Language of document : ECLI:EU:C:2012:746

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

22 ta’ Novembru 2012 (*)

“Artikolu 157 TFUE – Direttiva 79/7/KEE –Direttiva 97/81/KE – Ftehim qafas dwar xoghol part-time – Direttiva 2006/54/KE – Pensjoni tal-irtirar kontributorja – Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess”

Fil-Kawża C‑385/11,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentati mill-Juzgado de lo Social de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2011, fil-kawża

Isabel Elbal Moreno

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. Toader, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, E. Jarašiūnas u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn F. de Miguel Pajuelo, bħala aġent, assistit minn A. Álvarez Moreno u J. Ignacio del Valle de Joz, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u S. Martínez-Lage Sobredo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Valero Jordana u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC [CES] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE u 4 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Elbal Moreno u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (Teżor Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali) dwar il-ksib ta’ pensjoni tal-irtirar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/7 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il quddiem imsejjaħ “il-prinċipju tat-trattament ugwali”.”

4        Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 79/7:

“Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

l-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

[...]

–        – anzjanità,

[...]”

5        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprovdi:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

–        l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

–        l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu talkontribuzzjonijiet,

–        il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

6        Skont it-termini tal-klawżola 4 tal-Ftehom Qafas, intitolat “ Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

[...]”

7        Id-Direttiva 2006/54 tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Għan”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[...]

(b)      il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

(ċ)      l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

[...]”

 Il-leġiżlazzjoni Spanjola

8        Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali (ley general de seguridad social), approvata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/94, tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“LGSS”), applikabbli għall-kawża prinċipali, huma dawn li ġejjin:

“Artikolu 160. Definizzjoni

Il-benefiċċju ekonomiku tal-irtirar, tat-tip kontributorju, huwa uniku għal kull benefiċjarju u jikkonsisti f’pensjoni għall-ħajja li ser jingħatalu fil-kundizzjonijiet, bl-ammont u fil-forma stabbilita mill-leġiżlazzjoni, meta l-benefiċjarju, peress li jkun laħaq l-età stabbilita, waqaf jew kien waqaf milli jkun impjegat.

Artikolu 161. Benefiċjarji

1.      Għandhom dritt għall-pensjoni tal-irtirar tat-tip kontributorju l-persuni li jaqgħu taħt din is-sistema ġenerali preżenti li, barra mill-kundizzjoni ġenerali rikjesta mill-Artikolu 124(1), jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      ikunu laħqu l-età ta’ ħamsa u sittin sena.

b)      ikunu wettqu perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni ta’ ħmistax-il sena [...]

Artikolu 162. Bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar

1.      Il-bażi tal-kakolu tal-pensjoni tal-irtirar tat-tip kontributorju tikkorrispondi għall-kwozjent li jirriżulta mid-diviżjoni b’210 tal-bażijiet ta’ kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata matul il-180 xahar immedjatament qabel ix-xahar preċedenti għal meta seħħ il-fatt li jagħti lok għad-dritt […].

Is-seba’ dispożizzjoni addizzjonali. Regoli applikabbli għall-ħaddiema part-time

1.      Il-protezzjoni soċjali li tirriżulta minn kuntratti part-time hija rregolata mill-prinċipju tal-assimilazzjoni tal-ħaddiem part-time ma’ ħaddiem full time, u, speċifikament, mir-regoli li ġejjin:

L-ewwel nett. Kontribuzzjoni

a)      Il-bażi tal-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali u tal-ammonti miġbura marbuta magħhom hija dejjem ta’ kull xahar u hija kkostitwita mir-remunerazzjonijiet effettivament riċevuti skont is-sigħat maħduma, kemm ordinarji kif ukoll ta’ sahra.

b)      Il-bażi ta’ kontribuzzjoni b’hekk stabbilita ma għandhiex tkun inqas mill-ammonti ddeterminati fil-leġiżlazzjoni.

c)      Il-kontribuzzjonijiet ta’ sigħat ta’ sahra jsegwu l-istess bażijiet u rati bħas-sigħat ordinarji.

It-tieni nett. Perijodi ta’ kontribuzzjoni

a)      Għall-ġustifikazzjoni ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni meħtieġa għad-dritt għal benefiċċji tal-irtirar, tad-diżabbiltà permanenti, tal-mewt u tas-sopravivenza, ta’ diżabbiltà temporanja, ta’ maternità u ta’ paternità, il-kontribuzzjonijiet magħmula jiġu kkunsidrati esklużivament skont is-sigħat maħduma, kemm dawk ordinarji kif ukoll dawk ta’ sahra, billi tiġi kkalkolata l-ekwivalenza tagħhom fi ġranet teoretiċi ta’ kontribuzzjoni. Għal dan il-għan, in-numru ta’ sigħat effettivament maħduma ser ikun diviż bin-numru 5, ekwivalenti ta’ jum tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ 1 826 siegħa fis-sena.

b)      Sabiex ikun hemm id-dritt għall-pensjonijiet tal-irtirar u ta’ diżabbiltà permanenti, ikun applikat għan-numru teoretiku ta’ jiem ta’ kontribuzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-punt (a) ta’ din ir-regola, koeffiċjent ta’ muliplikazzjoni ta’ 1.5, peress li r-rużltat ta’ dan il-jikkosttwixxi l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol kkunsidrati bħala ppruvati għad-determinazzjoni ta’ perijodi minimi ta’ kontribuzzjoni. Fl-ebda każ ma jista’ jiġi kkunsidrat numru ta’ jiem ogħla għan-numru li jikkorrispondi għal provvista ta’ servizzi full-time.

It-tielet nett. Bażijiet ta’ kalkolu

a)      Il-bażi ta’ kalkolu għal benefiċċji tal-irtirar u ta’ diżabbiltà hija kkalkolata skont ir-regola ġenerali [...].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fit-8 ta’ Ottubru 2009, fl-età ta’ 66 sena, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet talba quddiem l-INSS sabiex tikseb pensioni tal-irtirar. Preċedentement, hija kienet ħadmet esklużivament bħala seftura għal assoċjazzjoni ta’ residenti għal 18-il sena part-time, għal 4 sigħat fil-ġimgħa, jiġifieri 10 % tal-ħin tax-xogħol legali fi Spanja, li huwa ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa.

10      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2009, din il-pensjoni ġiet irrifjutata lilha peress li ma kinitx tissodisfa l-perjodu minimu ta’ kontribuzzjoni ta’ ħmistax-il sena li kien rikjest għad-dritt tal-pensjoni tal-irtirar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 161(1)(b) tal-LGSS.

11      L-ilment ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-30 ta’ Novembru 2009 ġie miċħud b’deċiżjoni tal-INSS tad-9 ta’ Diċembru 2009. Filwaqt li, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-prova ta’ perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni jammonta għal 4 931 jum kienet rikjesta, l-imsemmija deċiżjoni tirrikonoxxi perijodu ta’ kontribuzzjoni ta’ 1 362 jum, imqassam kif ġej :

–        41 jum: mill-24 ta’ Ottubru 1960 sat-3 ta’ Diċembru 1960, full-time.

–        336 jum : jiem assimilati minħabba tliet twelidiet (3 x 112).

–        656 jum: mill-1 ta’ Novembru 1991 sat-30 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri perijodu ta’ 6 564 jum, meħuda inklunsiderazzjoni sa 10 % minħabba xogħol part-time.

–        329 jum: jiem assimilati li jirriżultaw mill-fattur ta’ korrezzjoni (1.5) previst mis-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS.

12      Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem il-Juzgado de lo Social de Barcelona rikors li fih hija sostniet li s-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS, li taħtha l-pensjoni ġiet irrifjutata lilha, tirriżulta fi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. L-imsemmija dispożizzjoni tirrikjedi, fil-fatt, perijodu ta’ kontribuzzjoni ikbar għall-ħaddiema part-time milli għall-ħaddiema full-time, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fattur ta’ korrezzjoni li jikkostitwixxi l-multiplikatur ta’ 1.5 sabiex ikun hemm aċċess għal benefiċċju li huwa diġà proporzjonalment imnaqqas. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li din ir-regola timplika diskriminazzjoni indiretta, peress li huwa statistikament inkontestabbli li n-nisa huma l-utenti prinċipali, madwar 80 %, ta’ dawn it-tip ta’ kuntratti.

13      Dwar l-imsemmija seba’ dispożizzjoni addizzjonali, il-qorti tar-rinviju tispjega li din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju tat-teħid inkunsiderazzjoni esklużiv tas-sigħat effettivament maħduma sabiex jiġu ddeterminati l-perijodi ta’ kontribuzzjoni rikjesti, u dan huwa attenwat grazzi għal żewġ regoli korrettivi li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema part-time.

14      B’hekk, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “jum teoretiku ta’ kontribuzzjoni” huwa ddefinit bħala li jikkorrispondi għal ħames sigħat kuljum ta’ xogħol effettiv jew għal 1 826 siegħa fis-sena. Il-kontribuzzjonijiet imħallsin huma meħuda inkunsiderazzjoni f’termini ta’ sigħat maħduma, billi l-ekwivalenza tagħhom tiġi kkalkolata f’jiem teoretiċi ta’ kontribuzzjoni.

15      It-tieni nett, sabiex ikun hemm dritt għall-benefiċċji tal-irtirar u ta’ diżabbiltà permanenti, tiġi applikata regola korrettiva speċifika, li hija koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 applikat għall-ġranet teoretiċi ta’ kontribuzzjoni. Dawn tal-aħħar huma b’hekk miżjuda, li jiffaċilita l-aċċess għall-protezzjoni.

16      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, sakemm is-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS tieħu inkunsiderazzjoni biss is-sigħat maħduma u mhux il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, jiġifieri l-jiem maħduma, hija timplika finalment applikazzjoni doppja - għalkemm ikkoreġuta – tal-prinċipju ta’ pro rata temporis. Fil-fatt, hija tirrikjedi żmien ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal għad-dritt ta’ pensjoni tal-irtirar li jkun ukoll proporzjonalment imnaqqas fil-livell tal-bażi tiegħu minħabba n-natura part-time tax-xogħol. Minn dan isegwi li l-ħaddiem part-time jirrikjedi, rigward kontribuzzjonijiet, perijodu ta’ kwalifika itwal inversament proporzjonali għat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tiegħu, sabiex jaċċedi għal pensjoni li l-ammont tagħha huwa diġà direttament u proporzjonalment imnaqqas minħabba n-natura part-time tax-xogħol.

17      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, fil-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS timplika li l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għal perijodu ta’ 18-il sena bir-rata ta’ 10 % tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum huwa ekwivalenti, fid-dawl tal-kalkolu tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni rikjest għall-aċċess għal pensjoni tal-irtirar, ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet matul perijodu inqas minn 3 snin. Konsegwentement, fil-każ ta’ kuntratt ta’ xogħol part-time ta’ erba’ sigħat fil-ġimgħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha taħdem 100 sena sabiex tissodisfa l-perijodu minimu ta’ kwalifika ta’ 15-il sena, li jippermettilha l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar ta’ EUR 112.93 fix-xahar.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social de Barcelona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” imsemmi fil-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fil-klawżola 4 tad-Direttiva 97/81 jinkludi pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv [kontributorja], bħal dik prevista mis-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola, li tirriżulta mill-kontribuzzjonijiet magħmula minn u favur il-ħaddiem matul il-ħajja tax-xogħol kollha tiegħu?

2)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda u tikkunsidra li pensjoni ta’ rtirar bħal dik tat-tip kontributtiv prevista mis-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola hija koperta mill-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” li huwa msemmi fil-klawżola 4 tad-Direttiva 97/81, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista minn din il-klawżola għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali li – bħala riżultat tal-applikazzjoni doppja tal-“principio pro rata temporis” – teżiġi li l-ħaddiema part-time, meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time, għandu jkollhom perijodu ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal sabiex jaċċedu, jekk ikun il-każ, għal pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv, li l-ammont tagħha jiġi mnaqqsa proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom ?

3)      Bħala domanda supplimentari għal dawk preċedenti, leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Spanjola (li tinsab fis-seba’ premessa addizzjonali tal-[LGSS]) dwar is-sistema ta’ kontribuzzjoni, ta’ aċċess u ta’ determinazzjoni tal-pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv għall-ħaddiema part-time tista’ tiġi kkunsidrata bħala wiħed mill-“aspetti u l-kondizzjonijiet […] ta’ rimunerazzjoni” li fir-rigward tagħhom tapplika l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 u fl-Artikolu 157 TFUE [...]?

4)      Bħala domanda sussidjarja għal dawk preċedenti, fil-każ fejn il-pensjoni ta’ rtirar Spanjola tat-tip kontributtiv la hija koperta mill-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” u lanqas mill-kunċett ta’ “rimunerazzjoni”, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali li – bħala riżultat tal-applikazzjoni doppja tal-“principio pro rata temporis” – teżiġi li l-ħaddiema part-time (fil-parti l-kbira tagħhom nisa), meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time, għandu jkollhom perijodu ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal sabiex jaċċedu, jekk ikun il-każ, għal pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv, li l-ammont tagħha jiġi mnaqqsa proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

19      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni preliminari dwar jekk pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, tal-Artikoli 157 TFUE u 4 tad-Direttiva 2006/54 u/jew tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “paga [remunerazzjoni]” fis-sens tal-Artikolu 157(2)TFUE il-pensjonijiet li jiffurmaw parti mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, bl-esklużjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn sistema legali li hija ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet min-naħa tal-ħaddiema, ta’ dawn li jimpjegaw u, eventwalment, tal-awtoritajiet pubbliċi b’tali mod li jkun iktar ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, Ġabra p. I‑5119, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, ma jistgħux jiġu inklużi taħt dan il-kunċett is-sistemi jew il-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, bħall-pensjonijiet tal-irtirtar, regolati direttament mil-liġi bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe element ta’ ftehim fi ħdan l-impriża jew it-taqsima professionali kkonċernata u applikabbli b’mod vinkolanti għal kategoriji ġenerali ta’ ħaddiema (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, Ġabra p. I‑9383, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Bl-istess mod, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas il-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali ta’ sigurtà soċjali, li jkunu iktar jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg (sentenza Bruno et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

22      Issa, pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, kif osserva l-Gvern Spanjol, hija l-iktar waħda ġenerali mill-pensjonijiet regolati mid-dritt Spanjol, tidher bħala pensjoni li tiddependi iktar fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn ħaddiema u min jimpjega, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, u li għaliha l-Artikolu 157 TFUE u l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għaldaqstant ma japplikawx.

23      Ċertament, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni tal-Istat, ta’ etika jew anki l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja li kellhom jew li seta’ kellhom rwol fit-tfassil ta’ sistema mil-leġiżlatur nazzjonali jistgħu jieħdu preċedenza biss jekk il-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jekk hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz moqdi u jekk l-ammont tagħha huwa kkalkulat abbażi tal-aħħar salarju (sentenza Bruno et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

24      Madankollu, fi kwalunkwe każ, l-ewwel waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tidhirx li ġiet sodisfatta peress li l-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma juri l-ebda indikazzjoni li pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun ta’ interess biss għal kategorija speċifika ta’ ħaddiema.

25      Konsegwentement, kif ġustament jirrileva l-INSS, il-Gvern Spanjol u Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, la l-Artikolu 157 TFUE, la, konsegwentement, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54, li huwa intiż li jimplemeta din l-ewwel dispożizzjoni, u lanqas il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li japplikaw għal pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26      Għall-kuntrarju, tali pensjoni tista’ taqa’ taħt id-Direttiva 79/7, peress li hija tagħmel parti minn sistema legali ta’ protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-anzjanità, u li hija direttament u effettivament marbuta mal-protezzjoni kontra dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner, C‑123/10, Ġabra p. I‑10003, punt 40).

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta biss għar-raba’ domanda.

 Fuq ir-raba’ domanda

28      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrikjedi li ħaddiema part-time, li ħafna minnhom huma nisa, meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time, perijodu ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal għal aċċess, jekk ikun il-każ, għal pensjoni tal-irtirar tat-tip kontributorja li l-ammont tagħha hija mnaqqsa proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, teżisti diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li hija fformulata b’mod newtrali, fil-fatt tqiegħed fi żvantaġġ numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Brachner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

30      Issa, minn naħa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u, b’mod partikolari, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżvantaġġja lill-ħaddiema part-time bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għal żmien twil wettqu xogħol part-time mnaqqas, hekk li, minħabba l-metodu użat sabiex jiġi kkalkulat il-perijodu ta’ kontribuzzjoni rikjest għal aċċess għal pensjoni tal-irtirar, din il-leġiżlazzjoni teskludi, fil-prattika, dawn il-ħaddiema minn kull possibbiltà li jiksbu tali pensjoni.

31      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju hija stess tikkonstata li huwa statistikament ippruvat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa proporzjon ħafna ikbar ta’ nisa milli rġiel, peress li, fi Spanja, mill-inqas 80 % tal-ħaddiema part-time huma nisa.

32      Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, sakemm din il-miżura ma tiġix iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Dan huwa l-każ jekk il-mezzi użati jissodisfaw għan leġittimu ta’ politika soċjali tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija inkwistjoni, huma adatti sabiex jilħqu l-għan imfittex minnhom u huma meħtieġa għal dan il-għan (ara f’dan is-sens, is-sentenza Brachner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

33      L-INSS u l-gvern Spanjol isostnu li l-obbligu li jkun kompletat numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni minn qabel sabiex ikun hemm dritt għal ċerti benefiċċji jikkostiwixxi l-espressjoni ta’ għan ġenerali ta’ politika soċjali segwita mil-leġiżlatur nazzjonali, peress li dan l-obbligu huwa essenzjali fil-kuntest ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali tat-tip kontributorja, inkluż li jiġi żgurat l-ekwilibriju finanzjarju ta’ din is-sistema.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħaddiema part-time kkonċernati ħallsu kontribuzzjonijiet intiżi, inter alia, sabiex jiffinanzjaw is-sistema tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, huwa paċifiku li, jekk huma rċevew pensjoni, l-ammont ta’ dan tal-aħħar ikun proporzjonalment imnaqqas skont il-ħin tax-xogħol u l-kontribuzzjonijiet imħallsa.

35      Issa, kif irrilevaw ġustament il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi konkluż li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esklużjoni ta’ ħaddiema part-time bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn kwalunkwe possibbiltà li jiksbu pensjoni tal-irtirar tikkostitwixxi miżura effettivament neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tas-salvagwardja tas-sistema ta’ sigurta’ soċjali tat-tip kontributorja, li għaliha jirreferu l-INSS u l-Gvern Spanjol, u li ebda miżura oħra inqas restrittiva għal dawn il-ħaddiema ma’ tista’ tikseb dan l-istess għan.

36      Din l-interpretazzjoni ma hijiex affettwata mill-argument tal-INSS u tal-Gvern Spanjol li ż-żewġ miżuri korrettivi msemmija fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-pensjoni tal-irtirar għall-ħaddiem part-time. Fil-fatt, ma jidhirx li dawn il-miżuri korrettivi kellhom xi effett pożittiv fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema part-time bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

37      F’dak li jirrigwarda r-riferiment li sar mill-Gvern Spanjol għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho (C‑537/07, Ġabra p. I‑6525), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, din is-sentenza, kif jirriżulta mill-punt 60 tagħha, tikkonċerna, rigward id-Direttiva 79/7, essenzjalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tagħha, li biha l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar il-kisba ta’ drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali taħt sistemi legali wara perijodi ta’ waqfien mill-impjieg minħabba l-edukazzjoni tat-tfal. Issa, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

38      Konsegwentement, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrikjedi minn ħaddiema part-time, li ħafna minnhom huma nisa, meta mqabbla mal-ħaddiema full-time, perijodu ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal għall-aċċess, jekk ikun il-każ, għal pensjoni tal-irtirar tat-tip kontributorja li l-ammont tagħha huwa mnaqqas proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrikjedi minn ħaddiema part-time, li ħafna minnhom huma nisa, meta mqabbla mal-ħaddiema full-time, perijodu ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal għal aċċess, jekk ikun il-każ, għal pensjoni tal-irtirar tat-tip kontributorja li l-ammont tagħha huwa mnaqqas proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.