pubbliku interessat” bħala “il-pubbliku affettwat jew x’altarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess” (8).

10.      Id-Direttiva 2003/35 daħħlet ukoll artikolu ġdid – l-Artikolu 10a – fid-Direttiva EIA. Dan l-artikolu fih dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja. Huwa fformulat hekk:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

(a)      li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament,

(b)      li jżommu [jallegaw] l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista [proċedura ta’ stħarriġ] quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex [sabiex] jisfida [jikkontesta] l-legalità sostanzjali [sostantiva] jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati [kkontestati] d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

Dak li jikkostiwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafi (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja, meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-efettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħif prattiku disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista [tal-istħarriġ]”.

 Id-dritt nazzjonali

11.      L-Artikolu 19(4) tal-Grundgesetz (Liġi Bażi) jipprovdi li “[j]ekk id-drittijiet ta’ persuna jiġu indebboliti minn awtorità pubblika, hija tista’ tirrikorri quddiem il-qrati […]”.

12.      Il-paragrafu 42 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (Regoli tal-Qorti Amministrattiva; “il-VwGO”) jipprovdi li:

“(1) Rikors jista’ jitlob l-annullament ta’ miżura (rikors għal annullament) jew sabiex tiġi adottata miżura amministrattiva ordnata f’każ ta’ rifjut jew nuqqas li tittieħed azzjoni (rikors għal inġunzjoni).

(2) Ħlief fejn il-liġi tipprovdi mod ieħor, tali rikors huwa ammissibbli biss jekk ir-rikorrent jasserixxi li d-drittijiet tiegħu ġew indebboliti mill-miżura amministrattiva jew mir-rifjut jew nuqqas li tittieħed azzjoni.”

13.      L-ewwel sentenza tal-paragrafu 113(1) tal-VwGO tipprovdi li “safejn il-miżura amministrattiva tkun illeċita u d-drittijiet tar-rikorrent ikun ġew indebboliti minnha, il-qorti għandha tannulla l-miżura amministrattiva flimkien ma’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ appell interna fejn dan ikun propizju.”

14.      Il-paragrafu 1(1) tal-Gesetz über ergänzende Vorschriften zu Rechtsbehelfen in Umweltangelegenheiten nach der EG-Richtlinie 2003/35/EG (Liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jirregolaw rikorsi fi kwistjonijiet ambjentali taħt id-Direttiva 2003/35/KE, magħrufa wkoll bħala l-Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz; “l-UmwRG”) jipprovdi, inter alia:

“(1)      Din il-liġi għandha tapplika għal rikorsi li jikkontestaw

1.      deċiżjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-paragrafu 2(3) tal-Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung [Liġi dwar evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali: “il-UVPG”] dwar l-ammissibbiltà ta’ proġetti li fir-rigward tagħhom, taħt

a)      il-[UVPG],

[...]

jista’ jkun hemm obbligu biex tiġi implimentata evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali”.

15.      Il-paragrafu 2(1) tal-UmwRG jipprovdi, b’mod partikolari:

“Assoċjazzjoni domestika jew barranija rikonoxxuta taħt il-paragrafu 3 tista’ tippreżenta rikors skont l-[VwGO] sabiex tikkontesta deċiżjoni fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1(1) jew nuqqas li tiġi adottata tali deċiżjoni, mingħajr ma hija meħtieġa ssostni indebboliment tad-drittijiet tagħha stess, kemm-il darba l-assoċjazzjoni:

1.      tasserixxi li deċiżjoni fit-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1(1) jew nuqqas li tiġi adottata tali deċiżjoni tikser id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi intiżi għall-ħarsien tal-ambjent, li jagħtu drittijiet individwali u li jistgħu jkunu relevanti għad-deċiżjoni”.

16.      Il-paragrafu 2(5) tal-UmwRG jiddikjara li:

“Rikorsi ppreżentati skont is-subparagrafu 1 għandhom jitqiesu fondati:

1.      sa fejn id-deċiżjoni fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1(1) jew in-nuqqas li tiġi adottata tali deċiżjoni jikser dispożizzjonijiet leġiżlattivi li huma intiżi għall-ħarsien tal-ambjent, li jagħtu drittijiet individwali u li huma relevanti għad-deċiżjoni u l-ksur ikun jaffettwa tħassib dwar ħarsien tal-ambjent inkluż fl-oġġettivi li l-assoċjazzjoni, taħt l-istatuti tagħha, tkun impenjata li tippromwovi”.

17.      L-ewwel sentenza tal-paragrafu 2(1) tal-UVPG hija fformulata b’dan il-mod:

“L-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali tifforma parti integrali mill-proċeduri amministrattivi mmirati sabiex tintlaħaq deċiżjoni dwar jekk proġett jistax jiġi awtorizzat [...]”.

18.      Il-paragrafu 2(3) tal-UVPG jipprovdi, b’mod partikolari:

“Deċiżjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tas-subparagrafu 1 jinkludu:

1.      [...] permessi, deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-ippjanar u deċiżjonijiet uffiċjali oħra dwar jekk proġett jistax jiġi awtorizzat, meħuda matul proċedura amministrattiva […]”.

19.      Il-paragrafu 61(1) u (2) tal-Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege (Liġi dwar il-ħarsien tan-natura u l-preżervazzjoni tal-kampanja, magħrufa wkoll bħala l-Bundesnaturschutzgesetz) jipprovdi li:

“(1) Indipendentement minn kwalunkwe indebboliment tad-drittijiet tagħha stess, [...] assoċjazzjoni rikonoxxuta tista’ tippreżenta rikorsi skont il-[VwGO] li jikkontestaw:

1.      Eżenzjonijiet minn projbizzjonijiet u rekwiżiti intiżi sabiex jipproteġu żoni ta’ konservazzjoni tan-natura, parks nazzjonali u żoni protetti oħrajn taħt il-paragrafu 33(2) u

2.      Deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-ippjanar li permezz tagħhom in-natura u l-kampanja jiġu mittiefsa, flimkien ma’ permessi għall-ippjanar fejn il-parteċipazzjoni pubblika tkun ipprovduta.

[…]

(2) Rikors ppreżentati skont is-subparagrafu 1 huma ammissibbli biss jekk l-assoċjazzjoni:

1.      tasserixxi li l-adozzjoni ta’ waħda mill-miżuri amministrattivi msemmija fl-ewwel sentenza tas-subparagrafu 1 tikser dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, dispożizzjonijiet li ġew adottati jew li ser ikomplu japplikaw fuq il-bażi jew fil-qafas ta’ din il-liġi, jew dispożizzjonijiet oħra li jridu jiġu kkunsidrati meta tiġi adottata miżura amministrattiva u li l-oġġettivi tagħha jinkludu tħassib dwar il-protezzjoni tan-natura u l-preżervazzjoni tal-kampanja,

2.      tkun affettwata fir-rigward ta’ kwistjoni li, taħt l-istatuti tagħha, taqa’ fl-ambitu tagħha u li fir-rigward tagħha hija rikonoxxuta,

[...]”

 Fatti, proċedura u d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Trianel Kohlekraftwerk Lünen (“Trianel”, l-intervenjenti fil-proċedimenti quddiem il-qorti tar-rinviju) għandha l-intenzjoni li tibni u tħaddem impjant tal-enerġija li jaħraq il-faħam f’Lünen, Nordrhein-Westfalen. Il-proġett huwa suġġett għal evalwazzjoni obbligatorja tal-impatt ambjentali.

21.      F’medda ta’ tmien kilometri mis-sit tal-proġett hemm ħames żoni kklassifikati bħala żoni ta’ konservazzjoni taħt id-dritt nazzjonali.

22.      Fis-6 ta’ Mejju 2008, il-Bezirksregierung Arnsberg (Amministrazzjoni tad-Distrett ta’ Arnsberg) ħarġet deċiżjoni preliminari u permess parzjali għall-proġett lil Trianel. Id-deċiżjoni preliminari ddikjarat li ma kien hemm ebda oġġezzjonijiet legali fir-rigward tas-sit tal-proġett.

23.      Fis-16 ta’ Ġunju 2008, NGO ambjentali magħrufa bħala Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen e.V. [il-fergħa f’Nordrhein-Westfalen ta’ Friends of the Earth fil-Ġermanja (“BUND”)] bdiet proċeduri kontra l-Amministrazzjoni tad-Distrett ta’ Arnsberg fejn talbet ordni biex jiġu annullati d-deċiżjoni preliminari u l-permess. BUND hija assoċjazzjoni rikonoxxuta taħt il-paragrafu 3 tal-UmwRG [id-dispożizzjoni li tispeċifika r-“rekwiżiti tad-dritt nazzjonali” li NGO ambjentali għandha tissodisfa għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EIA].

24.      BUND issostni li d-deċiżjoni preliminari u l-permess fihom difetti formali u sostantivi, u tallega li l-proġett imur kontra l-prinċipji protettivi u kawtelatorji tal-liġijiet ta’ kontra t-tniġġis u r-rekwiżiti tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-ilma u tan-natura.

25.      Il-qorti nazzjonali qieset li BUND ma kinitx intitolata tippreżenta dak ir-rikors, peress li BUND ma kinitx qed issostni l-indebboliment ta’ dritt individwali sostantiv, kif huwa meħtieġ mid-dritt Ġermaniż sabiex jinkiseb locus standi. Madankollu, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk ir-rekwiżit Ġermaniż li NGO ambjentali trid issostni l-indebboliment ta’ dritt f’dak is-sens huwiex fih innifsu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, mal-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA.

26.      Għaldaqstant il-qorti nazzjonali ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 10a tad-[Direttiva EIA] kif emendata bid-[Direttiva 2003/35] jeżiġi li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jixtiequ jippreżentaw rikors quddiem qorti ta’ Stat Membru, li d-dritt amministrattiv proċedurali tiegħu jeżiġi li r-rikorrent jinvoka ksur ta’ dritt, għandhom ikunu jistgħu jinvokaw ksur tad-dispożizzjonijiet kollha fil-qasam tal-ambjent applikabbli għall-approvazzjoni ta’ proġett, inklużi għalhekk id-dispożizzjonijiet li huma intiżi li jaqdu l-interess kollettiv biss, u mhux dawk li, minn tal-inqas parzjalment, jipproteġu l-interess tal-individwi wkoll?

(2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva mingħajr riżerva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE, jeżiġi li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jixtiequ jippreżentaw rikors quddiem qorti ta’ Stat Membru, li d-dritt amministrattiv proċedurali tiegħu jeżiġi li r-rikorrent jinvoka ksur ta’ dritt, għandhom ikunu jistgħu jinvokaw ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ambjent li huma direttament ibbażati fuq id-dritt Komunitarju jew li jittrasponu fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar l-ambjent, inklużi għalhekk id-dispożizzjonijiet li huma intiżi li jaqdu l-interess kollettiv biss, u mhux dawk li, minn tal-inqas parzjalment jipproteġu l-interess tal-individwi wkoll?

(a)      Fil-każ li, fil-prinċipju, tingħata risposta affermattiva għat-tieni domanda:

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar l-ambjent għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet sostanzjali sabiex ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors?

(b)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 2a:

Liema huma l-kundizzjonijiet sostanzjali (pereżempju effett dirett, għan protettiv, għan) inkwistjoni?

(3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda:

Id-Direttiva tagħti direttament lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi tali dritt ta’ rikors ġudizzjarju li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali?”

27.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn BUND, il-Bezirksregierung Arnsberg, Trianel, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Greċja u tal-Italja u l-Kummissjoni. BUND, Trianel, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ttrattaw oralment matul is-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2010.

 Kummenti preliminari

 Rikors kontra l-Ġermanja

28.      Il-Kummissjoni tosserva li hemm rikors pendenti kontra l-Ġermanja quddiem il-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Århus, essenzjalment dwar l-istess domanda bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża (9). Madnakollu, dan ir-rikors ġie sospiż sakemm jinqata’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk ma għandiex intenzjoni li neħodha f’kunsiderazzjoni ulterjuri.

 Is-sitwazzjoni legali fil-Ġermanja

29.      L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż kienu utli sabiex tiġi kkjarifikata l-problema stabbilita fid-digriet tar-rinviju. Ir-regola ġenerali fil-Ġermanja li tirregola l-ammissibbiltà fil-proċeduri amministrattivi tinsab fil-paragrafu 42(2) tal-VwGO. L-effett ta’ din id-dispożizzjoni huwa, kif nifhmu jien, li rikorsi kontra azzjonijiet amministrattivi huma ammissibbli biss jekk (a) ikunu bbażati fuq dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tħares id-drittijiet tal-individwi u (b) ir-rikorrent individwali jaqa’ fl-ambitu tal-protezzjoni tiegħu.

30.      Il-Gvern Ġermaniż igħid li d-dritt li jiġi ppreżentat rikors għal stħarriġ ġudizzjarju għalhekk jammonta għal “dritt li jipproteġi lill-individwi”, kif previst fl-Artikolu 19(4) tal-Grundgesetz. Matul l-iżvolġiment ta’ tali rikors, il-qorti tista’ tistħarreġ fatti ex officio, teżamina jekk l-elementi fattwali kollha neċessarji għal deċiżjoni kinux preżenti, tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni (pereżempju, billi tivvaluta jekk kisritx prinċipju bħall-proporzjonalità) u tivverifika li d-deċiżjoni ma tteħditx ultra vires. Il-qorti tista’ teżerċita l-poteri ta’ stħarriġ tagħha anki meta l-korpi amministrattivi jkollhom setgħa diskrezzjonali. Il-Gvern Ġermaniż isostni li dan il-proċess jammonta għal livell partikolarment intens ta’ skrutinju ġudizzjarju (10).

31.      Madankollu, il-Gvern Ġermaniż ikompli josserva li r-riżorsi disponibbli għall-qrati Ġermaniżi huma limitati. Il-kundizzjoni li l-aċċess għall-ġustizzja normalment ikun limitat għal dawk il-persuni li d-drittijiet tagħhom ikunu affettwati direttament minn deċiżjoni hija għalhekk il-korollarju prattiku tal-livelli intensi ta’ skrutinju ġudizzjarju meħtieġa għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Żieda fin-numri ta’ rikorrenti permessi sabiex iressqu rikosi quddiem il-qrati tispiċċa “toħloq konġestjoni fis-sistema”. Min-naħa tagħha, din tnaqqas l-effettività li biha l-qrati Ġermaniżi jistgħu jipproteġu d-drittijiet tar-rikorrenti potenzjali. Ir-riżultat ikun li potenzjalment titnaqqas il-protezzjoni ġudizzjarja offruta lil persuni li d-drittijiet individwali tagħhom jiġu miksura, bħala konsegwenza tal-estensjoni tal-aċċess għal ċirku usa’ ta’ rikorrenti.

32.      Il-Gvern Ġermaniż jinnota wkoll li, meta jitressaq rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, il-proċeduri amministrattivi relatati jiġu sospiżi. Għalhekk, żieda fin-numru ta’ azzjonijiet imressqa quddiem il-qrati tnaqqas il-pass tal-proċeduri amministrattivi b’mod sinjifikattiv.

33.      Il-Gvern Ġermaniż jirrimarka li, għalkemm ir-regola ġenerali hija li r-rikorrenti għandhom “jallegaw l-indebboliment” ta’ dritt individwali, il-paragrafu 2(1)(1) tal-UmwRG jipprovdi eċċezzjoni favur l-NGOs ambjentali rikonoxxuti. Dawn jistgħu japplikaw għal stħarriġ ġudizzjarju, sakemm id-dispożizzjonijiet li huma jallegaw li nkisru jagħtu drittijiet lill-individwi. Din l-eċċezzjoni għalhekk tpoġġi lill-NGOs ambjentali f’pożizzjoni iktar favorevoli mir-rikorrenti individwali.

34.      Jidher li hemm qbil komuni li fil-Ġermanja l-ambjent jiġi protett mhux bħala espressjoni ta’ interess ta’ individwu, iżda bħala interess tal-pubbliku ġenerali (11). Għaldaqstant, u bħala regola ġenerali, id-dispożizzjonijiet legali mmirati biex iħarsu l-ambjent mhux neċessarjament jagħtu drittijiet ukoll lill-individwi.

35.      Għalhekk, fil-prattika, l-NGOs ambjentali ma jistgħux jitolbu, u l-qrati Ġermaniżi ma jistgħux iwettqu, stħarriġ ta’ azzjoni amministrattiva fuq il-bażi li din tikser dispożizzjoni li tħares l-ambjent bħala tali. Huma jistgħu jaġixxu biss meta jkunu jistgħu jindikaw dritt individwali sostantiv li qiegħed jiġi, jew huwa f’riskju li jiġi, indebbolit.

36.      F’dan l-isfond, ngħaddi sabiex neżamina l-ewwel domanda.

 L-ewwel domanda

37.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jobbligax lill-Istati Membri sabiex jippermettu lill-NGOs ambjentali jitolbu stħarriġ ġudizzjarju fuq il-bażi li tkun inkisret dispożizzjoni ambjentali relevanti għall-approvazzjoni ta’ proġett – inkluża dispożizzjoni li hija intiża sabiex isservi l-interessi tal-pubbliku ġenerali weħidhom, iktar milli li tipproteġi l-interessi legali tal-individwi.

38.      Hemm bażi testwali fid-Direttiva EIA sabiex wieħed jaħseb li l-aċċess għall-qrati jista’ jsir kontinġenti fuq l-eżistenza ta’ drittijiet individwali sostantivi?

39.      Il-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq il-konnessjoni li d-Direttiva EIA tagħmel bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tad-drittijiet individwali għas-saħħa. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dik il-konnessjoni għandha tinftiehem f’termini ġenerali. Il-locus standi sabiex jiġi kkontestat allegat nuqqas li jiġu applikati b’mod korrett dispożizzjonijiet partikolari tal-leġiżlazzjoni ambjentali ma għandux jiddependi minn prova ta’ konnessjoni partikolari jew speċifika mas-saħħa tal-bniedem (12).

40.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA ma jispeċifikax li tali konnessjoni hija meħtieġa. Fit-tieni lok, kemm l-Artikolu 191 tat-TFUE (13) u d-Direttiva 2003/35 jittrattaw il-ħarsien ambjentali bħala għan fih innifsu, separat mill-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem (14). Għal dawn ir-raġunijiet, li dispożizzjonijiet leġiżlattivi maħsuba biex jipproteġu l-ambjent jiġu interpretati fis-sens li huma marbuta b’mod inseparabbli mas-saħħa tal-bniedem, fil-fehma tiegħi, jillimita l-portata ta’ dawk id-dispożizzjonijiet bla bżonn u b’mod mhux permessibbli.

41.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA ma jitlobx lill-Istati Membri jimmodifikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom sabiex jippermettu actio popularis, fejn kull parti tgawdi minn aċċess mhux limitat biex tikkontesta deċiżjonijiet amministrattivi għal raġunijiet ambjentali. Dan huwa korrett. Madankollu, il-kwistjoni prinċipali tal-proċeduri preżenti hija jekk din hijiex kompatibbli mad-Direttiva EIA sabiex Stat Membru jżomm regoli proċedurali fuq locus standi, li l-effett tagħhom huwa li ebda parti ma tista’ tippreżenta rikors li jallega ksur tal-leġiżlazzjoni li hija mmirata biss biex tħares l-ambjent.

42.      Id-dispożizzjoni dwar l-actio popularis tal-Konvenzjoni ta’ Århus hija l-Artikolu 9(3), li għadu ma ġiex inkorporat fid-dritt tal-Unjoni (15). Konsegwentement, sa issa ma hemm ebda obbligu għall-Istati Membri taħt id-dritt tal-Unjoni biex jippermettu actio popularis.

43.      L-għan tal-Artikolu 10a, kif imdaħħal fid-Direttiva EIA mill-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2003/35, kien li l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jiġi inkorporat fid-dritt tal-Unjoni. B’kuntrast mal-Artikolu 9(3), dik id-dispożizzjoni titlob biss li l-Istati Membri jippermettu li ċerti membri tal-“pubbliku interessat” ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ sabiex jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet amministrattivi. Dan ir-rekwiżit huwa debitament riprodott fl-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA.

44.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu locus standi jew (a) lil korpi li jkollhom interess suffiċjenti, jew (b) lil dawk li “qegħdin jallegaw l-indebboliment ta’ dritt”. L-alternattivi huma meħtieġa sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni t-testijiet differenti għal locus standi taħt id-diversi sistemi ġuridiċi nazzjonali tal-Istati li ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Århus (16).

45.      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu x’jikkostitwixxi “interess suffiċjenti” u l-“indebboliment ta’ dritt”, b’mod konsistenti mal-oġġettiv li l-pubbliku interessat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. Huwa mbagħad jipprovdi li, għal dan il-għan, l-NGOs ambjentali (17) għandhom jitqiesu bħala li għandhom interess suffiċjenti għall-iskop tal-kriterju (a) u drittijiet li jkunu jistgħu jiġu indebboliti għall-finijiet tal-kriterju (b).

46.      Hawnhekk tinsab il-qalba tal-problema. X’tip ta’ “dritt” tista’ NGO ambjentali tallega li qiegħed jiġi indebbolit? Bl-istess mod, l-Artikolu 10a jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jillimitaw id-drittijiet li l-indebboliment tagħhom jista’ jkun allegat għal subkategorija ta’ drittijiet (jiġifieri, drittijiet individwali sostantivi)?

47.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jippermettilu li jispeċifika li NGO rikorrenti, bħal individwu privat, tista’ tibbaża ruħha biss fuq dispożizzjonijiet li jipproteġu l-interessi legali tal-individwi. Din id-dispożizzjoni tistipula biss li l-NGOs ambjentali għandhom jitqiesu li għandhom drittijiet li huma ekwivalenti għal dawk ta’ individwi (meta, fir-realtà, huma la jistgħu u lanqas fil-fatt jagħmlu dan). Hija għalhekk tpoġġi lill-NGOs ambjentali fuq livell ugwali ma’ individwi, mingħajr ma tinbidel in-natura tad-drittijiet li l-NGOs ambjentali għandhom jinvokaw sabiex jiksbu locus standi, jew tiġi ristretta s-setgħa tal-Istati Membri li jirrestrinġu t-tipi ta’ drittijiet li jistgħu jiġu invokati matul rikors għal stħarriġ ġudizzjarju. Kemm-il darba l-NGOs ambjentali jitħallew jibbażaw ruħhom fuq dispożizzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet ta’ partijiet terzi minflok fuq id-drittijiet individwali tagħhom stess, l-NGOs ambjentali jgawdu minn dritt usa’ ta’ aċċess għall-ġustizzja minn individwi.

48.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 10a jistipula biss li l-NGOs ambjentali għandhom ikunu kapaċi jressqu azzjonijiet fuq il-bażi ta’ indebboliment ta’ dritt. Hija ssostni li l-eżistenza ta’ dak id-dritt hija kwistjoni għad-dritt nazzjonali – għalkemm għandha tingħata kunsiderazzjoni dovuta lill-ħtieġa għal aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

49.      Prima facie, il-kliem tal-Artikolu 10a (“iżommu [jallegaw] l-indebboliment ta’ dritt”) jidher xi ftit jew wisq newtrali. Huwa ma jindikax li d-dritt għandu jkun xi tip partikolari ta’ dritt. Lanqas ma jindika li xi tip partikolari, jew it-tipi kollha, ta’ dritt ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit locus standi. Lanqas ma fih kliem li jispeċifika t-tip(i) ta’ drittijiet li Stat Membru jista’ jippermetti li jiġu invokati minn rikorrent.

50.      Fil-kawża Djurgården (18), jiena kont tal-fehma li l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jagħti locus standi awtomatiku quddiem il-qrati nazzjonali lil dawk l-NGOs ambjentali li jissodisfaw id-definizzjoni fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-direttiva (19).

51.      Kif issuġġerejt f’dawk il-konklużjonijiet (20), ir-rwol speċjali, u d-drittijiet korrispondenti, mogħtija lill-NGOs ambjentali skont il-Konvenzjoni ta’ Århus u d-Direttiva EIA jirriżultaw f’makkinarju partikolarment b’saħħtu u effettiv għall-prevenzjoni tad-danni ambjentali. NGO ambjentali tesprimi l-interess kollettiv u jista’ jkollha livell ta’ kompetenza teknika li individwu jista’ ma jkollux. Sa fejn rikors wieħed imressaq minn NGO ambjentali jista’ jieħu post ammont kbir ta’ rikorsi ekwivalenti li altrimenti jiġu ppreżentati minn individwi, l-effett jista’ jkun li tiġi ssemplifikata l-litigazzjoni, jitnaqqas in-numru ta’ talbiet pendenti quddiem il-qrati u titjieb l-effiċjenza li biha jintużaw ir-riżorsi ġudizzjarji limitati sabiex tiġi amministrata l-ġustizzja u jiġu mħarsa d-drittijiet.

52.      Ir-rwol prominenti mogħti lill-NGOs ambjentali jipprovdi wkoll kontro-bilanċ għad-deċiżjoni li ma ma tiddaħħalx actio popularis obbligatorja għal kwistjonijiet ambjentali. Barra minn hekk, l-involviment ta’ NGOs ambjentali kemm fl-istadju amministrattiv kif ukoll ġudizzjarju tat-teħid tad-deċiżjonijiet isaħħaħ il-kwalità u l-leġittimità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi, u jtejjeb l-effettività tal-proċeduri mmirati sabiex jipprevjenu d-danni ambjentali (21).

53.      Jidhirli li l-għoti ta’ permess lil NGO ambjentali sabiex tikkontesta deċiżjoni amministrattiva favur proġett huwa saħansitra iktar vitali jekk – kif jidher li huwa l-każ fil-Ġermanja – deċiżjoni negattiva korrispondenti tista’ dejjem tiġi kkontestata mill-amministraturi tal-proġetti, li jistgħu (skont id-definizzjoni) jallegaw indebboliment tad-drittijiet sostantivi individwali tagħhom.

54.      Fil-kawża Djurgården, jiena sostnejt li kwalunkwe NGO ambjentali (skont id-definizzjoni stabbilita fil-liġi nazzjonali b’konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EIA) għandha dritt awtomatiku ta’ aċċess għall-ġustizzja, notevolment minħabba li l-Artikolu 10a jgħid espressament li tali NGO titqies bħala li għandha “drittijiet li jistgħu jiġu indebboliti” jew “interess” li jitqies bħala “suffiċjenti”. Fil-fehma tiegħi, dan juri b’mod ċar li l-NGOs ambjentali huma f’pożizzjoni privileġġjata eċċezzjonali.

55.      Jien indikajt ukoll li, fil-fehma tiegħi, il-fatt li dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja għandu jiġi konferit “skont […] is-sistema legali nazzjonali” ma jfissirx li l-Istati Membri jgawdu minn portata nazzjonali għal manuvra meta jittrasponu dik id-dispożizzjoni. Minflok, il-frażi sservi biss sabiex tenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja japplikaw fil-qafas proċedurali ta’ kull Stat Membru (22).

56.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-każ fuq bażi kemmxejn iktar stretta.

57.      Id-domanda speċifika magħmula fil-kawża Djurgården ma indirizzatx direttament il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jirrestrinġi t-tipi ta’ drittijiet li fuqhom tista’ tibbaża ruħha NGO ambjentali. Jista’ jkun għal din ir-raġuni li l-lingwa tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ċara għal kollox dwar il-punt li bħalissa jinsab inkwistjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “il-persuni li, fost il-pubbliku kkonċernat, għandhom interess ġuridiku suffiċjenti, jew, jekk meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, isostnu li waħda mill-operazzjonijiet imsemmija mid-Direttiva 85/337 jippreġudikaw id-drittijiet tagħhom, jistgħu jressqu t-tali rikors” (punt 34) u li “dawk li lilhom dan il-proġett jikkawżalhom preġudizzju, bħall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, għandhom ikollhom locus standi quddiem il-qrati kompetenti” (punt 45). Fil-punt 44, hija sostniet li “l-organizzazzjonijiet mhux governattivi [...] li “jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali” għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom “interess ġuridiku suffiċjenti” jew li għandhom wieħed mid-drittijiet li fil-konfront tagħhom operazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tista’ tikkawża preġudizzju”; u iktar ’il quddiem li “membri tal-pubbliku kkonċernat li għandhom interess suffiċjenti li jikkontestaw operazzjoni jew li din l-operazzjoni tista’ tippreġudika d-drittijiet tagħhom għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni li tawtorizzaha” (punt 48).

58.      Din il-kawża hija opportunità xierqa għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindirizza l-inċertezza li fadal wara s-sentenza tagħha fil-kawża Djurgården.

59.      L-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jgħid li “Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat […] li jżommu [jallegaw] l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni […] ikollhom aċċess għal rivista [proċedura ta’ stħarriġ] quddiem qorti tal-ġustizzja […]”.

60.      Fil-każ ta’ individwu, dan jimplika allegazzjoni li dritt li dan l-individwu għandu qiegħed, jew huwa f’riskju li, jinkiser minn proġett partikolari.

61.      Madankollu, li kieku l-istess standard kellu jiġi applikat għall-NGOs ambjentali, dan jispiċċa jew ipoġġihom eżattament fl-istess pożizzjoni bħall-individwi (jekk ikunu kkonċernati biss id-drittijiet tagħhom stess) jew inkella sempliċiment jagħtihom iċ-ċans li jirrappreżentaw lil individwi (jekk il-locus standi tagħhom ikun dipendenti fuq l-indebboliment jew it-theddida ta’ indebboliment tad-drittijiet individwali li jgawdu minnhom oħrajn). Madankollu, jien jidhirli li l-NGOs ambjentali huma intiżi biex igawdu minn locus standi usa’ minn hekk.

62.      L-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 10a ssir iktar ċara meta wieħed jikkunsidra t-tielet paragrafu tiegħu.

63.      Dak il-paragrafu japplika ugwalment għal NGOs ambjentali f’sistemi fejn il-locus standi jingħata fuq il-bażi tal-kriterju (a) fl-ewwel paragrafu u għal dawk fejn il-locus standi jingħata fuq il-bażi tal-kriterju (b).

64.      Huwa jopera mhux billi jikkonferixxi xi dritt jew interess fuq tali NGOs, iżda billi jikkunsidra li, sakemm jissodisfaw kwalunkwe rekwiżiti applikabbli skont il-liġi nazzjonali, huma neċessarjament jissodisfaw il-ħtieġa li jkollhom interess suffiċjenti jew ikollhom drittijiet li jkunu jistgħu jiġu indebboliti, skont kif ikun il-każ.

65.      Għalhekk, fir-rigward tal-kriterju (a), l-NGOs ambjentali kollha huma meqjusa li għandhom interess suffiċjenti sabiex ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti jew korp indipendenti u imparzjali ieħor. Huma ma għandhom bżonn jagħmlu xejn sabiex jipprovaw li għandhom tali interess, iżda huma ttrattati bħallikieku fil-fatt ipprovaw dan. Għalhekk, huma għandhom locus standi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva EIA.

66.      L-istess għandu ċertament ikun il-każ fir-rigward tal-kriterju (b). NGO ambjentali għandu jkollha l-istess aċċess bla xkiel għal proċedura ta’ stħarriġ, irrispettivament minn liema kriterju jiġi applikat minn Stat Membru. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Istati Membri li japplikaw il-kriterju (b) ikollhom iktar libertà biex jirrifjutaw il-locus standi għal NGOs ambjentali minn dawk li japplikaw il-kriterju (a), li jimplika differenzi profondi fl-aċċess għall-ġustizzja bejn l-Istati Membri. L-effikaċja tad-Direttiva EIA bħala strument li jiggarantixxi skrutinju xieraq tal-proġetti li jkollhom impatt potenzjali sinjifikattiv fuq l-ambjent tiġi mxekkla, u d-diverġenzi jista’ jkollhom influwenza sinjifikattiva fuq fejn isiru l-proġetti, b’mod partikolari f’żoni mal-fruntieri.

67.      Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni korretta għalhekk hija li, fi Stat Membru li japplika l-kriterju (b) fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a, it-tielet paragrafu ta’ dak l-Artikolu jfisser li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NGOs ambjentali jistgħu “iżommu [jallegaw] l-indebboliment ta’ dritt”, u għalhekk li s-sistema nazzjonali għandha tirrikonoxxi li huma għandhom “dritt” li jista’ jiġi indebbolit, anki jekk dak id-dritt huwa fittizju f’sistema legali nazzjonali li altrimenti tirrikonoxxi biss l-indebboliment ta’ drittijiet individwali sostantivi.

68.      Jirriżulta li regola legali nazzjonali li permezz tagħha NGO ambjentali li tkun qiegħda tfittex li tikkontesta deċiżjoni li x’aktarx taffettwa l-ambjent għandha tkun kapaċi ssostni l-indebboliment ta’ dritt individwali sostantiv sabiex tgawdi minn locus standi ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA.

69.      Jista’ jiġi oġġezzjonat li l-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu x’“jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment ta’ dritt” skont ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali. Ma huwiex minnu li dan jawtorizza espressament lill-Istati Membri sabiex japplikaw id-definizzjonijiet tagħhom stess?

70.      Fil-fehma tiegħi, l-abbiltà tagħhom li jagħmlu dan hija (espressament b’mod ugwali) suġġetta għal limitazzjoni importanti. L-istess sentenza tagħmilha ċara li dik id-determinazzjoni minn Stat Membru għandha ssir “b’mod konsistenti mal-oġġettiv li l-pubbliku interessat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja”. L-oġġettiv li jingħata “aċċess wiesa’” għall-ġustizzja jagħti l-parametri li fihom tista’ tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni leġiżlattiva tal-Istati Membri.

71.      It-twessigħ tal-aċċess għall-ġustizzja huwa wieħed mill-għanijiet espliċiti tal-Konvenzjoni ta’ Århus. B’mod partikolari, il-premessa 18 tagħha tiddikjara li “mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi organizzazzjonijiet, sabiex l-interessi leġittimi jiġu protetti u l-liġi tiġi infurzata”. Min-naħa tiegħu, il-preambolu għad-Direttiva 2003/35 jirreferi, fil-premessa 3 tiegħu, għal żieda fil-“kontabbiltà […] tal-proċess tal-għemil tad-deċiżjonijiet’, u tindika li “l-[p]arteċipazzjoni, inkluża l-parteċipazzjoni mill-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li [jippromwovu] l-protezzjoni ambjentali, għandha għalhekk tiġi inkoraġġita” (il-premessa 4).

72.      Barra minn hekk, kieku l-Gvern Ġermaniż kien korrett, il-kwistjoni dwar jekk NGO ambjentali jkollhiex locus standi jew le sabiex tressaq rikors tkun tiddependi parzjalment fuq ix-xorti. Immaġina żewġ lagi, pjuttost simili fil-flora u l-fawna tagħhom. L-ewwel wieħed jinsab f’żona mhux ikkultivata, f’rokna remota ta’ medda kbira ta’ art taħt il-kontroll ġenerali tal-awtorità lokali (li lesta tikkunsidra wkoll kwalunkwe talba ta’ ippjanar). Ħadd ma jgħix fil-qrib. It-tieni wieħed jinsab qrib ftit djar. Skont l-interpretazzjoni tal-Gvern Ġermaniż, NGO ambjentali jista’ jkollha locus standi biex tikkontesta deċiżjoni li tawtorizza proġett ta’ kostruzzjoni li jmiss mat-tieni lag (jekk hija tallega li d-drittijiet tas-sidien tad-djar kienu jew jistgħu jiġu indebboliti) iżda mhux fir-rigward tal-ewwel wieħed. Dik żgur ma tistax tkun l-intenzjoni tad-Direttiva EIA. L-aċċess għall-ġustizzja ma jistax ikun jiddependi fuq fatturi estranji, bħall-post preċiż fejn sejjer isir il-proġett, li NGO ambjentali tibża’ li jista’ jikkawża ħsara għall-ambjent.

 Effettività

73.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Trianel tenfasizza li aċċess “wiesa’” ma huwiex l-istess bħal aċċess “illimitat”, u ssostni li l-NGOs ambjentali ma għandux ikollhom locus standi awtomatiku skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA. Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-NGOs ambjentali għandhom jingħataw aċċess illimitat għall-qrati. Il-Kummissjoni taċċetta li l-Konvenzjoni ta’ Århus ma tawtorizzax lill-NGOs ambjentali biex jinjoraw il-kriterji għall-ammissibilità stipulati fil-liġi nazzjonali: għalkemm l-NGOs ambjentali jistgħu jsostnu l-indebboliment ta’ dritt, tali dritt irid qabel xejn ikun jeżisti sabiex ikun jista’ jinkiser. Madankollu, il-Kummissjoni mbagħad tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tal-effettività sabiex tikkonkludi li l-kunċett ta’ “indebboliment ta’ dritt” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’.

74.      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx konvinta li kemm il-kliem kif ukoll l-għan tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jwasslu għall-konklużjoni li l-NGOs ambjentali għandhom jingħataw locus standi awtomatiku, jeħtieġ li l-kwistjoni tiġi eżaminata fil-qosor mill-perspettiva tal-prinċipju tal-effettività, minħabba li l-emendi għad-Direttiva EIA li saru mid-Direttiva 2003/35 kienu intiżi, inter alia, biex joħolqu aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

75.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-prinċipju tal-effettività ma jinkisirx billi l-locus standi jkun jiddependi fuq l-eżistenza ta’ drittijiet individwali sostantivi.

76.      Matul is-seduta, deher ċar li kien hemm firxa wiesa’ ta’ leġiżlazzjoni ambjentali fis-seħħ fil-Ġermanja, li mhux kollha jistgħu jiġu assoċjati faċilment mal-protezzjoni ta’ drittijiet individwali sostantivi. Kif tirrimarka tajjeb il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva EIA b’mod estensiv f’għadd ta’ okkażjonijiet (23). F’dan l-isfond, jien jidhirli li l-esklużjoni tar-rikorsi kollha fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet ambjentali differenti minn dawk li jagħtu wkoll drittijiet sostantivi lill-individwi ċertament ma hijiex implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva EIA.

77.      Il-Gvern Ġermaniż spjega li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tiegħu tinvolvi skrutinju bir-reqqa u dettaljat tad-deċiżjonijiet amministrattivi u r-riżultati f’livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet individwali (24). Madankollu, bħal Ferrari bil-bibien tagħha msakkrin, sistema intensiva ta’ stħarriġ ġudizzjarju ftit li xejn tkun qiegħda toffri għajnuna prattika jekk is-sistema nnifisha tkun totalment inaċċessibbli għal ċerti kategoriji ta’ rikorsi. Kif nifhimha jien, f’ċirkustanzi fejn ebda dritt individwali sostantiv ma jkun f’riskju li jiġi indebbolit, la individwu u lanqas NGO ambjentali ma għandhom locus standi biex jippreżentaw rikors. Ħadd ma jista’ jaġixxi f’isem l-ambjent innifsu. Madankollu, hemm ċirkustanzi – pereżempju, fejn proġett elenkat fl-Anness I għad-Direttiva EIA (u għalhekk suġġett għal evalwazzjoni obbligatorja tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 4(1) tiegħu) ikun jinsab f’sit mhux żviluppat ’il bogħod sew mill-abitat – fejn il-parteċipazzjoni effettiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent u l-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tad-Direttiva EIA jagħmluha essenzjali li l-NGOs ambjentali jkollhom locus standi biex iressqu rikors għal stħarriġ ġudizzjarju.

78.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-livell preżenti u intens ħafna ta’ skrutinju ġudizzjarju jkollu jiġi dilwit jekk ir-rekwiżiti għal locus standi jonqsu, sabiex jiġi evitat li jintefa’ piż żejjed fuq il-qrati amministrattivi. Huwa jissuġġerixxi li dan jirriżulta f’implimentazzjoni iktar dgħajfa u inqas effettiva tad-Direttiva EIA.

79.      Bħala kwistjoni ta’ loġika, dan ma jissodisfax il-punt li, fil-preżent, ebda azzjoni ma tista’ titressaq quddiem il-qrati Ġermaniżi (minħabba li ebda applikant ma għandu locus standi) f’ċerti ċirkustanzi li madankollu jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva EIA, u fejn (konsegwentement) l-Artikolu 10a jeżiġi li għandu jkun hemm il-possibbiltà ta’ stħarriġ minn korp ġudizzjarju. Ma’ dan inżid li, għar-raġunijiet li diġà esprimejt (25), l-għoti ta’ permess lill-NGOs ambjentali sabiex jippreżentaw rikorsi jista’ fil-fatt jirriżulta f’użu iktar effiċjenti u ekonomikament vijabbli ta’ riżorsi ġudizzjarji limitati.

80.      Waqt is-seduta ta’ smigħ, BUND sostniet li, fir-realtà, 0.1 % biss tar-rikorsi dwar l-ambjent jiġu ppreżentati minn NGOs ambjentali. Jekk dan tabilħaqq ikun il-każ, it-tnaqqis bi ftit tal-kundizzjonijiet għal locus standi mhux probabbli li jipproduċi żieda wisq sinjifikattiva fin-numru totali ta’ litiganti. Barra minn hekk, wieħed jippreżumi li rikorsi vessatorji jew frivoli, anki jekk ikunu ammissibbli, jistgħu jiġu respinti fuq il-mertu. Għalhekk, jien ma nħossx li l-argument li ser ikun hemm żieda sinjifikattiva fl-ammont ta’ xogħol (26) huwa konvinċenti bħala raġuni sabiex ma jingħatax rimedju għal lakuna sinjifikattiva li teżisti fis-sistema preżenti.

 Interpretazzjoni konsistenti

81.      Il-Gvern Ġermaniż jissuġġerixxi li din il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar kif id-dritt tal-Unjoni Ewropea jista’ jirrestrinġi l-mod kif is-sistema ġuridika Ġermaniża tinterpreta l-locus standi.

82.      Madankollu, huwa stabbilit sew li anki normi kostituzzjonali tal-Istati Membri ma jistgħux jostakolaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari, billi jagħmlu din l-applikazzjoni tiddependi mingħajr ebda kundizzjoni fuq jekk ir-rikorrent jistax jasserixxi drittijiet individwali). B’hekk, jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jeħtieġ li tingħata interpretazzjoni partikolari lil “jżommu [jallegaw] l-indebboliment ta’ dritt”, allura s-sistema legali Ġermaniża trid tirrispetta dak ir-rekwiżit (27).

83.      Trianel tissuġġerixxi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a proposta minn BUND tkun tfisser li l-Ġermanja tkun obbligata tabbanduna t-test għal-locus standi bbażat fuq id-drittijiet. Fil-fehma tiegħi, huwa altru milli ovvju li dan neċessarjament ikun il-każ.

84.      Kif nifhem il-pożizzjoni preżenti, jista’ jkun possibbli għal qorti Ġermaniża li tinterpreta l-liġi nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA billi tippermetti lil NGOs ambjentali jippreżentaw rikorsi fuq il-bażi ta’ indebboliment ta’ drittijiet li tqiesu li huma individwali (28). Li huwa ċar hu li l-Ġermanja trid tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva EIA kif emendata bid-Direttiva 2003/35. Kif hija tagħmel dan hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mil-leġiżlatura u mill-qrati nazzjonali.

 Konklużjoni dwar l-ewwel domanda

85.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nikkonkludi li l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jeħtieġ li NGOs ambjentali li jkunu jixtiequ jippreżentaw rikors quddiem il-qrati ta’ Stat Membru fejn id-dritt proċedurali amministrattiv jeħtieġ li applikant isostni l-indebboliment ta’ dritt għandhom jitħallew jargumentaw li kien hemm ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ambjentali relevanti għall-approvazzjoni ta’ proġett, inklużi dispożizzjonijiet li huma intiżi sabiex iservu l-interessi tal-pubbliku ġenerali biss minflok dawk li, ta’ mill-inqas parzjalment, jipproteġu l-interessi ġuridiċi ta’ individwi.

 It-tieni domanda

86.      Peress li pproponejt li l-ewwel domanda għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv mingħajr ebda riżerva, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda. Sempliċement inżid li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA japplikaw biss għal kwistjonijiet li jaqgħu ratione materiae fl-ambitu ta’ dik id-direttiva.

 It-tielet domanda

87.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva EIA tagħtix lill-NGOs ambjentali intitolament dirett għal dritt ta’ aċċess għall-qrati li jeċċedi dak ipprovdut taħt ir-regoli stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Fi kliem ieħor, jekk ir-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali ma jippermettux lil NGO ambjentali (bħal BUND) sabiex tistabbilixxi l-locus standi sabiex tippreżenta rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, hija intitolata li tibbaża direttament fuq id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10a?

88.      Il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet iddikjarat li meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu biżżejjed ċari, preċiżi u inkundizzjonati, jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali minn individwi kontra l-Istat meta dan tal-aħħar ikun naqas milli jimplementa (jew li jimplementa b’mod korrett) din id-direttiva fid-dritt nazzjonali sat-tmiem tal-perjodu preskritt (29). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet dispożizzjoni f’direttiva bħala “preċiża” biżżejjed “meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi” (30).

89.      L-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA huwa ċertament ċar u preċiż biżżejjed biex ikollu effett dirett. Iżda huwa inkundizzjonat biżżejjed?

90.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dispożizzjoni f’direttiva hija “inkundizzjonata” biżżejjed meta “din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl‑implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għat-teħid ta’ xi miżura mill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri” (31).

91.      Din il-kawża tqajjem tliet punti potenzjali ta’ dubju. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 10a jagħmel kontroreferenza għal NGOs ambjentali kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2), u b’hekk iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu liema NGOs ambjentali għandhom jaqgħu taħt l-ambitu ta’, inter alia, l-Artikolu 10a. Fit-tieni lok, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10a jipprovdi li dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u indebboliment ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru. Fit-tielet lok, l-Artikolu 10a jistabbilixxi żewġ sistemi differenti għall-għoti ta’ locus standi, u jerġa’ jħalli f’idejn l-Istat Membru sabiex jiddeċiedi liema sistema għandha tapplika fit-territorju tiegħu. Dawn il-punti jipprevjenu lill-Artikolu 10a milli jitqies li huwa biżżejjed inkundizzjonat sabiex jissodisfa t-test għal effett dirett?

92.      Fuq l-ewwel punt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dispożizzjoni jista’ jkollha effett dirett meta tkun saret implimentazzjoni parzjali fl-Istat Membru (32). Il-fatt li l-Ġermanja diġà speċifikat il-kriterji li, taħt l-Artikolu 1(2), NGO trid tissodisfa sabiex tkun rikonoxxuta bħala NGO ambjentali għall-finijiet tad-Direttiva EIA jfisser li l-katgorija ta’ “NGOs ambjentali” hija identifikata b’mod inkundizzjonat. Kull NGO li tissodisfa dawn il-kriterji (bħal BUND) għalhekk tista’ tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a.

93.      Rigward it-tieni punt, għar-raġunijiet li diġà tajt, nikkunsidra li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a awtomatikament jagħti locus standi lil NGOs ambjentali. L-abilità ta Stat Membru li jiddefinixxi x’jikkostitwixxi interess suffiċjenti, jew l-indebboliment ta’ dritt, hija llimitata b’mod korrispondenti. Tali definizzjonijiet huma, permezz tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a, irrelevanti għal NGOs ambjentali. B’hekk, dawk l-NGOs jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-effett dirett tal-Artikolu 10a, anki jekk l-Istat Membru inkwistjoni jkun iddefinixxa “indebboliment ta’ dritt” b’tali mod li l-individwi ma jistgħux jagħmlu dan.

94.      Finalment, fuq it-tielet punt – il-fatt li l-Artikolu 10a joffri għażla bejn żewġ sistemi – il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Gassmayr li “[d]ispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl‑implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għat-teħid ta’ xi miżura mill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri” (33). Is-sitwazzjoni preżenti hija waħda fejn is-sistema ġuridika ta’ kwalunkwe Stat Membru tkun diġà tirrifletti waħda mill-alternattivi msemmija f’(a) u (b). L-Istat Membru inkwistjoni ma huwiex obbligat li jieħu xi miżura partikolari. B’mod simili, il-preżenza ta’ żewġ alternattivi differenti ma timplikax li din id-dispożizzjoni hija kundizzjonata (34). Bħad-dispożizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Århus [Artikolu 9(2)] li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 10a, dan tal-aħħar kien inkwadrat kif inhu preċiżament sabiex jakkomoda ż-żewġ sistemi differenti li taħthom il-locus standi huwa komunament evalwat fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (u fost Stati li ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Århus). Ma għandux jitqies bħala kundizzjonat, minflok inkundizzjonat, sempliċement għaliex jagħmel dan.

 Konklużjoni

95.      Għaldaqstant nissuġġerixxi li, fir-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi skont kif ġej:

(1)      L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, jeħtieġ li NGOs ambjentali li jkunu jixtiequ jippreżentaw rikors quddiem il-qrati ta’ Stat Membru fejn id-dritt proċedurali amministrattiv jeħtieġ li applikant isostni l-indebboliment ta’ dritt għandhom jitħallew jargumentaw li kien hemm ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ambjentali relevanti għall-approvazzjoni ta’ proġett, inklużi dispożizzjonijiet li huma intiżi sabiex iservu l-interessi tal-pubbliku ġenerali biss minflok dawk li, ta’ mill-inqas parzjalment, jipproteġu l-interessi ġuridiċi ta’ individwi.

(2)      Fin-nuqqas ta’ implementazzjoni sħiħa fid-dritt nazzjonali, NGO ambjentali hija intitolata tibbaża ruħha direttament fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata mid-Direttiva 2003/35/KE.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 241).


3 ­– Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/35”).


4 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370”) (ĠU 2005 L 124, p. 1). It-test tal-Konvenzjoni ta’ Århus huwa riprodott fil-p. 4 et seq ta’ dik il-ħarġa tal-Ġurnal Uffiċjali.


5 –      It-tifsira ta’ din l-espressjoni bl-Ingliż [“maintaining impairment of a right”] forsi ma hijiex ċara għal kollox. It-tifsira vera tagħha tista’ toqrob iktar lejn il-kunċett ta’ “allegazzjoni ta’ ksur ta’ dritt” [“alleging the infringement of a right”], jiġifieri forma konċiża ta’ “allegazzjoni li dritt huwa, jew li jinsab fir-riskju li jkun, indebbolit” [“alleging that a right is, or is at risk of being, impaired”]. Sabiex nibqa’ leali lejn it-test, b’mod ġenerali użajt “jallegaw l-indebboliment ta’ dritt” fejn meħtieġ iktar ’l isfel.


6 – Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).


7 – Premessa 11 tad-Direttiva 2003/35.


8 – L-Artikolu 2(2) jirreferi għall-integrazzjoni tal-istima tal-impatt ambjentali kemm fi proċeduri eżistenti għall-għoti ta’ kunsens għal proġetti fl-Istati Membri u fi proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti biex tinkiseb konformità mal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-EIA.


9 – Fajl Nru ACCCC/C/2008/31, disponibbli fuq: http://www.unece.org/env/pp/compliance/Compliance%20Committee/31TableGermany.htm.


10 – Fis-sottomissjonijiet orali tagħhom, kemm BUND kif ukoll il-Kummissjoni kkontestaw din l-affermazzjoni.


11 – Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni rreferiet għal numru ta’ artikoli li jiddiskutu l-konsegwenzi tal-kunċettwalizzazzjoni tal-protezzjoni ambjentali b’dan il-mod. Jidher li s-suġġett ma huwiex xi wieħed li ma jqajjem ebda kontroversja: ara, pereżempju, F. Spieth u M. Appel, Umfang und Grenzen der Einklagbarkeit von UVP-Fehlern nach Umwelt-Rechtsbehelfsgezetz, NuR, 2009, p. 312 u H.-J. Koch, Die Verbandsklage im Umweltrecht, NVwZ, 2007, p. 369. Ara wkoll K-H. Ladeur u R. Pelle, “Judicial Control of Administrative Procedural Mistakes in Germany: A Comparative European View of Environmental Impact Assessments” f’K-H. Ladeur (ed) The Europeanisation of administrative law, Aldershot (2002), u l-artikoli ċċitati fih.


12 – Sar riferiment għas-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C-142/05, Ġabra p. I‑4273, punt 33), u tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C-237/07, Ġabra p. I-6221, punt 38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat iż-żewġ kunċetti flimkien. Madankollu, dawn il-kawżi ma kinux jikkonċernaw id-Direttiva EIA.


13 – Dak li qabel kien l-Artikolu 174 KE.


14 – Matul l-istadji ta’ tħejjija tal-Konvenzjoni ta’ Århus, id-delegazzjoni Belġjana ssuġġeriet b’mod speċifiku li torbot l-ambjent mas-saħħa tal-bniedem: ara t-travaux préparatoires, li jispjegaw fid-dettall l-ewwel sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (CEP/AC.3/2, p. 2). Din kienet kontroversjali (ara d-dettalji tat-tieni sessjoni (CEP/A.C3/4, p. 2), għalkemm sat-tmien sessjoni (CEP/AC.3/16, p. 2) il-Konvenzjoni ta’ Århus li kienet għadha fi stat embrijoniku kien fiha dak li kellu jsir l-abbozz finali tal-Artikolu 1, li jirreferi għad-“dritt ta’ kull persuna tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li tgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u l-benesseri tagħha [...]”.


15 – Ara l-punti 76 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C–240/09 Lesoochranárske Zoskupenie (sentenza pendenti).


16 – Ara t-travaux préparatoires, li jispjegaw fid-dettall il-ħames sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (CEP/AC.3/10, p. 11), fejn “delegazzjoni waħda sostniet li kull mekkaniżmu ta’ stħarriġ għandu jkun subordinat għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali relevanti ta’ kull parti kontraenti”. Intlaħaq qbil ġenerali li dawk li huma kapaċi jipparteċipaw fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet innifisha għandu jkollhom aċċess għal mekkaniżmu ta’ reviżjoni, iżda “xi delegazzjonijiet sostnew li tali persuni/organizzazzjonijiet ikollhom jaffermaw l-indebboliment tad-drittijiet individwali tagħhom”. Din l-affermazzjoni tidher li wasslet għat-test li fih il-kriterji (a) u (b), li l-abbozz tagħhom jidher għall-ewwel darba fit-travaux préparatoires, li jispjegaw fid-dettall it-tmien sessjoni (iċċitata fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, p. 9). Madankollu, fil-frattemp, il-kliem “indebboliment tad-drittijiet individwali tagħhom” inbidel f’“indebboliment ta’ dritt”.


17 – Kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EIA, kif emendata. Ma huwiex ikkontestat li BUND tissodisfa dik id-definizzjoni.


18 – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C‑263/08, Ġabra p. I-9967).


19 – Punti 42 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħi.


20Ibid, punti 59 sa 65.


21 – Din it-tema tidher fil-letteratura akkademika li tikkonċerna dan il-qasam tal-liġi: ara, pereżempju, A. Ryall, “EIA and Public Participation: Determining the Limits of Member State Discretion”, (2007) 19 Journal of Environmental Law Vol. 2, p. 247, fejn id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑216/05, Ġabra p. I 10787) hija kkritikata talli naqset milli tieħu f’kunsiderazzjoni l-effett kumulattiv probabbli tal-impożizzjoni ta’ miżata għall-parteċipazzjoni fuq l-NGOs ambjentali. Hija riflessa wkoll fil-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus (p. 31) u fit-travaux préparatoires għall-Konvenzjoni ta’ Århus (biex nagħti żewġ eżempji, fl-Abbozz tal-Elementi (CEP/AC.3/R.1, p. 2) u fir-Riżoluzzjoni meħuda f’Århus (ECE/CEP/43/Add.1/Rev.1)) u għad-Direttiva 2003/35: ara, pereżempju, il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2000) 839 finali, p. 2) [għalkemm il-Kumitat tar-Reġjuni innota, matul id-diskussjoni ta’ dik id-direttiva, li l-gruppi ta’ pressjoni u interess ambjentali jistgħu jingħataw iċ-ċans li jdewmu l-implimentazzjoni ta’ proġetti neċessarji (ĠU 2001 C 357, p. 1.5)]. Meta fassal il-Konvenzjoni ta’ Århus, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti ħa f’kunsiderazzjoni l-opinjonijiet ta’ diversi NGOs involuti fi kwistjonijiet ambjentali [ara, pereżempju, ir-Rapport tal-Ewwel Sessjoni (CEP/AC.3/2 p. 1)], li jfaħħarhom fir-Riżoluzzjoni għall-“parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tagħhom fl-iżvilupp tal-Konvenzjoni”. Minn dan jista’ jiġi konkluż li dawk li fasslu l-Konvenzjoni ta’ Århus ikkunsidraw il-vuċijiet tal-NGOs ambjentali bħala siewja fil-proċess tat-tfassil u, tabilħaqq, minn hemm ’il quddiem.


22 – Jiġifieri, kemm il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kif ukoll l-organizzazzjonijiet ambjentali jibqgħu suġġetti għar-regoli normali dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, il-limiti taż-żmien, il-kapaċità legali u l-bqija, li huma parti mil-liġi proċedurali domestika.


23 – Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld (C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 31); tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et. (C‑435/97, Ġabra p. I-5613, punt 40); tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑474/99, Ġabra p. I-5293, punt 46), u tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C-142/07, Ġabra p. I-6097, punt 28).


24 – Ara fuq, il-punt 30.


25 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Djurgården, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 51 u punt 62 iktar ’il fuq.


26 – L-argument imqajjem mill-Gvern Ġermaniż u msemmi iktar ’il fuq, punt 31.


27 – Ara reċentement, għal konsiderazzjoni iktar ġenerali tad-dmir ta’ interpretazzjoni konsistenti, sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, Ġabra p. I-00365, punti 44 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – Ara s-sentenzi maqgħuda tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punti 113 sa 119), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ħeġġet lill-qorti tar-rinviju sabiex tuża kull għodda għad-dispożizzjoni tagħha biex tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konsistenti mar-rekwiżiti ta’ direttiva.


29 – Sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 28), punt 103.


30 – Ara, l-iktar reċentement, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr (C-194/08, Ġabra p. I-06281, punti 44 u 45).


31 – Sentenza Gassmayr, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punt 45.


32 – Dan imur lura ta’ mill-inqas għas-sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 27) u jista’ jitqies li sar parti mit-test usa’ għal “implimentazzjoni inkorretta” msemmija, l-aktar reċentement, fis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß (C-243/09, Ġabra p. I-09849, punt 56).


33 – Iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 45.


34 – Jista’ jinsilet parallel f’dan ir-rigward mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, pereżempju, tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C‑438/00, Ġabra p. I‑4135, punt 29), u tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C‑265/03, Ġabra p. I‑2579, punti 24 u 25).