Language of document : ECLI:EU:C:2013:32

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Jannar 2013 (*)

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Annullament ta’ 65 % ta’ dejn fiskali fil-kuntest ta’ proċedura kollettiva ta’ insolvenza — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Kriterju ta’ kreditur privat — Limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju — Sostituzzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi tagħha għal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Żnaturament tal-provi”

Fil-Kawża C‑73/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Union Ewropea, ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2011,

Frucona Košice a.s., stabbilita fi Košice (is-Slovakkja), irrappreżentata minn P. Lasok, QC, J. Holmes u B. Hartnett, barristers, kif ukoll minn O. Geiss, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Walkerová u L. Armati kif ukoll minn B. Martenczuk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

St. Nicolaus – trade a.s., stabbilita fil-Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn N. Smaho, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Frucona Košice a.s. (iktar ’il quddiem “Frucona Košice”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (Kawża T‑11/07, Ġabra p. II‑5453, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/254/KE tas-7 ta’ Ġunju 2006, dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/05 (ex NN 21/05) tar-Repubblika Slovakka favur Frucona Košice a.s. (ĠU L 112, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2        Frucona Košice hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Slovakk li kienet attiva, b’mod partikolari, fis-settur tal-produzzjoni tal-alkoħol u tal-ispirti.

3        Fil-25 ta’ Frar 2004 Frucona Košice, li fil-passat kienet ibbenefikat minn diversi posponimenti ta’ ħlas tad-dejn fiskali tagħha, ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas id-dazju tas-sisa li kien dovut minnha għax-xahar ta’ Jannar 2004.

4        Konsegwentement, fis-6 ta’ Marzu 2004, il-liċenzja tagħha ta’ produzzjoni u pproċessar tal-alkoħol u tal-ispirti ġiet irtirata. Minn dak iż-żmien hija sempliċement tiddistribwixxi, taħt it-trade mark Frucona, spirti mixtrija minn impriża li, skont ftehim, kienet tipproduċihom b’liċenzja fil-fabbriki ta’ Frucona Košice.

5        Frucona Košice sabet ruħha wkoll f’sitwazzjoni ta’ dejn fis-sens tal-Liġi Nru 328/1991, dwar stralċ ġudizzjarju u arranġament mal-kredituri (zákon č. 328/1991 Zb. o konkurze a vyrovnaní).

6        Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju u ta’ arranġament mal-kredituri huma mqiegħda taħt is-sorveljanza ta’ qorti li għandha l-għan li tirranġa s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kumpanniji midjuna. Filwaqt li l-istralċ ġudizzjarju jwassal għall-għajbien tal-kumpannija midjuna, l-arranġament mal-kredituri jippermettilha tkompli l-attivitajiet tagħha, billi jwassal għal ftehim li bih il-kumpannija midjuna tirrimborsa parti mid-dejn tagħha inkambju għal annullament tal-bqija tad-dejn.

7        Fis-16 ta’ Diċembru 2003 kif ukoll fit-23 u t-30 ta’ Jannar 2004, id-Direttur Ġenerali ta’ Frucona Košice kien iltaqa’ ma’ rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi u l-Ministru tal-Finanzi Slovakki, b’mod partikolari, sabiex jipproponilhom sald tal-obbligi fiskali tal-imsemmija kumpannija permezz ta’ arranġament mal-kredituri.

8        Fit-8 ta’ Jannar 2004, din il-kumpannija kienet ikkuntattjat ukoll, dwar dan is-suġġett, l-Uffiċċju ta’ Košice IV (iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali lokali” taħt liema awtorità hija kienet taqa’, u dan ma opponiex għall-istabbiliment ta’ arranġament mal-kredituri.

9        Fit-8 ta’ Marzu 2004, Frucona Košice ressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri quddiem il-Krajský súd v Košiciach (qorti reġjonali ta’ Košice) (is-Slovakkja) li fiha pproponiet lill-kredituri tagħha li tħallas lil kull wieħed minnhom 35 % tal-ammont tas-somma li kellha ttihom (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ arranġament mal-kredituri”). Id-dejn totali ta’ Frucona Košice kien jammonta għal madwar SKK 644.6 miljun, fosthom madwar SKK 640.8 miljun ta’ dejn fiskali.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, il-Krajský súd v Košiciach awtorizzat il-ftuħ tal-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri u, b’mod partikolari, irripproduċiet il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri.

11      Sabiex tippermetti lill-awtorità fiskali lokali tevalwa l-vantaġġi ripsettivi tal-proposta ta’ arranġament mal-kredituri, tal-istralċ ġudizzjarju u tal-eżekuzzjoni fiskali, fis-26 ta’ April 2004 Frucona Košice ssottomettitilha rapport ta’ verifika mfassal mill-awditur intern tagħha (iktar ’il quddiem ir-“rapport K”) u fis-7 ta’ Lulju 2004 ssottomettitilha rapport ta’ verifika mfassal minn kumpannija ta’ awdituri indipendenti (iktar ’il quddiem ir-“rapport E”).

12      Fil-21 ta’ Ġunju 2004, l-amministrazzjoni fiskali Slovakka għamlet spezzjoni fuq il-post, fil-bini tal-appellanti. Matul din l-ispezzjoni ġie kkonstatat li, fis-17 ta’ Ġunju 2004, l-appellanti kellha fost oħrajn assi likwidi fl-ammont ta’ SKK 161.3 miljun.

13      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2004, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi Slovakk stiednet lill-awtorità fiskali lokali sabiex ma taċċettax il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri minħabba li din il-proposta ma kinitx favorevoli għar-Repubblika Slovakka.

14      Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-kredituri ta’ Frucona Košice, inkluża l-awtorità fiskali lokali, aċċettaw il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri matul seduta dwar dan l-arranġament.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004, il-Krajský súd v Košiciach aċċettat l-arranġament mal-kredituri u rrilevat, b’mod partikolari, li kien jipprevedi li l-kreditu tal-amministrazzjoni fiskali Slovakka kellu jiġi rrimborsat sa 35 %, jiġifieri kellu jitħallas ammont ta’ madwar SKK 224.3 miljun.

16      L-istess jum, id-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi Slovakk issospenda u ssostitwixxa lid-direttur tal-awtorità fiskali lokali u, fl-14 ta’ Diċembru 2004, ġie akkużat bi frodi u b’approprjazzjoni indebita minħabba li l-awtorità fiskali lokali aċċettat il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri. Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Marzu 2006, is-Špeciálny súd v Pezinku (qorti speċjali ta’ Pezinok) (is-Slovakkja) ħelsitu minn kull akkuża miġjuba kontrih.

17      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità fiskali lokali indikat lil Frucona Košice li l-modalitajiet tal-arranġament mal-kredituri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat indiretta suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

18      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, Frucona Košice ħalset b’mod partikolari lill-awtorità fiskali lokali ammont ta’ SKK 224.3 miljun, li kien jikkorrispondi għal 35 % tad-dejn totali tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2004, il-Krajský súd v Košiciach ippronunzjat l-għeluq tal-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri. Fit-18 ta’ Awwissu 2006, il-Krajský súd v Košiciach naqqset l-ammont li kellu jitħallas lill-awtorità fiskali lokali għal SKK 224.1 miljun.

19      Fil-15 ta’ Ottubru 2004, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna preżunta illegali favur Frucona Košice.

20      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni, wara talba għal informazzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar, bil-possibbiltà li Frucona Košice rċeviet għajnuna illegali u talbitha tawtorizza din l-għajnuna bħala għajnuna biex tiġi salvata impriża f’diffikultà.

21      Wara li ġabret informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni innotifikat lir-Repubblika Slovakka, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2005, bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar il-miżura inkwistjoni. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 233, p. 47).

22      Fis-7 ta’ Ġunju 2006 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fil-parti operattiva tagħha tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Slovakka favur Frucona Košice fl-ammont ta’ SKK 416 515 990 hija inkompatibbli mas-suq komuni u tordna, fl-Artikolu 2 tagħha, l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

23      Fil-parti ta’ din id-deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni rrilevat li l-arranġament mal-kredituri kien jinvolvi l-istess kundizzjonijiet għall-ħlas tad-dejn għall-kredituri privati u għall-amministrazzjoni fiskali, filwaqt li din tal-aħħar kienet, minħabba l-kwalità tagħha ta’ kreditur privileġġat fil-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, f’sitwazzjoni ġuridika u ekonomika iktar favorevoli minn dik tal-kredituri privati.

24      Imbagħad il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat kienet tirrikjedi li jiġi vverifikat jekk l-awtorità fiskali lokali kinitx “tkun f’pożizzjoni aħjar billi taċċetta l-kundizzjonijiet tal-arranġament mal-kredituri propost minn [Frucona Košice] milli dak li [setgħet] tikseb minn proċedura ta’ [stralċ ġudizzjarju] jew ta’ eżekuzzjoni fiskali”.

25      Filwaqt li studjat id-dħul ta’ stralċ ġudizzjarju, il-Kummissjoni qieset li r-rapport E ma kienx jikkostitwixxi bażi affidabbli peress li kien jibbaża fuq is-sitwazzjoni tal-attiv ta’ Frucona Košice fil-31 ta’ Marzu 2004 u mhux dik, b’mod partikolari, tas-17 ta’ Ġunju 2004. Għaldaqstant, il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni meqjusa fir-rapport E huma baxxi wisq. Barra minn hekk, il-metodu tal-kalkolu tagħhom ma huwiex spjegat. Flimkien ma’ dan, il-kalkolu tad-diversi spejjeż marbuta mal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, li jridu jitnaqqsu mid-dħul tal-bejgħ tal-attiv, huwa dubjuż fid-dawl tal-istimi disponibbli.

26      Fuq il-bażi tad-dokumenti li kellha, il-Kummissjoni kkonkludiet li “il-bejgħ tal-attiv f’proċedura ta’ [stralċ ġudizzjarju] kien, bi probabbiltà kbira, jipproduċi dħul ikbar” min dak tal-arranġament mal-kredituri u li, fid-dawl tal-istatus ipprivileġġat tal-awtorità fiskali lokali, “kważi d-dħul kollu miksub fil-kuntest [tal-istralċ ġudizzjarju] kien imur” għaliha. Fir-rigward tad-dħul minn proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali, hija waslet għall-istess konklużjoni.

27      Sussegwentement, il-Kummissjoni enfasizzat li d-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tar-Repubblika Slovakka kien kontra l-arranġament mal-kredituri propost u eskludiet ir-rilevanza, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, ta’ kwalunkwe interessi fit-tul tal-Istat, bħall-kontinwità ta’ dħul fiskali favur l-Istat mill-attivitajiet ta’ Frucona Košice.

28      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx issodisfat u li l-miżura eżaminata kienet għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ugwali għall-ammont tad-dejn annullat mill-awtorità fiskali lokali. Fl-aħħar nett hija qieset li din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Jannar 2007, Frucona Košice talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ġunju 2007, il-kumpannija St. Nicolaus – trade a.s. (iktar ’il quddiem “St. Nicolaus – trade”) talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. Din it-talba intlaqgħet permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2007.

31      Insostenn tar-rikors tagħha, Frucona Košice qajmet għaxar motivi li r-raba’ wieħed fosthom kien ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt imwettaq mill-Kummissjoni li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, kienet kkunsidrat li l-istralċ ġudizzjarju kien iktar favorevoli mill-arranġament mal-kredituri u li l-kriterju tal-kreditur privat informat ma kienx, għaldaqstant, issodisfat.

32      Permezz ta’ dan il-motiv, Frucona Košice essenzjalment sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-provi prodotti minnha, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u l-impatt tiegħu fuq l-għażla li kien ikollu jagħmel kreditur privat fis-sitwazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali.

33      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li peress li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat jinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kellu jiġi limitat għall-verifika dwar jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

34      Imbagħad hija qieset li, f’dan il-każ, għall-finijiet ta’ dan l-istħarriġ, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ kreditur privileġġat tal-amministrazzjoni fiskali Slovakka, tan-natura partikolarment prudenti tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tal-attiv ta’ Frucona Košice fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u tal-fatt li, bil-kontra tal-arranġament mal-kredituri, l-istralċ ġudizzjarju ma jipprevedix maħfra tad-dejn.

35      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 123 sa 129 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“123      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ta[’ Frucona Košice] bbażat fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja u r-rapporti ta’ terzi f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni [din il-kumpannija], il-Kummissjoni mhux biss indikat, fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-Repubblika Slovakka, it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, kien ikun iqsar mill-medja, iżda semmiet ukoll, fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont [Frucona Košice], il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti ddum, bħala medja, bejn tliet snin u seba’ snin fis-Slovakkja. Hija speċifikat li [Frucona Košice] bbażat il-pożizzjoni tagħha fuq informazzjoni, statistika u eżempju ta’ kumpannija Slovakka li hija f’sitwazzjoni simili għal tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li injorat din il-kwistjoni u l-pożizzjoni ta[’ Frucona Košice] f’dan ir-rigward.

124      Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi li kellha l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni stess ikkomunikata mi[nn Frucona Košice] ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ affidabbiltà u koerenza. Fil-fatt, l-evalwazzjonijiet dwar it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja li [Frucona Košice] ppreżentat lill-Kummissjoni kienu ġenerali u ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-każ inkwistjoni. Bl-istess mod, uħud minn dawn l-evalwazzjonijiet kienu approssimattivi u, sa ċertu punt, ma kinux jaqblu bejniethom. Fil-fatt, [Frucona Košice] tirreferi għal erba’ rapporti, imsemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq, li fihom dan it-tul ġie evalwat għal erba’ snin u tmien xhur, għal perijodu ta’ bejn tliet snin u seba’ snin, jew għal iktar minn sitt snin, rispettivament.

125      Ir-rapporti l-oħra li tirreferi għalihom [Frucona Košice] huma rapporti tal-Kummissjoni tal-2002 u tal-2003 fuq il-progressi miksubin mir-Repubblika Slovakka li kienet miexja lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. Skont [din il-kumpannija], f’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni semmiet xi diffikultajiet u titjib neċessarji fir-rigward tal-proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ stralċ mill-qorti u falliment fis-Slovakkja. Għandu jiġi rrilevat li dawn ir-rapporti tal-Kummissjoni jirrigwardaw il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti fis-Slovakkja b’mod ġenerali, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-każ inkwistjoni.il-Kummissjoni.

126      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li [Frucona Košice] ma semmietx ir-riżultati tar-rapport K fir-rigward taż-żmien li setgħet tieħu proċedura ta’ stralċ mill-qorti li tikkonċernaha. F[ir-rapport K] li [Frucona Košice] stess ipproduċiet f’dan il-każ, l-imsemmi żmien ġie evalwat għal “madwar sentejn (skont il-kundizzjonijiet u x-xogħol tal-likwidatur)”. Għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li din l-evalwazzjoni taż-żmien li tieħu tali proċedura ta’ stralċ mill-qorti hija manifestament ħafna iktar ottimista mill-evalwazzjonijiet l-oħra ppreżentati mi[nn Frucona Košice], l-imsemmija evalwazzjoni kienet tikkonċerna b’mod speċifiku li[l din il-kumpannija].

127      Għandu jiġi kkunsidrat ukoll, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li, meta, kif inhu l-każ hawnhekk, in-numru ta’ kredituri tad-debitur jkun żgħir u meta jeżisti attiv li jkollu valur ta’ likwidazzjoni pożittiv, il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti tista’ titmexxa b’mod iktar mgħaġġel mill-medja. Dan huwa iktar u iktar il-każ hawnhekk billi huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kreditu tal-amministrazzjoni fiskali Slovakka ma[’ Frucona Košice] jirrappreżenta madwar 99 % tal-passiv ta’ din tal-aħħar u l-imsemmija amministrazzjoni kienet tibbenefika mill-kwalità ta’ kreditur privileġġjat. Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni fiskali Slovakka kien ikollha influwenza deċiżiva fuq it-tul tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti. Ċertament, [Frucona Košice] tafferma li l-karatteristiċi tal-attiv tagħha, il-post ġeografiku tagħhom u l-fatt li l-maġġoranza tagħhom kienu qodma kienu jrendu t-tfittxija ta’ xerrej diffiċli u b’hekk il-proċedura ta’ stralċ mill-qorti kienet tiżvolġi iktar bil-mod. Madankollu, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, diversi biċċiet ta’ informazzjoni u b’mod partikolari l-fatt li parti mill-attiv ta’ produzzjoni ta[’ Frucona Košice]r-rikorrenti bdiet tintuża minn ħaddieħor wara li ġiet irtirata l-liċenzja għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-alkoħol u l-ispirti, pjuttost juru li din l-affermazzjoni […]tar-rikorrenti hija infondata.

[…]

129      Mill-kunsiderazzjonijiet suesposti jirriżulta li, fid-dawl tat-tul ta’ żmien tal-proċedura ta’ stralċ mill-qorti, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.”

36      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motivi l-oħra mqajma minn Frucona Košice u, għaldaqstant, ir-rikors ta’ din tal-aħħar u kkundannatha għall-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

37      Frucona Košice titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn ċaħdet ir-raba’ u s-sitt motiv tar-rikors;

–        tilqa’ dawn il-motivi bħala fondati;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-ħames, is-sitt, is-seba’, it-tmien u d-disa’ motiv tar-rikors sa fejn jikkonċernaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Frucona Košice għall-ispejjeż.

39      St. Nicolaus – trade titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell, tikkonferma s-sentenza appellata u tikkundanna lil Frucona Košice għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

40      Insostenn tal-appell tagħha, Frucona Košice tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat. Dan l-aggravju jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet fejn l-ewwel waħda tirrigwarda t-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u t-tieni waħda tirrigwarda r-rilevanza tal-opinjoni ta’ esperti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni.

41      Permezz tat-tieni aggravju, Frucona Košice takkuża lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet ir-raġunament tagħha għal dak li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata u li żnaturat il-provi. Dan l-aggravju jinqasam essenzjalment f’erba’ partijiet fejn l-ewwel waħda tirrigwarda l-ispejjeż ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, it-tieni waħda tirrigwarda t-tul ta’ tali proċedura, it-tielet waħda tirrigwarda l-prudenza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u r-raba’ waħda tirrigwarda r-rilevanza ta’ dejn li jifdal wara l-imsemmi stralċ.

42      Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok u flimkien, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni parti tat-tieni aggravju dwar it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

 L-argumenti tal-partijiet

43      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Frucona Košice ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.

44      Frucona Košice tqis li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx is-sitwazzjoni bl-istess mod bħal ma kien jagħmel kreditur privat, fid-dawl tal-informazzjoni li dan tal-aħħar seta’ jkollu waqt il-konklużjoni tal-arranġament mal-kredituri. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat evalwazzjoni mwettqa a posteriori mill-Kummissjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti riskji u termini li kieku kienu jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta’ kreditur privat waqt l-eżami tal-vantaġġi rispettivi tal-istralċ ġudizzjarju u tal-arranġament mal-kredituri.

45      B’mod partikolari, skont Frucona Košice, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat jekk l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni kienx fiha żbalji u mhux jekk din l-analiżi kinitx twettqet b’teħid inkunsiderazzjoni tal-perspettiva ta’ kreditur privat prudenti.

46      Frucona Košice hija tal-opinjoni li dan il-kriterju jinvolvi l-eżami dwar jekk, fid-dawl tal-informazzjoni raġonevolment disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-arranġament mal-kredituri, il-miżura inkwistjoni kinitx toffri vantaġġ manifestament ikbar mis-soluzzjoni magħżula minn kreditur privat f’sitwazzjoni simili.

47      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kien messa, l-ewwel nett, tiddetermina jekk l-informazzjoni dwar it-tul ta’ stralċ ġudizzjarju setax jinfluwenza l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat ipotetiku. Imbagħad, hija kellha l-obbligu tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kien messa eżaminat jekk hija kinitx tat lil din l-informazzjoni l-importanza li kien jistħoqilha.

48      Frucona Košice tqis li, sabiex jagħżel bejn id-diversi metodi għall-irkupru ta’ dejn, kreditur privat prudenti kien jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni disponibbli f’dan il-każ dwar it-tul ta’ proċedura ta’ falliment kif ukoll dwar l-inċertezzi relatati magħha. Għaldaqstant, id-diversi rapporti u dokumenti dwar l-istralċ ġudizzjarju tal-kumpannija Liehofruct, li seħħ preċedentement fl-istess settur kummerċjali, kienu jinkludu, skont Frucona Košice, informazzjoni legalment rilevanti, li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, u hija naqset milli tagħmel dan biex b’hekk wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkritika.

49      Frucona Košice tippreċiża li, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-evalwazzjoni tar-rapporti mwettqa mill-Kummissjoni kienet tirrigwarda kwistjoni ta’ fatt, jiġifieri t-tul tal-proċeduri ta’ falliment, li dwaru hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni, hija wettqet żball ta’ liġi, peress li l-kwistjoni mqajma kienet dik dwar l-impatt ta’ din l-informazzjoni fuq l-evalwazzjoni li kien iwettaq kreditur privat prudenti.

50      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, Frucona Košice sostniet li, fir-rigward tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, iġġustifikat l-assenza ta’ eżami ta’ dawn l-elementi mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-motivi tagħha stess.

51      Fil-fatt, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-premessi li l-Qorti Ġenerali tirreferi għalihom f’dan il-punt ma jallegawx li jesprimu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward it-tul tad-diversi proċeduri, iżda jirrelataw il-pożizzjonijiet ta’ Frucona Košice u tar-Repubblika Slovakka.

52      Filwaqt li fil-punt 124 tas-sentenza appellata ddeċidiet li d-data pprovduta minn Frucona Košice ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ affidabbiltà u koerenza, sabiex tiċħad dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali illegalment żiedet motivi ġodda mar-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-affirmazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kellha diversi stimi dwar it-tul probabbli ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju fis-Slovakkja ma tirrispondix għall-argument żviluppat minn Frucona Košice.

53      Filwaqt li ċaħdet, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza tar-rapporti tal-Kummissjoni tal-2002 u tal-2003 fuq il-progressi miksubin mir-Repubblika Slovakka li kienet miexja lejn l-adeżjoni mal-Unjoni minħabba li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali ressqet ukoll argument li l-Kummissjoni ma serrħitx ruħha fuqu sabiex tibbaża d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, din il-motivazzjoni ma hijiex valida peress li, meta tapplika l-kriterju tal-kreditur privat, il-Kummissjoni spiss tibbaża ruħha parzjalment fuq informazzjoni ġenerali dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-Istat Membru kkonċernat.

54      Filwaqt li rrilevat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li wieħed mir-rapporti sottomess minn Frucona Košice kien jistima t-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju għal madwar sentejn, il-Qorti Ġenerali reġgħet ipprovat tipprovdi hija stess motiv li jispjega l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ stralċ ġudizzjarju. Barra minn hekk, tul ta’ sentejn huwa xorta ħafna itwal mit-terminu ta’ erba’ xhur, neċessarju sabiex jinkisbu l-fondi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri.

55      Bl-istess mod, huwa fuq il-bażi tal-motivi tagħha biss li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li kieku f’dan il-każ, seħħet proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, it-tul tagħha kien ikun iqsar mit-tul abitwali ta’ tali proċedura.

56      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tqis li, għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, għandu jiġi ddeterminat jekk il-faċilitajiet ta’ ħlas mogħtija minn Stat Membru kinux jingħataw ukoll minn kreditur privat jew jekk huwiex ċar li dan tal-aħħar ma kienx joffri faċilitajiet paragunabbli. Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mis-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni meta twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bħal dawk li tinvolvi l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.

57      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju legali korrett, li jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk l-awtorità pubblika aġixxietx bl-istess mod li kien jaġixxi kreditur privat imqiegħed fl-istess sitwazzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, u ddeċidiet b’mod ġust li l-istħarriġ tagħha kien limitat sabiex tidentifika żbalji manifesti mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti.

58      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta’ Frucona Košice dwar l-assenza ta’ riferiment għall-kriterju tal-kreditur privat u għall-portata tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jirrigwardaw il-mod li bih il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali evalwaw il-provi u, għaldaqstant, ma jaffettwawx ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali relatat mal-kriterju legali applikabbli.

59      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tosserva, preliminarjament, li l-evalwazzjoni tal-fatti fid-dawl tal-kriterju tal-kreditur privat għandha tibbaża fuq evalwazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, filwaqt li Frucona Košice kkontestat biss l-evalwazzjoni ta’ wħud minn dawn id-diversi fatturi.

60      Għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-Kummissjoni tosserva li, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-fatt, li l-Kummissjoni ma kinitx injorat din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata iżda madankollu kkunsidrat li, fid-dawl tal-informazzjoni fil-punti 17, 40 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata, kien inutli li t-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju jiġi kkunsidrat bħala fattur li jopponi l-konklużjoni ta’ tali proċedura.

61      Fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonfermat il-provi li kellha l-Kummissjoni. Ir-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, għal rapporti li ma jidhrux fid-deċiżjoni kkontestata huwa biss obiter dictum.

62      Fil-punti 127 tas-sentenza appellata wkoll, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat il-provi li kellha l-Kummissjoni, sabiex tivverifika jekk din tal-aħħar kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li ma tinsabx obbligata tirrispondi speċifikament għal kull argument invokat mill-benefiċjarju ta’ allegata għajnuna u li hija ma żviluppatx fit-tul il-kunsiderazzjonijiet dwar it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju peress li fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kwalità ta’ kreditur privileġġat tal-awtorità fiskali lokali l-kwistjoni ma kinitx tali li tinkwieta lil kreditur privat ipotetiku.

63      Konsegwentement, l-argumenti ta’ Frucona Košice mqajma fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li huma intiżi jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ir-raġunament tagħha għal dak tal-Kummissjoni, ma humiex fondati.

64      St. Nicolaus – trade issostni li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, huwa rilevanti li ssir id-domanda jekk investitur privat kienx iwettaq l-istess tranżazzjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet u, f’każ negattiv, li jiġi eżaminat taħt liema kundizzjonijiet huwa kien iwettaqha.

65      Hija tirrileva li, għall-awtorità fiskali lokali, il-ħlas immedjat minn Frucona Košice tad-dejn tagħha ma kienx neċessità fil-mument li hija aċċettat il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri. Kreditur privat f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-awtorità fiskali lokali ma kienx, għaldaqstant, inklinat jirrinunzja għall-possibbiltà li jikseb dan il-ħlas fuq skala ikbar minn dik offruta mill-arranġament mal-kredituri.

66      Fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, St. Nicolaus –trade issostni li mill-punt 123 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat din il-kwistjoni. Din l-istituzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u f’dan il-każ hija evalwat is-sitwazzjoni fattwali li kellha prinċipalment quddiemha fid-dawl tal-kumplessità ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, tan-numru ta’ kredituri u tal-fatt li l-amministrazzjoni fiskali kienet mhux biss il-kreditur prinċipali iżda wkoll il-kreditur privileġġat ta’ Frucona Košice. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludew li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet, bi probabbiltà kbira, tintemm f’terminu iqsar mit-terminu normalment neċessarju għat-tmiem ta’ tali proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Frucona Košice essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet sempliċement stħarriġ dwar jekk l-analiżi tal-Kummissjoni kienx fiha żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u li naqset milli tivverifika jekk din l-analiżi kinitx twettqet mill-perspettiva ta’ kreditur privat. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tistħarreġ jekk l-informazzjoni disponibbli dwar it-tul ta’ stralċ ġudizzjarju setgħetx tinfluwenza l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat u jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni. Minflok ma għamlet dan l-istħarriġ hija ġġustifikat, fuq il-bażi tal-motivi tagħha stess, l-assenza ta’ eżami ta’ dawn l-elementi fid-deċiżjoni kkontestata.

68      Skont l-Artikolu 107(1) TFU), ħlief għad-derogi previsti fit-trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi hija, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq intern.

69      Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom diversi, itaffu l-piżijiet li normalment jinsabu fil-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 34, u tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I 2981, punt 15).

70      Madankollu, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex sodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għaliha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF et, C‑124/10 P, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Meta kreditur pubbliku jagħti faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn li huwa dovut lilu minn impriżi, din l-evalwazzjoni ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑342/96, Ġabra p. I‑2459, punt 46; tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, Ġabra p. I‑3913, punt 24, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs EDF, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 u 103).

72      Tali faċilitajiet ta’ ħlas jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) 1 TFUE jekk, fid-dawl tal-importanza tal-vantaġġ ekonomiku mogħti b’dan il-mod, l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb, manifestament, faċilitajiet paragunabbli minn kreditur privat li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli ta’ dik ta’ kreditur pubbliku u li jkun qed ifittex li jitħallas is-somom dovuti lilu minn debitur li jkollu diffikultajiet finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 46, DM Transport, punt 30, u Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 79).

73      Għaldaqstant huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikseb, manifestament, faċilitajiet paragunabbli minn tali kreditur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

74      Huwa paċifiku li l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri partikolari jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux imxew bl-istess mod bħal kreditur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 59).

75      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra p. I‑7763, punti 64 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l‑elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39, u Il‑Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

77      Minn dak li ntqal jirriżulta li, fid-dawl tal-argumenti mressqa minn Frucona Košice fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kellha, b’mod partikolari, tivverifika jekk l-informazzjoni disponibbli dwar it-tul ta’ stralċ ġudizzjarju kinitx rilevanti f’dan il-każ għall-finijiet ta’ evalwazzjoni mill-perspettiva tal-kriterju tal-kreditur privat u, jekk dan ikun il-każ, jekk il-Kummissjoni ħadithiex inkunsiderazzjoni.

78      F’dan ir-rigward, għandha titqies bħala rilevanti l-informazzjoni kollha li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, prudenti u diliġenti b’mod normali, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet sabiex iħallas.

79      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, sabiex jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu kreditur privat, prudenti u diliġenti b’mod normali, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtorità fiskali lokali kellu jagħżel, b’mod partikolari, bejn il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri u l-istralċ ġudizzjarju ta’ Frucona Košice.

80      Isegwi li, sabiex tiġi identifikata l-iktar alternattiva vantaġġuża, tali kreditur kellu jevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri.

81      Issa, kif ġustament issostni Frucona Košice, peress li t-tul tal-proċeduri msemmija iktar ’il fuq jipposponi ratione temporis l-irkupru tas-somom dovuti u għaldaqstant jistgħu jaffettwaw, b’mod partikolari f’każ ta’ proċeduri twal ħafna, il-valur tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa element li jista’ jinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, prudenti u diliġenti b’mod normali, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtorità fiskali lokali.

82      Konsegwentement, kien l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-kreditur privat, l-informazzjoni disponibbli dwar, b’mod partikolari, it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

83      F’dan ir-rigward, mill-punt 123 tas-sentenza appellata, iċċitata fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, jirriżulta li fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni indikat il-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka rigward it-tul ta’ tali proċedura u li hija semmiet, fil-premessa 40 tal-imsemmija deċiżjoni, dik ta’ Frucona Košice. Min dan hija kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx “injorat din il-kwistjoni”.

84      Madankollu, l-ewwel nett, il-premessi li tirreferi għalihom il-Qorti Ġenerali jinsabu, kif ġustament irrilevat Frucona Košice, fit-Titoli IV u V tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikati għas-sunti tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u tar-Repubblika Slovakka u mhux fit-Titolu VI tagħha, li jinkludi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

85      Imbagħad, kif ġie rrilevat fil-punt 82 tas-sentenza preżenti, kien l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika, mhux jekk il-Kummissjoni kinitx injorat jew le l-informazzjoni disponibbli dwar it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, iżda jekk hija kinitx ħaditha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-kreditur privat.

86      Min dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kien messa vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx iddedikat parti mir-raġunament tagħha riprodott taħt it-Titolu VI tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari taħt it-Taqsima 2.1 tagħha dwar il-paragun bejn l-arranġament mal-kredituri u l-istralċ ġudizzjarju, għat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Issa, tali eżami ma jirriżultax mis-sentenza appellata.

87      Fl-aħħar nett, sa fejn il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 125 sa 127 tas-sentenza appellata, iċċitati wkoll fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, diversi elementi relatati mal-affidabbiltà u mal-koerenza tal-informazzjoni prodotta minn Frucona Košice matul il-proċedimenti amministrattivi u kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-Kummissjoni kienet stmat li t-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma setax jinfluwenza l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-Qorti Ġenerali ma huwa konness ma l-ebda evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

88      Minn dan isegwi li sabiex ċaħdet il-motivi li kienet qed teżamina, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq evalwazzjoni tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju li timla lakuna fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’motivi li ma humiex parti minnha. Issa, billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha.

89      Fil-fatt, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 2630 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali huma kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattat FUE jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, jew dwar użu ħażin ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprovdi li, jekk ir-rikors huwa fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux għalhekk, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni, C‑164/98 P, Ġabra p. I-447, punt 38, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra. p. I‑10515, punt 141).

90      Min dak li ntqal jirriżulta li, billi naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-kreditur privat, it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u billi mliet, f’dan ir-rigward, permezz tal-motivazzjoni tagħha, lakuna fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

91      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni parti tat-tieni aggravju jiġu ddikjarati fondati u, għaldaqstant, li tiġi annullata s-sentenza appellata.

 Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

92      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

93      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament dwar l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, relatata mat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

 L-argumenti tal-partijiet

94      Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, Frucona Košice essenzjalment issostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u l-provi relatati miegħu li hija pproduċiet matul il-proċedimenti amministrattivi. Issa, kreditur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni dan it-tul u kien jippreferi, għaldaqstant, jaċċetta l-proposta ta’ arranġament mal-kredituri, peress li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju hija ħafna itwal minn dik ta’ arranġament mal-kredituri, li għaldaqstant tinkludi telf ta’ interessi tad-dħul meta mqabbla mad-dħul mill-arranġament mal-kredituri u li għaldaqstant ma tiżgurax l-irkupru ta’ somma ikbar minn dik offerta fil-kuntest tal-proposta ta’ arranġament mal-kredituri.

95      Il-Kummissjoni twieġeb li, fil-premessi 40 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ħadet inkunsiderazzjoni t-tul ta’ proċedura ta’ falliment u li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx neċessarju li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni t-tul prevedibbli ta’ tali proċedura.

96      L-ewwel nett, anki jekk jiġi preżunt li din il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet ser tkun twila, preżunzjoni kkontestata mill-Kummissjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-opinjoni tal-awtoritajiet Slovakki u tan-numru żgħir ta’ kredituri, mill-konstatazzjonijiet imwettqa mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-arranġament mal-kredituri kien, fi kwalunkwe każ, inqas vantaġġuż għall-Istat Slovakk mill-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

97      Imbagħad, peress li l-awtorità fiskali lokali kellha l-istatus ta’ kreditur privileġġat minħabba li d-dejn tagħha kien garantit minn assi immobbli ta’ Frucona Košice, ivvalutati minn din tal-aħħar għal SKK 194 miljun u mill-imsemmija awtorità għal SKK 397 miljun, il-krediti tagħha setgħu jitħallsu fi kwalunkwe mument tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju permezz tal-bejgħ tal-attiv li jikkostitwixxi l-garanzija, skont il-Liġi Nru 328/1991 dwar l-istralċ ġudizzjarju u l-arranġament mal-kredituri. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda dan l-attiv, it-tul tal-proċedura ta’ falliment kien irrilevanti.

98      Fl-aħħar nett, il-kalkolu ta’ Frucona Košice huwa bbażat fuq ammont finali li għandu jinġabar, li huwa iżgħar mill-valur reali tal-attiv tal-impriża, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-proċedura tal-istralċ ġudizzjarju. Peress li l-kreditu tal-awtorità fiskali lokali kien jirrappreżenta iktar minn 99 % tad-dejn irreġistrat, din setgħet tistenna li tirċievi għall-inqas SKK 435 miljun fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata tal-interessi mressqa minn Frucona Košice, jekk seta’ jirkupra tali somma, kreditur privat kien ikun preparat jistenna sat-tmiem il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, anki jekk dik il-proċedura kienet tieħu ż-żmien tal-itwal perijodu stmat.

99      St. Nicolaus – trade issostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    B’mod partikolari mill-punti 78 sa 81 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, f’każ bħal dak ineżami, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju huwa element li jista’ jinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, prudenti u diliġenti b’mod normali, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtorità fiskali lokali u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-kreditur privat, l-informazzjoni disponibbli dwar, b’mod partikolari, it-tul ta’ tali proċedura.

101    Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-Titolu VI tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, it-Taqsima 2.1 tagħha, relattiva għall-paragun bejn l-arranġament mal-kredituri u l-istralċ ġudizzjarju, ma fih l-ebda riferiment għat-tul ta’ tali proċedura.

102    Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, hija setgħet tqis li t-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma setax jinfluwenza l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi prodotti minn Frucona Košice matul il-proċedimenti amministrattivi kif u ta’ dak li ġie rrilevat fil-punti 78 sa 81 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni kellha tesponi fid-deċiżjoni kkontestata, għall-inqas fil-qosor, il-kunsiderazzjonijiet li wassluha għal din il-konklużjoni.

103    Minn dak li ntqal jirriżulta li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-kreditur privat, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Sa fejn dan l-element ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, hija ma tatx motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha.

104    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza jiġi ddikjarat fondat.

105    Madankollu, peress li fil-punti 93 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali kienet iktar vantaġġuża għal kreditur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtorità fiskali lokali mill-proposta ta’ arranġament mal-kredituri, il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ma jistax waħdu jwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

106    Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 92 tas-sentenza appellata, skont din il-konstatazzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma minn Frucona Košice li hija ma ddeċidietx dwarhom, fosthom, b’mod partikolari, dawn li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat għal dak li jikkonċerna l-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali.

107    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ dan l-eżami, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Konsegwentement, hemm lok li din il-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi mqajma quddiemha li dwarhom ma tat l-ebda deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

108    Peress li l-kawża ġiet irrinvijata lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (Kawża T‑11/07) hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi mqajma quddiemha li dwarhom ma tat l-ebda deċiżjoni.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.