Language of document : ECLI:EU:T:2013:215

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

25 ta’ April 2013 (*)

“Kummerċ tal-prodotti mill-foki — Regolament (KE) Nru 1007/2009 — Modalitajiet ta’ applikazzjoni — Regolament (UE) Nru 737/2010 — Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija — Eċċezzjoni favur il-komunitajiet Inuit — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Bażi legali — Sussidjarjetà — Proporzjonalità — Użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawża T-526/10,

Inuit Tapiriit Kanatami, stabbilita f’Ottawa (il-Kanada),

Nattivak Hunters and Trappers Association, stabbilita f’Qikiqtarjuaq (il-Kanada),

Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, stabbilita f’Pangnirtung (il-Kanada),

Jaypootie Moesesie, residenti f’Qikiqtarjuaq,

Allen Kooneeliusie, residenti f’Qikiqtarjuaq,

Toomasie Newkingnak, residenti f’Qikiqtarjuaq,

David Kuptana, residenti f’Ulukhaktok (il-Kanada),

Karliin Aariak, residenti f’Iqaluit (il-Kanada),

Canadian Seal Marketing Group, stabbilit fi Quebec (il-Kanada),

Ta Ma Su Seal Products, Inc., stabbilita f’Cap-aux-Meules (il-Kanada),

Fur Institute of Canada, stabbilit f’Ottawa,

NuTan Furs, Inc., stabbilita f’Catalina (il-Kanada),

GC Rieber Skinn AS, stabbilita f’Bergen (in-Norveġja),

Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), stabbilita f’Nuuk, il-Groenlandja (id-Danimarka),

Johannes Egede, residenti f’Nuuk,

Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), stabbilita f’Nuuk,

William E. Scott & Son, stabbilita f’Edinburgh (ir-Renju Unit),

Association des chasseurs de phoques des Îles-de-la-Madeleine, stabbilita f’Cap-aux-Meules,

Hatem Yavuz Deri Sanayi iç Ve Diş Ticaret Ltd Şirketi, stabbilita f’Istanbul (it-Turkija),

Northeast Coast Sealers’ Co-Operative Society, Ltd, stabbilita fi Fleur-de-Lys (il-Kanada),

irrappreżentati minn J. Bouckaert u H. Viaene, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. White, P. Oliver u K. Mifsud-Bonniċi, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou u L. Visaggio, sussegwentement minn M. Visaggio u D. Gauci, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u K. Michoel, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010, tal-10 ta’ Awwissu 2010, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 216, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich (President), I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Fis-16 ta’ Settembru 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), li għandu bħala suġġett, skont l-Artikolu 1 tiegħu, it-tfassil ta’ regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki.

2        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi li:

“It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw fil-waqt jew fil-punt ta’ importazzjoni għall-prodotti importati.”

3        F’dan ir-rigward, il-premessa 14 tar-Regolament bażiku tippreċiża li l-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet Inuit li jikkaċċjaw il-foki bħala mezz biex jiggarantixxu l-għajxien tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati ħażin. Fil-fatt, skont il-premessa msemmija, din il-kaċċa hija parti integrali mill-kultura u mill-identità tal-membri tas-soċjetà tal-Inuit u, bħala tali, hija rrikonoxxuta mid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni. Għalhekk, għandu jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki li jirriżultaw minn din il-forma ta’ kaċċa mwettqa tradizzjonalment mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li jikkontribwixxu għall-għajxien tagħhom.

4        Mill-Artikolu 3(4) u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku jirriżulta li miżuri dwar, b’mod partikolari, l-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni favur il-komunitajiet Inuit għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

5        Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, dan tal-aħħar kellu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li madankollu, l-Artikolu 3 tiegħu kellu japplika mill-20 ta’ Awwissu 2010.

6        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2010, Inuit Tapiriit Kanatami, in-Nattivak Hunters and Trappers Association, il-Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, Efstathios Andreas Agathos, il-Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products, Inc., il-Fur Institute of Canada, NuTan Furs, Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Conference Greenland (ICC), Johannes Egede u Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK) ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament bażiku. B’Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T-18/10, Ġabra p.II‑5599), fil-preżent suġġett għal appell, ir-rikors imsemmi ġie miċħud bħala inammissibbli.

7        Fl-10 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 737/2010, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku (ĠU L 216, p. 1, iktar ’il quddiem “ir-Regolament ikkontestat”). Skont l-Artikolu 12 tiegħu, dan ir-Regolament kellu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8        Fid-9 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti, Inuit Tapiriit Kanatami, in-Nattivak Hunters and Trappers Association, il-Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, il-Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products, Inc., il-Fur Institute of Canada, NuTan Furs, Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), Johannes Egede, il-Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), William E. Scott & Son, l-Association des chasseurs de phoques des Îles-de-la-Madeleine, Hatem Yavuz Deri Sanayi iç Ve Diş Ticaret Ltd Şirketi u n-Northeast Coast Sealers’ Co-Operative Society, Ltd, ippreżentaw dan ir-rikors, intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

9        B’atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 u fit-23 ta’ Frar 2011 rispettivament, il-Parlament u l-Kunsill talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ma ppreżentawx osservazzjonijiet fuq dawn it-talbiet.

10      B’digriet tat-13 ta’ April 2011, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tal-Parlament u tal-Kunsill sabiex jintervjenu.

11      Fis-7 ta’ Lulju 2011, il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom.

12      Fid-9 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw ittra li kienet temenda t-talbiet tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż. B’deċiżjoni tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Awwissu 2011, din l-ittra ġiet inkluża fil-proċess. Fit-8 u fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni u sussegwentement il-Kunsill u l-Parlament ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn l-emendi tat-talbiet tar-rikorrenti.

13      Fit-13 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent tal-Parlament u tal-Kunsill.

14      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tiddikjara r-Regolament bażiku inapplikabbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni u l-Parlament jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti in solidum għall-ispejjeż.

16      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti in solidum għall-ispejjeż;

–        ma tikkundannahx għal parti jew għall-intier tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

17      Fl-ittra tad-9 ta’ Awwissu 2011 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) kif ukoll waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tagħhom u li tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Fin-nota ta’ intervent, il-Kunsill osserva li parti kbira mir-rikorrenti ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE fis-sens li ma kinux ilkoll direttament ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat.

19      Fir-replika, kif ukoll waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li r-rikors kien jidher ammissibbli f’dak li kien jirrigwarda almenu lil xi wħud mir-rikorrenti. Madankollu, waqt is-seduta, hija ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, l-argumenti kollha ppreżentati mir-rikorrenti msemmija ma kinux ammissibbli u li ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

20      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jinċaħad fuq il-mertu, mingħajr ma tieħu deċiżjoni minn qabel fuq l-ammissibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra p. I-1873, punti 51 u 52, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, Ġabra p. I-2759, punt 26; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2010, KEK Diavlos vs Il-Kummissjoni, T-190/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).

21      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u fl-interess tal-ekonomija tal-proċedura, għandhom qabel kollox jiġu eżaminati t-talbiet għal annullament tar-rikorrenti, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu, u lanqas fuq dik ta’ xi wħud mill-argumenti kif ukoll tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti, peress li r-rikors huwa, f’kull każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, mingħajr bażi.

 Fuq il-mertu

22      B’mod prinċipali, insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament bażiku. Dan tal-aħħar huwa allegatament inapplikabbli għal dan il-każ, liema ħaġa ċċaħħad lir-Regolament ikkontestat minn kull bażi legali u għandha twassal għall-annullament tiegħu. Fil-kuntest tat-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tar-Regolament ikkontestat minħabba allegat użu ħażin ta’ poter.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament ikkontestat ma għandux bażi legali

23      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament bażiku. Il-motiv jinqasam fi tliet partijiet.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti fil-proċeduri d-dritt li, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, tikkontesta b’mod indirett il-validità ta’ att preċedenti tal-istituzzjonijiet li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tressaq rikors dirett taħt l-Artikolu 263 TFUE kontra dan l-att, li hija batiet il-konsegwenzi tiegħu mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punt 39, u tad-19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il-Parlament, 262/80, Ġabra p. 195, punt 6).

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-għażla żbaljata tal-bażi legali tar-Regolament bażiku

25      Ir-Regolament bażiku ġie adottat abbażi tal-Artikolu 95 KE. B’mod konformi mal-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki.

26      Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament u l-Kunsill wettqu żball ta’ liġi meta użaw l-Artikolu 95 KE bħala l-bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament bażiku. Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, ippreżentata mill-Kummissjoni [COM(2008) 469 finali, tat-23 ta’ Lulju 2008, iktar ’il quddiem il-“proposta għar-Regolament bażiku”], u mill-premessi tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-għan prinċipali tiegħu huwa l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u mhux il-funzjonament tas-suq intern.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Unjoni, l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Fost tali elementi nsibu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C-479/04, Ġabra p. I-8089, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri previsti mill-Artikolu 95(1) KE għandhom effettivament ikollhom bħala għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u ta’ funzjonament tas-suq intern. Meta s-sempliċi konstatazzjoni ta’ diverġenzi bejn regolamenti nazzjonali u tar-riskju astratt ta’ tfixkil tal-libertajiet fundamentali jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jagħmel użu minnu, b’mod partikolari, fil-każ ta’ differenzi bejn regolamenti nazzjonali meta dawn ikunu ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk ikollhom ukoll impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C-58/08, Ġabra p. I-4999, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      L-użu ta’ din id-dispożizzjoni huwa wkoll possibbli għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-ostakoli futuri għall-kummerċ minħabba l-iżvilupp mingħajr uniformità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, jeħtieġ li l-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli jkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (ara s-sentenza Vodafone et, punt 28 iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, għandu jitfakkar li l-użu tal-Artikolu 95 KE ma jkunx iġġustifikat meta l-att li jkollu jiġi adottat ikollu biss b’mod aċċessorju l-effett li jarmonizza l-kundizzjonijiet tas-suq intern (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-209/97, Ġabra p. I-8067, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Minn dak li ntqal jirriżulta li, meta jkun hemm ostakoli għall-kummerċ jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm ostakoli bħal dawn, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri li ma jaqblux bejniethom b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u b’tali mod li, minħabba f’hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla milli jiċċirkolaw liberament fl-Unjoni, l-Artikolu 95 KE jawtorizza lill-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa b’mod konformi, min-naħa, mal-Artikolu 95(3), u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat jew identifikati mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 33, u Arnold André, C-434/02, Ġabra p. I-11825, punt 34) .

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni” li tidher fl-Artikolu 95 KE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi (ara s-sentenza Vodafone et, punt 28 iktar ’il fuq, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Skont iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri adegwati jistgħu jikkonsistu f’obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, jew sabiex jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew ta’ ċerti prodotti (ara s-sentenza Swedish Match, punt 31 iktar ’il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintuża l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tar-Regolament bażiku ġewx sodisfatti.

35      F’dan il-każ, mir-Regolament bażiku jirriżulta b’mod ċar li l-għan prinċipali tiegħu ma huwiex il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, iżda t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern.

36      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku, kienu jeżistu fil-konfront tal-prodotti kkonċernati differenzi bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri.

37      B’hekk, mill-proposta għar-Regolament bażiku jirriżulta li, sabiex jirrispondu għat-tħassib u għall-pressjonijiet taċ-ċittadini, diversi Stati Membri kienu adottaw jew kienu fil-proċess li jadottaw jew li jeżaminaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex jirrestrinġu jew jipprekludu l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-elaborazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki u li din is-sitwazzjoni kellha tagħti lok għal inizjattivi ġodda fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni kkonstatat li kienu jikkoeżistu kundizzjonijiet kummerċjali differenti fi ħdan l-Unjoni, li jvarjaw minn Stat Membru jew minn grupp ta’ Stati Membri għal ieħor, u li minn dan kienet tirriżulta frammentazzjoni tas-suq intern, peress li l-kummerċjanti kellhom jadattaw il-prattiki tagħhom għad-diversi dispożizzjonijiet fis-seħħ f’kull Stat Membru.

38      Bl-istess mod, fil-premessi 4 u 5 tar-Regolament bażiku jitfakkar li “[i]Il-kaċċa għall-foki wasslet għall-espressjoni ta’ tħassib serju mill-membri tal-pubbliku u mill-gvernijiet dwar il-kunsiderazzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali”, minħabba t-tbatija imposta fuq dawn l-annimali waqt it-tbiċċir u s-slieħ tagħhom, u li huwa “[b]’reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini u l-konsumaturi dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali […] u l-possibilità li fis-suq hemm preżenti prodotti miksubin minn annimali maqtula u misluħa b’mod li jikkawża […] tbatija, [li] bosta Stati Membri adottaw, [kienu bi] ħsiebhom jadottaw, leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċ ta’ prodotti derivati mill-foki, billi jiġu pprojbiti l-importazzjoni u l-produzzjoni tagħhom filwaqt li ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi Stati Membri oħra”.

39      Skont il-premessi 6 sa 8 tar-Regolament bażiku, id-“differenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki […] jaffettwaw ħażin l-operazzjoni tas-suq intern fi prodotti li jinkludu jew li jistgħu jinkludu prodotti derivati mill-foki u jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ fil-prodotti ta’ dan it-tip […] u tista’ tiskoraġġixxi ulterjurment lill-konsumatur milli jixtri prodotti li mhumiex magħmulin mill-foki, imma li jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jintgħarfu faċilment minn oġġetti simili magħmulin mill-foki, jew prodotti li jistgħu jinkludu elementi jew ingredjenti miksuba mill-foki mingħajr ma dan ikun jista’ jintgħaraf b’mod ċar”. B’hekk, l-għan tar-Regolament bażiku kien li “jarmonizza […] r-regoli madwar [l-Unjoni] fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali dwar il-prodotti derivati mill-foki u b’hekk jiġi evitat it-taqlib tas-suq intern għall-prodotti kkonċernati, inklużi l-prodotti ekwivalenti għall-prodotti derivati mill-foki jew li jistgħu jissostitwuhom”.

40      Minn evalwazzjoni ta’ dawn il-premessi jirriżulta li għalkemm, minħabba tħassib taċ-ċittadini u tal-konsumaturi marbut mal-kwistjoni tal-benesseri tal-annimali, diversi Stati Membri adottaw jew kellhom l-intenzjoni li jadottaw miżuri li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti derivati mill-foki, il-leġiżlatur tal-Unjoni, min-naħa tiegħu, aġixxa bil-għan li jarmonizza r-regoli inkwistjoni u b’hekk li jevita tħarbit fis-suq intern tal-prodotti kkonċernati.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 95 KE jkun jista’ jintuża bħala bażi legali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-ħarsien tal-benesseri tal-annimali huwa determinanti fl-għażliet li għandhom isiru. Tali sitwazzjoni tista’ tinstab, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa pubblika [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 88; tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 62; u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 30], kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza Vodafone et, punt 28 iktar ’il fuq, punt 36).

42      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li l-importanza tiegħu tat lok, b’mod partikolari, għall-adozzjoni mill-Istati Membri tal-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, anness mat-Trattat KE (ĠU 1997, C-340, p. 110, iktar ’il quddiem il-“protokoll”). Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diversi drabi l-interess li l-Unjoni tagħti għas-saħħa u l-protezzjoni tal-annimali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-100/08, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 91).

43      Hekk kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 tar-Regolament bażiku, huwa f’dan il-kuntest, b’għarfien tal-obbligi tiegħu fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżiġenzi tal-benesseri tal-annimali fil-formulazzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika tas-suq intern abbażi tal-protokoll, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkluda li, bil-għan li tintemm il-frammentazzjoni attwali tas-suq intern, kien meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tal-benesseri tal-annimali.

44      Biex tkun effettiva, il-miżura kkunsidrata f’dan il-każ kellha tikkostitwixxi risposta xierqa fid-dawl tar-raġunijiet li wasslu għal-leġiżlazzjonijiet eżistenti jew imħabbra fid-diversi Stati Membri. F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 tar-Regolament bażiku jirriżulta li, biex terġa tiġi stabbilita l-fiduċja tal-konsumaturi, filwaqt li jitħares li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ it-tħassib relattiv għall-benesseri tal-annimali, “it-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki, bħala regola ġenerali, [ma kellux] ikun permess”. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, biex iwieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini u tal-konsumaturi dwar il-“qtil u tqaxxir tal-foki, [kien] hemm bżonn […] ta’ azzjoni biex titnaqqas id-domanda li twassal għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki u, b’hekk, id-domanda ekonomika li tixpruna l-kaċċa kummerċjali għall-foki”.

45      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 13 tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-iktar mod effettiv biex jitwaqqaf it-tfixkil eżistenti u mħabbar fil-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti kkonċernati kien jikkonsisti fis-serħan tal-moħħ tal-konsumaturi billi tingħatalhom garanzija li, b’mod ġenerali, l-ebda prodott derivat mill-foki ma kien ser ikun ikkumerċjalizzat iktar fis-suq tal-Unjoni, b’mod partikolari, permezz tal-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti provenjenti minn pajjiżi terzi.

46      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda eċċezzjoni minn din il-projbizzjoni f’dak li kien jirrigwarda l-kaċċa tal-foki pprattikata mill-komunitajiet Inuit u mill-komunitajiet indiġeni l-oħra għal finijiet ta’ sopravivenza. Fil-fatt, il-premessa 14 tar-Regolament bażiku tippreċiża li “[l]-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet Inuit li jikkaċċaw il-foki bħala mezz biex jiggarantixxu l-għajxien tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati ħażin”.

47      Barra minn hekk, mill-premessi 3, 7 u 8 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa wkoll li jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti li ma humiex derivati mill-foki, iżda li, preċiżament minħabba n-natura tagħhom, huwa diffiċli, kważi impossibbli, li ssir distinzjoni bejn il-merkanzija simili derivata mill-foki, jew tal-prodotti li jistgħu jinkludu elementi jew ingredjenti derivati mill-foki, mingħajr ma dan ikun evidenti (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). Fil-fatt, billi l-konsumatur iserraħ moħħu għaliex, bl-eċċezzjoni tal-prodotti provenjenti mill-kaċċa tradizzjonali tal-komunitajiet indiġeni għal finijiet ta’ għixien, il-prodotti derivati mill-foki ma jiġux ikkummerċjalizzati fl-Unjoni, il-kwistjoni tad-distinzjoni bejn dawn tal-aħħar u dawk li ma humiex idderivati mill-foki ma tqumx iktar u l-kategoriji kollha tal-prodotti inkwistjoni jkunu jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu fit-territorju tal-Unjoni.

48      F’tali kuntest, l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE jidher li huwa ġġustifikat.

49      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-diversi argumenti tar-rikorrenti li bihom dawn tal-aħħar jikkontestaw ir-realtà ta’ diversi kunsiderazzjonijiet invokati fil-punti preċedenti. B’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ir-rikorrenti josservaw li mill-proposta għar-Regolament bażiku jirriżulta li kienu biss żewġ Stati Membri li kienu diġà adottaw leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċ tal-prodotti derivati mill-foki u li t-tielet Stat Membru kien qiegħed jipprepara dan. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li “[i]nizjattivi simili minn Stati Membri oħra mhumiex esklużi għall-futur” ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

50      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda din l-aħħar affermazzjoni bbażata fuq il-proposta għar-Regolament bażiku, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li din ma ġietx riprodotta fir-Regolament bażiku, li t-termini tiegħu jirriflettu sitwazzjoni li sadanittant diġà nbidlet. B’hekk, fil-premessi 5 u 6 tiegħu, ir-Regolament bażiku jsemmi li “diversi” Stati Membri adottaw, jew għandhom l-intenzjoni jadottaw, miżuri leġiżlattivi li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti derivati mill-foki, filwaqt li fi Stati Membri oħra l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti ma huwa suġġett għal ebda restrizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku, kienu fis-seħħ projbizzjonijiet li jolqtu l-prodotti derivati mill-foki fi tliet Stati Membri, li r-raba’ Stat Membru kien adotta projbizzjoni li kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ, li żewġ Stati Membri oħra kienu ppubblikaw u bagħtu lill-Kummissjoni proġetti leġiżlattivi f’dan is-sens u li tliet Stati Membri oħra kienu esprimew l-intenzjoni tagħhom li japplikaw ukoll projbizzjonijiet fin-nuqqas ta’ miżuri adottati mill-Unjoni.

51      It-tieni nett, indipendentement min-numru eżatt ta’ Stati Membri li diġà lleġiżlaw fuq il-kwistjoni jew li esprimew b’mod ċar tali intenzjoni fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-miżuri diverġenti kienu ta’ natura li jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti derivati mill-foki. F’dan il-kuntest, il-fatt li numru minimu ta’ Stati Membri diġà lleġiżlaw jew għandhom l-intenzjoni li jilleġiżlaw fuq qasam konkret, ma jistax jikkostitwixxi kriterju deċiżiv f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ approssimazzjoni fuq livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Swedish Match, punt 31 iktar ’il fuq, punt 37, u Arnold André, punt 31 iktar ’il fuq, punt 38).

52      Għalhekk, għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkluda b’mod korrett li, fin-nuqqas ta’ azzjoni fuq livell tal-Unjoni, kien probabbli li, fid-dawl tal-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ġodda li jirriflettu t-tħassib dejjem jikber taċ-ċittadini u tal-konsumaturi marbut mal-kwistjoni tal-benesseri tal-foki, kienu ser jiġu introdotti ostakoli fil-kummerċ tal-prodotti li fihom jew li jista’ jkun fihom prodotti derivati mill-foki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Swedish Match, punt 31 iktar ’il fuq, punt 39), jew kienu jeżistu diġà.

53      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Swedish Match, punt 31 iktar ’il fuq, l-element deskrittiv meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja kien il-fatt li s-suq tal-prodotti tat-tabakk kien suq li fih il-kummerċ bejn Stati Membri kien relattivament kbir. Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda l-kummerċ tal-prodotti derivati mill-foki, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kummerċ bejn l-Istati Membri li diġà lleġiżlaw dwar dan il-qasam.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali ma jippreżumix l-eżistenza ta’ rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-att ibbażat fuq bażi legali bħal din. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, dak li huwa meħtieġ sabiex ikun iġġustifikat l-użu tal-Artikolu 95 KE bħala l-bażi legali huwa li, effettivament, l-għan tal-att adottat fuq din il-bażi jkun it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u ta’ funzjonament tas-suq intern (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-380/03, Ġabra p. I-11573, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’kull każ, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jirnexxi. F’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tagħhom li tgħid li l-produzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti derivati mill-foki hija negliġibbli, għandu jiġi osservat li l-importanza ta’ din il-produzzjoni ma tistax tkun utli għad-determinazzjoni tal-importanza tal-kummerċ tal-prodotti kkonċernati bejn l-Istati Membri, peress li, fil-kuntest ta’ din id-determinazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kummerċ tal-prodotti importati fl-Unjoni.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-premessi 7 u 8 tar-Regolament bażiku, l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali diverġenti tista’ tiddiswadi ulterjorment “lill-konsumatur milli jixtri prodotti li mhumiex magħmulin mill-foki, imma li jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jintgħarfu faċilment minn oġġetti simili magħmulin mill-foki, jew prodotti li jistgħu jinkludu elementi jew ingredjenti miksuba mill-foki mingħajr ma dan ikun jista’ jintgħaraf b’mod ċar, bħal fêr, kapsuli u żejt ta’ Omega-3 u oġġetti tal-ġilda”. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 47 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-għan tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni stabbiliti mir-Regolament imsemmi huwa li tiġi evitata konfużjoni tas-suq intern tal-prodotti kkonċernati, inklużi l-prodotti ekwivalenti jew sostitwibbli għall-prodotti derivati mill-foki. Hekk kif jirriżulta mid-definizzjoni tal-prodott derivat mill-foki skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u l-premessa 3 tar-Regolament imsemmi, il-prodotti derivati mill-foki kif ukoll dawk mhux derivati mill-foki, iżda li huma simili għal tal-ewwel jew li jinkludu ingredjenti derivati mill-foki, huma varjati ħafna u jinkludu fosthom prodotti ta’ konsum wiesa’ u li għalihom il-kummerċ bejn Stati Membri ċertament ma huwiex negliġibbli.

57      F’dan il-kuntest, lanqas ma tista’ tirnexxi l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kummerċ li jirrigwarda lill-Istati Membri li kienu diġà lleġiżlaw f’dan ir-rigward. Fil-fatt, peress li l-prodotti kkonċernati mill-miżura ta’ armonizzazzjoni għandhom definizzjoni wiesgħa, jidher evidenti li l-Istati Membri kollha huma kkonċernati mill-kummerċ tagħhom.

58      Abbażi ta’ dak kollu li ntqal għandu jiġi konkluż li d-differenzi, diġà eżistenti u li probabbilment ser ikomplu jikbru, bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti derivati mill-foki kienu ta’ natura li jiġġustifikaw l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 95 KE.

59      It-tieni nett, abbażi ta’ din il-konklużjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, b’mod partikolari, l-Artikoli 1, 3 u 4 tar-Regolament bażiku għandhomx effettivament l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern.

60      Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, dan “jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki”. Barra minn hekk, mill-premessa 15 tiegħu jirriżulta li r-Regolament imsemmi “[h]u […] bla ħsara għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali oħra li jirregolaw il-kaċċa għall-foki”.

61      B’hekk, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi li “[i]t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw fil-waqt jew fil-punt ta’ importazzjoni għall-prodotti importati”.

62      Barra minn hekk, biex jiżgura li l-prodotti awtorizzati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku kif ukoll il-prodotti kollha li ma humiex derivati mill-foki, iżda li ma jistgħux jiġu faċilment distinti minn prodotti simili derivati mill-foki, jew prodotti li jistgħu jinkludu elementi jew ingredjenti derivati mill-foki, mingħajr ma dan ikun evidenti, ikunu jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu fis-suq intern tal-Unjoni, il-leġiżlatur stabbilixxa, fl-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, li “[l]-Istati Membri m’għandhomx jimpedixxu t-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki li jikkonformaw ma[…]r-Regolament [bażiku]”. Għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tagħti lir-Regolament bażiku l-effett sħiħ tiegħu fid-dawl tal-għan tiegħu ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern. Fil-fatt, dan l-Artikolu jipprekludi lill-Istati Membri milli jostakolaw il-moviment liberu fl-Unjoni ta’ dawn il-kategoriji kollha ta’ prodotti permezz, b’mod partikolari, ta’ dispożizzjonijiet iktar restrittivi li jistgħu jikkunsidraw bħala neċessarji sabiex jiżguraw il-benesseri tal-annimali jew sabiex iserrħu moħħ il-konsumaturi. Għalhekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku jesprimi l-għan imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament imsemmi.

63      Finalment, għandu jinċaħad l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-Direttiva tal-Kunsill 83/129/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tirrigwarda l-importazzjoni tal-ġlud ta’ ċerti friegħ tal-foki u ta’ prodotti ġejjin minnhom fl-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 208), hija bbażata fuq motivi mill-inqas paragunabbli ma’ dawk tar-Regolament bażiku, peress li din ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 235 KEE, li suċċessivament sar l-Artikolu 308 KE, u wara l-Artikolu 352 TFUE. Skont il-ġurisprudenza, id-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ssir fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, jekk ikun il-każ, karatteristiċi simili (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-411/06, Ġabra p. I-7585, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’kull każ, jidher li din id-Direttiva, adottata abbażi tat-Trattat KEE, tfittex għanijiet differenti minn dawk tar-Regolament bażiku.

64      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-Regolament bażiku għandu effettivament l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq intern u li, għalhekk, seta’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 95 KE.

65      Fil-kuntest tat-tieni lment, invokat sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 95 KE ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni tar-Regolament bażiku, għaliex, peress li l-projbizzjoni stabbilita essenzjalment tolqot, fil-fehma tagħhom, il-kummerċ mal-pajjiżi terzi, kien meħtieġ li jintuża wkoll l-Artikolu 133 KE. Huma jfakkru li l-proposta għar-Regolament bażiku kienet tirreferi għaż-żewġ dispożizzjonijiet u jsostnu li d-differenzi bejniethom u t-test finalment approvat ma jiġġustifikawx l-użu tal-Artikolu 95 KE biss. B’hekk, il-projbizzjoni mit-tqegħid fis-suq tal-prodotti inkwistjoni li huma prinċipalment prodotti derivati barra mill-Unjoni, effettivament tistabbilixxi projbizzjoni fuq l-importazzjoni.

66      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li għandu żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ma huwiex għajr inċidentali, l-att irid ikun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 41 iktar ’il fuq, punt 94].

67      Eċċezzjonalment, jekk jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-att ikkonċernat għandu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin jew li għandu iktar minn komponent wieħed, li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor, tali att irid ikun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 63 iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Regolament bażiku jsegwix ukoll għan ta’ politika kummerċjali komuni u fihx komponenti li jifformaw parti minn din il-politika li huma marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ komponenti intiżi għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, ta’ importanza tali li dan l-att kellu jkun ibbażat fuq bażi legali doppja.

69      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li kuntrarjament għall-proposta tiegħu, ir-Regolament bażiku ma jipprekludix, minnu nnifsu, la l-importazzjoni u lanqas it-trasport jew l-esportazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament imsemmi jipprekludi biss it-tqegħid fis-suq tagħhom, filwaqt li jippreċiża li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti importati, din il-projbizzjoni għandha tapplika fil-mument jew fil-punt tal-importazzjoni, u dan fl-interess tal-effettività hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tal-istess Regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi l-importazzjoni bħala “kwalunkwe dħul ta’ oġġetti fit-territorju doganali tal-Komunità”.

70      B’hekk, l-importazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki hija pprojbita biss fil-każijiet fejn dawn il-prodotti jkunu intiżi sabiex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, bħal ma tosserva l-Kummissjoni, li meta jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki, ir-Regolament bażiku ma jipprekludix id-dħul, il-ħażna, l-ipproċessar jew il-manifattura ta’ prodotti derivati mill-foki fl-Unjoni, jekk dawn ikunu intiżi għall-esportazzjoni u qatt ma jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni libera fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku jipprovdi wkoll li, minn naħa, l-importazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki hija awtorizzata meta din ikollha karattru okkażjonali u tirrigwarda esklużivament merkanzija intiża għal użu personali u mhux għal finijiet kummerċjali u meta, min-naħa l-oħra, it-tqegħid fis-suq mhux bi skop ta’ profitt ta’ prodotti derivati mill-foki jkun awtorizzat ukoll meta dawn jirriżultaw minn kaċċa rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u pprattikata bl-iskop waħdieni ta’ mmaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Finalment, il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tikkonċerna wkoll il-prodotti derivati mill-foki li joriġinaw mill-Istati Membri, minkejja li huwa stabbilit li s-sehem tagħhom ma huwiex wisq kbir.

71      Minn dan għandu jiġi dedott li l-projbizzjoni tal-importazzjoni hija effettivament stabbilita bil-għan li jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki u, b’dan il-mod, li jintlaħaq l-għan waħdieni tar-Regolament bażiku li huwa dak tat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern. F’dan il-kuntest, l-effetti tar-Regolament imsemmi fuq il-kummrċ estern huma biss sekondarji.

72      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-għan waħdieni imfittex mir-Regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-aħħar frażi tal-Artikolu 3(1) tiegħu, huwa li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri intiżi sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, mingħajr ma huwa mfittex ukoll għan relatat mal-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament bażiku ma setax ikollu fl-istess ħin bħala l-bażi legali tiegħu l-Artikoli 95 KE u 133 KE.

73      F’kull każ, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li fis-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (punt 98), punt 41 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fil-kawża inkwistjoni, ir-referenza żbaljata għall-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali tad-Direttiva kkontestata, minnha nnifisha, ma kinitx iġġib magħha l-invalidità tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali żball fl-awtorizzazzjoni ta’ att tal-Unjoni jikkostitwixxi biss vizzju purament formali, dejjem sakemm dan l-att ma jkunx ivvizzjat minħabba irregolarità fil-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ dan l-att (ara s-sentenza Swedish Match, punt 31 iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      L-istess approċċ japplika, b’analoġija, f’dan il-każ. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 95 KE u 133 KE jinvolvu metodi ta’ votazzjoni identiċi fi ħdan il-Kunsill.

75      B’hekk, l-Artikolu 95(1) KE jipprevedi li l-miżuri adottati abbażi tiegħu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ ko-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 251 KE u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. Għandu jitfakkar li, fil-proċedura ta’ ko-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 251 KE, il-Kunsill għandu fil-prinċipju jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, ħlief meta jkollu l-intenzjoni li jaċċetta l-emendi għall-pożizzjoni komuni tiegħu ifformulati mill-Parlament u li kienet is-suġġett ta’ opinjoni negattiva tal-Kummissjoni, f’liema każ għandu jiddeċiedi b’mod unanimu. Fir-rigward tal-Artikolu 133(4) KE, dan jipprevedi li, fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilu permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

76      B’hekk, l-użu ta’ bażi legali doppja li tikkonsisti fl-Artikoli 95 KE u 133 KE ma kellu ebda effett fuq ir-regoli tal-votazzjoni applikabbli fi ħdan il-Kunsill. Barra minn hekk, l-użu tal-Artikolu 95 KE biss ma kisirx id-drittijiet tal-Parlament, peress li dan l-Artikolu jirreferi b’mod espliċitu għall-proċedura ta’ ko-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 251 KE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “Dijossidu tat-titanju”, C-300/89, Ġabra p. I-2867, punti 17 sa 21)

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, anki jekk jitqies li r-Regolament bażiku ġie adottat abbażi tal-Artikolu 133 KE, l-użu waħdu tal-Artikolu 95 KE bħala l-bażi legali ma setax jivvizzja b’irregolarità l-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament imsemmi, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jistax jiġi invalidat minħabba f’hekk [ara, b’analoġija, is-sentenzi Swedish Match, punt 31 iktar ’il fuq, punti 43 sa 45, u British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 41 iktar ’il fuq, punti 106 sa 111].

78      Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità

79      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li l-għan prinċipali, saħansitra uniku tar-Regolament bażiku, huwa l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u li tali għan ma jidħolx fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Madankollu, l-istituzzjonijiet ma jurux kif leġiżlazzjoni intiża għall-protezzjoni tal-benesseri tal-foki adottata fuq livell tal-Unjoni hija iktar adatta u neċessarja.

80      Għandu jitfakkar li, fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kien stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE li jgħid li l-Unjoni ma tintervjenix f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, ħlief jekk fil-miżura fejn l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Unjoni. Dan il-prinċipju kien ikkonkretizzat mill-protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattat KE (ĠU 1997, C 340, p. 173), li jistabbilixxi wkoll, fil-paragrafu 5 tiegħu, xi linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

81      Fil-rigward tal-atti leġiżlattivi, l-imsemmi protokoll kien jippreċiża, fil-paragrafi 6 u 7 tiegħu, li l-Komunità tilleġiżla biss sa fejn huwa neċessarju u li l-miżuri tal-Komunità għandhom iħallu l-iktar marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ possibbli fuq livell nazzjonali, liema marġni għandu madankollu jibqa’ kompatibbli mal-għan tal-miżura u mal-osservanza tar-rekwiżiti tat-Trattat.

82      Barra minn hekk, l-imsemmi protokoll kien jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma kienx iqiegħed inkwistjoni l-kompetenzi mogħtija lill-Komunità mit-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

83      F’dan ir-rigward, għandha qabel kollox tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-affermazzjoni żbaljata li tgħid li l-għan tar-Regolament bażiku huwa l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali. Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 64 iktar ’il fuq, ir-Regolament imsemmi għandu bħala skop it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq intern filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali.

84      Fir-rigward tal-Artikolu 95 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikorri għal din il-bażi legali, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tagħtihx kompetenza esklużiva sabiex jirregola l-attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern, iżda tagħtih biss kompetenza bil-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tiegħu, permezz tat-tneħħija ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija u għall-provvista libera tas-servizzi jew it-tneħħija tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 41 iktar ’il fuq, punt 179].

85      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tar-Regolament bażiku ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti b’azzjoni adottata biss fl-Istati Membri u jippreżupponi azzjoni fuq livell tal-Unjoni, hekk kif turi l-evoluzzjoni eteroġena tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-każ (ara l-punti 38 u 39 iktar ’il fuq). Isegwi li l-għan tal-azzjoni mixtieqa seta’ jitwettaq aħjar fuq livell tal-Unjoni.

86      Peress li r-rikorrenti ma jippreżentaw ebda prova insostenn tal-argumentazzjoni tagħhom, din għandha tiġi miċħuda.

87      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan tal-aħħar jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C-15/10, Ġabra p.I‑6681, punt 124, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn hemm involuti għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. B’hekk, il-kwistjoni ma tirrigwardax li jsir magħruf jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fil-konfront tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-validità ta’ miżura bħal din (ara s-sentenza Vodafone et, punt 28 iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa marbut jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mal-miżuri differenti possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura magħżula humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli għal ċerti operaturi (ara s-sentenza Vodafone et, punt 28 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dan il-każ, mill-premessi 10 sa 14 tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan għandu bħala għan it-titjib fil-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti kkonċernati, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali kif ukoll tas-sitwazzjoni partikolari tal-komunitajiet Inuit u tal-komunitajiet indiġeni l-oħra. Barra minn hekk, paragun bejn il-proposta għar-Regolament bażiku u r-Regolament stess juri li l-leġiżlatur evalwa b’mod konkret is-sitwazzjoni fl-Unjoni li waslet għal din il-miżura u li dan illimita b’mod kunsiderevoli l-portata tagħha fil-konfront tal-proposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, ir-Regolament bażiku jipprevedi biss projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati u jimplementa l-għażla li tiġi stabbilita regola ġenerali ħafna ta’ projbizzjoni flimkien ma’, essenzjalment, eżenzjoni waħda biss, filwaqt li jiddelega fuq il-Kummissjoni, permezz tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, l-adozzjoni tal-miżuri relattivi għall-implementazzjoni tiegħu. Minn dan għandu jiġi dedott li l-miżuri previsti ġew strettament limitati għal dak li l-leġiżlatur qies bħala neċessarju sabiex jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti indikati.

91      L-ewwel nett, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jipprovaw li r-Regolament bażiku huwa manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

92      Minn naħa, huma ma jressqux iktar argumenti insostenn tal-affermazzjoni tagħhom li tgħid li l-miżura ta’ projbizzjoni tal-prodotti derivati mill-foki stabbilita mir-Regolament bażiku ma tistax tipparteċipa fil-promozzjoni tal-istabbiliment tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, bħal fl-analiżi tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (ara l-punt 83 iktar ’il fuq), l-argumentazzjoni tagħhom li hija bbażata fuq l-affermazzjoni żbaljata li tgħid li l-għan tar-Regolament bażiku hija l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali għandha tiġi miċħuda.

93      It-tieni nett, għandu jinċaħad ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-Regolament bażiku jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu. Fil-fatt, il-karattru proporzjonali tar-Regolament imsemmi ma jistax jiġi eżaminat fid-dawl tal-għanijiet differenti minn dak imfittex minn dan l-istess Regolament.

94      Lanqas l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-miżura ta’ ttikkettjar hija inqas restrittiva u iktar effettiva sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament bażiku, ma jista’ jirnexxi.

95      Mir-Regolament bażiku jirriżulta li l-adozzjoni ta’ miżura li tippermetti biss it-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki li jirrispettaw ir-rekwiżiti dwar il-benesseri tal-annimali kif ukoll, b’mod iktar partikolari, il-miżura ta’ ttikkettjar, ġew eżaminati u sussegwentement eliminati mil-leġiżlatur. F’dan ir-rigward, il-premessi 11 u 12 tar-Regolament imsemmi jistabbilixxu li “[g]ħalkemm jista’ jkun possibbli li l-foki jinqatlu u jistelħu b’mod li jevita l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija bla bżonn, minħabba l-kondizzjonijiet li fihom isseħħ il-kaċċa għall-foki, fil-prattika mhumiex fattibbli l-ivverifikar u l-kontroll konsistenti tar-rispett min-naħa tal-kaċċaturi tar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali, jew għall-inqas huwa diffiċli li jinkisbu b’mod effettiv, kif ġie konkluż mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-6 ta’ Diċembru 2007” u li “[h]uwa ċar ukoll li forom oħra ta’ regoli armonizzati, bħal rekwiżiti ta’ tikkettar, ma jiksbux l-istess riżultat [u li b]arra minn hekk, jekk il-manifatturi, id-distributuri jew il-bejjiegħa bl-imnut jiġu rikjesti li jagħmlu tikketta fuq il-prodotti li huma kompletament jew parzjalment derivati mill-foki, dan ikun jinvolvi l-impożizzjoni ta’ piż sinifikanti fuq dawn l-operaturi ekonomiċi, u jinvolvi wkoll spejjeż sproporzjonati fil-każi fejn il-prodotti derivati mill-foki jkunu jirrapreżentaw parti minuri biss tal-prodott ikkonċernat[, filwaqt li g]ħall-kuntrarju, il-miżuri inklużi f’dan ir-Regolament se jkunu aktar faċli biex wieħed ikun konformi magħhom, waqt li jserrħu moħħ il-konsumatur ukoll”.

96      Minn dan għandu jiġi dedott li, wara li evalwa l-kwistjoni tal-portata ta’ dawn il-miżuri fil-prattika, il-leġiżlatur ikkunsidra li dawn ma kinux jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex u li l-projbizzjoni, bħala regola ġenerali, tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki kienet l-aħjar mod sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti. Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ juri li dawn il-premessi huma żbaljati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li, skont huma, għadu ma ġie rrikonoxxut ebda organiżmu abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament ikkontestat u li fil-preżent teżisti projbizzjoni totali ta’ tqegħid fis-suq, ma jidħolx fil-kuntest tal-validità tar-Regolament bażiku, iżda f’dak tar-Regolament ikkontestat.

97      It-tielet nett, fir-rigward tal-karattru proporzjonali fis-sens strett tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti jsostnu li dan għandu effetti sproporzjonati fuq il-komunitajiet Inuit, fis-sens li dan għandu impatt kunsiderevoli fuq is-sopravivenza ta’ dawn il-komunitajiet. L-eżenzjoni li tikkonċernahom baqgħet qatt ma daħlet fis-seħħ, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Inuit ma jipprattikawx huma stess il-kummerċ tal-prodotti derivati mill-foki.

98      Biex isostnu tali affermazzjoni, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom sabiex jirreferu għall-punti speċifiċi tar-rikors. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-punti msemmija jiddeskrivu biss il-mod ta’ ħajja tal-komunitajiet Inuit, il-kaċċa għall-foki pprattikata minnhom u d-diffikultajiet ta’ ħajja u ta’ sopravivenza ta’ dawn il-popolazzjonijiet. Huwa biss il-punt 34 tar-rikors li jittratta l-effetti tal-miżura fuq is-sitwazzjoni tagħhom billi jsostni li, minħabba r-Regolament ikkontestat, moqri flimkien mar-Regolament bażiku u fid-dawl tal-interpretazzjoni restrittiva diġà mogħtija lilu, il-parti l-kbira tal-esportazzjonijiet ta’ prodotti derivati mill-foki lejn l-Unjoni hija destinata li tispiċċa u li, bħala konsegwenza, l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-prodotti tal-Inuit derivati mill-foki ser jintlaqtu serjament. Dawn jikkonkludu li r-Regolament ikkontestat probabbilment iwassal għat-tmiem ta’ suq importanti, kif ukoll ta’ infrastrutturi relatati miegħu. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti qalu wkoll li l-Inuit ma kellhomx għażla oħra ħlief li jibbażaw ruħhom fuq impriżi kummerċjali u l-infrastrutturi tagħhom u li jbatu d-diffikultajiet marbuta mas-sistema kkontestata ta’ korpi rikonoxxuti li joħorġu l-permessi relattivi għall-prodotti derivati mill-foki u awtorizzati fis-suq tal-Unjoni. Tali kunsiderazzjonijiet, inizjalment ġenerali ħafna u mhux sostnuti, ma jipprovawx l-eżistenza ta’ dannu subit mill-komunitajiet Inuit li hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex mir-Regolament bażiku.

99      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritika tal-istrument magħżul, jiġifieri r-Regolament, għandu jitfakkar li l-paragrafu 6 tal-protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità kien jipprovdi li “[f]il-parità ta’ kondizzjonijiet oħra, id-direttivi [kellhom] ikunu preferiti mir-regolamenti”.

100    Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fil-kuntest tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-ewwel frażi tal-imsemmi paragrafu tal-protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità li tgħid li l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni kellha tkun daqstant sempliċi daqs kemm kien jippermetti t-twettiq xieraq tal-għan tal-miżura u n-neċessità ta’ eżekuzzjoni effettiva. B’hekk, meta tipprovdi li d-direttivi kellhom ikunu preferiti “[f]il-parità ta’ kondizzjonijiet oħra”, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni kienet tħalli f’idejn il-leġiżlatur marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-istrument li kellu jiġi adottat.

101    Fil-paġna 16 tal-proposta għar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istrumenti differenti mir-Regolament ma kinux xierqa, għaliex, b’mod partikolari, direttiva kienet teħtieġ miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali u kienet tkabbar ir-riskju ta’ applikazzjonijiet differenti, u għaliex kien ukoll indispensabbli li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-eventwali derogi għall-projbizzjonijiet ta’ kummerċ fis-seħħ.

102    Fid-dawl tal-miżura stabbilita mir-Regolament bażiku, li tikkonsisti, essenzjalment, fi projbizzjoni flimkien ma’ eżenzjoni u f’żewġ eċċezzjonijiet u li tħeġġeġ miżuri għall-implementazzjoni tiegħu fuq livell tal-Unjoni, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni osserva dawn ir-rekwiżiti u ma stabbilixxiex li direttiva kienet iktar xierqa. Barra minn hekk, meta stabbilixxa regola ġenerali, applikabbli mill-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u meta ffissa, fl-Artikolu 8 tiegħu, li l-Artikolu 3 tiegħu, li kien jikkontjeni s-sustanza tal-miżura, kien japplika mill-20 ta’ Awwissu 2010, ir-Regolament bażiku żgura d-dħul fis-seħħ rapidu tal-prinċipju tal-projbizzjoni, filwaqt li ħalla lill-Kummissjoni ż-żmien neċessarju għall-adozzjoni tal-miżuri relattivi għall-implementazzjoni tiegħu.

103    Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

104    Skont ir-rikorrenti, ir-Regolament bażiku jikser l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll l-Artikolu 8 tal-KEDB, moqri fid-dawl tal-Artikoli 9 u 10 tagħha u hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-dritt fundamentali għal smigħ tagħhom. Dawn id-drittijiet għandhom ukoll jiġu interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-protezzjoni tal-popli indiġeni fid-dritt internazzjonali, kif tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, adottata fit-13 ta’ Settembru 2007.

105    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikoli tal-KEDB invokati mir-rikorrenti hija implementata fid-dritt tal-Unjoni mill-Artikoli 17, 7, 10 u 11, rispettivament, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389). Għalhekk għandha ssir referenza biss għal dawn l-aħħar dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, Ġabra p.I‑13085, punt 51).

106    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament bażiku ma jiħux inkunsiderazzjoni d-dritt għal proprjetà tagħhom, fis-sens li dan għandu effetti fuq id-dritt tar-rikorrenti li jikkummerċjalizzaw fl-Unjoni l-prodotti derivati mill-foki, sors importanti għad-dħul tagħhom, u, konsegwentement, għas-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjonijiet Inuit. Tali restrizzjoni għall-użu tad-dritt għal proprjetà tar-rikorrenti hija ġġustifikata biss meta tkun proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex. Ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351), japplikaw għalihom, peress li din il-preklużjoni timplika restrizzjoni kunsiderevoli tal-użu tad-dritt għal proprjetà tagħhom.

107    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-fatti f’din il-kawża huma differenti ħafna minn dawk li wasslu għas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, li kienu jirrigwardaw miżura ta’ ffriżar tal-fondi li fil-konfront tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minkejja li din kienet tikkostitwixxi miżura konservattiva li ma kinitx intiża sabiex iċċaħħad lill-persuni msemmija mill-proprjetà tagħhom, din kienet mingħajr kontestazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq l-użu tad-dritt tal-proprjetà tar-rikorrent f’din il-kawża, liema restrizzjoni, barra minn hekk, kellha tiġi kkwalifikata bħala kunsiderevoli fid-dawl tal-portata ġenerali tal-miżura ta’ ffriżar u fid-dawl tad-data li minnha din kienet tapplika għalih. F’din il-kawża, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, ksur tad-dritt għal proprjetà tagħhom sa fejn dan jirrigwarda l-foki maqbuda.

108    Għandu jitfakkar li r-Regolament bażiku ma jipprekludix it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki provenjenti minn forom ta’ kaċċa tradizzjonalment prattikati mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għal finijiet ta’ sopravivenza. Ir-rikorrenti jsostnu li din id-dispożizzjoni hija “qoxra vojta”. Madankollu, anki jekk jitqies li l-konklużjonijiet tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, jistgħu jiġu trasposti għal din il-kawża, ir-rikorrenti ma jressqux provi li juru li, minħabba din id-dispożizzjoni waħedha tar-Regolament bażiku, id-dritt għal-proprjetà tagħhom huwa miksur. Hekk kif ġie osservat fil-punt 98 iktar ’il fuq, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-punti tar-rikors li jirreferu għalihom f’dan ir-rigward ir-rikorrenti ma jistgħux ikunu utli f’dan is-sens.

109    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ġejjin minn postijiet differenti ħafna u li fil-parti l-kbira ma jifformawx parti mill-komunitajiet Inuit, dawn kellhom jipprovaw effetti fuq id-dritt għal proprjetà tagħhom fir-rigward tad-diversi kategoriji li jifformaw parti minnhom. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-garanziji kkonferiti mid-dritt għal proprjetà ma jistgħux jiġu estiżi għall-protezzjoni ta’ sempliċi interessi jew ta’ opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, li l-karattru aleatorju tagħhom huwa inerenti għall-essenza stess tal-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 185). B’hekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fuq dan il-punt ma tistax tintlaqa’.

110    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ, ir-rikorrenti josservaw li, skont il-ġurisprudenza, il-proċeduri applikabbli għandhom, fil-każ ta’ restrizzjoni kunsiderevoli għad-dritt għal proprjetà ta’ individwu, joffru lill-persuna kkonċernata okkażjoni xierqa sabiex tesponi s-sitwazzjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, dan id-dritt għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni.

111    Din l-argumentazzjoni ma tistax tirnexxi. Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda d-dritt għal smigħ qabel ma d-dritt għal proprjetà jiġi ristrett, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma pprovaw ebda ksur tad-dritt għal proprjetà tagħhom (ara l-punti 106 sa 109 iktar ’il fuq).

112    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazzjonali, filwaqt li barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li att adottat abbażi ta’ dawn il-kompetenzi kellu jiġi interpretat, u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu limitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali (ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 291, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, it-test invokat mir-rikorrenti huwa dak ta’ dikjarazzjoni u b’hekk ma għandux is-saħħa vinkolanti ta’ Trattat. Ma jistax jitqies li din id-dikjarazzjoni tista’ tagħti lill-Inuit drittijiet awtonomi u addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

113    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni bbażat fuq artikolu tat-Trattat, l-uniċi obbligi ta’ konsultazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni huma dawk stabbiliti mill-artikolu inkwistjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 38). B’hekk, l-Artikolu 95 KE ma kienx jistabbilixxi fuq il-leġiżlatur obbligu partikolari ta’ konsultazzjoni tar-rikorrenti.

114    F’kull każ, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, issostni li l-komunitajiet Inuit ġew ikkonsultati b’mod abbondanti u kemm-il darba matul it-tfassil kemm tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-miżuri ta’ applikazzjoni. Ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza u l-utilità ta’ xi wħud mil-laqgħat imsemmija. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li l-eżenzjoni li tirrigwarda lill-Inuit ġiet introdotta wara l-laqgħa tal-21 ta’ Jannar 2009 li matulha l-komunitajiet Inuit kienu rrappreżentati.

115    Finalment, mill-premessa 14 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni effettivament ikkunsidra s-sitwazzjoni partikolari tal-komunitajiet Inuit kif deskritta fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u li kien għal din ir-raġuni li huwa kkunsidra li kellha tiġi awtorizzata eżenzjoni għall-prodotti provenjenti mill-forom ta’ kaċċa pprattikati tradizzjonalment minnhom għal finijiet ta’ sopravivenza.

116    Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, bl-adozzjoni tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur ma sabx bilanċ tajjeb meta qies l-interessi tal-Inuit u dawk imfittxija mill-imsemmi Regolament, li jaffettwa b’mod kunsiderevoli, il-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-rikorrenti u, b’mod iktar ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-popolazzjonijiet Inuit.

117    Din l-argumentazzjoni għandha tinċaħad. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jippreżentaw la argumenti u lanqas provi li juru l-allegat ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Hekk kif ġie osservat fil-punti 98 u 108 iktar ’il fuq, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-punti tar-rikors li jirreferu għalihom ir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jagħtux iktar provi f’dan is-sens. Fir-rigward tal-Artikoli 9 u 10 tal-KEDB, kif ukoll tal-Artikoli 10 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li dawn ma ġewx miksura direttament mir-Regolament bażiku.

118    Għall-għanijiet prattiċi kollha, għandu jitfakkar li mill-premessa 15 tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan tal-aħħar ma jaffettwa la r-regoli tal-Unjoni u lanqas ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-kaċċa tal-foki u li, abbażi tal-Artikolu 3(1) tiegħu, ir-Regolament imsemmi jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki provenjenti minn forom ta’ kaċċa tradizzjonali pprattikati mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għal finijiet ta’ sopravivenza.

119    Għalhekk, għandha tinċaħad it-tielet parti ta’ dan il-motiv u, konsegwentement, il-motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

120    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, invokat b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha bi skop differenti minn dak li għalih din kienet ġiet ikkonferita lilha. Fil-fatt, minflok ma stabbilixxiet eżenzjoni effettiva fir-rigward tal-Inuit, il-Kummissjoni aġixxiet bil-għan li tibblokka kull tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti derivati mill-foki, inklużi l-prodotti provenjenti minn forom ta’ kaċċa pprattikati mill-Inuit.

121    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kemm-il darba, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ġie adottat bil-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk stabbiliti jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-trattat sabiex tirrimedja għaċ-ċirkustanzi tal-każ (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24, u tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763, punt 137).

122    Il-premessi rilevanti tar-Regolament ikkontestat jipprovdu s-segwenti:

“(1)      Ir-Regolament [bażiku] jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom […]

(2)      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati rekwiżiti ddettaljati għall-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ dawk il-prodotti derivati mill-foki sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament [bażiku].

(3)      Għandu jkun permess li prodotti derivati mill-foki li ġejjin minn kaċċa tradizzjonalment magħmula mill-Inuit u komunitajiet indiġeni oħra u li jikkontribwixxu għas-sussistenza tagħhom jitqiegħdu fis-suq fejn tali kaċċa tkun parti mill-wirt kulturali tal-komunità u fejn il-prodotti derivati mill-foki jkunu tal-anqas parzjalment użati, ikkunsmati jew ipproċessati fil-komunitajiet skont it-tradizzjonijiet tagħhom.

[…]

(5)      F’dan il-qafas eċċezzjonali, għandu jiġi introdott mekkaniżmu effettiv biex jiżgura verifika adegwata tal-konformità mar-rekwiżiti. B’dak il-mekkaniżmu l-kummerċ m’ għandux jiġi ristrett aktar milli hemm bżonn.

[…]

(12)      Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament [bażiku] li japplika fl-20 ta’ Awwissu 2010, għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza.”

123    B’hekk, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat :

“1.      Prodotti derivati mill-foki li ġejjin mill-kaċċa mill-Inuit jew komunitajiet indiġeni oħra jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jista’ jkun stabbilit li joriġinaw minn kaċċa għall-foki li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      kaċċa għall-foki li ssir mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra li għandhom tradizzjoni tal-kaċċa għall-foki fil-komunità u fir-reġjun ġeografiku;

b)      kaċċa għall-foki li l-prodotti minnha huma parzjalment użati, ikkunsmati jew ipproċessati fil-komunitajiet skont it-tradizzjonijiet tagħhom;

c)      kaċċa għall-foki li tikkontribwixxi għas-sussistenza tal-komunità.

2.      Fl-istess ħin li l-prodott derivat mill-foki jitqiegħed fis-suq, dan għandu jkun akkumpanjat miċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 7(1).”

124    Skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat, iċ-ċertifikati li jistabbilixxu li l-prodotti derivati mill-foki jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għandhom jinħarġu minn “korpi rikonoxxuti”.

125    Finalment, l-Artikolu 12 tal-imsemmi Regolament jistabbilixxi d-dħul fis-seħħ tiegħu fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

126    Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ sensiliet ta’ argumenti. L-ewwel nett, ir-Regolament ikkontestat ma ġiex adottat f’terminu raġonevoli qabel il-bidu tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq. Il-Kummissjoni damet biex tipprepara l-implementazzjoni tal-“eżenzjoni Inuit”.

127    It-tieni nett, ir-Regolament ikkontestat, kif adottat u interpretat mill-Kummissjoni, iċaħħad lill-“eżenzjoni Inuit” minn kull effett utli. B’mod partikolari, bi ksur ta’ dan l-Artikolu, ir-Regolament ikkontestat jipprekludi t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti derivati mill-foki provenjenti minn forom ta’ kaċċa pprattikati tradizzjonalment mill-komunitajiet Inuit, iżda li ma humiex sussegwentement ipproċessati jew mibjugħa minn komunitajiet mhux Inuit.

128    Għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn l-affermazzjonijiet, fil-parti l-kbira mhux sostnuti, ma tista’ turi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha għal għanijiet differenti minn dak imsemmi fil-premessa 2 tar-Regolament ikkontestat.

129    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-mument li fih ġie adottat ir-Regolament ikkontestat, għandu jiġi osservat li dan ġie adottat fl-10 ta’ Awwissu 2010, ippubblikat fis-17 ta’ Awwissu 2010 u, abbażi tal-Artikolu 12 tiegħu, daħal fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu, jiġifieri fl-20 ta’ Awwissu 2010, u b’hekk fil-jum meta beda japplika l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku. B’hekk, minnu nnifsu, dan il-fatt ma jippermettix li jitqies li l-Kummissjoni aġixxiet bil-għan li tipprekludi t-twettiq tal-għan imfittex. Barra minn hekk, ma jistax jiġi lmentat talli l-Kummissjoni kkonsultat lid-diversi partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-annimali. Il-kunsiderazzjonijiet esposti mir-rikorrenti jifformaw parti mill-kritiki dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, iżda ma jistgħux jikkostitwixxu elementi ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod kuntrarju, il-fatt li l-Kummissjoni kkonsultat ma’ dawn id-diversi partijiet, inklużi r-rappreżentanti tal-komunitajiet Inuit, jista’ jindika biss li din effettivament riedet tkun taf l-elementi rilevanti kollha tal-problema li kellha tiġi riżolta. Barra minn hekk, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tindika li diversi rikorrenti kienu preżenti għal-laqgħa tat-18 ta’ Novembru 2009, li matulha ġiet imqassma u diskussa nota ta’ informazzjoni dwar it-test previst, u sussegwentement tpoġġiet immedjatament fuq l-internet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat il-proġett tar-Regolament ikkontestat fuq l-internet fit-2 ta’ Ġunju 2010.

130    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-argumentazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni tinterpreta b’mod wiesa’ ħafna l-projbizzjoni u b’mod strett ħafna d-derogi minnha, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fir-realtà jikkritikaw il-kontenut u l-effetti tal-miżuri previsti mir-Regolament ikkontestat li, skont huma, ma humiex konformi mal-għan ta’ dan ir-Regolament kif predefinit mir-Regolament bażiku. Ir-rikorrenti jsostnu li l-kontenut tar-Regolament ikkontestat, kif interpretat mill-Kummissjoni, juri li l-għan reali mfittex mill-Kummissjoni kien differenti minn dak li għalih ir-Regolament bażiku kkonferilha s-setgħa. Insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, huma jippreżentaw dikjarazzjonijiet li jinkludu interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni u ta’ awtoritajiet nazzjonali relattivi għall-applikazzjoni, fil-prattika, tar-regoli previsti. Madankollu, xejn f’din l-argumentazzjoni u lanqas fil-proċess ma jippermetti li jiġi stabbilit li t-twettiq ta’ tali effetti, allegatament negattivi għall-kummerċ tal-prodotti kkonċernati, kien l-għan imfittex mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. L-argumentazzjoni tar-rikorrenti teħtieġ pjuttost verifika tal-konformità tad-dikjarazzjonijiet imsemmija mar-Regolament bażiku.

131    Għalhekk, dan il-motiv għandu jinċaħad.

132    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-talba għal annullament għandha tinċaħad u, b’hekk, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

133    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

134    Il-Kunsill u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess Regoli.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Inuit Tapiriit Kanatami, in-Nattivak Hunters and Trappers Association, il-Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, il-Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products, Inc., il-Fur Institute of Canada, NuTan Furs, Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), Johannes Egede, il-Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), William E. Scott & Son, l-Association des chasseurs de phoques des Îles-de-la-Madeleine, Hatem Yavuz Deri Sanayi iç Ve Diş Ticaret Ltd Şirketi u n-Northeast Coast Sealers’ Co-Operative Society, Ltd huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Dittrich

Wiszniewska-Białecka

Prek

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ April 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.