Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta' Ġunju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta' Marzu 2011 fil-Kawża T-385/06, Aalberts Industries NV, Comap SA, li kienet Aquatis France SAS, Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-287/11 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, V. Bottka, R. Sauer, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Aalberts Industries NV, Comap SA, li kienet Aquatis France SAS, Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti tilob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fl-intier tiegħu;

tikkundanna lit-tliet rikorrenti għall-ispejjeż kollha ta' dawn il-proċeduri kif ukoll tal-proċeduri tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tibbaża l-Appell tagħha fuq tliet aggravji:

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret għadd ta' regoli dwar l-oneru tal-prova kif ukoll regoli tal-proċedura dwar il-provi, żnaturat ċerti provi u ma mmotivatx il-konstatazzjonijiet fattwali tagħha. Għalkemm il-Qorti Ġenerali tfakkar il-ġurisprudenza dwar il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-korp kollu ta' evidenza, l-evalwazzjoni li ssegwi tikxef approċċ frammentarju ħafna li fil-kuntest tiegħu, il-provi huma kkunsidrati b'mod iżolat u miċħuda waħda waħda. Dan jaffettwa l-analiżi tal-kuntatti individwali, li d-deċiżjoni tqis bħala manifestazzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-impriżi ta' Aalberts fil-ksur kontinwu. Provi tal-parteċipazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Simplex u Aquatis fil-ksur kontinwu huma evalwati mill-Qorti Ġenerali b'mod iżolat, minkejja li dawn kienu jappartjenu lill-istess impriża (Aalberts). Barra minn hekk, u fir-rigward ta' dawn il-kuntatti, il-Qorti Ġenerali tiżnatura ċerti provi ewlenin jew tal-inqas ma timmotivax il-konklużjonijiet tagħha dwar il-valur probatorju ta' ċerti provi b'mod suffiċjenti. It-tieni aggravju huwa mressaq sussidjarjament, peress li jekk il-konstatazzjonijiet fattwali kellhom jiġu kkonfermati, il-Qorti Ġenerali tkun annullat b'mod żbaljat id-deċiżjoni fl-intier tagħha, meta hija tkun ikkonstatat biss żball parzjali fid-deċiżjoni. Is-sentenza appellata hija vvizjata minn tal-inqas żewġ żbalji ta' liġi:

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għar-raġuni li, meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra fil-laqgħat tal-FNAS fi Franza, Aquatis kellha livell ta' għarfien differenti dwar l-akkordju. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-livell differenti ta' għarfien minn parteċipant f'akkordju ma għandux iwassal għall-annullament totali tal-ksur uniku u kontinwu iżda, l-iktar l-iktar, jista' wassal għal annullament parzjali tal-konstatazzjoni ta' ksur, u probabbilment bi tnaqqis tal-multa.

It-tieni nett, meta annullat kompletament id-deċiżjoni għal Aalberts u għaż-żewġ sussidjarji tagħha meta annullament parzjali kien ikun iktar xieraq skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-kompetenzi tagħha.

Fl-aħħar net, it-tielet aggravju huwa wkoll imressaq sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel u t-tieni aggravji, peress li dan jikkonċerna l-multa fir-rigward ta' Simplex u Aquatis matul l-ewwel perijodu fil-każ fejn il-konstatazzjoni ta' ksur fit-tieni perijodu jkun annullat fl-intier tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni li l-annullament tal-Artikolu 2(b)(2) tad-Deċiżjoni ma huwiex immotivat biżżejjed u li, jekk il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-hekk imsejjaħ limitu ta' 10 % skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 1, hija ddeċidiet ultra petita u kisret il-prinċipju ta' kontradittorju u, għaldaqstant, id-dritt għal smigħ peress li din ma kinitx diskussa matul il-proċeduri fl-ewwel istanza.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)