Language of document : ECLI:EU:C:2014:2023

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-19 ta’ Ġunju 2014 (1)

Kawża C‑268/13

Elena Petru

vs

Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Sibiu

vs

Casa Naţională de Asigurări de Sănătate

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Sibiu (ir‑Rumanija)]

“Moviment liberu tal-persuni — Sigurtà Soċjali — Rimborż ta’ spejjeż mediċi subiti fi Stat Membru ieħor — Awtorizzazzjoni minn qabel — Portata tal-espressjoni ‘trattament li għandu l-istess grad ta’ effettività’ — Nuqqas ta’ riżorsi materjali fi sptar — Portata territorjali tan-nuqqas ta’ kisba tad-dritt għall-awtorizzazzjoni minn qabel”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti Sibiu tesprimi d-dubji tagħha rigward l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2), tar-Regolament Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (2), fil-każ fejn ċittadina Rumena titlob lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż tagħha rimborż għal operazzjoni kirurġika li saritilha fil-Ġermanja, wara li kkonstatat, kif sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-isptar tar-Rumanija fejn kienet ser issir l-operazzjoni ma kellux il-mediċini u l-materjal mediku bażiku.

2.        Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk nuqqas ġenerali ta’ riżorsi sanitarji bażiċi fl-Istat ta’ residenza għandux jitqies bħala sitwazzjoni li fiha huwa impossibbli li tingħata l-kura. Jekk iva, dan jippermetti lill-pazjent, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2), tar-Regolament Nru 1408/71, li jeżerċita d-dritt li jkun awtorizzat li jirċievi s-servizz fi Stat Membru ieħor taħt is-sistema tal-welfare tal-Istat ta’ residenza tiegħu.

3.        Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni u l-qasam tas-servizzi tas-saħħa fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment, din hija l-ewwel okkażjoni fejn tqajjem każ fejn il-ħtieġa għal servizz fi Stat Membru ieħor hija ibbażata fuq l-iskarsezza ta’ riżorsi li teżisti fl-Istat ta’ residenza tiegħu.

I.      Il-kuntest ġuridiku

4.        Ir-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi fl-Artikolu 22 tiegħu, intitolat “Għixien ’il barra l-Istat kompetenti — Ritorn lejn jew trasferiment tar-residenza fi Stat Membru ieħor matul il-mard jew il-maternità — Il-ħtieġa tat-tluq lejn Stat Membru ieħor sabiex tiġi rċevuta l-kura xierqa”:

“1.      Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18, u:

[…]

ċ)      li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kondizzjoni tagħha,

għandha tkun intitolata:

i)      għall-benefiċċji b’xi mod [in natura] ipprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza […], skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti;

[…]

2.      […]

L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(ċ) tista’ [ma tistax] tkun irrifjutata fejn il-kura inkwistjoni hija fost il-benefiċċji pprovduti mil-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kienet residenti l-persuna kkonċernata u fejn hija ma tistax tingħata tali kura fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura inkwistjoni fl-Istat Membru tar-residenza waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-Istat ta’ saħħitha u l-kors probabbli tal-marda.”

II.    Il-fatti

5.        E. Petru għandha mard vaskulari gravi, li wassal biex tagħmel operazzjoni fl-2007. Sentejn wara, saħħitha marret għall-agħar u ddaħlet fl-Institutul de Boli Cardiovasculare de Timişoara. Ir-rapport mediku jindika li E. Petru kellha marda serja li kienet teħtieġ operazzjoni b’urġenza, operazzjoni li kellha ssir bil-qalb miftuħa biex jitbiddel il-valv mitrali u jiddaħħlu żewġ “stents”.

6.        Skont E. Petru, meta daħlet fl-Institutul de Boli Cardiovasculare ta’ Timişoara nnotat nuqqas konsiderevoli ta’ riżorsi materjali. Skontha, iċ-ċentru ma kellux materjal mediku bażiku bħal analġeżiċi, alkoħol sanitarju, tajjar jew garżi sterili. Iċ-ċentru kien ukoll espost għal influss kbir ta’ pazjenti, b’medja ta’ tliet pazjenti għal kull sodda.

7.        Minħabba l-gravità tal-operazzjoni meħtieġa kif ukoll in-nuqqas ta’ riżorsi materjali disponibbli fl-Institutul de Boli Cardiovasculare, E Petru ressqet talba għal awtorizzazzjoni quddiem il-Casa Județeană de Asigurări de Sănătate Sibiu (iktar ’il quddiem Casa Județeană) sabiex tippermetti li l-operazzjoni ssirilha fil-Ġermanja u mhux fiċ-ċentru msemmi fl-Istat tar-residenza tagħha. Permez ta’ deċiżjoni, il-Casa Județeană ċaħdet it-talba ta’ E. Petru fuq il-bażi tal-istat tas-saħħa tal-persuna assigurata, l-iżvilupp tal-marda biż-żmien, iż-żmien sa meta ssir l-operazzjoni u r-raġuni allegata (nuqqas ta’ riżorsi materjali).

8.        Wara li t-talba tagħha ġiet miċħuda, E. Petru marret fi klinika fil-Ġermanja, fejn saritilha l-operazzjoni, li l-ispiża totali tagħha, inklużi l-ispejjeż tas-soġġorn fl-isptar wara l-operazzjoni, telgħet għal EUR 17 714.70.

9.        Immedjatament wara dan, E. Petru bdiet kawża ċivili quddiem it-Tribunalul Sibiu fejn talbet ir-rimbors mill-Casa Judeţeană tal-ispejjeż sostnuti fil-Ġermanja, kif previst fl-Artikolu 22(1)(c), u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, tar Regolament 1408/71.

III. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Fis-16 ta’ Mejju 2013 ġiet irreġistrata t-talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Sibiu fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-domanda tagħha kienet ifformulata kif ġej:

“Fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, ir-rekwiżit li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tirċievi kura fil-pajjiż ta’ residenza tagħha għandu jiġi interpretat b’mod kategoriku jew b’mod raġonevoli; jiġifieri, meta, għalkemm il-kirurġija meħtieġa tkun tista’, f’termini tekniċi, titwettaq fil-ħin fil-pajjiż ta’ residenza — fis-sens li jeżistu l-ispeċjalisti meħtieġa u huma għandhom l-istess livell ta’ għarfien speċjalistiku bħal dawk barra mill-pajjiż — in-nuqqas ta’ prodotti mediċinali u ta’ materjal mediku bażiku jimplika li tali sitwazzjoni tista’, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, tiġi assimilata għal sitwazzjoni fejn il-kura medika meħtieġa ma tkunx tista’ tiġi pprovduta?”

11.      E. Petru, il-Gvern tar-Rumanija u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-mikrub. Matul is-seduta, li saret fis-26 ta’ Marzu 2014, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mir-rappreżentanti ta’ E. Petru, l-aġenti tal-gvern tar-Renju Unit u tar-Rumanija, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

IV.    L-argumenti tal-partijiet

12.      E. Petru tiddefendi d-dritt tagħha li tikseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu fih lista eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li fihom awtorizzazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata fl-Istat ta’ residenza, li jfisser, fl-opinjoni tiegħi, li nuqqas ta’ riżorsi materjali fl-isptar jiġġustifika l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa.

13.      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Rumen, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, isostnu li l-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE jeskludi d-dritt ta’ awtorizzazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ riżorsi materjali fl-Istat ta’ reżistenza. Din is-sitwazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 22, u lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-espressjoni “l-istess livell ta’ effikaċja” li tinsab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza hija diffiċli sabiex tiġi provata, speċjalment fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni indipendenti, iċċertifikata minn tabib, li permezz tagħha jiġi ċċertifikat nuqqas ta’ riżorsi simili. Għaldaqstant, iż-żewġ gvernijiet isostnu li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix deċiżjoni li tirrifjuta awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71, bħal dik mogħtija mill-Casa Judeţeană fil-każ inkwistjoni. Anke fil-każ ipotetiku li nuqqas ta’ riżorsi kien iwassal għal għoti ta’ awtorizzazzjoni fis-sens imsemmi qabel, il-Gvern Rumen jinsisti li f’din iċ-ċirkustanza ma ngħatatx prova tagħha fil-kawża prinċipali.

14.      Il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni intermedjarja, li tirrikonoxxi li nuqqas strutturali tar-riżorsi sanitarji jikkostitwixxi ċirkustanza li tippermetti li tinkiseb awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 56 u l-Artikolu 35 tal-Karta. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss wara analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tipiċi kollha tal-każ konkret, liema evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

V.      Analiżi

15.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem żewġ kwistjonijiet differenti, ta’ diffikultà differenti għar-risposta għalihom. L-ewwel kwistjoni hija jekk nuqqas jew assenza ta’ riżorsi fi sptar, taħt ċerti ċirkustanzi, tistax tammonta għal sitwazzjoni fejn f’dak l-Istat ma jkunx possibbli li jingħata servizz mediku fi żmien opportun, minkejja, li jkun inkluż fil-lista ta’ servizzi koperti mis-sistema tal-welfare tiegħu. It-tieni kwistjoni hija dwar jekk dan japplikax ukoll fil-każ fejn dawn in-nuqqasijiet jew assenzi fil-faċilitajiet ta’ sptar ta’ dan l-Istat ma humiex ta’ natura okkażjonali jew lokalizzata, iżda, għall-kuntrarju, huma r-riżultat ta’ sitwazzjoni sistematika u għaldaqstant estiża fiż-żmien, minħabba ċirkustanzi ta’ diversi tipi, kemm jekk naturali, teknoloġiċi, ekonomiċi, politiċi jew soċjali.

16.      Biex jiġu indirizzati ż-żewġ problemi, inqis li huwa xieraq li jitfakkru fil-qosor il-kontribuzzjonijiet leġiżlattivi u ta’ ġurisprudenza ewlenin li jippermettuli nkompli nanalizza fid-dettall il-każ ta’ E. Petru.

17.      Ovvjament, l-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71 huwa l-punt tat-tluq meħtieġ għal din l-analiżi, peress li fih jiġi rikonoxxut b’mod espliċitu d-dritt li kull pazjent jitlob awtorizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti biex ikun jista’ jiċċaqlaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jirċievi t-trattament li jixraq skont l-istat ta’ saħħa tiegħu. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jżid ukoll li l-awtorizzazzjoni għandha tingħata dejjem sakemm it-trattament ikkonċernat ikun fost is-servizzi pprovduti mil-liġijiet tal-Istat ta’ residenza tal-pazjent, u meta s-servizz ma jkunx jista’ jingħata lill-pazjent fiż-żmien neċessarju (3).

18.      Apparti minn dan, ma hemm xejn li jimpedixxi lill-Istati Membri milli jipprovdu għall-possibbiltà li r-residenti tagħhom jirċievu servizzi mediċi fi Stati Membri oħra f’każijiet differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71. F’dan il-każ, l-aġir ta’ dawn l-Istati għandu jkun suġġett, kif se jiġi diskuss iktar ’il quddiem, għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu (4).

19.      Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni bbażata fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari u eteroġenji ħafna tas-settur tas-saħħa fl-Ewropa.

20.      Fis-sentenzi Decker u Kohll (5), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li s-servizzi tas-saħħa, inklużi dawk is-servizzi pprovduti mis-sistemi pubbliċi, jikkostitwixxu servizzi ekonomiċi u, għalhekk, huma servizzi suġġetti għar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu. Dan ir-riżultat ippermetta li tiġi estiża l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni għal siwazzjonijiet differenti minn dawk ipprovduti espressament mill-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71 (6).

21.      Fil-każ ta’ servizzi mediċi li jeħtieġu kura fl-isptar, is-sentenza Smits u Peerbooms (7) iċċarat diversi aspetti relevanti, l-ewwel nett bir-rikonoxximent tal-fakultà ġenerali tal-Istati Membri li jissottomettu għall-awtorizzazzjoni l-għoti ta’ servizzi mediċi fi Stat Membru ieħor bi spejjeż tal-Istat ta’ residenza, jekk is-sistema tas-saħħa tkun ibbażata fuq sistema ta’ kumpens jew rimborżi (8). Bl-istess mod, l-istess sentenza pprovdiet kriterju importanti biex jiġi ddeterminat jekk it-trattament li jixieq il-pazjent fi Stat Membru ieħor huwiex “meħtieġ” (9). Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw awtorizzazzjoni biss jekk is-servizz ma jkunx neċessarju “jekk tista’ tingħata l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent mingħajr dewmien” fl-Istat Stat Membru ta’ residenza (10).

22.      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit jekk trattament daqstant ieħor effettiv għall-pazjent jistax jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta’ residenza, l-istituzzjoni hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ partikolari, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni medika tal-pazjent fiż-żmien meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni, iżda wkoll l-istorja medika (11). Ovvjament, dawn l-elementi għandhom jiġu debitament akkreditati mill-persunal mediku, b’mod li l-qorti tkun tista’ tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha skont fatti pprovati b’mod xieraq u mhux ibbażati fuq il-perspettivi suġġettivi ta’ kull pazjent.

23.      Wara li ġiet ikkundsidrata kollha kemm hi, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li resident fi Stat Membru, affiljat għal sistema pubblika tas-saħħa, għandu d-dritt li jiċċaqlaq fi Stat ieħor tal-Unjoni, bi spejjeż tas-sistema tal-welfare tal-Istat ta’ residenza tiegħu, meta l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent tkun tista’ tingħata mingħajr dewmien f’dak l-Istat l-ieħor, u mhux f’dak ta’ residenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema ta’ affiljazzjoni tal-pazjent tkopri l-ispejjeż tiegħu barra mill-pajjiż. Għall-kuntrarju, jekk il-pazjent ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati, dejjem ikollu l-opportunità li jivvjaġġa barra minn pajjiżu u jirċievi s-servizz li kien intitolat għalih fl-Istat tiegħu, u jista’ jitlob il-ħlas tal-ispiża għall-operazzjoni, bil-prezz mistenni fl-Istat tiegħu, u mhux dak tal-post fejn ingħata s-servizz (12).

24.      Minn issa tista’ tingħata risposta għaż-żewġ domandi magħmula f’din il-kawża

25.      L-ewwel domanda li għandha tiġi kkunsidrata li tikkonċerna nuqqas puntwali ta’ mezzi relatati ma’ servizz tas-saħħa, ma toffri ebda diffikultà partikolari, fiha nfisha. Huwa ċar li l-Regolament 1408/71 ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-raġunijiet li għalihom servizz partikolari ma jistax jingħata fi żmien xieraq. Jekk ir-raġuni tkun ibbażata fuq il-fatt li l-infrastrutturi materjali ma jippermettux li, f’dan il-każ, issir l-operazzjoni meħtieġa, ir-riżultat għandu jkun l-istess daqslikieku n-nuqqas kien ta’ natura personali, jiġifieri, ta’ professjonisti mediċi li jistgħu jwettqu l-operazzjoni meħtieġa.

26.      Fil-fatt, ma għandux jiġi eskluż il-fatt li, b’mod partikolari fl-Istati Membri ż-żgħar, inċident partikolari jew ċirkustanza partikolari fi sptar, forsi l-unika waħda li f’dak l-Istat li tista’ tipprovdi s-servizz tas-saħħa meħtieġ, iwassal għal sitwazzjoni fejn, materjalment u mhux minħabba nuqqasijiet oħrajn, dan is-servizz ma jkunx jista’ jingħata u fi kwalunkwe każ mhux fil-ħin meħtieġ.

27.      Bħala prinċipju, għalhekk, ir-risposta għandha tkun pożittiva, jiġifieri bħal meta n-nuqqas ikun ta’ riżorsi personali, anki nuqqas fl-isptarijiet jista’ jikkawża l-obbligu għall-Istat Membru li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2), tar-Regolament 1408/71, jawtorizza l-għoti ta’ dak is-servizz mediku.

28.      Ngħaddi issa għat-tieni domanda. Din twassalna, fil-fatt, għall-problema attwali li tqajjem din it-talba għal deċiżjoni preliminari li ma tirrigwardax, madankollu, termini ta’ prinċipju, iżda termini, pereżempju, “dimensjonali”. B’mod iktar speċifiku, il-problema reali tqum meta dan in-nuqqas ta’ riżorsi materjali sabiex jingħata s-servizz tas-saħħa inkwistjoni jiġi stipulat minn perspettiva li tmur lil hinn minn sitwazzjoni puntwali, lokalizzata, essenzjalment aċċidentali u ssir manifestazzoni ta’ sitwazzjoni ta’ nuqqas strutturali, ġenerali, mtawla, li jista’ jiġi kkwalifikat bħala nuqqas “fis-sistema”.

29.      Ovvjament ma huwiex kompitu tagħna li nistabbilixxu jekk din hijiex is-sitwazzjoni bħala tali fir-Rumanija. Kif tenniet bosta drabi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas ta’ deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola Komunitarja skont il-fatti ppreżentati mill-qorti nazzjonali (13).

30.      Il-punt hu li l-qorti nazzjonali, li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja d-deskrizzjoni li tagħmel ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tas-sitwazzjoni tas-saħħa f’dan il-pajjiż, toħloq ipoteżi li ċertament tmur lil hinn minn ċirkustanza puntwali u lokalizzata. Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi sitwazzjoni ta’ emerġenza sanitarja li ma tidhirx li hija limitata fiż-żmien, anzi għall-kuntrarju, hija indefinita u tapplika b’mod ġenerali għall-Istat kollu.

31.      Għalhekk, quddiem din l-ipoteżi sfortunata, li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma, huwa ċar li r-risposta ma tinsabx tit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament 1408/71. Skont id-definizzjoni, l-Istat Membru li jinsab f’din is-sitwazzjoni ma jistax ilaħħaq mal-ispejjeż ekonomiċi li jirriżultaw minn emigrazzjoni massiva sanitarja ta’ dawk li jaqgħu taħt is-sistema tal-welfare tiegħu lejn l-Istati Membri l-oħrajn.

32.      L-applikazzjoni stretta ta’ tali dispożizzjoni f’kuntest bħal dak deskritt diffiċilment taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kif huwa magħruf, wieħed mil-limiti introdotti fl-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tas-saħħa huwa t-“tqegħid f’periklu” ta’ dawn is-servizzi fl-Istat ta’ residenza tal-pazjent. Kif diġà kellha l-okkażjoni li tiddikjara l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Müller-Fauré u Van Riet, kif ukoll fis-sentenza Watts, għandu jiġi evitat “flussi migratorji ta’ pazjenti ta’ natura tali li jġibu fix-xejn l-isforzi ta’ pjanifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni magħmula mill-Istat Membru kompetenti fil-qasam vitali tal-kura tas-saħħa sabiex jevita l-problemi ta’ ffullar fl-isptarijiet, ta’ żbilanċ fl-ħruġ ta’ kura medika fl-isptarijiet, ta’ ħela u ta’ telf, kemm loġistiku kif ukoll finanzjarju” (14).

33.      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li f’sitwazzjoni ta’ nuqqas fl-isptarijiet ta’ natura strutturali u prolongata ta’ faċilitajiet fl-isptar bħal dik imsemmija fil-punti preċedenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament 1408/71, ma jobbligax lill-Istati Membri jawtorizzaw il-provvista ta’ servizz inkluż fil-lista ta’ servizzi, anki jekk dan jista’ jfisser li ċerti servizzi sanitarji ma jistgħux jingħataw b’mod effettiv. B’eċċezzjoni, naturalment, f’dawk il-każijiet fejn tali awtorizzazzjoni ma tipperikolax il-vijabbiltà tas-sistema tal-welfare ta’ dak l-Istat Membru.

34.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, issa jmiss li tingħata risposta għad-domanda magħmula mit-Tribunalul Sibiul fil-każ speċifiku ta’ E. Petru.

35.      Kif hu muri f’dan il-każ, E. Petru ddeċidiet li tagħmel l-operazzjoni fil-Ġermanja wara li personalment ivverifikat il-mezzi disponibbli fil-ħin tal-ammissjoni tagħha fl-Institutul de Boli Cardiovasculare de Timisoara. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk jeżistux rapporti ta’ esperti li jikkonstataw dik l-iskarsezza tar-riżorsi fit-tali ċentru, jew jekk, għall-kuntrarju, kienx il-każ ta’ evalwazzjoni personali ta’ E. Petru.

36.      Fid-dawl tal-fatti pprovduti f’dan il-fajl, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk din hijiex waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq, u jekk kienx hemm, f’dan il-każ, nuqqas puntwali ta’ riżorsi materjali jew sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ faċilitajiet tal-isptar ta’ natura strutturali u prolongata fiż-żmien kif deskritt fil-paragrafi 28 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet ġenerali.

37.      Għaldaqstant, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nifhem li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament 1408/71 tobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw l-għoti ta’ servizz inkluż fil-lista ta’ servizzi koperti, fil-każ ta’ nuqqas ta’ faċilità partikolari fi sptar f’dak l-Istat Membru, ta’ natura puntwali u temporanja, li jagħmilha effettivament impossibbli li jiġi pprovdut wieħed minn dawn is-servizzi.

38.      Għall-kuntrarju, Stat Membru ma huwiex obbligat jawtorizza l-għoti ta’ servizz fil-lista ta’ servizzi koperti f’każ ta’ nuqqas fil-faċilitajiet tal-isptar ta’ natura strutturali u prolongata fiż-żmien, anki jekk dan jista’ jfisser li ċerti servizzi tas-saħħa ma jkunux jistgħu jingħataw effettivament, ħlief f’każ li tali awtorizzazzjoni ma tipperikolax il-vijabbiltà tas-sistema tal-welfare f’dak l-Istat Membru.

39.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu applikati skont il-każ konkret mill-qorti nazzjonali tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-fatti tal-kawża prinċipali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapporti tal-esperti indipendenti debitament imressqa fil-kawża prinċipali.

VI.    Konklużjoni

40.      B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunalul Sibiu tkun kif ġej:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament 1408/71 għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru huwa obbligat li jawtorizza l-għoti ta’ servizz inkluż fil-lista ta’ servizzi koperti, f’każ li nuqqas f’faċilità partikolari ta’ sptar f’dak l-Istat Membru, ta’ natura puntwali u temporanja, jagħmilha effettivament impossibbli li jingħata wieħed mis-servizzi msemmijin.

Għall-kuntrarju ta’ dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament 1408/71 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tobbligax lil Stat Membru jawtorizza l-għoti ta’ servizz inkluż fil-lista ta’ servizzi koperti fil-każ ta’ nuqqas fil-faċilitajiet tal-isptar ta’ natura strutturali u prolongata fiż-żmien, anki jekk dan jista’ jfisser li ċerti servizzi tas-saħħa effettivament ma jingħatawx, ħlief fil-każ li tali awtorizzazzjoni ma tipperikolax il-vijabbiltà tas-sistema tal-welfare f’dan l-Istat Membru.

Fid-dawl tar-rapporti tal-esperti indipendenti mressqa kif xieraq fil-proċedura, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, jekk dawn iċ-ċirkustanzi kinux preżenti meta r-rikorrenti talbet l-awtorizzazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament 1408/71”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      Regolament tal-Kunsill (KEE), tal-14 ta’ Ġunju 1971, kif emendat u kkonsolidat bir-Regolament (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1). Għandu jiġi kkunsidrat li l-fatti tal-proċedura prinċipali seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda li saret tal-imsemmi regolament permezz tar-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1).


3 –      Ara, fost l-oħrajn, Rodière, P., Droit social de l’Union Européenne, Ed. LGDJ, it-2 ed., París, 2014, p. 725 et seq.; De la Rosa, S., “The Directive on cross-border healthcare or the art of codifying complex case law”, Common Market Law Review, 49, 2012; Van der Mei, “Cross-border access to medical care within the European Union: Some reflections on the judgments in Decker and Kohll”, 5, Maastricht Journalof European and Comparative Law, Vol. 5, Nru 3, 1998, Lewalle, H. u Palm, L., “Quel est l’impact de la jurisprudence européenne sur l’accès aux soins à l’intérieur de l’Union européenne?”, Revue Belge de la Sécurité Sociale, 2001.


4 –      Ara s-sentenzi Decker (C‑120/95, EU:C:1998:167), punti 34 et seq; Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171), punt 35, u Vanbraekel u oħrajn (C‑368/98, EU:C:2001:400), punti 40 et seq


5 –      Sentenzi Decker u Kohl, imsemmija fin-nota preċedenti.


6 –      Teżawru….


7 –      Sentenza Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404).


8 –      Ibidem, paragrafi 55 sa 59.


9 –      Ibidem, paragrafi 99 et seq.


10 –      Ibidem, paragrafu 103.


11 – Ara s-sentenzi Watts (C‑372/04, EU:C:2006:325) punti 46 sa 62 u Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581), punt 66.


12 –      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Müller-Fauré u van Riet (C‑385/909, EU:C:2003:270), punti 98 u 106, u Elchinov, iċċitati iktar ’il fuq, punt 80.


13 –      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi AC-ATEL (C‑30/93, EU:C:1994:224), punt 16; Phytheron International (C‑352/95, EU:C:1997:170) punt 11; Dumon u Froment (C‑235/95, EU:C:1998:365), punt 25; WWF et (C-435/97, EU:C:1999:418), punt 31, u Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10), punt 23.


14 –      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Müller-Fauré u van Riet, iċċitati iktar ’il fuq, punt 91 u Watts, iċċitati iktar ’il fuq, punt 71.