Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Marzu - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-123/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida u I. G. Metaxas­Maragkidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara, skont l-Artikoli 230 KE u 231 KE, li parti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Novembru 2008 fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat C26/2008 (Self ta' EUR 300 miljun lil Alitalia S.p.A) hija nulla sa fejn hija ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mingħand is-suċċessuri ta' Alitalia u tagħti lill-Italja perijodu addizzjonali sabiex timplementa d-deċiżjoni tagħha;

tiddikjara, skont l-Artikoli 230 KE u 231 KE, li d-deċiżjoni tat-12 ta' Novembru 2008 fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat N510/2008 (Bejgħ tal-assi ta' Alitalia S.p.A) hija fl-intier tagħha nulla;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mir-rikorrenti;

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li tkun xierqa

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità ta' żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008, fil-Każijiet dwar l-għajnuna mill-Istat C26/2008 (ex NN 31/08) ta' self ta' EUR 300 miljuni lil Alitalia li ġie nnotifikat b'dokument Nru C(2008) 67431 u N510/2008 Nru C(2008) 6745 finali, dwar il-proċedura għall-bejgħ tal-assi ta' Alitalia sa fejn hija qieset li, sa kemm l-awtoritajiet Taljani josservaw ċerti impenji, l-imsemmija proċedura ma tirriżultax li hija għoti ta' għajnuna mill-Istat.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti ssostni l-motivi segwenti:

Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li hija parzjalment nulla għaliex ma tordnax l-irkupru mingħand is-suċċessuri ta' Alitalia u toffri lill-Italja perijodu addizzjonali sabiex tirkupra s-self

Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li billi l-proċedura ta' investigazzjoni formali ma tteħditx minkejja diffikultajiet serji, il-Kummissjoni ħarġet deċiżjoni inkompleta u insuffiċjenti u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti previsti fl-Artikolu 88(2) KE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li, wara sempliċi analiżi preliminari, tadotta deċiżjoni kundizzjonali ta' nuqqas ta' għajnuna. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-karatterstiċi rilevanti kollha tal-miżuri u l-kuntest tagħhom. B'mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli teżamina jekk il-proċedura Taljana ta' amministrazzjoni straordinarja hijiex fiha nifisha għoti ta' għajnuna u jekk il-Gvern Taljan immanipulax il-liġi sabiex jiffavorixxi l-pjan ta' Compagnia Aerea Italiana.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ma kkunsidratx alternattivi possibbli għall-bejgħ tal-assi ta' Alitalia, bħal stralċ mill-qorti jew negozji tal-azzjonijiet. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tapplika l-prinċipju tal-investitur f'suq ekonomiku għall-bejgħ tal-assi ta' Alitalia, b'mod partikolari, billi ma evalwatx x'effett kellha fuq il-prezz il-kundizzjoni espressa ta' kontinwità tas-servizz u l-kundizzjoni impliċita li x-xerrej tan-negozju tat-trasport tal-passiġġieri ta' Alitalia kellu jkun ta' oriġini Taljana, billi ma sabitx illi l-proċedura tal-bejgħ tal-assi ta' Alitalia kien b'mod ċar inadegwat, u billi naqset milli tevalwa l-prezz veru offrut minn CAI u ma ddefinixxitx il-kriterju sabiex jiġi ddeterminat il-prezz fis-suq tal-assi ta' Alitalia.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball dwar minn għandu jħallas lura s-self, li, f'dan il-każ, minħabba il-kontinwità bejn Alitalia u Compagnia Aerea Italiana, għandha tkun CAI. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni.

____________

1 - GU 2009 L 52, p.3