Language of document : ECLI:EU:T:2017:99

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Frar 2017 (1) (2)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni li tiċħad l-oppożizzjoni minħabba nuqqas tal-prova tad-dritt preċedenti – Regola 19(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 – Reviżjoni tad-deċiżjoni – Artikolu 62(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Dannu li jikkonsisti fi spejjeż tal-avukat – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑726/14,

Novar GmbH, stabbilita f’Albstadt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Weede, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għal dannu materjali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba l-ispejjeż tal-avukat li hija sostniet fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni allegatament adottata bi ksur tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, E. Buttigieg (Relatur) u L. Calvo‑Sotelo Ibáñez‑Martín, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Novar GmbH, hija l-proprjetarja tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tat-trade mark FlexES.

2        Fil-15 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ressqet quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) oppożizzjoni ibbażata fuq din it-trade mark kontra l-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea FLEXPS. Il-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienet l-Ingliż.

3        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2012, l-EUIPO informa lir-rikorrenti li l-oppożizzjoni tagħha kienet ġiet iddikjarata ammissibbli u taha terminu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), u skont ir-Regola 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), sabiex tippreżenta l-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, b’mod partikolari l-elementi li jistabbilixxu d-dritt preċedenti invokat insostenn tagħha.

4        L-informazzjoni segwenti ġiet ikkomunikata b’mod partikolari f’din l-ittra fir-rigward tal-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti invokati insostenn tal-oppożizzjoni:

“Sa fejn oppożizzjoni hija bbażata fuq applikazzjonijiet jew reġistrazzjonijiet preċedenti ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea], l-opponent ma għandux il-bżonn li jipproduċi prova li tikkonċerna l-imsemmija trade marks peress li l-Uffiċċju għandu l-informazzjoni rilevanti fid-database tiegħu u li ser jibgħat link lejn din id-database (CTM‑Online) lill-parti l-oħra. Barra minn hekk, nitolbok ġentilment tinnota li l-istess japplika fil-każ li t-trade mark preċedenti tkun reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-[Unjoni Ewropea], bil-kundizzjoni madankollu li l-lingwa tal-proċedimenti tkun l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol, li huma t-tliet lingwi uffiċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), u li l-informazzjoni tkun disponibbli b’dawn it-tliet lingwi.”

5        B’effett mill-1 ta’ Lulju 2012, l-EUIPO biddel il-prassi tiegħu għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95 billi ddeċieda li l-estratti tad-database tal-EUIPO, CTM‑Online, ma kinux iktar suffiċjenti sabiex jagħtu prova tal-eżistenza ta’ trade mark preċedenti fil-każ fejn l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni. Din il-prassi l-ġdida kienet applikabbli għall-oppożizzjonijiet kollha mressqa wara l-1 ta’ Lulju 2012.

6        Fis-26 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni, mingħajr ma annettiet magħha dokumenti ta’ sostenn dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2013, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni abbażi tar-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95 peress li r-rikorrenti ma pproduċietx prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti.

8        Fit-21 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, billi ppreżentat estratti tar-reġistru tal-EUIPO u tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Sussidjarjament, hija ppreżentat applikazzjoni għal restitutio in integrum fir-rigward tat-terminu sabiex jiġu prodotti l-provi dwar it-trade mark preċedenti.

9        Fis-27 ta’ Ġunju 2013, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni informat lir-rikorrenti u lill-applikanta għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, skont l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 207/2009, bl-intenzjoni tagħha li tilqa’ l-appell peress li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2013, hija kellha tiddeċiedi li kienu ġew ippreżentati fatti, provi u osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni.

10      Fis-27 ta’ Awwissu 2013, l-applikanta għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea aċċettat ir-reviżjoni skont l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fid-9 ta’ Ottubru 2013, ir-Reġistru tal-Bord tal-Appell informa lir-rikorrenti li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet irrevediet id-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Mejju 2013, li l-proċedimenti ta’ appell kienu ngħalqu u li l-ispejjeż tal-appell kienu ser jiġu rrimborsati.

11      Il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni komplew u, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqa’ l-oppożizzjoni u ċaħad l-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni saret definittiva fl-assenza ta’ appell mill-partijiet.

12      Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Frar 2014 u tal-24 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti talbet lill-EUIPO kumpens għad-danni, skont l-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009, fl-ammont ta’ EUR 2 498 bħala spejjeż tal-avukat marbuta mal-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013.

13      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2014, l-EUIPO ċaħad it-talba tar-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna lill-EUIPO jħallas l-ammont ta’ EUR 2 498 flimkien mal-interessi fl-ammont ta’ 5 punti perċentwali miżjuda mar-rata bażika dekorribbli mill-bidu tal-proċeduri legali;

–        tordna lill-EUIPO ibati l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tar-rappreżentanza minn avukat.

16      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, minn naħa, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u, min-naħa l-oħra, għamlet lill-partijiet mistoqsijiet bil-miktub, u stidnithom sabiex iwieġbu għalihom parzjalment qabel is-seduta u parzjalment waqt tali seduta.

18      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2016.

 Id-dritt

19      Permezz ta’ dan ir-rikors għad-danni, ir-rikorrenti titlob sabiex tikseb kumpens għad-dannu materjali li jikkonsisti fl-ispejjeż tal-avukat li hija sostniet fil-kuntest ta’ appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

20      Ir-rikorrenti ssostni li t-tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-EUIPO abbażi tal-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009 huma ssodisfatti f’dan il-każ. L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013 hija att illegali li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt, fis-sens tal-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, sa fejn hija bbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95 u ġiet adottata bi ksur tal-prinċipji ta’ bona fide u ta’ kontradittorju. Fil-fatt, ir-rikorrenti tosserva f’dan ir-rigward li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-oppożizzjoni tagħha ġiet miċħuda għaliex hija ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti, filwaqt li, skont l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2012 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), din il-prova ma kinitx meħtieġa fil-każijiet, bħal f’dan il-każ, fejn l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni u fejn il-lingwa tal-proċedimenti kienet l-Ingliż.

21      It-tieni nett, tali applikazzjoni żbaljata tad-dritt mill-EUIPO obbligat lir-rikorrenti tippreżenta appell u kkawżat danni li jikkorrispondu għall-ispejjeż tal-avukat sostnuti bħala riżultat ta’ dak l-appell.

22      It-tielet nett, teżisti rabta kawżali diretta bejn dawn l-ispejjeż u l-att illegali tal-EUIPO sa fejn ir-rikorrenti kienet obbligata tirrikorri għar-rappreżentanza minn avukat sabiex tivverifika l-legalità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013.

23      L-EUIPO jikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

24      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tagħha, huwa suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16; ara, ukoll, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il‑Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, minħabba aġir illegali u dannu kkawżat minn wieħed mill-organi tagħha, bħall-EUIPO, li dan tal-aħħar għandu jikkumpensa skont l-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenza tas-27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO, T‑556/11, appell pendenti, EU:T:2016:248, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għandu jitfakkar ukoll li, fid-dawl tan-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punti 19 u 81, u tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑170/00, EU:T:2002:34, punt 37). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

27      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tibda billi teżamina l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali tal-EUIPO, jiġifieri l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013, u d-dannu invokat li jikkonsisti fi spejjeż tal-avukat sostnuti mir-rikorrenti sabiex tappella minn din id-deċiżjoni.

28      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ tali rabta (sentenza tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, EU:C:1992:44, punt 25).

29      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li teżisti rabta kawżali diretta bejn l-ispejjeż tal-avukat sostnuti minħabba l-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013 u l-aġir illegali tal-EUIPO kkostitwit mill-adozzjoni tagħha, sa fejn hija kienet obbligata tirrikorri għar-rappreżentanza minn avukat sabiex tivverifika l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari għal raġunijiet relatati mal-obbligu li jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-danni.

30      L-EUIPO jfakkar li, skont l-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rappreżentanza minn avukat ma hijiex obbligatorja fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO. Madankollu, jekk tali rappreżentanza hija żgurata, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regolament Nru 2868/95 jirregolaw it-tqassim u l-iffissar tal-ispejjeż ta’ din ir-rappreżentanza. Konsegwentement, skont l-EUIPO, ir-rikors skont l-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex disponibbli sabiex jintalbu l-ispejjeż ta’ rappreżentanza fi proċedimenti ta’ appell quddiem l-istanzi tal-EUIPO, sa fejn tali rikors ikun ta’ natura li jevita r-regoli eżawrjenti tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-tqassim u dwar l-iffissar tal-ispejjeż.

31      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta rappreżentanza minn avukat jew konsulent fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża ma hijiex obbligatorja, ma hemmx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat dannu, jiġifieri l-ispejjeż ta’ tali rappreżentanza, u l-aġir possibbilment oġġezzjonabbli tal-istituzzjoni jew tal-organu. Fil-fatt, minkejja li l-persuna kkonċernata ma tistax tiġi pprojbita li tieħu, diġà f’din il-fażi, parir ta’ avukat, din hija l-għażla tagħha li ma tistax, konsegwentement, tiġi imputata lill-istituzzjoni jew lill-organu kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il‑Kummissjoni, 54/77, EU:C:1978:45, punti 46 sa 49; tat-28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑331/05 P, EU:C:2007:390, punti 24 sa 29, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punti 415 u 416).

32      F’dan il-każ, mill-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li r-rappreżentanza minn avukat quddiem l-istanzi tal-EUIPO ma hijiex obbligatorja għal parti, bħar-rikorrenti, li għandha d-domiċilju tagħha, is-sede tagħha jew l-istabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv tagħha ġewwa t-territorju tal-Unjoni. Konsegwentement, l-ispejjeż tal-avukat sostnuti, f’dan il-każ, mir-rikorrenti jirriżultaw mill-għażla tagħha stess u ma jistgħux jiġu imputati direttament lill-EUIPO. Għaldaqstant, ma hemmx rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali tal-EUIPO u l-ispejjeż tar-rappreżentanza minn avukat sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ appell.

33      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija kienet obbligata tirrikorri għar-rappreżentanza minn avukat sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013 bl-għan li “jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-danni” ma huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, permezz ta’ tali argument, ir-rikorrenti ssostni li kienet teżisti rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat u ssostni li tat prova ta’ diliġenza raġonevoli billi ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tillimita dannu eventwali u b’hekk ma tiksirx ir-rabta kawżali permezz tal-aġir tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs Il‑Kummissjoni, C‑308/87, EU:C:1990:134, punti 16 u 17, u tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 33). Issa, f’dan il-każ, ma hemmx rabta kawżali. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti llimitatx il-portata ta’ dannu eventwali billi rrikorriet għall-parir ta’ avukat hija, f’dan il-każ, irrilevanti.

34      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, u fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu sa fejn ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir allegatament illegali tal-EUIPO u d-dannu invokat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tal-imsemmija responsabbiltà.

35      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat ukoll, kif għamel l-EUIPO, li, għalkemm ir-rappreżentanza minn avukat ma hijiex obbligatorja fil-proċedimenti quddiem dan tal-aħħar, l-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 94 tar-Regolament Nru 2868/95 jipprevedu regoli li jirrigwardaw it-tqassim tal-ispejjeż, kif ukoll il-limiti tat-tariffi li jirrigwardaw l-ispejjeż li jistgħu jinġabru lura meta parti taħtar rappreżentant. Madankollu, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, u kif ġie rrikonoxxut, essenzjalment, mill-EUIPO, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni u jikkonċernaw it-tqassim tal-ispejjeż bejn il-partijiet f’dawk il-proċedimenti.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat ukoll, hekk kif josserva l-EUIPO, li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 jew tar-Regolament Nru 2868/95 ma tipprevedi r-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza minn avukat sostnuti fir-rigward ta’ appell jekk id-dipartiment li jkun ta d-deċiżjoni kkontestata jiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li jirrevediha skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 207/2009. B’mod partikolari, ebda dispożizzjoni ta’ dawn ir-regolamenti ma tagħti lill-parti rebbieħa r-rimbors mill-EUIPO tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza minn avukat fil-kuntest ta’ tali proċedimenti. Huwa biss ir-rimbors tal-miżata tal-appell li huwa previst mir-Regola 51(a) tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li d-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu ġiet ikkontestata għandu jordna r-rimbors tal-miżata tal-appell meta huwa jwettaq reviżjoni skont l-Artikolu 61 jew skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-miżata tal-appell ġiet irrimborsata lilha mill-EUIPO.

37      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li jekk ir-rikorrenti kellha tingħata kumpens għall-ispejjeż tal-avukat li hija sostniet għal dak li kien jirrigwarda l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013 dan ikun iwassal sabiex tiġi evitata s-sistema dwar l-ispejjeż tar-rappreżentanza previsti mir-Regolament Nru 207/2009 u mir-Regolament Nru 2868/95 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

39      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet li jitilfu għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż jekk issir talba f’dan is-sens. Madankollu, skont l-Artikolu 135(2) tal-istess Regoli, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata mill-Qorti Ġenerali sabiex tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan huwa ġġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun issuġġettat lill-parti l-oħra għal spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

40      Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata meta istituzzjoni jew organu tal-Unjoni jkun iffavorixxa, bl-aġir tiegħu, il-ħolqien tat-tilwima [ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2015, European Dynamics Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑536/11, EU:T:2015:476, punt 391 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata].

41      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat mill-EUIPO li l-ittra tat-22 ta’ Ġunju 2012 indirizzata lir-rikorrenti kien fiha informazzjoni li tgħid li jekk l-oppożizzjoni kienet ibbażata, bħal f’dan il-każ, fuq reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni, u bil-kundizzjoni li l-lingwa tal-proċedimenti kienet, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-Ingliż, l-opponent ma kellux il-bżonn jipproduċi ebda prova dwar dan id-dritt preċedenti. Barra minn hekk, din l-informazzjoni kienet konformi mal-prassi fis-seħħ tal-EUIPO għal dak li kien jirrigwarda l-oppożizzjonijiet imressqa, bħal dik tar-rikorrenti, qabel l-1 ta’ Lulju 2012, liema fatt lanqas ma huwa kkontestat mill-EUIPO. Issa, minkejja din l-informazzjoni u din il-prassi, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti preċiżament għaliex din tal-aħħar ma pproduċietx prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti.

42      Tali aġir tal-EUIPO obbliga lir-rikorrenti tappella kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-14 ta’ Mejju 2013. Billi r-rikorrenti ma setgħetx tirkupra l-ispejjeż marbuta mar-rappreżentanza tagħha minn avukat fil-preżentata ta’ dak l-appell skont ir-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament Nru 2868/95, kif jirriżulta mill-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, hija kienet intitolata tqis li rikors għad-danni kien jikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex tikseb ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż mill-EUIPO.

43      Il-preżentata ta’ dan ir-rikors kienet dovuta għalhekk għall-aġir tal-EUIPO matul il-proċedimenti quddiemu. Għaldaqstant, indipendentement miċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors, tkun qed issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Novar GmbH u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Buttigieg

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2017.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


2 Fil-punt 5 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.