Language of document : ECLI:EU:T:2011:359

Kawża T-45/07

Unipetrol a.s.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Parteċipazzjoni fl-akkordju — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi”

Sommarju tas-sentenza

Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Provi li għandhom jiġu prodotti

(Artikolu 81(1) KE)

F’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u korroboranti biex tistabbilixxi l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ.

L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, suffiċjentement skont il-liġi, jekk ikun għadu jippersisti dubju fil-ħsieb tagħha dwar din il-kwistjoni.

Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jinkludu prattiki u ftehim antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien sar kuntatt illegali bejn l-operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Peress illi l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni, anki jekk huma jistgħu jkollhom ċertu valur probatorju, ma humiex suffiċjenti biex jiġġustifikaw il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tal-impriża kkonċernata, fid-dawl tal-kontradizzjonijiet fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna, b’mod partikolari, il-laqgħat organizzati fil-kuntest tal-akkordju u tad-dubju li għandu jkun favur l-impriża kkonċernata, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata.

(ara l-punti 48, 49, 66, 68)