Language of document : ECLI:EU:T:2011:114

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ksur uniku u kontinwu – Parteċipazzjoni fil-ksur”

Fil-Kawża T‑385/06,

Aalberts Industries NV, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjizi l-Baxxi),

Comap SA, li kienet Aquatis France SAS, stabbilita f’La Chapelle‑Saint‑Mesmin (Franza),

Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG, stabbilita f’Argenbühl‑Eisenharz (il-Ġermanja),

irrappreżentati inizjalment minn R. Wesseling u M. van der Woude, sussegwentement minn Wesseling, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Nijenhuis, V. Bottka u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi), kif ukoll, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir‑rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F‑1/38.121 – Attrezzaturi) (sunt fil-ĠU 2007, L 283, p. 63, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul perijodi differenti bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-1 ta’ April 2004, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fil-forma ta’ grupp ta’ ftehim antikompetittivi u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram, li kienu jkopru t-territorju taż-ŻEE. Il-ksur kien jikkonsisti fl‑iffissar tal-prezzijiet, fi qbil dwar il-listi tal-prezzijiet, fi skontijiet u roħs u f’mekkaniżmi ta’ applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll f’parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u fiż-żamma ta’ kuntatti oħrajn intiżi li jiffaċilitaw il-ksur.

2        Ir-rikorrenti, Aalberts Industries NV (iktar ’il quddiem “Aalberts”, Comap SA, li kienet Aquatis France SAS (iktar ’il quddiem “Aquatis”), u Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Simplex”), kienu fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

3        Aalberts hija l-kumpannija parent ta’ grupp industrijali internazzjonali kkwotat fil-Borża Euronext ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Hija tikkontrolla, direttament jew indirettament, il-kapital ta’ diversi kumpanniji attivi fis-settur tal-manifattura jew tad-distribuzzjoni tal-attrezzaturi. Fit-30 ta’ Awwissu 2002, Aalberts xtrat l-attivitajiet ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni tal-attrezzaturi kollha ta’ IMI plc, meta dawn kienu miġburin taħt “Yorkshire Fittings Group”. Din l-operazzjoni kienet tikkonsisti b’mod partikolari fix-xiri tal-azzjonijiet kollha ta’ Raccord Orléanais SA (li sussegwentement saret Aquatis) u ta’ R. Woeste & Co. Yorkshire GmbH (li sussegwentement saret Simplex). Dawn iż-żewġ impriżi ġew integrati f’waħda miż-żewġ attivitajiet prinċipali tal-grupp Aalberts, jiġifieri l-kontroll tal-fluidi.

4        F’Marzu 2006, Comap, destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur taħt il-kontroll ta’ Legris Industries SA u rikorrenti fil-Kawża T‑377/06, ġiet ittrasferita lill-grupp Aalberts. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2007, il-Qorti Ġenerali ġiet informata li l-attiv u l-passiv kollu ta’ Aquatis kien ġie ttrasferit lill-Comap u li Aquatis ma kinitx għadha teżisti bħala entità legali. Sabiex jiġi żgurat li r-riferimenti għal din tal-aħħar ikunu uniformizzati ma dawk magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, anki f’din is-sentenza ser isir riferiment għal Aquatis.

5        Fid-9 ta’ Jannar 2001, Mueller Industries Inc., manufattriċi oħra ta’ attrezzaturi tar-ram, informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal‑attrezzaturi, u f’industriji oħra konnessi fis-suq tal-pajpijiet tar-ram, u bir-rieda tagħha li tikkoopera abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iltar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996”), (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2001, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-pajpijiet u tal-attrezzaturi tar-ram, il-Kummissjoni wettqet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ diversi impriżi, fosthom IMI, dak iż-żmien kumpannija parent ta’ Raccords Orléanais u ta’ R. Woeste & Co. Yorkshire (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Wara dawn l-ewwel spezzjonijiet, f’April 2001 il-Kummissjoni qasmet l‑investigazzjoni tagħha fuq il-pajpijiet tar-ram fi tliet proċeduri distinti, jiġifieri, il-proċedura dwar il-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), dik dwar il-Każ COMP/F-1/38.121 (Attrezzaturi) u dik dwar il-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali) (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fl-24 u fil-25 ta’ April 2001, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet oħra għall‑għarrieda fil-bini ta’ Delta plc, il-kumpannija ewlenija ta’ grupp ta’ inġinerija internazzjonali li d-dipartiment “Inġinerija” tiegħu kien jiġbor fih diversi manifatturi ta’ attrezzaturi. Dawn l-ispezzjonijiet kienu jikkonċernaw biss l-attrezzaturi (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Minn Frar/Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-partijiet ikkonċernati diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u sussegwentement skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      F’Settembru 2003, IMI ppreżentat talba sabiex tibbenefika mill‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-1996. Din it-talba kienet segwita minn dawk tal-grupp Delta (Marzu 2004) u ta’ FRA.BO SpA (Lulju 2004). L‑aħħar talba għal klemenza ġiet ippreżentata f’Mejju 2005 minn Advanced Fluid Connections plc (iktar ’il quddiem “AFC”). FRA.BO, b’mod partikolari pprovdiet informazzjoni li ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li l-ksur tkompla matul il-perijodu 2001-2004, jiġifieri wara l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni (premessi 115 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fit-22 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ COMP/F‑1/38.121 (Attrezzaturi), bdiet proċedura ta’ ksur u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet b’mod partikolari nnotifikata lir-rikorrenti (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-20 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

13      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fil-ksur għall-perijodi segwenti:

–        bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, f’dak li jirrigwarda Aalberts;

–        bejn il-31 ta’ Jannar 1991 u t-22 ta’ Marzu 2001, inkwantu membri tal-grupp IMI, u, bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, inkwantu membri tal-grupp Aalberts, f’dak li jirrigwarda Aquatis u Simplex.

14      Għal dan il-ksur, fl-Artikolu 2(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti l-multi segwenti:

“a)      [Aalberts] :  EUR 100.80 miljun

li minnhom is-segwenti ammonti kellhom jitħallsu in solidum ma:

[Aquatis]: EUR 55.15 miljun u

[Simplex]: EUR 55.15 miljun

b)      1.     [IMI], in solidum ma IMI Kynoch Ltd: EUR 48.30 miljun

li minnhom is-segwenti ammonti kellhom jitħallsu in solidum ma:

[…]

[Aquatis]: EUR 48.30 miljun; u

[Simplex]: EUR 48.30 miljun

2. [Aquatis] u [Simplex] huma responsabbli in solidum għall-ammont addizzjonali ta’: EUR 2.04 miljun.”

15      Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni kienu obbligati li jtemmu immedjatament il-ksur jekk huma ma kinux diġà għamlu dan u li jibqgħu lura milli jadottaw, fil-ġejjieni, kull att jew aġir bħall dawk deskritti fl-Artikolu 1, kif ukoll kull att jew aġir li jkollu għan jew effett identiku jew simili.

16      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu ddefinit fil-Linji ta’ gwida dwar il‑metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”).

17      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa skont il‑gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna, kemm minħabba n-natura tiegħu kif ukoll minħabba l-portata ġeografika tiegħu (premessa 755 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Wara dan, peress li qieset li hemm differenzi kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat, billi bbażat ruħha, għal dan il-għan, fuq l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminata skont l-ishma tas-suq tagħhom. Fuq din il-bażi, hija qassmet l‑impriżi kkonċernati f’sitt kategoriji, billi bbażat ruħha fuq il-porzjonijiet tad-dħul mill-bejgħ li kull waħda mill-impriżi għamlet permezz tal-prodott ikkonċernat minn din il-proċedura fuq il-livell taż-ŻEE matul is-sena 2000, ħlief f’dak li jirrigwarda Aalberts u AFC, li fir-rigward tagħhom ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sena 2003 (premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Aalberts ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija, kategorija li fir-rigward tagħha l-ammont inizjali tal-multa ġie ffissat għal EUR 60 miljun, filwaqt li IMI ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija, kategorija li fir-rigward tagħha l-ammont inizjali tal-multa ġie ffissat għal EUR 46 miljun (premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Sussegwentement, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq kull impriża inkwistjoni b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni u, skont il-każ, b’5 % għal kull perijodu bejn sitt xhur u sena. Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-31 ta’ Jannar 1991, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq, minħabba l-portata ġeografika limitata li l-akkordju kellu dak iż-żmien, li żżid il-multa b’5 % fis-sena (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata.

21      Fl-aħħar nett, it-tkomplija tal-parteċipazzjoni fil-ksur wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, jiġifieri matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, ġie kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 60 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti (premessi 779 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti, li pproduċiethom fit-terminu previst.

24      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-2 ta’ Frar 2010.

25      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a) u (b)(2) u l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawhom;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi, ibbażati, rispettivament, fuq:

–        l-illegalità tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lill-Aalberts inkwantu kumpannija parent;

–        in-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE;

–        in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-ksur uniku kumpless u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida tal-1998

–        il-ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

28      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel teżamina t-tieni u t-tielet motivi.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE

 L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma pprovatx, suffiċjentement skont il-liġi, li l-kuntatti ta’ Aquatis u ta’ Simplex mal-kompetituri tagħhom, li fuqhom ibbażat ruħa l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE.

30      F’dan ir-rigward ir-rikorrenti l-ewwel nett josservaw li l-konstatazzjoni, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-allegata parteċipazzjoni ta’ Aquatis fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, kienet esklużivament ibbażata fuq il-parteċipazzjoni tagħha għal ħames laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-Fédération française des négociants en appareils sanitaires, chauffage, climatisation et canalisations (FNAS), li nżammu bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-20 ta’ Jannar 2004 u fuq konferenza telefonika tas-16 ta’ Frar 2004 li ukoll seħħet fil-kuntest tal-FNAS.

31      L-ewwel nett, huma jenfasizzaw li l-laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS ġew organizzati fuq talba tal-grossisti Franċiżi, li kienu esprimew ix-xewqa li jipproponu lill-klijenti tagħhom numru iktar limitat ta’ artikoli relatati mal‑viti f’kull pakkett, ħaġa li kellha ġġib magħha spejjeż addizzjonali u għalhekk żieda fil-prezzijiet tal-prodotti. Minbarra l-kwistjonijiet tekniċi dwar l-implementazzjoni tal-ippakkjar il-ġdid u l-kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni relatati ma dan, matul dawn il-laqgħat ġew ukoll diskussi l-kwistjonijiet finanzjarji marbuta mal-ippakjar il-ġdid tal-artikoli relatati mal-viti. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn il-laqgħat ma kellhomx għan antikompetittiv. Skont ir-rikorrenti, l-osservazzjoni li AFC għamlet fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza timxi fuq l-istess linji.

32      It-tieni nett, ir-rikorrenti mhux biss talli jenfasizzaw il-fatt li l-provi li l-Kummissjoni tinvoka insostenn tal-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv huma komposti minn minuti ta’ laqgħat imfassla minn rappreżentant tal-kumitat loġistiku tal-FNAS u mhux iffirmati mir-rappreżentanti tal-kumpanniji li pparteċipaw għal dawn il-laqgħat, iżda talli jikkontestaw l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat ta’ dawn il-provi.

33      Fl-opinjoni tagħhom, mill-imsemmija minuti jirriżulta li l-iskambju ta’ opinjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-kumitat loġistiku tal-FNAS ma wassalx għall-konklużjoni ta’ ftehim u ma kien jinvolvi ebda skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

34      F’dak li jirrigwarda Simplex, ir-rikorrenti jsostnu li l-allegata perteċipazzjoni fil-ksur, matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004, hija bbażata biss fuq żewġ ġrajjiet, jiġifieri konversazzjoni bit-telefon ma FRA.BO fil-25 ta’ Frar 2004 u skambju ta’ opinjonijiet matul il-fiera kummerċjali ta’ Essen (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Marzu 2004.

35      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-konversazzjoni bit-telefon bejn P. (FRA.BO) u W. (Simplex), ir-rikorrenti josservaw li l-uniku dokument ta’ dak iż-żmien invokat mill-Kummissjoni kontra Simplex huwa kompost minn noti meħuda mid-djarju ta’ P. tal-25 ta’ Frar 2004. Dawn in-noti huma ambigwi u ma jippermettu li tintlaħaq ebda konklużjoni. L-ambigwità tal-imsemmija noti kif ukoll dik tal-ispjegazzjoni ta’ FRA.BO wasslu sabiex il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 511 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żieda fil-prezzijiet kienet ġiet ikkonfermata mill-importatur indipendenti ta’ Simplex (D.). Tali interpretazzjoni timplika li W. informa lill-P., fil-25 ta’ Frar 2004, li D. kien iddeċieda li jgħolli l-prezzijiet b’5 % mill-1 ta’ Marzu 2004. Sa fejn dan kien il-każ, kienet l-informazzjoni dwar il-politika kummerċjali ta’ D li kienet diġà ġiet żvelata fis-suq u mhux dik dwar il-politika tar-rikorrenti. L-ispjegazzjoni alternattiva proposta mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, jiġifieri li l-espressjoni “kkonfermata minn [D.]” kienet probabilment tirrigwarda dikjarazzjoni ta’ W. li tgħid li ż-żieda fil-prezzijiet kienet tapplika għall-bejgħ ta’ Simplex imwettaq permezz ta’ D., għal darba oħra turi li l-Kummissjoni naqset milli twettaq analiżi tal-punti ta’ fatt u tal-allegazzjonijiet magħmula.

36      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-konversazzjoni matul il-fiera kummerċjali ta’ Essen fit-18 ta’ Marzu 2004, bejn HA. (IBP Ltd) u H. u BE, rispettivament kunsulent u impjegat ta’ Simplex, ir-rikorrenti jsostnu li l-unika prova kienet it-tifkira li Ha. kellu ta’ din il-konversazzjoni. Skont dan tal-aħħar, kien hemm laqgħat qosra kemm ma H. u ma Be., kif ukoll ma K. (Comap), li matulhom ġie mistoqsi dwar l-intenzjonijiet ta’ IBP fir-rigward ta’ żieda fil-prezzijiet u fejn kien irrisponda li IBP kien beħsiebha tgħolli l-prezzijiet fl-aħħar tax-xahar. Huwa ddikjara wkoll li huwa kien diġà informa b’dan lill-klijenti tiegħu, b’tali mod li l-informazzjoni ma kinitx iktar kunfidenzjali.

37      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, l-ewwel nett, id-dikjarazzjoni ta’ H. ma hija kkonfermata minn ebda prova oħra u li, it-tieni nett, l-idea ċentrali tal-imsemmija dikjarazzjoni ġiet ikkontestata minn H. u minn Be. Id-dikjarazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar huma kkonfermati mill-fatt li, ferm qabel it-18 ta’ Marzu 2004, Simplex kienet diġà ddeċidiet u implementat żieda fil-prezzijiet billi informat b’dan lill-klijenti tagħha. Skont ir-rikorrenti, għalhekk ma kien hemm ebda motiv sabiex H. jew Be. jitolbu li jkunu informati fuq l-intenzjonijiet ta’ Ha.

38      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni unilaterali magħmula minn Ha. Fir-rigward ta’ proġett ta’ żieda fil-prezzijiet ma tinkludi ebda element li jagħti x’jifhem li jeżisti ftehim jew prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Iktar minn hekk, l-informazzjoni mogħtija minn Ha. ma tistax tiġi kkunsidrata bħala delikata fuq livell kummerċjali u dan peress li diġà kienet magħrufa fis-suq.

39      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw in-nuqqas ta’ provi fir-rigward ta’ perijodi oħrajn. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal allegati kuntatti bejn P. u impjegati ta’ Comap, ta’ Simplex u ta’ Aquatis. F’dan ir-rigward huma jsostnu li dawn kienu “tliet laqgħat insinjifikattivi”, li ma wasslu għal ebda ksur tal-Artikolu 81 KE.

40      Il-Kummissjoni tirrispondi li, f’dak li jirrigwarda l-provi tal-kollużjoni fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS li għalihom ipparteċipat Aquatis, hija bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq il-minuti tal-imsemmija laqgħat. Barra minn hekk, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jiddubita mill-kredibbiltà ta’ dawn il-minuti.

41      Fir-rigward ta’ Simplex, il-Kummissjoni tqis li n-noti meħuda mid-djarju ta’ P. huma ċari u ma jħallu ebda dubbju dwar il-kontenut tad-diskussjoni bejn din tal-aħħar u W., jiġifieri ż-żieda fil-prezzijiet ta’ 5 % fil-Greċja.

42      Fir-rigward tal-iskambju ta’ opinjonijiet matul il-fiera kummerċjali ta’ Essen fit-18 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-kuntatt bejn Ha. u r-rapreżentanti ta’ Simplex ma kienx “unilaterali”, peress li Ha. speċifika, b’risposta għal mistoqsija tar-rappreżentant ta’ Simplex, li IBP kienet ippjanat żieda fil-prezzijiet fl-aħħar tax-xahar. Barra minn hekk, mill-perspettiva kummerċjali, din hija informazzjoni delikata u pjuttost preċiża f’dak li jirrigwarda d-data ta’ applikazzjoni. Għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti, Simplex kienet diġà ddeċidiet dwar żieda fil-prezzijiet f’dak li jirrigwardha, it-tentattiv sabiex titnaqqas l-inċertezza dwar is-suċċess tal-aġir individwali tagħha fis-suq huwa madankollu antikompetittiva, peress li dan imur kontra r-rekwiżit ta’ aġir awtonomu fis-suq.

43      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-unika konklużjoni li tista’ tinsilet mill-provi dwar il-laqgħat tal-FNAS, il-fiera kummerċjali ta’ Essen u l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar is-suq Grieg, hija li r-rikorrenti reġgħu bdew jipparteċipaw fil-ksur uniku kumpless u kontinwu li kien beda fl-1988.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

44      Preliminarjament il-Qorti Ġenerali tfakkar, f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, li l-Kummissjoni għandha tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni ferma li l-ksur allegat twettaq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20). L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti tal-Unjoni għandha tiswa ta’ ġid lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont id-dritt jekk għadu jippersisti dubju f’moħħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 215).

45      Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li l-indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn dan, huwa abitwali li l-attivitajiet li l-ftehim antikompetittivi jinvolvu jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

47      F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-politika ta’ klemenza għandhom rwol importanti. Dawn id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom ta’ impriżi għandhom valur probatorju kunsiderevoli, peress li dawn jinvolvu riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli (ara f’dan is-sens, is-sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 205 u 211, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 46, iktar ’il fuq, punt 103). Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata bil-parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħrajn (ara s-sentenza JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw l-eżistenza tal-aġir li bih takkużhom il-Kummissjoni, jiġifieri l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-FNAS, il-kuntatti bejn impjegat ta’ waħda mir-rikorrenti u rapreżentant ta’ FRA.BO kif ukoll il-kuntatti magħmula waqt il-fiera ta’ Essen. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkontestaw il-karattru antikompetittiv ta’ dan l-aġir, rekwiżit sine qua non sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE.

49      Konsegwentement għandu jiġi ddeterminat jekk l-aġir ikkonstatat wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni f’Marzu 2001 għandux jiġi kklassifikat bħala kuntatt antikompetittiv.

50      F’dak li jirrigwarda Simplex, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għażlet żewġ avvenimenti fil-konfront ta’ Simplex sabiex tikkonkludi li din tal-aħħar kienet ipparteċipat fil-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkontestat”), jiġifieri kuntatt telefoniku ma’ P. (FRA.BO) u ma’ W. (Simplex) matul l-ewwel semestru tal-2004 u laqgħa matul il-fiera ta’ Essen, fit-18 ta’ Marzu 2004.

51      Skont il-premessa 511 tad-deċiżjoni kkontestata, f’April 2004 W. informa lill-FRA.BO dwar il-possibbiltà ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ 5 % fis-suq Grieg. W. kien talab lill-FRA.BO tikkuntattjah sabiex ikunu jistgħu jiftiehmu fuq din iż-żieda. Qabel dan il-kuntatt, matul konversazzjoni bit-telefon fil-25 ta’ Frar 2004, W. informa lill-P. li żieda ta’ 5 % fil-prezzijiet kellha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2004. Din iż-żieda ġiet ikkonfermata minn D., importatur Grieg ta’ Simplex.

52      L-ewwl nett, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li Simplex ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu kollu kkontestat ma hija sostnuta minn ebda prova f’dak li jirrigwarda s-sena 2003. Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq l-avvenimenti msemmija preċedentement, li kollha kemm huma seħħew fl-2004.

53      Għalkemm huwa ċertament minnu li mit-talba għal klemenza ta’ FRA.BO, kif miġbura fil-qosor fil-premessa 506 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li din tal-aħħar iddikjarat li, wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, l-iskambji ta’ informazzjoni delikata bejn il-kompetituri komplew għaddejjin, prinċipalment permezz ta’ kuntatti bilaterali. FRA.BO b’mod partikolari osservat li “dawn il-kuntatti [kienu] seħħew ma diversi persuni u, b’mod partikolari ma [W.] (IMI/Aalberts) u ma [L.] ta’ Comap”.

54      Madankollu għandu jiġi osservat li FRA.BO ma pproduċietx provi dokumentarji li juru li Simplex kellha konversazzjonijiet bit-telefon frekwenti mar-rappreżentanti tagħha. Issa, fir-rendikont tat-telefonati ta’ P. u ta’ B. (FRA.BO), li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004, mehmuż mar-risposta ta’ FRA.BO għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-isem ta’ W ma jissemmiex.

55      Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li d-djarju tal-2004 ta’ P. (FRA.BO) fih xi noti miktubin bl-idejn li minhomm hija biss serje waħda li tikkonċerna lil Simplex, jiġifieri dik li tirrigwarda kuntatt telefoniku ma W. fil-25 ta’ Frar 2004. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal kuntatt li allegatament seħħ lejn l-aħħar ta’ April, probabbilment fid-29 ta’ April 2004, bejn W. u P. Apparti l-fatt li dan l-allegat kuntatt seħħ wara d-data tat-tmiem tal-ksur deċiża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-imsemmija noti miktubin bl-idejn ma jindikawx li kien kuntatt ma W. Barra minn hekk, anki jekk jiġi meqjus li dan kien kuntatt ma W., xorta jibqa’ l-fatt li dawn in-noti miktubin bl-idejn ma jindikawx li huwa ħabbar żieda fil-prezzijiet fir-rigward tas-suq Grieg.

56      Fill-fatt ġara li, meta għamlet it-talba għal klemenza, FRA.BO għamlet konfużjoni bejn diversi noti miktubin bl-idejn. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet inizjali ta’ FRA.BO, tal-14 ta’ Lulju 2004, jirriżulta li hija kienet iddikjarat li lejn l-aħħar ta’ April 2004 direttur ta’ IMI, W., kien informha b’eventwali żieda fil-prezzijiet fis-suq Grieg u li diversi ġranet wara hija kienet talbitu jiddiskuti din il-kwistjoni magħha sabiex jintlaħaq ftehim (mettersi d’accordo). Ir-riferiment għall-konklużjoni ta’ ftehim jinsab fit-tielet serje ta’ noti miktubin bl-idejn li jinsabu fid-djarju ta’ P., jiġifieri dik dwar konversazzjoni bit-telefon li seħħet fid-29 ta’ April 2004 biss ma B., minn naħa, u ma Hu, min-naħa l-oħra, u li l-konklużjoni ta’ ftehim kellha titqiegħed fil-kuntest ta’ relazzjoni fornitur – klijent (Aquatis/Raccord Orléanais – FRA.BO).

57      Permezz tal-memorandum tagħha tal-25 ta’ Jannar 2005, FRA.BO biddlet il-pożizzjoni tagħha u ddikjarat li konversazzjoni bit-telefon bejn W. u P. kienet seħħet fil-25 ta’ frar 2004, u li matulha kienet ġiet diskussa żieda fil-prezzijiet fis-suq Grieg. W. kien ħabbar ukoll li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ 5 % kienet ġiet ikkonfermata mill-1 ta’ Marzu 2004 f’dak li jirrigward D.

58      Issa, mill-punt 508 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konfużjoni li kienet saret bejn it-tliet serji differenti ta’ noti miktubin bl-idejn imsemmija fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, minkejja l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar din il-konfużjoni, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma kkoreġietx dan l-iżball fil-premessa 511 tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal dak li jirrigwarda xi tibdiliet minuri (ara l-punt 51 iktar ’il fuq).

59      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-unika prova li tikkonċerna l-kuntatt bejn Simplex u FRA.BO matul il-perijodu kkontestat hija serje ta’ noti miktubin bl-idejn tal-25 ta’ Frar 2004 li jinsabu fid-djarju ta’ P. (FRA.BO), imsemmija fil-premessa 511 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-indikazzjoni “Tkellimt ma [W.] x żieda fil-Greċja kkonfermata x [D.] + 5 mill-1 ta’ Marzu 2004”.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li n-noti miktubin bl-idejn tal-25 ta’ Frar 2004 jindikaw li dakinhar kien tabilħaqq hemm skambju ta’ opinjonijiet fir-rigward tal-prezzijiet. Madankollu, dawn in-noti miktubin bl-idejn ma humiex ċari f’dak li jirrigwarda l-identità tal-persuna li ddeċidiet iż-żieda fil-prezzijiet. Ma huwiex eskluż li kien l-importatur indipendenti ta’ Simplex (D.) li ddeċieda li jżid il-prezzijiet tiegħu b’5 % mill-1 ta’ Marzu 2004.

61      Peress li l-kuntatt ma W. huwa biss is-suġġett ta’ serje waħda ta’ noti miktubin bl-idejn fid-djarju ta’ P., imsemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq, din is-serje ta’ noti miktubin bl-idejn ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tipprova li Simplex ipparteċipat fil-ksur allegat f’din il-kawża. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li dan il-kuntatt jista’ jiġi kkunsidrat bħala inċident iżolat. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq, din l-unika serje ta’ noti miktubin bl-idejn lanqas ma tista’ turi l-implikazzjoni ta’ Simplex fl-akkordju fl-2003.

62      Fir-rigward tat-tieni avveniment invokat kontra Simplex, jiġifieri l-laqgħa ta’ Ha. (IBP) ma żewġ rappreżentanti ta’ Simplex matul il-fiera ta’ Essen fit-18 ta’ Marzu 2004, imsemmi fil-premessa 520 tad-deċiżjoni kkontestata, mid-dikjarazzjoni ta’ Ha, tat-28 ta’ Novembru 2005, li tinsab mehmuża mar-risposta ta’ AFC għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u rrettifikata sussegwentement f’dak li jirrigwarda d-data ta’ dan l-avveniment, peress li din il-fiera kienet f’Marzu 2004 u mhux fl-2002 kif kien ġie indikat fit-talba għal klemenza, jirriżulta li huwa rrisponda għal mistoqsija dwar il-prezzijiet ta’ IBP. Ha. Iddikjara li jiftakar li kellhu diskussjoni qasira ma H. u ma Be. (Simplex) u oħra ma K. F’dan ir-rigward huwa għamel id-dikjarazzjoni segwenti:

“Huma saqsewni fuq l-intenzjonijiet ta’ IBP Germany fir-rigward tal-prezzijiet u jien għadtilhom li konna qegħdin nipprevedu żidiet lejn tmiem ix-xahar. Iż-żieda kienet dovuta għaż-żieda fl-ispejjeż tal-materji primi. Ma kienx hemm diskussjonijiet dwar l-ammont taż-żieda jew fir-rigward ta’ meta din iż-żieda kellha tidħol fis-seħħ, iżda biss li aħna konnha ser nagħmlu dan. Barra minn dan, jidhirli li kont diġà ħabbart lill-klijenti li kellu jkun hemm żieda, b’tali mod li l-informazzjoni ma kinitx għadha kunfidenzjali. Jista’ jkun li kienu ċċirkolaw xi għajdut u dan kien dak li ħajjarhom jistaqsuni dwar iż-żieda fil-prezzijiet. Huma ma kinux f’pożizzjoni li jikkonfermaw dan il-fatt biss billi jitolbu lill-klijenti kopja tal-lista tal-prezzijiet uffiċjali ta’ IBP Germany, peress li din il-lista ġiet ippubblikata biss fit-30 ta’ Marzu 2004 […]”.

63      Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ kuntatt ta’ natura antikompetittiva. Għal dan il-għan, matul il-proċedura amministrattiva huma pproduċew żewġ dikjarazzjonijiet li jikkontradixxu dik ta’ Ha.

64      Ir-rikorrenti pproduċew dik ta’ H., li ddikjara dan li ġej:

“Niftakar li ltqajt ma [Ha.] fl-istand ta’ Woeste u li tkellimt miegħu, iżda fl-ebda każ ma saqsejtu informazzjoni dwar żieda potenzjali tal-prezzijiet ta’ IBP Germany. Sa fejn niftakar jien, lanqas [Ha.] ma qabad fuq dan is-suġġett.”

65      Barra minn dan ir-rikorrenti pproduċew id-dikjarazzjoni ta’ Be., li spjega li, għalkemm ma kienx għadu jiftakar b’ċertezza li kien iltaqa ma Ha. f’din il-fiera, huwa ma setax madankollu jeskludi li kien rah, għalkemm ma jiftakarx li kienu tkellmu speċifikatament fuq xi prezzijiet.

66      F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li dikjarazzjoni magħmula fil-kuntest ta’ talba għal klemenza ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, bħala prova jekk l-eżattezza ta’ din id-dikjarazzjoni ġiet ikkontestata (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

67      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, id-dikjarazzjoni ta’ Ha. ma hijiex iktar affidabbli minn dawk ta’ H. u ta’ Be., żewġ rappreżentanti ta’ waħda mir-rikorrenti. Il-fatt li kemm IBP kif ukoll l-ex sussidjarji ta’ IMI kellhom attitudni antikompetittiva fil-passat, li kienet ikkaratterizzata minn skambji ta’ opinjonijiet dwar il-prezzijiet, ma huwiex biżżejjed, fir-rigward tal-avvenimenti li seħħew matul din il-fiera, sabiex jagħti iktar valur lid-dikjarazzjoni ta’ Ha. milli lid-dikjarazzjoni invokata mir-rikorrenti. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li, fin-nuqqas ta’ indizji oħrajn, l-allegat kontenut antikompetittiv tal-kuntatt bejn rappreżentant ta’ IBP u dawk tar-rikorrenti ma ġiex ipprovat suffiċjentement skont il-liġi.

68      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ Simplex fi ksur tal-Artikolu 81 KE matul il-perijodu kkontestat ma ġietx ipprovata suffiċjentement skont il-liġi.

69      Minn dan isegwi li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn il-Kummissjoni fih ikkonstatat li Simplex kienet ipparteċipat fi ksur uniku kumpless u kontinwu matul il-perijodu kkontestat.

70      F’dak li jirrigwarda l-allegata parteċipazzjoni ta’ Aquatis fil-ksur, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li din il-kwistjoni tiġi eżaminata fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-ksur uniku, kumpless u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu li kompla għaddej wara l-ispezzjonijiet ta’ Marzu 2001, ma stabbilixietx l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn l-aġir ta’ Aquatis u “sistema restrittiva globali” u li ma pprovatx li Aquatis kienet taf jew kellha tkun taf dwar l-eżistenza ta’ tali sistema.

72      Ir-rikorrenti josservaw li, f’Marzu 2001, l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni temmew il-laqgħat imsejħin “Super EFMA” organizzati qabel jew wara l-laqgħat tal-European Fittings Manufacturers Association (EFMA, Assoċjazzjoni Ewropea tal-manifatturi tal-attrezzaturi), u l-“akkordju ta’ tul twil”. Madankollu, il-Kummissjoni kompliet temmen li Raccord Orléanais (li sussegwentement saret Aquatis) kisret l-Artikolu 81 KE minn Ġunju 2003 sal-1 ta’ April 2004. Skont il-Kummissjoni, il-kuntatti indikati minn FRA.BO ippruvaw li l-ksur uniku, kumpless u kontinwu ma kienx intemm.

73      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jfakkru li l-użu tal-kunċett ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu jidderoga mir-regola li tgħid li l-Kummissjoni għandha tipprova l-modalitajiet eżatti ta’ parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur. Dan, bħall kull deroga oħra minn regola fundamentali, jimplika interpretazzjoni restrittiva. F’din il-kawża, l-approċ adottat mill-Kummissjoni jmur kontra l-preżunzjoni ta’ innoċenza, peress li dan iwassal għal sitwazzjoni fejn kull serje ta’ kuntatti apparentement indipendenti bejn il-kompetituri tiġi assimilati għal ksur uniku, kumpless u kontinwu.

74      Huma jinvokaw ukoll il-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il‑Kummissjoni (T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 121), u tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 773). Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li qabel kollox kellu jiġi stabbilit fiex kienet tikkonsisti s-“sistema komuni” u sa fejn din tal-aħħar kienet effettivament inżammet wara l-ispezzjonijiet tal-2001. Sussegwentement, kien ikun neċessarju li jintwera li l-aġir tar-rikorrenti kien marbut ma din is-“sistema komuni” u, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni kellha tipprova li Aquatis kienet taf jew x’aktarx setgħet tkun taf li hija kienet qed tipparteċipa, bl-aġir tagħha, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu li beda qabel l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni.

75      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-istruttura u l-implementazzjoni tal-ksur uniku, kumpless u kontinwu kif ukoll l-avvenimenti li seħħew wara l-2001 huma kompletament differenti.

76      L-“akkordju ‛Super EFMA’”, kif kien jiffunzjona qabel l-ispezzjonijiet ta’ Marzu 2001, kien ikkaratterizzat minn organizzazzjoni fuq tliet livelli, jiġifieri livel panEwropew, livell nazzjonali jew fuq livell reġjonali u b’mod bilaterali, u kien jirrigwarda skambji ta’ opinjonijiet kif ukoll ftehim dwar l-istrutturi tal-prezz u l-listi tal-prezzijiet għal ċerti swieq. B’kollox, 27 manifattur ta’ artikoli relatati mal-viti tar-ram li jkopru tlettax-il Stat Membru kienu implikati, li minnhom tlieta (IBP, IMI u Comap) kienu allegatament responsabbli għall-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-laqgħat imsejħa “Super EFMA”. Barra minn hekk, dawn il-laqgħat ma nżammux biss qabel il-laqgħat tal-EFMA iżda wkoll kull meta l-iżvilupp tas-suq kien jeżiġi dan.

77      Min-naħa l-oħra, l-allegata tkomplija tal-ksur uniku kumpless u kontinwu matul il-perijodu ta’ bejn Marzu 2001 u April 2004 hija kkaratterizzata, skont il-Kummissjoni, minn kuntatti bit-telefon bejn AFC u FRA.BO u bejn Comap u FRA.BO, minn tliet telefonati bejn il-“kumpanniji proprjetà ta’ Aalberts u ta’ FRA.BO”, minn tliet kuntatti bilaterali bejn Comap u FRA.BO, minn żewġ kuntatti bilaterali matul fiera kummerċjali f’Marzu 2004 bejn IBP u Simplex u bejn IBP u Comap kif ukoll minn laqgħat tal-kumitat loġistiku tal-FNAS li kienu jirrigwardaw l-ippakkjar tal-prodotti u li għalihom kienu ġew mistiedna l-manifatturi ta’ artikoli relatatai mal-viti fi Franza.

78      Ir-rikorrenti jikkontestaw li l-kuntatti msemmija preċedentement u s-serje ta’ laqgħat tal-bejjiegħa bl-ingross fi Franza jipprovaw, sufficjentement skont il-liġi, l-eżistenza ta’ ksur uniku kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u li dan il-“ksur preżunt” kien jikkostitwixxi l-istess ksur bħal dak li kien seħħ qabel l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li ħafna mill-impriżi, fosthom IMI, kif stabbiliet il-Kummissjoni, kienu waqfu jipparteċipaw fil-“ksur preżunt” wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Mill-bqija, is-settur kien ġie kompletament ristrutturat fl-2003. Apparti dan kollu, il-parti l-kbira tal-persuni li pparteċipaw fl-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-laqgħat “ta’ livell għoli”, bħal dawk li nżammew matul il-perijodu ta’ qabel l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, ma kinux ipparteċipaw għall-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kuntatti antikompetittivi preżunti matul il-perijodu ta’ wara l-imsemmija spezzjonijiet. Barra minn hekk, akkordju fis-settur tal-artikoli relatati mal-viti tar-ram kien ikun jagħmel sens biss li kieku kien jikkonċerna l-Istati Membri kollha, li ma kienx il-każ wara l-2001, irrispettivament mill-qari jew mill-interpretazzjoni li tista’ tingħata tal-elementi invokati fil-premessa 566 tad-deċiżjoni kkontestata.

79      It-tieni nett, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni rnexxiela tipprova li s-sistema ġenerali tal-akkordju kienet inżammet wara Marzu 2001, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aġir ta’ Aquitas kien marbut ma din is-sistema.

80      It-tielet nett, il-Kummissjoni lanqas ma stabbiliet li Aquatis kienet taf jew kellha tkun taf li, billi tistabbilixxi kuntatti ma kompetituri fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS, hija kienet qegħdha taderixxi għall-“akkordju Super EFMA”. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara li r-rikorrenti kienu informati bl-ispezzjonijiet, fatt li ma huwiex miċħud minn dawn tal-aħħar. Ir-rikorrenti jenfasizzaw madankollu li, f’Awwissu 2002, meta Aalberts xtrat l-attivitajiet kollha ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni tal-attrezzaturi ta’ IMI, hija żgurat ruħha li IMI u s-sussidjarji tagħha, fosthom Raccord Orléanais, li issa kienet tifforma parti minn Aquatis) u R. Woeste & Co. Yorkshire, li issa kienet tifforma parti minn Simplex, kienu effettivament waqfu jipparteċipaw fil-ksur.

81      Il-Kummissjoni tirrispondi li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija spjegat fit-tul ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li f’dan il-każ kien hemm ksur uniku, l-ewwel sal-2001 (premessi 559 sa 563 tad-deċiżjoni kkontestata), u sussegwentement wara l-2001 (premessi 564 sa 591 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar partikolari, il-premessi 564 sa 597 tad-deċiżjoni kkontestata fihom eżami ddettaljat ħafna tal-kontinwità tal-ksur. Il-Kummissjoni tkompli tgħid li ma jistax ikun hemm dubbju li l-aġir tar-rikorrenti matul il-perijodu ta’ wara l-2001 kellu l-istess għan antikompetittiv bħal dak tal-impriżi l-oħra li kienu jipparteċipaw fl-akkordju globali.

82      Barra minn hekk, kemm ir-rekwiżit li jeħtieġ li r-rikorrenti “kienu jafu, jew kellhom neċessarjament ikunu jafu, li l-kollużżjoni li għaliha huma kienu qegħdin jipparteċipaw kienet tifforma parti mill-plan globali” kif ukoll ir-rekwiżit li jeħtieġ li huma “kienu jafu dwar l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li setgħu raġonevolment jipprevedu dan, u li kienu lesti li jaċċettaw ir-riskju”, huma sodisfatti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li Aalberts inżammet responsabbli għall-attivitajiet taż-żewġ sussidjarji tagħha, Aquatis u Simplex, li huma s-suċċessuri legali ta’ Raccord Orléanais u ta’ R. Woeste & Co. Yorkshire, attivitajiet li wħud mill-atturi tagħhom kienu diġà pparteċipaw fil-ksur uniku, kumpless u kontinwu qabel l-ispezzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

83      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-aġir li jikkostitwixxi ksur allegat wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2001 huwiex it-tkomplija tal-ksur uniku, kumpless u kontinwu mwettaq qabel l-imsemmija spezzjonijiet.

84      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-kwistjoni tkun dik li jsir magħruf jekk il-parteċipazzjoni ta’ Aquatis għall-laqgħat tal-FNAS kinitx tifforma parti mill-kuntest ta’ dan il-ksur uniku, kumpless u kontinwu.

85      Fil-fatt, fid-dawl tal-konklużjoni milħuqa fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq fir-rigward ta’ Simplex, l-eżami tat-tielet motiv huwa rilevanti biss f’dak li jirrigwarda Aquatis.

86      Il-kunċett ta’ ksur uniku jikkonċerna sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jkun jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ skop ekonomiku waħdieni intiż li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni jew inkella permezz ta’ ċirkustanzi ta’ ksur individwali li huma interkonnessi bejniethom mill-istess skop (l-istess finalità tal-elementi kollha) u l-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni) (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 257). Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ din l-imġieba kontinwa jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur tal-Artikolu 81 KE (sentenza BPB vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 252).

87      Meta d-diversi azzjonijiet jiffurmaw parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 258).

88      Huwa importanti wkoll li jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett fuq il‑kompetizzjoni jikkostitwixxi, inkwantu għan jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandhu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, sabiex aġiri differenti jiġu kkwalifikati bħala ksur uniku u kontinwu, għandu jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkuntesta l-imsemmija rabta, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut, inkluż il-metodi użati, u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi aġiri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, 12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II-4949, punti 179 sa 181).

89      Barra minn hekk, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ftehim antikompetittiv, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxa mill-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir sostantiv maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju ta’ dan (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 87).

90      Fl-aħħar nett, il-fatt li impriża ma pparteċipatx għall-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur imwettaq minnha. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 86).

91      F’din il-kawża, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel Marzu 2001, għandu jiġi osservat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju kien jikkonsisti f’organizzazzjoni regolari, matul diversi snin, ta’ kuntatti multilaterali u bilaterali bejn manifatturi kompetituri li l-għan tagħhom kien li jiġu stabbiliti prattiki illegali, intiżi sabiex il-funzjonament tas-suq tal-attrezzaturi jiġi organizzat artifiċjalment, b’mod partikolari fuq il-livell tal-prezzijiet.

92      Skont id-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest ta’ dan l-akkordju globali, laqgħat u kuntatti antikompetittivi oħrajn kienu jinżammu kemm fuq livell panEwropew kif ukoll fuq livell nazzjonali, fejn kull pajjiż kellu l-proċess individwali tiegħu ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet u l-arranġamenti individwali lokali tiegħu li kienu jikkompletaw l-arranġamenti adottati fuq livell Ewropew (premessi 129, 140 u 559 tad-deċiżjoni kkontestata).

93      Fil-fatt, il-funzjonament tal-akkordju kien imsejjes, l-ewwel nett, fuq laqgħat “ta’ livell għoli”, li kienu jirrigwardaw l-istrateġija u l-prezzijiet għal diversi pajjiżi, it-tieni nett, fuq laqgħat li kienu jirrigwardaw biss territorju wieħed jew diversi territorji nazzjonali, ta’ spiss bil-għan li jiġu implementati deċiżjonijiet adottati fuq livell superjuri u, it-tielet nett, fuq diskussjonijiet fuq livell bilaterali (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

94      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-arranġamenti antikompetittivi kienu jseħħu qabel, matul jew wara l-laqgħat tal-British Plumbing Fittings Manufacturers Association (BPFMA, assoċjazzjoni ta’ manifatturi ta’ attrezzaturi għall-plumbing tar-Renju Unit), qabel, matul jew wara l-laqgħat tal-EFMA, matul laqgħat ad hoc, qabel, matul jew wara l-laqgħat ta’ assoċjazzjonijiet oħrajn u matul laqgħat li kienu jseħħu waqt il-fieri kummerċjali (premessi 140 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata).

95      Il-laqgħat “ta’ livell għoli” kienu ġeneralment jiġu organizzati fl-okkażjoni tal-laqgħat tal-EFMA fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa ta’ kull sena. Il-laqgħat tal-Ħarifa kienu ġeneralment jikkonsistu f’diskussjonijiet fuq l-iffissar tal-prezzijiet, filwaqt li l-laqgħat tar-Rebbiegħa kienu prinċipalment intiżi sabiex jiġi segwit l-iżvilupp tal-applikazzjoni tal-prezzijiet miftiehma s-sena preċedenti (premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata).

96      Id-diskussjonijiet fuq iż-żieda fil-prezzijiet kienu ġeneralment iwasslu, skont id-deċiżjoni kkontestata, għal ftehim dwar il-livell taż-żieda u l-mod ta’ kif kellha tiġi applikata ż-żieda, u kienu intiżi sabiex jiġu determinati d-dati għall-implementazzjoni u l-impriża li kellha tieħu l-inizjattiva taż-żieda, ta’ spiss il-mexxej tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessi 149 u 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

97      Il-laqgħat kienu jikkonċernaw ukoll il-metodi ta’ kreditu u r-roħs, il-kategoriji ta’ klijenti u d-differenzi fil-prezzijiet, it-tqassim tal-klijenti bejn il-fornituri, il-qsim ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet jew it-tnaqqis ta’ volum u tal-prezzijiet miksuba fi ħdan l-akkordju, diskussjonijiet dwar id-distribuzjoni reċiproka, l-ilmenti ta’ membru ta’ akkordju fil-konfront ta’ membri oħrajn tal-akkordju kif ukoll koordinazzjoni kontra l-manifatturi jew id-distributuri mhux membri tal-akkordju u t-tfiegħ miftiehem ta’ offerti b’risposta għas-sejħiet għall-offerti (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata).

98      Il-parteċipanti għal-laqgħat “ta’ livell għoli” kienu, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-presidenti-diretturi ġenerali, diretturi kummerċjali jew tal-bejgħ u ċerti responsabbli kummerċjali oħrajn, fejn ġie speċifikat li IMI, IBP u Comap kienu dejjem preżenti għal dan it-tip ta’ laqgħat (premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Laqgħat iktar speċifiċi fuq livell nazzjonali kienu jsegwu l-laqgħat “ta’ livell għoli”. Dawn kienu jirrigwardaw l-elaborazzjoni u l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-laqgħat “ta’ livell għoli”. Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti għal-laqgħat ta’ livell nazzjonali kienu ġeneralment diretturi kummerċjali jew tal-bejgħ jew ċerti responsabbli kummerċjali lokali oħrajn, li kienu jinfurmaw lill-parteċipanti għal-laqgħat “ta’ livell għoli” dwar is-suċċess jew il-falliment tal-bdil fil-prezzijiet u dwar il-kundizzjonijiet tas-suq (premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

100    Fl-aħħar nett, kienu jiġu organizzati wkoll laqgħat bilaterali u laqgħat mhux uffiċjali iktar wiesa.

101    Fir-rigward tal-aġir ikkontestat li seħħ wara Marzu 2001, anki dawn huma kkaratterizzati, skont id-deċiżjoni kkontestata, minn kuntatti magħmula fil-kuntest ta’ assoċjazzjonijiet professjonali (laqgħat tal-FNAS), minn kuntatti bilaterali dwar il-parametri tal-kompetizzjoni u minn kuntatti magħmula matul fieri kummerċjali (fiera ta’ Essen) (premessi 599 sa 602 tad-deċiżjoni kkontestata).

102    Huwa ċertament minnu li, fir-rigward tal-perijodu ta’ wara Marzu 2001, l-akkordju kien ikkaratterizzat minn “organizzazzjoni” li kellha struttura pjuttost flessibbli u li kienet essenzjalment tikkonsisti f’kuntatti bilaterali ad hoc. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni tal-istrateġija fuq “livell għoli” u, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni fuq livell nazzjonali tad-deċiżjonijiet adottati fuq livell panEwropew ma kinux għadhom jeżistu.

103    Huwa wkoll minnu li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, in-numru ta’ parteċipanti fl-akkordju kien ta’ disa’ qabel l-ispezzjonijiet ta’ Marzu 2001 u li wara dawn l-ispezzjonijiet in-numru niżel għal erba’.

104    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, filwaqt li, qabel l-2001, l-akkordju kellu portata panEwropea li kienet tkopri tlettax-il pajjiż, l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti kien limitat, wara l-2001, għas-swieq tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta’ Franza u tal-Italja, mingħajr ma hemm rabta evidenti bejniethom.

105    Madankollu, ladarba l-għan tal-prattiki antikompetittivi baqgħa l-istess, jiġifieri prattiki miftiehma fuq il-prezzijiet fir-rigward tal-attrezzaturi, il-fatt li ċerti karatteristiċi jew li l-intensità ta’ dawn il-prattiki nbidlu ma huwiex konkludenti. F’dan ir-rigward, huwa plawżibbli li, wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, l-akkordju ħa forma inqas strutturata u kellu attività b’intensità iktar varjabbli. Madankollu, il-fatt li akkordju jista’ jgħaddi minn perijodi ta’ attivita ta’ intensità varjabbli ma jfissirx li jista’ jiġi konkluż li dan intemm.

106    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkunsidrat li l-akkordju kien tkompla wara l-ispezzjonijiet tagħha f’Marzu 2001 u meta kkonkludiet li kien hemm ksur uniku, kumpless u kontinwu.

107    Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk Aquatis, billi pparteċipat għal-laqgħat li nżammew fil-kuntest tal-grupp ta’ ħidma tal-kumitat loġistiku tal-FNAS sabiex jiġi implementat ippakkjar ġdid ta’ artikoli relatati mal-viti, u b’mod iktar partikolari, billi ddiskutiet l-ispejjeż relatati ma dan l-ippakjar, ipparteċipatx f’dan il-ksur uniku, kumpless u kontinwu.

108    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni allegat li Aquatis ipparteċipt, matul il-perijodu kkontestat, fil-ksur uniku, kumpless u kontinwu, li jkopri s-suq imsejjaħ panEwropew kollu, deskritt fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni.

109    Kif jirriżulta mill-punt 101 iktar ’il fuq, l-elementi kostitutivi tal-ksur uniku, kumpless u kontinwu wara Marzu 2001 kienu jikkonsistu f’kuntatti bilaterali, f’kuntatti magħmula matul fieri kummerċjali u f’kuntatti magħmula fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS sabiex jiġu kkoordinati l-prezzijiet.

110    F’dan ir-rigward huwa paċifiku li Aquatis, matul il-perijodu kkontestat, ipparteċipat biss għal-laqgħat tal-FNAS u mhux għaż-żewġ partijiet l-oħrajn tal-ksur. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-parteċipazzjoni ta’ Aquatis għal-laqgħat tal-FNAS, li l-għan tagħhom huwa identiku għal dak taż-żewġ partijiet l-oħrajn tal-ksur uniku, kumpless u kontinwu, jiġifieri l-koordinazzjoni tal-prezzijiet, hija suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġi konkluż li hija pparteċipat fl-imsemmi ksur biss jekk jiġi stabbilit li hija kienet taf, jew li kellha neċessarjament tkun taf li, minn naħa, l-aġir tagħha kien jifforma parti minn pjan ġenerali u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan ġenerali jkopri l-elementi kostitutivi kollha tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Parecipazioni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 83, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 4027 u 4112).

111    F’din il-kawża, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, meta pparteċipat għal-laqgħat tal-FNAS, Aquitas kinitx taf, jew kelliex neċessarjament tkun taf, li hija kienet fost il-parteċipanti tal-akkordju panEwropew. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni ta’ Aquatis fil-ftehim dwar is-suq Franċiż tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha mal-ksur ikkontestat biss jekk jiġi stabbilit li hija kienet taf dwar l-eżistenza taż-żewġ elementi kostituttivi l-oħrajn tal-ksur.

112    Issa, għandu bilfors jiġi osservat li l-Kummissjoni ma wrietx li, matul il-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat tal-FNAS, Aquatis kienet taf dwar l-attivitajiet antikompetittivi tal-impriżi l-oħrajn jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u għalhekk ma wrietx li l-aġir tagħha kien jifforma parti mill-pjan ġenerali li jkopri l-elementi kostituttivi kollha tal-akkordju kkonstatat.

113    Sabiex turi li Aquatis kienet taf dwar l-elementi kostituttivi tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni għamlet unikament riferiment għall-fatt li Aquatis kienet ipparteċipat fl-akkordju mill-1991 sa Marzu 2001. Issa, tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jintwera li Aquatis adirixxiet mill-ġdid għall-akkordju.

114    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, meta l-kapital tagħha kien ikkontrollat minn IMI, l-ex kumpannija parent tagħha, Aquitas kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur immedjatament wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni f’Marzu 2001. Ebda element ma jindika li Aquatis kienet taf dwar it-tkomplija tal-imsemmi ksur minn IBP, Comap u FRA.BO.

115    Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan speċifiku mfittex mill-grupp ta’ ħidma tal-kumitat loġistiku tal-FNAS, jiġifieri l-possibbiltà ta’ ippakkjar ġdid, huwa diffiċli li l-laqgħat li nżammu f’dan il-kuntest jiġu immedjatament assoċjati mal-akkordju li beda qabel Marzu 2001. Il-fatt li ċerti manifatturi ddiskutew l-ispiża relatata ma dan l-ippakjar il-ġdid ma huwiex tali li jikkonfuta din il-konstatazzjoni.

116    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessi 575 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS, id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw biss is-suq Franċiż. Issa, kif il-Kummissjoni nnifisha ammettiet matul is-seduta, mill-minuti tal-imsemmija laqgħat bl-ebda mod ma jirriżulta li dawn kienu jikkonċernaw ukoll is-suq “Spanjol, Taljan, tar-Renju Unit u tal-Ġermanj kif ukoll is-suq Ewropew b’mod ġenerali”, fatt li kieku kien jindika, skont il-Kummissjoni, li dawn kellhom dimensjoni panEwropea. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-kollużjoni fil-kuntest tal-laqgħat tal-FNAS ma kelliex portata panEwropea.

117    It-tielet nett, peress li l-imsemmija laqgħat kienu jirrigwardaw biss is-suq Franċiż u peress li ma jeżisti ebda indizju li jippermetti li jiġi konkluż li dawn il-laqgħat intużaw mill-parteċipanti l-oħrajn bħala qafas sabiex jiddiskutu jew jikkoordinaw il-prezzijiet tal-attrezzaturi fi swieq nazzjonali oħrajn, ma huwiex stabbilit li Aquatis setgħet raġonevolment tipprevedi li l-imsemmija laqgħat kienu jiffurmaw parti minn ksur iktar mifrux li jifforma parti minn pjan ġenerali.

118    Għalkemm għandu jiġi osservat li kien hemm kuntatt bilaterali fid-29 ta’ April 2004 bejn rappreżentant ta’ Aquatis u rappreżentant ta’ FRA.BO fil-kuntest ta’ relazzjoni fornitur-klijent (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). Madankollu, apparti l-fatt li dan il-kuntatt seħħ barra mill-perijodu tal-ksur, tali kuntatt huwa rilevanti mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni biss jekk jiġi stabbilit li matul dan il-kuntatt kummerċjali kienu ġew diskussi suġġetti ta’ natura antikompetittiva. Issa, in-noti miktubin bl-idejn li jinsabu fid-djarju ta’ P. ma jipprovdu ebda indizju ta’ dan it-tip.

119    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex stabbilit li Aquatis kienet taf dwar il-fatt li, bl-aġir tagħha, hija kienet aderixxiet għal akkordju kompost minn diversi partijiet li kellhom għan komuni, u lanqas li kienet aderixxiet għall-akkordju li għalih hija kienet diġà pparteċipat qabel Marzu 2001 u li kien tkompla.

120    Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, fir-rigward tar-rikorrenti kollha, sa fejn fih il-Kummissjoni kkonstatat li huma kienu pparteċipaw, matul il-perijodu kkontestat, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu billi pparteċipaw għal grupp ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram, kif deskritt fl-imsemmija dispożizzjoni.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra, jiġifieri l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lill-Aalberts inkwantu kumpannija parent, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq diversi żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

122    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandhom jiġu annullati kemm il-multa ta’ EUR 100.8 miljun imposta fuq Aalberts, in solidum ma Aquatis u Simplex sal-ammont ta’ EUR 55.15 miljun, kif ukoll l-ammont ta’ EUR 2.04 miljun li ġie impost in solidum fuq Aquatis u Simplex, peress li l-kalkolu ta’ dan l-ammont huwa msejjes fuq konstatazzjoni żbaljata.

123    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkalkolat ammont bażiku tal-multa imposta għall-parteċipazzjoni ta’ Aquatis u ta’ Simplex fil-ksur, meta l-kapital tagħhom kien ikkontrollat minn IMI, jiġifieri ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 46 miljun, li ġie miżjud b’100 % minħabba t-tul, u għall-allegata parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur meta l-kapital tagħhom kien miżmum minn Aalberts, jiġifieri ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 60 miljun, li ġie miżjud b’5 % minħabba t-tul. Dan it-tieni ammont ġie miżjud b’60 % minħabba ċirkustanzi aggravanti. Minn dan irriżulta ammont totali tal-multa ta’ EUR 192.8 miljun (EUR 92 miljun + EUR 100.8 miljun). Dan l-ammont totali ġie sussegwentement imnaqqas għal EUR 105.5 miljun sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Aalberts, u wara mqassam proporzjonalment skont jekk il-parteċipazzjoni ta’ Aquatis u ta’ Simplex fil-ksur kinitx ġiet ikkonstatata meta huma kienu kkontrollati minn IMI (EUR 50.34 miljun) jew minn Aalberts (EUR 55.15 miljun).

124    Peress li IMI setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 50 % abbażi tal-Avviż tal‑Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell, l-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha, li kien ta’ EUR 96.6 miljun, jiġifieri ammont inizjali ta’ EUR 46 miljun, li ġie miżjud b’110 % minħabba t-tul, tnaqqas għal EUR 48.30 miljun. Peress li IMI ressqet it-talba għal klemenza tagħha biss f’Settembru 2003, iż-żewġ ex sussidjarji tagħha ma setgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’50 % mogħti lill-IMI. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żammet lill-Aquatis u lill-Simplex responsabbli in solidum għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 2/04 miljun (EUR 50.34 miljun – Eur 48.30 miljun), somma li għaliha la kienet responsabbli IMI u lanqas Aalberts.

125    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, jekk diversi impriżi destinatarji jikkostitwixxu l-“impriża” fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jista’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża. Min-naħa l-oħra, jekk din l-entità ekonomika tkun isseparat sabiex tifforma żewġ entitajiet distinti meta ġiet adottata d-deċiżjoni, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li jitlob li dan il-limitu jiġi applikat individwalment fil-konfront tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 390). Peress li r-rikorrenti talbu biss l-annullament tal-Artikolu 2(a) u (b)(2) tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li l-impriża IMI ġiet separata f’diversi entitajiet distinti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellux jaffettwa l-limitu tal-ammont tal-multa imposta fuq Simplex u fuq Aquatis fl-Artikolu 2(b)(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi), huwa annullat sa fejn jikkonstata li Aalberts Industries NV, Comap SA, li kienet Aquatis France SAS u Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG ipparteċipaw fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004.

2)      L-Artikolu 2(a) u (b)(2) tad-Deiżjoni C (2006) 4180 huwa annullat.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjez.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-24 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.